Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2274(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0220/2011

Testi mressqa :

A7-0220/2011

Dibattiti :

PV 04/07/2011 - 26
CRE 04/07/2011 - 26

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2011 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0306

Testi adottati
PDF 328kWORD 95k
It-Tlieta, 5 ta' Lulju 2011 - Strasburgu
Is-servizz universali u n-numru ta' emerġenza “112”
P7_TA(2011)0306A7-0220/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2011 dwar is-servizz universali u n-numru ta' emerġenza “112” (2010/2274(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva tas-Servizz Universali)(1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għal networks u servizzi elettroniċi tal-komunikazzjonijiet (Direttiva Qafas)(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva tal-Aċċess)(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni)(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-ħarsien tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi(9),

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika tat-2 ta' Marzu 2010 mill-Kummissjoni dwar prinċipji universali, futuri ta' servizz fil-qasam ta' networks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-20 ta' Settembru 2010 bit-titolu “Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment” (COM(2010)0472),

–  wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju (COM(2010)0471),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2010 dwar aċċess regolat għan-Netwerks ta' Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kumitat tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Aċċess għall-broadband fl-UE: is-sitwazzjoni fl-1 ta' Lulju 2010”,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Awwissu 2010 intitolata “Rapport tal-Progress dwar is-Suq Waħdieni Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għall-2009 (il-15-il rapport) SEC(2010)0630” (COM(2010)0253),

–  wara li kkunsidra r-raba' edizzjoni tat-“Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur - biex il-Konsumaturi jkollhom iktar għażla” ppubblikata f'Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/396/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar l-introduzzjoni tan-numru uniku Ewropew għall-emerġenza(10),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni dwar minn fejn tkun qed issir sejħa fin-netwerks ta' komunikazzjoni elettronika bil-għan li jkun hawn servizzi tas-sejħiet ta' emerġenza li jkunu mtejba bl-għarfien tal-post minn fejn tkun qed issir is-sejħa,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta' Ġunju 2007 dwar roaming fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21/KE(11),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (“il-Konvenzjoni”), adottata nhar it-23 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u speċjalment l-Artikoli 2 (Id-Dritt għall-ħajja), 3 (Id-Dritt għall-integrità tal-persuna), 6 (Id-Dritt għal-libertà u s-sigurtà), 26 (L-Integrazzjoni tal-persuni b'diżabbiltajiet) u 35 (Il-Kura tas-saħħa)

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ intitolat “In-Numru Ewropew ta' Emerġenza 112” (Flash Eurobarometer 314),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-“Implimentazzjoni tan-numru Ewropew tal-emerġenza 112 - Riżultati tar-raba” sensiela ta' ġbir ta' data' (10 ta' Frar 2011),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2007 dwar in-Numru Ewropew ta' Emerġenza 112(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u Protezzjoni tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0220/2011),

A.  billi d-Direttiva dwar is-Servizz Universali (DSU) tipprevjeni l-esklużjoni soċjali billi tiżgura li ċ-ċittadini f'żoni rurali u remoti jew il-familji bi dħul baxx ikollhom aċċess għal servizzi bażiċi u servizzi essenzjali tat-telekomunikazzjonijiet,

B.  billi għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li l-gruppi vulnerabbli ma jitħallewx lura u għandhom dejjem jiġu implimentati miżuri effettivi speċjali biex jiġu ggarantiti l-inklużjoni soċjali tagħhom u l-aċċess tagħhom għal servizzi fuq l-istess livell bħaċ-ċittadini l-oħra kollha,

C.  billi t-teknoloġija li qiegħda tevolvi, speċjalment it-telefonija mobbli bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd tikkontribwixxi biex tipprovdi aċċess għas-servizzi bażiċi tat-telekomunikazzjonijiet lill-maġġoranza taċ-ċittadini,

D.  billi s-servizz universali huwa definit bħala “s-sett minimu ta' servizzi ta' kwalità speċifikata li għaliha l-utenti kollha għandhom aċċess bi prezz li jista” jintlaħaq fid-dawl tal-kondizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, mingħajr distorsjoni fil-kompetizzjoni“,

E.  billi s-servizz universali għandu jipprovdi aċċess għas-servizzi li huma essenzali għaċ-ċittadini għall-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà, f'każ li l-forzi tas-suq waħedhom mhumiex kapaċi jagħmlu dan,

F.  billi l-kopertura bażika tal-broadband għall-100 % taċ-ċittadini tal-UE sal-2013 hija waħda mill-miri tal-prestazzjoni ewlenin tal-Aġenda Diġitali; billi madankollu, fejn konnessjonijiet broadband huma diġà disponibbli, l-użu medju huwa ta' madwar 50% tad-djar,

G.  billi għadu mhuwiex possibbli li tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tad-Direttiva reveduta dwar is-Servizzi Universali u d-Drittijiet tal-Utenti, minħabba li l-iskadenza tat-traspożizzjoni hija l-25 ta' Mejju 2011 u l-perijodu ta' tliet snin li huwa meħtieġ qabel ma tkun evalwata l-implimentazzjoni korretta u komprensiva tad-dispożizzjonijiet kollha fid-Direttiva jkun għadu kif beda,

H.  billi minkejja li l-leġiżlazzjoni attwali tagħti riżultati pożittivi għaċ-ċittadini, din mhijiex għan fiha nnifisha u huwa wkoll neċessarju li jiġu massimizzati l-benefiċċji li jiġu minn miżuri ġodda permezz ta' monitoraġġ kontinwu mill-Istati Membri, u sforzi biex itejbu l-kwalità, il-kompletezza u l-viżibbiltà tal-informazzjoni,

I.  billi s-Suq Uniku qatt ma jista' jkun ikkunsidrat verament bħala komplut u għandu kontinwament jiġi assessjat mill-ġdid skont il-garanziji ta' protezzjoni soċjali, il-bżonnijiet soċjali, il-progress teknoloġiku u t-tfaċċar ta' soluzzjonijiet innovattivi; filwaqt li barra minn hekk, miżuri biex jiġu promossi t-tkabbir u l-impjiegi huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li s-Suq Uniku u s-Suq Diġitali Uniku għandhom jiġu abilitati u realizzati mingħajr dewmien, għall-ġid taċ-ċittadini Ewropej, il-konsumaturi u n-negozji,

J.  billi l-istinkar għall-progress jikkostitwixxi l-forza motriċi u huwa vettura ta' kunsinna għall-viżjoni u l-objettivi stabbiliti mil-leġiżlaturi Ewropej; billi l-proposti għal leġiżlazzjoni ġdida jew li temenda għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-esperjenzi reali u l-kapaċitajiet implimentattivi; billi l-adattamenti leġiżlattivi għandhom jibbenefikaw minn appoġġ politiku ċar li hu sostenut ukoll minn valutazzjoni oġġettiva tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji u valutazzjoni soċjoekonomika bħala l-fattur deċiżiv;

K.  billi n-numru tal-emerġenza Ewropew 112, maħluq fl-1991 b'deċiżjoni tal-Kunsill biex iċ-ċittadini jkunu jista' jkollhom aċċessgħas-servizzi ta' emerġenza kollha (servizzi tat-tifi tan-nar, servizzi tal-pulizija u servizzi mediċi), huwa l-uniku numru li hemm aċċess għalih fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, u filwaqt li maġġoranza kbira ta' Ewropej għadhom ma jafux bih, mingħajr ma ġie osservat l-ebda progress mill-2000,

L.  billi d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-11 ta' Marzu 2008 dwar twissija kmieni għaċ-ċittadini waqt emerġenzi kbar(13) ġiet iffirmata minn 432 MEPs,

M.  billi għad hemm il-ħtieġa li jsiru sforzi biex tiġi vvalutata u żgurata l-kwalità tas-servizz meta persuna ċċempel 112, kemm rigward il-prestazzjoni tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet u tas-servizzi ta' emerġenza u kemm rigward l-aspetti ta' koordinamentli jiddependu minn fatturi multipli, u billi għadha ma saritx valutazzjoni komprensiva u dettaljata tal-istat reali tal-implimentazzjoni tas-servizz 112 fl-UE kif esperjenzata miċ-ċittadini, partikolarment li tevalwa l-aċċessibilità, l-interoperabilità u l-ħinijiet għal intervent,

N.  billi diversi diżastri ta' dan l-aħħar urew li t-twissija bikrija u l-allert taċ-ċittadini f'każ ta' emerġenzi u diżastri maġġuri imminenti jew li qed jiżviluppaw huma meħtieġa jekk għandhom jitnaqqsu t-tbatija u t-telf ta' ħajjiet;

Is-servizz universali u l-kuntest ta' żviluppi ġodda

1.  Jissottolinja l-importanza tal-Obbligi tas-Servizz Universali (OSU) bħala sistema ta' sigurtà għall-inklużjoni soċjali fejn il-forzi tas-suq waħidhom naqsu milli jipprovdu servizzi bażiċi liċ-ċittadini u n-negozji;

2.  Jappoġġa r-rievalwazzjoni regolari, bħala parti mid-Direttiva dwar is-Servizzi Universali u d-Drittijiet tal-Utenti, dwar kemm id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi attwali tal-UE huma adattati għas-servizz universali fid-dawl tal-iżviluppi soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi sabiex jiġu identifikati u introdotti definizzjonijiet adegwati li jirriflettu l-bżonnijiet reali u t-talbiet taċ-ċittadini li qed jevolvu u li jtejbu l-kwalità tas-servizzi;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida dwar l-aħjar mof kif tiġi implimentata u infurzata d-DSU reveduta, filwaqt li tevita distorsjonijiet tas-suq u fl-istess ħin tippermetti lill-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet li huma l-aktar adattati għaċ-ċirkustanzi nazzjonali tagħhom;

4.  Jappoġġa l-objettivi tal-Aġenda Diġitali “Broadband għal kulħadd” u huwa konvint li l-aċċess universali għall-broadband jgħin liċ-ċittadini u n-negozji jieħdu l-benefiċċji massimi tas-Suq Diġitali Uniku, partikolarment billi jtejbu l-inklużjoni soċjali, joħolqu opportunitajiet ġodda għal negozji innovattivi mill-aspett soċjali u minn dak ambjentali biex tingħata spinta lill-impjiegi, it-tkabbir u iktar opportunitajiet għall-kummerċ transkonfinali; jappoġġa, għal dan il-għan, il-promozzjoni tal-kompetenza diġitali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar appoġġ finanzjarju lill-proġetti lokali li jipprovdu aċċess diġitali u lill-komunitajiet kollha li jgħinu lill-gruppi żvantaġġati jkollhom aċċess għal apparat teknoloġiku billi jipprovdu konnessjonijiet f'binjiet pubbliċi li joffru aċċess għall-Internet mingħajr ħlas;

6.  Jissottolinja li kombinazzjoni ta' politiki u teknoloġiji (bħalma huma n-netwerks li jużaw wajers, kejbil, fibra, netwerks mobbli, u satellitari) tista' tħeġġeġ l-iżvilupp ta' servizzi u applikazzjonijiet onlajn ġodda minn negozji u korpi pubbliċi bħalma huma s-servizzi elettroniċi tal-governanza, is-saħħa u l-edukazzjoni, filwaqt li żżid id-domanda għal konnessjonijiet tal-Internet iktar mgħaġġla, filwaqt li tagħmel l-investimenti iktar profittabbli, biex tinkoraġġixxi sħubijiet pubbliċi-privati u tiżviluppa s-suq uniku diġitali filwaqt li ttejjeb l-inklużjoni ta' ċittadini marġinalizzati;

7.  Jenfasizza l-importanza tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u jqis li hu tal-akbar importanza li, fil-kuntest tar-rieżami wiesa' ta' dawn ir-regoli, kemm l-awtoritajiet lokali u kemm l-awtoritajiet reġjonali jibbenefikaw minn miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-investimenti tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni, u fl-akkwist prekummerċjali (bħala għodda biex il-benefiċċji tar-riċerka jinġiebu fis-suq) u li l-akkwist elettroniku jiġi introdott u jinfirex ħafna;

8.  Jitlob traspożizzjoni effikaċi tal-qafas tat-telekomunikazzjoni, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar in-newtralità tal-Internet, b'tali mod li l-utenti aħħarin ikunu jistgħu jkollhom aċċess għas-servizzi u l-kontenut, u jħaddmu l-applikazzjonijiet tal-għażla tagħhom fuq l-Internet;

9.  Jenfasizza li s-servizz universali mhuwiex l-uniku mutur u lanqas ma huwa l-mutur prinċipali biex jintlaħaq l-objettiv ta' “broadband għal kulħadd”, minħabba l-ispejjeż għolja tal-investiment li huma meħtieġa, mingħajr ma jkun neċessarjament kapaċi jipprovdi servizzi sinifikament imtejba lill-konsumaturi; jinnota, iżda, li l-Artikolu 15 tad-DSU jiddikjara li għandu jkun hemm rieżami perjodiku tal-ambitu tas-servizz universali u jenfasizza li dan ir-rieżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u r-riżultati tal-istima tal-impatt li qed issir bħalissa, partikolarment rigward sa kemm ġew implimentati innetwerks bil-broadband u l-adozzjoni reali fid-djar;

10.  Jikkunsidra li l-impożizzjoni ta' obbligu fuq id-disponibilità tal-broadband mhix se tirriżulta awtomatikament f'adozzjoni akbar; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-miżuri biex jagħtu spinta lid-domanda u jistimulaw l-adozzjoni, aktar milli sempliċement jiżguraw li jkun hemm konnessjoni; barra minn hekk iqis li l-obbligi tas-servizz universali jistgħu eventwalment, possibilment bħala mira fuq żmien medju, isiru inċentiv addizzjonali għall-iżvilupp tal-broadband, imma li programmi nazzjonali ddisinjati kif għandu jkun għandhom jilħqu l-objettivi tal-broadband universali;

11.  Iqis li politika effiċjenti tal-ispettru tar-radju , li tagħmel possibbli l-użu armonizzat tad-“dividend diġitali”, u regolamentazzjoni li tippromwovi l-investiment huma wkoll strumenti importanti biex tiżdied il-kopertura tal-broadband;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tlesti l-valutazzjoni tal-impatt li qed isir bħalissa u tipprovdi lil-leġiżlaturi b'data soda dwar l-adozzjoni eżistenti, id-domanda mistennija u t-titjib tal-OSU permezz tal-broadband, u finalment, analiżi tal-mekkaniżmu tal-finanzjament l-iktar effettiv għall-Istati Membri, il-konsumaturi u l-impriżi, għat-tnedija tal-OSU filwaqt li jiġu evitati spejjeż ineffiċjenti u piżijiet eċċessivi;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod parallel u f'kollaborazzjoni mal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (ARN), timmonitorja s-swieq b'attenzjoni biex tiżgura li dawk l-Istati Membri li diġà jistgħu jew li jixtiequ jipprovdu OSU matul il-firxa kollha tat-teknoloġiji u l-veloċitajiet broadband, ikunu jistgħu jagħmlu dan f'każ ta' falliment tas-suq mingħajr ma jikkawżaw distorsjonijiet fis-suq;

14.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħmel studju dettaljat dwar il-provvista tas-servizz tal-Internet wara l-pubblikazzjoni tar-Raba' Tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-kontribut tal-ARN jeżaminaw l-għażliet għal applikazzjoni uniformi tal-OSU u dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-utenti li jistgħu jiżguraw aċċessibilità għal gruppi vulnerabbli, u speċjalment għal persuni b'diżabilità, mhux biss permezz tal-introduzzjoni ta' tagħmir terminali speċjali u tariffi għall-but ta' kulħadd, iżda wkoll permezz tal-provvista ta' informazzjoni adegwata u għażla reali tal-konsumaturi tas-servizzi disponibbli u s-servizzi ta' wara l-bejgħ;

16.  Iqis madankollu li d-dispożizzjoni bażika għall-finanzjament tas-servizz universali, filwaqt li jiġi żgurat li tiġi ttrattata b'manjiera nondiskriminatorja u trasparenti, għandha tibqa' fil-leġiżlazzjoni tal-UE u għandha tiġi estiża biex tkopri l-obbligi għas-servizzi tad-data kif ukoll tal-leħen;

In-Numru tal-Emerġenza Ewropew 112

17.  Jenfasizza li n-numru tal-emerġenza Ewropew 112 jista' jkun numru li jsalva l-ħajjiet u jżid il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE, billi jservi bħala sistema maġġuri ta' appoġġ għaċ-ċittadini u l-konsumaturi li jgħixu fi ħdan is-Suq Uniku; jenfasizza kemm hu importanti li jiġi żgurat li n-numru 112 jopera mingħajr xkiel fl-Unjoni kollha; iqis li l-Kummissjoni għandha tiżgura li kull taqsima tas-soċjetà jkollha aċċess għal dan is-servizz, inklużi l-persuni b'diżabilità (problemi biex jisimgħu, biex jitkellmu, eċċ.) u gruppi vulnerabbli oħra;

18.  Jiddispjaċih iżda li n-numru tal-emerġenza Ewropew 112 għadu l-bogħod milli jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu; jikkunsidra għaldaqstant li għad iridu jsiru passi bażiċi rigward l-għarfien tiegħu miċ-ċittadini, flimkien ma' kwistjonijiet oħra li jirrigwardaw it-teknoloġija u l-koordinament aħjar;

19.  Jindika li, skont l-istħarriġ ta' Eurobarometer, ippubblikat fi Frar 2011, 26% biss taċ-ċittadini tal-UE jistgħu jidentifikaw b'mod spontanju lill-112 bħala n-numru li jċemplu għas-servizzi ta' emerġenza fl-UE u li 58% taċ-ċittadini Ewropej għadhom ma jaqblux mad-dikjarazzjoni li n-nies f'pajjiżhom huma informati b'mod xieraq dwar l-eżistenza tan-numru ta' emerġenza 112(14);

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex iżidu l-għarfien pubbliku dwar l-eżistenza u l-użu tan-numru 112, jiġifieri permezz tal-iżvilupp ta' strateġija b'miri speċifiċi u b'effett mifrux ħafna li tindirizza l-preokkupazzjonijiet u l-mistoqsijiet li għandhom iċ-ċittadini fir-rigward ta' kif taħdem is-sistema;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jintensifikaw il-ħidma ta' informazzjoni tagħhom, sabiex in-numru ta' emerġenza 112 jasal għand iċ-ċittadini u l-vjaġġaturi Ewropej kollha permezz tal-midja, partikolarment il-midja stampata u awdjoviżiva, permezz ta' kampanji informattivi bħala n-numru ta' emerġenza “għall-UE kollha kemm hi”, u jorganizzaw u jappoġġaw attivitajiet promozzjonali biex iżidu l-għarfien publiku u l-attivitajiet li jsiru kull sena fil-11 ta' Frar, li ġie stabbilit bħala “Il-Jum Ewropew tal-112”; jinnota li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-informazzjoni prattika bħall-fatt li jiġi enfasizzat li n-numru 112 huwa n-numru ta' emerġenza Ewropew, u li wieħed jista' jċempel dan in-numru mit-telefowns fissi u mill-mowbajls bla ħlas, ikun fejn ikun fl-UE;

22.  Jinnota li hemm disparitajiet konsiderevoli bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-għarfien dwar in-numru ta' emerġenza Ewropew 112, u jistieden lill-Istati Membri jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jiskambjaw l-aħjar prattiki sabiex, sal-2020, tal-anqas 80% taċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jidentifikaw b'mod spontanju lin-numru ta' emerġenza 112 bħala n-numru li għandu jintuża biex jċemplu s-servizzi ta' emerġenza jkunu fejn ikunu fl-Unjoni Ewropea;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-aħjar punti għat-tixrid tat-tagħrif dwar in-numru tal-emerġenza 112 li permezz tagħhom għadd kbir ta' djar jistgħu jiġu infurmati faċilment, b'mod partikolari l-kliniċi tat-tobba u l-ispiżeriji, l-isptarijiet u l-kliniċi, l-istabbilimenti edukattivi bħall-iskejjel u l-universitajiet, u l-ajruporti, il-portijiet u l-istazzjonijiet tal-ferrovija, peress li n-numru 112 huwa partikolarment utli għall-vjaġġaturi, kif ukoll il-portali tat-tagħrif tas-servizzi tal-emerġenza nazzjonali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu wkoll in-numru 112 bħala n-numru ta' emerġenza fl-Ewropa kollha onlajn u fuq ir-radju, tnejn miż-żewġ mezzi l-aktar popolari maż-żgħażagħ u l-persuni li jivvjaġġaw spiss; jenfasizza l-fatt li 16% biss tal-persuni li jafu bin-numru 112 semgħu bih mir-radju u 11% semgħu bih mill-Internet;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li n-numru 112 jintwera b'mod prominenti fuq il-vetturi ta' emerġenza kollha fosthom il-karrozzi tal-pulizija, l-ambulanzi, il-vetturi tat-tifi tan-nar u l-vetturi li jagħmlu parti minn servizzi oħra;

26.  Jinnota madankollu li l-Istati Membri għandhom numri tal-emerġenza eżistenti u li ilhom jintużaw żmien twil u jenfasizza li, fejn huma bi ħsiebhom iżommu dawn in-numri nazzjonali tagħhom, huwa importanti li ma jiġix kompromess l-għarfien jew tiġi kkawżata konfużjoni dwar liema numru wieħed għandu jċempel;

27.  Jiddispjaċih li l-Istati Membri għadhom mhumiex jiżguraw li jiġi pprovdut tagħrif ta' lokalizzazzjoni f'waqtu, eżatt u affidabbli lis-servizzi tal-112; jitlob lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, ittejjeb b'mod sinifikanti u mill-aktar fis possibli l-eżattezza u l-affidabilità tal-informazzjoni dwar minn fejn persuna tkun qed iċċempel skont ir-regoli ġodda tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE u taġġorna t-teknoloġija bl-għan finali tal-lokalizzazzjoni awtomatika mandatorja għat--telefonati kollha lill-112, inklużi dawk minn klijenti roaming, fi żmien ftit sekondi bil-għan li min jibgħat l-għajnuna u lil gruppi tal-ewwel intervent jingħata din l-informazzjoni kruċjali, biex b'hekk tirriżulta imprezzabbli għaċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi l-possibilità li tieħu azzjoni kontra Stati Membri li ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom f'dan ir-rigward;

28.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintroduċu miżuri li jtejbu l-aċċess għall-finanzjament bħala appoġġ għall-proġetti ta' riċerka sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp tal-aħjar teknoloġiji possibli biex jidentifikaw minn fejn tkun qed issir telefonata, inkluż permezz tal-VoIP, u f'dan is-sens jappoġġa l-iżvilupp ta' standards u regolamenti tal-ġenerazzjoni li jmiss jitlob biex il-fondi tal-ICT-PSP (Programm ta' Appoġġ għall-Politika tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni) indikati fil-Baġits tal-UE tal-2009, 2010 u 2011 bil-għan li jiġu appoġġati l-ittestjar u l-implimentazzjoni ta' servizzi innovattivi (ibbażati fuq il-VoIP u l-aċċess tal-IP għall-112) li jistgħu jitniedu permezz ta' applikazzjonijiet indipendenti min-netwerks b'antiċipazzjoni tal-istabbiliment ta' sistema tal-Ġenerazzjoni li Jmiss għall-112 fl-UE. jistieden lill-Kummissjoni teżamina wkoll l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-Ġenerazzjoni li Jmiss għall-112 bħalma huma l-messaġġi testwali, il-vidjo u n-netwerks soċjali u kif tali applikazzjonijiet, li bħalissa huma disponibbli għaċ-ċittadini, jistgħu jiġu implimentati fil-komunikazzjonijiet ta' emerġenza biex jittejjeb l-aċċess għall-112 kif ukoll biex isaħħu r-reazzjoni għall-emerġenzi mibdija miċ-ċittadini;

29.  Jemmen li permezz ta' regolamentazzjoni, is-servizz “eCall” għandu jiġi implimentat bħala servizz mandatorju;

30.  Jenfasizza l-importanza ta' koordinament aħjar bejn il-korpi tal-emerġenza kemm fil-livell nazzjonali, kif ukoll f'dak transkonfinali/tal-Unjoni Ewropea biex jinkiseb l-ogħla livell ta' effikaċità u, għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u tikkoordina magħhom biex tesplora modi kif tista' tittejjeb l-interoperabilità bejn is-sistemi tagħhom;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabilixxi mill-aktar fis possibli, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, rekwiżiti ta' affidabilità u ta' kwalità għall-katina tas-servizzi kollha tal-112 , u tistabbilixxi indikaturi tal-prestazzjoni u linji gwida relatati mal-kwalità tas-servizz 112 kif inhu esperjenzat miċ-ċittadini, filwaqt li titqies il-ħtieġa ta' aċċessibilità, għall-interoperabilità bejn is-servizzi ta' emerġenza, għall-multilingwiżmu u għall-interventi f'waqthom u kwalitattivi mis-servizzi ta' emerġenza;

32.  Jirrakomanda, bil-ħsieb li tittejjeb l-effiċjenza tas-servizz tal-emerġenza 112 fl-UE, l-istabbiliment ta' programm ta' azzjoni biex jappoġġa l-qsim tal-esperjenzi u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Aġenziji Regolatorji Nazzjonali, is-servizzi ta' emerġenza u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Istati Membri, filwaqt li dan l-iskambju jiġi estiż għall-organizzazzjonijiet li hemm fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi ġirien tal-UE, jissuġġerixxi li, għal dan il-għan, jista' jiġi stabbilit network ta' esperti; jirrakkomanda b'mod speċifiku l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-immaniġġjar tat-telefonati lill-112, partikolarment dwar it-taħriġ tal-operaturi, l-użu ta' operatur uniku biex jimmaniġġa telefonata u l-użu ta' servizzi onlajn u ta' interpretazzjoni li jkunu jistgħu jgħinu lil dawk li ma jitkellmux il-lingwa tal-pajjiż fejn ikunu qed jużaw is-servizzi tal-emerġenza;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri li hemm bżonn sabiex jitnaqqas in-numru ta' tentattivi ta' telefonati ta' emerġenza li ma jirnexxux, jitnaqqas il-ħin biex wieħed jaqbad u jingħata rispons u jitnaqqas in-numru ta' telefonati biċ-ċajt u foloz; jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki rigward l-imblukkar ta' telefonati minn mowbajls bla SIM;

34.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ggarantita l-aċċessibilità tan-numru 112 għall-persuni b'diversi tipi ta' diżabbiltà u gruppi vulnerabbli, u jħeġġeġ biex l-aċċessibilità għall-112 tiġi standardizzata għal dawn il-gruppi partikolari, possibilment permezz tal-forniment ta' apparati terminali għall-utenti bi problemi biex jisimgħu jew jaraw, servizzi ta' trażmissjoni testwali jew ta' lingwa tas-sinjali, jew tagħmir speċifiku ieħor; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex iżidu l-għarfien tan-numru 112 fost dawn in-nies permezz tal-użu ta' mezzi tal-komunikazzjoni li jkunu speċjalment adattati għall-ħtiġijiet tagħhom;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel studju dwar il-prestazzjonijiet tas-servizzi tan-numru ta' emerġenza 112 s'issa u dwar il-kooperazzjoni bejn il-korpi relevanti bl-għan li ttejjeb is-servizz, u dwar il-miżuri individwali li ttieħdu s'issa mill-Istati Membri; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibilità li s-servizz tal-112 jiġi estiż mit-telefonati vokali għall-SMS ħalli meta dak li jkun jibgħat messaġġ testwali “112” dan il-messaġġ mill-ewwel iqanqal reazzjoni ta' emerġenza;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa, permezz ta' korpi indipendenti u sa mhux aktar tard minn tmiem is-sena 2012, l-istat reali tal-implimentazzjoni tan-numru 112 fl-UE kollha kif hi esperjenzata miċ-ċittadini, filwaqt li tivvaluta b'mod partikolari l-aċċessibilità, l-interoperabilità u l-ħinijiet għal intervent. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni mistiedna wkoll tipprovdi sa l-istess data, ħarsa ġenerali tal-ħinijiet ta' intervent vinkolanti legalment u implimentati fil-prattika fl-UE, kif ukoll testendi l-istudju tal-impatt imħejji fil-qafas tal-eCall għall-konsegwenzi umani u finanzjarji tal-funzjonament tan-numru 112;

37.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, minħabba li t-teknoloġija diġà teżisti, jippromwovu l-istabbiliment ta' “sistema tal-112 bil-maqlub”, jiġifieri sistema interkonnessa li tkun mifruxa mal-UE kollha, universali, multilingwi, aċċessibbli, semplifikata u effiċjenti biex twissi u tallerta liċ-ċittadini fil-każ ta' emerġenzi u diżastri maġġuri naturali u/jew ikkawżati mill-bniedem, imminenti jew li jkunu qed jiżviluppaw, ta' kwalunkwe tip; iqis li tali sistema għandha tiġi implimentata mingħajr ma xxekkel il-privatezza u f'kombinazzjoni ma' kampanji xierqa ta' tagħrif u taħriġ għaċ-ċittadini;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-fattibilità ta' servizz simili tan-numru 116 bħas-servizz tan-numru 112 għaċ-ċittadini li jkollhom problemi emottivi, li jbatu bid-depressjoni jew bi problemi oħra ta' saħħa mentali;

o
o   o

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51
(2) ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1
(3) ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11
(4) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33
(5) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7
(6) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21
(7) ĠU L 337, 18.12.2009, p. 37
(8) ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1.
(9) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(10) ĠU L 217, 6.8.1991, p. 31.
(11) ĠU L 171, 29.6.2007, p. 32.
(12) ĠU C 219 E, 28.8.2008, p.92.
(13)1 ĠU C 66 E, 20.3.2009, p. 6.
(14) In-Numru Ewropew ta' Emerġenza - 112, Stħarriġ Flash għall-Eurobarometer, Kummissjoni Ewropea 2011, http://ec.europa.eu/information_society/activities/112/docs/report_2011.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza