Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2747(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0442/2011

Dibattiti :

PV 07/07/2011 - 11.1
CRE 07/07/2011 - 11.1

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2011 - 12.1

Testi adottati :

P7_TA(2011)0340

Testi adottati
PDF 223kWORD 51k
Il-Ħamis, 7 ta' Lulju 2011 - Strasburgu
Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, stupru tal-massa fil-provinċja tan-Nofsinhar ta' Kivu
P7_TA(2011)0340RC-B7-0442/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2011 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupri tal-massa fil-provinċja ta' Kivu tan-Nofsinhar

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fl-1998, u b'mod partikolari l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tiegħu li jiddefinixxu l-istupru, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni sfurzata, it-tqala sfurzata u l-isterilizzazzjoni sfurzata jew kull forma oħra ta' vjolenza sesswali bħala delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra u jqisuhom bħala forma ta' tortura u delitt tal-gwerra gravi, kemm jekk dawn l-atti twettqu sistematikament kif ukoll jekk ma twettqux sistematikament matul kunflitti interni jew internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u r-Riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-atti ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal fi żmien ta' kunflitt armat,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1925 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li tiddefinixxi l-mandat tal-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-RDK (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1991 tat-28 ta' Ġunju 2011 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li ttawwal il-mandat tal-MONUSCO,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Ġunju 2011 tar-Rappreżentant Speċjali inkarigat mill-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali fil-kunflitti armati, Margot Wallström,

–  wara li kkunsidra l-communiqué finali tas-6 laqgħa reġjonali tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE f'Yaoundé, il-Kamerun, fit-28 u d-29 ta' April 2011,

–  wara li kkunsidra l-liġi dwar il-vjolenza sesswali adottata mill-Parlament tar-RDK fl-2006, imfassla biex tħaffef il-prosekuzzjoni f'każ ta' stupru u biex timponi sanzjonijiet eħrex,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi 170 ruħ kienu vittmi ta' stupri jew ta' vjolenza fiżika bejn l-10 u t-12 ta' Ġunju 2011 fil-villaġġi ta' Nakiele u Abala, fil-provinċja ta' Kivu tan-Nofsinhar; billi xi membri tal-istess grupp armat responsabbli għal dawn l-atti kienu diġà implikati fi stupri tal-massa, arresti u serq fl-istess reġjun f'Jannar 2011,

B.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà f'Kivu tan-Nofsinhar għadha estremament instabbli u l-inkwiet li qed jaffettwa l-Lvant tar-RDK wassal għal żieda enormi fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u fid-delitti tal-gwerra, inklużi atti ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa, stupri tal-massa u atti oħra ta' tortura, il-massakru tal-popolazzjoni ċivili u r-reklutaġġ enormi ta' suldati tfal, imwettqa minn gruppi ribelli armati kif ukoll mill-forzi armati u tal-pulizija tal-Gvern,

C.  billi l-istupru, arma tal-gwerra użata mill-ġellieda biex jintimidaw, jikkastigaw u jikkontrollaw il-vittmi tagħhom, sar atroċement komuni fil-Lvant tar-RDK mindu bdew l-operazzjonijiet militari fl-2009; billi l-atroċitajiet kontra n-nisa huma strutturati madwar l-istupru, l-istupru kollettiv, l-iskjavitù sesswali u l-qtil u għandhom konsegwenzi konsiderevoli bħad-distruzzjoni fiżika u psikoloġika tan-nisa,

D.  billi fid-29 ta' Ġunju 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda jtawwal il-Missjoni tal-Organizzazjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-RDK (MONUSCO) b'sena oħra, u filwaqt li jfakkar li l-missjoni għandha mandat li jawtorizzaha tuża l-mezzi kollha neċessarji biex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili mill-ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem,

E.  billi l-vittmi tal-istupri jaffaċċjaw nuqqas konsiderevoli ta' infrastruttura u ma jistgħux jibbenefikaw minn għajnuna jew minn kura medika xierqa; billi n-nisa jiġu attakkati deliberatament fil-pubbliku, billi dawn l-attakki spiss itellfulhom posthom fis-soċjetà u l-abbiltà tagħhom li jieħdu ħsieb uliedhom, u billi r-riskji ta' infezzjoni bil-vajrus tal-AIDS huma konsiderevoli; billi r-rispons mediku ta' emerġenza huwa assigurat biss mill-bosta NGOs li jaħdmu fiż-żona li m'għadhomx iggarantiti l-koordinazzjoni u l-aċċess għall-vittmi,

F.  billi l-inabbiltà tar-RDK li tressaq il-qorti l-membri tal-armata tagħha stess u tal-gruppi armati għal delitti skont il-liġi internazzjonali ffavoriet kultura ta' impunità; billi l-armata Kongoliża m'għandhiex mezzi umani, tekniċi u finanzjarji biżżejjed biex twettaq dmirijietha fil-provinċji tal-Lvant tar-RDK u biex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-popolazzjoni,

G.  billi l-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-vjolenza sesswali, adottata mill-Parlament tar-RDK fl-2006, hija limitata ħafna,

H.  billi l-midja għandha rwol essenzjali biex jiġi żgurat livell għoli ta' mobilizzazzjoni u biex trawwem l-opinjoni pubblika,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-istupri tal-massa, l-atti ta' vjolenza sesswali u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu bejn l-10 u t-12 ta' Ġunju 2011 fir-reġjun ta' Kivu tan-Nofsinhar; jassoċja ruħu mat-tbatija u n-niket tal-vittmi kollha ta' atti ta' vjolenza sesswali, b'mod partikolari ta' stupri tal-massa, li twettqu ripetutament fil-parti tal-Lvant tar-RDK matul l-erba' snin li għaddew;

2.  Jistieden lill-Gvern tar-RDK jikkunsidra l-ġlieda kontra l-istupri tal-massa u l-vjolenza sesswali kontra n-nisa bħala prijorità nazzjonali;

3.  Jilqa' d-deċiżjoni tan-NU li tniedi investigazzjoni dwar dawn il-każijiet; jitlob li jsiru investigazzjonijiet immedjati, indipendenti u imparzjali dwar dawn id-delitti skont l-istandards internazzjonali; jiddeplora l-fatt li kriminali tal-gwerra għad għandhom pożizzjonijiet ta' kmand għolja; jitlob li jittieħdu miżuri effikaċi u immedjati biex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-vittmi u tax-xhieda matul u wara dawn l-investigazzjonijiet;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni u lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo jeżaminaw mill-ġdid id-Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż tar-RDK u l-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-10 FEŻ (2008-2013) bl-għan li l-kwistjoni tal-istupri tal-massa u l-vjolenza sesswali kontra n-nisa ssir prijorità nazzjonali biex tiġi miġġielda l-impunità;

5.  Huwa preokkupat dwar ir-riskji ta' trivjalizzazzjoni tal-atti ta' vjolenza sesswali; jenfasizza li huwa d-dmir tal-Gvern tar-RDK li jiżgura s-sigurtà tat-territorju tiegħu u li jipproteġi l-popolazzjoni ċivili; ifakkar lill-President Kabila li impenja ruħu personalment li jmexxi politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-vjolenza sesswali u li impenja ruħu li jtella' l-qorti lil min wettaq delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità fil-pajjiż, kif ukoll li jikkoopera mal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-pajjiżi tar-reġjun;

6.  Jilqa' l-azzjoni tal-NGOs li taw l-għajnuna tagħhom lill-vittmi ta' stupri u delitti tal-gwerra, u partikolarment il-kura medika mogħtija minn ċerti sptarijiet bħal dak ta' Panzi f'Bukavu; jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-vittmi ta' attakki sesswali ma jibbenefikawx mill-għajnuna medika, soċjali jew ġuridika meħtieġa; jissuġġerixxi li l-Gvern tar-RDK jfassal programm komplet ta' għajnuna lill-vittmi u ta' reintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà Kongoliża u fis-suq tax-xogħol; jitlob lill-Kummissjoni tirrilaxxa l-fondi supplementari għall-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u taħdem favur il-ħolqien ta' djar għall-vittmi tal-vjolenza sesswali fiż-żoni milquta; jissuġġerixxi l-implimentazzjoni ta' proġett pilota għat-titjib tal-għajnuna medika mogħtija lill-vittmi tal-vjolenza sesswali fir-RDK;

7.  Huwa preokkupat li s-“Sub-Cluster” GBV (vjolenza bbażata fuq il-ġeneru), li kellu jiżgura l-koordinazzjoni tar-rsipons umanitarju għall-vjolenza sesswali, ġie abolit sena u nofs ilu, minħabba nuqqas ta' tmexxija tal-UNFPA (Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni); jitlob għalhekk it-tfassil mill-ġdid tas-sistema ta' koordinazzjoni umanitarja fil-post;

8.  Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-fatt li l-MONUSCO ma setgħetx tuża l-mandat tagħha u r-regoli tal-kumbattiment tagħha aktar attivament biex tagħti protezzjoni kontra l-istupri tal-massa, inklużi l-azzjonijiet imwettqa mill-forzi tagħha stess; jirrikonoxxi madankollu li l-preżenza tagħha għadha indispensabbli għall-aċċessibbiltà umanitarja; jinsisti li l-mandat ur-regoli tal-MONUSCO jitwettqu b'determinazzjoni biex tkun żgurata b'mod aktar effikaċi l-protezzjoni tal-popolazzjoni; jilqa' d-deċiżjoni li l-mandat tal-missjoni jittawwal sat-30 ta' Ġunju 2012;

9.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-attivitajiet tal-missjonijiet EUSEC RD u EUPOL RD; jitlob li l-kwistjonijiet tal-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali jiġu integrati għalkollox fl-operazzjonijiet ta' sigurtà u ta' difiża komuni;

10.  Għadu preokkupat ferm dwar is-sitwazzjoni umanitarja attwali fir-RDK u dwar is-sottofinanzjament f'dan ir-reġjun minħabba t-tnaqqis tal-finanzjament minn ċerti donaturi bilaterali; jiddeplora bil-qawwa l-fatt li sal-lum, il-fondi allokati jaslu biss għand ftit vittmi; jitlob lill-Kummissjoni żżomm il-finanzjament mogħti għall-għajnuna umanitarja fil-Lvant tar-RDK;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi dwar il-“minerali tal-kunflitti”, li jalimentaw il-gwerra u l-istupri tal-massa fir-RDK, biex tiġi miġġielda l-impunità, skont il-liġi Amerikana Dodd Franck (b'mod partikolari t-taqsima 1502 tagħha), li timponi rekwiżiti ġodda rigward l-informazzjoni dwar il-prodotti li għall-manifattura tagħhom jintużaw dawn il-“minerali tal-kunflitti”;

12.  Jinnota li l-pjan ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt f'Kivu tan-Nofsinhar, li jagħti prijorità lis-soluzzjoni militari, ma rnexxiex; iqis li s-soluzzjoni għal dan il-kunflitt trid tkun politika u jiddispjaċih għan-nuqqas ta' kuraġġ min-naħa tal-Komunità internazzjonali; iqis li wasal iż-żmien li wieħed imur lil hinn minn sempliċi kundanna u li l-Gvern Kongoliż, l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti jridu jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom u jieħdu miżuri konkreti biex jintemmu dawn l-atroċitajiet; jenfasizza li jekk ma jinbidel xejn, l-atturi umanitarji se jibqgħu għal żmien ħafna itwal fil-post;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-RDK, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti Armati, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

Avviż legali - Politika tal-privatezza