Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2789(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0536/2010

Testi mressqa :

B7-0536/2010

Dibattiti :

PV 06/10/2010 - 12
CRE 06/10/2010 - 12

Votazzjonijiet :

PV 07/10/2010 - 11.1
CRE 07/10/2010 - 11.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0353

Testi adottati
PDF 442kWORD 100k
Il-Ħamis, 7 ta' Ottubru 2010 - Brussell
Konferenza dwar id-Diversità Bijoloġika - Nagoya 2010
P7_TA(2010)0353B7-0536/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar l-objettivi strateġiċi tal-UE għall-għaxar Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li se ssir f'Nagoya (il-Ġappun) mit-18 sad-29 ta' Ottubru 2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-għaxar Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 10) għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, li se ssir f'Nagoya (il-Ġappun) mit-18 sad-29 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-objettivi strateġiċi tal-UE għall-għaxar Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li se ssir f'Nagoya (il-Ġappun) mit-18 sad-29 ta' Ottubru 2010 (O-0111/2010 – B7-0467/2010, O-0112/2010 - B7-0468/2010),

–  wara li kkunsidra s-Summit Ewropew ta' Gothenburg fl-2001, fejn kien miftiehem li, sal-2010, jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità bħala parti minn Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta' Marzu 2010, b'mod partikolari l-paragrafu 14,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc b'Kompożizzjoni Mhux Limitata dwar ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika dwar il-ħidma tat-tielet laqgħa tiegħu tal-24 sat-28 ta' Mejju 2010 u l-abbozz tal-Pjan Strateġiku għal wara l-2010,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti tad-Disa' laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc b'Kompożizzjoni Mhux Limitata dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji, li nżammet mit-22 sat-28 ta' Marzu 2010, u l-abbozz ta' Protokoll dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji (l-Annessi ta' Cali u Montreal),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika hija l-akbar ftehim globali dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità; billi ġiet iffirmata minn 193 parti, fosthom is-27 Stat Membru tal-UE u l-Unjoni Ewropea,

B.  billi s-Sena tal-Bijodiversità tan-Nazzjonijiet Uniti għandha toffri l-momentum politiku biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tat-tliet objettivi tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika: il-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-użu sostenibbli tal-bijodiversità u l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li joriġinaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi,

C.  billi l-estimi tal-Bank Dinji juru li 60 miljun persuna indiġena huma totalment dipendenti mill-foresti; billi d-deforestazzjoni tikkostitwixxi impediment kbir biex jintlaħqu l-MDGs, minħabba li din tinvolvi t-telfien tas-servizzi tal-ekosistemi (xita, prevenzjoni tat-tgħawwir tal-ħamrija, purifikazzjoni tal-ilma) ipprovduti mill-foresti,

D.  billi r-rapport Karbonju Blu (li ħareġ mill-FAO, UNEP, IUCN f'Ottubru 2009) juri biċ-ċar li d-deġenerazzjoni taż-żoni tal-kosta (minħabba sajd żejjed, il-qerda tal-mangrovja u l-ewtrofikazzjoni) u l-qerda ta' ħabitats tikkostitwixxi theddida sostanzjali għall-kapaċità tal-oċeani biex jassorbu s-CO2, u għaldaqstant huma sors sinifikanti ta' tħassib għall-politika tal-klima,

E.  billi jeħtieġ li jimtlew il-lakuni sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika,

F.  billi l-protezzjoni tal-bijodiversità hija komponent prinċipali għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju, u billi l-mira tal-bijodiversità għall-2010 kienet inkorporata bħala mira ġdida fl-2006 taħt l-Għan ta' Żvilupp tal-Millenju 7 (“Tiġi żgurata s-sostenibilità ambjentali”),

G.  billi l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat is-sena 2010 bħala s-sena Internazzjonali tal-Bijodiversità; billi s-suġġett tal-Jum Internazzjonali għad-Diversità Bijoloġika fl-2010 hu “l-Bijodiversità għall-Iżvilupp u t-Taffija tal-Faqar”,

H.  billi 70% tal-foqra tad-dinja jgħixu f'żoni rurali u jiddependu direttament fuq il-bijodiversità għall-għajxien u l-benesseri tagħhom, u billi l-foqra fil-bliet jiddependu wkoll fuq il-bijodiversità għas-servizzi tal-ekosistema bħaż-żamma tal-kwalità tal-arja u tal-ilma u t-tqassim tal-iskart,

Urġenza biex tittieħed azzjoni

1.  Jinsab imħasseb ħafna mill-fatt li la l-għan globali tal-2010 fir-rigward tal-bijodiversità, biex titnaqqas b'mod sinifikanti r-rata ta' telf tal-bijodiversità u lanqas l-għan tal-UE biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità ma ntlaħqu;

2.  Jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta' sens ta' urġenza fl-aġenda politika internazzjonali biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità;

3.  Jinsab allarmat dwar iż-żieda regolari fl-użu illegali tar-riżorsi ġenetiċi u l-bijopiraterija mifruxa li qed isseħħ fuq skala globali;

4.  Jenfasizza li bir-riżorsi xierqa u r-rieda politika, teżisti l-għodda biex it-telf tal-bijodiversità jitnaqqas fuq skali aktar estensivi; jinsab konvint li hemm ħafna sinerġiji fil-protezzjoni tal-klima, fl-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u t-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu rwol ta' tmexxija fil-COP 10 sabiex jikkonvinċu lill-Partijiet kollha li issa huwa urġenti li tittieħed azzjoni; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-pożizzjonijiet tagħhom pubbliċi mill-aktar fis possibbli minn qabel il-COP 10;

6.  Sabiex ikun jista' jkollhom rwol ta' tmexxija ta' dan it-tip, iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jitkellmu b'leħen wieħed u jtejbu l-ħeffa u l-effiċjenza tal-proċedura interna tagħhom għat-teħid ta' deċiżjonijiet sabiex ikunu jistgħu jiftiehmu malajr dwar pożizzjoni interna tal-UE għall-COP 10 u jiddedikaw aktar riżorsi u ħin għall-isforzi diplomatiċi tagħhom fir-rigward ta' pajjiżi terzi;

7.  Isibha inkonsistenti u ta' dispjaċir li l-Ġappun, il-pajjiż ospitanti, ipprevjena avvanzi importanti fil-protezzjoni ta' speċijiet tal-baħar mhedda bħat-tonn (thunnus thynnus) u l-baleni fil-kuntest ta' forums oħra, bħas-CITES u l-IWC;

Ekonomija

8.  Jenfasizza li l-istudji li qed isiru, bħall-istudju dwar l-ekonomija tal-ekosistemi u tal-bijodiversità (“The economics of ecosystems and biodiversity” – TEEB), jikkalkolaw li l-impatt tat-telf tal-bijodiversità fuq il-benessri attwalment hu ta' madwar EUR 50 biljun fis-sena (ftit anqas minn 1 % tal-PDG), li fl-2050 jista' jiżdied għal EUR 14-il triljun jew 7 % tal-PDG stmat fis-sena; jenfasizza li, skont l-istudju TEEB, ir-renditu fuq l-investiment għall-konservazzjoni tal-bijodiversità hu madwar mitt darba aktar;

9.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li d-deċiżjonijiet li se jittieħdu fil-COP 10 jirriflettu, b'mod partikolari, ir-riżultati tal-istudju TEEB u jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, i.e. li jeħtieġ li l-ispejjeż tat-telf tal-bijodiversità u l-valur tal-bijodiversità jiġu riflessi fil-kontijiet nazzjonali; jenfasizza li, jekk dan ma jsirx, ma jkunx possibbli li jiġu mmonitorjati l-konsegwenzi finanzjarji u ekonomiċi li l-kriżi attwali tal-bijodiversità se jkollha fuq l-ekonomija; jenfasizza li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-investigazzjoni u l-approvazzjoni tal-istrumenti tas-suq, bħal sistemi ta' kumpens għal impatti ekoloġiċi (habitat banking) u l-ħlas għal servizzi ekosistemiċi, biex jiġu ggarantiti riżorsi finanzjarji xierqa għall-bijodiversità;

10.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati u rfinati metodi għall-valutazzjoni preċiża tal-valur finanzjarju tal-ekoservizzi u biex b'hekk jiġi identifikat il-prezz tat-telf tal-bijodiversità; jikkunsidra li dan jipprovdi data prezzjuża biex jiġu informati dawk li jfasslu l-politiki, biex jiġu żviluppati kampanji ta' qawmien ta' kuxjenza u biex tingħata kontribuzzjoni għad-dibattitu pubbliku aktar estensiv;

11.  Jenfasizza li l-bijodiversità u l-ekosistemi jagħtu benefiċċji kollettivi u għandhom jiġu kkunsidrati bħala ġid komuni; jinnota bi tħassib, madankollu, li l-komunitajiet lokali ta' spiss jirċievu ftit li xejn jew ebda ħlas għas-servizzi li jgħinu biex jiġġeneraw, minkejja li huma l-aktar milquta mit-telfien tal-bijodiversità u l-kollass tas-servizzi tal-ekosistema; iħeġġeġ għaldaqstant lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f'Nagoya biex jiddefinixxu l-għodod tal-politika biex tiġi indirizzata din id-distribuzzjoni mhux ugwali tal-benefiċċji li ġejjin min-natura u biex jiġu żviluppati għażliet li jipprovdu appoġġ finanzjarju u tekniku lill-komunitajiet u l-individwi li huma impenjati fil-ġestjoni tajba tar-riżorsi naturali;

Pjan Strateġiku għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika
Missjoni Ġenerali sal-2020 u Viżjoni għall-2050

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw Missjoni globali ambizzjuża għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika għall-2020: li t-telf tal-bijodiversità jitwaqqaf u li l-valuri u l-benefiċċji tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi jinqasmu b'mod ekwu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal Viżjoni għall-2050 li tiżgura l-protezzjoni, il-valorizzazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi;

Għanijiet strateġiċi u l-Objettivi Ewlenin għall-2020

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw għanijiet sekondarji ambizzjużi, realistiċi, li jistgħu jitkejlu u marbutin biż-żmien, b'mod partikolari biex jiggarantixxu li sal-2020:

   kulħadd ikun konxju mill-valur tal-bijodiversità u x'passi jistgħu jittieħdu biex jipproteġuha,
   il-valuri tal-bijodiversità u l-opportunitajiet li jitnisslu mill-konservazzjoni u mill-użu sostenibbli tagħha jiġu integrati fil-kontijiet nazzjonali u fil-politiki u l-istrateġiji għall-żvilupp u t-tnaqqis tal-faqar,
   is-sussidji li huma ta' ħsara għall-bijodiversità jiġu eliminati,
   il-partijiet ifasslu u jimplimentaw pjanijiet biex tiżdied l-effiċjenza tar-riżorsi, jitnaqqas l-iskart u l-użu tar-riżorsi jinżamm fil-limiti ekoloġiċi,
   ma jkun hemm l-ebda deforestazzjoni netta u jitwaqqfu t-telf u d-degrad tal-ħabitats naturali, u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħataw appoġġ għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tagħhom,
   il-pressjoni li qed issir fuq l-ekosistemi tal-baħar minħabba s-sajd żejjed titwaqqaf u il-prattiki distruttivi tas-sajd jiġu eliminati,
   l-introduzzjoni u l-istabbiliment ta' speċijiet invażivi jitwaqqfu,
   tal-anqas 20% taż-żoni tal-art, tal-ilma ħelu u tal-baħar jiġu protetti,
   il-kontribut tal-bijodiversità u l-ekosistemi terrestri, tal-ilma ħelu u dawk kostali għas-sekwestru u ż-żamma tal-gassijiet bl-effett ta' serra jissaħħaħ,
   l-estinzjoni tal-ispeċijiet li hu magħruf li huma mhedda titwaqqaf,
   15% tal-ekosistemi degradat jerġgħu lura għall-istat oriġinali tagħhom,
   il-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi jinqasmu u jkun operattiv fond għall-aċċess u għall-qsim tal-benefiċċji,
   l-ippjanar parteċipatorju, il-ġestjoni tal-għarfien u l-bini tal-kapaċitajiet jiġu implimentati u jkun hemm fis-seħħ sistemi għall-protezzjoni tal-għarfien tradizzjonali, il-prattiki tal-popli indiġeni u l-prattiki skont id-drawwar tal-użu sostenibbli tal-bijodiversità,
   il-kapaċità (riżorsi umani u finanzjamenti) għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tiżdied,
   it-telf tad-diversità ġenetika tal-pjanti kkultivati u tal-annimali domestiċi tal-farms fl-ekosistemi agrikoli u tal-ispeċijiet relatati salvaġġa jitwaqqaf,

Indikaturi

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati indikaturi konkreti msejsa fuq data xjentifika sabiex jitkejjel il-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-għanijiet u l-objettivi strateġiċi;

15.  Jilqa' l-implimentazzjoni, fi ħdan l-UE, ta' għodda bħall-portal tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Bijodiversità għall-Ewropa jew il-Livell ta' Referenza fil-qasam tal-Bijodiversità stabbiliti mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent; hu tal-fehma li huma għodda kumparabbli li jistgħu jżidu l-effiċjenza tal-ftehimiet internazzjonali u tal-azzjonijiet li jittieħdu taħt il-Konvenzjoni;

Aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u qsim tal-benefiċċji

16.  Jinnota li, mingħajr konklużjoni b'suċċess tan-negozjati dwar is-sistema internazzjonali dwar l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim tal-benefiċċji fil-COP 10 li twassal għal Protokoll għal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika b'dispożizzjonijiet legalment vinkolanti u mhux, ma jistax jinkiseb ftehim usa' dwar il-Pjan Strateġiku tal-Konvenzjoni għal wara l-2010;

17.  Jerġa' jikkonferma l-prinċipju li s-suriet ta' ħajja u l-proċessi ħajjin m'għandhomx ikunu soġġetti għal privattivi; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li tinżamm “eżenzjoni għal min irabbi”, b'konformità mal-Konvenzjoni tal-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet ta' Pjanti Ġodda;

18.  Jenfasizza li l-Protokoll dwar l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim tal-benefiċċji jrid ikun ibbażat fuq it-trasparenza, iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà fir-rigward tal-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi, u l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li joriġinaw mill-utilizz tar-riżorsi ġenetiċi, id-derivati tagħhom u l-għarfien tradizzjonali marbutin mar-riżorsi ġenetiċi;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-inklużjoni fil-Protokoll tal-prinċipju ta' kunsens ħieles, minn qabel u infurmat mill-komunitajiet lokali u indiġeni rigward l-aċċess għall-għarfien tradizzjonali marbut mar-riżorsi ġenetiċi;

20.  Jirrikonoxxi li l-għarfien tradizzjonali marbut mar-riżorsi ġenetiċi huwa rilevanti għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità, kif ukoll għall-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li joriġinaw mill-utilizz tar-riżorsi ġenetiċi u għalhekk jeħtieġ li jiġi ttrattat b'mod adegwat fil-Protokoll dwar l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim tal-benefiċċji, skont id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

21.  Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaċċettaw l-abbozz tat-test ta' Cali dwar il-qsim tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-għarfien tradizzjonali disponibbli pubblikament, dwar il-qsim tal-benefiċċji mill-użu ta' derivattivi ta' riżorsi ġenetiċi, dwar il-monitoraġġ, is-segwitu u r-rappurtaġġ tal-utilizz tar-riżorsi ġenetiċi, kif ukoll dwar id-dispożizzjonijiet dwar termini miftehma b'mod reċiproku bejn l-utenti u l-fornituri ta' riżorsi ġenetiċi;

22.  Jirrikonoxxi l-interdependenza tal-pajjiżi fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi għall-ikel u l-agrikoltura u l-importanza tagħhom għas-sigurtà dinjija tal-ikel u, għaldaqstant, il-ħtieġa li dawn ir-riżorsi ġenetiċi jitqiesu fin-negozjati dwar is-sistema internazzjonali għall-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim tal-benefiċċji;

23.  Jirrikonoxxi d-differenzi fil-fehmiet dwar l-applikazzjoni retroattiva tal-protokoll futur dwarl-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim tal-benefiċċji u jħeġġeġ lill-Partijiet isibu soluzzjonijiet prattikabbli u ġusti biex jakkomodaw it-tħassib leġittimu;

Programm ta' ħidma tematiku – bijodiversità kostali u tal-baħar

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jargumentaw bil-qawwa favur l-importanza li jsir aktar progress fl-identifikazzjoni u l-protezzjoni ta' żoni u speċijiet b'sinifikat ekoloġiku jew bijoloġiku f'żoni tal-baħar fil-ġurisdizzjoni nazzjonali jew lil hinn minnha;

Programm ta' ħidma tematiku – żoni protetti

25.  Jirrikonoxxi l-fatt li sar progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' Ħidma dwar iż-Żoni Protetti; madankollu, jenfasizza li għad fadal ħafna x'isir biex dan il-programm jiġi implimentat b'mod sħiħ;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li, fil-COP 10, tingħata prijorità lit-tisħiħ ta' appoġġ u ġestjoni xierqa taż-żoni protetti, kif ukoll lill-fatt li jiġu kkomunikati l-benefiċċji taż-żoni protetti lil min jieħu d-deċiżjonijiet kruċjali u biex jitolbu, jekk ikun xieraq, żieda tal-fondi;

27.  Jenfasizza li, bħala prinċipju inkluż fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni Ewropea, in-NU u l-istati involuti fil-protokolli legali għall-assenjazzjoni ta' parks naturali u żoni protetti, għandhom jinkludu dispożizzjoni legali li tiggarantixxi protezzjoni ġuridika u legali għad-drittijiet ta' proprjetà tal-art tal-popli indiġeni bħala s-sidien tradizzjonali tal-art, il-preżervazzjoni tal-attivitajiet soċjali tagħhom u l-użu tradizzjonali tal-art tagħhom u tagħti rikonoxximent formali tad-drittijiet tagħhom f'mudelli ġestjonali attwali;

28.  Jenfasizza li fid-dikjarazzjonijiet għal żoni protetti u fl-istrateġiji għall-konservazzjoni, hemm bżonn jinħoloq protokoll li jinkludi d-definizzjoni tas-sistemi tropiċi integrali, inkluż l-ilma;

Il-bijodiversità u l-bidla fil-klima

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li, fil-politiki dwar il-klima, jiddaħħlu salvagwardji għall-bijodiversità u li jiġu mmassimizzati l-kobenefiċċji bejn iż-żewġ objettivi; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, fil-prattika, għandhom effett pożittiv fuq l-istrateġiji ta' adattament u ta' mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima, speċjalment minħabba li l-biċċa l-kbira tal-pjanijiet ta' adattament nazzjonali mressqa fil-kuntest tal-UNFCCC, u speċjalment dawk tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jagħmlu enfasi fuq il-kapaċità ta' rkupru tal-ekosistemi; għalhekk, jitlob li jsiru aktar sforzi biex jissaħħu s-sinerġiji u r-rabtiet bejn il-bijodiversità u l-politiki dwar il-klima, b'mod partikolari bejn il-UNFCCC u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; f'dan il-kuntest, jitlob li s-segretarjat tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika jingħata mandat li jikkontribwixxi għax-xogħol taħt il-UNFCCC;

30.  Jikkonferma l-importanza vitali tal-bijodiversità u ta' ekosisteni kapaċi li jirkupraw għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, minħabba l-fatt li l-ekosistemi tal-art u tal-baħar attwalment jassorbu madwar nofs l-emissjonijiet antropoġeniċi tas-CO2;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li titħares il-kapċità ta' rkupru tal-ekosistemi billi jittieħdu miżuri biex jitwaqqaf ir-rilaxx mifrux ta' organiżmi ġenetikament modifikati, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta' Cartagena dwar il-Bijosikurezza;

L-integrazzjoni tal-bijodiversità fil-politika tal-iżvilupp

32.  Jilqa' l-ħolqien ta' Pjattaforma Intergovernattiva għall-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema (IPBES), li għandha ssegwi l-mudell stipulat mill-Panel Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC);

33.  Jenfasizza li l-programmi mmirati għall-protezzjoni tal-bijodiversità u t-tnaqqis tal-faqar għandhom jindirizzaw il-prijoritajiet tal-foqra u għandhom jagħtu attenzjoni akbar lill-ġestjoni ambjentali bbażata lokalment, aċċess garantit għar-riżorsi tal-bijodiversità, ir-riforma tal-art u r-rikonoxximent tal-użanzi tad-drittijiet tal-art;

34.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħtu spinta ġdida lill-Alleanza Każwali għall-Klima Globali u lill-Faċilità ta' Appoġġ tagħha sabiex ikabbru l-bini ta' kapaċità u l-bażi tal-għarfien tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw dwar l-impatti mistennija tat-telf tal-bijodiversità u għall-integrazzjoni effettiva tagħha fil-pjanijiet u l-baġits ta' żvilupp; jistieden lill-UE tagħmel użu sħiħ tal-Valutazzjoni tal-Ekosistema għall-Millenju fl-iżvilupp tal-istrateġija ta' kooperazzjoni tagħha;

35.  Ifakkar li 80% tal-popolazzjoni dinjija tuża mediċina tradizzjonali bbażata fuq il-ħxejjex u li l-bijodiversità tista' tgħin ittaffi l-ispejjeż nazzjonali għall-forniment ta' provvisti mediċi f'ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw peress li tipprovdi l-bażi neċessarja għall-mediċini tradizzjonali u għal ħafna drogi sintetiċi; iħeġġeġ, għalhekk, lill-COP-10 tieħu l-miżuri kontra l-bijopiraterija; jenfasizza li l-protezzjoni tal-bijodiversità għandha rabta diretta mal-kisba tal-Għan ta' Żvilupp tal-Millenju (MDG) 6;

36.  Jitlob biex il-Karti ta' Strateġija Nazzjonali u Reġjonali tal-Kummissjoni jinkludu miżuri speċifiċi mmirati għar-rikonoxximent formali tad-drittijiet tal-popli rurali u indiġeni għall-ġestjoni tar-riżorsi naturali u biex jibbenefikaw minnhom;

37.  Hu konvint li r-riforma tas-sussidji (fis-setturi tal-agrikoltura, s-sajd u l-enerġija) fl-UE hi kruċjali għall-koerenza politika għall-iżvilupp biex tiġi evitata l-ħsara għall-bijodiversità u għas-servizzi tal-ekosistema; ifakkar, fl-istess ħin, li l-potenzjal għat-tneħħija tas-sussidji perversi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (speċjalment fis-setturi tal-fjuwil, l-ikel u l-ilma) għandu jiġi kkumplimentat permezz ta' mekkaniżmi ta' kumpens għall-foqra li jistgħu jiġu effetwati ħażin bit-tneħħija immedjata tagħhom;

38.  Jappoġġja l-użu ta' Strateġiji u Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Bijodiversità (NBSAPs) għall-integrazzjoni tal-kontribut tal-bijodiversità għall-iżvilupp u t-taffija tal-faqar;

39.  Jenfasizza l-importanza tal-bijodiversità fil-mitigazzjoni tal-okkorrenza tal-mard, bħall-malarja, li ħareġ li hija anqas prevalenti f'żoni li għadhom imsaġġrin, fejn hemm varjetà akbar ta' għasafar;

40.  Jenfasizza li l-produzzjoni organika tikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-ħamrija, l-ilma u l-bijodiversità, filwaqt li tipprovdi d-diversità meħtieġa għal nutrizzjoni bnina; iħeġġeġ, għaldaqstant, għaż-żieda fl-investiment fl-agrikoltura sostenibbli bil-għan li bih tittejjeb is-sigurtà tal-ikel u jitnaqqas il-faqar;

Bijofjuwils

41.  Jenfasizza l-ħtieġa li fil-COP 10 tiġi adottata rakkomandazzjoni dwar il-bijofjuwils; ifakkar li huwa importanti ħafna li jiġu vvalutati l-impatti diretti u indiretti tal-bijofjuwils fuq il-bijodiversità; jenfasizza, barra minn hekk, il-bżonn li jiġu stabbiliti kriterji ta' ċertifikazzjoni u ta' sostenibilità għall-bijofjuwils;

Speċi aljeni invażivi

42.  Jiġbed l-attenzjoni, f'dak li għandu x'jaqsam ma' miżuri urġenti, għall-ħtieġa li tingħata prijorità għall-azzjoni kontra l-ispeċijiet invażivi, li diġà qed jikkawżaw żbilanċi serji fl-ekosistemi b'konsegwenzi estremament negattivi fuq il-bijodiversità kollha kemm hi;

Finanzjament

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied b'mod drastiku l-finanzjament dinji għall-bijodiversità, partikolarment permezz ta' sorsi eżistenti ta' finanzjament, kif ukoll permezz ta' sorsi ġodda u innovattivi, inklużi strumenti ġodda u innovattivi bbażati fuq is-suq;

44.  Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħabbru pubblikament l-impenji finanzjarji tagħhom għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika minn ferm qabel il-COP 10;

45.  Jinsab konvint li n-nefqa pubblika waħedha mhux se tkun biżżejjed biex jintlaħaq l-għan għall-bijodiversità tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u jenfasizza l-importanza tar-responsabilità soċjali korporattiva biex tqis ukoll il-bijodiversità;

46.  Jitlob li, fil-kuntest tal-konklużjonijiet tal-istudju TEEB, il-COP 10 tintuża wkoll biex tagħti messaġġ lis-settur privat dwar il-benefiċċji ekonomiċi li jissieħbu fil-ġlieda għall-preżervazzjoni tal-bijodiversità,

47.  Jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li d-Deċiżjoni dwar l-Involviment tan-Negozji għandha tinkludi mhux biss impenji volontarji, iżda anke obbligi, speċjalment li jipprovdu u jagħtu aċċess għal informazzjoni u sabiex il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali jitqiesu meta jkun qed jiġi stabbilit djalogu kontinwu;

48.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw sistemi innovattivi għall-ħlas għal servizzi ekosistemiċi, u jimmobilizzaw il-finanzjament privat, u jimplimentaw dawn is-sistemi filwaqt li jiżguraw livell massimu ta' protezzjoni għall-ekosistemi kkonċernati;

49.  Jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li sistemi ta' dan it-tip għandhom ikunu infurmati mill-lezzjonijiet tal-kriżi finanzjarja ta' dan l-aħħar, kif ukoll min-nuqqasijiet tal-skemi ta' skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-karbonju; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li, fil-mandat tal-Grupp ta' Ħidma Speċjali dwar l-Innovazzjoni Finanzjarja, għandu jissemma' b'mod espliċitu l-fatt li dawn il-limitazzjonijiet qed jiġu kkunsidrati;

50.  Hu tal-fehma li l-istrumenti ta' finanzjament rigward il-klima, bħar-REDD+, il-finanzjament aċċelerat, is-CDM u l-JI għandhom jiġu riformati biex jinkludu salvagwardji għall-bijodiversità u għad-drittijiet tal-bniedem u tal-popli indiġeni u biex, meta jkun possibbli, jipprovdu għal kobenefiċċji għall-bijodiversità;

51.  Jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li r-riformi jridu jinkludu definizzjonijiet ġodda tan-NU għall-foresti fuq il-bażi ta' ekosistemi, li jirriflettu d-differenzi estensivi fil-bijodiversità, kif ukoll valuri tal-karbonju ta' ekosistemi differenti, filwaqt li jiddistingwu b'mod ċar bejn il-foresti indiġeni u dawk dominati minn monokulturi tas-siġar u speċijiet mhux endemiċi; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu f'din id-direzzjoni fil-Korp Sussidjarju għall-Konsulenza Xjentifika u Teknoloġika;

52.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet biex l-ispejjeż esterni, bħall-ħsara li ssir lill-bijodiversità jew l-ispejjeż imġarrba biex tiġi appoġġata l-bijodiversità, jiġu integrati fil-prezz finali tal-prodotti fis-suq;

Sinerġiji bejn it-tliet Konvenzjonijiet ta' Rio

53.  Hu tal-fehma li għandhom jissaħħu s-sinerġiji bejn it-tliet Konvenzjonijiet ta' Rio dwar il-Bijodiversità, it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u d-Deżertifikazzjoni (UNCCD);

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw attivament l-idea li ssir laqgħa ta' livell għoli tat-tliet Konvenzjonijiet ta' Rio bħala parti mis-Summit Rio+20 fl-2012;

Pjattaforma Intergovernattiva ta' Politika Xjentifika dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) u qsim tal-għarfien

55.  Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq mill-gvernijiet f'Ġunju 2010 f'Busan biex tinħoloq Pjattaforma Intergovernattiva ta' Politika Xjentifika dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-IPBES tkun stabbilita b'mod effikaċi kemm jista' jkun fil-bidu tal-2011; jikkunsidra li, billi l-kontribut tal-IPBES se jiddependi fuq il-kwalità tar-riċerka li ssir fl-UE u internazzjonalment, hu tal-akbar importanza li l-UE u l-Istati Membri jiżguraw biżżejjed riżorsi għar-riċerka dwar il-bijodiversità;

56.  Jitlob li jittejbu u jinqasmu aħjar l-għarfien u t-teknoloġiji marbuta mal-bijodiversità, il-valur u l-funzjonament tagħha;

Approċċ koordinat

57.  Jinsisti li s-sostenibilità tal-prodotti kummerċjalizzati hi element kruċjali fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li, f'kull ftehim futur tad-WTO, jiġu integrati “kunsiderazzjonijiet mhux kummerċjali”, inklużi l-metodi ta' produzzjoni u r-rispett tal-bijodiversità;

58.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw l-element ambjentali fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi u biex ikomplu d-“Diplomazija Ambjentali”;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-objettiv ewlieni aġġornat “2010” tal-Pjan Strateġiku tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li għandu jiġi adottat mis-COP 10 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika f'Nagoya, jiġi inkorporat bħala l-objettiv aġġornat tal-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju 7 u appoġġat bħala element integrali għall-kisba ta' dawn l-għanijiet vitali sal-iskadenza tagħhom fl-2015; jenfasizza li huwa vitali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrikonoxxu l-ħafna sinerġiji u l-interdipendenzi bejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u jittrattawhom bħala pakkett wieħed;

o
o   o

60.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, kif ukoll lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.

Avviż legali - Politika tal-privatezza