Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2078(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0314/2010

Testi mressqa :

A7-0314/2010

Dibattiti :

PV 22/11/2010 - 13
CRE 22/11/2010 - 13

Votazzjonijiet :

PV 23/11/2010 - 6.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0418

Testi adottati
PDF 312kWORD 73k
It-Tlieta, 23 ta' Novembru 2010 - Strasburgu
Rapport annwali tal-BĊE għall-2009
P7_TA(2010)0418A7-0314/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2010 dwar ir-rapport annwali tal-BĊE għall-2009 (2010/2078(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-2009,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 284 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew anness mat-Trattat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 1998 dwar ir-responsabilità demokratika fit-tielet fażi tal-UEM(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' Ottubru 2009 dwar id-Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona tal-Euro 2009 (COM(2009)0527) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni maħruġ ma' dan ir-rapport (SEC(2009)1313/2),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli ppresedut minn Jacques de Larosière tal-25 ta' Frar 2009,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2009 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar superviżjoni makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (COM(2009)0499),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2009 għal deċiżjoni tal-Kunsill li tinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew b'kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (COM(2009)0500),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2008(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0314/2010),

A.  billi l-PGD reali ġenerali fiż-żona tal-euro naqas b'4.1% fl-2009 wara li t-taqlib finanzjarju qaleb għall-agħar wara l-kollass tal-Lehman Brothers; billi meta tiġi analizzata din iċ-ċifra aggregata hemm disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro,

B.  billi l-medja tal-inflazzjoni annwali kienet 0.3% u l-aspettattivi ta' inflazzjoni fuq terminu ta' żmien medju u itwal baqgħu konformi mal-għan tal-BĊE biex ir-rati ta' inflazzjoni jibqgħu inqas minn 2% iżda qrib din iċ-ċifra,

C.  billi l-medja tal-proporzjon tad-defiċit ġenerali tal-gvernijiet fiż-żona tal-euro żdied għal madwar 6.3% u l-proporzjon tad-dejn pubbliku u l-PGD żdied minn 69.4% tal-PGD fl-2008 għal 78.7% fl-2009 fiż-żona tal-euro,

D.  billi r-rata tal-kambju għall-euro mqabbla mal-USD waqgħet minn USD 1.39 fit-2 ta' Jannar 2009 għal USD 1.26 f'nofs Marzu 2009, reġgħet irkuprat għall-punt ta' USD 1.51 fil-bidu ta' Diċembru 2009 u tilfet fil-valur fl-2010 sabiex waslet għal minimu ta' USD 1.19 fit-2 ta' Ġunju 2010,

E.  billi r-rata tal-kambju għar-renminbi meta mqabbla mal-euro ġiet allinjata ħażin mill-awtoritajiet Ċiniżi matul l-2009, b'euro qawwi artifiċjali kontra l-munita Ċiniża,

F.  billi l-BĊE aġġusta r-rati tal-interessi u niżżilhom għal 1% u kompla bil-miżuri sostanzjali u bla preċedent mhux standard bħala appoġġ għall-kreditu; billi d-daqs tal-karta tal-bilanċ tal-BĊE żdied b'mod sinifikanti tul l-2009,

G.  billi dehru sinjali ta' stabbilizzazzjoni ekonomika fiż-żona tal-euro waqt it-tieni nofs tal-2009 u r-rati ta' tkabbir kull tliet xhur, minkejja li kienu dgħajfa kienu pożittivi, għalkemm dawn iċ-ċifri aggregati jenfasizzaw il-fatt li din it-tendenza ma kenitx riflessa fl-Istati Membri kollha tagħha, li wħud minnhom baqgħu f'riċessjoni matul l-istess perjodu,

H.  billi l-BĊE stenna rata ta' tkabbir ta' bejn 0.1% u 1.5% tal-PGD reali fiż-żona tal-euro għall-2010 qabel ma seħħet il-kriżi tad-dejn sovran f'diversi pajjiżi fi ħdan iż-żona tal-euro,

Daħla

1.  Jilqa' l-fatt li t-Trattat ta' Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009 u jagħti status ta' istituzzjoni tal-UE lill-BĊE, li jżid ir-responsabbiltà tal-Parlament bħala l-istituzzjoni ewlenija li permezz tagħha l-BĊE huwa responsabbli lejn iċ-ċittadin Ewropew;

2.  Jilqa' l-bidu mill-ġdid tad-Djalogu Monetarju mal-Parlament Ewropew il-ġdid wara l-elezzjonijiet ta' Ġunju 2009;

3.  Huwa favur l-adozzjoni tal-euro mill-Estonja fl-1 ta' Jannar 2011;

4.  Jirrimarka li, fil-każ tat-tendenzi attwali tal-prezzijiet, il-miżuri tal-politika monetarja huma biss fattur wieħed fost oħrajn, u li fis-snin riċenti t-tendenzi spekulattivi fis-swieq individwali u t-tkabbir u n-nuqqasijiet antiċipati tar-riżorsi naturali kellhom rwol partikolari fiż-żieda tal-prezzijiet;

5.  Jirrimarka li dawn l-iżbilanċi jikkaġunaw diffikultajiet konsiderevoli għal politika monetarja sostenibbli fi ħdan iż-żona tal-euro; għalhekk, jistieden lill-gvernijiet jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom;

Stabilità ekonomika u finanzjarja

6.  Huwa preokkupat ferm li l-iżbilanċi makroekonomiċi sustanzjali bejn l-ekonomiji taż-żona tal-euro għadhom jeżistu;

7.  Iqis li l-kriżi finanzjarja f'xi pajjiżi fiż-żona tal-euro hija kwistjoni serja għaż-żona tal-euro fit-totalità tagħha u tirrifletti nuqqas ta' funzjoni taż-żona tal-euro; dan juri l-ħtieġa għal riforma u għal koordinazzjoni aktar b'saħħitha tal-politiki ekonomiċi fiż-żona tal-euro;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali biex iħejju proposti b'konformità mal-proposta mill-Kumitat ta' Basel dwar il-Basel III li tistipula regoli vinkolanti għall-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' lqugħ antiċikliku; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali biex jaħdmu lejn l-implimentazzjoni konsistenti u rapida tal-proposti meta l-proposti tal-Kumitat ta' Basel jiġu ratifikati fil-livell tal-G20;

9.  Jinnota l-fatt li l-prinċipji tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fil-passat mhux dejjem ġew irrispettati bis-sħiħ; ifakkar li, jekk l-objettiv li jerġa' jinkiseb bilanċ fil-finanzi pubbliċi u li titnaqqas il-possibilità ta' dejn huwa neċessità għall-istati li huma mdejnin iżżejjed, dan waħdu mhux se jsolvi l-problema tal-iżbilanċi ekonomiċi bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro u, b'mod iktar wiesa“, tal-UE; jitlob għalhekk li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jiġi applikat mingħajr restrizzjonijiet u b'mod aktar koerenti; iqis li l-Patt għandu jiġi komplementat bl-iżvilupp ta' sistema ta' twissija bikrija biex jiġu identifikati inkonsistenzi li jista” jkun hemm, eż. fil-forma ta' “semestru Ewropew”, biex mhux biss tittejjeb is-sorveljanza u jissaħħaħ il-koordinament tal-politika ekonomika biex jiġi żgurat il-konsolidament fiskali iżda anke – lil hinn mid-dimensjoni baġitarja – biex jiġu indirizzati żbilanċi makroekonomiċi oħra u jiġu msaħħa l-proċeduri ta' infurzar;

10.  Jemmen li għandha tittieħed azzjoni issa sabiex jibda tnaqqis gradwali tad-defiċits fiskali u terġa' tiddaħħal il-fiduċja fil-finanzi pubbliċi Ewropej;

11.  Jinnota li biex tkun b'saħħitha, l-unjoni monetarja teħtieġ koordinazzjoni b'saħħitha u mtejba tal-politiki ekonomiċi; jiddispjaċih li fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja l-enfasi kien pjuttost dejjem fuq in-naħa “monetarja”;

12.  Iqis li l-Istati Membri li mhumiex qed isegwu r-regoli taż-żona tal-euro fir-rigward tal-finanzi pubbliċi u l-aċċess għal statistika kredibbli għandhom ikunu suġġetti għal spettru mkabbar u inkrementali ta' miżuri biex tkun żgurata konformità aktar stretta;

13.  Jemmen li n-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' ġestjoni tal-kriżijiet definit minn qabel u l-imġiba ta' xi gvernijiet individwali għamluha diffiċli biex tinstab soluzzjoni malajr għall-kriżi tad-dejn sovran f'xi Stati Membri taż-żona tal-euro u se jdgħajfu l-abbiltà tal-UEM li tirreaġixxi bil-ħeffa f'sitwazzjonijiet simili li jistgħu jseħħu fil-ġejjieni; għalhekk jitlob li jitwaqqaf qafas permanenti ta' ġestjoni tal-kriżijiet;

14.  Iħeġġeġ li għandu jitfassal appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi tal-UE fi kriżi tad-dejn sabiex jitħeġġeġ il-ħlas lura tad-dejn, il-bilanċ baġitarju u r-riforma ekonomika, u jenfasizza l-periklu li d-dejn jinbidel f'kontribuzzjonijiet finanzjarji, filwaqt li jiġu mħeġġa s-self u l-ħolqien ta' dejn;

15.  Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex jissaħħaħ il-Patt ta' Stabblità u Tkabbir billi jinkludu miri speċifiċi biex titnaqqas id-differenza fil-kompetittività bejn l-ekonomiji Ewropej, sabiex jiġi stimulat it-tkabbir li joħloq l-impjiegi;

16.  Jaqsam it-tħassib tiegħu dwar spekulazzjoni possibbli kontra l-euro;

17.  Hu tal-fehma li t-tkabbir tal-krediti u l-iżvilupppi tal-prezzijiet tal-assi fl-UE u fl-Istati Membri huma indikaturi kruċjali għal immoniterjar effettiv tal-istabilità finanzjarja fi ħdan l-UEM u, f'sens iktar wiesa“, l-UE;

18.  Hu mħasseb dwar piżijiet kontinwi fuq is-swieq tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro li huma riflessi f'tixrid wiesa“; jemmen li l-ħarbiet lejn is-sikurezza provokati mill-mewġ ta' paniku esperjenzat tul il-kriżi finanzjarja kurrenti kellhom effetti massivi ta' distorsjoni u ħolqu esternalitajiet negattivi bi prezz għoli;

19.  Jitlob l-implimentazzjoni f'waqtha tar-Regolament dwar l-Aġenziji li Jiggradaw il-Kreditu ((KE) Nru 1060/2009) u jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar l-Aġenziji li Jiggradaw il-Kreditu tat-2 ta' Ġunju 2010, iżda fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli għaddejja bi proposti għas-sorveljanza iktar rigoruża tal-operat ta' dawn l-aġenziji, għat-titjib tar-responsabilità tal-Aġenziji li Jiggradaw il-Kreditu u għall-valutazzjoni tal-possibilità li tinħoloq Aġenzija Ewropea li Tiggrada l-Kreditu; jenfasizza l-fatt li l-gradazzjoni tad-dejn sovran taż-żona tal-euro fil-fatt kienet problematika matul il-kriżi;

Governanza u teħid ta' deċiżjonijiet

20.  Jenfasizza l-indipendenza tal-BĊE;

21.  Jirrakkomanda li l-BĊE itejjeb it-trasparenza ta' ħidmietu biex iżid il-leġittimità u l-prevedibilità tiegħu; tinħtieġ ukoll it-trasparenza fir-rigward tal-mudelli interni użati biex ikun ikkwantifikat il-kollateral mhux likwidu u l-valutazzjonijiet assenjati għal titoli speċifiċi offruti bħala kollateral;

22.  Iqis li, minħabba l-istatus legali l-ġdid tal-BĊE skont it-Trattat ta' Lisbona, il-kandidati għall-Bord Eżekuttiv proposti mill-Kunsill għandhom ikunu soġġetti għal smigħ speċjali mill-kumitat parlamentari rilevanti u wara għal votazzjoni mill-Parlament Ewropew; jinnota li, barra minn hekk, ir-rwol tal-BĊE kien kruċjali mill-kriżi “l hawm u jqis għalhekk li rwol bħal dak għandu jinvolvi trasparenza u responsabbilizzazzjoni msaħħa;

23.  Jilqa' l-għoti ta' personalità legali lill-Grupp tal-Euro mit-Trattat ta' Lisbona u l-parteċipazzjoni tal-BĊE fil-laqgħat tiegħu;

24.  Jinnota d-determinazzjoni tal-Parlament Ewropew biex ikompli d-Djalogu Monetarju bħala element importanti għall-iskrutinju demokratiku tal-BĊE;

25.  Jilqa' l-proposta għall-istabbiliment ta' Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), li se jnaqqas in-nuqqas attwali fis-superviżjoni makroprudenzjali; jistieden lill-BĊE biex jistabbilixxi mudelli u definizzjonijiet ċari biex jiżguraw l-ħidma effettiva u r-responsabbilizzazzjoni tal-BERS; iżid li kwalunkwe kompitu ġdid mogħti lill-BĊE fir-rigward tal-BERS mhu se jikkomprometti bl-ebda mod l-indipendenza tal-BĊE;

26.  Jinnota li l-kunċett li permezz tiegħu l-BERS jagħti biss twissijiet u rakkomandazzjonijiet bl-ebda infurzar attwali huwa sodisfaċenti f'termini ta' implimentazzjoni effettiva u responsabbiltà; jiddispjaċih li l-BERS ma jistax jiddikjara l-emerġenza waħdu;

27.  Jilqa' l-proposta li jsiru seduti ta' smigħ tal-President tal-BERS quddiem il-Parlament Ewropew, f'qafas differenti minn dak għad-Djalogi Monetarji;

Ħruġ mill-kriżi

28.  Jemmen li l-bidu mill-ġdid ta' attività ekonomika fit-tieni nofs tal-2009 rriżulta mill-miżuri straordinarji li ttieħdu mill-gvernijiet u l-banek ċentrali madwar id-dinja mit-tmiem l-2008 fil-forma ta' garanziji għall-obbligazzjonijiet tal-banek, l-injezzjonijiet tal-kapital u l-iskemi ta' appoġġ għall-assi;

29.  Jinnota li l-kriżi finanzjarja fiż-żona tal-euro hija kriżi ta' solvenza li fil-bidu wriet ruħha bħala kriżi ta' likwidità; iqis li sitwazzjoni bħal din ma tistax tissolva fiż-żmien twil sempliċement billi nitfgħu iktar dejn u likwidità f'ekonomiji mdejnin ħafna flimkien ma' pjanijiet aċċellerati għall-konsolidazzjoni fiskali;

30.  Jemmen, bl-istess mod, li l-kriżi kixfet tendenza fil-politiki ekonomiċi tas-snin riċenti li kkontribwiet għal-livell għoli attwali ta' dejn pubbliku u privat li jridu jgħaddu ħafna snin biex jinqata“; iqis li xi partijiet mill-Ewropa se jsibuha aktar diffiċli minn oħrajn li jaffrontaw il-konsegwenzi u l-iżviluppi tal-kriżi u jiksbu tkabbir ekonomiku sostenibbli, innovazzjonijiet ġodda u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda; jenfasizza l-ħtieġa għal riformi fl-Ewropa kollha;

31.  Ifakkar li, qabel ma faqqgħet il-kriżi finanzjarja, il-proporzjon tad-dejn pubbliku meta mqabbel mal-PGD taż-żona tal-euro u tal-UE b'mod ġenerali, kif ukoll il-proporzjon tal-maġġoranza tal-Istati Membri, naqsu bejn l-1999 u l-2007 u li, b'kuntrast, il-livelli ta' dejn fl-unitajiet domestiċi, fil-kumpanniji u li l-ingranaġġ tas-settur finanzjarju esperjenza żieda sinifikanti fl-istess perjodu;

32.  Ifakkar li ż-żieda enormi fid-dejn pubbliku mill-2008 “l quddiem f'diversi Stati Membri kienet ikkawżata mill-fatt li dawn il-pajjiżi kellhom jiffaċċaw eċċessi kkawżati preċedentement minn tkabbir mhux sostenibbli tad-dejn privat u minn bżieżaq finanzjarji enormi; jemmen, għalhekk, li l-kriżi kurrenti għamlitha ċara li l-pożizzjoni fiskali mhix sostenibbli jekk il-finanzjament tas-settur privat mhux sostenibbli;

33.  Jinnota li l-kriżi, flimkien ma' pakketti sussegwenti ta' salvataġġ u stimulus ekonomiku, wasslet għal miżuri ta' awsterità li spiss kellhom jittieħdu qabel iżda li li f'istess ħin jillimtaw ħafna l-kapaċità tal-gvernijiet li jaġixxu;

34.  Iwissi li dawn il-pakketti ta' awsterità ma għandhomx iwasslu għal miżuri li jistgħu jdgħajfu ferm l-irkupru ekonomiku, li jirrikjedi mudell ġdid ta' governanaza ekonomika bi strumenti u skeda ta' żmien li se jipprovdu bilanċ bejn il-proċess ta' konsolidazzjoni fiskali u s-salvagwardja tal-bżonnijiet f'termini ta' investiment fl-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli;

35.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' kreditu li jilħaq l-ekonomija reali, speċifikament għall-SMEs, irriżulta minn domanda iktar baxxa minħabba attività mnaqqsa fl-ekonomija reali kif ukoll min-nuqqas tar-rieda tal-banek li jagħtu l-kreditu;

36.  Jissottolinja li diversi banek tal-Istati Membri kienu jiddependu b'mod eċċessiv fuq il-likwidità provduta mill-BĊE;

37.  Jinnota li l-miżuri mhux standard li l-BĊE introduċa f'Ottubru 2008 biex jappoġġa l-kreditu kellhom suċċess fl-evitar ta' riċessjoni iktar profonda u problemi finanzjarji addizzjonali; itenni li t-tneħħija minn dawn il-miżuri għandha ssir f'waqtha u b'mod ikkoordinat sew mal-gvernijiet nazzjonali u l-attivitajiet tagħhom, speċjalment fid-dawl tar-rikors kollettiv u simultanju għal miżuri ta' awsterità f'ħafna Stati Membri;

38.  Hu mħasseb, madankollu, dwar l-impatt potenzjali asimetriku tal-istrateġija ta' ħruġ tal-BĊE, peress li hemm differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro dwar iċ-ċiklu tan-negozju;

39.  Jilqa' mossa mill-Bank Ċentrali Ewropew b'mod ġenerali biex jaċċetta bonds tal-gvern minn pajjiżi fiż-żona tal-euro bħala garanzija fil-kuntest ta' ftehimiet ta' akkwist mill-ġdid, u b'hekk ikun qed isegwi prattika ttestjata mill-Bank of England u mill-Federal Reserve Bank;

40.  Jenfasizza li ħruġ gradwali mid-defiċits pubbliċi u s-sostenibilità għal perjodu twil ta' żmien tal-finanzi pubbliċi huma ta' importanza kruċjali għaż-żona tal-euro kollha kemm hi;

41.  Jinnota l-għadd ta' proposti fl-UE biex jiġu ffinalizzati l-arranġamenti prudenzjali, biex tiġi ġestita l-kriżi u jiġi rregolat is-settur bankarju parallel;

42.  Jaqsam it-tħassib dwar l-aspetti proċikliċi tar-regoli kurrenti ta' tassazzjoni u kontabilità regolatorji u prudenzjali li jamplifikaw l-fluttwazzjonijiet li huma inerenti fil-funzjonament tal-ekonomija tas-suq;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa għal żieda deċiżiva tar-riżervi ta' kapital tal-banek kif ukoll li tittejjeb il-kwalità tal-kapital, u jilqa' l-proposti tal-Kumitat ta' Basel għal definizzjoni anqas wiesgħa tal-kapital ewlieni u għall-introduzzjoni ta' proporzjonijiet ogħla ta' kapital; jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-rabta bejn l-ekonomija finanzjarja u dik reali u l-impatti li jista' jkollha r-regolazzjoni ta' waħda fuq l-oħra;

44.  Iqis li s-sistema finanzjarja globali jeħtieġ li ssir inqas fraġli u li nitgħallmu mill-kriżi fuq livell globali biex jitnaqqas ir-riskju sistemiku, jiġu ttrattati l-bżieżaq finanzjarji u tittejjeb il-kwalità tal-ġestjoni tar-riskji u t-trasparenza tas-swieq finanzjarji, filwaqt li jiġi affermat mill-ġdid li r-rwol bażiku tagħhom hu li jiffinazjaw l-ekonomija reali;

Id-dimensjoni esterna

45.  Jinnota li l-euro ngħata status bħala munita internazzjonali tul l-2009, iżda kien soġġett għal ħafna pressjoni fl-2010;

46.  Jinnota li, matul perjodu ta' livell għoli ta' volatilità tar-rati tal-kambju, l-euro żied is-saħħa tiegħu, partikolarment meta mqabbel mad-dollaru Amerikan u r-renminbi, u jesprimi tħassib li dan jista' jkollu effett negattiv fuq il-kompetittività taż-żona tal-euro;

47.  Jagħraf li s-saħħa tal-euro rriżultat parzjalment mill-attività ekonomika dgħajfa fl-Istati Uniti, fejn id-defiċit kurrenti tal-kontijiet naqas ħafna għal taħt it-3% tal-PGD fl-2009 u d-defiċit baġitarju federali żdied għal madwar 10% tal-PGD fis-sena fiskali 2009, filwaqt li t-tnaqqis tal-euro kien, fost affarijiet oħra, marbut ukoll man-nuqqas ta' fiduċja fis-swieq globali f'xi Stati Membri tal-UE b'dejn kbir ħafna; jaqsam it-tħassib dwar l-espansjoni tal-volum tal-flus fl-Istati Uniti u, xi ftit inqas, fl-UE;

48.  Huwa preokkupat dwar l-impatt tal-volatilità tar-rati tal-kambju u tal-operazzjonijiet ta' “carry trade” kemm fuq l-istabilità finanzjarja globali kif ukoll fuq l-ekonomija reali;

49.  Jenfasizza li, minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali attwali, iż-żona tal-euro għandha titkabbar aktar, iżda jiġbed l-attenzjoni li l-kriterji ta' Maastricht huma meqjusa bħala prekundizzjoni għal sħubija fiż-żona tal-euro; jilqa' l-adozzjoni rapida tal-euro mill-Istati Membri kollha li jissodisfaw dawn il-kriterji;

50.  Jemmen li l-adozzjoni tal-euro mill-Estonja turi l-istatus tal-euro, minkejja li hemm kriżi tad-dejn pubbliku; jemmen li dan l-istatus se jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ifittxu jissieħbu fiż-żona tal-euro;

o
o   o

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Grupp tal-Euro u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) ĠU C 138, 4.5.1998, p. 177.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0090.
(3) ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 8.

Avviż legali - Politika tal-privatezza