Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/0277(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0184/2011

Testi mressqa :

A7-0184/2011

Dibattiti :

PV 22/06/2011 - 16
PV 22/06/2011 - 18
CRE 22/06/2011 - 16
CRE 22/06/2011 - 18

Votazzjonijiet :

PV 23/06/2011 - 12.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 28/09/2011 - 4.13
CRE 28/09/2011 - 4.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0289
P7_TA(2011)0426

Testi adottati
PDF 445kWORD 122k
Il-Ħamis, 23 ta' Ġunju 2011 - Brussell
Ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri *
P7_TA(2011)0289A7-0184/2011
Test
 Test konsolidat

Emendi tal-Parlament Ewropew adottati fit-23 ta' Ġunju 2011 għal proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (COM(2010)0523 – C7-0397/2010 – 2010/0277(NLE))(1)
EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(2)
għall-proposta tal-Kummissjoni

(Konsultazzjoni)

[Emenda 2]

-------------------------------------------------------

(1) Il-każ kien riferut lura lill-kumitat skont it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 57(2) (A7-0184/2011).
(2)* Emendi: test ġdid jew emendat huwa indikat b'tipa korsiva grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.


DIRETTIVA TAL-KUNSILL
dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 126(14) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew(1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(2),

Billi:

(1)  Hemm il-ħtieġa li nibnu fuq l-esperjenza miksuba matul l-ewwel għaxar snin ta' funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja. L-iżviluppi ekonomiċi riċenti ħolqu sfidi ġodda għat-tmexxija tal-politika fiskali madwar l-Unjoni u b'mod partikolari enfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali u li jkun hemm rekwiżiti uniformi fir-rigward tar-regoli u l-proċeduri li jiffurmaw l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. B'mod partikolari huwa meħtieġ li jkun speċifikat x'iridu jagħmlu l-awtoritajiet nazzjonali biex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv annessa mat-Trattati, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu.

(2)  Il-gvernijiet u s-sottosetturi tal-gvernijiet tal-Istati Membri jżommu sistemi ta' kontabilità pubblika li jinkludu elementi bħaż-żamma tal-kotba, il-kontroll intern, ir-rappurtar finanzjarju, u l-verifika. Għandha ssir distinzjoni bejn dawn u d-data tal-istatistika li għandha x'taqsam mar-riżultati tal-finanzi tal-gvern ibbażata fuq metodoloġiji tal-istatistika, u tbassir jew azzjonijiet ta' bbaġitjar li għandhom x'jaqsmu mal-finanzi futuri tal-gvern.

(3)  Prattiċi tal-kontabilità pubblika sħaħ u affidabbli għas-setturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika huma prekundizzjoni għall-produzzjoni ta' statistika ta' kwalità għolja li tkun komparabbli fl-Istati Membri kollha. Il-kontroll intern għandu jiżgura li r-regoli eżistenti jiġu infurzati fis-settur kollu kemm hu tal-amministrazzjoni pubblika. L-awditjar indipendenti mwettaq minn istituzzjonijiet pubbliċi bħall-Qorti tal-Awdituri jew korpi privati ta' awditjar għandu jinkuraġġixxi l-aħjar prattiki internazzjonali.

(4)  Id-disponibilità ta' data fiskali hija kruċjali għall-funzjonament kif jixraq tal-qafas ta' sorveljanza baġitarja tal-Unjoni. Disponibilità regolari ta' data fiskali f'waqtha u affidabbli hija ċ-ċavetta għal kontroll kif jixraq u f'waqtu, li mbagħad jippermetti azzjoni rapida fil-każ ta' żviluppi baġitarji mhux mistennija. Element kruċjali biex tkun żgurata l-kwalità tad-data fiskali hija t-trasparenza, li teħtieġ disponibilità pubblika regolari ta' data bħal din.

(5)  Fir-rigward tal-istatistika, ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea(3) jistabbilixxi qafas leġiżlattiv għall-produzzjoni ta' statistika Ewropea fir-rigward tal-formulazzjoni, l-applikazzjoni, il-kontroll u l-valutazzjoni tal-politiki tal-Unjoni. Dak ir-Regolament stabbilixxa wkoll il-prinċipji li jirregolaw l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea: l-indipendenza professjonali, l-imparzjalità, l-oġġettività, l-affidabilità, il-kunfidenzjalità tal-istatistika u l-effikaċja fl-infiq, u jagħti definizzjonijiet preċiżi ta' kull wieħed minn dawn il-prinċipji. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea(4), kif emendat, isaħħaħ is-setgħat tal-Kummissjoni biex tivverifika d-data tal-istatistika użata fil-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv.

(6)  Id-definizzjonijiet ta' “gvern”, “defiċit” u “investiment” huma stabbiliti fil-Protokoll dwar il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv b'referenza għas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Ekonomiċi Integrati (ESA), sostitwita bis-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (adottata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità(5) u minn issa “l quddiem imsejħa ”ESA 95“).

(6a)  Id-disponibilità u l-kwalità tad-data tal-ESA 95 huma kruċjali biex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tal-qafas ta' sorveljanza fiskali tal-UE. L-ESA 95 toqgħod fuq informazzjoni provduta fuq bażi tad-dovuti. Madankollu, din l-istatistika fiskali bbażata fuq id-dovuti tiddependi mill-kompilazzjoni preċedenti ta' ċifri bbażati fuq il-ħlas, jew l-ekwivalenti tagħha. Dawn jista' jkollhom rwol rilevanti fit-tisħiħ ta' monitoraġġ baġitarju f'waqtu, sabiex jiġi evitat is-sejbien tard ta' żbalji baġitarji sinifikanti. Id-disponibilità ta' serje ta' żmien ta' ċifri bbażati fuq il-ħlas fir-rigward tal-iżviluppi baġitarji tista' tikxef tendenzi li jkun jistħoqqilhom sorveljanza aktar mill-qrib. Id-data fiskali bbażata fuq il-ħlas (jew ċifri ekwivalenti mill-kontabilità pubblika jekk id-data bbażata fuq il-ħlas ma tkunx disponibbli) li għandha tiġi ppubblikata għandha tinkludi mill-inqas bilanċ ġenerali, dħul totali u nfiq totali. F'każijiet ġustifikati, pereżempju fejn hemm numru kbir ta' korpi governattivi lokali, il-pubblikazzjoni fil-ħin ta' data tista' sserraħ fuq tekniki ta' stima adattati bbażati fuq kampjun ta' korpi, b'reviżjoni sussegwenti bl-użu ta' data sħiħa.

(7)  Tbassir makroekonomiku u baġitarju ppreġudikat u mhux realistiku jista' jxekkel l-effikaċja tal-ippjanar fiskali b'mod konsiderevoli u konsegwentement jista' jxekkel l-impenn għal dixxiplina baġitarja, waqt li t-trasparenza u d-diskussjoni tal-metodoloġiji tat-tbassir jistgħu jżidu b'mod sinifikanti l-kwalità tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju għall-ippjanar fiskali.

(8)  Element kruċjali biex jiġi żgurat l-użu ta' tbassir realistiku għat-twettiq ta' politika baġitarja huwa t-trasparenza, li għandha tinvolvi d-disponibilità pubblika mhux biss tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju uffiċjali mħejji għall-ippjanar fiskali, iżda wkoll tal-metodoloġiji, is-suppożizzjonijiet u l-parametri rilevanti li fuqhom huwa bbażat dan it-tbassir ▌.

(9)  Analiżi tas-sensittività u projezzjonijiet baġitarji korrispondenti li jissupplimentaw ix-xenarju makrofiskali l-aktar probabbli jippermettu l-analiżi ta' kif il-varjabbli fiskali ewlenin jistgħu jevolvu taħt suppożizzjonijiet ta' rati ta' tkabbir u ta' imgħax differenti u b'hekk inaqqsu ħafna r-riskju li d-dixxiplina baġitarja tkun ipperikolata minn żbalji fit-tbassir.

(10)  It-tbassir tal-Kummissjoni u l-informazzjoni rigward il-mudelli li fuqhom ikunu bbażati jistgħu jipprovdu lill-Istati Membri b'punt ta' referenza utli għax-xenarju makrofiskali l-aktar probabbli, filwaqt li jsaħħu l-validità tat-tbassir użat għall-ippjanar baġitarju, għalkemm il-livell safejn l-Istati Membri jistgħu jkunu mistennija jqabblu t-tbassir użat għall-ippjanar baġitarju mat-tbassir tal-Kummissjoni, ser ivarja skont iż-żmien tat-tħejjija tat-tbassir u l-komparabilità tal-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet tat-tbassir. It-tbassir minn korpi indipendenti oħra wkoll jista' jipprovdi punti ta' referenza utli.

(10a)  Differenzi sinifikanti bejn ix-xenarju makrofiskali magħżul u t-tbassir tal-Kummissjoni għandhom jiġu deskritti b'motivazzjoni, b'mod partikolari jekk il-livell jew it-tkabbir tal-fatturi varjabbli fis-suppożizzjonijiet esterni jitbiegħed b'mod sinifikanti mill-valuri miżmuma fit-tbassir tal-Kummissjoni.

(10b)  Meta titqies l-interdipendenza bejn il-baġits tal-Istati Membri u l-baġit tal-Unjoni, biex l-Istati Membri jiġu appoġġati fit-tħejjija tat-tbassir baġitarju tagħhom, il-Kummissjoni għandha tipprovdi tbassir għall-infiq tal-UE bbażat fuq il-livell ta' nfiq ipprogrammat fil-qafas finanzjarju multiannwali.

(10c)  Biex tiġi ffaċilitata l-produzzjoni tat-tbassir użat għall-ippjanar baġitarju u jiġu ċċarati d-differenzi bejn it-tbassir tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, kull sena kull Stat Membru għandu jkollu l-opportunità li jiddiskuti mal-Kummissjoni s-suppożizzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata t-tħejjija tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju.

(11)  Il-kwalità tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju uffiċjali tissaħħaħ b'mod sinifikanti b'evalwazzjoni regolari, mhux ippreġudikata u komprensiva bbażata fuq kriterji oġġettivi. Verifika bir-reqqa tinkludi skrutinju tas-suppożizzjonijiet ekonomiċi, tqabbil mat-tbassir imħejji minn istituzzjonijiet oħra u evalwazzjoni tal-prestazzjoni tat-tbassir fil-passat.

(12)  B'kont meħud tal-effettività ddokumentata ta' oqfsa baġitarji bbażati fuq ir-regoli tal-Istati Membri fit-tisħiħ tas-sjieda nazzjonali tar-regoli fiskali tal-UE u fil-promozzjoni tad-dixxiplina baġitarja, regoli fiskali numeriċi sodi speċifiċi għall-pajjiż li huma konsistenti mal-objettivi baġitarji fil-livell tal-Unjoni għandhom ikunu l-pedament tal-qafas imsaħħaħ ta' sorveljanza baġitarja tal-Unjoni. Regoli fiskali numeriċi sodi għandhom ikunu mgħammra b'definizzjonijiet speċifikati sew tal-miri flimkien ma' mekkaniżmi għal monitoraġġ effettiv u f'waqtu. Dan għandu jkun ibbażat fuq analiżi affidabbli u indipendenti mwettqa minn korpi indipendenti jew korpi li għandhom awtonomija funzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-politika wriet li biex ir-regoli fiskali numeriċi jaħdmu b'mod effettiv, għandu jkun hemm konsegwenzi marbutin man-nuqqas ta' konformità, fejn l-ispejjeż involuti jistgħu jkunu sempliċiment reputazzjonali.

(12a)  B'kont meħud li skont il-Protokoll Nru 15 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq, il-valuri referenzjali msemmija fil-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv mhumiex direttament vinkolanti għar-Renju Unit, u l-obbligu li jkun hemm regoli fiskali numeriċi li jippromwovu b'mod effettiv konformità mal-valuri referenzjali speċifiċi għall-iżbilanċ eċċessiv, u l-obbligu relatat li l-objettivi multiannwali f'oqfsa baġitarji għal perjodu medju jkunu konsistenti ma' dawn ir-regoli, ma għandhomx japplikaw għar-Renju Unit.

(13)  L-Istati Membri għandhom jevitaw politiki fiskali proċikliċi u l-isforzi ta' konsolidazzjoni fiskali għandhom ikunu akbar fi żminijiet tajba. Regoli fiskali numeriċi speċifikati tajjeb għandhom iwasslu għal dawn l-objettivi u għandhom ikunu riflessi fil-leġiżlazzjoni baġitarja annwali tal-Istati Membri.

(14)  L-ippjanar fiskali nazzjonali jista' jkun konsistenti kemm mal-parti preventiva kif ukoll mal-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir biss jekk jadotta perspettiva multiannwali u jsegwi b'mod partikolari l-kisba tal-objettivi baġitarji għal perjodu ta' żmien medju. Oqfsa baġitarji għal perjodu ta' żmien medju huma strettament strumentali biex ikun żgurat li l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri huma konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Fl-ispirtu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika(6) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv(7), il-parti preventiva u l-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir ma għandhomx jitqiesu f'iżolament.

(15)  Għalkemm l-approvazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-baġit annwali hija pass ewlieni fil-proċess tal-baġit fejn id-deċiżjonijiet baġitarji importanti huma adottati fl-Istati Membri, il-maġġoranza tal-miżuri fiskali għandhom implikazzjonijiet baġitarji li jmorru lil hinn sewwa miċ-ċiklu baġitarju annwali. Perspettiva ta' sena waħda għaldaqstant tipprovdi bażi dgħajfa għall-politiki baġitarji sodi. Sabiex tkun inkorporata l-perspettiva baġitarja multiannwali tal-qafas ta' sorveljanza baġitarja tal-Unjoni, l-ippjanar tal-leġiżlazzjoni tal-baġit annwali għandu jkun ibbażat fuq ippjanar fiskali multiannwali li jitnissel mill-qafas baġitarju għal perjodu ta' żmien medju.

(15a)   Dan il-qafas baġitarju għal perjodu medju għandu jkun fih, fost oħrajn, projezzjonijiet ta' kull partita ta' nfiq u dħul maġġuri għas-sena tal-baġit u lil hinn minnha abbażi ta' politiki mingħajr tibdil. Kull Stat Membru għandu jkun kapaċi jiddefinixxi b'mod adatt politiki mingħajr tibdil u d-definizzjoni għandha tkun pubblika flimkien mas-suppożizzjonijiet, il-metodoloġiji u l-parametri rilevanti involuti.

(15b)  Din id-Direttiva ma għandhiex tipprojbixxi gvern ġdid ta' Stat Membru milli jaġġorna l-qafas baġitarju għal perjodu medju ta' żmien tiegħu biex jirrifletti l-prijoritajiet politiċi ġodda tiegħu sakemm l-Istat Membru jenfasizza d-differenzi mill-qafas baġitarju għal perjodu medju.

(16)  Id-dispożizzjonijiet tal-qafas ta' sorveljanza baġitarja stabbiliti mit-Trattat u b'mod partikolari l-Patt ta' Stabilità u Tkabbir japplikaw għall-amministrazzjoni pubblika fl-intier tagħha, li tinkludi s-sottosetturi tal-gvern ċentrali, il-gvern statali, il-gvern lokali, u l-fondi tas-sigurtà soċjali, kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 2223/96.

(17)  Għadd sinifikanti ta' Stati Membri ġarrbu diċentralizzazzjoni fiskali mdaqqsa bid-divoluzzjoni tas-setgħat baġitarji lil gvernijiet subnazzjonali. L-irwol ta' tali gvernijiet subnazzjonali biex jiżguraw il-konformità mal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir b'hekk żdied b'mod konsiderevoli, u għandha tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li s-sottosetturi tal-amministrazzjoni pubblika kollha jkunu koperti kif jixraq mill-firxa tal-obbligi u l-proċeduri stabbiliti fl-oqfsa baġitarji nazzjonali, speċifikament, iżda mhux esklussivament, f'tali Stati Membri aktar iddeċentralizzati.

(18)  Biex ikunu effettivi fil-promozzjoni tad-dixxiplina baġitarja u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi, l-oqfsa baġitarji għandhom ikopru l-finanzi pubbliċi b'mod komprensiv. Għal din ir-raġuni, operazzjonijiet ta' korpi ta' amministrazzjoni pubblika u fondi ġenerali li ma jiffurmawx parti mill-baġits regolari fil-livell sottosettorjali li għandhom impatt immedjat jew għal perjodu medju fuq il-pożizzjonijiet baġitarji tal-Istati Membri għandhom jingħataw attenzjoni partikolari. L-impatt ikkombinat tagħhom fuq il-bilanċi u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għandu jiġi ppreżentat fil-qafas tal-proċessi baġitarji annwali u l-pjanijiet baġitarji fuq perjodu medju.

(18a)  Bl-istess mod, l-eżistenza ta' obbligi kontinġenti jixirqilha attenzjoni xierqa. B'mod aktar speċifiku, l-obbligi kontinġenti jkopru obbligi possibbli li jiddependu minn xi avveniment futur inċert li jista' jseħħ, jew obbliġi preżenti fejn x'aktarx il-ħlas ma jsirx jew l-ammont ma jkunx jista' jitkejjel b'mod affidabbli. Huma jkopru pereżempju informazzjoni rilevanti dwar garanziji tal-gvern, is-self inadempjenti, u l-obbligi li jiġu mill-operat ta' korporazzjonijiet pubbliċi, inkluż, fejn adatt, il-probabilità u d-data dovuta potenzjali tal-infiq ta' obbligi kontinġenti. Is-sensittivitajiet tas-suq għandhom jitqiesu kif adatt.

(18b)  Il-Kummissjoni għandha tissorvelja regolarment l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Għandhom jiġu identifikati u kondiviżi l-aħjar prattiki rigward id-dispożizzjonijiet tal-ħames kapitoli li jittrattaw l-aspetti differenti tal-oqfsa baġitarji nazzjonali.

(18c)  Bi qbil mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet(8), l-Istati Membri huma inkoraġġiti jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess li juru, kemm jista' jkun, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u li jippubblikawhom.

(19)  Minħabba li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-konformità b'mod uniformi mad-dixxiplina baġitarja kif meħtieġa mit-Trattat, ma tistax tinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u tista' tinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Suġġett u definizzjonijiet

Artikolu 1

Is-Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dettaljati rigward il-karatteristiċi tal-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri li huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi tal-Istati Membri skont it-Trattat fir-rigward tal-evitar ta' defiċits pubbliċi eċċessivi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta' “gvern”, “defiċit” u “investiment” stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattati. Id-definizzjoni tas-sottosetturi ta' amministrazzjoni pubblika stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 2223/96 (ESA 95) għandha tapplika.

Barra minn hekk, għandha tapplika d-definizzjoni li ġejja:

“qafas baġitarju” tfisser is-sett ta' arranġamenti, proċeduri, regoli u istituzzjonijiet li huma l-bażi għat-twettiq tal-politiki baġitarji tal-amministrazzjoni pubblika, b'mod partikolari:

   (a) is-sistemi ta' kontabilità baġitarja u r-rapportar tal-istatistika;
   (b) ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw it-tħejjija tat-tbassir għall-ippjanar baġitarju;
   (c) ir-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż, li jikkontribwixxu għall-konsistenza tat-twettiq tal-politika fiskali mill-Istati Membri mal-obbligi rispettivi tagħhom skont it-Trattat imfissra f'termini ta' indikatur sommarju tal-prestazzjoni baġitarja, bħad-defiċit, is-self, id-dejn tal-baġit tal-gvern, jew komponent maġġuri tiegħu;
   (d) il-proċeduri baġitarji li jinkludu regoli proċedurali li jirfdu l-proċess tal-baġit fl-istadji kollha;
   (e) l-oqfsa baġitarji għal perjodu medju bħala sett speċifiku ta' proċeduri baġitarji nazzjonali li jestendu l-perjodu għat-tfassil tal-politika fiskali lil hinn mill-kalendarju baġitarju annwali, inkluż l-istabbiliment tal-prijoritajiet ta' politika u tal-objettivi baġitarji għal perjodu medju;
   (f) l-arranġamenti għal monitoraġġ u analiżi indipendenti għat-tisħiħ tat-trasparenza ta' elementi tal-proċess tal-baġit ▌;
   (g) mekkaniżmi u regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet fiskali bejn l-awtoritajiet pubbliċi fis-sottosetturi tal-amministrazzjoni pubblika.

KAPITOLU II

Kontijiet u statistika

Artikolu 3

1.  Fir-rigward tas-sistemi nazzjonali tal-kontabilità pubblika, l-Istati Membri għandu jkollhom stabbiliti sistemi ta' kontabilità pubblika li komprensivament u konsistentement ikopru s-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika ▌u jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi ġġenerata data bbażata fuq id-dovuti bl-għan li titħejja data bbażata fuq l-ESA 95. Dawk is-sistemi ta' kontabilità pubblika għandhom ikunu soġġetti għal kontroll intern u verifika indipendenti.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw disponibilità pubblika f'waqtha u regolari tad-data fiskali għas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 2223/96 (ESA 95). B'mod partikolari l-Istati Membri għandhom jippubblikaw:

  (a) data fiskali bbażata fuq flus kontanti (jew iċ-ċifra ekwivalenti mill-kontabilità pubblika jekk data bbażata fuq flus kontanti ma tkunx disponibbli) bil-frekwenza li ġejja:
   ▌kull xahar għall-gvern ċentrali, għall-gvern statali u għas-sottosetturi tas-sigurtà soċjali, qabel l-aħħar tax-xahar ta' wara, u
   kull tliet xhur, għas-sottosettur tal-gvern lokali, qabel l-aħħar tal-perjodu ta' tliet xhur ta' wara;
   (b) tabella ta' rikonċiljazzjoni dettaljata li turi l-metodoloġija tat-transizzjoni bejn data bbażata fuq flus kontanti (jew iċ-ċifri ekwivalenti mill-kontabilità pubblika jekk data bbażata fuq flus kontanti ma tkunx disponibbli) u data bbażata fuq l-ESA 95.

KAPITOLU III

Tbassir

Artikolu 4

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ippjanar fiskali huwa bbażat fuq tbassir makroekonomiku u baġitarju realistiku permezz tal-aktar informazzjoni aġġornata. L-ippjanar baġitarju għandu jkun ibbażat fuq ix-xenarju makrofiskali l-aktar probabbli jew fuq xenarju aktar prudenti ▌. It-tbassir makroekonomiku u baġitarju għandu jitqabbel mat-tbassir l-aktar aġġornat tal-Kummissjoni u, jekk ikun xieraq, ma' dak ta' korpi indipendenti oħra. Differenzi sinifikanti bejn ix-xenarju makrofiskali magħżul u t-tbassir tal-Kummissjoni għandhom jiġu deskritti b'motivazzjoni, b'mod partikolari jekk il-livell jew it-tkabbir tal-fatturi varjabbli fis-suppożizzjonijiet esterni jitbiegħed b'mod sinifikanti mill-valuri miżmuma fit-tbassir tal-Kummissjoni.

1a.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-metodoloġiji, is-suppożizzjonijiet u l-parametri rilevanti li fuqhom ikun ibbażat it-tbassir makroekonomiku u baġitarju tagħha.

1b.  Biex l-Istati Membri jiġu appoġġati fit-tħejjija tat-tbassir baġitarju tagħhom, il-Kummissjoni għandha tipprovdi tbassir għall-infiq tal-UE bbażat fuq il-livell ta' nfiq ipprogrammat fil-qafas finanzjarju multiannwali.

2.  Fil-qafas ta' analiżi tas-sensittività, it-tbassir makroekonomiku u baġitarju għandu jeżamina t-tendenzi ta' fatturi fiskali varjabbli prinċipali taħt suppożizzjonijiet differenti ta' rati ta' tkabbir u ta' interessi. Il-firxa ta' suppożizzjonijiet alternattivi użati fit-tbassir makroekonomiku u baġitarju għandha tkun iggwidata mill-prestazzjoni tat-tbassir tal-passat u għandha tagħmel ħilitha biex tqis ix-xenarji rilevanti tar-riskju.

3.  L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw liema istituzzjoni hija responsabbli għall-produzzjoni tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju u għandhom jippubblikaw it-tbassir makroekonomiku u baġitarju uffiċjali mħejji għall-ippjanar fiskali, inklużi l-metodoloġiji, is-suppożizzjonijiet u l-parametri rilevanti li jirfdu dak it-tbassir. Għall-inqas darba fis-sena l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandu jkollhom djalogu tekniku dwar is-suppożizzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata t-tħejjija tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju.

4.  ▌It-tbassir makroekonomiku u baġitarju għall-ippjanar fiskali għandu jkun soġġett għal evalwazzjoni regolari, imparzjali u komprensiva bbażata fuq kriterji oġġettivi, inkluża evalwazzjoni ex post. Ir-riżultat ta' din l-evalwazzjoni għandu jiġi ppubblikat u jitqies kif jixraq fit-tbassir makroekonomiku u baġitarju futur. Jekk l-evalwazzjoni ssib preġudizzju sinifikanti li jaffettwa t-tbassir makroekonomiku tul perjodu ta' mill-inqas erba' snin konsekuttivi, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-azzjoni meħtieġa u jippubblikaha.

4a.  Il-livelli ta' kull tliet xhur tad-dejn u tad-defiċit tal-Istati Membri għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni (Eurostat) kull tliet xhur.

KAPITOLU IV

Regoli fiskali numeriċi

Artikolu 5

L-Istati Membri għandu jkollhom stabbiliti regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż li jippromwovu b'mod effettiv il-konformità tul qafas multiannwali tal-amministrazzjoni pubblika fl-intier tagħha mal-obbligi rispettivi tagħhom li joħorġu mit-Trattat fil-qasam tal-politika baġitarja. Regoli bħal dawn għandhom jippromwovu b'mod partikolari:

   (a) konformità mal-valuri ta' referenza dwar id-defiċit u d-dejn stabbiliti f'konformità mat-Trattat;
   (b) l-adozzjoni ta' perjodu ta' ppjanar fiskali multiannwali, li jinkludi l-ħarsien tal-objettivi baġitarji tal-Istati Membri għal perjodu ta' żmien medju.

Artikolu 6

1.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-qafas ta' sorveljanza baġitarja tal-Unjoni, ir-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż għandhom jinkludu speċifikazzjonijiet dwar l-elementi li ġejjin:

   (a) id-definizzjoni tal-miri u l-firxa tar-regoli;
   (b) kontroll effettiv u f'waqtu rigward il-konformità mar-regoli bbażat fuq analiżi affidabbli u indipendenti mwettqa minn korpi indipendenti jew korpi li għandhom awtonomija funzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri.
   (c) il-konsegwenzi fil-każ ta' nuqqas ta' konformità;

2.  Jekk ir-regoli fiskali numeriċi jkun fihom klawsoli ta' ħruġ, dawn għandhom jistabbilixxu numru limitat ta' ċirkostanzi speċifiċi konsistenti mal-obbligi tal-Istati Membri skont it-Trattat fil-qasam tal-politika baġitarja u proċeduri stretti għal meta huwa permess nuqqas ta' konformità temporanju mir-regola.

Artikolu 7

Il-leġiżlazzjoni tal-baġit annwali tal-Istati Membri għandha tirrifletti r-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż tagħhom li huma fis-seħħ.

Artikolu 7a

L-Artikoli 5 sa 7 ma għandhomx japplikaw għar-Renju Unit.

KAPITOLU V

Oqfsa baġitarji għal perjodu ta' żmien medju

Artikolu 8

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas baġitarju kredibbli, effettiv għal perjodu ta' żmien medju li jipprevedi l-adozzjoni ta' perjodu ta' ppjanar fiskali ta' mill-inqas tliet snin biex ikun żgurat li l-ippjanar fiskali nazzjonali jsegwi perspettiva ta' ppjanar fiskali multiannwali.

2.  L-oqfsa baġitarji għal perjodu ta' żmien medju għandhom jinkludu proċeduri għall-istabbiliment tal-affarijiet li ġejjin:

   (a) objettivi baġitarji multiannwali komprensivi u trasparenti fir-rigward tad-defiċit, id-dejn u ta' kwalunkwe indikatur fiskali sommarju ieħor tal-amministarzzjoni pubblika bħall-infiq, biex jiġi żgurat li dawn ikunu konsistenti ma' kwalunkwe regola fiskali numerika kif previst fil-Kapitolu IV fis-seħħ;
   (b) projezzjonijiet għal kull partita ta' nfiq u dħul maġġuri ▌tal-amministrazzjoni pubblika b'aktar speċifikazzjonijiet dwar il-livell tal-gvern ċentrali u tas-sigurtà soċjali, għas-sena tal-baġit u lil hinn minnha, ibbażati fuq politiki mingħajr tibdil;
   (c) deskrizzjoni ta' politiki mbassra għall-perjodu medju b'impatt fuq il-finanzi tal-amministrazzjoni pubblika mqassma skont il-partita ta' dħul u nfiq maġġuri, ▌li turi kif jinkiseb l-aġġustament lejn l-objettivi baġitarji għal perjodu medju meta mqabbel mal-projezzjonijiet taħt il-politiki mingħajr tibdil;
   (ca) evalwazzjoni ta' kif fid-dawl tal-impatt dirett tagħhom fuq perjodu twil ta' żmien fuq il-finanzi tal-amministrazzjoni pubblika, il-politiki mbassra hawn fuq imsemmija x'aktarx li jaffettwaw is-sostenibilità fuq perjodu twil ta' żmien tal-finanzi pubbliċi.

3.  Il-projezzjonijiet adottati fi ħdan l-oqfsa baġitarji għal perjodu ta' żmien medju għandhom ikunu bbażati fuq tbassir makroekonomiku u baġitarju realistiku f'konformità mal-Kapitolu III.

Artikolu 9

Il-leġiżlazzjoni tal-baġit annwali għandha tkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet li jitnisslu mill-qafas baġitarju għal perjodu ta' żmien medju. B'mod speċifiku, il-projezzjonijiet u l-prijoritajiet ta' dħul u ħruġ li jirriżultaw mill-qafas baġitarju għal perjodu ta' żmien medju kif speċifikat fl-Artikolu 8(2) għandhom jikkostitwixxu l-bażi għat-tħejjija tal-baġit annwali. Kwalunkwe devjazzjoni minn dawn id-dispożizzjonijiet għandha tiġi spjegata kif jixraq.

Artikolu 9a

Din id-Direttiva ma għandhiex tipprojbixxi gvern ġdid ta' Stat Membru milli jaġġorna l-qafas baġitarju għal perjodu medju ta' żmien tiegħu biex jirrifletti l-prijoritajiet politiċi ġodda tiegħu sakemm l-Istat Membru jenfasizza d-differenzi mill-qafas baġitarju għal perjodu medju.

KAPITOLU VI

Trasparenza fil-finanzi tal-gvern ġenerali u l-firxa komprensiva tal-oqfsa baġitarji

Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżura mwettqa għal konformità mal-Kapitoli II, III u IV tkun konsistenti fis-sottosetturi kollha, u komprensiva fil-kopertura tas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika. B'mod partikolari dan għandu jimplika konsistenza tar-regoli u l-proċeduri tal-kontabilità ▌u l-integrità tas-sistemi tal-ġbir u l-ipproċessar tad-data sottostanti tagħhom.

Artikolu 11

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa ta' koordinazzjoni fis-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika biex jipprevedu kopertura komprensiva u konsistenti tas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika fl-ippjanar fiskali, fir-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż u fit-tħejjija tat-tbassir baġitarju u l-istabbiliment ta' ppjanar multiannwali kif stabbilit b'mod partikolari fil-qafas baġitarju multiannwali.

2.  Sabiex tiġi promossa r-responsabilità fiskali, għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar ir-responsabilitajiet baġitarji tal-awtoritajiet pubbliċi fis-sottosetturi differenti tal-amministrazzjoni pubblika.

Artikolu 13

1.  Il-korpi kollha ta' amministrazzjoni pubblika u fondi li ma jiffurmawx parti mill-baġits regolari fil-livell sottosettur għandhom jiġu identifikati u ppreżentati, flimkien ma' informazzjoni rilevanti oħra, fil-qafas tal-proċessi baġitarji annwali. L-impatt ikkombinat tagħhom fuq il-bilanċi u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għandhom jiġu ppreżentati fil-qafas tal-proċessi baġitarji annwali u l-pjanijiet baġitarji fuq perjodu medju.

2.  L-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni dettaljata rigward l-impatt tal-infiq tat-taxxa fuq id-dħul.

3.  Għas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni rilevanti dwar l-obbligi kontinġenti b'impatti potenzjalment kbar fuq il-baġits pubbliċi, inklużi l-garanziji governattivi, is-self inadempjenti u l-obbligi li jirriżultaw mill-operat ta' korporazzjonijiet pubbliċi, inkluż il-kobor tagħhom ▌. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ukoll informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fil-kapital ta' korporazzjonijiet pubbliċi u privati għal ammonti ekonomikament sinifikanti.

KAPITOLU VII

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 14

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2013. Dawn għandhom jibagħtu minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Il-Kunsill jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex għalihom stess u fl-interessi tal-Unjoni, ifasslu t-tabelli ta' korrelazzjoni tagħhom stess li, kemm jista' jkun, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' trażpożizzjoni u jippubblikawhom.

1a.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport interim dwar il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin ta' din id-Direttiva abbażi tal-informazzjoni rilevanti mill-Istati Membri, li għandu jitressaq mhux aktar tard minn sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

1b.  Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkommunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

Artikolu 14a

1.  Ħames snin wara d-data tat-traspożizzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1), il-Kummissjoni għandha tippubblika rieżami tal-adegwatezza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

2.  Ir-rieżami għandu jevalwa, inter alia, l-adegwatezza:

   (a) tar-rekwiżiti tal-istatistika għas-sottosetturi kollha tal-gvern;
   (b) tad-disinn u l-effikaċja tar-regoli fiskali numeriċi fl-Istati Membri;
   (c) tal-livell ġenerali ta' trasparenza tal-finanzji pubbliċi fl-Istati Membri.

3.  Il-Kummissjoni għandha twettaq, mhux iktar tard mill-aħħar tal-2012, evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità fis-Settur Pubbliku għall-Istati Membri.

Artikolu 15

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi,

Għall-Kunsill

Il-President

(1) ĠU C .... .
(2) ĠU C 150, 20.5.2011, p. 1.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika tal-Komunità, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU L 87, tal-31.03.2009, pġ. 164.
(4) ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.
(5) ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.
(6) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(7) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.
(8) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza