Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/0143(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0170/2010

Testi mressqa :

A7-0170/2010

Dibattiti :

PV 06/07/2010 - 11
CRE 06/07/2010 - 11

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2010 - 8.9
CRE 07/07/2010 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 22/09/2010 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0273
P7_TA(2010)0334

Testi adottati
PDF 909kWORD 562k
L-Erbgħa, 7 ta' Lulju 2010 - Strasburgu
Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol ***I
P7_TA(2010)0273A7-0170/2010
Test
 Test konsolidat

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol (COM(2009)0502 – C7-0168/2009 – 2009/0143(COD))
EMENDI TAL-PARLAMENT(2)
għall-proposta tal-Kummissjoni

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Din il-proposta giet emendata fis-7 ta' Lulju 2010 kif ġej(1):

(1)1 Il-każ kien riferut lura lill-kumitat skont it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 57(2) (A7-0170/2010).
(2)* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.


REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Assigurazzjoni u Pensjonijiet tax-Xogħol)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(3),

Filwaqt li jaġixxu b'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja(4),

Billi:

(1)  Il-kriżi finanzjarja fl-2007/2008 kixfet nuqqasijiet importanti fis-superviżjoni finanzjarja, kemm f'każijiet partikolari kif ukoll b'rabta mas-sistema finanzjarja kollha kemm hi. Il-mudelli superviżorji bbażati nazzjonalment waqgħu lura mqabbla mal-globalizzazzjoni finanzjarja u mar-realtà integrata u interkonnessa tas-swieq finanzjarji Ewropej, li fihom bosta kumpaniji finanzjarji joperaw lil hinn mill-fruntieri. Il-kriżi kixfet nuqqasijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni, l-applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-Unjoni u l-fiduċja bejn is-superviżuri nazzjonali.

(1a)  Minn ħafna qabel il-kriżi finanzjarja, il-Parlament Ewropew kien diġà qed jitlob b'mod regolari t-tisħiħ ta' sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet ikunu verament indaqs għall-atturi kollha fil-livell tal-Unjoni filwaqt li rrimarka dwar nuqqasijiet sinifikanti fis-superviżjoni tal-Unjoni ta' swieq finanzjarji dejjem iżjed integrati (fir-Riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' April 2000 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas għas-swieq finanzjarji: Pjan ta' Azzjoni(5), tal-21 ta' Novembru 2002 dwar ir-regoli tas-sorveljanza prudenzjali fl-Unjoni Ewropea(6), tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-politika tas-servizzi finanzjarji (2005-2010) – White Paper(7), tat-23 ta' Settembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-hedge funds u l-ekwità privata(8), tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar is-segwitu tal-proċess Lamfalussy: l-istruttura futura ta' sorveljanza(9), tat-22 ta' April 2009 dwar il-proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-insegwiment tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvenza II)(10) u tat-23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu(11)).

(2)  Rapport mitlub mill-Kummissjoni u ppubblikat fil-25 ta' Frar 2009 minn grupp ta' esperti ta' livell għoli ppresedut minn J. de Larosière (ir-Rapport de Larosière) ikkonkluda li l-qafas superviżorju kien jeħtieġlu li jissaħħaħ sabiex jitnaqqas ir-riskju u l-gravità ta' kriżijiet finanzjarji futuri. Huwa rrakkomanda riformi fl-istruttura tas-superviżjoni tas-settur finanzjarju fl-Unjoni. Dak il-grupp ta' esperti kkonkluda wkoll li għandha tinħoloq Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji, li tinkludi tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, waħda għas-settur tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol, waħda għas-settur bankarju, u waħda għas-settur tat-titoli u l-ħolqien ta' Kunsill Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku. Ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport irrappreżentaw l-aktar livell baxx ta' bidla li l-esperti kkwalifikaw bħala meħtieġ biex jiġi evitat li jerġa' jkun hemm kriżi bħal din fil-ġejjieni.

(3)  Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta' Marzu 2009 bit-titlu “Nixprunaw l-Irkupru Ewropew”, il-Kummissjoni pproponiet li tressaq abbozz ta' leġiżlazzjoni li toħloq Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji u Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), u fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta' Mejju 2009 bit-titlu “Superviżjoni Finanzjarja Ewropea” ▌ hija pprovdiet iżjed dettalji dwar l-arkitettura possibbli ta' tali qafas superviżorju ġdid iżda ma inkludietx ir-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula fir-Rapport de Larosière.

(4)  Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2009, irrakkomanda li titwaqqaf Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji, li tkun tinkludi tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda. Il-mira tas-sistema għandha tkun li ttejjeb il-kwalità u l-konsistenza tas-superviżjoni nazzjonali, issaħħaħ is-superviżjoni ta' gruppi transkonfinali u tistabbilixxi ġabra Ewropea unika tar-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fis-Suq Uniku. Huwa enfasizza li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandu jkollhom ukoll setgħat superviżorji għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u talab lill-Kummissjoni sabiex tħejji proposti konkreti dwar kif is-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji jista' jkollha rwol b'saħħtu f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, filwaqt li saħaq li d-deċiżjonijiet meħudin mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ma għandhomx jaffettwaw ir-responsabbiltajiet fiskali tal-Istati Membri.

(4a)  Ir-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) tas-16 ta' April 2010 intitolat “Kontribut Ġust u Sustanzjali mis-Settur Finanzjarju”, li tfassal biex tiġi ssodisfata t-talba tas-Samit tal-G-20 ta' Pittsburgh, stipula li “l-ispiża fiskali diretta tal-fallimenti tas-settur finanzjarju għandha tkun limitata u koperta minn Kontribuzzjoni Finanzjarja għall-Istabbiltà (FSC) b'rabta ma' mekkaniżmu ta' soluzzjoni kredibbli u effettiv. Jekk jiġu definiti kif xieraq, il-mekkaniżmi ta' soluzzjoni jevitaw li fil-ġejjieni l-gvernijiet ikollhom iħallsu biex isalvaw mill-falliment istituzzjonijiet li jkunu wisq importanti, kbar jew interkonnessi biex ifallu”.

(4b)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020”, iddikjarat ukoll li tiġi stabbilita prijorità kruċjali fuq medda qasira ta' żmien biex “tippermettilna nimpedixxu, u jekk ikun meħtieġ nikkontrollaw, kriżijiet finanzjarji li jistgħu jseħħu, u li – b'kunsiderazzjoni tar-responsabbiltà speċifika tas-settur finanzjarju fil-kriżi ta' bħalissa – tesplora l-possibbiltà ta' kontribuzzjonijiet xierqa mis-settur finanzjarju”.

(4c)  Il-Kunsill Ewropew stqarr biċ-ċar fil-25 ta' Marzu 2010 li “il-progress huwa meħtieġ b'mod partikolari fi kwistjonijiet bħal strumenti ta' finanzjament għal istituzzjonijiet sistemiċi għall-immaniġġjar tal-kriżijiet”.

(4d)  Il-Kunsill Ewropew fl-aħħar nett esprima fis-17 ta' Ġunju 2010 li “l-Istati Membri għandhom jintroduċu sistemi ta' taxxi fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jiġi żgurat il-qsim ġust tal-piżijiet u biex jiġu stabbiliti inċentivi li jillimitaw ir-riskju sistemiku. Dawn it-taxxi għandhom ikunu parti mill-qafas għal soluzzjoni kredibbli”.

(5)  Il-kriżi finanzjarja u ekonomika ħolqot riskji reali u serji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u għall-funzjonament tas-suq intern. Ir-restawr u ż-żamma ta' sistema finanzjarja stabbli u affidabbli huma prerekwiżit assolut sabiex tinżamm il-fiduċja u l-koerenza fis-suq intern, u għalhekk biex jiġu ppreservati u jittejbu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta' suq intern kompletament integrat u funzjonali fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, swieq finanzjarji integrati aktar u fil-fond joffru opportunitajiet aħjar għall-iffinanzjar u għad-diversifikazzjoni tar-riskji, u għalhekk jgħinu biex titjieb il-kapaċità tal-ekonomiji biex jassorbu x-xokkijiet.

(6)  L-Unjoni laħqet il-limiti ta' x'jista' jsir permezz tal-istat attwali tal-Kumitati tas-Superviżuri Ewropej ▌. L-Unjoni ma tistax tibqa' f'sitwazzjoni fejn ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu li jiżgura li s-superviżuri nazzjonali jaslu għall-aqwa deċiżjoni superviżorja possibbli dwar istituzzjonijiet transkonfinali; fejn hemm kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni insuffiċjenti fost l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali; fejn azzjoni konġunta mill-awtoritajiet nazzjonali teħtieġ arranġamenti kkumplikati biex titqies il-frammentazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji u superviżorji; fejn ikun hemm interpretazzjonijiet diverġenti għall-istess test legali f'każijiet fejn soluzzjonijiet nazzjonali spiss ikunu l-unika alternattiva fattibbli b'reazzjoni għal problemi Ewropej. Is-Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja (SESF) għandha titfassal biex tegħleb dawn in-nuqqasijiet u tipprovdi sistema li tkun taqbel mal-għan ta' suq finanzjarju wieħed u stabbli tal-Unjoni għas-servizzi finanzjarji, li tgħaqqad is-superviżuri nazzjonali f'netwerk tal-Unjoni b'saħħtu.

(7)  Is-SESF għandha tkun netwerk integrat ta' awtoritajiet superviżuri nazzjonali u tal-Unjoni, li tħalli s-superviżjoni ta' kuljum tal-istituzzjonijiet finanzjarji għal-livell nazzjonali. L-Awtorità għandu jkollha rwol ewlieni fil-kulleġġi ta' superviżuri li jissorveljaw istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali, u għalihom għandhom jiġu definiti normi superviżorji ċari. L-Awtorità għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-istituzzjonijiet finanzjarji li jistgħu jippreżentaw riskju sistemiku billi l-falliment tagħhom jista' jipperikola l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, fejn awtorità nazzjonali tkun naqset milli teżerċita s-setgħat tagħha. Għandu jkun hemm ukoll armonizzazzjoni akbar u l-applikazzjoni koerenti tar-regoli għall-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji fl-Unjoni kollha. Apparti l-Awtorità, għandhom jitwaqqfu Awtorità Superviżorja Ewropea (Servizzi Bankarji) u Awtorità Superviżorja Ewropea (Titoli u Swieq), kif ukoll Awtorità Superviżorja Ewropea (il-“Kumitat Konġunt”). Il-BERS għandu jkun parti mis-SESF.

(8)  L-Awtorità Superviżorja Ewropea għandha tissostitwixxi l-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej li kien stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(12), il-Kumitat tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej li kien stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE(13) u l-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej li kien stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(14), u tassumi l-kompiti u l-kompetenzi kollha ta' dawk il-kumitati fosthom, fejn ikun xieraq, it-tkomplija tal-ħidma u l-proġetti li għaddejjin bħalissa. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-attività ta' kull Awtorità għandu jiġi ddefinit b'mod ċar. Meta raġunijiet istituzzjonali u r-responsabbiltajiet assenjati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jeħtieġu dan, il-Kummissjoni għandha tifforma wkoll parti min-netwerk ta' attivitajiet superviżorji.

(9)  L-Awtorità ▌għandha taġixxi bil-għan li jittejjeb l-operat tas-suq intern, ▌b'mod partikolari billi jkun żgurat livell għoli, effikaċi u konsistenti ta' regolazzjoni u superviżjoni filwaqt li jitqiesu l-interessi varji tal-Istati Membri kollha u n-natura differenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji. L-Awtorità għandha tipproteġi valuri pubbliċi bħall-istabbiltàtas-sistema finanzjarja, it-trasparenza tas-swieq u tal-prodotti finanzjarji u l-ħarsien tad-depożitaturi u tal-investituri. L-Awtorità għandha wkoll tipprevjeni l-arbitraġġ regolatorju u tiggarantixxi l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd, u ssaħħaħ il-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali, għall-benefiċċju tal-ekonomija b'mod ġenerali, inklużi l-istituzzjonijiet finanzjarji u partijiet interessati oħrajn, il-konsumaturi u l-impjegati. Il-kompiti tagħha għandhom jinkludu wkoll il-promozzjoni tal-konverġenza superviżorja u l-għoti ta' konsulenza lill-istituzzjonijiet tal-UE fl-oqsma tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni, il-provvediment għall-irtirar mix-xogħol u l-medjazzjoni tal-assigurazzjoni u kwistjonijiet relatati ta' governanza korporattiva, ta' verifika u ta' rappurtar finanzjarju. L-Awtorità għandha wkoll tkun fdata bir-responsabbiltà tas-sorveljanza ġenerali tal-prodotti finanzjarji/ta' tipi ta' tranżazzjonijiet eżistenti u ġodda.

(9a)  L-Awtorità għandha tqis l-impatt tal-attivitajiet tagħha fuq il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fis-suq intern, il-kompetittività globali tal-Unjoni, l-inklużjoni finanzjarja, u l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni għall-impjiegi u t-tkabbir.

(9b)  Sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha, l-Awtorità għandu jkollha personalità legali kif ukoll awtonomija amministrattiva u finanzjarja. L-Awtorità għandha tkun mogħtija “setgħat biex tindirizza l-konformità mal-liġijiet, b'mod partikolari dawk relatati mar-riskju sistemiku u r-riskji transkonfinali”.

(9c)  Ir-riskju sistemiku huwa definit mill-awtoritajiet internazzjonali (il-FMI, il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB) u l-Bank għas-Saldi Internazzjonali (BIS)) bħala “riskju ta' tfixkil għas-servizzi finanzjarji li jkun (i) ikkawżat minn dgħajfien tas-sistema finanzjarja kollha jew ta' parti minnha u (ii) li jkollu l-potenzjal li jkollu konsegwenzi negattivi serji għall-ekonomija reali. It-tipi kollha ta' intermedjarji, swieq u infrastrutturi finanzjarji jistgħu jkunu potenzjalment importanti b'mod sistematiku sa ċertu grad”.

(9d)  Ir-riskju transkonfinali, skont dawn l-istituzzjonijiet, jinkludi r-riskji kollha kkawżati minn żbilanċi ekonomiċi jew fallimenti finanzjarji fl-Unjoni kollha kemm hi jew f'partijiet minnha li jkollhom il-potenzjal li jkollhom konsegwenzi negattivi sinifikanti għat-tranżazzjonijiet bejn l-operaturi ta' żewġ Stati Membri jew aktar, għall-funzjonament tas-suq intern jew għall-finanzi pubbliċi tal-Unjoni jew kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha.

(10)  Fis-sentenza tagħha tat-2 ta' Mejju 2006 fil-Kawża C-217/04 (Renju Unit/Parlament Ewropew u l-Kunsill), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qalet illi: 'xejn fil-kliem tal-Artikolu 95 TKE [issa l-Artikolu 114 TFUE] ma jippermetti li jiġi konkluż li l-miżuri adottati mil-leġiżlatur Komunitarju fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni għandhom ikunu limitati, fir-rigward tad-destinatarji tagħhom, għall-Istati Membri biss. Fil-fatt, jista' jkun neċessarju li jiġi pprovdut, skont evalwazzjoni magħmula mill-imsemmi leġiżlatur, it-twaqqif ta' korp Komunitarju li huwa responsabbli li jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta' proċess ta' armonizzazzjoni f'ċirkustanzi fejn, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-atti bbażati fuq l-imsemmija dispożizzjoni, tidher xierqa l-adozzjoni ta' miżuri ta' akkumpanjament u ta' qafas li ma jorbtux“. L-għan u l-kompiti tal-Awtorità - li tassisti lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-Unjoni u tikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja meħtieġa għall-integrazzjoni finanzjarja - huma marbutin mill-qrib mal-miri tal-acquis tal-Unjoni rigward is-suq intern għas-servizzi finanzjarji. Għalhekk, l-Awtorità għandha titwaqqaf fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE.

(11)  L-atti legali li jistabbilixxu l-kompiti għall-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri, fosthom li jikkooperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni, huma dawn(15): Id-Direttiva 64/225/KEE tal-25 ta' Frar 1964 dwar it-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi fir-rigward tar-riassigurazzjoni u tar-retroċessjoni(16), l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE tal-24 ta' Lulju 1973 dwar il-koordinament ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja(17), id-Direttiva tal-Kunsill 73/240/KEE tal-24 ta' Lulju 1973 li tabolixxi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment fin-negozju ta' assigurazzjoni diretta apparti minn assigurazzjoni tal-ħajja(18), id-Direttiva tal-Kunsill 76/580/KEE tad-29 ta' Ġunju 1976 li temenda d-Direttiva 73/239/KEE dwar il-koordinament ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta' assigurazzjoni diretta ta' xort' oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja(19), id-Direttiva tal-Kunsill 78/473/KEE tat-30 ta' Mejju 1978 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' koassigurazzjoni Komunitarja(20), id-Direttiva tal-Kunsill 84/641/KEE tal-10 ta' Diċembru 1984 li temenda, b'mod partikolari fir-rigward ta' assistenza turistika, l-Ewwel Direttiva 73/239/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-bidu u l-eżerċizzju tal-kummerċ ta' assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja(21), id-Direttiva tal-Kunsill 87/344/KEE tat-22 ta' Ġunju 1987 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali(22), it-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE tat-22 ta' Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni diretta ta' xort' oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE(23), id-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja)(24), id-Direttiva 98/78/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 1998 dwar is-superviżjoni supplimentari ta' intrapriżi tal-assigurazzjoni fi grupp ta' assugurazzjoni(25), id-Direttiva 2001/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' impriżi tal-assigurazzjoni(26), id-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja(27), id-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni(28), u d-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali(29).

(12)  Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea eżistenti li tirregola l-qasam kopert minn dan ir-Regolament tinkludi wkoll id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu dwar impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju(30), ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi(31), id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi(32), u partijiet rilevanti tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu(33), ▌id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji ta' konsumaturi(34)u d-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern(35).

(12a)  Hu mixtieq li l-Awtorità tippromwovi approċċ konsistenti fil-qasam tal-iskemi tal-garanziji tad-depożiti biex tiżgura ambjent ekwu u t-trattament ġust tad-depożitaturi fl-Unjoni kollha. Billi l-iskemi ta' garanzija ta' depożitu huma suġġetti għal superviżjoni fl-Istati Membri tagħhom aktar milli għal superviżjoni regolatorja, huwa xieraq li l-Awtorità tkun tista' teżerċita s-setgħat tagħha skont dan ir-Regolament fir-rigward tal-iskema ta' garanzija ta' depożitu nnifisha u l-operatur tagħha. Ir-rwol tal-Awtorità se jiġi rivedut ladarba titwaqqaf l-Iskema Ewropea ta' Garanzija ta' Depożitu.

(13)  Hemm bżonn li jiddaħħal strument effikaċi sabiex jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji armonizzati fis-servizzi finanzjarji biex jiġu żgurati, anki permezz ta' ktieb tar-regoli waħdieni, ambjent ekwu u protezzjoni adegwata għat-titolari tal-poloz, benefiċjarji oħra u l-konsumaturi fl-Unjoni kollha. Bħala entità b'kompetenza esperta speċjalizzata ħafna, ikun effiċjenti u xieraq li, f'oqsma ddefiniti mil-liġi tal-Unjoni, l-Awtorità tiġi fdata sabiex telabora abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li ma jinvolvux għażliet politiċi. Il-Kummissjoni għandha tapprova dawk l-istandards tekniċi regolatorji u implimentattivi skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tagħtihom effett legali vinkolanti.

(14)  L-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji għandhom ikunu suġġetti għall-emendar biss f'ċirkostanzi ristretti ħafna u straordinarji, sakemm l-Awtorità tkun dik f'kuntatt mill-qrib mas-swieq finanzjarji u tirrikonoxxi l-ħidma ta' kuljum tagħhom. Dawn ikunu suġġetti għall-emendar fejn, pereżempju, l-abbozz tal-istandards tekniċi ma jkunx kompatibbli mal-Liġi tal-Unjoni, ma jħarisx il-prinċipju tal-proporzjonalità jew ikun imur kontra l-prinċipju fundamentali tas-suq intern tas-servizzi finanzjarji kif rifless fl-acquis tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji. Il-Kummissjoni ma għandhiex tbiddel il-kontenut tal-istandards tekniċi mħejjija mill-Awtorità mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Awtorità. Sabiex jiġi żgurat proċess ta' adozzjoni bla intoppi u bil-ħeffa għal dawk l-istandards, il-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal limitu ta' żmien għad-deċiżjoni tagħha dwar l-approvazzjoni.

(14a)  Il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata s-setgħa li timplimenta atti tal-Unjoni li jkunu legalment vinkolanti kif hemm iddikjarat fl-Artikolu 291 TFUE. L-istandards tekniċi regolatorji u implimentattivi għandhom iqisu l-prinċipju ta' proporzjonalità, jiġifieri r-rekwiżiti stabbiliti f'dawn l-istandards għandhom ikunu proporzjonati man-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata.

(15)  F'oqsma mhux koperti minn standards tekniċi regolatorji, l-Awtorità għandu jkollha s-setgħa li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u tissaħħaħ l-osservanza ta' dawk il-linji gwida u rakkomandazzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu obbligati li jippubblikaw ir-raġunijiet tagħhom meta ma jikkonformawx ma' dawk il-linji gwida u rakkomandazzjonijiet sabiex tiġi żgurata trasparenza sħiħa fir-rigward tal-parteċipanti fis-swieq.

(16)  Li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa u korretta tal-liġi tal-Unjoni huwa prerekwiżit fundamentali għall-integrità, it-trasparenza, l-effiċjenza u l-operat xieraq tas-swieq finanzjarji, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, u għall-kundizzjonijiet newtrali ta' kompetizzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni. Għalhekk għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li bih l-Awtorità tindirizza każijiet ta' nuqqas ta' applikazzjoni jew applikazzjoni ħażina ▌, li jikkostitwixxu ksur tal-liġi tal-Unjoni. Dan il-mekkaniżmu għandu japplika f'oqsma fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddefinixxi obbligi ċari u inkondizzjonati.

(17)  Biex ikun hemm rispons proporzjonat għal każijiet ta' applikazzjoni ħażina jew insuffiċjenti tal-liġi tal-Unjoni, għandu japplika mekkaniżmu fi tliet passi. Fl-ewwel livell, l-Awtorità għandha tingħata s-setgħa li tinvestiga l-allegata applikazzjoni ħażina jew insuffiċjenti tal-obbligi legali tal-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali fil-prattika superviżorja tagħhom, konkluża b'rakkomandazzjoni. Fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti ma ssegwix ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li toħroġ opinjoni formali filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità, li titlob li l-awtorità kompetenti tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tiżgura l-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(18)  Fejn l-awtorità nazzjonali ma tikkonformax mar-rakkomandazzjonijiet fi żmien skadenza stabbilita mill-Awtorità, l-Awtorità għandha tindirizza Deċiżjoni bla dewmien lill-awtorità superviżorja nazzjonali konċernata sabiex tiżgura l-konformità mal-liġi tal-Unjoni, billi toħloq effetti legali diretti li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali u infurzati skont l-Artikolu 258 TFUE.

(19)  Sabiex jingħelbu sitwazzjonijiet eċċezzjonali ta' nuqqas ta' azzjoni persistenti mill-awtorità kompetenti konċernata, l-Awtorità għandha tingħata s-setgħa, bħala l-aħħar alternattiva, li tadotta deċiżjonijiet indirizzati lejn istituzzjonijiet finanzjarji individwali. Din is-setgħa għandha tkun limitata għal ċirkostanzi eċċezzjonali fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-opinjoni formali indirizzata lilha u li fihom il-liġi tal-Unjoni tkun tapplika direttament għall-istituzzjonijiet finanzjarji permezz ta' Regolamenti tal-UE eżistenti jew futuri. F'dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistennew bil-ħerqa l-implimentazzjoni tal-programm tal-Kummissjoni għall-2010, b'mod partikolari rigward il-proposta dwar ir-riforma tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali.

(20)  Theddidiet serji għall-operat xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni Ewropea jeħtieġu rispons malajr u komuni fil-livell tal-Unjoni. L-Awtorità għalhekk għandha tkun tista' titlob lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali biex jieħdu azzjonijiet speċifiċi sabiex jirrimedjaw sitwazzjoni ta' emerġenza. Filwaqt li tinżamm preżenti s-sensittività tal-kwistjoni, is-setgħa li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' emerġenza għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni b'inizjattiva tagħha jew wara talba tal-Kunsill, il-BERS, il-Parlament Ewropew jew l-Awtorità. Meta l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-BERS jew l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jikkunsidraw li x'aktarx tinħoloq l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' emerġenza, huma għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni. F'dan il-proċess, hu ta' importanza kbira li tingħata l-attenzjoni xierqa għall-kunfidenzjalità. Jekk il-Kummissjoni tiddetermina l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' emerġenza, hija għandha debitament tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(21)  Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effiċjenti u effikaċi u konsiderazzjoni bilanċjata tal-pożizzjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fi Stati Membri differenti, l-Awtorità għandha tkun kapaċi ssolvi nuqqasijiet ta' qbil bejn dawn l-awtoritajiet b'effett vinkolanti, inkluż fi ħdan il-kulleġġi tas-superviżuri. Għandha tiġi pprovduta fażi ta' konċiljazzjoni, li matulha l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jilħqu ftehim. Meta ma jintlaħaqx ftehim bħal dan, l-Awtorità għandha titlob l-awtoritajiet kompetenti konċernati jieħdu azzjoni speċifika jew iżommu milli jieħdu azzjoni biex jinstab tarf tal-kwistjoni u tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, b'effetti vinkolanti għall-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. F'każ ta' nuqqas ta' azzjoni mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali konċernati, l-Awtorità għandu jkollha s-setgħa li tadotta, bħala l-aħħar alternattiva, deċiżjonijiet indirizzati direttament lill-istituzzjonijiet finanzjarji f'oqsma tal-liġi tal-Unjoni li japplikaw direttament għalihom.

(21a)  Il-kriżi wriet li l-kooperazzjoni sempliċi bejn l-awtoritajiet nazzjonali li l-ġurisdizzjoni tagħhom tintemm mal-fruntiera nazzjonali hija evidentement insuffiċjenti għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw b'mod transkonfinali.

(21b)  Barra minn hekk, “l-arranġamenti attwali, li jgħaqqdu flimkien id-drittijiet għal intrapriżi li jiftħu fergħa fi Stat Membru ieħor (branch passporting), is-superviżjoni tal-pajjiż tal-oriġini u l-assigurazzjoni tad-depożiti purament nazzjonali mhumiex bażi solida għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni fil-futur tal-banek transkonfinali għall-konsumaturi individwali” (Turner Review).

(21c)  Kif ikkonkludiet it-Turner Review, “arranġamenti aktar solidi jirrikjedu jew setgħat nazzjonali msaħħa, li jimplikaw suq waħdieni anqas miftuħ, jew grad akbar ta' integrazzjoni Ewropea”.

(21d)  Is-soluzzjoni “nazzjonali” timplika li l-pajjiż ospitanti jingħata d-dritt jobbliga lill-istituzzjonijiet barranin joperaw biss permezz ta' sussidjarji u mhux permezz ta' fergħat u jissorvelja l-kapital u l-likwidità tal-banek li joperaw fil-pajjiż, li jammonta għal aktar protezzjoniżmu.

(21e)  Is-soluzzjoni “Ewropea” titlob għat-tisħiħ tal-Awtorità fil-Kulleġġ ta' Superviżuri u għat-tisħiħ fis-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji li huma ta' riskju sistemiku.

(22)  Il-kulleġġi tas-superviżuri għandhom rwol importanti fis-superviżjoni effiċjenti, effikaċi u konsistenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw bejn il-fruntieri. L-Awtorità għandu jkollha rwol ta' tmexxija u drittijiet sħaħ ta' parteċipazzjoni fil-kulleġġi tas-superviżuri bil-għan li ttejjeb l-operat u l-proċess ta' skambju tal-informazzjoni fil-kulleġġi u biex tippromwovi l-konverġenza u l-konsistenza bejn il-kulleġġi fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Kif jgħid ir-Rapport de Larosière “it-tagħwiġ fil-kompetizzjoni u l-arbitraġġ regolatorju li jirriżultaw minn prattiki superviżorji differenti jridu jiġu evitati, peress li għandhom il-potenzjal li jdgħajfu l-istabbiltà finanzjarja – inter alia billi jħeġġu t-tibdil tal-attività finanzjarja lejn pajjiżi b'superviżjoni laxka. Is-sistema superviżorja trid titqies li hi ġusta u bbilanċjata”.

(22a)  L-Awtorità u s-superviżuri nazzjonali għandhom isaħħu s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jissodisfaw il-kriterji tar-riskju sistemiku peress li l-falliment tagħhom jista' jipperikola l-istabbiltà tas-Sistema Finanzjarja tal-Unjoni u jagħmel ħsara lill-ekonomija reali.

(22b)  Ir-riskju sistemiku għandu jiġi identifikat billi jitqiesu l-istandards internazzjonali, b'mod partikolari dawk stabbiliti mill-Bord għall-istabbiltàFinanzjarja, mill-Fond Monetarju Internazzjonali, mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni u mill-G20. L-interkonnessibbiltà, is-sostitwibbiltà u ż-żmien huma l-kriterji li jintużaw l-aktar għall-identifikazzjoni ta' riskju sistemiku.

(22c)  Għandu jiġi stabbilit qafas biex jieħu ħsieb l-istituzzjonijiet li jinsabu f'diffikultà sabiex jistabilizzaw ruħhom jew jagħlqu billi “intwera b'mod ċar li l-prezz fi kriżi bankarja huwa għoli għall-gvern u s-soċjetà inġenerali peress li sitwazzjoni bħal din għandha l-potenzjal li tipperikola l-istabbiltà finanzjarja u l-ekonomija reali”(Rapport de Larosière). Il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti xierqa biex jitwaqqaf qafas ġdid għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji. L-elementi ewlenin tal-ġestjoni tal-kriżijiet huma sett komuni ta' regoli u ta' mezzi għal soluzzjonijiet finanzjarji (eżekuzzjoni u finanzjament biex tingħeleb il-kriżi ta' istituzzjonijiet kbar, transkonfinali u/jew interkonnessi).

(22d)  Biex tiġi żgurata l-koresponsabbiltà tal-istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali, biex jitħarsu l-interessi tat-titolari tal-poloz Ewropej u l-interessi tal-benefiċjarji u biex titnaqqas l-ispiża ta' kriżi finanzjarja sistemika lil dawk li jħallsu t-taxxi, għandu jiġi stabbilit Fond Ewropew għall-Protezzjoni Finanzjarja (Fond). L-Iskema Ewropea ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni (Fond) għandha tiġi stabbilita biex tiffinanzja l-interventi ordnati ta' għeluq jew ta' riabilitazzjoni f'istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali batuti, li l-impatt tagħhom ikun ta' theddida għall-istabbiltà finanzjarja tas-Suq Finanzjarju Uniku Ewropew, u sabiex jiġu internalizzati l-ispejjeż ta' dawn l-interventi, meta l-kontribuzzjoni tagħhom lill-Iskemi nazzjonali ta' Garanzija ta' Assigurazzjoni ma jkunux biżżejjed. Il-Fond għandu jiġi ffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet minn dawn l-istituzzjonijiet, permezz ta' dejn maħruġ mill-Fond jew, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, permezz ta' kontribuzzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri milquta skont il-kriterji miftiehma qabel (Memorandum ta' Għarfien rivedut). Il-kontribuzzjonijiet għall-Fond għandhom jieħdu post dawk magħmula lill-Iskemi nazzjonali ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni.

(22e)  Għandu jiġi stabbilit Fond ta' Stabbiltà Ewropew għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol biex jiffinanzja l-interventi ordnati ta' għeluq jew ta' salvataġġ ta' istituzzjonijiet finanzjarji li jiffaċċjaw diffikultajiet, meta dawn jistgħu jkunu ta' theddida għall-istabbiltàfinanzjarja tas-Suq Finanzjarju Uniku Ewropew. Il-Fond għandu jkun iffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet xierqa mis-settur tas-assigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol. Il-kontribuzzjonijiet lill-Fond għandhom jieħdu post dawk magħmula lill-Fondi nazzjonali ta' natura simili.

(23)  Id-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tista' tkun strument utli fl-operat tan-netwerk tas-superviżuri sabiex titnaqqas id-duplikazzjoni tal-kompiti superviżorji, tiġi promossal-kooperazzjoni u b'hekk jitħaffef il-proċess superviżorju kif ukoll jitnaqqas il-piż impost fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji, b'mod partikolari dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji li ma jkollhomx dimensjoni tal-Unjoni. Dan ir-Regolament għalhekk għandu jipprovdi bażi legali ċara għal tali delega. Id-delega tal-kompiti tfisser li l-kompiti jitwettqu minn awtorità superviżorja oħra minflok mill-awtorità responsabbli, filwaqt li r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet superviżorji tibqa' f'idejn l-awtorità li tiddelega. Bid-delega tar-responsabbiltajiet, awtorità superviżorja nazzjonali waħda, id-delegata, għandha tiddeċiedi fuq ċerta kwistjoni superviżorja f'isem l-Awtorità jew f'isem awtorità superviżorja nazzjonali oħra. Id-delegi għandhom ikunu rregolati mill-prinċipju li l-kompetenza superviżorja għandha tiġi allokata lil superviżur li jkun f'pożizzjoni tajba biex jieħu azzjoni fil-kwistjoni. Allokazzjoni mill-ġdid tar-responsabbiltajiet għandha tkun f'waqtha pereżempju għal raġunijiet ta' ekonomiji ta' skala jew ambitu, ta' koerenza fis-superviżjoni tal-grupp, u tal-aħjar użu tal-kompetenza teknika fost l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni tista' tispeċifika ulterjorment il-prinċipji għall-allokazzjoni mill-ġdid tar-responsabbiltajiet skont ftehim. L-Awtorità għandha tiffaċilita u timmonitorja ftehimiet ta' delega bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali b'kull mezz xieraq. Hija għandha tiġi infurmata minn qabel dwar intenzjonijiet ta' ftehimiet ta' delega sabiex tkun tista' tesprimi opinjoni fejn ikun adatt. Hija għandha tiċċentralizza l-pubblikazzjoni ta' tali ftehimiet sabiex tiżgura informazzjoni f'waqtha, trasparenti u faċilment aċċessibbli għall-partijiet kollha konċernati. Għandha tidentifika u xxerred l-aħjar prattiki rigward id-delega u l-ftehimiet ta' delega.

(24)  L-Awtorità għandha tippromwovi attivament konverġenza superviżorja fl-Unjoni Ewropea kollha bil-għan li tistabbilixxi kultura superviżorja komuni.

(25)  L-evalwazzjonijiet orizzontali huma strument effiċjenti u effikaċi biex tiġi promossa l-konsistenza fin-netwerk tas-superviżuri finanzjarji. Għalhekk, l-Awtorità għandha tiżviluppa l-qafas metodoloġiku għal tali evalwazzjonijiet u tagħmilhom fuq bażi regolari. L-evalwazzjonijiet għandhom jiffukaw mhux biss fuq il-konverġenza tal-prattiċi superviżorji iżda wkoll fuq il-kapaċità tas-superviżuri li jiksbu riżultati superviżorji ta' kwalità għolja kif ukoll l-indipendenza tal-awtoritajiet kompetenti. Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet orizzontali għandhom jiġu ppubblikati u għandhom jiġu identifikati l-aħjar prattiki li wkoll għandhom jiġu ppubblikati.

(26)  L-Awtorità għandha tippromwovi attivament rispons superviżorju ▌koordinat tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari biex tiżgura l-operat xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni Ewropea. Minbarra s-setgħat tagħha għal azzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, hija għandha għalhekk tiġi fdata b'funzjoni ġenerali ta' koordinazzjoni fi ħdan is-SESF. Il-fluss mingħajr problemi tal-informazzjoni kollha rilevanti bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandu jkun fl-attenzjoni partikolari tal-azzjonijiet tal-Awtorità.

(27)  Sabiex titħares l-istabbiltà finanzjarja huwa neċessarju li jiġu identifikati, kmieni, ix-xejriet, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet li joħorġu mil-livell mikroprudenzjali, bejn il-fruntieri u bejn is-setturi. L-Awtorità għandha timmonitorja u tivvaluta tali żviluppi fil-qasam tal-kompetenza tagħha u, fejn ikun meħtieġ, tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħrajn u l-BERS fuq bażi regolari u, skont il-ħtieġa, fuq bażi ad hoc. L-Awtorità għandha tniedi u tikkoordina wkoll testijiet tat-tensjoni fl-Unjoni kollha sabiex tivvaluta r-reżistenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji għal żviluppi avversi tas-suq, billi tiżgura li tiġi applikata metodoloġija kemm jista' jkun konsistenti fil-livell nazzjonali għal dawn it-testijiet. Sabiex tinforma t-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, l-Awtorità għandha twettaq analiżi ekonomika tas-swieq u l-impatt tal-iżviluppi kummerċjali potenzjali fuqhom.

(28)  Minħabba l-globalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji u l-importanza dejjem akbar tal-istandards internazzjonali, l-Awtorità għandha tirrappreżenta l-Unjoni Ewropea fid-djalogu u l-kooperazzjoni ma' superviżuri f'pajjiżi terzi.

(29)  L-Awtorità għandha sservi bħala entità konsultattiva indipendenti għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill, u l-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetenza tagħha. Għandha tkun kapaċi tipprovdi l-opinjoni tagħha dwar il-valutazzjoni prudenzjali ta' fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet skont id-Direttiva 2006/48/KE.

(30)  Sabiex twettaq id-dmirijiet tagħha b'mod effikaċi, l-Awtorità għandu jkollha d-dritt li titlob l-informazzjoni kollha neċessarja fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-obbligi ta' rapportar għall-istituzzjonijiet finanzjarji, dik l-informazzjoni normalment għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali li jkunu l-eqreb għas-swieq u l-istituzzjonijiet finanzjarji u għandha tqis l-istatistika li diġà teżisti. Madankollu, bħala l-aħħar rimedju, l-Awtorità għandha tkun tista' tindirizza talba għall-informazzjoni li tkun iġġustifikata u motivata b'mod dovut, direttament lil istituzzjoni finanzjarja ▌fejn l-awtorità kompetenti nazzjonali ma tipprovdix jew ma tistax tipprovdi din l-informazzjoni f'waqtha. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jassistu lill-Awtorità fl-infurzar ta' dawn it-talbiet diretti. F'dan il-kuntest, hi essenzjali l-ħidma dwar formats komuni ta' rappurtar.

(30a)  Il-miżuri għall-ġbir ta' informazzjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-qafas legali tas-Sistema Statistika Ewropea (SSE) u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) fil-qasam tal-istatistika. Dan ir-Regolament għandu għalhekk ikun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea(36) u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew(37).

(31)  Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Awtorità u l-BERS hija essenzjali sabiex tingħata effikaċja sħiħa lill-operat tal-BERS u s-segwitu għat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. L-Awtorità u l-BERS għandhom jaqsmu kwalunkwe informazzjoni rilevanti bejniethom. Data marbuta ma' impriżi individwali għandha tingħata biss fuq talba motivata. Malli tirċievi twissijiet jew rakkomandazzjonijiet indirizzati mill-BERS lill-Awtorità jew lil awtorità superviżorja nazzjonali, l-Awtorità għandha tiżgura s-segwitu kif jixraq.

(32)  ▌L-Awtorità għandha tikkonsulta lill-partijiet interessati dwar standards regolatorji, linji gwida u rakkomandazzjonijiet u tagħtihom opportunità raġonevoli sabiex jikkummentaw dwar il-miżuri proposti. Qabel ma tadotta l-abbozzi tal-istandards regolatorji, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet, l-Awtorità għandha twettaq studju tal-impatt. Għal raġunijiet ta' effiċjenza, għandu jitwaqqaf Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni, ir-Riassigurazzjoni u l-Fondi tal-Pensjonijiet tax-Xogħol għal dak l-iskop, li jkun jirrappreżenta b'mod proporzjonat lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kif ukoll lill-Fondi tal-Pensjonijiet tax-Xogħol tal-Unjoni (li jinkludu, kif jixraq, l-investituri istituzzjonali u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn li jużaw is-servizzi finanzjarji huma stess), it-trejdjunjins, id-dinja akkademika u l-konsumaturi kif ukoll utenti oħrajn mhux professjonali tas-servizzi tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni u tal-pensjonijiet tax-xogħol, fosthom l-SMEs. Il-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni, ir-Riassigurazzjoni u l-Fondi tal-Pensjonijiet tax-Xogħol għandu jaħdem attivament bħala interkonnessjoni ma' gruppi ta' utenti oħrajn fil-qasam tas-servizzi finanzjarji stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tal-Kummissjoni jew tal-Unjoni.

(32a)  L-organizzazzjonijiet bla skopijiet ta' profitt għandhom rwol marġinali fid-dibattitu dwar il-futur tas-servizzi finanzjarji u fil-proċess korrispondenti ta' teħid tad-deċiżjonijiet b'paragun mar-rappreżentanti tal-industrija li huma ffinanzjati tajjeb u għandhom rabtiet tajbin. Għal dan l-iżvantaġġ għandu jagħmel tajjeb finanzjament adegwat għar-rappreżentanti tagħhom fil-Grupp tal-Partijiet Interessati.

(33)  L-Istati Membri għandhom responsabbiltà ċentrali sabiex jiżguraw il-ġestjoni kkoordinata tal-kriżijiet u sabiex jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja fis-sitwazzjonijiet ta' kriżi, b'mod partikolari biex jiġu stabbilizzati u riżolti istituzzjonijiet finanzjarji individwali batuti. L-azzjonijiet tagħhom għandhom ikunu kkoordinati mill-qrib mal-qafas u mal-prinċipji tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-miżuri mill-Awtorità f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza jew ta' saldu li jaffettwaw l-istabbiltà ta' istituzzjoni finanzjarja ma għandhomx jaffettwaw b'mod sinifikanti r-responsabbiltajiet fiskali tal-Istati Membri. Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li bih l-Istati Membri jkunu jistgħu jinvokaw din is-salvagwardja u finalment iressqu l-kwistjoni quddiem il-Kunsill għal deċiżjoni. Huwa adatt li l-Kunsill jingħata rwol f'din il-kwistjoni minħabba r-responsabbiltajiet partikolari tal-Istati Membri f'dan ir-rigward.

(33a)  Fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu bħal dan, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi fil-livell ta' Unjoni gwida ċara u soda dwar meta s-salvagwardja tiġi inizjata mill-Istati Membri fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba. L-użu tal-klawsola ta' salvagwardja min-naħa tal-Istati Membri għandu jiġi evalwat ma' dik il-gwida.

(33b)  Bla ħsara għar-responsabbiltajiet partikulari tal-Istati Membri f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, jekk Stat Membru jagħżel li jitlob is-salvagwardja, il-Parlament Ewropew għandu jkun infurmat fl-istess żmien meta jiġu infurmati l-Awtorità, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-Istat Membru għandu jispjega r-raġunijiet għaliex ikun talab is-salvagwardja. L-Awtorità, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandha tistabbilixxi l-passi li jkun imiss jittieħdu.

(34)  Fil-proċeduri tagħha għat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-Awtorità għandha tkun marbuta bir-regoli u l-prinċipji ġenerali tal-Komunità dwar il-proċess u t-trasparenza dovuti. Id-dritt li jinstemgħu d-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandu jiġi rrispettat b'mod sħiħ. L-atti tal-Awtorità jiffurmaw parti integrali mil-liġi tal-Unjoni.

(35)  Bord tas-Superviżuri magħmul mill-kapijiet tal-awtorità kompetenti rilevanti f'kull Stat Membru, u mmexxi mill-President tal-Awtorità, għandu jkun l-entità prinċipali li tieħu d-deċiżjonijiet tal-Awtorità. Rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-BERS, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Servizzi Bankarji) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Titoli u Swieq) għandhom jipparteċipaw bħala osservaturi. Il-membri tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jaġixxu b'mod indipendenti u biss fl-interess tal-Unjoni. Għal atti ta' natura ġenerali, fosthom dawk marbuta mal-adozzjoni ta' standards regolatorji, linji gwida u rakkomandazzjonijiet kif ukoll kwistjonijiet baġitarji, ikun xieraq li r-regoli jiġu applikati b'maġġoranza kwalifikata kif stipulat fl-Artikolu 16 TFUE, filwaqt li għad-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha għandha tapplika maġġoranza sempliċi tal-membri. Każijiet li jirrigwardaw is-risoluzzjoni ta' nuqqasijiet ta' qbil bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jiġu eżaminati minn panil ristrett.

(35a)  Bħala regola ġenerali, il-Bord tas-Superviżuri għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza sempliċi skont il-prinċipju ta' bniedem wieħed vot wieħed. Madankollu, għal atti marbutin mal-adozzjoni ta' standards tekniċi, linji gwida u rakkomandazzjonijiet kif ukoll kwistjonijiet baġitarji, huwa xieraq li r-regoli dwar maġġoranza kwalifikata jiġu applikati kif stabbilit fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fit-TFUE u fil-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji mehmuż magħhom. Każijiet li jirrigwardaw is-soluzzjoni ta' nuqqas ta' qbil bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jiġu eżaminati minn panel ristrett, objettiv, magħmul minn membri li mhumiex rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti li huma partijiet għan-nuqqas ta' qbil, u lanqas ma għandhom interess fil-kunflitt jew rabtiet diretti mal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. L-għamla tal-panel għandha tkun ibbilanċjata b'mod xieraq. Id-deċiżjoni meħuda mill-panel għandha tiġi approvata mill-Bord tas-Superviżuri b'maġġoranza sempliċi skont il-prinċipju ta' membru wieħed vot wieħed. Madankollu, fir-rigward ta' deċiżjonijiet meħuda mis-superviżur tal-grupp, id-deċiżjoni proposta mill-panel tista' tiġi rifjutata mill-membri li jirrappreżentaw minoranza li timblokka tal-voti kif definit fl-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE.

(36)  Bord Maniġerjali magħmul mill-President tal-Awtorità, rappreżentanti tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-Kummissjoni għandu jiżgura li l-Awtorità taqdi l-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha. Il-Bord Maniġerjali għandu jingħata s-setgħat meħtieġa biex, fost l-oħrajn, jipproponi l-programm ta' ħidma annwali u multiannwali, jeżerċita ċerti setgħat baġitarji, jadotta l-pjan ta' politika tal-Awtorità dwar il-persunal, jadotta dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt tal-aċċess għad-dokumenti u jadotta r-rapport annwali.

(37)  President full time, magħżul mill-Parlament Ewropew wara kompetizzjoni miftuħa, ġestita mill-Kummissjoni, u t-tfassil sussegwenti ta' lista qasira mill-Kummissjoni, għandu jirrappreżenta lill-Awtorità. It-tmexxija tal-Awtorità għandha tkun fdata lil Direttur Eżekuttiv, li għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri u l-Bord Maniġerjali mingħajr id-dritt li jivvota.

(38)  Sabiex tkun żgurata konsistenza transsettorjali fl-attivitajiet tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, dawk l-awtoritajiet għandhom jikkoordinaw mill-qrib permezz tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (Kumitat Konġunt) (“il-Kumitat Konġunt”) u fejn ikun xieraq jaslu għal pożizzjonijiet komuni. Il-Kumitat Konġunt ▌għandu jikkoordina l-funzjonijiet tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej f'dak li għandu x'jaqsam mal-konglomerati finanzjarji. Fejn ikun rilevanti, atti li jaqgħu wkoll fil-qasam ta' kompetenza tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Servizzi Bankarji) jew tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Titoli u Swieq) għandhom jiġu adottati b'mod parallel mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej konċernati. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut għal perjodu ta' 12-il xahar b'sistema ta' rotazzjoni mill-Presidenti tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Il-President tal-Kumitat Konġunt għandu jkun Viċi President tal-BERS. Il-Kumitat Konġunt għandu jkollu segretarjat permanenti, b'persunal issekondat mit-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, sabiex ikun jista' jsir il-qsim informali tal-informazzjoni u l-iżvilupp ta' approċċ kulturali komuni fit-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.

(39)  Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-partijiet affettwati mid-deċiżjonijiet adottati mill-Awtorità jkunu jistgħu jeżerċitaw ir-rimedji neċessarji. Sabiex jitħarsu b'mod effikaċi id-drittijiet tal-partijiet u għal raġunijiet ta' ekonomija proċedurali, fejn l-Awtorità jkollha setgħat li tieħu d-deċiżjonijiet, il-partijiet għandhom jingħataw id-dritt li jappellaw quddiem Bord tal-Appell. Għal raġunijiet ta' effikaċja u konsistenza, il-Bord tal-Appell għandu jkun entità konġunta tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, indipendenti mill-istrutturi amministrattivi u regolatorji tagħhom. Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandha tkun soġġetta għal appell quddiem il-Qorti tal-Prim Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

(40)  Sabiex tiġi ggarantita l-awtonomija u l-indipendenza sħiħa tagħha, l-Awtorità għandha tingħata baġit awtonomu bi dħul prinċipalment minn kontribuzzjonijiet obbligatorji mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u mill-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-finanzjament tal-Awtorità mill-Unjoni għandu jkun suġġett għal ftehim tal-awtorità baġitarja skont il-Punt 47 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba(38) (IIA). Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni għandha tapplika ▌. Il-verifika tal-kontijiet għandha titwettaq mill-Qorti tal-Awdituri. Il-baġit ġenerali għandu jkun suġġett għall-proċedura ta' kwittanza.

(41)  Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)(39) għandu japplika għall-Awtorità. L-Awtorità għandha taderixxi wkoll mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej rigward l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)(40).

(42)  Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet miftuħa u trasparenti ta' impjieg u trattament ugwali tal-persunal, ir-Regolamenti dwar il-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Impjegati Oħra tal-Komunitajiet Ewropej(41) għandhom japplikaw għall-persunal tal-Awtorità.

(43)  Huwa essenzjali li s-sigrieti tan-negozju u informazzjoni kunfidenzjali oħra jiġu protetti. Il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Awtorità u skambjata f'netwerk għandha tkun soġġetta għal regoli stretti u effikaċi dwar il-kunfidenzjalità.

(44)  Il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali hija rregolata mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data(42) u mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data(43), li japplikaw b'mod sħiħ għall-ipproċessar ta' dejta personali għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(45)  Sabiex tiġi żgurata l-ħidma trasparenti tal-Awtorità, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(44) għandu japplika għall-Awtorità.

(46)  Pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jitħallew jipparteċipaw fil-ħidma tal-Awtorità skont ftehimiet xierqa li għandhom jiġu konklużi mal-Unjoni.

(47)  Billi l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-titjib fl-operat tas-suq intern bl-iżgurar ta' livell għoli, effikaċi u konsistenti ta' regolazzjoni u superviżjoni prudenzjali, il-ħarsien tat-titolari ta' poloz u benefiċjarji oħra, il-ħarsien tal-integrità, l-effikaċja u l-funzjonament sewwa tas-swieq finanzjarji, iż-żamma tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membru u jistgħu, għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni Ewropea tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(48)  L-Awtorità tassumi l-kompiti u s-setgħat attwali kollha tal-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol (KSEAPX), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE tat-23 ta' Jannar 2009 li tistabbilixxi l-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għandhom għalhekk jiġu revokati, u d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li tistabbilixxi programm Komunitarju sabiex isostni attivitajiet speċifiċi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, ir-rapportar u l-awditjar finanzjarju(45), għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

(49)  Tajjeb li jiġi ffissat limitu taż-żmien għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sabiex ikun żgurat li l-Awtorità tkun imħejjija sewwa biex tibda l-operat u biex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr problemi mill-KSEAPX.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

STABBILIMENT U STATUS LEGALI

Artikolu 1

Stabbiliment u ambitu ta' attività

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (“l-Awtorità”).

2.  L-Awtorità għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat ta' dan ir-Regolament u fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE, id-Direttiva 2002/92/KE, id-Direttiva 2003/41/KE, id-Direttiva 2002/87/KE, u, fil-partijiet rilevanti tad-Direttiva 2005/60/KE, u d-Direttiva 2002/65/KE, sal-limitu ta' applikazzjoni ta' dawn l-atti għall-impriżi ta' assigurazzjoni, impriżi ta' riassigurazzjoni, istituzzjonijiet għall-provvediment tal-irtirar mix-xogħol u intermedjarji ta' assigurazzjoni, inklużi d-direttivi, ir-regolamenti, u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawn l-atti, u ta' kwalunkwe att ieħor leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea li jikkonferixxi kompiti fuq l-Awtorità.

2a.  L-Awtorità għandha taġixxi wkoll fil-qasam tal-attivitajiet ta' impriżi ta' assigurazzjoni, impriżi ta' riassigurazzjoni, istituzzjonijiet għall-provvediment tal-irtirar mix-xogħol u intermedjarji ta' assigurazzjoni, inklużi kwistjonijiet ta' governanza korporattiva, verifika u rappurtar finanzjarju, sakemm dawn l-azzjonijiet mill-Awtorità huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effikaċi u konsistenti tal-atti leġiżlattivi msemmija fil-paragrafu 2.

3.  Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament huma bla ħsara għas-setgħat tal-Kummissjoni, b'mod partikolari skont l-Artikolu 258 TFUE sabiex tiżgura konformità mal-liġi tal-Unjoni.

4.  L-għan tal-Awtorità għandu jkun li tħares l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effikaċja tas-sistema finanzjarja għal żmien qasir, medju u fit-tul, għall-ekonomija tal-Unjoni, iċ-ċittadini u l-impriżi tagħha. L-Awtorità għandha tikkontribwixxi sabiex:

   (i) jitjieb il-funzjonament tas-suq intern, fosthom b'mod partikolari b'livell tajjeb, effikaċi u konsistenti ta' regolamentazzjoni u superviżjoni;
  

   (iii) tiżgura l-integrità, it-trasparenza, l-effiċjenza u l-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji;
  

   (v) issaħħaħ il-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali;
     (va) tipprevjeni l-arbitraġġ regolatorju u tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni;
     (vb) tiżgura li r-riskji tal-assigurazzjoni, tal-pensjonijiet u riskji oħrajn ikunu regolati u sorveljati kif jixraq, u
     (vc) tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur.
  

Għal dawn l-għanijiet, l-Awtorità se tikkontribwixxi sabiex tiżgura l-applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni Ewropea msemmija fil-paragrafu 2, tippromwovi l-konverġenza superviżorja u tipprovdi opinjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni u twettaq analiżijiet ekonomiċi tas-swieq għall-promozzjoni tal-ilħuq tal-objettivi tal-Awtorità.

5.  Fit-twettiq tal-kompiti konferiti lilha b'dan ir-Regolament, l-Awtorità għandha tagħti attenzjoni partikolari għal kull riskju sistemiku mill-istituzzjonijiet finanzjarji, billi n-nuqqas ta' dan jista' jipperikola l-operat tas-sistema finanzjarja jew tal-ekonomija reali.

Meta twettaq il-kompiti tagħha, l-Awtorità għandha taġixxi b'mod indipendenti u oġġettiv u fl-interess esklużiv tal-Unjoni.

Artikolu 1a

Is-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja

1.  L-Awtorità għandha tifforma parti minn Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF). L-għan ewlieni tas-SESF għandu jkun li tiżgura li r-regoli applikabbli għas-settur finanzjarju jiġu implimentati adegwatament sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltàfinanzjarja u b'hekk tiġi żgurata l-fiduċja fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi, bi protezzjoni suffiċjenti għall-klijenti tas-servizzi finanzjarji.

2.  Is-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja għandha tkun magħmula minn dawn li ġejjin:

   (a) Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, għall-finijiet tal-kompiti kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru .../2010 (BERS) u dan ir-Regolament;
   ( b) l-Awtorità;
   ( c) l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Servizzi Bankarji) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru .../2010 [ABE];
   ( d) l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Titoli u Swieq) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru .../2010 [AETS];
   (e) l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Kumitat Konġunt) għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti kif speċifikat fl-Artikoli 40 sa 43 (il-“Kumitat Konġunt”);
   ( f) l-awtoritajiet fl-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru .../... [ABE], ir-Regolament (UE) Nru …/2010 [AEAPX] u r-Regolament (UE) Nru …/… [AETS];
   (g) il-Kummissjoni, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikoli 7 u 9.

3.  L-Awtorità għandha tikkoopera b'mod regolari u mill-qrib, tiżgura l-konsistenza transsettorjali tax-xogħol u tasal għal pożizzjonijiet konġunti fil-qasam tas-superviżjoni tal-konglomerati finanzjarji u fuq kwistjonijiet transsettorjali oħra mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Servizzi Bankarji) u mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Titoli u Swieq) permezz tal-Kumitat Konġunt.

4.  F'konformità mal-prinċipju ta' koperazzjoni sinċiera skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-partijiet tas-SESF għandhom jikkoperaw b'fiduċja u rispett reċiproku sħiħ, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżgurar ta' fluss ta' informazzjoni xierqa u affidabbli bejniethom.

5.  Dawn l-awtoritajiet superviżorji li huma parti tas-SESF għandhom ikunu obbligati jissorveljaw istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw fl-Unjoni skont l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 1b

Responsabilità lejn il-Parlament Ewropew

L-Awtoritajiet msemmija fl-Artikolu 1a(2) għandhom ikunu responsabbli lejn il-Parlament Ewropew.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

   (1) “istituzzjonijiet finanzjarji” tfisser impriżi,entitajiet u persuni naturali u legali suġġetti għal xi wieħed mill-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), ħlief li fejn tidħol id-Direttiva 2005/60/KE, “istituzzjonijiet finanzjarji” tfisser kumpaniji tal-assigurazzjoni u intermedjarji tal-assigurazzjoni kif definit f'dik id-Direttiva;
   (2) “awtoritajiet kompetenti” tfisser:
   ( i) l-awtoritajiet superviżorji kif definit fid-Direttiva 2009/138/KE, u l-awtoritajiet kompetenti kif definiti fid-Direttivi 2003/41/KE u 2002/92/KE;
   ( ii) fir-rigward tad-Direttivi 2002/65/KE u 2005/60/KE, l-awtoritajiet kompetenti li jiżguraw il-konformità tal-istituzzjonijiet finanzjarji mar-rekwiżiti ta' dawk id-Direttivi kif iddefiniti fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

Status legali

1.  L-Awtorità għandha tkun entità tal-Unjoni Ewropea b'personalità legali.

2.  F'kull Stat Membru, l-Awtorità għandha tgawdi l-iżjed kapaċità legali estensiva mogħtija lil persuni legali skont il-liġi nazzjonali. Hija tista“, b'mod partikolari, takkwista jew tneħħi proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali.

3.  L-Awtorità għandha tkun irrappreżentata mill-President tagħha.

Artikolu 4

Kompożizzjoni

L-Awtorità għandha tinkludi dawn li ġejjin:

   (1) Bord tas-Superviżuri, li għandu jwettaq il-kompiti mniżżlin fl-Artikolu 28;
   (2) Bord Maniġerjali, li għandu jwettaq il-kompiti mniżżlin fl-Artikolu 32;
   (3) President, li għandu jwettaq il-kompiti mniżżlin fl-Artikolu 33;
   (4) Direttur Eżekuttiv, li għandu jwettaq il-kompiti mniżżlin fl-Artikolu 38;
   (5) Bord tal-Appell, kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 44, li għandu jwettaq il-kompiti mniżżlin fl-Artikolu 46.

Artikolu 5

Kwartieri ġenerali

L-Awtorità għandu jkollha s-sede tagħha fi Frankfurt.

Jista' jkollha rappreżentanza fl-aktar ċentri finanzjarji importanti tal-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU II

KOMPITI U SETGĦAT TAL-AWTORITÀ

Artikolu 6

Kompiti u Setgħat tal-Awtorità

1.  L-Awtorità għandu jkollha l-kompiti li ġejjin:

   (a) tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' standards u prattiċi tekniċi regolatorji u superviżorji komuni ta' kwalità għolja, b'mod partikolari billi tipprovdi opinjonijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u billi tiżviluppa linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u abbozz ta' standards tekniċi regolatorji u implimentattivi li għandhom ikunu bbażati fuq l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2);
   (b) tikkontribwixxi għal applikazzjoni konsistenti tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari billi tikkontribwixxi lejn prattika superviżorja komuni, tiżgura applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), timpedixxi l-arbitraġġ regolatorju, billi timmedja u ssolvi nuqqasijiet ta' qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti, waqt li tiżgura superviżjoni effikaċi u konsistenti u tiżgura funzjonament koerenti tal-kulleġġi tas-superviżuri u tieħu azzjonijiet, fost oħrajn, f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;
   (c) tistimola u tiffaċilita d-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet kompetenti;
   (d) tikkoopera mill-qrib mal-BERS, b'mod partikolari billi tipprovdi lill-BERS l-informazzjoni meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu u billi tiżgura segwitu adatt għat-twissijiet u għar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS;
   (e) torganizza u twettaq analiżi tal-evalwazzjoni orizzontali tal-awtoritajiet kompetenti, inkluż l-għoti ta' pariri, sabiex issaħħaħ il-konsistenza fl-eżiti superviżorji;
   (f) timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi fis-suq fil-qasam tal-kompetenza tagħha;
     (fa) tagħmel analiżijiet ekonomiċi tas-swieq biex tinforma t-twettiq tal-funzjonijiet tal-Awtorità;
     (fb) tippromwovi l-ħarsien tat-titolari tal-poloz u tal-benefiċjarji;
     (fc) tgħin biex timmaniġġa l-kriżijiet ta' istituzzjonijiet transkonfinali li jkollhom il-potenzjal li jippreżentaw riskju sistemiku kif imsemmi fl-Artikolu 12b, waqt li tmexxi u tesegwixxi l-interventi bikrija, il-proċeduri ta' soluzzjoni jew insolvenza għal istituzzjonijiet bħal dawn permezz tal-Unità ta' Soluzzjoni tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 12c;
   (g) twettaq kwalunkwe kompitu speċifiku ieħor stipulat f'dan ir-Regolament jew fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 1(2);
     (ga) tissorvelja dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji li mhumiex suġġetti għas-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti;
     (gb) tippubblika fil-websajt tagħha u taġġorna regolarment informazzjoni dwar il-qasam tal-attivitajiet tagħha, b'mod partikolari, fil-qasam tal-kompetenza tagħha, rigward l-istituzzjonijiet finanzjarji reġistrati, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni tkun aċċessibbli b'mod faċli għall-pubbliku;
     (gc) tieħu r-responsabbiltà, kif jixraq, tal-kompiti kollha eżistenti u li għaddejjin bħalissa mill-Kumitat tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol;

2.  Biex taqdi l-kompiti stipulati fil-paragrafu 1, l-Awtorità għandu jkollha s-setgħat stipulati f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari ▌li:

   (a) tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji fil-każijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 7;
     (aa) tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi implimentattivi fil-każijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 7e;
   (b) toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet, kif stipulat fl-Artikolu 8;
   (c) toħroġ rakkomandazzjonijiet f'każijiet speċifiċi, kif imsemmija fl-Artikolu 9(3);
   (d) tieħu deċiżjonijiet individwali indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti fil-każijiet speċifiċi msemmija fl-Artikoli 10 u 11;
   (e) tieħu deċiżjonijiet individwali indirizzati lill-istituzzjonijiet finanzjarji, fil-każijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 9(6), l-Artikolu 10(3), u l-Artikolu 11(4);
   (f) toħroġ opinjonijiet għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill, jew għall-Kummissjoni kif ipprovdut fl-Artikolu 19;
     (fa) tiġbor l-informazzjoni meħtieġa dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji kif provdut fl-Artikolu 20;
     (fb) tiżviluppa metodoloġiji komuni għall-valutazzjoni tal-effett tal-karatteristiki u l-proċessi ta' distribuzzjoni tal-prodotti fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet u fuq il-protezzjoni tal-konsumatur;
     (fc) tipprovdi bażi tad-data tal-istituzzjonijiet finanzjarji reġistrati fil-qasam tal-kompetenza tagħha u, fejn speċifikat fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), f'livell ċentrali.
     (fd) tiżviluppa standard regolatorju li jistabbilixxi l-informazzjoni minima li għandha tkun disponibbli għall-Awtorità dwar it-tranżazzjonijiet u l-parteċipanti fis-suq u kif il-koordinazzjoni tal-ġbir għandha titwettaq, kif ukoll tiddeskrivi kif bażijiet tad-data nazzjonali eżistenti għandhom ikunu konnessi sabiex jiġi żgurat li l-Awtorità tkun dejjem tista' taċċessa l-informazzjoni rilevanti u neċessarja li tikkonċerna t-tranżazzjonijiet u s-suq meħtieġa biex twettaq id-dmirijiet assenjati lilha minn dan ir-Regolament;
     (fe) twettaq kwalunkwe kompitu speċifiku ieħor stipulat f'dan ir-Regolament jew fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2);

3.  L-Awtorità għandha teżerċita kwalunkwe setgħa superviżorja esklussiva fuq entitajiet b'kopertura fl-Unjoni Ewropea kollha jew attivitajiet ekonomiċi b'kopertura fl-Unjoni Ewropea kollha fdati f'idejha fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

3a.  Għall-għan li teżerċita s-setgħat superviżorji esklużivi tagħha skont il-paragrafu 3, l-Awtorità għandu jkollha setgħat xierqa ta' investigazzjoni u infurzar kif speċifikat fil-leġiżlazzjoni rilevanti, kif ukoll il-possibbiltà li titlob tariffi. L-Awtorità għandha taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti u tibni fuq l-għarfien espert, il-faċilitajiet u s-setgħat tagħhom biex twettaq il-kompiti tagħha.

Artikolu 6a

Kompiti marbuta mal-protezzjoni tal-konsumatur u mal-attivitajiet finanzjarji

1.  L-Awtorità, sabiex trawwem il-protezzjoni tat-titolari tal-poloz u tal-benefiċjarji, għandu jkollha rwol ewlieni fil-promozzjoni tat-trasparenza, is-sempliċità u l-ġustizzja fis-suq għal prodotti jew servizzi finanzjarji fis-suq waħdieni kollu, inkluż billi:

     (i) tiġbor, tanalizza u tirrapporta x-xejriet tal-konsumaturi,
     (ii) teżamina u tikkoordina inizjattivi ta' kompetenza u edukazzjoni finanzjarja,
     (iii) tiżviluppa standards ta' taħriġ għall-industrija,
     (iv) tikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-regoli komuni tal-iżvelar, u
     (v) tevalwa, b'mod partikolari, l-aċċessibilità, id-disponibilità u l-ispiża tal-assigurazzjoni għall-familji u l-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs.

2.  L-Awtorità għandha timmonitorja l-attivitajiet finanzjarji ġodda u eżistenti u tista' tadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li tippromwovi s-sigurtà u s-solidità tas-swieq u l-konverġenza tal-prattika regolatorja.

3.  L-Awtorità tista' wkoll toħroġ twissijiet fil-każ li attività finanzjarja tkun ta' theddida serja għall-għanijiet stipulati fl-Artikolu 1(4).

4.  L-Awtorità għandha tistabbilixxi, bħala parti integrali mill-Awtorità, Kumitat dwar l-innovazzjoni finanzjarja, li jiġbor fih l-awtoritajiet kompetenti rilevanti bil-ħsieb li jinkiseb approċċ koordinat għat-trattament regolatorju u superviżorju ta' attivitajiet finanzjarji ġodda jew innovattivi u jagħti pariri lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.

5.  L-Awtorità tista' temporanjament tipprojbixxi jew tirrestrinġi ċerti tipi ta' attivitajiet finanzjarji li jheddu l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha, jew ta' parti minnha, fl-Unjoni fil-każijiet speċifiċi u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jew, jekk ikun hekk meħtieġ, fil-każ ta' sitwazzjoni ta' emerġenza skont u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10. L-Awtorità tista' timplimenta wkoll din il-projbizzjoni jew restrizzjoni permezz tal-adozzjoni ta' standards tekniċi regolatorji skont l-Artikolu 7.

L-Awtorità għandha tirrevedi din id-deċiżjoni f'intervalli f'waqthom u regolari.

Artikolu 7

Standards tekniċi regolatorji

1.  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jiddelegaw setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti fl-oqsma stipulati speċifikament fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2). L-istandards tekniċi ma għandhomx jinvolvu deċiżjonijiet strateġiċi jew għażliet ta' politika u l-kontenut tagħhom għandu jkun delimitat mill-atti leġiżlattivi li fuqhom huma bbażati. Abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji għandhom jiġu żviluppati mill-Awtorità u jintbagħtu lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

Meta l-Awtorità ma tibgħatx abbozz lill-Kummissjoni fil-limiti ta' żmien stipulati fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni tista' tadotta standard tekniku regolatorju.

1a.  Qabel ma tippreżentahom lill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi u tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm dawn il-konsultazzjonijiet u l-analiżijiet ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-impatt tal-istandards tekniċi regolatorji kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. L-Awtorità għandha titlob ukoll l-opinjoni jew il-parir tal-Gruppi tal-Partijiet Interessati msemmija fl-Artikolu 22.

1b.  Il-Kummissjoni għandha, meta tirċievi l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji mill-Awtorità, tibgħathom minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

1c.  Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tagħha jekk tadottax l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji. L-istandards tekniċi regolatorji għandhom jiġu adottati permezz ta' regolamenti jew deċiżjonijiet. Jekk il-Kummissjoni ma jkollhiex l-intenzjoni li tadotta l-istandards, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif jixraq u tagħti raġunijiet għal dan.

Artikolu 7a

Nuqqas ta' approvazzjoni jew emendar tal-abbozz ta' standards regolatorji

1.  Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tapprovax l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji jew li tapprovahom parzjalment jew b'emendi, hi għandha tibgħat l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji lura lill-Awtorità, filwaqt li tipproponi emendi motivati.

2.  Fi żmien sitt ġimgħat, l-Awtorità tista' temenda l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji abbażi tal-emendi proposti mill-Kummissjoni u terġa' tippreżentahom lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. L-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha.

3.  Meta l-Awtorità ma taqbilx mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni billi tiċħad jew temenda l-proposti inizjali tagħha, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista' jlaqqa' lill-Kummissarju responsabbli, flimkien mal-President tal-Awtorità, fi żmien xahar, għal laqgħa ad hoc tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill biex jippreżentaw u jispjegaw id-differenzi tagħhom.

Artikolu 7b

L-eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħat biex jiġu adottati l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-Artikolu 7 għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni għal perjodu ta' 4 snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport fir-rigward tas-setgħat delegati mhux aktar tard minn 6 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' erba' snin. Id-delegazzjoni tas-setgħat għandha tiġi awtomatikament estiża għal perjodi ta' tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokawha skont l-Artikolu 7c.

2.  Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan.

3.  Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 35(2), il-President tal-Awtorità għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istandards regolatorji li jkunu ġew approvati u liema awtoritajiet nazzjonali ma jkunux ikkonformaw magħhom.

Artikolu 7c

Oġġezzjonijiet għall-istandards tekniċi regolatorji

1.  Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal standard tekniku regolatorju fi żmien perjodu ta' tliet xhur mid-data tan-notifika mill-Kummissjoni. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perjodu jista' jittawwal bi tliet xhur oħra.

2.  L-istandard tekniku regolatorju għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jitqajmux oġġezzjonijiet. Jekk, meta jiskadi dan il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-istandard tekniku regolatorju, dan għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, hekk kif l-abbozz jintbagħat mill-Kummissjoni, jistgħu jadottaw dikjarazzjoni antiċipata u kkondizzjonata ta' non-oġġezzjoni li għandha tidħol fis-seħħ meta l-Kummissjoni tadotta l-istandard regolatorju mingħajr ma timmodifika l-abbozz.

4.  Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal standard tekniku regolatorju, dan ma għandux jidħolx fis-seħħ. Skont l-Artikolu 296 TFUE, l-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex qed toġġezzjona għall-istandard tekniku regolatorju.

Artikolu 7d

Revoka tad-delega

1.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 7 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.  Id-deċiżjoni tar-revoka għandha ttemm id-delega.

3.  L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega tas-setgħa għandha tagħmel ħilitha sabiex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħat fuq standards tekniċi regolatorji li jistgħu jkunu suġġetti għar-revoka.

Artikolu 7e

L-implimentazzjoni ta' standards tekniċi

1.  Meta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkonferixxu setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi implimentattivi skont l-Artikolu 291 TFUE fejn il-kondizzjonijiet uniformi biex jiġu implimentati atti legaliment vinkolanti tal-Unjoni huma meħtieġa fl-oqsma stipulati speċifikament fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), għandu japplika dan li ġej:

   ( a) fejn bi qbil mal-leġiżlazzjoni hawn fuq imsemmija Awtorità tagħmel abbozz ta' standards tekniċi implimentattivi għall-preżentazzjoni lill-Kummissjoni, dawn l-istandards għandhom ikunu tekniċi, ma jinkludux għażliet ta' politika u jkunu limitati għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' atti legalment vinkolanti tal-Unjoni;
   ( b) meta l-Awtorità ma tippreżentax abbozz lill-Kummissjoni fi ħdan il-limiti ta' żmien stipulati fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), jew indikati fit-talba indirizzata lill-Awtorità mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19, il-Kummissjoni tista' tadotta standard tekniku implimentattiv permezz ta' att ta' implimentazzjoni.

2.  Qabel ma tippreżentahom lill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi implimentattivi u tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm dawn il-konsultazzjonijiet u l-analiżijiet ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-impatt tal-istandards tekniċi kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni.

L-Awtorità għandha titlob ukoll l-opinjoni jew il-parir tal-Gruppi tal-Partijiet Interessati tal-Banek msemmija fl-Artikolu 22.

3.  L-Awtorità għandha tressaq għall-approvazzjoni l-abbozzi tagħha tal-istandards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE u, fl-istess ħin, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.  Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-abbozz ta' standards tekniċi implimentattivi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tapprovax l-abbozz tal-istandards implimentattivi. Il-Kummissjoni tista' ttawwal dak il-perjodu b'xahar. Il-Kummissjoni tista' wkoll tapprova l-abbozz ta' standards b'mod parzjali jew b'emendi meta l-interess tal-Unjoni Ewropea jitlob dan.

Fil-każijiet kollha fejn il-Kummissjoni tadotta standards tekniċi implimentattivi li jemendaw l-abbozz tal-istandard tekniku implimentattiv sottomess mill-Awtorità, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  L-istandards għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta' regolamenti jew deċiżjonijiet u għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

Linji gwida u rakkomandazzjonijiet

1.  Sabiex tistabbilixxi prattiċi superviżorji konsistenti, effiċjenti u effikaċi fi ħdan is-SESF, u biex tiżgura l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-Awtorità għandha toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji.

1a.  L-Awtorità għandha twettaq, fejn jixraq, konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet u tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjalment relatati. L-Awtorità għandha titlob ukoll, fejn jixraq, l-opinjoni jew il-parir tal-Gruppi tal-Partijiet Interessati msemmija fl-Artikolu 22. Dawk il-konsultazzjonijiet, analiżijiet, opinjonijiet u pariri għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni, in-natura u l-impatt tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet.

2.  L-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw ma' dawk il-linji gwida u rakkomandazzjonijiet. Fi żmien xahrejn mill-ħruġ ta' linja gwida jew rakkomandazzjoni, kull awtorità kompetenti għandha tikkonferma li tkun biħsiebha tikkonforma ma' dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni. Fil-każ li awtorità kompetenti ma jkollhiex l-intenzjoni li tikkonforma, għandha tinforma lill-Awtorità u tagħti r-raġunijiet tagħha. L-Awtorità għandha tippubblika dawk ir-raġunijiet.

Fejn Awtorità kompetenti ma tapplikax linja gwida jew rakkomandazzjoni, l-Awtorità għandha tagħmel dan b'mod pubbliku.

L-Awtorità tista' tiddeċiedi, każ b'każ, li tippubblika r-raġunijiet mogħtija minn awtorità kompetenti għan-nuqqas ta' konformità ma' linja gwida jew rakkomandazzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tirċievi notifika bil-quddiem dwar pubblikazzjoni bħal din.

Jekk ikun meħtieġ minn dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jirrappurtaw kull sena, b'mod ċar u dettaljat, jekk jikkonformawx ma' dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni.

2a.  Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 28(4a), l-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li jinħarġu, filwaqt li tiddikjara liema awtorità kompetenti ma tkunx ikkonformat magħhom u tiddeskrivi kif l-Awtorità tkun biħsiebha tiżgura li fil-futur din issegwi r-rakkomandazzjonijiet u l-linji gwida tagħha.

Artikolu 9

Ksur tal-liġi tal-Unjoni

1.  Fejn awtorità kompetenti ma tkunx applikat ▌l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), jew tkun applikathom b'mod li jidher li jkun qiegħed jikser il-liġi tal-Unjoni, inklużi l-istandards tekniċi regolatorji u implimentattivi stabbiliti skont l-Artikoli 7 u 7e, b'mod partikolari billi tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja tissodisfa r-rekwiżiti stipulati f'dik il-leġiżlazzjoni, l-Awtorità għandu jkollha s-setgħat stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 6 ta' dan l-Artikolu.

2.  Fuq talba ta' awtorità kompetenti waħda jew aktar, tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Gruppi tal-Partijiet Interessati, jew fuq inizjattiva tagħha stess u wara li tinforma lill-awtorità kompetenti konċernata, l-Awtorità tista' tinvestiga l-ksur jew in-nuqqas ta' applikazzjoni allegati tal-liġi tal-Unjoni.

2a.  Bla ħsara għas-setgħat stipulati fl-Artikolu 20, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-Awtorità mingħajr dewmien l-informazzjoni kollha li l-Awtorità tikkunsidra bħala neċessarja għall-investigazzjoni tagħha.

3.  L-Awtorità tista“, fi żmien mhux aktar minn xahrejn mill-bidu tal-investigazzjoni tagħha, tindirizza lill-awtorità kompetenti konċernata, rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-azzjoni neċessarja sabiex tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni.

3a.  L-awtorità kompetenti għandha, fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mill-irċevuta tar-rakkomandazzjoni, tinforma lill-Awtorità bil-passi li tkun ħadet jew li jkun biħsiebha tieħu biex tiżgura l-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

4.  Fejn l-awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-liġi tal-Unjoni fi żmien xahar minn meta tkun irċeviet ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità, il-Kummissjoni tista“, wara li tkun ġiet infurmata mill-Awtorità jew fuq inizjattiva tagħha stess, toħroġ opinjoni formali li tirrikjedi li l-awtorità kompetenti tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni Ewropea. L-opinjoni formali tal-Kummissjoni għandha tqis ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità.

Il-Kummissjoni għandha toħroġ din l-opinjoni formali mhux iżjed tard minn tliet xhur minn meta tiġi adottata r-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni tista” testendi dan il-perijodu b'xahar.

L-Awtorità u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha neċessarja.

5.  Fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi l-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità dwar il-passi li tkun ħadet jew li jkun biħsiebha tieħu biex tikkonforma mal-opinjoni formali tal-Kummissjoni.

6.  Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE, fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4 ▌fil-perijodu ta' żmien speċifikat fiha, u fejn ikun meħtieġ sabiex tirrimedja f'ħin opportun għan-nuqqas ta' konformità ▌sabiex iżżomm jew treġġa' lura l-kundizzjonijiet newtrali ta' kompetizzjoni fis-suq jew tiżgura l-operat sewwa u l-integrità tas-sistema finanzjarja, l-Awtorità tista“, fejn ir-rekwiżiti rilevanti tal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) japplikaw direttament għall-istituzzjonijiet finanzjarji skont l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil istituzzjoni finanzjarja li tkun teħtieġ l-azzjoni meħtieġa sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont il-liġi tal-Unjoni, fosthom il-waqfien ta' kwalunkwe prattika.

Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun f'konformità mal-opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

7.  Id-deċiżjonijiet adottati taħt il-paragrafu 6 għandhom jipprevalu fuq kwalunkwe deċiżjoni preċedenti adottata mill-awtoritajiet kompetenti fuq l-istess kwistjoni.

Meta tittieħed azzjoni ▌fir-rigward ta' kwistjonijiet li huma soġġetti għal opinjoni formali skont il-paragrafu 4 jew deċiżjoni skont il-paragrafu 6 l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonformaw mal-opinjoni formali jew mad-deċiżjoni, skont il-każ.

7a.  Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 28(4a), l-Awtorità għandha tistipula liema awtoritajiet kompetenti u istituzzjonijiet finanzjarji ma jkunux ikkonformaw mad-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 4 u 6.

Artikolu 10

Azzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza

1.  Fil-każ ta' żviluppi negattivi li jistgħu jipperikolaw serjament il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni Ewropea, l-Awtorità għandha tiffaċilita b'mod attiv u, fejn tqis meħtieġ, tikkoordina kwalunkwe azzjoni mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali superviżorji kompetenti rilevanti.

Sabiex tkun tista' twettaq dan ir-rwol ta' faċilitar u koordinament, l-Awtorità għandha tkun infurmata bis-sħiħ bi kwalunkwe żvilupp rilevanti, u għandha tkun mistiedna tipparteċipa bħala osservatrur fi kwalunkwe laqgħa rilevanti mill-awtoritajiet superviżorji kompetenti nazzjonali rilevanti.

1a.  Il-Kummissjoni tista“, b'inizjattiva tagħha stess jew wara talba tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-BERS jew l-Awtorità, tadotta deċiżjoni indirizzata lill-Awtorità, li tiddetermina l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' emerġenza għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi din id-deċiżjoni f'intervalli ta' xahar u għandha tiddikjara l-waqfien tas-sitwazzjoni ta' emerġenza hekk kif ikun xieraq.

Jekk il-Kummissjoni tiddetermina l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' emerġenza, hija għandha debitament tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.  Fejn il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skont il-paragrafu 1a, u f'ċirkostanzi eċċezzjonali fejn l-azzjoni kkoordinata mill-awtoritajiet nazzjonali tkun meħtieġa bħala rispons għall-iżviluppi negattivi li jistgħu jipperikolaw il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni Ewropea, l-Awtorità, tista' tadotta deċiżjonijiet individwali sabiex titlob lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-azzjoni meħtieġa skont l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) sabiex jindirizzaw kwalunkwe żvilupp bħal dan billi jiżguraw li l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f'dik il-leġiżlazzjoni.

3.  Bla ħsara għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE, fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-Awtorità msemmija fil-paragrafu 2 sal-perjodu stipulat fiha, l-Awtorità tista“, meta r-rekwiżiti rilevanti stipulati fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) japplikaw direttament għall-istituzzjonijiet finanzjarji, tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lejn istituzzjoni finanzjarja sabiex titlobha tieħu l-azzjoni neċessarja sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dik il-leġiżlazzjoni, inkluż iċ-ċessazzjoni ta' kwalunkwe prattika.

4.  Id-deċiżjonijiet adottati taħt il-paragrafu 3 għandhom jipprevalu fuq kwalunkwe deċiżjoni preċedenti adottata mill-awtoritajiet kompetenti fuq l-istess kwistjoni.

Kwalunkwe azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' kwistjonijiet li huma soġġetti għal deċiżjoni skont il-paragrafu 2 jew 3 għandha tkun kompatibbli ma' dawk id-deċiżjonijiet.

Artikolu 11

Soluzzjoni tan-nuqqasijiet ta' qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti

1.  Bla ħsara għas-setgħat stipulati fl-Artikolu 9, meta awtorità kompetenti ma taqbilx fuq il-proċedura jew il-kontenut ta' azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni minn awtorità kompetenti oħra f'oqsma fejn l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jeħtieġu kooperazzjoni, koordinazzjoni jew teħid konġunt tad-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti minn iżjed minn Stat Membru wieħed, l-Awtorità, b'inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti konċernati, għandha tieħu t-tmexxija fl-għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti biex jilħqu ftehim skont il-proċedura stipulata fil-paragrafi 2 sa 4.

2.  L-Awtorità għandha tistabbilixxi limitu taż-żmien għal konċiljazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti billi tikkunsidra kwalunkwe perjodu rilevanti taż-żmien speċifikat fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u l-kumplessità u l-urġenza tal-kwistjoni. F'din il-fażi l-Awtorità għandha taġixxi bħala medjatur.

3.  Jekk, fl-aħħar tal-fażi ta' konċiljazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti konċernati ma jkunux laħqu ftehim, l-Awtorità għandha, skont il-proċedura stipulata fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tieħu deċiżjoni biex jissolva n-nuqqas ta' ftehim u biex jintalbu jieħdu azzjoni speċifika f'konformità mal-liġi tal-Unjoni b'effetti vinkolanti fuq l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

4.  Bla ħsara għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE, meta awtorità kompetenti ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-Awtorità, u b'hekk tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja tikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw direttament għaliha bis-saħħa tal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), l-Awtorità għandha tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lejn istituzzjoni finanzjarja sabiex teħtieġha tieħu l-azzjoni neċessarja biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont il-liġi tal-Unjoni, inkluż iċ-ċessazzjoni ta' kwalunkwe prattika.

4a.  Id-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 4 għandhom jipprevalu fuq kwalunkwe deċiżjoni preċedenti adottata mill-awtoritajiet kompetenti dwar l-istess kwistjoni. Kwalunkwe azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' fatti li huma soġġetti għal deċiżjoni skont il-paragrafu 3 jew 4 għandha tkun kompatibbli ma' dawn id-deċiżjonijiet.

4b.  Fir-Rapport imsemmi fl-Artikolu 35(2), il-President għandu jistipula n-nuqqasijiet ta' qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti, il-ftehimiet milħuqa u d-deċiżjoni meħuda sabiex tinstab soluzzjoni għal dawn in-nuqqasijiet ta' qbil.

Artikolu 11a

Soluzzjoni tan-nuqqasijiet ta' qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti f'setturi differenti

Il-Kumitat Konġunt għandu, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11 u l-Artikolu 42, isolvi n-nuqqasijiet ta' qbil transettorjali li jistgħu jinqalgħu bejn awtorità kompetenti, jew aktar minn waħda, kif definit fl-Artikolu 2(2) ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) Nru. ../2010 [AETS] u r-Regolament (UE) Nru ... /2010 [ABE].

Artikolu 12

Kulleġġi ta' superviżuri

1.  L-Awtorità għandha tikkontribwixxi biex tippromwovi u tikkontrolla l-ħidma effiċjenti, effikaċi u konsistenti tal-kulleġġi tas-superviżuri msemmija fid-Direttiva 2006/48/KE u sseddaq il-koerenza fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fil-kulleġġi kollha. L-istaff tal-Awtorità għandu jkun jista' jieħu sehem fi kwalunkwe attività, inkluż l-eżamijiet fuq il-post, imwettqa b'mod konġunt minn żewġ awtoritajiet kompetenti jew aktar.

2.  L-Awtorità għandha tmexxi l-kulleġġi tas-superviżuri kif tħoss xieraq. Għal dan il-għan, hija għandha titqies bħala “awtorità kompetenti” skont it-tifsira tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Hija għandha, tal-inqas:

   ( a) tiġbor u taqsam l-informazzjoni kollha rilevanti f'sitwazzjonijiet ta' negozji vijabbli u sitwazzjonijiet ta' emerġenza sabiex tiffaċilita l-ħidma tal-kulleġġi tas-superviżuri u tistabbilixxi u tmexxi sistema ċentrali li tagħmel din l-informazzjoni aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti fil-kulleġġi tas-superviżuri;
   ( b) tibda u tikkoordina testijiet tat-tensjoni fl-Unjoni kollha sabiex tivvaluta r-reżistenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji, b'mod partikulari dawk identifikati fl-Artikolu 12b, għal żviluppi negattivi tas-suq, waqt li tiżgura li tiġi applikata metodoloġija kemm jista' jkun konsistenti fil-livell nazzjonali għal dawn it-testijiet;
   ( c) tippjana u tmexxi attivitajiet superviżorji f'sitwazzjonijiet ta' negozju vijabbli, kif ukoll f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, inkluża l-evalwazzjoni tar-riskji li l-istituzzjonijiet finanzjarji huma jew jistgħu jkunu esposti għalihom; kif ukoll
   ( d) tissorvelja l-kompiti mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti.

3a.  L-Awtorità tista' toħroġ standards regolatorji u implimentattivi, linji gwida u rakkomandazzjonijiet adottati skont l-Artikoli 7, 7e u 8 biex tarmonizza l-funzjonament superviżorju u l-aqwa prattiki adottati mill-kullegi tas-superviżuri. L-awtoritajiet għandhom japprovaw arranġamenti bil-miktub għall-funzjonament ta' kull kulleġġ sabiex jiżguraw il-funzjonament konverġenti bejniethom kollha.

3b.  Rwol ta' medjazzjoni legalment vinkolanti għandu jippermetti lill-Awtorità li ssolvi t-tilwim bejn awtoritajiet kompetenti skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11. Meta ma jkun jista' jintlaħaq l-ebda ftehim fi ħdan il-kulleġġ rilevanti tas-superviżuri, l-Awtorità tista' tieħu deċiżjonijiet superviżorji li jkunu direttament applikabbli għall-istituzzjoni kkonċernata.

Artikolu 12a

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  L-Awtorità għandha tagħti attenzjoni speċjali u tindirizza r-riskji ta' tfixkil fis-servizzi finanzjarji li jkun (i) ikkawżat minn dgħajfien tas-sistema finanzjarja kollha jew ta' partijiet minnha u (ii) ikollu l-potenzjal li jkollu konsegwenzi negattivi serji fuq is-suq intern u fuq l-ekonomija reali (riskju sistemiku). It-tipi kollha ta' intermedjarji, swieq u infrastrutturi finanzjarji jistgħu jkunu potenzjalment importanti b'mod sistematiku sa ċertu grad.

2.  L-Awtorità, b'kollaborazzjoni mal-BERS, għandha tiżviluppa sett komuni ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi (risk dashboard), li għandhom iservu bħala l-bażi biex tiġi assenjata klassifikazzjoni superviżorja għall-istituzzjonijiet transkonfinali identifikati fl-Artikolu 12b. Din il-klassifikazzjoni għandha tkun riveduta fuq bażi regolari, sabiex jitqiesu l-bidliet materjali tal-profil ta' riskju ta' istituzzjoni. Il-klassifikazzjoni superviżorja għandha tkun element kritiku għad-deċiżjoni dwar superviżjoni jew intervent diretti f'istituzzjoni f'diffikultà.

3.  Mingħajr preġudizzju għall-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), l-Awtorità għandha tipproponi, kif ikun meħtieġ, abbozz addizzjonali ta' standards regolatorji u implimentattivi kif ukoll linji gwida u rakkomandazzjonijiet għall-istituzzjonijiet identifikati fl-Artikolu 12b.

4.  L-Awtorità għandha teżerċita superviżjoni fuq istituzzjonijiet transkonfinali li jistgħu jkunu ta' riskju sistemiku kif stabbilit fl-Artikolu 12b. F'dawn il-każijiet, l-Awtorità għandha taġixxi permezz tal-awtoritajiet kompetenti.

5.  L-Awtorità għandha tistabbilixxi Unità ta' Soluzzjoni b'mandat li timplimenta l-governanza u l-modus operandi ddefiniti b'mod ċar tal-ġestjoni tal-kriżijiet, mill-intervent bikri sas-soluzzjoni u l-insolvenza, u tmexxi dawn il-proċeduri.

Artikolu 12b

L-identifikazzjoni ta' istituzzjonijiet transkonfinali li jistgħu joħolqu riskju sistemiku

1.  Il-Bord tas-Superviżuri, wara konsultazzjoni mal-BERS, jista“, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29(1), jidentifika istituzzjonijiet transkonfinali li, minħabba r-riskju sistemiku li jistgħu joħolqu, jeħtieġ li jkunu soġġetti għal superviżjoni diretta mill-Awtorità jew jitqiegħdu taħt l-Unità ta' Soluzzjoni msemmija fl-Artikolu 12c.

2.  Il-kriterji għall-identifikazzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji bħal dawn għandhom ikunu konsistenti mal-kriterji stabbiliti mill-FSB, l-FMI u l-BIS.

Artikolu 12c

Unità ta' Soluzzjoni

1.  L-Unità ta' Soluzzjoni għandha tippreserva l-istabbiltà finanzjarja u timminimizza l-effett ta' kontaġju minn istituzzjonijiet f'diffikultà identifikati fl-Artikolu 12b lill-bqija tas-sistema u lill-ekonomija inġenerali u tillimita l-ispiża għal min iħallas it-taxxi fir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità, tal-ġerarkija tal-kredituri u l-garanzija ta' trattament indaqs f'livell transkonfinali.

2.  L-Unità ta' Soluzzjoni għandha tkun awtorizzata twettaq il-kompiti stipulati fil-paragrafu 1, sabiex tirriabilita l-istituzzjonijiet f'diffikultà jew tiddeċiedi fuq l-istralċ ta' istituzzjonijiet mhux vijabbli (element kritiku għal-limitazzjoni tal-periklu morali). Fost azzjonijiet oħra, din tista' titlob aġġustamenti ta' kapital jew ta' likwidità, l-adattament tat-taħlita tan-negozju, it-titjib tal-proċessi, il-ħatra jew is-sostituzzjoni ta' min imexxi, ir-rakkomandazzjoni ta' garanziji, self u assistenza fil-likwidità, bejgħ totali jew parzjali, il-ħolqien ta' bank tajjeb/bank ħażin jew bank li jservi ta' pont, il-bidla tad-dejn f'ekwità (b'haircuts xierqa) jew li istituzzjoni tittieħed taħt kontroll pubbliku temporanju.

3.  L-Unità ta' Soluzzjoni għandha tinkludi esperti maħtura mill-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità b'għarfien u kompetenza fir-ristrutturar, is-salvataġġ u l-likwidazzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji.

Artikolu 12d

Qafas Ewropew ta' Skemi Nazzjonali għall-Garanzija tal-Assigurazzjoni

1.  L-Awtorità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' Qafas Ewropew ta' Skemi Nazzjonali għall-Garanzija tal-Assigurazzjoni billi taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha minn dan ir-Regolament biex jiġi żgurat li l-iskemi nazzjonali għall-garanzija tal-assigurazzjoni jkunu adegwatament iffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti, inklużi dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni iżda li jkollhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew barra mill-Unjoni u joffru livell għoli ta' protezzjoni lit-titolari tal-poloz kollha f'qafas armonizzat fl-Unjoni kollha.

2.  L-Artikolu 8 li jikkonċerna s-setgħat tal-Awtorità li tadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet għandu japplika għall-iskemi ta' kumpens tal-assigurazzjoni.

3.  Il-Kummissjoni tista' tadotta standards tekniċi regolatorji u implimentattivi kif speċifikat fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 7 sa 7d ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 12e

Fond Ewropew għall-Istabilità tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol

1.  Fond Ewropew għall-Istabilità tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol (il-Fond għall-Istabilità) għandu jkun stabbilit sabiex isaħħaħ l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż tas-sistema finanzjarja, inkluż l-irkupru sħiħ tal-ispejjeż fiskali, u biex jgħin fis-soluzzjoni tal-kriżijiet ta' istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali f'diffikultà. Istituzzjonijiet Finanzjarji li joperaw fi Stat Membru wieħed biss għandu jkollhom l-għażla li jingħaqdu mal-fond. Il-Fond għall-Istabbiltà għandu jadotta miżuri xierqa biex jevita li d-disponibilità tal-għajnuna tiġġenera periklu morali.

2.  Il-Fond għall-Istabbiltà għandu jkun iffinanzjat permezz tal-kontribuzjonijiet diretti mill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha identifikati fl-Artikolu 12b. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati mal-livell ta' riskju u mal-kontribuzzjonijiet għal riskju sistemiku li kull wieħed minnhom joħloq u mal-varjazzjonijiet fir-riskju globali matul iż-żmien, kif identifikat permezz tar-risk dashboard tagħhom. Il-livelli ta' kontribuzzjonijiet meħtieġa għandhom iqisu kundizzjonijiet ekonomiċi usa' u l-ħtieġa tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jżommu kapital għal ħtiġiet regolatorji u ta' negozju oħrajn.

3.  Il-Fond għall-Istabbiltà għandu jkun immaniġġjat minn Bord maħtur mill-Awtorità għal perjodu ta' ħames snin. Il-membri tal-Bord għandhom jintagħżlu minn fost persunal propost mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-Fond għall-Istabbiltà għandu joħloq ukoll Bord Konsultattiv li jkun jinvolvi rappreżentanza bla vot tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jieħdu sehem fil-Fond għall-Istabbiltà. Il-Bord tal-Fond għall-Istabbiltà jista' jipproponi li l-Awtorità testernalizza l-ġestjoni tal-likwidità tal-Fond għall-Istabbiltà lill-istituzzjonijiet ta' fama tajba (bħall-BEI), li għandha tiġi investita fi strumenti sikuri u likwidi.

4.  Meta r-riżorsi akkumulati mill-kontribuzzjonijiet magħmula mill-banek ma jkunux biżżejjed biex jiġu ffaċċjati d-diffikultajiet, il-Fond għall-Istabbiltà għandu jkollu l-kapaċità li jżid ir-riżorsi tiegħu permezz ta' titoli ta' dejn jew ta' mezzi finanzjarji oħra.

Artikolu 13

Delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet

1.  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, bl-approvazzjoni tad-delegata, jiddelegaw il-kompiti u r-responsabbiltajiet lill-Awtorità jew awtoritajiet kompetenti oħrajn, soġġett għal kondizzjonijiet imniżżlin f'dan l-Artikolu. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu arranġamenti speċifiċi fir-rigward tad-delega tar-responsabbiltajiet li magħhom irid ikun hemm konformità qabel ma l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jidħlu f'dawn il-ftehimiet u jistgħu jillimitaw il-kamp ta' applikazzjoni tad-delega għal dak li hu meħtieġ għal superviżjoni effettiva tal-istituzzjonijiet jew il-gruppi finanzjarji transkonfini.

2.  L-Awtorità għandha tistimula u tiffaċilita d-delega ta' kompiti u responsabbiltajiet bejn awtoritajiet kompetenti billi tidentifika dawk il-kompiti u responsabbiltajiet li jistgħu jiġu ddelegati jew jitwettqu b'mod konġunt u billi tippromwovi l-aħjar prattiċi..

2a.  Id-delega tar-responsabiltajiet għandha tirriżulta fl-allokazzjoni mill-ġdid tal-kompetenzi stipulati fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2). Il-liġi tal-Awtorità li għandha d-delega għandha tiggverna l-proċedura, l-infurzar, ir-reviżjoni ġudizzjarja u amministrattiva marbuta mar-responsabiltajiet iddelegati.

3.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-Awtorità bil-ftehimiet ta' delega li jkunu biħsiebhom jagħmlu. Huma għandhom idaħħlu fis-seħħ il-ftehimiet mhux qabel xahar li jkunu infurmaw lill-Awtorità.

L-Awtorità tista' tagħti opinjoni dwar il-ftehim intenzjonat fi żmien xahar li tiġi infurmata.

L-Awtorità għandha tippubblika kwalunkwe ftehim ta' delega kif konkluż mill-awtoritajiet kompetenti bil-mezzi xierqa, sabiex tiżgura li l-partijiet kollha konċernati jkunu infurmati sewwa.

Artikolu 14

Kultura superviżorja komuni

1.  L-Awtorità għandu jkollha rwol attiv fil-bini ta' kultura superviżorja komuni Ewropea u prattiċi superviżorji konsistenti, u biex jiġu żgurati proċeduri uniformi u approċċi konsistenti madwar l-Unjoni Ewropea u, bħala minimu, għandha twettaq l-attivitajiet li ġejjin:

   (a) tipprovdi opinjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti;
   (b) tippromwovi skambju bilaterali u multilaterali effikaċi ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, b'rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data pprovduti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea rilevanti;
   (c) tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' standards superviżorji uniformi u ta' kwalità għolja, fosthom standards tar-rapportar, u standards internazzjonali tal-kontabilità skont l-Artikolu 1(2a);
   (d) tanalizza l-applikazzjoni tal-istandards regolatorji tekniċi u ta' implimentazzjoni tekniċi rilevanti adottati mill-Kummissjoni, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Awtorità u tipproponi emendi fejn meħtieġ;
   (e) tistabbilixxi programmi ta' taħriġ settorjali u transsettorjali, tiffaċilita skambji tal-persunal u tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintensifikaw l-użu ta' skemi tal-issekondar u strumenti oħra.

2.  L-Awtorità tista“, kif ikun adatt, tiżviluppa strumenti prattiċi ġodda u għodod ta' konverġenza biex tippromwovi approċċi u prattiċi superviżorji komuni.

Artikolu 15

Evalwazzjoni orizzontali tal-awtoritajiet kompetenti

1.  Minn żmien għall-ieħor l-Awtorità għandha torganizza u twettaq evalwazzjoni tal-evalwazzjonijiet orizzontali ta' xi wħud mill-attivitajiet jew tal-attivitajiet kollha tal-awtoritajiet kompetenti, sabiex tiżdied aktar il-konsistenza fir-riżultati superviżorji. Għal dan il-għan, l-Awtorità għandha tiżviluppa metodi biex tkun tista' tagħmel valutazzjoni u tqabbil oġġettiv bejn l-awtoritajiet analizzati. Fit-twettiq ta' evalwazzjonijiet orizzonatali, għandu jittieħed kont tal-informazzjoni eżistenti u tal-evalwazzjonijiet li jkunu diġà saru fir-rigward tal-awtorità kompetenti kkonċernata.

2.  L-evalwazzjoni orizzontali għandha tinkludi valutazzjoni ta', iżda mhux limitata għal:

   (a) l-adegwatezza tal-arranġamenti tar-riżorsi u tal-governanza tal-awtorità kompetenti, b'attenzjoni partikolari għall-applikazzjoni effikaċi tal-istandards regolatorji tekniċi u l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 7 u 7e u fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u għall-kapaċità li tirrispondi għall-iżviluppi tas-suq;
   (b) il-livell ta' konverġenza milħuq fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u fil-prattika superviżorja, inklużi l-istandards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet adottati skont l-Artikoli 7 u 8, u kemm il-prattika superviżorja qiegħda tilħaq l-għanijiet stipulati fil-liġi tal-Unjoni;
   (c) prattiki tajba żviluppati minn xi awtoritajiet kompetenti li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għal awtoritajiet kompetenti oħra sabiex jadottawhom.
     (d) l-effikaċja u l-grad ta' konverġenza miksuba rigward l-infurzar tad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, inklużi l-miżuri amministrattivi u s-sanzjonijiet imposti kontra lpersuni responsabbli fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew rispettati.

3.  Abbażi tal-evalwazzjoni orizzontali, l-Awtorità tista' toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 8 indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti. L-Awtorità għandha tqis ir-riżultat tar-reviżjoni orizzontali meta tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji jew standards tekniċi ta' implimentazzjoni skont l-Artikoli 7 sa 7e. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu ħilithom biex isegwu l-parir mogħti mill-Awtorità. Fejn l-awtorità kompetenti ma ssegwix dan il-parir, hija għandha tinforma lill-Awtorità bir-raġunijiet tagħha.

L-Awtorità għandha tagħmel disponibbli pubblikament l-aqwa prattiki li jistgħu jkunu identifikati minn dawk ir-reviżjonijiet tal-pari. Barra minn dan, ir-riżultati l-oħra kollha tal-evalwazzjonijiet orizzontali jistgħu jiġu żvelati b'mod pubbliku, soġġett għall-ftehim tal-awtorità kompetenti li hi s-suġġett tal-evalwazzjoni orizzontali.

Artikolu 16

Funzjoni ta' koordinament

1.  L-Awtorità għandha taqdi rwol ġenerali ta' koordinament bejn l-awtoritajiet kompetenti, inkluż fejn żviluppi avversi jistgħu potenzjalment jipperikolaw il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni Ewropea.

2.  L-Awtorità għandha tippromwovi rispons tal-Unjoni Ewropea koordinat, fost l-oħrajn billi:

   (1) tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti;
   (2) tiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni u, fejn ikun possibbli u adatt, tivverifika l-affidabbiltà tal-informazzjoni li għandha titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati kollha;
   (3) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, twettaq medjazzjoni mhux vinkolanti fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti jew fuq inizjattiva tagħha stess;
   (4) tinnotifika mingħajr dewmien lill-BERS dwar sitwazzjonijiet potenzjali ta' emerġenza;
     (4a) tieħu l-miżuri kollha xierqa fil-każ ta' żviluppi li jistgħu jipperikolaw il-funzjonament tas-swieq finanzjarji bl-għan li jiffaċilitaw il-koordinazzjoni ta' azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti;
     (4b) tiċċentralizza l-informazzjoni riċevuta skont l-Artikoli 12 u 20 mill-awtoritajiet kompetenti bħala riżultat tal-obbligi ta' rappurtar regolatorju għall-istituzzjonijiet li huma attivi f'aktar minn Stat Membru wieħed L-Awtorità għandha taqsam dik l-informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti l-oħra konċernati.

Artikolu 17

Valutazzjoni tal-iżviluppi fis-suq

1.  L-Awtorità għandha timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenza tagħha u, fejn ikun meħtieġ, tinforma lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Servizzi Bankarji), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Titoli u Swieq), lill-BERS u lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bix-xejriet mikroprudenzjali rilevanti, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet. L-Awtorità għandha tinkludi fl-evalwazzjonijiet tagħha analiżi ekonomika tas-swieq li joperaw fihom l-istituzzjonijiet finanzjarji, u evalwazzjoni tal-impatt ta' żviluppi potenzjali fis-suq fuqhom.

1a.  F'kooperazzjoni mal-BERS, l-Awtorità għandha tagħti bidu u tikkoordina valutazzjonijiet madwar l-Unjoni Ewropea kollha dwar ir-reżistenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżviluppi avversi tas-suq. Għal dak il-għan, hija għandha tiżviluppa dawn li ġejjin, biex jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti:

   (a) metodoloġiji komuni biex jiġi vvalutat l-effett ta' xenarji ekonomiċi fuq il-pożizzjonijiet finanzjarji ta' istituzzjoni;
   (b) approċċi komuni għall-komunikazzjoni dwar l-eżiti ta' dawn il-valutazzjonijiet tar-reżistenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji;
     (ba) metodoloġiji komuni għall-evalwazzjoni tal-effett ta' prodotti partikulari jew proċessi ta' distribuzzjoni fuq il-pożizzjoni finanzjarja ta' istituzzjoni u fuq id-detenturi tal-poloz, il-benefiċjarji u t-tagħrif tal-konsumatur;

2.  Mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-BERS imniżżlin fir-regolament (UE) Nru …/2010 [BERS], l-Awtorità għandha, mill-anqas darba fis-sena, u aktar ta' spiss skont il-ħtieġa, tipprovdi valutazzjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS dwar ix-xejriet, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet fil-qasam tal-kompetenza tagħha.

L-Awtorità għandha tinkludi klassifikazzjoni tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet prinċipali f'dawn il-valutazzjonijiet u, fejn ikun meħtieġ, tirrakkomanda azzjonijiet ta' prevenzjoni jew ta' rimedju.

3.  L-Awtorità għandha tiżgura kopertura adegwata tal-iżviluppi, riskji u vulnerabbiltajiet transsettorjali billi tikkoopera mill-qrib mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Servizzi Bankarji) u mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Titoli u s-Swieq) permezz tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 18

Relazzjonijiet internazzjonali

1.  Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri, l-Awtorità tista' tiżviluppa kuntatti u tidħol f'arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet superviżorji, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-korpi amministrattivi ta' pajjiżi terzi. Dawn l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi legali fir-rigward tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u lanqas ma għandhom iżommu lill-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom milli jikkonkludu arranġamenti bilaterali jew multilaterali ma' pajjiżi terzi.

2.  L-Awtorità għandha tassisti fit-tħejjija ta' deċiżjonijiet ta' ekwivalenza fir-rigward ta' reġimi superviżorji f'pajjiżi terzi skont l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

3.  Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 28 (4a), l-Awtorità għandha tistabbilixxi l-arranġamenti amministrattivi u d-deċiżjonijiet ekwivalenti u l-assistenza pprovduta fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza miftehma ma' organizzazzjonijiet jew amministrazzjoni internazzjonali f'pajjiżi terzi u l-assistenza pprovduta fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza.

Artikolu 19

Kompiti oħrajn

1.  L-Awtorità tista“, fuq talba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tagħha stess, tipprovdi opinjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar kull kwistjoni marbuta mal-qasam ta' kompetenza tagħha.

1a.  F'każijiet fejn l-Awtorità ma tkunx issottomettiet abbozz ta' standards tekniċi regolatorji jew standards tekniċi ta' implimentazzjoni fiż-żmien stabbilit fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1 (2) jew fejn l-ebda limitu ta' żmien ma jkun ġie stabbilit, il-Kummissjoni tista' titlob abbozz tali u tistabbilixxi limitu ta' żmien għall-preżentazzjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni tista“, minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, titlob li abbozz ta' standards tekniċi regolatorji jew standards tekniċi ta' implimentazzjoni jkunu sottomessi qabel l-iskadenza stabbilita fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1 (2). F'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddikjara ġustifikazzjoni xierqa.

2.  Fir-rigward tal-valutazzjonijiet prudenzjali tal-amalgamazzjonijiet u akkwiżizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE u li skont dik id-Direttiva jirrikjedu konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti minn żewġ Stati Membri jew aktar, l-Awtorità tista“, ▌fuq applikazzjoni ta' waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, toħroġ u tippubblika opinjoni dwar il-valutazzjoni prudenzjali. L-opinjoni għandha tinħareġ fil-ħin u fi kwalunkwe każ qabel it-tmiem tal-perjodu ta' valutazzjoni skont id-Direttiva 2009/138/KE. L-Artikolu 20 għandu japplika għall-oqsma li l-Awtorità tista” toħroġ opinjoni dwarhom.

Artikolu 20

Ġbir ta' informazzjoni

1.  Meta jintalbu mill-Awtorità, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ▌għandhom jipprovdu lill-Awtorità bl-informazzjoni kollha neċessarja sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha b'dan ir-Regolament, sakemm id-destinatarju jkollu aċċess legali għad-data relevanti, u sakemm it-talba għall-informazzjoni tkun proporzjonata f'dak li għandu x'jaqsam man-natura tal-kompitu kkonċernat.

1a.  L-Awtorità tista' ukoll titlob li l-informazzjoni tiġi pprovduta f'intervalli rikorrenti. Dawn it-talbiet għandhom, fejn possibbli, jużaw formats ta' rappurtar komuni.

1b.  Fuq talba ġġustifikata debitament minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru, l-Awtorità tista' tipprovdi kull informazzjoni ta' dan it-tip li jkun hemm bżonn biex l-awtorità nazzjonali tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha, skont l-obbligi tas-segretezza professjonali stipulati fil-leġiżlazzjoni settorjali u fl-Artikolu 56.

1c.  Qabel ma titlob informazzjoni skont dan l-Artikolu u biex tiġi evitata duplikazzjoni tal-obbligu ta' rappurtar, l-Awtorità għandha l-ewwel tqis kwalunkwe statistiki rilevanti eżistenti li jkunu saru, ġew imxerrda u żviluppati mis-Sistema Ewropea tal-Istatistika u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

2.  Fejn l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew ma tingħatax fil-ħin mill-awtoritajiet kompetenti, l-Awtorità tista' tindirizza talba ġġustifikata u rraġunata b'mod dovut lil awtoritajiet superviżorji oħrajn, lill-Ministru tal-Finanzi fejn dan tal-aħħar ikollu informazzjoni prudenzjali għad-dispożizzjoni tiegħu, lill-bank ċentrali jew lill-uffiċċju tal-istatistika tal-Istat Membru kkonċernat.

2a.  Fejn l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew ma tkunx disponibbli skont il-paragrafi 1 jew 2 f'waqtha, l-Awtorità tista' tindirizza talba ġġustifikata u rraġunata b'mod dovut lill-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti. It-talba rraġunata għandha tispjega għaliex hi meħtieġa d-data dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji individwali rispettivi.

L-Awtorità għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti bit-talbiet f'konformità mal-paragrafi 2 u 2a.

Fuq it-talba tal-Awtorità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jassistu lill-Awtorità fil-ġbir ta' din l-informazzjoni.

3.  L-Awtorità tista' tuża biss l-informazzjoni kunfidenzjali li tirċievi skont dan l-Artikolu għall-finijiet li twettaq il-kompiti assenjati lilha minn dan ir-Regolament.

Artikolu 21

Relazzjoni mal-BERS

1.  L-Awtorità ▌għandha tikkoopera mill-qrib u b'mod regolari mal-BERS.

2.  L-Awtorità għandha ▌tipprovdi lill-BERS b'informazzjoni regolari u aġġornata li hija meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu. Kwalunkwe informazzjoni neċessarja għall-ilħuq tal-kompiti tagħha, li ma tkunx f'format fil-qosor jew kollettiv, għandha tiġi pprovduta mingħajr dewmien lill-BERS wara talba motivata, kif speċifikat fl-Artikolu [15] tar-Regolament (KE) Nru …./2010 [BERS]. L-Awtorità, b'kooperazzjoni mal-BERS, għandu jkollha l-proċeduri interni adegwati għat-trażmissjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali b'mod aprtikolari rigward istituzzjonijiet finanzjarji individwali.

3.  B'konformità mal-paragrafi 4 u 5, l-Awtorità għandha tiżgura segwitu xieraq għat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-BERS imsemmija fl-Artikolu [16] tar-Regolament (KE) Nru …/2010 [BERS].

4.  Malli tasal twissija jew rakkomandazzjoni mill-BERS indirizzata lill-Awtorità, hija għandha ssejjaħ laqgħa tal-Bord tas-Superviżuri mingħajr dewmien u tivvaluta l-implikazzjonijiet ta' tali twissija jew rakkomandazzjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

Hija għandha tiddeċiedi, permezz tal-proċedura rilevanti għat-teħid tad-deċiżjonijiet, jekk għandhiex tieħu kwalunkwe azzjoni f'konformità mas-setgħat mogħtija lilha b'dan ir-Regolament biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati fit-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet.

Jekk l-Awtorità ma taġixxix ulterjorment dwar rakkomandazzjoni, hija għandha tispjega lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-BERS ir-raġunijiet tagħha għaliex ma għamlitx dan.

5.  Mal-irċevuta ta' twissija jew rakkomandazzjoni mill-BERS indirizzata lil awtorità kompetenti, l-Awtorità għandha, fejn ikun rilevanti, tuża s-setgħat ikkonferiti lilha b'dan ir-Regolament sabiex tiżgura segwitu f'waqtu.

Meta d-destinatarju ma jkunx biħsiebu jsegwi r-rakkomandazzjoni tal-BERS, hu għandu jinforma u jiddiskuti mal-Bord tas-Superviżuri r-raġunijiet tiegħu għan-nuqqas ta' azzjoni.

L-awtorità kompetenti għandha tieħu kont dovut tal-opinjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri meta tinforma lill-Kunsill u l-BERS skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [BERS].

6.  Fit-twettiq tal-kompiti tagħha mniżżlin f'dan ir-Regolament, l-Awtorità għandha tagħti l-akbar konsiderazzjoni għat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-BERS.

Artikolu 22

Grupp tal-Partijiet Interessati fl-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u Grupp tal-Partijiet Interessati fil-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol

1.  Sabiex tiġi ffaċilitata l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati f'oqsma rilevanti għall-kompiti tal-Awtorità, għandhom jitwaqqfu Grupp tal-Partijiet Interessati fl-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni, u Grupp tal-Partijiet Interessati fil-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol (“il-Gruppi tal-Partijiet Interessati”). Il-Gruppi tal-Partijiet Interessati għandu jiġu kkonsultati dwar azzjonijiet meħuda skont l-Artikolu 7 dwar l-istandards tekniċi regolatorji u l-istandards tekniċi ta implimentazzjoni, u sal-limitu li dawn ma jikkonċernawx l-istituzzjonijiet finanzjarji individwali, l-Artikolu 8 dwar linji gwida u rakkomandazzjonijiet. Jekk iridu jittieħdu azzjonijiet b'mod urġenti u l-konsultazzjoni ssir impossibbli, il-Gruppi tal-Partijiet Interessati għandhom jiġu informati malajr kemm jista' jkun.

Il-Gruppi tal-Partijiet Interessati għandu jiltaqa' mill-inqas erba' darbiet fis-sena, fl-istess data u post u għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-kwistjonijiet diskussi li ma jkunux diskussi komunement.

Membri ta' grupp tal-partijiet interessati jistgħu ikunu wkoll membri tal-gruppi l-oħra tal-partijiet interessati.

2.  Il-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni għandu jkun kompost minn 30 membru, li jirrappreżentaw b'mod proporzjonat id-ditti fil-qasam tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni li joperaw fl-Unjoni, l-impjegati tagħhom kif ukoll il-konsumaturi, l-utenti tas-servizzi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni u r-rappreżentanti tal-SMEs. Mill-inqas ħamsa mill-membri għandhom akkademiċi ta' livell għoli. Għaxra mill-membri tiegħu għandhom jirrappreżentaw istituzzjonijiet finanzjarji u tlieta minn dawn l-għaxra għandhom jirrappreżentaw assikuraturi jew riassikuraturi kooperattivi jew mutwi.

2a.  Il-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Penzjonijiet tax-Xogħol għandu jkun kompost minn 30 membru, li jirrappreżentaw b'mod proporzjonat lill-Istituzzjonijiet tal-Provvista ta' Rtirar mix-Xogħolli joperaw fl-Unjoni, l-impjegati tagħhom, ir-rappreżentanti kif ukoll il-konsumaturi, l-utenti tas-servizzi li jipprovdu rtirar mix-xogħol u r-rappreżentanti tal-SMEs. Mill-inqas ħamsa mill-membri għandhom akkademiċi ta' livell għoli. Għaxra mill-membri tiegħu għandhom jirrappreżentaw istituzzjonijiet finanzjarji.

3.  Il-membri tal-Gruppi tal-Partijiet Interessati ▌għandhom jinħatru mill-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità, wara proposti mill-partijiet interessati rilevanti. Fit-teħid tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tas-Superviżuri għandu, safejn ikun possibbli, jiżgura bilanċ u rappreżentanza ġeografika u tas-sessi xierqa tal-partijiet interessati madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

Fit-teħid tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tas-Superviżuri għandu jiżgura li l-membri kollha li ma jirrapreżentawx lill-parteċipanti professjonali fis-suq jew lill-impjegati tagħhom jiżvelaw kull kunflitt ta' interess potenzjali.

3a.  L-Awtorità għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa u tiżgura appoġġ segretarjali adegwat għall-Gruppi tal-Partijiet Interessati. Għandu jingħata kumpens xieraq tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar lill-membri tal-Gruppi tal-Partijiet Interessati li jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet bla skop ta' lukru. Il-Gruppi jistgħu jistabbilixxu gruppi ta' ħidma dwar kwistjonijiet tekniċi.

4.  Il-membri tal-Gruppi tal-Partijiet Interessati ▌għandhom iservu għal perijodu ta' sentejn u nofs, li warajh issir proċedura ġdida tal-għażla.

Il-membri jistgħu jservu żewġ termini wara xulxin.

5.  Il-Grupp tal-Partijiet Interessati ▌jista' jissottometti opinjonijiet u pariri lill-Awtorità dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-kompiti tal-Awtorità b'attenzjoni partikolari mogħtija lil kompiti stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 7e, 8, 14, 15 u 17.

6.  Il-Gruppi tal-Partijiet Interessati ▌għandhom jadottaw ir-regoli ta' proċedura tagħhom fuq il-bażi ta' ftehim b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri.

7.  L-Awtorità għandha tippubblika l-opinjonijiet u l-pariri tal-Gruppi tal-Partijiet Interessati u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet tagħhom.

Artikolu 23

Salvagwardji

1.  Fejn Stat Membru jqis li deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 10(2) jew l-Artikolu 11 tippreġudika b'mod dirett u sinifikanti r-responsabbiltajiet fiskali tiegħu, huwa għandu jinnotifika lill-Awtorità, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-Awtorità lill-awtorità kompetenti dwar jekk se jikkonformax jew le ma' dik id-deċiżjoni. Fin-notifika tiegħu, l-Istat Membru għandu jispjega għaliex u għandu jipprovdi valutazzjoni tal-impatt dwar kemm id-deċiżjoni tippreġudika r-responsabbiltajiet fiskali tiegħu.

2.  Fi żmien xahar minn-notifika mill-Istat Membru, l-Awtorità għandha tinforma lill-Istat Membru jekk tkunx sejra żżomm id-deċiżjoni tagħha jew tkunx sejra temendaha jew tirrevokaha.

3.  Fejn l-Awtorità żżomm id-deċiżjoni tagħha, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni dwar jekk id-deċiżjoni tal-Awtorità tinżammx jew tiġix irrevokata. Id-deċiżjoni biex tinżamm id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tittieħed minn maġġoranza sempliċi tal-membri. Id-deċiżjoni biex tiġi revokata d-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tittieħed minn maġġoranza kwalifikata tal-membri tagħha. Fl-ebda minn dawn il-każi ma għandu jitqies il-vot tal-Membri kkonċernati.

3a.  Fejn il-Kunsill ma jiħux deċiżjoni fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol fil-każ tal-Artikolu 10 u xahar fil-każ tal-Artikolu 11, id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha titqies li tkun inżammet.

3b.  Jekk deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 10 twassal għall-użu tal-fondi stabbiliti skont l-Artikolu 12d jew 12e, l-Istati Membri ma jistgħux jitolbu lill-Kunsill biex iżomm jew jirrevoka deċiżjoni meħuda mill-Awtorità.

Artikolu 24

Proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet

1.  Qabel tieħu d-deċiżjonijiet previsti f'dan ir-Regolament, l-Awtorità għandha tinforma lil kwalunkwe destinatarju msemmi bl-intenzjoni tagħha li tadotta d-deċiżjoni, filwaqt li tistabbilixxi limitu taż-żmien li fih id-destinatarju jista' jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni, b'kunsiderazzjoni sħiħa tal-urġenza, il-kumplessità u l-konsegwenzi potenzjali tal-kwistjoni. Dan japplika mutatis mutandis għar-rakkomandazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 9(4).

2.  Id-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati.

3.  Id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiġu infurmati bir-rimedji legali disponibbli skont dan ir-Regolament.

4.  Fejn l-Awtorità tkun ħadet deċiżjoni skont l-Artikolu 10(2) jew (3), hija għandha tirrevedi dik id-deċiżjoni f'intervalli xierqa.

5.  Id-deċiżjonijiet li l-Awtorità tieħu skont l-Artikoli 9, 10 u 11 għandhom isiru pubbliċi u hija għandha tiddikjara l-identità tal-awtorità kompetenti jew tal-istituzzjoni finanzjarja konċernata u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, sakemm pubblikazzjoni ta' dan it-tip ma tmurx kontra l-interess leġittimu tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom jew ma tipperikolax serjament il-funzjonament b'ordni u l-integrità tas-swieq finanzjarji, jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, kollha kemm hi, jew parzjalment.

KAPITOLU III

ORGANIZZAZZJONI

Taqsima 1

Bord ta' Superviżuri

Artikolu 25

Kompożizzjoni

1.  Il-Bord tas-Superviżuri għandu jkun magħmul minn:

   (a) il-President, li ma jkollux vot;
   (b) il-Kap tal-awtorità pubblika nazzjonali, kompetenti għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 2(1) f'kull Stat Membru, li għandhom jiltaqgħu wiċċ imb'wiċċ tal-inqas darbtejn fis-sena;
   (c) rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni li ma jkollux vot;
   (d) rappreżentant wieħed tal-BERS li ma jkollux vot;
   (e) rappreżentant wieħed ta' kull waħda miż-żewġ Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra li ma jkollhomx vot.

1a.  Il-Bord tas-Superviżuri għandu jiltaqa' b'mod regolari mal-Gruppi tal-Partijiet Interessati, mill-inqas darbtejn f'sena.

2.  Kull awtorità kompetenti għandha tkun responsabbli biex tinnomina membru supplenti ta' livell għoli mill-awtorità tagħha, li jista' jirrappreżenta lill-membru tal-Bord tas-Superviżuri msemmi fil-paragrafu 1(b), f'każ li din il-persuna ma tkunx tista' tattendi.

2a.  Fi Stati Membri fejn ikun hemm aktar minn awtorità kompetenti waħda għas-supervizjoni skont dan ir-Regolament, dawk l-awtoritajiet għandhom jiddeċiedu bejniethom kif għandhom jeżerċitaw ir-rappreżentazzjoni, inkluż kull vot skont l-Artikolu 29.

3.  Il-Bord tas-Superviżuri jista' jiddeċiedi li jdaħħal osservaturi.

Id-Direttur Eżekuttiv jista' jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri mingħajr id-dritt li jivvota.

Artikolu 26

Kumitati interni u Panels

1.  Il-Bord tas-Superviżuri jista' jistabbilixxi kumitati interni jew panels għal kompiti speċifiċi attribwiti lill-Bord tas-Superviżuri, u jista' jipprovdi għad-delega ta' ċerti kompiti u deċiżjonijiet iddefiniti b'mod ċar lil kumitati jew panels interni, lill-Bord Maniġerjali jew lill-President.

2.  Għall-finijiet tal-Artikolu 11, il-Bord tas-Superviżuri għandu jsejjaħ panel indipendenti b'kompożizzjoni ta' membri bbilanċjata sabiex jiffaċilita riżoluzzjoni imparzjali tan-nuqqas ta' qbil, li jkun jikkonsisti mill-President u tnejn mill-membri tiegħu, li ma jkunu la rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu partijiet għan-nuqqas ta' qbil u lanqas ma jkollhom xi interess fil-kunflitt jew rabtiet diretti mal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

2a.  Soġġett għall-Artikolu 11(2), il-panel għandu jipproponi deċiżjoni għall-adozzjoni finali mill-Bord tas-Superviżuri, f'konformità mal-proċedura stabbilita fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 29(1).

2b.  Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta regoli ta' proċedura għall-panel imsemmi fil-paragrafu 2.

Artikolu 27

Indipendenza

1.  Fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b'dan ir-Regolament, il-President u l-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jaġixxu b'mod indipendenti u oġġettiv fl-interess waħdieni tal-Unjoni kollha kemm hi u ma għandhomx ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Unjoni, minn Gvern ta' xi Stat Membru jew minn xi entità pubblika jew privata oħra.

2.  L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u entitajiet pubbliċi jew privati oħrajn m'għandhomx jipprovaw jinfluwenzaw lill-membri tal-Bord ta' Superviżuri fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

Artikolu 28

Kompiti

1.  Il-Bord tas-Superviżuri għandu jagħti gwida lill-ħidma tal-Awtorità u għandu jkun responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-Kapitolu II.

2.  Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, u d-deċiżjonijiet, u joħroġ il-pariri msemmija fil-Kapitolu II.

3.  Il-Bord tas-Superviżuri għandu jaħtar lill-President.

4.  Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta, qabel it-30 ta' Settembru ta' kull sena, abbażi ta' proposta mill-Bord Maniġerjali, il-programm ta' ħidma tal-Awtorità għas-sena sussegwenti, u għandu jittrażmettih għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura baġitarja annwali u għandu jsir pubbliku.

4a.  Il-Bord tas-Superviżuri, fuq il-bażi ta' proposta tal-Bord Maniġerjali, għandu jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, anke dwar il-prestazzjoni tad-doveri tal-President, fuq il-bażi tal-abbozz ta' rapport annwali msemmi fl-Artikolu 38(7) u għandu jittrażmetti dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sal-15 ta' Ġunju ta' kull sena. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.

5.  Il-Bord tas-Superviżuri għandu jodotta l-programm ta' ħidma multiannwali tal-Awtorità, u għandu jgħaddih għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Il-programm ta' ħidma multiannwali għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura baġitarja annwali u għandu jsir pubbliku.

6.  Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta l-baġit f'konformità mal-Artikolu 49.

7.  Il-Bord tas-Superviżuri għandu jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq il-President u d-Direttur Eżekuttiv u jista' jneħħihom mill-kariga skont l-Artikolu 33(5) jew l-Artikolu 36(5) rispettivament.

Artikolu 29

Teħid ta' deċiżjonijiet

1.  ▌Deċiżjoni tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jittieħdu b'maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, skont il-prinċipju li kull membru jkollu vot. ▌

Fir-rigward tal-atti speċifikati fl-Artikoli 7 u 8 u l-miżuri u d-deċiżjonijiet adottati skont il-Kapitolu VI u b'deroga mill-ewwel subparagrafu, il-Bord tas-Superviżuri għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta' maġġoranza kkwalifikata tal-membri tiegħu, kif definit fl-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 36 dwar dispożizzjonijiet transitorji anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE.

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet f'konformità mal-Artikolu 11(3), għal deċiżjonijiet meħuda mis-superviżur li jikkonsolida, id-deċiżjoni proposta mill-panel għandha titqies bħala adottata, jekk approvata b'maġġoranza sempliċi, sakemm ma tiġix rifjutata mill-membri li jirrappreżentaw minoranza li timblokka tal-voti kif definit fl-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE.

Għad-deċiżjonijiet l-oħra kollha f'konformità mal-Artikolu 11(3), id-deċiżjoni proposta mill-panel għandha tiġi adottata b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord tas-Superviżuri skont il-prinċipju ta' membru wieħed vot wieħed.

2.  Il-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jissejħu mill-President fuq l-inizjattiva personali jew fuq talba minn terz tal-membri tiegħu, u għandhom jitmexxew mill-President.

3.  Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta u jippubblika r-regoli proċedurali tiegħu.

4.  Ir-regoli proċedurali għandhom jistabbilixxu fid-dettall l-arranġamenti li jirregolaw il-votazzjoni, inkluż, fejn ikun adatt, ir-regoli li jirregolaw il-kworums. Il-membri mhux votanti u l-osservaturi, bl-eċċezzjoni tal-President u d-Direttur Eżekuttiv, ma għandhom jattendu ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord tas-Superviżuri dwar istituzzjonijiet finanzjarji individwali, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor fl-Artikolu 61 jew fl-atti leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 1(2).

Taqsima 2

BORD MANIĠERJALI

Artikolu 30

Kompożizzjoni

1.  Il-Bord Maniġerjali għandu jkun magħmul mill-President u sitt membri oħra tal-Bord tas-Superviżuri, eletti minn u minn fost il-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri.

Kull membru ħlief il-President għandu jkollu membru supplenti, li jista' jissostitwixxi lill-membru tal-Bord Maniġerjali jekk dik il-persuna ma tkunx tista' tattendi.

Il-mandat tal-membri eletti mill-Bord tas-Superviżuri għandu jkun ta' sentejn u nofs. Dan jista' jiġi estiż darba. Il-kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali għandha tkun ibbilanċjata u proporzjonata u tirrifletti l-Unjoni Ewropea kollha. Il-mandati għandhom ikunu sovrapposti u għandu jiġi applikat arranġament adatt ta' rotazzjoni.

2.  Id-deċiżjonijiet mill-Bord Maniġerjali għandhom jiġu adottati abbażi ta' maġġoranza tal-membri preżenti. Kull membru għandu jkollu vot wieħed.

Id-Direttur Eżekuttiv u rappreżentant tal-Kummissjoni għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord Maniġerjali mingħajr id-dritt li jivvotaw.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkollu d-dritt li jivvota dwar kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 49.

Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta u jippubblika r-regoli proċedurali tiegħu.

3.  Il-laqgħat tal-Bord Maniġerjali għandhom jissejħu mill-President fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta' mill-inqas terz tal-membri tiegħu, u għandhom jitmexxew mill-President.

Il-Bord Maniġerjali għandu jiltaqa' mill-inqas qabel kull laqgħa tal-Bord tas-Superviżuri u kemm-il darba jqis li hemm bżonn. Huwa għandu jiltaqa' mill-inqas ħames darbiet f'sena f'sessjoni ▌.

4.  Mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali, il-membri tal-Bord Maniġerjali jistgħu jkunu megħjunin minn konsulenti jew minn esperti. Bl-eċċezzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, il-membri mingħajr vot ma għandhom jattendu l-ebda diskussjoni mal-Bord Maniġerjali fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji individwali.

Artikolu 31

Indipendenza

Il-membri tal-Bord Maniġerjali għandhom jaġixxu b'mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi, mingħajr ma jfittxu jew jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Unjoni, jew minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi entità pubblika jew privata oħra.

L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni Ewropea, u lanqas kwalunkwe korp ieħor pubbliku jew privat ma għandu jfittex li jinfluwenza l-membri tal-Bord Maniġerjali.

Artikolu 32

Kompiti

1.  Il-Bord Maniġerjali għandu jiżgura li l-Awtorità taqdi l-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha skont dan ir-Regolament.

2.  Il-Bord Maniġerjali għandu jipproponi, għall-adozzjoni mill-Bord tas-Superviżuri, programm ta' ħidma annwali u multiannwali.

3.  Il-Bord Maniġerjali għandu jeżerċita s-setgħat baġitarji tiegħu skont l-Artikoli 49 u 50.

4.  Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta l-pjan politiku tal-Awtorità dwar il-persunal u, skont l-Artikolu 54(2), il-miżuri implimentattivi meħtieġa tar-Regolamenti dwar il-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn “il quddiem ”ir-Regolamenti dwar il-Persunal“).

5.  Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta d-dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt tal-aċċess għad-dokumenti tal-Awtorità, skont l-Artikolu 58.

6.  Il-Bord Maniġerjali ▌għandu jipproponi rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inklużi d-doveri tal-President, abbażi tal-abbozz ta' rapport imsemmi fl-Artikolu 38(7) lill-Bord tas-Superviżuri biex jiġi approvat u sottomess lill-Parlament Ewropew ▌.

7.  Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta u jippubblika r-regoli proċedurali tiegħu.

8.  Il-Bord Maniġerjali għandu jaħtar u jneħħi l-membri tal-Bord tal-Appell skont l-Artikolu 44(3) u 44(5).

Taqsima 3

PRESIDENT

Artikolu 33

Ħatra u kompiti

1.  L-Awtorità għandha tkun irrappreżentata minn President, li għandu jkun professjonist indipendenti b'impjieg sħiħ.

Il-President għandu jkun responsabbli sabiex iħejji x-xogħol tal-Bord tas-Superviżuri u għandu jmexxi l-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri u tal-Bord Maniġerjali.

2.  Il-President għandu jinħatar mill-Bord tas-Superviżuri abbażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji, u l-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja, wara proċedura miftuħa tal-għażla, organizzata u ġestita mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lista qasira ta' tliet kandidati lill-Parlament Ewropew. Wara li jwettaq seduti ta' smigħ ta' dawk il-kandidati, il-Parlament Ewropew għandu jagħżel wieħed minn dawk il-kandidati. Il-kandidat li jintgħażel b'dan il-mod għandu jinħatar mill-Bord tas-Superviżuri.

Il-Bord tas-Superviżuri għandu jeleġġi wkoll membru supplenti minn fost il-membri tiegħu li għandu jwettaq il-funzjonijiet tal-President fin-nuqqas tiegħu. Dak is-sostitut ma għandux ikun membru tal-Bord Maniġerjali.

3.  Il-mandat tal-President għandu jkun ta' ħames snin u jista' jiġi estiż darba.

4.  Matul id-disa' xhur li jippreċedu t-tmiem tal-mandat ta' ħames snin tal-President, il-Bord tas-Superviżuri għandu jivvaluta:

   (a) ir-riżultati miksuba fl-ewwel mandat u kif inkisbu;
   (b) id-dmirijiet u l-ħtiġijiet tal-Awtorità fis-snin ta' wara.

Fid-dawl tal-valutazzjoni, il-Bord tas-Superviżuri jista' jestendi għal darba l-mandat tal-President, soġġett għal konferma mill-Parlament Ewropew.

5.  Il-President jista' jitneħħa mill-kariga biss mill-Parlament Ewropew wara deċiżjoni tal-Bord tas-Superviżuri.

Il-President ma jistax jimpedixxi lill-Bord tas-Superviżuri milli jiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-President, b'mod partikolari l-ħtieġa għat-tneħħija tiegħu u ma għandux ikun involut f'deliberazzjonijiet dwar tali kwistjoni.

Artikolu 34

Indipendenza

Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Bord tas-Superviżuri fir-rigward tal-kompiti tal-President, il-President la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni Ewropea, minn xi gvern ta' Stat Membru jew mingħand xi entità pubblika jew privata oħra.

L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra ma għandhomx jipprovaw jinfluwenzaw lill-President fit-twettiq tal-kompiti tiegħu jew tagħha.

F'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal msemmija fl-Artikolu 54, wara li jitlaq mis-servizz, il-President għandu jibqa' marbut bid-dover tiegħu li jaġixxi b'integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' ċerti ħatriet jew benefiċċji.

Artikolu 35

Rapport

1.  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jistiednu lill-President jew lill-membru supplenti tiegħu jew tagħha, filwaqt li jirrispettaw b'mod sħiħ l-indipendenza tiegħu jew tagħha biex jagħmel dikjarazzjoni. Il-Presdient għandu jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet imressqa minn membri tiegħu kull meta jintalab jagħmel dan.

2.  ▌Il-President għandu jippreżenta rapport bil-miktub dwar l-attivitajiet ewlenin tal-Awtorità lill-Parlament Ewropew meta jintalab jagħmel dan u mill-inqas 15-il jum qabel jagħmel id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

2a.  Flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 7a sa 7e, 8, 9, 10, 11a u 18, ir-Rapport għandu jinkludi wkoll kwalunkwe informazzjoni relevanti mitluba mill-Parlament Ewropew fuq bażi ad hoc.

Taqsima 4

DIRETTUR EŻEKUTTIV

Artikolu 36

Ħatra

1.  L-Awtorità għandha titmexxa mid-Direttur Eżekuttiv, li għandu jkun professjonista indipendenti b'impjieg sħiħ.

2.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord tas-Superviżuri abbażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji, u l-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolazzjoni finanzjarja u l-esperjenza maniġerjali, wara proċedura miftuħa tal-għażla u wara l-konferma tal-Parlament Ewropew.

3.  Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta' ħames snin u jista' jiġi estiż darba.

4.  Matul id-disa' xhur li jippreċedu t-tmiem tal-mandat ta' ħames snin tad-Direttur Eżekuttiv, il-Bord tas-Superviżuri għandu jwettaq evalwazzjoni.

F'dik l-evalwazzjoni, il-Bord tas-Superviżuri għandu jivvaluta b'mod partikolari:

   (a) ir-riżultati miksuba fl-ewwel mandat u kif inkisbu;
   (b) id-dmirijiet u l-ħtiġijiet tal-Awtorità fis-snin ta' wara.

Fid-dawl ta' dik l-evalwazzjoni, il-Bord tas-Superviżuri jista' jestendi għal darba l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv.

5.  Id-Direttur Eżekuttiv jista' jitneħħa mill-kariga biss b'Deċiżjoni tal-Bord tas-Superviżuri.

Artikolu 37

Indipendenza

1.  Mingħajr preġudizzju għar-rwoli rispettivi tal-Bord Maniġerjali u tal-Bord tas-Superviżuri fir-rigward tal-kompiti tad-Direttur Eżekuttiv, id-Direttur Eżekuttiv ma għandu jfittex jew jieħu struzzjonijiet mingħand l-ebda gvern, awtorità, organizzazzjoni jew persuna barra l-Awtorità.

2.  L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra m'għandhomx jipprovaw jinfluwenzaw lid-Direttur Eżekuttiv fit-twettiq ta' dmirijietu.

F'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal msemmija fl-Artikolu 54, wara li jitlaq mis-servizz, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibqa' marbut bid-dover tiegħu li jaġixxi b'integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' ċerti ħatriet jew benefiċċji.

Artikolu 38

Kompiti

1.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli mit-tmexxija tal-Awtorità u għandu jipprepara x-xogħol tal-Bord Maniġerjali.

2.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli biex jimplimenta l-programm ta' ħidma annwali tal-Awtorità taħt il-gwida tal-Bord tas-Superviżuri u taħt il-kontroll tal-Bord Maniġerjali.

3.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu l-miżuri neċessarji, b'mod partikolari l-adozzjoni ta' struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta' avviżi, sabiex jiżgura l-operat tal-Awtorità, skont dan ir-Regolament.

4.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji programm ta' ħidma multiannwali, kif imsemmi l-Artikolu 32(2).

5.  Kull sena sat-30 ta' Ġunju, id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji programm ta' ħidma multiannwali, kif imsemmi l-Artikolu 32(2).

6.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta' baġit preliminari tal-Awtorità skont l-Artikolu 49 u għandu jimplimenta l-baġit tal-Awtorità skont l-Artikolu 50.

7.  Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji abbozz ta' rapport annwali b'taqsima dwar l-attivitajiet regolatorji u superviżorji tal-Awtorità u taqsima dwar il-kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi.

8.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jeżerċita s-setgħat imniżżlin fl-Artikolu 54 fir-rigward tal-persunal tal-Awtorità u jimmaniġġja l-affarijiet tal-persunal.

KAPITOLU IV

SISTEMA EWROPEA TA' SUPERVIŻURI FINANZJARI

Taqsima 2

KUMITAT KONĠUNT TAL-AWTORITAJIET SUPERVIŻORJI EWROPEJ

Artikolu 40

Stabbiliment

1.  L-Awtorità (Kumitat Konġunt) Superviżorja Ewropea hija bil-preżenti stabbilita.

2.  Il-Kumitat Konġunt għandu jservi bħala forum li fih, l-Awtorità għandha tikkoopera regolarment u mill-qrib u għandha tiżgura konsistenza transsettorjali mal-ASE l-oħrajn, b'mod partikolari dwar:

   il-konglomerati finanzjarji;
   il-kontabilità u l-verifika;
   l-analiżijiet mikroprudenzjali ta' żviluppi, riskji u vulnerabilitajiet transsettorjali għall-istabbiltà finanzjarja;
   il-prodotti ta' investiment għall-konsumatur individwali;
   il-miżuri kontra l-ħasil tal-flus; kif ukoll
   skambju ta' informazzjoni mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u l-iżvilupp tar-relazzjoni bejn il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.

3.  Il-Kumitat Konġunt għandu jkollu persunal iddedikat pprovdut mit-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropew li għandu jaġixxi bħala segretarjat. L-Awtorità għandha tikkontribwixxi riżorsi adegwati għall-ispejjeż amministrattivi, infrastutturali u operattivi.

Artikolu 40a

Superviżjoni

Fil-każ li istituzzjoni finanzjarja tkun involuta f'setturi differenti, il-Kumitat Konġunt għandu jsolvi n-nuqqasijiet ta' qbil skont l-Artikolu 42 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 41

Kompożizzjoni

1.  Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul ▌mill-Presidenti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, u, fejn applikabbli, mill-President ta' Sottokumitat stabbilit skont l-Artikolu 43.

2.  Id-Direttur Eżekuttiv, rappreżentant tal-Kummissjoni u l-BERS għandhom jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Bord tal-Kumitat Konġunt ▌kif ukoll għas-Sottokumitati msemmija fl-Artikolu 43 bħala osservaturi.

3.  Il-President tal-Kumitat Konġunt ▌għandu jinħatar fuq bażi ta' rotazzjoni annwali minn fost il-Presidenti tal-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u tas-Swieq. Il-President tal-Kumitat Konġunt maħtur fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandu wkoll jinħatar Viċi President tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

4.  Il-Kumitat Konġunt ▌għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċedura tiegħu stess. Ir-regoli jistgħu jispeċifikaw aktar parteċipanti tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt.

Il-Kumitat Konġunt ▌għandu jiltaqa' għallinqas darba kull xahrejn.

Artikolu 42

Pożizzjonijiet konġunti u atti komuni

Fi ħdan l-ambitu tal-kompiti tagħha fil-Kapitolu II, u b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE, fejn rilevanti, l-Awtorità għandha tasal għal pożizzjonijiet konġunti mal-Awtorità Bankarja Ewropea u mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u tas-Swieq kif xieraq.

Atti skont l-Artikoli 7, 9, 10, jew 11 ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE u ta' kwalunkwe atti leġiżlattivi oħra msemmija fl-Artikolu 1(2) li taqa' wkoll fi ħdan il-qasam ta' kompetenza tal-Awtorità Bankarja Ewropea jew tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u tas-Swieq għandhom jiġu adottati mill-Awtorità, l-Awtorità Bankarja Ewropea, u mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u tas-Swieq, kif xieraq, b'mod parallel.

Artikolu 43

Sottokumitati

1.  Għall-finijiet tal-Artikolu 42, għandu jiġi stabbilit Sottokumitat fuq il-Konglomerati Finanzjarji għall-Kumitat Konġunt ▌.

2.  Dak is-Sottokumitat għandu jkun magħmul mill-individwi msemmija fl-Artikolu 41(1), u minn rappreżentant wieħed ta' livell għoli mill-persunal attwali tal-awtorità kompetenti rilevanti minn kull Stat Membru.

3.  Is-Sottokumitat għandu jeleġġi President minn fost il-membri tiegħu, li għandu jkun membru wkoll tal-Kumitat Konġunt ▌.

4.  Il-Kumitat Konġunt jista' jistabbilixxi aktar Sottokumitati.

Taqsima 3

BORD TAL-APPELL

Artikolu 44

Kompożizzjoni

1.  Il-Bord tal-Appell għandu jkun entità konġunta tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.

2.  Il-Bord tal-Appell għandu jkun magħmul minn sitt membri u sitt membri supplenti, li għandhom ikunu individwi ta' reputazzjoni tajba b'passat ippruvat ta' għarfien rilevanti u esperjenza professjonali, inkluża dik superviżorja, fuq livell għoli biżżejjed fil-qasam tas-swieq bankarji, tal-assikurazzjoni u dawk tat-titoli jew servizzi finanzjarji oħrajn, għajr il-persunal attwali tal-awtoritajiet kompetenti jew ta' istituzzjonijiet nazzjonali jew tal-Unjoni Ewropea oħrajn involuti fl-attivitajiet tal-Awtorità. Għadd sinifikanti ta' membri tal-Bord tal-Appell għandhom ikollhom kompetenza legali suffiċjenti sabiex jipprovdu konsulenza legali esperta dwar il-legalità tal- eżerċizzju tas-setgħat mill-Awtorità.

Il-Bord tal-Appell jaħtar il-President tiegħu.

Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu adottati fuq il-bażi ta' maġġoranza ta' mill-inqas erbgħa mis-sitt membri tiegħu. Fejn id-deċiżjoni soġġetta għall-appell tkun taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, din il-maġġoranza ta' erba' membri għandha tinkludi tal-inqas wieħed miż-żewġ membri tal-Bord tal-Appell maħtur mill-Awtorità.

Il-Bord tal-Appell għandu jitlaqqa' mill-President tiegħu meta jkun hemm bżonn.

3.  Żewġ membri tal-Bord tal-Appell u żewġ membri supplenti għandhom jinħatru mill-Bord Maniġerjali tal-Awtorità minn lista mqassra proposta mill-Kummissjoni, wara sejħa pubblika għal turija ta' interess ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u wara konsultazzjoni tal-Bord tas-Superviżuri.

Il-Membri l-oħra għandhom jinħatru skont ir-Regolament (UE) Nru .../2010 [ABE] u r-Regolament (UE) Nru .../2010 [AETS].

4.  Il-mandat tal-membri tal-Bord tal-Appell għandu jkun ta' ħames snin. Dan il-mandat jista' jiġi estiż darba.

5.  Membru tal-Bord tal-Appell, li jkun inħatar mill-Bord Maniġerjali tal-Awtorità, ma jistax jitneħħa matul il-mandat tiegħu, sakemm ma jkunx instab ħati ta' kondotta ħażina serja, u l-Bord Maniġerjali jieħu deċiżjoni għal dak il-għan wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tas-Superviżuri.

6.  ▌L-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u tas-Swieq għandhom jiżguraw appoġġ operazzjonali u segretarjali adegwat għall-Bord tal-Appell permezz tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 45

Indipendenza u imparzjalità

1.  Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Ma għandhom ikunu marbutin b'ebda struzzjoni. Ma jistgħu jwettqu ebda dmir ieħor fl-Awtorità, fil-Bord Maniġerjali tagħha jew fil-Bord ta' Superviżuri tagħha.

2.  Membri tal-Bord tal-Appell ma jistgħu jieħdu sehem f'ebda proċedura ta' appell jekk ikollhom xi interess personali fiha, jew jekk qabel kienu involuti bħala rappreżentanti ta' waħda mill-partijiet fil-proċedura, jew jekk kienu pparteċipaw fid-deċiżjoni taħt appell.

3.  Jekk, għal waħda mir-raġunijet imsemmija fil-paragrafu 1 u 2 jew għal xi raġuni oħra, membru tal-Bord tal-Appell iqis li membru sieħeb ma għandux jieħu sehem f'xi proċedura ta' appell, il-membru għandu jinforma lill-Bord tal-Appell b'dan.

4.  Kwalunkwe parti fil-proċeduri tal-appell tista' toġġezzjona għall-parteċipazzjoni ta' membru tal-Bord tal-Appell għal kwalunkwe raġuni minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 u 2, jew jekk tkun suspettata b'favoreġġamenti.

Oġġezzjoni ma tistax tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-membri u lanqas ma għandha tkun ammissibbli jekk, filwaqt li tkun konxja ta' raġuni għall-oġġezzjoni, il-parti fil-proċeduri tal-appell tkun xorta waħda ħadet pass proċedurali għajr dak li toġġezzjona għall-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell.

5.  Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi fuq l-azzjoni li għandha tittieħed fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-membru konċernat.

Għall-għanijiet li tittieħed dik id-deċiżjoni, il-membru konċernat għandu jiġi sostitwit fuq il-Bord tal-Appell mill-membri supplenti tiegħu, sakemm il-membru supplenti nnifsu ma jsibx ruħu f'sitwazzjoni simili. Jekk dan ikun il-każ, il-President għandu jaħtar membru supplenti minn fost l-membri supplenti disponibbli.

6.  Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jimpenjaw ruħhom li jaġixxu b'mod indipendenti u fl-interess pubbliku.

Għal dak il-għan, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni tal-impenji u dikjarazzjoni tal-interessi fejn jindikaw jew in-nuqqas ta' kwalunkwe interess li jista' jitqies bħala preġudizzjali għall-indipendenza tagħhom jew ta' interess dirett jew indirett li jista' jitqies bħala preġudizzjali għall-indipendenza tagħhom.

Dawk id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi, annwalment u bil-miktub.

KAPITOLU V

RIMEDJI

Artikolu 46

Appelli

1.  Kwalunkwe persuna naturali jew legali, inkluż awtoritajiet kompetenti, tista' tappella kontra deċiżjoni tal-Awtorità msemmija fl-Artikoli 9, 10 u 11 jew kontra kwalunkwe deċiżjoni oħra meħuda mill-Awtorità skont l-atti leġiżlattivi kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta' deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.

2.  L-appell, flimkien mad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tiegħu, għandu jiġi ppreżentat bil-miktub lill-Awtorità fi żmien xahrejn mid-data tan-notifikazzjoni tad-deċiżjoni lill-persuna konċernata, jew, fin-nuqqas tagħha, mill-jum li fih l-Awtorità tkun ippubblikat id-deċiżjoni tagħha.

Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi fuq l-appell fi żmien xahrejn minn meta l-appell ikun ġie ppreżentat.

3.  Appell li jiġi ppreżentat skont il-paragrafu 1 ma għandux ikollu effett suspensiv.

Madankollu, il-Bord tal-Appell jista“, jekk iqis li ċ-ċirkustanzi jeħtieġu dan, jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

4.  Jekk l-appell ikun wieħed ammissibbli, il-Bord tal-Appell għandu jeżamina jekk dan ikollux bażi tajba. Għandu jistieden ▌lill-partijiet fil-proċeduri tal-appell sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar notifikazzjonijiet maħruġa minnu stess jew dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn fil-proċeduri tal-appell, fi ħdan il-limiti taż-żmien speċifikati. Il-partijiet fil-proċeduri tal-appell għandhom ikunu intitolati jagħmlu preżentazzjoni orali.

5.  Il-Bord tal-Appell jista' jikkonferma d-deċiżjoni meħuda mill-korp kompetenti tal-Awtorità jew ▌ jirreferi l-każ lill-korp kompetenti tal-Awtorità. Dak il-korp għandu jintrabat bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u għandu jadotta deċiżjoni emendata fir-rigward tal-każ ikkonċernat.

6.  Il-Bord tal-Appell għandu jadotta r-regoli proċedurali tiegħu u jagħmilhom pubbliċi.

7.  Id-deċiżjonijiet meħudin mill-Bord tal-Appell għandhom ikunu motivati u magħmulin pubbliċi mill-Awtorità.

Artikolu 47

Azzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

1.  Azzjoni tista' titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 263 tat-TFUE, biex tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, f'każijiet fejn ma jkun hemm ebda dritt tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, mill-Awtorità.

1a.  L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll kull persuna fiżika jew legali, jistgħu jressqu appell direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Awtorità, bi qbil mal-Artikolu 263 tat-TFUE.

2.  Fil-każ li l-Awtorità jkollha obbligu li taġixxi u tonqos milli tieħu deċiżjoni, il-proċeduri għan-nuqqas ta' azzjoni jistgħu jinġiebu quddiem il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 265 tat-TFUE.

3.  L-Awtorità għandha tkun meħtieġa li tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 48

Baġit tal-Awtorità

1.  Id-dħul tal-Awtorità, li hi korp Ewropew skont l-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, għandu jkun jikkonsisti, b'mod partikolari, minn kwalunkwe taħlita ta' dawn li ġejjin:

   (a) kontribuzzjonijiet obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali kompetenti għas-sorveljanza tal-istituzzjonijiet finanzjarji, li għandhom isiru skont formola bbażata fuq l-aġġustament tal-voti stipulat fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE;
   (b) sussidju mill-Unjoni Ewropea, li jiddaħħal fil-baġit ġenerali ▌ (it-Taqsima tal-Kummissjoni); l-iffinanzjar tal-Awtorità mill-Unjoni hu suġġett għal ftehim tal-awtorità baġitarja kif previst fil-Punt 47 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba;
   (c) kwalunkwe tariffa mħallsa lill-Awtorità fil-każijiet speċifikati fl-istrumenti rilevanti tal-liġi tal-Unjoni Ewropea.

2.  In-nefqa tal-Awtorità għandha tinkludi, għallinqas, spejjeż fuq il-persunal, remunerazzjoni, spejjeż amministrattivi, infrastrutturali, spejjeż relatati mat-taħriġ professjonali u spejjeż operazzjonali.

3.  Id-dħul u n-nefqa għandhom jibbilanċjaw.

4.  L-estimi tad-dħul u n-nefqa kollha tal-Awtorità għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, li tikkorrespondi għas-sena kalendarja, u għandhom jiġu ppreżentati fil-baġit tal-Awtorità.

Artikolu 49

Stabbiliment tal-baġit

1.  Sal-15 ta' Frar ta' kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji abbozz ta' dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u n-nefqa għas-sena finanzjarja ta' wara, u għandu jgħaddi dan l-abbozz tal-baġit preliminari lill-Bord Maniġerjali u lill-Bord tas-Superviżuri, flimkien mal-pjan ta' stabbiliment. Kull sena, il-Bord tas-Superviżuri għandu, abbażi tal-abbozz preliminari mfassal mid-Direttur Eżekuttiv, u approvat mill-Bord Maniġerjali, jipproduċi dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-Awtorità għas-sena finanzjarja ta' wara. Dik id-dikjarazzjoni tal-estimi, inkluż pjan ta' stabbiliment, għandha tiġi ppreżentata mill-Bord tas-Superviżuri lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu. Qabel l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-estimi, l-abbozz imħejji mid-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi approvat mill-Bord Maniġerjali.

2.  Id-dikjarazzjoni tal-estimi għandha tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn hawn “il quddiem imsejħa l-”awtorità baġitarja“), flimkien mal-abbozz preliminari tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3.  Fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, l-estimi li tqis li jkun hemm bżonn fir-rigward tal-pjan ta' stabbiliment u l-ammont ta' sussidju li għandu jitħallas lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikoli 313 u 314 tat-TFUE.

4.  L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment għall-Awtorità. L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Awtorità.

5.  Il-baġit tal-Awtorità għandu jiġi adottat mill-Bord tas-Superviżuri. Għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fejn ikun hemm bżonn, dan għandu jiġi aġġustat skont dan.

6.  Il-Bord Maniġerjali għandu, mingħajr telf ta' żmien, jinnotifika lill-awtorità baġitarja bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinnifikanti għall-iffinanzjar tal-baġit tiegħu, b'mod partikolari kwalunwke proġett li jkollu x'jaqsam ma' proprjetà bħall-kiri jew xiri ta' bini. Għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan. Jekk xi fergħa jew oħra tal-awtorità baġitarja jkollha l-ħsieb li toħroġ opinjoni, hija għandha, fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi l-informazzjoni dwar il-proġett, tinnotifika lill-Awtorità bl-intenzjoni tagħha li toħroġ opinjoni bħal din. Fin-nuqqas ta' tweġiba, l-Awtorità tista' tipproċedi bl-operazzjoni ppjanata.

6a.  Għall-ewwel sena ta' operazzjoni tal-Awtorità, li tintemm fil-31 ta' Diċembru 2011, il-bagit għandu jkun approvat mill-Membri tal-Kumitati tal-Livell 3, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni biex wara jintbagħat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jiġi approvat.

Artikolu 50

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaġixxi bħala uffiċjal awtorizzanti u għandu jimplimenta l-baġit tal-Awtorità.

2.  Sal-1 ta' Marzu wara li tintemm kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Awtorità għandu jippreżenta lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, il-kontijiet provviżorji, akkompanjati mir-rapport dwar l-immaniġġjar baġitarju u finanzjarju matul is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Awtorità għandu jibgħat ukoll ir-rapport dwar l-immaniġġjar baġitarju u finanzjarju lill-membri tal-Bord ta' Superviżuri, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara.

Imbagħad, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet provviżorji tal-istituzzjonijet u tal-korpi deċentralizzati skont l-Artikolu 128 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(46), (minn hawn “il quddiem ir-”Regolament Finanzjarju“).

3.  Wara li jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Awtorità skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju, id-Direttur Eżekuttiv, huwa u jaġixxi fil-kapaċità tiegħu, għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Awtorità u jibgħathom, għal opinjoni, lill-Bord Maniġerjali.

4.  Il-Bord Maniġerjali għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Awtorità.

5.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat dawk il-kontijiet finali, flimkien mal-opinjoni tal-Bord Maniġerjali, sal-1 ta' Lulju wara li tintemm is-sena finanzjarja, lill-Membri tal-Bord ta' Superviżuri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

6.  Il-kontijiet finanzjarji għandhom jiġu ppubblikati.

7.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet ta' dan tal-aħħar sat-30 ta' Settembru. Huwa għandu jibgħat wkoll kopja ta' din it-tweġiba lill-Bord Maniġerjali u lill-Kummissjoni.

8.  Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar u hekk kif hemm provdut fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe informazzjoni li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni bla intoppi tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja msemmija.

9.  Il-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel il-15 ta' Mejju tas-sena N + 2, jagħti l-kwittanza lill-Awtorità sabiex timplimenta l-baġit (inklużi l-kosti u d-dħul kolla tal-Awtorità) għas-sena finanzjarja N.

Artikolu 51

Regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità għandhom jiġu adottati mill-Bord Maniġerjali wara li l-Kummissjoni tkun ġiet ikkonsultata. Dawk ir-regoli ma jistgħux ivarjaw mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002(47) sakemm il-ħtiġijiet operazzjonali speċifiċi għall-funzjonament tal-Awtorità ma jkunux jirrikjedu dan bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

Artikolu 52

Miżuri kontra l-frodi

1.  Bil-għan li jiġu miġġielda l-frodi, l-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 għandhom japplikaw għall-Awtorità mingħajr ebda restrizzjoni.

2.  L-Awtorità għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)(48) u għandha tadotta minnufih dispożizzjonijiet xierqa għall-persunal tal-Awtorità.

3.  Id-deċiżjonijiet dwar l-iffinanzjar u l-ftehimiet u l-istrumenti implimentattivi li jirriżultaw minnhom, għandhom jistipulaw b'mod espliċitu li l-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF jistgħu, jekk ikun hemm il-bżonn, iwettqu kontrolli fuq il-post fuq il-benefiċjarji ta' flus li jintnefqu mill-Awtorità kif ukoll fuq il-persunal responsabbli għall-allokazzjoni ta' dawn il-flus.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 53

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Awtorità u għall-persunal tagħha.

Artikolu 54

Persunal

1.  Ir-Regolamenti dwar il-Persunal, il-Kundizzjonijiet tal-impjiegi ta' impjegati oħrajn u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-fini li dawn jiġu applikati, għandhom japplikaw għall-persunal tal-Awtorità, inkluż id-Direttur Eżekuttiv tagħha u l-President tagħha.

2.  Il-Bord Maniġerjali, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri implimentattivi meħtieġa, skont l-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti dwar il-Persunal.

3.  Fir-rigward tal-persunal tagħha, l-Awtorità għandha teżerċita s-setgħat ikkonferiti fuq l-awtorità tal-ħatra mir-Regolamenti dwar il-Persunal u fuq l-awtorità intitolata sabiex tikkonkludi kuntratti skont il-Kundizzjonijiet tal-impjieg ta' persunal ieħor.

4.  Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta dispożizzjonijiet sabiex jippermetti li esperti nazzjonali minn Stati Membri jiġu ssekondati lill-Awtorità.

Artikolu 55

Responsabbiltà tal-Awtorità

1.  Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Awtorità għandha, skont il-prinċìpji ġenerali komuni tal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara li tiġi kkawżata minnha jew mill-persunal tagħha fit-twettiq ta' dmirijietu. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni fi kwalunkwe tilwima fuq ir-rimedju ta' ħsara bħal din.

2.  Ir-responsabbiltà finanzjarja personali u r-responsabbiltà dixxiplinarja tal-persunal tal-Awtorità lejn l-Awtorità għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-persunal tal-Awtorità.

Artikolu 56

Obbligu tas-Segretezza Professjonali

1.  Membri tal-Bord tas-Superviżuri u l-Bord Maniġerjali, id-Direttur Eżekuttiv, u membri tal-persunal tal-Awtorità inkluż uffiċjali li jiġu ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja u l-persuni l-oħra kollha li jwettqu kompiti għall-Awtorità fuq bażi kuntrattwali għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali skont l-Artikolu 339 tat-TFUE u d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni rilevanti, anki wara li jkunu ntemmu dmirijiethom.

Bi qbil mar-Regolamenti tal-Persunal imsemmija fl-Artikolu 54, il-Persunal għandu, wara li jkun ħalla s-servizz, ikompli jkun marbut bid-dmir li jġib ruħu b'integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' ċertu ħatriet jew benefiċċji.

L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, u lanqas kwalunkwe korp ieħor pubbliku jew privat ma għandu jfittex li jinfluwenza l-membri tal-Awtorità.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi kriminali, kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li tasal għand persuni msemmija fil-paragrafu 1 waqt il-qadi ta' dmirijiethom, ma tistax tiġi żvelata lil xi persuna jew awtorità oħra tkun xi tkun, għajr f'forma mqassra jew miġbura, b'tali mod li l-istituzzjonijiet finanzjarji individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.

Barra minn hekk, l-obbligu skont il-paragrafu 1 u l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandux jimpedixxi lill-Awtorità u lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali milli jagħmlu użu mill-informazzjoni għall-infurzar tal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), u b'mod partikolari għal proċeduri legali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet.

3.  Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jimpedixxu lill-Awtorità milli tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali skont dan ir-Regolament u skont leġiżlazzjoni ▌oħra tal-Unjoni applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji.

L-informazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet ta' segretezza professjonali indikata fil-paragrafi 1 u 2. L-Awtorità għandha tistabbilixxi fir-regoli proċedurali interni tagħha, l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli ta' kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.  L-Awtorità għandha tapplika d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom(49).

Artikolu 57

Protezzjoni tad-data

Dan ir-regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom skont id-Direttiva 95/46/KE jew l-obbligi tal-Awtorità relatati mal-ipproċessar tad-data personali tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 waqt il-qadi tar-responsabbiltajiet tagħha.

Artikolu 58

Aċċess għad-dokumenti

1.  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Awtorità.

2.  Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar- Regolament (KE) Nru 1049/2001 sal-31 ta' Mejju 2011.

3.  Id-Deċiżjonijiet meħudin mill-Awtorità skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' ilment lill-Ombudsman jew ta' proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wara appell lill-Bord tal-Appell, kif xieraq, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 228 u 263 tat-TFUE rispettivament.

Artikolu 59

Arranġamenti lingwistiċi

1.  Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1(50) għandhom japplikaw għall-Awtorità.

2.  Il-Bord Maniġerjali għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti lingwistiċi interni għall-Awtorità.

3.  Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-iffunzjonar tal-Awtorità għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjonijiet għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 60

Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali

L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li għandhom jiġu pprovduti għall-Awtorità fl-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tagħha u l-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli minn dak l-Istat Membru, kif ukoll ir-regoli speċifiċi applikabbli f'dak l-Istat Membru għad-Direttur Eżekuttiv, għall-membri tal-Bord Maniġerjali, għall-persunal tal-Awtorità u għall-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Awtorità u dak l-Istat Membru konkluż wara li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Bord Maniġerjali.

Dak l-Istat Membru għandu jipprovdi l-aqwa kundizzjonijiet possibbli sabiex jiżgura l-funzjonament xieraq tal-Awtorità, inkluż skola multilingwi b'orjentazzjoni Ewropea u l-konnessjonijiet xierqa tat-trasport.

Artikolu 61

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1.  Il-parteċipazzjoni fix-xogħol tal-Awtorità għandha tkun miftuħa għal pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea u li jkunu kkonkludew ftehimiet mal-Unjoni li permezz tagħhom, huma jkunu adottaw u qegħdin japplikaw il-liġi tal-Unjoni fil-qasam ta' kompetenza tal-Awtorità kif imsemmi fl-Artikolu 1(2).

1a.  L-Awtorità tista' tippermetti l-parteċipazzjoni ma' pajjiżi terzi li japplikaw leġiżlazzjoni li tkun ġiet rikonoxxuta bħala ekwivalenti fil-oqsma ta' kompetenza tal-Awtorità msemmija fl-Artikolu 1 (2), kif previst fil-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni skont l-Artikolu 216 tat-TFUE.

2.  Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dawn il-ftehimiet, għandhom isiru arranġamenti li jispeċifikaw, b'mod partikolari, in-natura, l-iskop u l-aspetti proċedurali tal-involviment ta' dawn il-pajjiżi fix-xogħol tal-Awtorità, inkluż dispożizzjonijiet relatati mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji u mal-persunal. Jistgħu jipprevedu rappreżentanza, bħala osservatur, fuq il-Bord tas-Superviżuri, iżda għandhom jiżguraw li dawn il-pajjiżi ma jattendux għal xi diskussjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet finanzjarji individwali, għajr fejn ikun hemm interess dirett.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 62

Azzjonijiet preparatorji

-1.  Matul il-perjodu wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u qabel it-twaqqif tal-Awtorità, is-CEIOPS għandu jaħdem f'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni biex jipprepara għas-sostituzzjoni tas-CEIOPS mill-Awtorità.

1.  Ladarba l-Awtorità tkun ġiet stabbilita, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment amministrattiv u l-operat amministrattiv inizjali tal-Awtorità sakemm l-Awtorità ikollha l-kapaċità operazzjonali.

Għal dak il-għan, sakemm id-Direttur Eżekuttiv jassumi d-doveri tiegħu jew tagħha wara l-ħatra tiegħu mill-Bord tas-Superviżuri f'konformità mal-Artikolu 36, il-Kummissjoni tista' tassenja uffiċjal wieħed fuq bażi interim sabiex iwettaq il-funzjonijiet tad-Direttur Eżekuttiv. Dan il-perjodu għandu jkun limitat sal-waqt meta l-Awtorità jkollha l-kapaċità operazzjonali li timplimenta l-baġit tagħha stess.

2.  Id-Direttur Eżekuttiv interim jista' jawtorizza l-pagamenti kollha koperti bi krediti pprovduti fil-baġit tal-Awtorità, ladarba jiġu approvati mill-Bord Maniġerjali u jista' jikkonkludi kuntratti, inkluż kuntratti tal-persunal wara l-adozzjoni tal-pjan ta' stabbiliment tal-Awtorità.

3.  Il-paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Bord tas-Superviżuri u tal-Bord Maniġerjali.

3a.  L-Awtorità għandha titqies bħala s-suċċessur legali tas-CEIOPS. L-assi u l-passivi kollha eliġibbli u l-operazzjonijiet kollha pendenti tas-CEIOPS jista' jiġu trasferiti lill-Awtorità. Awditur indipendenti għandu jistabbilixxi dikjarazzjoni li turi is-sitwazzjoni tal-attivi u l-passiv tas-CEIOPS fil-punt tal-għeluq. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi vverifikata u approvata mill-membri tas-CEIOPS u mill-Kummissjoni qabel ma jsir kwalunkwe trasferiment ta' attivi jew passivi.

Artikolu 63

Dispożizzjonijiet transitorji dwar il-Persunal

1.  Permezz ta' deroga mill-Artikolu 54, il-kuntratti ta' impjieg u l-ftehimiet ta' issekondar kollha konklużi mis-CEIOPS jew is-Segretarjat tiegħu u fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu onorati sad-data tal-iskadenza tagħhom. Ma jistgħux jiġu estiżi.

2.  Il-membri kollha tal-persunal imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu offruti l-possibbiltà li jikkonkludu kuntratti ta' aġenti temporanji skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta' Impjegati Oħrajn fil-gradi varji, hekk kif stabbilit fil-pjan ta' stabbiliment tal-Awtorità.

Għandha ssir għażla interna limitata għal persunal tas-CEIOPS jew tas-Segretarjat tiegħu, imsemmi fil-paragrafu 1, wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament mill-awtorità awtorizzata sabiex tikkonkludi kuntratti sabiex tiġi ċċekkjata l-abbiltà, l-effiċjenza u l-integrità ta' dawk li jkunu sejrin jiġu reklutati. Il-proċedura tal-għażla interna għandha tqis għal kollox il-ħiliet u l-esperjenza murija mill-prestazzjoni tal-individwu qabel ir-reklutaġġ.

3.  Jiddependi fuq it-tip u l-livell ta' funzjonijiet li għandhom jitwettqu, l-applikanti li jintgħażlu jiġu offruti kuntratti ta' aġenti temporanji applikabbli għal tul ta' żmien li għallinqas jikkorrespondi għaż-żmien li jkun għad baqa' taħt il-kuntratt preċedenti.

4.  Il-liġi nazzjonali rilevanti relatata mal-kuntratti tax-xogħol u ma' strumenti rilevanti oħrajn għandha tkompli tapplika għal membri tal-persunal b'kuntratti preċedenti li jagħżlu li ma japplikawx għal kuntratti ta' aġenti temporanji jew li ma jiġux offruti kuntratti ta' aġenti temporanji skont il-paragrafu 2.

Artikolu 63a

Dispożizzjonijiet nazzjonali

L-Istat Membru għandu jagħmel tali dispożizzjoni kif adatt biex jiżgura l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 64

Emendi

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament Nru 716/2009/KE ▌hija bil-preżenti emendata billi s-CEIOPS qiegħed jitneħħa mil-lista ta' benefiċjarji stabbilita fit-Taqsima B tal-Anness għal dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 65

Tħassir

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE, li tistabbilixxi l-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol, qed bil-preżenti titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2011.

Artikolu 66

Klawżola ta' reviżjoni

-1.  Sa ...(51), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-proposti meħtieġa għat-tisħiħ tas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet i jista' jkollhom il-potenzjal li jippreżentaw riskju sistemiku kif imsemmi fl-Artikolu 12b u t-twaqqif ta' qafas ġdid għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji, inklużi arranġamenti ta' finanzjarjament.

1.  Sa ...(52)*. u kull tliet snin minn hemm “il quddiem, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-proposti meħtieġa biex tiżgura l-istabbiliment ta' qafas ta' riżoluzzjoni kredibbli, inklużi s-sistemi ta' kontribuzzjonijiet mill-istituzzjonijiet finanzjarji li jkollhom riskji sistemiċi u tippubblika rapport ġenerali dwar l-esperjenza miksuba bħala riżultat tal-operat tal-Awtorità u l-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jevalwa, inter alia:

     (a) il-konverġenza fil-prattiki superviżorji milħuqa mill-awtoritajiet kompetenti;
     (b) il-funzjonament tal-kulleġġi tas-superviżuri;
     (c) il-progress miksub lejn il-konverġenza fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-kriżijiet, il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni, inklużi mekkaniżmi Ewropej ta' finanzjament;
     (d) jekk, partikolarment fid-dawl tal-progress miksub rigward il-kwistjonijiet imsemmija fil-punt (c), ir-rwol tal-Awtorità fis-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jippreżentaw riskju sistemiku potenzjali għandux jiġi msaħħaħ u jekk għandhiex teżerċita setgħat superviżorji akbar fuq dawk l-istituzzjonijiet;
     (e) l-applikazzjoni tal-klawżola ta' Salvagwardja stabbilita fl-Artikolu 23.

1a.  Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jeżamina wkoll jekk:

     (a) ikunx xieraq li l-Awtoritajiet jiġi spostati għal sede waħda biex titjieb il-koordinazzjoni bejniethom;
     (b) ikunx xieraq li titkompla s-superviżjoni separata tal-attivitajiet bankarji, ta' assigurazzjoni, pensjonijiet tax-xogħol, titoli u s-swieq finanzjarji;
     (c) ikunx xieraq li s-superviżjoni prudenzjali u l-kondotta tan-negozju issirilhomx sorveljanza separata jew mill-istess superviżur;
     (d) huwiex xieraq li tiġi ssimplifikata u msaħħa l-istruttura tas-SESF sabiex tiżdied il-koerenza bejn il-livelli makro u mikro u bejn l-ASE;
     (e) l-evoluzzjoni tas-SESF hijiex konsistenti ma' dik tal-evoluzzjoni globali;
     (f) hemmx biżżejjed diversità u eċċellenza fi ħdan is-SESF;
     (g) ir-responsabilità u t-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti għall-pubblikazzjoni humiex xierqa.
   (h) Is-sede tal-Awtorità hix xierqa;
     (i) it-twaqqif ta' Fond għall-Istabbiltà tal-Assigurazzjoni fil-Livell tal-UE hux l-aħjar difiża kontra d-distorsjoni kompetittiva u l-aktar mod effiċjenti biex jiġi trattat in-nuqqas ta' istituzzjoni transkonfinali.

2.  Ir-rapport u kwalunkwe proposta li takkumpanjah, kif xieraq, għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 67

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2011, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 62 u 63(1) u (2), li għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ. L-Awtorità għandha tkun stabbilita fid-data tal-applikazzjoni.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) Opinjoni tat-22 ta' Jannar 2010 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU C,, p. .
(3) ĠU C 13, 20.1.2010, p. 1.
(4) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' ....
(5) ĠU C 40, 7.2.2001, p. 453.
(6) ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 394.
(7) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 392.
(8) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 26.
(9) ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 48.
(10) Testi adottati, P6_TA(2009)0251.
(11) Testi adottati, P6_TA(2009)0279.
(12) ĠU L 25, 29.1.2009, p. 23.
(13) ĠU L 25, 29.1.2009, p. 28.
(14) ĠU L 25, 29.1.2009, p. 18.
(15) Innota li d-Direttivi 64/225/KEE, 73/239/KEE, 73/240/KEE, 76/580/KEE, 78/473/KEE, 84/641/KEE, 87/344/KEE, 88/357/KEE, 92/49/KEE, 98/78/KE, 2001/17/KE, 2002/83/KE u 2005/68/KE huma parti mir-riformulazzjoni tas-Solvenza II (Proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (riformulazzjoni) (COM(2008) 0119 – C6-0231/2007 – 2007/0143(COD)), jiġifieri ser jiġu rrevokati b'effett mill-1 ta' Novembru 2012.
(16) ĠU 56, 4.4.1964, p. 878.
(17) ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3.
(18) ĠU L 228, 16.8.1973, p. 20.
(19) ĠU L 189, 13.7.1976, p. 13.
(20) ĠU L 151, 7.6.1978, p. 25.
(21) ĠU L 339, 27.12.1984, p. 21.
(22) ĠU L 185, 4.7.1987, p. 77.
(23) ĠU L 172, 4.7.1988, p. 1.
(24) ĠU L 228, 11.8.1992, p. 1.
(25) ĠU L 330, 5.12.1998, p. 1.
(26) ĠU L 110, 20.4.2001, p. 28.
(27) ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1.
(28) ĠU L 9, 15.1.2003, p. 3.
(29) ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10.
(30) ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1.
(31) ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1.
(32) ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7.
(33) ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.
(34) ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16.
(35) ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.
(36) ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.
(37) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.
(38) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(39) OJ L 136, 31.5.1999, p. 1.
(40) OJ L 136, 31.5.1999, p. 15.
(41) ĠU L 56, 4.3.1968, p.1
(42) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(43) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.
(44) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(45) ĠU L 253, 25.9.2009, p. 8.
(46)ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(47) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(48) ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.
(49) ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.
(50) ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58.
(51)* Sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
(52)** Tliet snin wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Avviż legali - Politika tal-privatezza