Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2806(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0501/2011

Dibattiti :

PV 15/09/2011 - 11.2
CRE 15/09/2011 - 11.2

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2011 - 12.2

Testi adottati :

P7_TA(2011)0393

Testi adottati
PDF 96kWORD 52k
Il-Ħamis, 15 ta' Settembru 2011 - Strasburgu Verżjoni finali
Sudan: is-sitwazzjoni fil-Kordofan t'Isfel u fl-Istat tan-Nil l-Iżraq
P7_TA(2011)0393B7-0501, 0502, 0503, 0504, 0506, 0508/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2011 dwar is-Sudan: is-sitwazzjoni fin-Nofsinhar tal-Kordofan u t-tfaqqigħ ta' ġlied fl-Istat tal-Blue Nile

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) iffirmat fid-9 ta' Jannar 2005,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana tal-31 ta' Jannar 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE u l-Istati Membri tad-9 ta' Lulju 2011 dwar l-indipendenza tar-Repubblika tas-Sudan t'Isfel

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Catherine Ashton, tas-6 ta' Settembru 2011, dwar t-tfaqqigħ ta' ġlied fl-Istat tal-Blue Nile u tas-26 ta' Awwissu 2011 dwar is-sitwazzjoni fin-Nofsinhar tal-Kordofan,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-20 ta' Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tas-26 ta' Awwissu 2011 tal-Kummissarju Georgieva dwar l-aċċess umanitarju għan-Nofsinhar tal-Kordofan,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-21 ta' Ġunju 2011 tal-President tal-Parlament Ewropew Jerży Buzek dwar is-sitwazzjoni fl-Abyei u n-Nofsinhar tal-Kordofan,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Unjoni Afrikana tal-20 ta' Awwissu 2011 dwar l-Ftehim bejn il-Gvern tas-Sudan u l-Gvern tas-Sudan t'Isfel dwar il-missjoni ta' sostenn għall-kontroll tal-fruntieri,

–  wara li kkunsidra r-rapport preliminarju ta' Awwissu 2011 tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Uffiċċju tan-NU dwar il-ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja fin-Nofsinhar tal-Kordofan mill-5 sat-30 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Qafas tal-Ftehim dwar l-Arranġamenti Politċi u ta' Sigurtà fil-Blue Nile u fl-Istati tal-Kordofan iffirmat fit-28 ta' Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tat-2 ta' Settembru 2011 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon fejn iħeġġeġ il-waqfien mill-ġlied fin-Nofsinhar tal-Kordofan u fl-istati tal-Blue Nile,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni fin-Nofsinhar tal-Kordofan għadha maqbuda f'tensjoni, bi ġlied bejn il-Forzi Armati tas-Sudan (SAF) u l-Moviment għal-Liberazzjoni tal-Poplu Sudaniż (SPLM Tramuntana), u bi ġlied li qed jerġa jfaqqa fl-Istat tal-Blue Nile,

B.  billi l-kunflitt bl-armi bejn il-Forzi Armati tas-Sudan u l-Moviment għal-Liberazzjoni tal-Poplu Sudaniż fin-Nofsinhar tal-Kordofan irriżulta fit-telf ta' ħajja u l-ispostament ta' eluf ta' persuni fil-pajjiżi ġirien,

C.  billi fit-23 ta' Awwissu 2011, il-President Bashir ħabbar waqfien unilaterali mill-ġlied għal ġimgħatejn fin-Nofsinhar tal-Kordofan iżda ħabbar ukoll li l-ebda organizzazzjoni barranija ma hi se titħalla topera fir-reġjun,

D.   billi fit-2 ta' Settembru 2011, il-President Bashir ħabbar s-sospensjoni tal-Kostituzzjoni interim fl-Istat tal-Blue Nile u t-twaqqif ta' Stat ta' emerġenza wara l-kunflitti vjolenti bejn l-armati u l-forzi tas-Sudan marbuta mas-Sudan t'Isfel fiż-żona, li jkompli jżid mal-eżodu ta' eluf ta' residenti,

E.  billi l-attakki mwettqa fin-Nofsinhar tal-Kordofan kontra iċ-ċivili jinkludu qtil fuq il-post u extraġudizzjarju, li l-biċċa l-kbira huma fuq dawk meqjusa sostenituri tal-SPLM, arresti arbitrarji u detenzjonijiet (li dwarhom hemm tħassib li dawk detenuti jistgħu jkunu soġġetti għal atti ta' tortura u trattament degradanti), tfittix dar b'dar allegatament immirati għall-grupp etniku Nuba, għajbien infurzat, qerda ta' knejjes u sakkeġġ,

F.  billi aktar minn 200.000 persuna huma estimati li ġew spustati jew li ntlaqtu b'mod qawwi mill-ġlied reċenti u 5 000 persuna daħlu fis-Sudan t'Isfel (Stat ta' unità) biex jaħarbu l-kunflitt; billi dan in-numru jista' jiżdied b'mod sinifikanti fix-xhur li ġejjin hekk kif il-ġlied għadu għaddej,

G.  billi minkejja l-waqfien mill-ġlied il-Forzi Armati tas-Sudan (SAF) qegħdin jibbumbardjaw b'mod indiskriminat iż-żoni ċivili fir-reġjun tal-Muntanji Nuba tan-Nofsinhar tal-Kordofan u b'hekk ixekklu l-għajnuna milli tilħaq lill-persuni spustati,

H.  billi l-aġenziji umanitarji ma rnexxilhomx jakkwistaw l-awtorizzazzjoni biex jaħdmu fin-Nofsinhar tal-Kordofan peress li l-kunflitt beda f'Ġunju u ma twettqux valutazzjoni tal-ħtiġijiet; billi l-Gvern Sudaniż irrifjuta t-talba għal forzi taż-żamma tal-paċi tan-NU biex jibqgħu fin-Nofsinhar tal-Kordofan, il-Blue Nile u l-Abyei wara l-indipendenza tan-nofsinhar,

I.  billi l-forzi tas-sigurtà tas-Sudan t'Isfel ġew irrappurtati li qed ixekklu l-ħidma tal-organizzazzjonijiet umanitarji inkluż billi jirrekwiżizzjonaw vetturi bil-forza, iwettqu attakki fuq ħaddiema li jagħtu l-għajnuna u jattakkaw partijiet minn organizzazzjonijiet internazzjonali inkluż in-NU, li l-uffiċċjali tagħhom ma ngħatawx aċċess għal ħafna partijiet min-Nofsinhar tal-Kordofan, b'hekk ma tħallewx jinvestigaw u jwettqu missjoni ta' valutazzjoni indipendenti fuq il-post,

J.  billi parti kbira mill-popolazzjoni fir-reġjun għadha nieqsa mill-ikel, sitwazzjoni li ggravat bil-kunflitt, biż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u l-ġuħ fil-Qarn tal-Afrika,

K.  billi l-Kummissjoni allokat EUR 100 miljun fl-2011, inkluż 11-il miljun għaż-Żoni Tranżitorji, iżda mill-Appell Internazzjonali għas-Sudan t'Isfel 37% biss għadu ffinanzjat,

L.  billi kien hemm ftit progress dwar aspetti mill-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) biex jintlaħaq ftehim dwar in-negozjati ta' wara r-referendum rigward kwistjonijiet bħall-qsim tad-dħul miż-żejt, id-demarkazzjoni tal-fruntieri, iċ-ċittadinanza, id-diviżjoni tad-djun u l-assi, u r-referenda fin-Nofsinhar tal-Kordofan, il-Blue Nile u l-Abyei,

M.  billi s-sitwazzjoni fid-Darfur għadha sors kbir ta' tħassib, bil-Missjoni tan-NU fid-Darfur tirrapporta fastidju, ħtif u theddidiet għas-sigurtà ġenerali minn naħa tas-Central Reserve Police fil-kampijiet tal-IDP,

1.  Jiddepplora t-telf ta' ħajja, il-vjolenza, l-abbużi tad-drittijiet umani u n-nuqqas tal-aċċess umanitarju fin-Nofsinhar tal-Kordofan u l-istati tal-Blue Nile; jikkundanna bil-qawwi l-invażjoni tal-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) fin-Nofsinhar tal-Kordofan u l-istati tal-Blue Nile; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jwaqqfu l-ġlied b'mod immedjat u jfittxu soluzzjoni politika bbażata fuq il-ftehim tat-28 ta' Ġunju 2011; jitlob ukoll it-tneħħija tal-istat ta' emerġenza fl-Istat tal-Blue Nile;

2.  Ifakkar lill-partijiet kollha dwar l-obbligi tagħhom li jirrispettaw il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja ; jitlob b'mod partikolari waqfien mill-qtil fuq il-post u dak extraġudizzjarju, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet, l-atti ta' tortura, l-għajbien infurzat u s-sakkeġġ; jitlob barra minn hekk waqfien mill-attakki indiskrminanti tas-Sudan bil-bombi mill-ajru u jisħaq li dawkmeqjusa responsabbli għal kwalunkwe ksur iridu jwieġbu għal dan permezz ta' investigazzjoni min-Nazzjonijiet Uniti;

3.  Jilqa' l-ftehim innegozzjat tat-8 ta' Settembru 2011 mill-Unjoni Afrikana, li fih iż-żewġ naħat qablu li joħorġu l-forzi barra miż-żona kkontestata tal-Abyei; jitlob lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel iżommu mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Komprensiv ta' Paċi 2005 sabiex jippromwovu paċi dejjiema, jiddefendu d-dritt tal-poplu għall-awtodeterminazzjoni, jirrispettaw il-fruntieri definiti, u fl-aħħar mill-aħħar iwittu t-triq għar-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi; itenni l-impenn tal-UE li tingħaqad mas-Sudan u s-Sudan t'Isfel biex tippromwovi l-governanza demokratika u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għall-poplu Sudaniż kollu;

4.  Jitlob li l-partijiet kollha jippermettu lill-aġenziji umanitarji jkollhom aċċess immedjat u bla xkiel għal dawk kollha li għandhom bżonn mingħajr ebda intimidazzjoni u vjolenza; jenfasiżża bil-qawwa l-obbligazzjoni li ċ-ċivili u l-ħaddiema umanitarji jiġu protetti; jinsab imħasseb li l-korpi kkontrollati mill-gvern u l-ħaddiema li jipprovdu l-għajnuna lokali biss jistgħu joffru għajnuna umanitarja, filwaqt li l-ħażniet u l-provvisti tal-prodotti bażiċi qed jispiċċaw;

5.  Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti tat-tentattivi tal-gvern biex jisfurzaw persuni spustati jmorru lura fiż-żoni fejn il-ħajja u s-sigurtà tagħhom tista' tkun f'riskju; jitlob rispett għad-drittijiet tal-persuni spustati internament;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-UE u l-komunità internazzjonali jonoraw l-impenni ta' ffinanzjar għar-reġjun, partikolarment biex jindirizzaw nuqqas kbir ta' għajnuna għall-ikel, refuġju ta' emerġenza u protezzjoni; jitlob attenzjoni mill-qrib għas-sitwazzjoni tas-sikurezza tal-ikel u miżuri li għandhom jittieħdu jekk is-sitwazzjoni tmur għall-agħar; hu tal-opinjoni li jista' jkun hemm bżonn ta' aktar għajnuna biex tingħeleb it-theddida li tidher li qed titfaċċa ta' kriżi umanitarja ġdida fuq skala kbira fir-reġjun;

7.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, filwaqt li jenfasizza l-appoġġ tagħha għall-isforzi tal-Grupp ta' Implimentazzjoni ta' Livell Għoli għas-Sudan tal-Unjoni Afrikana, taħt it-tmexxija ta' Thabo Mbeki, u bl-involviment tal-Lega Għarbija, tiffaċilita negozzjati bejn il-partijiet għas-CPA, u l-isforzi tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Sudan;

8.  Jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda rrappurtata ta' splussivi tal-art fir-reġjun; ifakkar l-oppożizzjoni soda tiegħu kontra l-użu ta' tħaffir ta' minjieri u jitlob li attività bħal din tieqef immedjatament;

9.  Jistieden lill-Unjoni Afrikana ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-QKI sabiex tippromwovi kuxjenza għad-drittijiet tal-bniedem u tiddefendi r-rispett għalihom mal-Afrika kollha; jitlob li titwaqqaf l-impunità għal delitti li twettqu matul il-gwerra fis-Sudan, u jittama li l-President Omar al-Bashir ma jdumx ma jitressaq quddiem l-Aja bħala parti mit-twaqqif mill-ġdid tal-ġustizzja, l-istat tad-dritt u l-ġustizzja għall-vittmi;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan t'Isfel, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lill-President tal-Grupp ta' Livell Għoli għas-Sudan tal-Unjoni Afrikana, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-EU u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Novembru 2012Avviż legali