Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Testi adottati
PDF 104kWORD 72k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2011 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Viċinat tan-Nofsinhar, u b'mod partikolari l-Libja, inklużi l-aspetti umanitarji
P7_TA(2011)0095B7-0169, 0170, 0171, 0172 u 0173/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u l-Libja b'mod partikolari

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGA) tal-1 ta' Marzu 2011 li bl-unanimità tissospendi s-sħubija tal-Libja fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1970/2011 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) tat-26 ta' Frar 2011,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2011 li timplimenta r-riżoluzzjoni tal-UNSC u li timponi miżuri restrittivi addizzjonali fuq dawk responsabbli għar-ripressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni S-15/2 tal-UNHRC adottata fil-25 ta' Frar 2011,

–  wara li kkunsidra s-sospensjoni fit-22 ta' Frar 2011 tan-negozjati dwar Ftehim ta' Qafas UE-Libja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti dwar il-Libja u dwar l-Afrika ta' Fuq mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Libja(1) , u r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 li tippreċiża kundizzjonijiet kritiċi rigward in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Qafas UE-Libja(2) ,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-protokoll tagħha dwar it-twaqqif ta' Qorti Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ratifikati mil-Libja fis-26 ta' Marzu 1987 u fid-19 ta' Novembru 2003 rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi dimostrazzjonijiet ta' dan l-aħħar f'bosta pajjiżi Għarab tal-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani sejħu għal tmiem tar-reġimi awtoritarji u għal riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali, libertà, demokrazija u kundizzjonijiet tal-għajxien aħjar għan-nies ordinarji; billi l-protesti massivi f'bosta pajjiżi Għarab urew li reġimi mhux demokratiċi u awtoritarji ma jistgħux jiggarantixxu stabbiltà kredibbli u li l-valuri demokratiċi huma ċentrali għas-sħubijiet ekonomiċi u politiċi,

B.  billi protesti kontra r-reġim Libjan bdew fil-belt ta' Benghazi fil-15 ta' Frar 2011 u nfirxu mal-pajjiż kollu, sa ma waslu Al-Bayda, Al-Quba, Darnah u Az-Zintan, filwaqt li d-dimostranti ħadu f'idejhom il-kontroll ta' bosta bliet, b'mod partikolari fil-Lvant tal-Libja,

C.  billi d-dimostranti sfaw attakkati bi vjolenza liema bħalha mir-reġim ta' Gaddafi, li uża l-forzi armati Libjani, milizji, merċenarji u ġellieda barranin biex ixejjen il-protesti bil-vjolenza, inkluż bl-użu indiskriminat ta' maxingans, tiraturi magħżula, ajruplani u elikotteri tal-gwerra kontra ċ-ċivili; billi dan wassal għal żieda qawwija ħafna tal-għadd ta' mwiet u għal għadd kbir ta' nies li sfaw miġruħa u arrestati,

D.  billi r-reazzjoni vjolenti u brutali tar-reġim kontra l-popolazzjoni Libjana wasslet mhux biss biex bosta suldati fil-pajjiż għaddew għan-naħa l-oħra fil-ġlieda, imma wkoll għar-riżenja ta' membri tar-reġim,

E.  billi skont l-UNHRC aktar minn 200 000 ruħ ħarbu mil-Libja lejn it-Tuneżija, l-Eġittu u n-Niġer f'dawn l-aħħar ġranet u mijiet ta' eluf ta' rifuġjati u ħaddiema barranin oħra qed iħabbtu wiċċhom ma' taqbida ddisprata biex jaħarbu l-kunflitt jew joħorġu mil-Libja; billi dan qed joħloq emerġenza umanitarja li tirrikjedi reazzjoni rapida tal-UE,

F.  billi wara l-adozzjoni mill-UNHRC, bi qbil komuni, ta' riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja fil-15-il Sessjoni Speċjali fil-25 ta' Frar 2011, li tikkundanna vjolazzjonijiet gravi u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja u tinnota li wħud minnhom jistgħu jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità, l-UNGA fit-2 ta' Marzu 2011 iddeċidiet li tissospendi s-sħubija tal-Libja fil-UNHRC, kif irrakkomanda l-istess UNHRC,

G.  billi b'reazzjoni għar-Riżoluzzjoni tal-UNSC tas-26 ta' Frar 2011 dwar il-Libja, li ddikjarat li l-każ għandu jitressaq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), il-Prosekutur tal-ICC fit-3 ta' Marzu 2011 vara investigazzjoni dwar l-allegati delitti kontra l-umanità li twettqu fil-Libja, fost oħrajn minn Muammar al-Gaddafi u membri tar-reġim; billi r-Riżoluzzjoni 1970 tal-UNSC timponi embargo tal-armi fuq il-pajjiż, projbizzjoni tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi fuq il-familja Gaddafi u r-reġim u fl-istess ħin tawtorizza lill-Istati Membri kollha tan-NU li jieħdu taħt idejhom u jiddisponu minn materjal relatat mal-miltar,

H.  billi d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2011 timponi miżuri restrittivi addizzjonali, b'mod partikolari projbizzjoni tal-viża u ffriżar tal-assi, kontra dawk li huma responsabbli għar-ripressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fil-Libja, u b'hekk timplimenta r-Riżoluzzjoni tal-UNSC tas-26 ta' Frar 2011 dwar il-Libja,

I.  billi bosta mexxejja dinjija mindu beda l-irvell ripetutement talbu lill-Kurunell Gaddafi biex jirriżenja,

J.  billi fit-22 ta' Frar 2011 il-Lega Għarbija ssospendiet il-Libja u fit-3 ta' Marzu 2011 s-Segretarju Ġenerali tagħha ddikjara li l-Lega, jekk ikompli għaddej il-ġlied fil-Libja, tista“ tappoġġa żona ta' projbizzjoni tat-titjir fuq il-Libja b'koordinazzjoni mal-Unjoni Afrikana,

K.  billi, fi stqarrija bid-data tal-5 ta“  Marzu 2011, il-Kunsill Nazzjonali Tranżizzjonali ad Interim (ITNC) jitlob lill-komunità internazzjonali ”taqdi l-obbligi tagħha li tipproteġi l-poplu Libjan min kull ġenoċidju u delitti kontra l-umanità ulterjuri u dan bla intervent militari dirett fuq it-territorju Libjan“,

L.  billi, b'effett mit-22 ta' Frar 2011, l-UE ssospendiet in-negozjati li kienu għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Qafas UE-Libja flimkien ma' kull kuntratt ta' kooperazzjoni mal-Libja,

M.  billi l-UE għandha interess vitali f'Afrika ta' Fuq ta' demokrazija, prosperità, stabbiltà u paċi; billi l-avvenimenti li seħħew dan l-aħħar fil-Libja, l-Eġittu u t-Tuneżija enfasizzaw il-ħtieġa urġenti ta' riforma tal-politika barranija tal-UE rigward ir-reġjun tal-Meditterran,

N.  billi l-Kunsill Ewropew straordinarju li se jiltaqa“ l-Ġimgħa 11 ta' Marzu 2011 mistenni jeżamina bir-reqqa r-rapport tar-Rappreżentant Għoli u dak tal-Kummissjoni dwar l-adattament rapidu tal-istrumenti tal-UE kif ukoll ir-rapport tar-Rappreżentant Għoli dwar l-appoġġ għall-proċessi ta' tranżizzjoni u trasformazzjoni,

1.  Jesprimi s-solidaretà tiegħu mal-poplu Libjan, u b'mod partikolari maż-żgħażagħ Libjani li kienu huma li taw spinta favur id-demokrazija u t-tibdil tar-reġim, juri r-rispett tiegħu quddiem il-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom u jappoġġa bil-qawwa l-aspirazzjonijiet demokratċii, ekonomiċi u soċjali leġittimi tagħhom;

2.  Jikkundanna bil-qawwa kollha l-vjolazzjonijiet sfaċċati u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja, u b'mod partikolari r-ripressjoni vjolenti ta' dimostranti paċifiċi favur id-demokrazija, ġurnalisti, u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim ta' Gaddafi; jiddeplora bil-kbir il-ħafna qtil li rriżulta u l-għadd kbir ta' miġruħa; jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jikkundanna l-inċitament espliċitu għall-ostilità kontra l-popolazzjoni ċivili fl-istqarrijiet magħmula minn Muammar al-Gaddafi u ibnu Saif al-Islam, l-ogħla rappreżentanti tar-reġim;

3.  Jitlob it-tmiem immedjat tar-reġim dittatorjali brutali tal-Kurunell Gaddafi u jistiednu jirriżenja minnufih biex ma jħallix li jixtered aktar demm u jħalli sseħħ fis-sliem tranżizzjoni politika; jistieden lill-awtoritajiet Libjani jwaqqfu l-vjolenza minnufih u jippermettu riżoluzzjoni paċifika tas-sitwazzjoni, bi qbil ma' dak li jistenna leġittimament il-poplu Libjan; jistieden lill-awtoritajiet Libjani jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi internazzjonali umanitarja, itemmu kull restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni, inkluż permezz l-internet, u jagħtu aċċess immedjat għall-pajjiż lil osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u lill-midja barranin;

4.  Jappoġġa bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni 1970 tal-UNSC li tikkundanna l-vjolazzjonijiet gravi u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja u jitlob li l-kwistjoni tinġieb quddiem l-ICC, filwaqt li jimponi embargo tal-armi fuq il-pajjiż u projbizzjoni tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-beni għall-familja ta' Muammar al-Gaddafi; jenfasizza li dawk li jwettqu attakki kontra n-nies ċivili huma individwalment kriminalment responsabbli skont il-liġi internazzjonali, li jeħtiġilhom jinġiebu quddiem il-ġustizzja u li ma jista“ jkun hemm l-ebda impunità; jappoġġa bil-qawwa l-varar mill-Prosekutur tal-ICC ta' investigazzjoni dwar l-allegati delitti kontra l-umanità mwettqa minn Muammar al-Gaddafi u membri tar-reġim tiegħu;

5.  Jinnota li l-UE kienet l-ewwel li implimentat is-sanzjonjiet imposti mill-UNSC u li l-miżuri tal-UE jisbqu dawn is-sanzjonijiet, minħabba li jimponu oħrajn separati; jilqa“ d-deċiżjoni tal-Kunsill li tipprojbixxi l-kummerċ mal-Libja f'tagħmir li jista” jintuża għar-ripressjoni interna, kif ukoll l-estensjoni tal-lista ta' persuni koperti bl-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-viża; jitlob li l-effikaċja tas-sanzjonijiet tkun ivvalutata bla waqfien;

6.  Jenfasizza li l-miżuri kollha għandhom iħaddnu l-assi Libjani kollha, inklużi l-fondi sovrani ġestiti mill-Awtorità Libjana tal-Investimenti; jitlob li l-iffriżar tal-assi jinkludi d-dħul mill- bejgħ taż-żejt u l-gass; jitlob lill-Kunsill u lill-Istati membri jikxfu d-dettalji kollha tal-assi kollha li jiġu ffriżati; jilqa“ f'dan il-kuntest, diskussjonijiet dwar sanzjonijiet ulterjuri tal-UE, inkluż l-iffriżar tal-assi ta' kumpaniji Libjani b'rabtiet mar-reġim ta' Gaddafi;

7.  Jilqa“ d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2011 li tipprojbixxi l-forniment ta' armi, munizzjon u materjal relatat lil-Libja; jitlob lill-Kunsill jivverifika, f'dak ir-rigward, jekk inkisirx il-Kodiċi tal-Kondotta tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi u jadotta miżuri stretti bil-għan li dan il-kodiċi jiġi rrispettat bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha; jitlob lir-Rappreżentant Għoli tesplora l-possibiltà li l-embargo jiġi infurzat bl-użu ta' assi tal-avjazzjoni u navali tal-PSDK;

8.  Jappoġġa bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-UNHRC li jibgħat kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali u indipendenti fil-Libja biex tinvestiga vjolazzjonijiet tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll id-deċiżjoni tal-UNGA tat-2 ta' Marzu 2011 li tissospendi s-sħubija tal-Libja fil-UNHRC;

9.  Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jieħdu kull miżura possibbli biex jiżolaw għalkollox lil Gaddafi u r-reġim tiegħu, sew nazzjonalment kif ukoll internazzjonalment;

10.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jaqdu r-Responsabbiltà ta' Protezzjoni tagħhom, biex isalvaw in-nies ċivili Libjani minn attakki armati fuq skala kbira; jirrimarka li għaldaqstant l-ebda possibbiltà pprovduta fil-Karta tan-NU ma tista“ tkun eliminata; jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jkunu lesti għal deċiżjoni tal-UNSC dwar miżuri ulterjuri, inkluża l-possibbiltà ta' żona ta' projbizzjoni tat-titjir bil-għan li r-reġim ma jitħalliex jieħu fil-mira l-popolazzjoni ċivili; jenfasizza li kwalunkwe miżura deċiża mill-UE u l-Istati Membri tagħha għandha tkun f'konformità ma' mandat tan-NU u tissejjes fuq koordinament mal-Lega Għarbija u mal-Unjoni Afrikana, u b'hekk tinkoraġġixxi liż-żewġ organizzazzjonijiet biex imexxu l-isforzi internazzjonali;

11.  Jistieden lill Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għal politika estera u tas-sigurtà tistabbilixxi relazzjonijiet mal-Kunsill Nazzjonali Interim ta' Tranżizzjoni Libjan sabiex tibda l-proċess sabiex tagħmilhom uffiċjali, biex tiġi inkoraġġita t- tranżizzjoni lejn id-demokrazija, tiżgura l-involviment ta' spettru wiesa“ ta' rappreżentanti tas-soċjetà Libjana u tagħti aktar setgħa lin-nisa u lill-minoranzi fil-proċess ta' tranżizzjoni, u jistedinha tappoġġa l-ITNC fiż-żona lliberata ħalli tnaqqas il-pressjoni fuq il-popolazzjoni lokali u taqdi l-ħtiġijiet umanitarji bażiċi ta' dawk in-nies, inkluża l-assistenza medika;

12.  Iħeġġeġ lill-UE tikkontribwixxi għar-riformi demokratiċi u għat-twaqqif ta' istituzzjonijiet tal-istat ta' dritt fil-Libja billi tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp ta' midja ħielsa u ta' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili; b'mod partikolari partiti politiċi demokratiċi, sabiex ikunu jistgħu jsiru elezzjonijiet demokratiċi fil-ġejjieni;

13.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-kriżi umanitarja li qed tikber, hekk kif 200 000 migrant qed jaħarbu l-vjolenza fil-Libja, filwaqt li bosta minnhom jibqgħu weqfin fil-fruntiera bejn il-Libja u t-Tuneżija u oħrajn ma jistgħux jitħallew f'kampijiet tar-refuġjati fit-Tuneżija, l-Eġittu u n-Niġer; jistieden lill-awtoritajiet Libjani tal-lum u tal-ġejjieni biex jagħtu aċċess għall-pajjiż lil organizzazzjonijiet umanitarji u jiggarantixxu s-sikurezza ta' persunal umanitarju;

14.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi finanzjarji u umani kollha meħtieġa biex jappoġġaw operazzjoni umanitarja internazzjonali soda, filwaqt li jgħinu lill-UNHCR u aġenziji umanitarji rilevanti oħra biex jipprovdu l-protezzjoni u l-assistenza ta' emerġenza lil dawk kollha li jeħtiġuhom; jilqa“ l-miżuri meħuda u l-fondi li nħarġu s'issa mill-Kummissarju Georgieva u mill-ECHO kif ukoll l-għajnuna umanitarja pprovduta minn xi Stati Membri biex jilqgħu għal din l-isfida; jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jipprovdu trasport bl-ajru u bil-baħar biex jgħinu lill-migranti, lill-persuni li qed ifittxu ażil u lir-refuġjati mil-Libja jerġgħu lura f'pajjiżhom jew imorru joqogħdu f'pajjiż ġdid, skont il-liġi internazzjonali u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea, u biex jipprovdu appoġġ finanzjarju b'risposta għall-appell konġunt tal-UNHCR-IOM (Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni), li nħareġ fit-3 ta' Marzu 2011;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri kollha meħtieġa, inlużi riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati, ikunu implimentati biex jiggarantixxu lil l-UE tkun tista“ tirreaġixxi adegwatament fil-każ ta' kwalunkwe ċaqliq migratorju tal-massa, skont l-Artikolu 80 tat-TFUE;

16.  Ifakkar li fl-Istrateġija Konġunta UE-Afrika tal-2007, mexxejja tal-UE u tal-Afrika wiegħdu li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li assi miksuba illegalment, inklużi fondi, jiġu investigati u jintbagħtu lura lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu skont il-Konvenzjoni Kontra l-Korruzzjoni u f'konformità magħha, sabiex jiżguraw li l-assi ffriżati jingħataw lura lill-poplu Libjan fil-futur; jenfasizza li azzjoni koordinata min-naħa tal-UE hija meħtieġa biex timplimenta l-iffriżar tal-assi miżmuma mill-familja Gaddafi u assoċjati magħrufa fl-Ewropa jew f'istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej li joperaw fi kwalunkwe rifuġju fiskali, u b'hekk tiżgura li l-banek tal-UE josservaw ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta fir-rigward ta' kwalunkwe fondi potenzjalment illeċiti trasferiti mil-Libja;

17.  Jenfasizza li attivitajiet merċenarji huma theddida għall-paċi internazzjonali u s-sigurtà u delitt kontra l-umanità u għaldaqstant għandhom jitwaqqfu; jitlob lill-Kunsill u lir-Rappreżentat Għoli biex joħorġu twissijiet sodi li jiskoraġġixxu lil kwalunkwe gvern milli jibgħat merċenarji, persunal militari jew tagħmir militari b'appoġġ għar-ripressjoni tal-poplu Libjan mir-reġim ta' Gaddafi;

18.  Jilqa“ t-tlaqqigħ ta' Kunsill Ewropew straordinarju dwar l-iżviluppi fil-Libja u fil-Viċinat tan-Nofsinhar fil-11 ta'  Marzu 2011; jitlob lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jfasslu strateġija komprensiva u koerenti għar-risposta umanitarja u politika għas-sitwazzjoni fil-Libja;

19.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tibda t-tħejjijiet għall-involviment tal-UE fil-Viċinat tan-Nofsinhar u għall-appoġġ favurih, b'referenza speċifika għall-iżvilupp tal-istat tad-dritt, governanza tajba u prerekwiżiti kostituzzjonali u elettorali għal demokrazija stabbli, pluralistika u paċifika fir-reġjun; jistieden lir-Rappreżentant Għoli tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti rilevanti kollha ta' finanzjament estern;

20.  Huwa tal-fehma li l-bidliet revoluzzjonarji fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofasni għamluha ċara li l-impatt pożittiv tal-UE u l-kredibbiltà tagħha fit-tul f'dak ir-reġjun se jiddependu mill-kapaċità tagħha li twettaq politika barranija komuni koerenti li tkun imsejsa fuq il-valuri u żżomm biċ-ċar mal-forzi demokratiċi l-ġodda; itenni t-talba tiegħu biex l-UE tirrivedi l-politika tagħha ta' appoġġ tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem sabiex toħloq mekkaniżmu ta' implimentazzjoni għall-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem f'kull ftehim ma' pajjiżi terzi;

21.  Jerġa“ jtenni t-talba tiegħu li jkun involut mill-qrib fix-xogħol tat-task force stabbilita biex tikkoordina r-reazzjoni tal-UE għall-kriżi fil-Libja u fi mkejjen oħra tar-reġjun tal-Mediterran;

22.  Jenfasizza mill-ġdid li l-avvenimenti fil-Libja, u f'pajjiżi oħra tar-reġjun, ħarġu fid-dieher il-ħtieġa urġenti tal-iżvilupp ta' politiki u strumenti aktar ambizzjużi u effikaċi, u tat-tisħiħ tal-bażi baġitarja tagħhom, b'tali mod li jinkoraġġixxu u jappoġġaw riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE; jenfasizza li r-rieżami strateġiku tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) li jinsab għaddej jeħtieġlu jirrifletti żviluppi attwali fl-Afrika ta' Fuq u joħroġ b'metodi ġodda u mtejba biex jinqdew il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-popli tar-reġjun; jinsisti li r-rieżami tal-ENP jeħtieġlu jipprijoritizza kriterji relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura, ir-rispett għal-libertajiet fundamentali, il-pluraliżmu u l-libertà tal-istampa kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jitlob li jkun hemm koordinament aħjar mal-politiki oħra tal-Unjoni fir-rigward tal-pajjiżi involuti;

23.  Japprova l-fehma li l-Unjoni Għall-Mediterran jeħtiġilha tadatta ruħha għall-era l-ġdida u ċ-ċirkostanzi l-ġodda u tirrifletti u taġixxi fuq l-avvenimenti ta' dan l-aħħar, biex tressaq proposti dwar kif tippromwovi bl-aħjar mod id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri tagħha u fir-reġjun, inkluż fil-Libja, kif ukoll dwar riformi possibbli ħalli tqawwi r-rwol tagħha u tagħmlu aktar koerenti u effikaċi;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lil-Lega tal-Istati Għarab, lill-Unjoni Afrikana, lill-Unjoni għall-Mediterran, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien tal-Libja u lill-Kunsill Nazzjonali Tranżizzjonali ad Interim.

(1) Test adottati, P7_TA(2010)0246.
(2) Test adottati, P7_TA(2011)0020.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Ġunju 2012Avviż legali