Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Settembru 2010 dwar ir-rwol tan-nisa f'soċjetà li qed tixjieħ (2009/2205(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2009 dwar “Kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjieħ tal-popolazzjoni fl-UE (Ir-Rapport dwar it-Tixjieħ 2009)” (COM(2009)0180),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-11 ta' Mejju 2007 dwar “Il-futur demografiku tal-Ewropa: fatti u ċifri” (SEC(2007)0638),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2007 dwar “'Il-Promozzjoni tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet'” (COM(2007)0244),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2006 dwar “Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa, il-bidla ta' sfida f'opportunità” (COM(2006)0571),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2006 bit-titolu “Il-pjan ta' rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010” (COM(2006)0092),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment l-Artikoli 23 u 25 tagħha, dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-anzjani, kif ukoll l-Artikoli 34, 35 u 36, li jiddefinixxu b'mod speċifiku d-dritt għall-għajnuna soċjali u b'rabta mad-djar, għal livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa umana u għall-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jenfasizza valuri komuni għall-Istati Membri bħall-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jsemmi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali,
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2006(1),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni għall-Ħaddiema Ikbar fl-Età R 162, 1980 tal-ILO (Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kwalunkwe Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2009 (2) dwar in-non-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2009 dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/73/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta' aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7–0237/2010),
A. billi ta' spiss wisq it-tixjieħ tas-soċjetà titqies f'termini negattivi, jiġifieri f'termini ta' sfidi għall-istruttura tal-età tal-forza tax-xogħol u s-sostenibilità tal-protezzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa, għalkemm persuni ikbar fl-età jirrappreżentaw riżors ekonomiku u fond ta' esperjenza u joffru appoġġ ewlieni għall-komunità u l-familji bħala persuni li jieħdu ħsieb dawk dipendenti fuqhom u bħala konsulenti għax-xogħol, minħabba l-esperjenza professjonali vasta tagħhom, kif ukoll jgħinu biex iżommu l-komunitajiet rurali,
B. billi, minkejja li l-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2006-2010 enfasizza n-nuqqasijiet fil-kisba tal-ugwaljanza totali bejn is-sessi, u, f'ċerti każijiet, ta spinta lill-aġenda dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-progress ġenerali kien limitat,
C. billi l-kriżi ekonomika u soċjali attwali qed ikollha konsegwenzi partikolarment serji għan-nisa u partikolarment għan-nisa ta' età kbira u s-servizzi pprovduti lilhom, li b'hekk qed iżżid fl-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni ibbażati mhux biss fuq is-sessi iżda wkoll fuq l-età u l-istat tas-saħħa,
D. billi l-anzjani jħabbtu wiċċhom ma' riskju ikbar ta' faqar mill-popolazzjoni ġenerali, b'rata li laħqet madwar 19 % tal-persuni ta' 65 sena u iktar fl-2008 fl-UE-27, filwaqt li fl-2005 l-perċentwali kienet ta' 19 % u fl-2000 kienet ta' 17 %, billi nisa ta' “l fuq minn 65 sena għandhom riskju ikbar li jkunu foqra (ir-rata ta' persuni li qegħdin fir-riskju tal-faqar hija ta' 22 %, jiġifieri 5 punti perċentwali ogħla milli għall-irġiel),
E. billi hu maħsub li l-popolazzjoni tal-UE-27 se tixjieħ, b'żieda tal-proporzjon tal-popolazzjoni tal-età ta' 65 u “l fuq, minn 17.1 % fl-2008 għal 30 % fl-2060, u b'żieda minn 4.4 % għal 12.1 % għal dawk ta' 80 u ”l fuq, fuq l-istess perjodu,
F. billi l-popolazzjoni ta' nies li jaħdmu hija maħsuba li tonqos relattivament, u l-inklużjoni ta' gruppi li bħalissa mhumiex attivi fis-suq tax-xogħol qed issir dejjem iktar importanti,
G. billi s-sess huwa fattur sinifikanti fit-tixjieħ minħabba li t-tul mistenni tal-ħajja għan-nisa huwa sitt snin itwal milli għall-irġiel, bi statistika għall-UE-27 fl-2007 li turi li l-irġiel jgħixu sa 76 sena u n-nisa sa 82 sena, u billi, b'mod kontrastanti, iċ-ċifri tal-Eurostat juru li d-differenza bejn it-tul mistenni ta' ħajja sana tal-irġiel u dik tan-nisa hija ħafna iżgħar: 61.6 snin għall-irġiel u 62.3 snin għan-nisa,
H. billi tradizzjonalment in-nisa jinsabu f'riskju ikbar ta' faqar u ta' pensjonijiet limitati, partikolarment in-nisa ta' “l fuq minn 65 sena, li ta' spiss jingħataw pensjonijiet li bilkemm jaqbżu l-livell minimu għall-għajxien għal diversi raġunijiet, bħad-differenza kbira bejn il-paga taż-żewġ sessi, li taffettwa direttament id-drittijiet għall-pensjoni, il-fatt li jieqfu għal perjodu ta' żmien jew jieqfu għal kollox milli jaħdmu sabiex jaqdu d-dmirijiet tal-familja, jew il-fatt li jkunu ħadmu fil-kumpanija ta' żewġhom, l-iktar fis-setturi tan-negozju u l-agrikoltura, mingħajr ħlas u mingħajr affiljazzjoni ta' sigurtà soċjali, u billi fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika r-riskju li jispiċċaw foqra huwa ikbar għal dawn in-nisa,
1. Jilqa' l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjieħ tal-popolazzjoni iżda jiddispjaċih, madankollu, li d-definizzjonijiet, l-istatistika u s-sitwazzjonijiet li tqiesu ma kinux ibbażati biżżejjed fuq l-għarfien dwar l-inugwaljanzi skont is-sess f'età ikbar, li jirriżulta l-iktar mill-iżvantaġġi bbażati fuq is-sess akkumulati tul il-ħajja kollha;
2. Japprova l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-istrateġija li ġiet deċiża fil-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma fl-2001 (5) bħala gwida fuq medda twila ta' żmien għat-trattament tal-isfidi u l-possibilitajiet li t-tixjieħ joħloq fis-soċjetajiet; jilqa' wkoll il-proposta tal-Komunikazzjoni biex ikun hemm approċċ komprensiv u multidixxiplinari għat-tixjieħ kif ukoll biex jinħolqu opportunitajiet, partikolarment fil-qasam tas-swieq għall-prodotti u s-servizzi mmirati lejn il-ħtiġijiet tan-nies ikbar fl-età u l-bżonnijiet tal-persuni li b'mod informali jipprovdu l-kura tal-persuni dipendenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur għall-persuni ikbar fl-età peress li ta' spiss jiġu mqarrqa jew wieħed japprofitta minnhom;
3. Jistieden lill-istituzzjonijiet biex ikollhom attitudni iktar pożittiva lejn it-tixjieħ kif ukoll biex jissensibilizzaw il-kuxjenzja taċ-ċittadini fl-UE dwar kwistjonijiet ta' tixjieħ u l-effetti reali tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tegħleb l-attitudni orjentata lejn il-piż u tiffukaha lejn it-tixjieħ billi, pereżempju, tniedi studju dwar l-effetti u l-potenzjal tal-ekonomija tal-fidda li fiha n-nisa ikbar fl-età huma iktar suġġetti attivi; jilqa' bil-ħerqa l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-2012 bħala s-sena tat-tixjieħ attiv u tas-solidarjetà interġenerazzjonali;
4. Iqis li l-għażla ta' approċċ ta' tul il-ħajja, fejn l-interkonnessjonijiet tat-tixjieħ u s-sess jiġu kkunsidrati, hija l-futur ta' politiki dwar it-tixjieħ; iqis ukoll l-adozzjoni ta' approċċ immirat lejn l-età u s-sess li fih l-integrazzjoni ta' dawn it-tnejn ssir metodu indispensabbli u strument fit-tfassil tal-politiki fl-oqsma kollha rilevanti (ekonomiku, soċjali, tal-impjiegi, tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà tal-ikel, tad-drittijiet tal-konsumatur, tal-aġenda diġitali, l-iżvilupp rurali u urban, eċċ), bħala l-pass “il quddiem fil-ħolqien ta' iktar inklużjoni u koeżjoni soċjali;
It-trattament tad-diskriminazzjoni skont l-età
5. Jitlob li tiġi adottata direttiva kontra d-diskriminazzjoni mill-iktar fis possibbli;
6. Jagħraf li d-diskriminazzjoni skont l-età għandha tiġi ttrattata b'miżuri ġudizzjarji iktar effettivi u bi proċeduri iktar aċċessibbli, partikolarment f'każijiet ta' diskriminazzjoni fuq ix-xogħol fejn teżisti leġiżlazzjoni speċifika u fejn hu essenzjali li jkun hemm appoġġ għall-individwi u l-investigazzjonijiet taċ-ċirkostanzi; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni meħtieġa biex tittratta d-diskriminazzjoni skont l-età u forom oħra tagħha b'mod effettiv;
7. Jitlob għal approċċ għat-tixjieħ li jkun ibbażat iktar fuq id-drittijiet sabiex persuni ikbar fl-età jkunu jistgħu jaġixxu bħala suġġetti b'setgħat minflok oġġetti;
8. Jitlob għal iktar riżorsi, riċerka u żvilupp ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ eżistenti, minħabba li d-diskriminazzjoni skont l-età rari tiġi rikonoxxuta u ttrattata; jagħraf li hu meħtieġ iktar għarfien fost l-Istati Membri u jilqa' kontribut eventwali mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi l-ġdid;
9. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta d-diskriminazzjoni multipla li jiffaċċjaw ta' spiss in-nisa ikbar fl-età f'soċjetajiet fejn ikunu soġġetti għad-diskriminazzjoni abbażi tal-età tagħhom, tas-sess, tal-istat tas-saħħa u d-diżabbiltà;
10. Huwa mħasseb ħafna dwar sa liema punt l-iktar gruppi vulnerabbli tan-nisa jkunu soġġetti għal diskriminazzjoni multipla: nisa migranti, nisa b'diżabbiltajiet, nisa omosesswali, nisa li jappartjenu għal minoranzi, nisa bi ftit kwalifiki u nisa anzjani, minħabba li jiffaċċjaw id-diskriminazzjoni abbażi tal-età, is-sess, l-etniċità u l-orjentazzjoni sesswali jew reliġjuża, eċċ, u jitlob għal miżuri ta' diskriminazzjoni pożittiva;
11. Jitlob lill-Istati Membri biex iwettqu kampanji sħaħ biex iqajmu l-kuxjenza dwar ir-rwol fundamentali li għandhom il-persuni ikbar fl-età fis-soċjetà u l-ħtieġa li n-nisa ikbar fl-età għandu jkollhom rwol attiv, fost l-oħrajn billi jiġu promossi l-kummerċi ż-żgħar u l-artiġjanat;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu s-sitwazzjoni speċifika tan-nisa LBT ikbar fl-età;
Ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-kura
13. Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu tipi ġodda ta' lif sabiex ikun possibbli li wieħed jieħu lif imħallas għad-doveri ta' kura li ma jkunx lif parentali, u biex jiġi promoss qsim iktar ekwu ta' kura bla ħlas bejn in-nisa u l-irġiel, minħabba li kura informali fid-dar tillimita l-possibilitajiet għal min jagħti l-kura li jaħdem barra mid-dar; huwa tal-fehma li f'dan il-kuntest metodu wieħed biex jitnaqqas il-faqar fost in-nisa ikbar fl-età jista' jkun li jiġu appoġġati arranġamenti, bħal xogħol part-time u qsim ta' xogħol, li jiffaċilitaw l-għażla ta' xogħol flessibbli; jenfasizza f'dan il-kuntest, madankollu, li d-drittijiet tal-impjiegi tal-ħaddiema flessibbli għandhom ikunu bħal dawk tal-ħaddiema full-time; ifakkar li l-qgħad fost nisa ikbar fl-etá għandu jiġi ttrattat sabiex jinkisbu l-objettivi tal-impjiegi tal-Istrateġija UE 2020;
14. Jitlob lill-Istati Membri biex jiżviluppaw mekkaniżmi biex jiżguraw li l-akkumulazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni tkun suffiċjenti wkoll f'dawk il-perjodi meta l-livell ta' dħul ta' min jagħti l-kura jkun temporanjament iktar baxx minħabba doveri ta' kura, sitwazzjoni li l-iktar li tikkonċerna huwa lin-nisa; jitlob lill-Kummissjoni biex tniedi studju dwar id-diversi impatti li għandhom is-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri fuq in-nisa u l-irġiel;
15. Jistieden lill-Istati Membri biex iqisu d-dimensjoni tas-sessi meta jwettqu riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet u meta jadattaw l-età ta' rtirar billi jitqiesu d-differenzi bejn in-nisa u l-irġiel fil-mudelli tax-xogħol u r-riskju għoli ta' diskriminazzjoni kontra nisa ikbar fl-età fis-suq tax-xogħol;
16. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu forom ta' assistenza reċiproka li jnaqqsu d-differenza bejn iż-żgħażagħ u dawk ikbar fl-età, billi jagħmlu użu mill-entużjażmu taż-żgħażagħ u mill-esperjenza tal-kbar;
Servizzi tal-kura tas-saħħa, tal-kura u servizzi soċjali
17. Jitlob li jittieħed approċċ ibbażat fuq id-drittijiet sabiex il-persuni ikbar fl-età jkollhom rwol attiv meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-għażla u t-tip tas-servizzi ta' kura u dawk soċjali u trattamenti li jiġu pprovduti lilhom meta jkun hemm l-għażla; jitlob ukoll sabiex jiġi implimentat approċċ ibbażat fuq id-domanda rigward l-għoti ta' kwalunkwe tip ta' servizzi tal-kura biex il-persuni ikbar fl-età jkunu jistgħu jgħixu b'mod indipendenti għal kemm ikunu jridu;
18. Jitlob li l-politiki jiġu promossi biex jiġi pprovdut appoġġ fi ħdan familji nukleari, li jippermetti lin-nies li jiddeċiedu iktar faċilment jekk jixtiequx jagħżlu li jieħdu ħsieb lill-membri anzjani tal-familja huma stess jew jekk jixtiequ jużaw servizzi soċjali supplimentari; din l-assistenza għandha wkoll tkun imħallsa fiż-żewġ każijiet;
19. Jenfasizza li s-servizzi pubbliċi u privati għandhom ikunu aċċessibbli faċilment, għandhom ikunu ta' kwalità għolja u bi prezz raġonevoli għal persuni ikbar fl-età, u li l-istruttura ta' dawn is-servizzi għandha tkun ta' sostenn għall-itwal perjodu possibbli ta' kura ġod-dar;
20. Iqis li hija meħtieġa politika komprensiva ta' appoġġ għal min jagħti l-kura informali - li l-parti l-kbira tagħhom huma nisa - , li tkopri l-istatus, il-benefiċċji u d-drittijiet ta' sigurtà soċjali tagħhom, l-għoti ta' servizzi soċjali u s-servizzi ta' appoġġ, id-disponibbiltà ta' servizzi tal-kura professjonali eċċ.;
21. Jenfasizza li x-xogħol ta' volontarjat jew il-kura informali, li ta' spiss jikkostitwixxu piż li ġġorr il-mara, ma għandhomx jitqiesu bħala defiċjenzi tal-kura soċjali u jitlob li jiġu stabbiliti miżuri soċjali xierqa sabiex in-nisa jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom f'attivitajiet imħallsin magħżula;
22. Jitlob li jitwaqqfu fil-livell tal-Istati Membri pakketti ta' għajnuna li jinvolvu programmi ta' miżuri biex isaħħu l-kapaċità għax-xogħol, jikkumpensaw għall-impatt tal-qgħad u jżidu r-rati ta' impjieg fost persuni ta' “l fuq minn 50 sena;
23. Jinnota li għandha tiġi żgurata l-kwalità tal-kura sabiex tittejjeb il-kwalità tax-xjuħija u wkoll sabiex ikun evitat l-abbuż fiżiku, sesswali , psikoloġiku u ekonomiku li jiffaċċjaw ta' spiss l-anzjani; jenfasizza li l-persuni li jgħixu fi stabbilimenti pubbliċi u privati għall-kura tal-anzjani għandhom id-dritt li jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta' dawk l-istabbilimenti permezz ta' strutturi ta' bords u ta' amministrazzjoni; iqis li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-impjegati li jagħtu l-kura lill-persuni ikbar fl-età fis-setturi pubbliċi u privati għandhom jingħataw taħriġ u għandha ssirilhom evalwazzjoni kontinwa tal-prestazzjoni, u li jingħata valur ekonomiku ikbar lil xogħolhom, inklużi l-kundizzjonijiet tal-paga, l-assigurazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol;
24. Jistieden lill-Istati Membri biex joffru inċentivi għall-għoti ta' taħriġ fl-għajnuna psikoloġika u fiżika għall-persuni ikbar fl-età u l-provvista ta' faċilitajiet xierqa biex jakkomodawhom;
25. Iħeġġeġ biex id-djar tal-anzjani li normalment joperaw fl-isptarijiet jinbidlu fi stabbilimenti akkoljenti, fejn il-mudell tal-familja jista' jiġi applikat bħala mezz biex tiġi evitata l-istituzzjonalizzazzjoni;
26. Jipproponi li t-tnedija tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-Marda tal-Alzheimer tkun tirrikonoxxi kif xieraq ir-rwol tan-nisa ikbar fl-età fil-kura tal-persuni bid-dimenzja u li tiġi implimentata malajr; iqis ukoll li jinħtieġu programmi nazzjonali sabiex jitfassal pjan ta' liema miżuri jistgħu jittieħdu biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' nisa ikbar fl-età; jipproponi li l-assoċjazzjonijiet tal-Alzheimer jiġu kkonsultati biex ifasslu u jimplimentaw dawn il-miżuri;
27. Jitlob li perspettiva tas-sess titqies meta jsiru d-dijanjożijiet mediċi, biex jiġi żgurat li jkunu preċiżi u li l-persuni jingħataw il-kura u t-trattament xierqa; jitlob li l-istrumenti ta' dijanjożi, is-servizzi tas-saħħa u l-kura tas-saħħa ma jiġux limitati skont is-sess u l-età tal-pazjent, sabiex l-iskrining għall-kanser tas-sider, għall-kanser ċervikali, għall-kanser tal-pulmun u dak kolorettali, kif ukoll l-iskrining kardjovaskulari, pereżempju, għandu jkun disponibbli għan-nisa anzjani; jitlob, barra minn hekk, li tingħata iktar attenzjoni għall-prevenzjoni u t-trattament ta' mard li huma fir-riskju li jkollhom in-nisa anzjani, bħall-osteoporożi u l-artrite rewmatika;
28. Jitlob li l-perspettiva tas-sess u l-età tintuża fir-rakkomandazzjoni dwar in-nutrizzjoni; jitlob ukoll li l-perspettiva tas-sess u l-età tintuża fir-rakkomandazzjonijiet rigward kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel bħall-ittikkettar tal-ikel, klejms tas-saħħa, ir-regolament REACH u ikel ġdid;
29. Jinnota li kemm it-titjib teknoloġiku kif ukoll dak tekniku jistgħu jkunu importanti fl-adattament tas-soċjetà għall-ħtiġijiet ta' popolazzjoni li qed tixjieħ; jitlob li innovazzjonijiet żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib ma' persuni ikbar fl-età jintużaw iktar, u li xi eżempji ta' dawn huma telefowns ċellulari simplifikati u konnessjonijiet tal-Internet, sensers intelliġenti f'xi prodotti speċifiċi sabiex jitnaqqas in-numru ta' inċidenti, klieb imħarrġa għall-assistenza ta' persuni bħal dawk li jkunu jbatu minn mard li jaffettwa l-memorja, eċċ., u jitlob biex programmi mfassla speċjalment abbażi tat-tagħlim tul il-ħajja għall-anzjani jiġu appoġġati mill-istat;
30. Jitlob biex il-provi ta' mediċini li qegħdin jiġu żviluppati jiġu studjati l-effetti tagħhom mhux biss fuq l-irġiel iżda wkoll fuq in-nisa;
31. Jipproponi li jitwettqu studji statistiċi dwar iż-żieda fil-vjolenza kontra l-anzjani bl-għan li tiġi evidenzjata din il-problema serja – li l-anzjani normalment mhumiex kapaċi jirrapportawha, minħabba li jista' jkun li jaċċettaw dan it-trattament ħażin li jbatu minnu bħala riżultat tal-età u tal-fatt li huma dipendenti – u bl-għan li jiġi miġġieled l-abbuż tal-anzjani bl-iktar mod effettiv u b'iktar impenn min-naħa tas-soċjetà b'mod ġenerali;
32. Jitlob, bl-għan li n-nisa ikbar fl-età ma jiġux esklużi mis-soċjetà, li jiġu stabbiliti skemi kulturali u edukattivi immirati għan-nisa ikbar fl-età sabiex ikunu involuti fl-inizjattivi komunitarji lokali;
Inkomplu bil-passi “l quddiem
33. Jitlob lill-Kummissjoni biex sal-aħħar tal-2011 tipproponi pjan ta' azzjoni li jkun fih:
–
eżami tal-ħtieġa ta' iktar riżorsi għar-riċerka xjentifika dwar it-tixjieħ,
–
miżuri li jiżguraw il-kwalità tal-kura u l-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għal min jagħti l-kura,
–
bidliet biex tiżdied il-koerenza fil-qasam tas-sigurtà soċjali, inkluż fl-iskemi ta' pensjoni, il-lif għall-kura u arranġamenti ta' xogħol part-time,
–
kunċett ibbażat fuq is-sessi relatat ma' mard b'rabta mal-età u miżuri dwar kif l-iktar jista' jintgħaraf u jiġi ttrattat,
–
rapporti annwali, abbażi tal-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mmexxija mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali fil-livell istituzzjonali u mill-aġenziji nazzjonali fl-Istati membri, dwar il-ksur tad-drittijiet ta' persuni ikbar fl-età u dwar miżuri li għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali sabiex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u dik moħbija,
–
miżuri li mhumiex leġiżlattivi għat-trattament tad-diskriminazzjoni skont l-età, bħal kampanji ta' sensibilizzazzjoni,
–
l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-migranti ikbar fl-età u l-persuni LGBT,
–
miżuri għat-trattament tas-solidarjetà interġenerazzjonali, bħal pjanijiet ta' appoġġ għan-nisa li jieħdu ħsieb in-neputijiet waqt li l-ġenituri jkunu assenti minħabba raġunijiet ta' xogħol,
–
miżuri biex jintużaw l-għarfien u l-esperjenza professjonali tal-persuni ikbar fl-età, pereżempju billi jiġu stabbiliti assoċjazzjonijiet ta' persuni ikbar fl-età biex jingħata parir li min qed ifittex xogħol,
–
skambju tal-aħjar prattika;
34. Jitlob lill-Kummissjoni biex taġġorna u ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ rigward l-implimentazzjoni ta' kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali sa tmiem l-2012; jitlob ukoll għal iktar għarfien dwar dawn il-mekkaniżmi li ta' spiss ma tantx jintużaw, minħabba li persuni ikbar fl-età b'mod ġenerali, u nisa b'mod speċifiku, mhumiex infurmati dwar drittijiethom;
35. Jafferma li kull raġel u mara fl-UE għandu jkollu/ha d-dritt għal servizzi soċjali u tas-saħħa ta' interess ġenerali xierqa, bi prezz raġonevoli u ta' kwalità, skont il-bżonnijiet u l-preferenzi speċifiċi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi direttiva dwar servizzi bażiċi, li tkun tqis il-kundizzjonijiet nazzjonali; jenfasizza li nisa ikbar fl-età huma partikolarment vulnerabbli u jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra sistema fejn l-irġiel u n-nisa fl-UE kollha jingħataw id-dritt għal dħul bażiku li jkun jiddependi fuq l-istandard tal-għajxien tal-Istat Membru;
36. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfittex li tiżgura li jiġi ppjanat finanzjament Komunitarju għal proġetti li jinvolvu, fost oħrajn, nisa mingħajr raġel li jbatu minn żvantaġġ soċjali u nisa ikbar fl-età;
o o o
37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.