Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2080(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0252/2010

Testi mressqa :

A7-0252/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 23/11/2010 - 8.2
CRE 23/11/2010 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0426

Testi adottati
PDF 261kWORD 102k
It-Tlieta, 23 ta' Novembru 2010 - Strasburgu
Aspetti tad-Dritt Ċivili, Kummerċjali, tal-Familja u Internazzjonali Privat tal-Pjan ta' azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma
P7_TA(2010)0426A7-0252/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2010 dwar aspetti tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali, tad-dritt tal-familja u tad-dritt internazzjonali privat tal-Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma (2010/2080(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 67 u 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2009 bl-isem “Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini” (COM(2009)0262), li tispjega l-prijoritajiet tagħha fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (AFSJ) għall-2010-2014, flimkien mal-valutazzjoni tagħha tal-Programm tal-Aja u Pjan ta' Azzjoni (COM(2009)0263) u t-tabella ta' implimentazzjoni assoċjata (SEC(2009)0765), kif ukoll il-kontribuzzjonijiet magħmula mill-parlamenti nazzjonali, mis-soċjetà ċivili u mill-aġenziji u l-entitajiet tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Presidenza tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 bl-isem “Il-Programm ta' Stokkolma – Ewropa miftuħa u sikura għas-servizz taċ-ċittadin” (17024/09),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Programm ta' Stokkolma(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' April 2010 dwar Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma (COM(2010)0171),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar it-Taħriġ Ġudizzjarju – il-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0252/2010),

A.  billi l-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja huwa kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri,

B.  billi l-Artikolu 67 TFUE jenfasizza r-rispett tas-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti u l-aċċess għall-ġustizzja, li għandu jiġi ffaċilitat, b'mod partikulari permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku; billi dan jirrikjedi fiduċja reċiproka u mbagħad il-fiduċja reċiproka tirrikjedi fehim imsaħħaħ tal-metodi u t-tradizzjonijiet legali differenti,

C.  billi, minn meta l-Unjoni l-ewwel kisbet kompetenza fir-rigward tal-ġustizzja u l-intern u l-ħolqien sussegwenti tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, sar progress kbir fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, bil-bini u t-tkabbir tal-konvenzjonijiet varji dwar id-dritt internazzjonali privat konklużi b'mod intergovernattiv; billi l-Kummissjoni issa qed tipproponi pjan ambizzjuż ħafna, li jirreaġixxi għal għadd sostanzjali ta' talbiet li l-Parlament għamel matul il-perjodu reċenti,

D.  billi fid-dawl ta' dan il-pjan ambizzjuż u l-kisbiet kbar li diġà saru mill-UE f'dan il-qasam, wasal iż-żmien li noqogħdu pass lura u nirriflettu dwar x'qegħdin nagħmlu fil-qasam tal-liġi ċivili bl-għan primarju li jiġi adottat approċċ iktar strateġiku u inqas frammentat ibbażat fuq il-ħtiġijiet reali taċ-ċittadini u n-negozji fl-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet tagħhom fis-suq intern, u filwaqt li jitqiesu d-diffikultajiet li ssir leġiżlazzjoni f'qasam ta' kompetenza kondiviża fejn l-armonizzazzjoni hija possibilità mhux frekwenti u fejn jeħtieġ li jiġi evitat l-irduppjar u hemm ħtieġa konsegwenti li jiġu rrispettati u akkomodati approċċi legali u tradizzjonijiet kostituzzjonali radikalment differenti, kif ukoll bil-għan li jiġi konċettwalizzat l-approċċ tal-Unjoni fir-rigward ta' dan il-qasam sabiex ikun hemm fehim aħjar ta' dak li qed nipprovaw inwettqu u dwar x'inhu l-aħjar mod kif jiġu indirizzati l-problemi li għandhom jiġu affaċċati, bħala parti minn pjan ġenerali; billi huwa essenzjali li l-ewwel nett tingħata attenzjoni biex tiġi żgurata l-funzjonalità tal-miżuri diġà fis-seħħ u jiġi kkonsolidat il-progress li diġà sar,

E.  billi, jekk inħarsu lura lejn x'inkiseb fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, l-ewwel nett hemm l-armonizzazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat, li kompliet tavvanza “l quddiem; billi d-dritt internazzjonali privat huwa l-mezz per eċċellenza għar-rikonoxximent reċiproku u r-rispett tas-sistemi legali ta' xulxin u billi l-eżistenza tal-klawsoli tal-politika pubblika hija l-protezzjoni finali tar-rekwiżiti kostituzzjonali nazzjonali,

F.  billi, u mbagħad, hemm l-armonizzazzjoni jew l-approssimazzjoni li hija utli għal ċerti oqsma fejn l-istandardizzazzjoni hija mixtieqa, jekk mhux essenzjali – eż. fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur, iżda fejn ir-rikors għaliha huwa limitat fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja,

G.  billi l-abbozzar tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew se jkun waħda mill-inizjattivi l-aktar importanti għall-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja fis-snin li ġejjin u jista' jirriżulta fl-hekk imsejħa t-28 sistema fakulatattiva tad-dritt ċivili bħala alternattiva għall-mod tradizzjonali biex tiġi armonizzata leġiżlazzjoni f'oqsma speċifiċi,

H.  billi, fl-aħħar nett, hemm l-istrumenti awtonomi u azzjoni fil-qasam tal-liġi proċedurali; il-miżuri f'dawn l-oqsma huma importanti ħafna f'bosta modi sabiex jiġi indirizzat it-tilwim transkonfinali, minħabba li indipendentement minn sa liema punt il-liġi tkun armonizzata, iċ-ċittadini u n-negozji għandhom tendenza li jaffaċċaw ostakli fil-forma ta' liġi proċedurali nazzjonali,

I.  billi l-koeżistenza ta' sistemi legali differenti fl-Unjoni għandha titqies bħala saħħa li kienet ta' ispirazzjoni għal sistemi legali madwar id-dinja kollha; madankollu, id-diverġenzi bejn is-sistemi legali differenti m'għandhomx jikkostitwixxu ostaklu għall-iżvilupp ulterjuri tad-dritt Ewropew; billi d-diverġenza espliċita u kunċettwali bejn is-sistemi legali differenti mhijiex problematika fiha nnifisha; billi, minkejja dan, huwa neċessarju li jiġu indirizzati l-konsegwenzi legali negattivi għaċ-ċittadini li jirriżultaw minn din id-diverġenza; billi l-kunċett tal-emulazzjoni regolatorja, jew approċċ “minn isfel għal fuq” fir-rigward tal-konverġenza, għandu jiġi applikat billi titħeġġeġ il-komunikazzjoni ekonomika u intellettwali bejn is-sistemi legali differenti; billi l-kapaċità li wieħed jifhem u jimmaniġġa d-differenzi bejn is-sistemi legali tagħna tista' tiġi biss minn kultura ġudizzjarja Ewropea li teħtieġ li titrawwem permezz tal-iskambju tal-għarfien u l-komunikazzjoni, l-istudju tal-liġi komparattiva u permezz ta' ċaqlieqa radikali fil-mod kif tiġi mgħallma l-liġi fl-universitajiet u fil-mod kif l-imħallfin jipparteċipaw fit-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tagħhom, kif spjegat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Ġunju 2010, inklużi l-isforzi addizzjonali biex jingħelbu l-ostakli lingwistiċi; billi, minkejja li dan se jieħu ż-żmien, jeħtieġ li nirriflettu fuqu u nippjanaw għalih minn issa,

J.  billi, sadanittant, għandhom jiġu mħeġġa u promossi iktar djalogu u kuntatt personali fil-livell Ewropew sabiex it-tibdil fit-tagħlim u l-programmi jkun jista' jiġi ddeterminat skont il-bżonnijiet tal-prattikanti tal-liġi, il-klijenti tagħhom u s-suq fit-totalità tiegħu; billi l-komunikazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni dwar taħriġ Ewropew għall-professjonijiet legali kollha għandha tqis it-tradizzjonijiet u l-metodi ta' tagħlim differenti u anke l-bżonnijiet differenti tal-prattikanti tal-liġi li joperaw f'żoni ġeografiċi jew ta' prattika differenti, filwaqt li trawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki,

K.  billi huwa importanti ħafna li l-prattikanti tal-liġi ma jintesewx waqt il-bini ta' kultura ġudizzjarja Ewropea; billi minkejja li huwa awtoevidenti li l-Istati Membri u l-korpi professjonali nazzjonali jżommu r-responsabilità tagħhom li jistabbilixxu l-aktar taħriġ xieraq biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-avukati u l-klijenti tagħhom f'kull Stat Membru skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà u li l-korpi professjonali nazzjonali qegħdin fl-aqwa pożizzjoni biex jidentifikaw dawk il-bżonnijiet minħabba li jinsabu aktar qrib tal-prattikanti tal-liġi u s-suq li joperaw fih, dawk il-korpi għandhom rwol vitali fil-livell Ewropew; billi huwa essenzjali li jiġu involuti l-istrutturi eżistenzi u jkompli jsir xogħol fuqhom, b'mod partikulari l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet professjonali; billi hemm bżonn ta' reviżjoni fuq skala kbira tat-taħriġ ġudizzjarju u t-taħriġ tal-prattikanti u s-sillabi tal-universitajiet; billi huwa essenzjali li tinbeda riflessjoni serja dwar kif l-Unjoni tista' tgħin b'mod effettiv f'dan ir-rigward u tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jaċċettaw is-sjieda ta' dan il-proġett,

L.  billi dan huwa l-essenza proprja tal-Ewropa u l-isfida tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, u m'għandux jitqies bħala kontradittorju għall-iżvilupp u t-tagħlim ta' kultura legali Ewropea reali,

M.  billi d-determinazzjoni fil-Preambolu għat-Trattat ta' Lisbona li “jistabbilixxu s-sisien ta' għaqda dejjem akbar fost il-popli Ewropej” tirrikjedi t-tnaqqis tad-distanza reali u dik ipperċepita bejn l-Unjoni Ewropea, il-liġi tagħha u ċ-ċittadini tagħha,

N.  billi l-liġi tal-Unjoni għandha tkun għas-servizz taċ-ċittadini speċjalment fil-qasam tal-liġi tal-familja u l-istat ċivili,

O.  billi l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma jirrifletti verament il-bżonn ta' aktar Ewropa għaċ-ċittadini u n-negozji individwali, b'mod partikolari l-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (fir-rigward tal-mobilità, id-drittijiet ta' impjieg, il-bżonnijiet tan-negozji u l-opportunitajiet ugwali) filwaqt li jippromwovi ċ-ċertezza legali u l-aċċess għal ġustizzja rapida u effiċjenti,

P.  billi f'dan il-kuntest għandha tingħata dejjem iżjed attenzjoni fir-rigward tas-simplifikar tal-magna tal-ġustizzja u s-sistema ġudizzjarja u għandhom jiġu żgurati proċeduri iktar ċari u iktar aċċessibbli filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-bżonn li jiġi ffrankat l-infiq, b'mod partikulari fil-klima ekonomika preżenti,

Q.  billi l-enfasi mitfugħa fuq l-awtonimija tal-partijiet f'inizjattivi reċenti tal-UE dwar il-kwistjoni sensittiva tad-dritt tal-familja b'implikazzjonijiet transnazzjonali għandha r-riskju li, sakemm ma jiġux applikati ristrezzjonijiet ċari, tiftaħ il-bieb għall-prattika inaċċettabbli tal-għażla tal-forum l-aktar vantaġġuż,

1.  Jifraħ lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Pjan ta' Azzjoni propost tagħha;

2.  Iqis madankollu li wasal iż-żmien biex issir riflessjoni fuq l-iżvilupp futur tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi dibattitu b'firxa wiesgħa li jkun jinvolvi lill-partijiet interessati kollha, inklużi b'mod partikulari l-imħallfin u l-prattikanti tal-liġi;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala kwistjoni ta' urġenza, u permezz ta' valutazzjoni tal-impatt ex post, tieħu kont tal-miżuri li diġà ġew adottati fil-qasam tad-dritt ċivili u tal-familja bil-għan li tiġi vvalutata l-effettività tagħhom u jiġi aċċertat sa liema punt dawn kellhom suċċess fil-kisba tal-għanijiet tagħhom u fl-issodisfar tal-bżonnijiet taċ-ċittadini, in-negozji u l-prattikanti tal-liġi; iqis li fl-istess ħin għandu jitwettaq stħarriġ li jkopri b'mod partikolari l-Ministeri tal-Ġustizzja nazzjonali, il-professjonijiet legali, il-komunità tan-negozju u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, sabiex jiġi aċċertat f'liema oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili huma neċessarji u mixtieqa miżuri ġodda;

4.  Jistieden lill-Kummissjon biex taġixxi fuq ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar it-taħriġ ġudizzjarju, filwaqt li tikkonsulta mal-Parlament;

5.  Jenfasizza għal darba oħra l-bżonn li jintuża kull mezz possibbli biex titrawwem kultura ġudizzjarja Ewropea, b'mod partikulari permezz tat-taħriġ u l-edukazzjoni legali;

6.  Jirrakkomanda li l-programmi ta' skambju “stil Erasmus” proposti fil-Pjan ta' Azzjoni għandhom ikunu sempliċement waħda minn serje ta' inizjattivi li jrawmu l-komunikazzjoni vertikali u orizzontali bejn il-qrati nazzjonali u dawk Ewropej; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Parlament għandu jikkummissjona studju fejn se jittieħed kont tal-programmi ta' taħriġ nazzjonali u l-iskejjel għall-ġudikatura bl-għan ukoll li jiġu identifikati l-aħjar prattiki f'dan is-settur;

7.  Jinnota li n-netwerks u l-istituzzjonijiet nazzjonali ta' taħriġ eżistenti, li huma l-ewwel pass tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fl-Istati Membri u li għandhom kuntatt dirett mal-ġudikatura u l-qrati nazzjonali u fehim profond tal-ħtiġijiet u l-kulturi legali nazzjonali, għandhom ikunu vetturi għall-iżvilupp ta' kultura ġudizzjarja Ewropea komuni;

8.  Iqis li l-ewwel pass jista' jsir billi jinħoloq forum regolari fejn l-imħallfin ta' kull livell ta' anzjanità f'oqsma tal-liġi fejn ta' sikwit jinqalgħu kwistjonijiet transkonfinali, bħal każijiet tal-liġi marittima, dik kummerċjali, dik tal-familja u f'każijiet ta' korriment personali, jkunu jistgħu jagħmlu diskussjonijiet dwar qasam jew oqsma ta' diffikultajiet jew kontroversji legali reċenti, sabiex tiġi mħeġġa d-diskussjoni, jinbnew il-kuntatti, jinħolqu kanali ta' komunikazzjoni u kollaborazzjoni u jinbnew fiduċja u fehim reċiproċi; jemmen li dan jista' jiġi assistit permezz tal-parteċipazzjoni attiva tal-universitajiet u l-parteċipazzjoni tal-prattikanti tal-liġi;

9.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tappoġġa l-komunikazzjoni u d-djalogu effettiv li għaddejjin bħalissa bejn korpi professjonali legali Ewropej fil-Kunsill tal-Avukaturi u s-Soċjetajiet Legali tal-Ewropa; jemmen li dan jista' jintuża bħala bażi li minnha jiġu stabbiliti iktar inizjattivi ta' taħriġ transkonfinali ta' korpi professjonali fi sħubija ma' partijiet interessati Ewropej oħrajn, bħalma hi l-Akkademja tal-Liġi Ewropea (ERA);

10.  Japprezza l-finanzjament ġeneruż tal-Kummissjoni għall-proġetti ta' taħriġ legali transnazzjonali fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, iżda jiddeplora l-fatt li huwa diffiċli ħafna biex wieħed ikollu aċċess u juża b'mod effikaċi dan il-finanzjament, l-iktar minħabba n-nuqqas ta' flessibilità tas-sistema attwali; jinnota barra minn hekk il-problemi fl-irkupru tal-ispejjeż imġarrba matul il-programmi ta' taħriġ kofinanzjati u l-fatt li l-organizzazzjoni ta' tali programmi tfisser li l-organizzazzjoni professjonali kkonċernata jkollha torbot ammonti kbar ta' fondi għal perjodu twil minħabba r-rekwiżiti imposti mill-Kummissjoni; jitlob għalhekk approċċ iktar flessibbli u innovattiv min-naħa tal-Kummissjoni sabiex l-organizzazzjonijiet mingħajr likwidità b'saħħitha jkunu jistgħu japplikaw biex joperaw skemi ta' taħriġ;

11.  Josserva li t-trattament tal-liġi tal-Unjoni bħala suġġett diskret fl-edukazzjoni u t-taħriġ ġudizzjarji u legali għandha effett ta' marġinalizzazzjoni; għalhekk jirrakkomanda li, barra minn hekk, is-sillabi tat-taħriġ u l-edukazzjoni legali għandhom jinkorporaw il-liġi tal-Unjoni f'kull qasam ċentrali bħala ħaġa ta' rutina; iqis li l-istudju tal-liġi komparattiva għandu jsir element ewlieni tas-sillabi universitarji;

12.  Filwaqt li jżomm f'moħħu li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma primarjament kompetenza tal-Istati Membri, jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi djalogu ma' dawk kollha responsabbli għall-edukazzjoni legali bil-għan li jinkisbu dawn l-għanijiet; jirrakkomanda li fuq perjodu itwal ta' żmien l-avukati għandhom ikunu meħtieġa jkunu kompetenti għall-inqas f'lingwa waħda oħra tal-Unjoni; iqis li dan l-għan jista' jitrawwem immedjatament permezz ta' inkuraġġiment u finanzjament ikbar għall-istudenti biex jieħdu sehem fi skemi tat-tip ERASMUS bħala parti mill-istudji legali tagħhom;

13.  Filwaqt li jżomm f'moħħu l-għan ambizzjuż tal-programm ta' Stokkolma li joffri skemi ta' taħriġ Ewropej għal nofs l-imħallfin, il-prosekuturi, l-istaff ġudizzjarju u professjonisti oħrajn involuti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja qabel l-2014, u t-talba tiegħu li għal dan il-għan għandhom jintużaw l-istituzzjonijiet ta' taħriġ eżistenti, jinnota li n-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi, in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u l-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi u n-Netwerk tal-Eurojustice tal-Prosekuturi Ġenerali Ewropej, l-uffiċjali tal-qorti u l-prattikanti legali għandhom ħafna x'joffru billi jikkordinaw u jippromwovu taħriġ professjonali għall-ġudikatura u fehim reċiproku tas-sistemi legali ta' Stati Membri oħrajn u jagħmluha aktar faċli biex jissolvew tilwimiet u problemi transkonfinali, u għalhekk iqis li l-attivitajiet tagħhom għandhom ikunu ffaċilitati u jirċievu biżżejjed fondi; iqis ukoll li dan għandu jwassal għal pjan kompletament iffinanzjat għat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew imfassal b'konnessjoni man-netwerks ġudizzjarji msemmija hawn fuq filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-programmi u l-istrutturi u li jilħaq il-qofol tiegħu bil-ħolqien ta' Akkademja Ġudizzjarja Ewropea magħmula min-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju u l-Akkademja tal-Liġi Ewropea;

14.  Iqis li, speċjalment fl-istadju tat-tfassil tal-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikulari, fil-qasam tad-dritt ċivili u tal-familja, għandu jinħoloq spazju sabiex l-imħallfin nazzjonali u tal-Unjoni jsemmgħu leħinhom dwar l-aspetti purament tekniċi tal-miżuri proposti sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni futura tkun tista' tiġi implimentata u applikata bl-anqas diffikultà mill-imħallfin nazzjonali; huwa tal-fehma li dan jaf ikun ta' għajnuna wkoll biex jinħolqu iktar kuntatti bejn l-imħallfin, u b'hekk jinfetħu kanali ta' komunikazzjoni ġodda; jilqa' b'mod pożittiv il-kontribuzzjoni tal-ġudikaturi nazzjonali matul il-proċeduri leġiżlattivi;

15.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-indirizzar tad-diffikultajiet li jinqalgħu minħabba d-diverġenzi fil-liġi proċedurali nazzjonali (eż. fil-perjodi ta' preskrizzjoni jew il-mod kif il-qrati jitrattaw il-liġi barranija); jissuġġerixxi, fid-dawl tal-importanza ewlenija ta' dan l-aspett, li d-data għar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tas-sistema attwali tal-UE fir-rigward tal-liġi proċedurali ċivili bejn il-fruntieri għandha titressaq aktar viċin, mill-2013 għall-aħħar tal-2011; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirreaġixxi għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Frar 2007(3) billi tippreżenta proposta għal perjodu ta' preskrizzjoni komuni fir-rigward ta' tilwim transkonfinali li jinvolvi korriment personali u inċidenti fatali bħala kwistjoni ta' urġenza;

16.  Jilqa' l-Green Paper tal-1 ta' Lulju 2010 dwar l-għażliet politiċi għall-progress lejn Liġi Kuntrattwali Ewropea għall-konsumaturi u n-negozji u jappoġġja l-inizjattiva ambizzjuża tal-Kummissjoni favur strument tad-dritt kuntrattwali Ewropew, li jkun jista' jiġi applikat b'mod volontarju mill-partijiet kontraenti (COM(2010)0348);

17.  Jenfasizza l-importanza tal-ġustizzja transkonfinali fir-riżoluzzjoni tal-każijiet ta' frodi u ta' prattiki kummerċjali qarrieqa li joriġinaw fi Stat Membru u jkollhom fil-mira individwi, NGOs u SMEs fi Stati Membri oħrajn;

18.  Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta' Marzu 2009 dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-ġbir ta' evidenza f'materji ċivili jew kummerċjali(4) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri għall-finijiet ta' kumpilazzjoni ta' xhieda u biex titjieb l-effiċjenza tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001, b'mod partikulari billi jiġi żgurat li l-qrati u l-prattikanti tal-liġi jkunu infurmati aħjar dwaru u jħeġġu l-użu estensiv tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-vidjokonferenzi; iqis li għandu jkun hemm sistema sikura biex wieħed jibgħat u jirċievi l-emails u li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati taħt l-istrateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja Elettronika;

19.  Jilqa' l-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni jipproponi inizjattiva leġiżlattiva għal regolament dwar it-titjib tal-effikaċa tal-infurzar tas-sentenzi li jirrigwardaw it-trasparenza tal-assi tad-debituri u regolament simili li jikkonċerna s-sekwestru tal-kontijiet bankarji; jenfasizza madankollu n-natura komplementarja taż-żewġ proposti li għandhom jiġu ppreżentati kemm jista' jkun malajr;

20.  Iqis li tali inizjattivi huma ta' importanza dejjem ikbar fil-kuntest tat-tnaqqis ekonomiku;

21.  Jistieden lill-Kummissjon tmexxi b'dawk l-inizjattivi kemm jista' jkun malajr, filwaqt li tiffoka fuq il-possibilità ta' rimedju Ewropew awtonomu għall-iżvelar u/jew l-iffriżar ta' assi f'każijiet transkonfinali;

22.  Jenfasizza li dan il-qasam għandu konsegwenzi finanzjarji u reputazzjonali importanti; ladarba s-sitwazzjoni hija fil-fatt din????, jinkuraġġixxi rikors preventiv għal mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni ta' tilwim;

23.  Jemmen li l-konsolidazzjoni tal-arranġamenti legali bil-mezzi stipulati f'dan ir-rapport għandha ċertament twassal għall-iżvilupp u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi u professjonali, u b'hekk tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' suq uniku reali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-applikazzjoni iktar uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE (fl-aspetti proċedurali tagħha), filwaqt li jiffokaw fuq regoli standardizzati u proċeduri amministrattivi li għandhom japplikaw f'oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni bħalma huma t-tassazzjoni, id-dwana, il-protezzjoni tal-konsumaturi u n-negozji, suġġetti għal-limiti tat-Trattati tal-UE, bl-għan li jinkiseb il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku u l-libertà tal-kompetizzjoni;

25.  Jinnota li l-Programm ta' Stokkolma għandu l-għan li joħloq spazju Ewropew ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, inkluża l-libertà tal-intrapriża sabiex tiġi żviluppata l-attività imprenditorjali fid-diversi setturi tal-ekonomija;

26.  Jappoġġja bil-qawwa lill-Kummissjoni fl-objettiv tagħha li tgħaddi leġiżlazzjoni li tnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għall-impriżi, l-aktar għal dawk żgħar u medji;

27.  Iħeġġeġ l-inizjattivi konġunti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri li jappoġġjaw lill-SMEs li joperaw bejn il-fruntieri fl-UE billi titnaqqas il-burokrazija sabiex jinkiseb tnaqqis tanġibbli fil-piżijiet amministrattivi, finanzjarji u regolatorji; jilqa' r-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva ta' Ħlasijiet Tard;

28.  Jenfasizza li l-funzjonament korrett tas-suq uniku jappoġġja l-Ispazju Ewropew ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u jikkontribwixxi fit-tisħiħ tal-mudell Ewropew tal-ekonomija tas-suq soċjali; jirrikonoxxi wkoll li t-twaqqif ta' Spazju Ewropew ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja isaħħaħ is-suq uniku u b'mod partikolari l-ħarsien tal-konsumatur;

29.  Jisħaq li l-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jafferma mill-ġdid, bħala dispożizzjoni ta' applikazzjoni ġenerali, li l-protezzjoni tal-konsumatur għandha tiġi kkunsidrata fid-definizzjoni u l-applikazzjoni ta' politiki u attivitajiet oħra tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza tal-proposta għad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur il-ġdida, kif ukoll tal-modernizzazzjoni li ġejja tad-direttiva dwar il-pakkett tal-ivvjaġġar, id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali u d-direttiva dwar ir-reklamar li jqarraq u komparattiv;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura t-tneħħija ta' kull xkiel għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku li ġie identifikat riċentement fl-“Aġenda Diġitali” tal-2010 kemm permezz ta' mezzi leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi; iħeġġeġ li tinstab soluzzjoni malajr għall-problemi għall-kummerċ transkonfinali għax-xiri mill-konsumaturi minn fuq l-internet, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mal-pagamenti u mal-kunsinni transkonfinali; jisħaq dwar il-ħtieġa li tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozju fil-kummerċ elettroniku transkonfinali, fost oħrajn billi tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità fuq l-internet u l-falsifikazzjoni; jitlob li tiġi żviluppata karta tal-UE għad-drittijiet tal-konsumaturi fil-qasam tas-servizzi onlajn u tal-kummerċ elettroniku;

31.  Ifakkar fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew ikun għal kollox u immedjatament infurmat dwar l-avvanzi tan-negozjati tal-ACTA, f'kull stadju tan-negozjati, sabiex jiġu rrispettati l-ittra u l-ispirtu tat-Trattat ta' Lisbona kif ukoll fit-talba tiegħu għal aktar assigurazzjoni li l-ACTA ma timmodofikax l-acquis tal-UE dwar l-infurzar tad-DPI u d-drittijiet fundamentali; jitlob lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib ma' pajjiżi terzi li mhumiex parti min-negozjati tal-ACTA, b'mod partikolari l-pajjiżi emerġenti;

32.  Jiġbed l-attenzjoni għal problemi marbuta mal-inċertezza legali ta' skambji kummerċjali minn u lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE, u mal-kwistjoni ta' liema ġurisdizzjoni tkun kompetenti għas-soluzzjoni ta' kwistjoni partikolari; jinnota li filwaqt li jeżistu l-prinċipji tad-dritt internazzjonali privat, l-implimentazzjoni tagħhom tqajjem numru ta' problemi li jaffettwaw primarjament lill-konsumaturi u n-negozji ż-żgħar, li ta' spiss ma jkunux jafu d-drittijiet tagħhom stess; minkejja dan, jisħaq fuq l-isfidi legali l-ġodda li joħorġu mill-globalizzazzjoni u l-iżvilupp ta' tranżazzjonijiet bl-Internet jisħaq fuq il-bżonn ta' approċċ koerenti li jrid jiġi adottat f'livell internazzjonali biex il-konsumaturi u n-negozji ż-żgħar ma jiġux ikkastigati minħabba din is-sitwazzjoni;

33.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-qasam tal-liġi tal-kumpaniji kif affettwata bid-dritt internazzjonali privat, għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-10 ta' Marzu 2009 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpaniji (2008/2196(INI), tal-4 ta' Lulju 2006 dwar żviluppi u prospetti reċenti fir-rigward tal-liġi tal-kumpaniji, u tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar il-Kumpanija Privata Ewropea u l-Erbatax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar it-trasferiment tas-sede tal-kumpanija, kif ukoll għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-każijiet Daily Mail u General Trust, Centros, Überseering, Inspire Art, SEVIC Systems, u Cartesio;

34.  Jinnota li d-dictum fil-każ Cartesio li jgħid li, fin-nuqqas ta' definizzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni tal-kumpaniji li jistgħu jgawdu mid-dritt ta' stabbiliment abbażi ta' fattur ta' konnessjoni wieħed li jiddetermina l-liġi nazzjonali applikabbli għal kumpanija, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 49 TFUE japplikax għal kumpaniji li jipprovaw jistrieħu fuq il-libertà fundamentali mħaddna f'dak l-artikolu hija kwistjoni preliminari li, kif inhi l-liġi tal-Unjoni bħalissa, tista' tiġi solvuta biss permezz tal-liġi nazzjonali applikabbli; barra minn hekk jinnota li l-iżviluppi fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji previsti fit-Trattat, kif miksuba permezz ta' leġiżlazzjoni u ftehim, għadhom ma indirizzawx id-differenzi bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri differenti u għaldaqstant għadhom ma ħelsux minn dawn id-differenzi; jinnota li dan huwa evidenza ta' lakuna fil-liġi tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu biex din is-sitwazzjoni tiġi solvuta;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel l-almu tagħha fil-Konferenza tal-Aja sabiex terġa' tqajjem il-proġett għal konvenzjoni dwar sentenzi internazzjonali; iqis li l-Kummissjoni tista' tibda permezz ta' konsultazzjonijiet b'firxa wiesgħa, filwaqt li tinvolvi u tinforma lill-Parlament, dwar jekk ir-regoli tar-Regolament (KE) Nru 44/2001(5) għandhomx jingħataw effett riflessiv bħala inċentiv għal pajjiżi oħrajn, b'mod partikulari l-Istati Uniti biex jerġgħu jibdew in-negozjati; huwa tal-fehma li jkun prematur u żbaljat li jiġi kkunsidrat li r-regoli ta' dak ir-regolament jingħataw effett riflessiv qabel ma jkun jidher ċar b'mod suffiċjenti li t-tentattivi biex jitnedew mill-ġdid in-negozjati fl-Aja jkunu fallew u l-konsultazzjonijiet u l-istudji mwettqa jkunu juru li din il-mossa jkollha vantaġġi u benefiċċji pożittivi għaċ-ċittadini, in-negozji u l-prattikanti tal-liġi fl-UE;

36.  Jistieden lill-Kummissarju għall-Ġustizzja biex jiżgura li fil-futur il-Parlament ikun involut iktar mill-qrib fir-rigward tal-attivitajiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fil-Konferenza tal-Aja permezz ta' osservatur tal-Parlament u permezz ta' dikjarazzjonijiet regolari lill-kumitat parlamentari kompetenti; f'dan il-kuntest ifakkar lill-Kummissjoni bl-impenji istituzzjonali espressi mill-Kummissarju Frattini quddiem il-Parlament f'Settembru 2006, li l-Kummissjoni se tikkoopera bis-sħiħ mal-Parlament fil-ħidma tagħha mal-Konferenza tal-Aja;

37.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tassumi bis-sħiħ ir-rwol tagħha fil-ħidma tal-Konferenza tal-Aja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu passi sabiex tiżgura li l-UE tirratifika l-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta' Ottubru 1996 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal;

38.  Jiddeċiedi fermament li jwaqqaf forum interparlamentari dwar il-ħidma tal-Konferenza tal-Aja; iqis li, b'eżempju biss, il-promozzjoni mill-Konferenza tal-Aja tal-awtonomija tal-partijiet f'relazzjonijiet kuntrattwali madwar id-dinja tant għandha implikazzjonijiet serji mil-lat ta' evażjoni tar-regoli obbligatorji li jeħtieġ li tiġi diskussa u ssir riflessjoni dwarha f'fora demokratiċi madwar id-dinja;

39.  Jinnota li l-Kummissjoni waqqfet grupp ta' ħidma dwar l-arbitraġġ; iwissi lill-Kummissjoni kontra kwalunkwe inizjattivi leġiżlattiva f'dan il-qasam mingħajr konsultazzjonijiet miftuħa u bl-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li rappreżentant tal-kumitat parlamentari kompetenti jkun mistieden jipparteċipa f'dawn il-gruppi ta' ħidma kollha u jqis li, filwaqt li ma jittieħed xejn mid-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew għandu jkollu d-dritt li jinnomina membru jew membri ta' tali gruppi ta' ħidma sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu verament rappreżentattivi;

40.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li jkun żgurat rikonoxximent reċiproku tad-dokumenti uffiċjali maħruġa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħti liċ-ċittadini s-setgħa li jeżerċitaw id-drittijiet ta' moviment ħieles tagħhom u jappoġġa bil-qawwa l-pjanijiet li jippermettu r-rikonoxximent reċiproku tal-effetti tad-dokumenti ta' status ċivili; jitlob sforzi ulterjuri biex jitnaqqsu l-ostakli għaċ-ċittadini li jeżerċitaw id-drittijiet ta' moviment ħieles tagħhom, b'mod partikulari fir-rigward tal-aċċess għall-benefiċċji soċjali li huma intitolati għalihom u d-dritt tagħhom li jivvotaw fl-elezzjonijiet muniċipali;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 12.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0242.
(3) ĠU C 250 E, 25.10.2007, p. 99.
(4) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 21.
(5) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 12, 16.01.2001, p. 1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza