Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2748(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0394/2011

Dibattiti :

PV 07/07/2011 - 11.2
CRE 07/07/2011 - 11.2

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2011 - 12.2
CRE 07/07/2011 - 12.2

Testi adottati :

P7_TA(2011)0341

Testi adottati
PDF 212kWORD 48k
Il-Ħamis, 7 ta' Lulju 2011 - Strasburgu
L-Indoneżja, inklużi l-attakki kontra l-minoranzi
P7_TA(2011)0341RC-B7-0394/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2011 dwar l-Indoneżja, inklużi l-attakki kontra l-minoranzi

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar is-suġġett(1),

–  wara li kkunsidra l-elezzjoni tal-Indoneżja għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) f'Mejju 2011; filwaqt li membri tal-UNHCR jeħtieġ li jżommu l-ogħla standards għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Presidenza tal-Indoneżja fl-ASEAN fl-2011, il-Karta tal-ASEAN li daħlet fis-seħħ fil-15 ta' Diċembru 2008, u l-ħolqien tal-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN fit-23 ta' Ottubru 2009,

–  wara li kkunsidra il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li ġie ratifikat mill-Indoneżja fl-2006,

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu 29 tal-Kostituzzjoni Indoneżjana, li tiggarantixxi l-libertà tar-reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 156 u 156 (a) tal-Kodiċi Kriminali Indoneżjana li jipprojbixxi d-dagħa, l-eresija u d-difamazzjoni reliġjuża,

–  wara li kkunsidra d-Digriet Presidenzjali Nru. 1/PNPS/1965 dwar il-prevenzjoni tad-dagħa u l-abbuż tar-reliġjon,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tat-8 ta' Frar 2011 dwar attakki reċenti fuq u l-qtil ta' Ahmadis fir-reġjun ta' Banten,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Indoneżja (FSK) u l-ewwel sessjoni tad-Djalogu tad-Drittijiet tal-Bniedem li sar f'dan il-qafas, li sar f'Ġunju 2010 f'Ġakarta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122 (5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Indoneżja hija l-akbar nazzjoni li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tiegħu hi Musulmana, u billi t-tradizzjoni tal-Indoneżja tal-pluraliżmu, l-armonija kulturali, il-libertà reliġjuża u l-ġustizzja soċjali hija stipulata fl-ideoloġija nazzjonali tal-“Pancasila”,

B.  billi kien hemm żieda sinifikanti fl-inċidenza tal-attakki kontra minoranzi reliġjużi, partikolarment l-Ahmadis, li jikkunsidraw lilhom infushom Musulmani, iżda wkoll kontra Kristjani, Buddisti u organizzazzjonijiet progressivi tas-soċjetà ċivili,

C.  billi, wara l-projbizzjoni tat-tixrid ta' tagħlim Musulman ta' Ahmadi fl-2008, il-Ministru Indoneżjan għall-Affarijiet Reliġjużi talab repetutament għall-impożizzjoni ta' projbizzjoni totali tal-komunità Musulmana ta' Ahmadiyya, pass li diġà kien ittieħed minn tliet reġjuni, il-Java tal-Punent, is-Sulawesi tan-Nofsinhar u s-Sumatra tal-Punent; billi fis-6 ta' Frar 2011, folla ta' għallanqas 1500 persuna attakkaw 20 Musulman Ahmadi f'Cikeusik, fir-reġjun ta' Banten, fejn qatlu tlieta minnhom u korrew b'mod serju bosta oħra, li wasslet għal kundanna u sejħa għal investigazzjoni mill-President tal-Indoneżja,

D.  billi, wara dan l-attakk, fit-8 ta' Frar 2011, mijiet ta' persuni qabbdu tliet knejjes u attakkaw qassis fil-belt ċentrali ta' Java ta' Temanggung wara li Kristjan li ġie kkundannat għal ħames snin ħabs wara li insulta l-Islam, minflok ma kien ikkundannat għall-mewt kif mistenni minn min jattakkah, u filwaqt li l-Komunjoni tal-Knejjes fl-Indoneżja rreġistrat 430 attakki kontra knejjes Kristjani dawn l-aħħar sitt snin,

E.  billi “il fuq minn 150 persuna diġà ġew arrestati jew miżmuma skont l-Artikoli 156 u 156 (a) tal-Kodiċi Kriminali Indoneżjana, u billi kien hemm evidenza li turi li leġiżlazzjoni sussidjarja dwar id-dagħa, l-eresija u d-difamazzjoni reliġjuża qed jintużaw minn estremisti biex irażżnu l-libertà reliġjuża u jqajjmu tensjonijiet u vjolenza interkomunitarja,

F.  billi fid-19 ta' April 2010, il-Qorti Kostituzzjonali Indoneżjana żammet il-liġijiet sussidjarji dwar id-dagħa u l-eresija u rrifjutat it-talba għall-abrogazzjoni tagħhom li ġiet sottomessa minn erba' akkademiċi Islamiċi prominenti u għallanqas seba' organizzazzjonijiet Indoneżjani tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili u appoġġata minn għallanqas 40 organizzazzjoni oħra,

G.  billi hemm rapporti kredibbli, jiġifieri mill-Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem minn membri tal-forzi tas-sigurtà fl-Indoneżja, inkluż tortura u forom oħra ta' maltrattament u l-użu mhux meħtieġ u eċċessiv ta' forza, partikolarment fil-Papua u l-Gżejjer tal-Maluku; billi dawk responsabbli rarament ikollhom jidhru quddiem qorti indipendenti,

1.  Jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta ppublikata fl-24 ta' Mejju 2011 mill-President, l-Ispiker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Ispiker tal-Kunsill tar-Rappreżentanti Reġjonali, l-Ispiker tal-Assemblea Konsultattiva tal-Poplu, il-Prim Imħallfin tal-Qorti Suprema u l-Qorti Kostituzzjonali u uffiċjali kbar oħrajn li jitolbu biex tinżamm il-“Pancasila” u għall-protezzjoni tal-pluraliżmu;

2.  Jissottolinja l-progress li sar mill-Indoneżja fil-qasam tal-implimentazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fis-snin reċenti, u jagħti ħafna importanza li jinżammu u għall-approfondiment ta' relazzjonijiet armonjużi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indoneżja f'bosta oqsma, kif rifless fl-FSK bejn l-UE u l-Indoneżja;

3.  Jilqa' l-impenji li ħadet l-Indoneżja qabel l-elezzjoni tagħha għall-UNHCR fl-20 ta' Mejju 2011, inkluż dak tar-ratifika tal-istrumenti prinċipali kollha tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha Kontra l-Għajbien Infurzat;

4.  Jesprimi tħassib serju dwar l-inċidenti ta' vjolenza kontra minoranzi reliġjużi, partikolarment Musulmani Ahmadi, Kristjani, Baha'ís u Buddisti; huwa mħasseb li vjolazzjonijiet tal-libertà reliġjuża jdgħajfu d-drittijiet tal-bniedem li huma garantiti fil-Kostituzzjoni Indoneżjana, inkluż il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u l-libertà tal-espressjoni, tal-opinjoni u li n-nies jinġabru b'mod paċifiku;

5.  Jitlob lill-Gvern Indoneżjan, jiġifieri l-Ministru tal-Affarijiet Reliġjużi, u l-ġudikatura Indoneżjana biex jiggarantixxu li l-istat tad-dritt jiġi implimentat u jinżamm u li persuni ħatja tal-vjolenza reliġjuża jitressqu quddiem il-ġustizzja;

6.  Jesprimi tħassib serju dwar il-liġijiet sussidjarji lokali dwar id-dagħa, l-eresija u d-difamazzjoni reliġjuża jistgħu jintużaw ħażin, u dwar id-Digriet Ministerjali Konġunt tal-2008 li jipprojbixxi t-tixrid tat-tagħlim Musulman ta' Ahmadiyya, u jitlob lill-awtoritajiet Indoneżjani biex jirrevokawhom jew jirreveduhom;

7.  Japprova x-xogħol tas-soċjetà ċivili Indoneżjana, inkluż think-tanks Musulmani, Kristjani u sekulari, organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-biedem u organizzazzjonijiet għal kontra l-estremiżmu, biex jippromwovu l-pluraliżmu, il-libertà reliġjuża, l-armonija reliġjuża u d-drittijiet tal-bniedem;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan biex jimxi mar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kummissjarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u, partikolarment, biex jistieden lir-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-libertà tar-reliġjoni u tat-twemmin biex iżur il-pajjjiż;

9.  Jilqa' l-investigazzjoni li saret dwar l-attakki mdemmija ta' Frar 2011 fuq il-komunità Ahmadiyya f'Java tal-Punent, li wassal biex jiġu sostitwiti kummissarji tal-pulizija reġjonali u provinċjali, filwaqt li ttieħdu passi kontra disa' pulizija talli traskuraw d-dmirijiet tagħhom u 14-il persuna oħra li jkollhom jgħaddu ġuri għar-reati li wettqu, u jitlob għal monitoraġġ indipendenti tal-proċessi ta' dawk li ġew akkużati sabiex jiżguraw li ssir ġustizzja għall-partijiet kollha involuti;

10.  Jitlob lill-awtoritajiet Indoneżjani biex jinvestigaw allegazzjonijiet ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem minn membri tal-forzi tas-sigurtà u biex jipprosekutaw lil dawk li jinstabu li kienu responsabbli, inkluż persuni b'responsabbiltà li jikkmandaw;

11.  Jitlob għal ħelsien immedjat u bla kondizzjoni tal-priġunieri kollha b'kuxjenza u li ġew arrestati u akkużati sempliċement abbażi tal-involviment tagħhom fi protesta politika paċifika, li huwa kuntrarju għall-ispirtu tal-Liġi Awtonoma Speċjali tal-2011 li tat lil Papuani, Maluku u lil minoranzi etniċi u reliġjużi oħra d-dritt li jesprimu l-identità kulturali tagħhom;

12.  Jitlob lid-delegazjoni tal-UE u lil missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri biex ikomplu jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment f'reġjuni sensittivi bħall-Papua, il-Moluccas u l-Aceh;

13.  Jenfasizza l-importanza li tiġi inkluża dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'enfasi speċjali fuq il-libertà reliġjuża u r-rispett tal-minoranzi, fid-djalogu politiku fil-qafas tal-FSK bejn l-UE u l-Indoneżja;

14.  Jitlob lil-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex tappoġġa s-soċjetà ċivili Indoneżjana u l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu b'mod attiv id-demokrazija, it-tolleranza u l-ko-eżistenza paċifika bejn gruppi etniċi u reliġjużi differenti;

15.  Jagħti struzzjonijiet lill-President biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indoneżja, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, il-Kummissjoni, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0489.

Avviż legali - Politika tal-privatezza