Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2571(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0132/2011

Dibattiti :

PV 17/02/2011 - 10.1
CRE 17/02/2011 - 10.1

Votazzjonijiet :

PV 17/02/2011 - 11.1

Testi adottati :

P7_TA(2011)0072

Testi adottati
PDF 215kWORD 46k
Il-Ħamis, 17 ta' Frar 2011 - Strasburgu
Ġlied fil-fruntiera bejn it-Tajlandja u l-Kambodja
P7_TA(2011)0072RC-B7-0132/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2011 dwar il-ġlied fuq il-fruntiera bejn it-Tajlandja u l-Kambodja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Jannar 2005(1), l-10 ta' Marzu 2005(2), id-19 ta' Jannar 2006(3), il-15 ta' Marzu 2007(4) u l-21 ta' Ottubru 2010(5) dwar il-Kambodja u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar it-Tajlandja(6) u tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, Laos u l-Vjetnam(7),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ġunju 1962 fil-każ dwar it-tempju ta' Preah Vihear (il-Kambodja v. it-Tajlandja),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat, li ġie iffirmat kemm mit-Tajlandja kif ukoll mill-Kambodja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN tal-5 ta' Frar 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Catherine Ashton, tas-7 ta' Frar 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, tas-7 ta' Frar 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, mill-bidu ta' Frar 2011, kien hemm ġlied bejn il-forzi armati tat-Tajlandja u l-Kambodja fuq il-fruntiera Kambodjana-Tajlandiża, inkluż viċin it-tempju ta' Preah Vihear,

B.  billi l-ġlied fuq il-fruntiera bdew wara li qorti Kambodjana tat sentenza ta' massimu ta' tmien snin ħabs lil żewġ ċittadini Tajlandiżi, wara li sabithom ħatja ta' spjunaġġ u dħul illegali wara li daħlu fiż-żona tal-fruntiera kkontestata f'Diċembru 2010, u billi s-sentenza kienet eżatt wara l-konklużjoni b'suċċess tas-seba“ laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta bejn it-Tajlandja u l-Kambodja, fit-3 u l-4 ta' Frar 2011, li matulha ż-żewġ pajjiżi kienu qablu li jestendu l-kooperazzjoni fl-oqsma kollha u li jagħmlu laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta dwar id-Demarkazzjoni tal-Fruntiera tal-Art fit-Tajlandja fil-futur qarib,

C.  billi t-tempju ta' Preah Vihear kien ilu ċ-ċentru ta' tilwim rikorrenti dwar il-fruntiera bejn it-Tajlandja u l-Kambodja għal dawn l-aħħar mitt sena,

D.  billi l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-15 ta' Ġunju 1962, li t-tempju ta' Preah Vihear jinsab fit-territorju li jaqa“ taħt is-sovranità tal-Kambodja,

E.  billi t-tempju ta' Preah Vihear, li ġie elenkat mill-UNESCO bħala sit ta' Wirt Dinji fis-7 ta' Lulju 2008, allegatament saritlu ħsara minħabba l-bombardamenti li seħħew matul il-ġlied riċenti fuq il-fruntiera,

F.  billi l-komunità internazzjonali għandha responsabilità speċjali biex iżżomm il-monumenti elenkati fuq il-lista ta' Wirt Dinji tal-UNESCO,

G.  billi r-rapporti jgħidu li kien hemm imwiet u sfaw midruba suldati u persuni ċivili fuq iż-żewġ naħat, u li eluf ta' persuni ċivili fiż-żona tal-madwar kellhom jiġu evakwati,

H.  billi, skont bosta rapporti tal-aħbarijiet, hemm possibilità li intuża munizzjon tat-tip “cluster”, u billi la t-Tajlandja u lanqas il-Kambodja ma rratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip “Cluster”,

I.  billi minħabba li s-sitwazzjoni fuq il-fruntiera bejn it-Tajlandja u l-Kambodja qed tmur għall-agħar, qed jiġu mhedda l-paċi u l-istabilità fir-reġjun,

J.  billi l-Indoneżja, li għandha l-presidenza attwali tal-ASEAN, żidiet l-isforzi diplomatiċi tagħha biex tgħin liż-żewġ naħat jilħqu soluzzjoni temporanja biex b'hekk jingħata inċentiv għal mekkaniżmi bilaterali biex jintlaħqu l-objettivi tad-demarkazzjoni tal-fruntieri u tal-paċi ġenerali fl-inħawi; billi l-presidenza tal-ASEAN qed tħeġġeġ liż-żewġ pajjiżi jkollhom laqgħat skont il-qafas eżistenti tal-Kummissjoni Konġunta bejn it-Tajlandja u l-Kambodja dwar id-Demarkazzjoni tal-Fruntiera tal-Art,

K.  billi l-Karta tal-ASEAN tipprevedi l-istabbiliment ta' mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim li jżid l-iskop tal-assistenza fis-soluzzjoni tat-tilwim bilaterali,

L.  billi d-Direttur-Ġenerali tal-UNESCO, Irina Bokova, esprimiet il-ħsieb tagħha li tibgħat missjoni biex tevalwa l-istat tat-tempju Preah Vihear,

1.  Jikkundanna l-ġlied fuq il-fruntiera bejn il-forzi armati tar-Renju tal-Kambodja u r-Renju tat-Tajlandja u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex kemm jista“ jkun irażżnu lilhom infushom, u jieħdu l-passi neċessarji biex inaqqsu t-tensjoni, jerġgħu jibdew id-djalogu tagħhom bl-għan li jsolvu d-differenzi tagħhom b'mod paċifiku, u jaċċettaw l-assistenza tal-ASEAN u tan-Nazzjonijiet Uniti;

2.  Jiddeplora l-imwiet matul il-ġlied reċenti fuq il-fruntiera u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi;

3.  Iħeġġeġ liż-żewġ gvernijiet jiżguraw li l-persuni ċivili li sfaw spustati minħabba l-ġlied bl-armi jingħataw l-għajnuna li jeħtieġu;

4.  Jistieden liż-żewġ pajjiżi jirrispettaw id-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u jilħqu riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt rigward iż-żona tal-fruntiera qrib it-tempju Preah Vihear;

5.  Jistieden liż-żewġ pajjiżi jiżguraw li l-azzjonijet tagħhom ma jiksrux l-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt bl-Armi, li jipprojbixxi kwalunkwe użu ta' proprjeta kulturali li tinsab fi ħdan it-territorju proprju tagħhom, jew fi ħdan it-territorju ta' Partijiet Kontraenti Għoljin oħra, li x'aktarx jesponiha għall-qerda jew għall-ħsara fil-każ ta' kunflitt bl-armi, u jesiġi li ma jsir l-ebda att ostili dirett kontra tali proprjetà;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tat-Tajlandja u lil dawk tal-Kambodja jimxu skont it-Trattat ta' Ħbiberija u Kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Ażja u, b'mod partikolari mal-prinċipji fundamentali dwar ir-riżoluzjzoni tad-differenzi jew tat-tilwim b'mezzi paċifiċi, ir-rinunzja għall-użu tal-forza jew għat-theddid tal-użu tagħha, u kooperazzjoni effettiva fost il-Partijiet Kontraenti Għoljin;

7.  Jilqa“ l-isforzi magħmula mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Indoneżja, Marty Natalegawa, bħala President tal-ASEAN, biex jiffaċilita d-djalogu bejn iż-żewġ pajjiżi ħalli l-kunflitt ikun jista” jiġi solvut b'mod paċifiku;

8.  Jilqa“ l-fatt li t-Tajlandja u l-Kambodja qablu li jieħdu sehem f'laqgħa urġenti tal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ażja biex jiddiskutu l-kunflitt fuq il-fruntiera;

9.  Jilqa“ d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-UNESCO li jibgħat mibgħut speċjali b'missjoni ta' faċilitazzjoni lejn Bangkok u Phnom Penh; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet fit-tilwima jikkooperaw ma' kwalunkwe missjoni tal-UNESCO mibgħuta biex tivvaluta l-ħsara kkawżata fit-tempju Preah Vihear;

10.  Jistieden liż-żewġ pajjiżi jsibu soluzzjoni li tħalli aċċess dirett mit-territorji rispettivi tagħhom għat-tempju Preah Vihear, u ma jtellfux liċ-ċittadini tal-pajjiż l-ieħor li jkunu deħlin fit-tempju jew fiż-żona tal-fruntiera;

11.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-użu allegat ta' munizzjon tat-tip “cluster” u jistieden liż-żewġ naħat biex taħt l-ebda ċirkustanza ma jużaw dan it-tip ta' munizzjon;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjonijiet Esterni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-Gvern tar-Renju tal-Kambodja, lill-Gvern tar-Renju tat-Tajlandja, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN.

(1) ĠU C 247 E, 6.10.2005, p. 161.
(2) ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 280.
(3) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 334.
(4) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 258.
(5) Testi adottati, P7_TA(2010)0389.
(6) Testi adottati, P7_TA(2010)0195.
(7) ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 129.

Avviż legali - Politika tal-privatezza