Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Testi adottati
PDF 188kWORD 144k
It-Tlieta, 27 ta' Settembru 2011 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sikurezza fit-toroq
P7_TA(2011)0408A7-0264/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Settembru 2011 dwar is-sikurezza fit-toroq 2011-2020 (2010/2235(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Futur sostenibbli għat-trasport: Lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista” tintuża faċilment' (COM(2009)0279),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti”(COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Lejn Żona Ewropea ta' sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020” (COM(2010)0389),

–  wara li kkunsidra l-konkluzjonijiet tal-Kunsill tat-2 u 3 ta Diċembru 2010 għall-informazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Lejn Żona Ewropea ta' sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020” (16951/10),

–  wara li kkunsidra ir-riċerka ta' analiżi tal-Kummissjoni(1) dwar it-tielet progamm ta' azzjoni Ewropew għas-sikurezza fit-toroq,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni intitolat “L-implimentazzjoni tal-orjentazzjonijiet ta' politika għas-sikurezza tat-triq 2011-2020” (CdR 296/2010),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew intitolat “Lejn Żona Ewropea ta' sikurezza tat-triq” (CESE 539/2011),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU “Improving global road safety” tal-10 ta' Mejju 2010 (64/255),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar il-“European Road Safety Action Program: halfing the number of road accident victims in the European Union by 2010: a shared responsibility”(2) ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2006 dwar is-Sikurezza fit-Toroq: it-twassil tal-eCall liċ-ċittadini(3) ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2007 dwar il-Programm ta' Azzjoni Ewropew għas-Sikurezza tat-Toroq – reviżjoni ta' nofs iż-żmien(4) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' April 2009 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tas-sistemi intelliġenti tat-trasport(5) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' April 2009 dwar pjan ta' azzjoni għall-mobilità fl-ibliet(6) ,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar penali għall-ksur serju ta' regoli soċjali fit-trasport bit-triq(7) ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar dwar futur sostenibbli għat-trasport (8) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0264/2011),

A.  billi fis-sena 2009, inqatlu iktar minn 35 000 persuna u korrew 1 500 000 f'inċidenti fit-toroq tal-Unjoni Ewropea,

B.  billi statistikament għal kull inċident fatali hemm erba' inċidenti oħra li jwasslu għal diżabbilitajiet permanenti, 10 li jikkaġunaw korrimenti gravi u 40 li jikkaġunaw korrimenti ħfief,

C.  billi l-ispejjeż soċjali li jirriżultaw minn inċidenti tat-traffiku jiġu stmati għal EUR 130 biljun fis-sena,

D.  billi l-għan li ġie stabbilit fit-Tielet Programm ta' Azzjoni li l-ammont ta' vittmi maqtula f' inċidenti fit-toroq tal-UE jitnaqqas bin-nofs sat-tmiem 2010 ma ntlaħaqx, iżda ġie reġistrat tnaqqis sostanzjali tal-vittmi maqtula fit-toroq tal-UE,

E.  billi fl-UE għad hemm tolleranza soċjali relattivament għolja għall-inċidenti tat-traffiku u kull sena n-numru ta' vittmi tat-traffiku jikkorrispondi għal dak ta' 250 ajruplan kummerċjali ta' daqs medju li jikkraxxjaw bil-passaġġieri tagħhom abbord,

F.  billi minn naħa hemm bżonn li jsiru sforzi serji biex jitnaqqas aktar in-numru ta' vittmi ta' inċidenti tat-traffiku, u min-naħa l-oħra għandu jkun hemm attenzjoni biex jiġi żgurat li ma tidħolx l-indifferenza hekk kif ikun hemm tnaqqis fit-total,

G.  billi s-sikurezza fit-toroq hija r-responsabilità tas-soċjetà kollha kemm hi,

H.  billi kienu biss 27,5 % tal-miżuri ppjanati fit-Tielet Programm ta' Azzjoni li ġew implimentati b'mod sħiħ, u billi għalhekk hemm bżonn ta' għanijiet u miżuri konsiderevolment aktar ambizzjużi biex tiżdied is-sikurezza fit-toroq, aktar milli ġew proposti s'issa mill-Kummissjoni,

I.  billi l-qafas leġislattiv għal regolamenti u direttivi bbażat fuq data xjentifika għadu ma ġiex utilizzat bis-sħiħ, u billi l-liġi Ewropea implimentata tista' tgħin biex issalva l-ħajjiet,

J.  billi ħafna miżuri leġiżlattivi biex tiżdied is-sikurezza fit-toroq, bħalma hi d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq, diġà ġew adottati u se jidħlu fis-seħħ fis-snin li ġejjin,

K.  billi l-Kummissjoni naqset milli tippreżenta proposta għal programm ġdid ta' azzjoni għas-sikurezza fit-toroq qabel ma ntemm it-tielet programm ta' azzjoni,

L.  billi l-possibilta` li wieħed jinqatel fit-triq, għal kull kilometru kopert, hija 9 darbiet għal persuni miexja fit-triq, għal sewwieqa tar-rota 7 darbiet u għal sewwieqa tal-mutur 18 -il darba iktar għolja minn dik ta' passiġġieri f'karrozza,

M.  billi madwar 55% tal-inċidenti mortali jiġru f'toroq rurali, 36% f'żoni urbani u 6% fuq l-awtostradi,

N.  billi jekk jiġi inkluż l-ivvjaġġar lejn ix-xogħol u lura, 60% tal-inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol huma inċidenti tat-triq,

O.  billi n-numru ta' vittmi tat-traffiku waqa' b'mod kontinwu iżda n-numru ta' inċidenti fatali li jinvolvu s-sewwieqa tal-muturi qed jistaġna u f'ħafna postijiet jiżdied,

P.  billi t-trasport pubbliku huwa ferm iktar sikur mit-trasport individwali bil-karrozzi,

Q.  billi l-angoli moħbija għas-sewwieqa tat-trakkijiet jirrappreżentaw periklu letali għaċ-ċiklisti u l-persuni mixjin fit-triq,

R.  billi l-Unjoni Ewropea tinstab konfrontata minn proċess ta' tibdil demografiku u allura għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għall-bżonnijiet tal-anzjani,

S.  billi żviluppi teknoloġiċi ġodda bħal dawk li jirrigwardaw vetturi ibridi u l-elettrifikazzjoni tal-magni, joffru sfidi ġodda għall-persunal tas-salvataġġ,

T.  billi l-implimentazzjoni tal-miżuri Ewropej, nazzjonali statali, reġjonali u lokali trid tkun ikkoordinata mill-qrib,

U.  billi d-Direttiva 2008/96/KE dwar is-sikurezza fl-Infrastruttura tat-Toroq tirrikjedi l-implimentazzjoni ta' verifiki ta' sikurezza fit-toroq u spezzjonijiet ta' sikurezza bħala parti mill-manutenzjoni regolari tat-triq; u billi din id-direttiva tapplika biss għall-infrastruttura tat-triq għan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u b'hekk ħafna mit-toroq nazzjonali u dawk lokali jitħallew mingħajr regolamentazzjoni,

V.  billi l-ispezzjonijiet regolari tat-toroq Ewropej kollha minn entitajiet kompetenti huma element essenzjali għall-prevenzjoni ta' perikli possibbli għall-utenti tat-triq,

W.  billi d-data disponibbli dwar il-kawżi tal-inċidenti u l-korrimenti hi kruċjali biex tiżdied is-sikurezza fit-toroq kif juru, fost l-oħrajn, il-proġetti VERONICA,

Referenzi

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni attwali tal-Kummissjoni, iżda jitlob lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa s-l-proposti tagħha fi programm ta' azzjoni kompletament żviluppat sa tmiem 2011, li jkun jinkludi katalgu ta' miżuri dettaljati b'kalendarji ċari għall-implimentazzjoni tagħhom u strumenti tas-sorveljanza għal kontroll regolari tal-effikaċità tal-miżuri, kif ukoll rieżami ta' nofs iż-żmien;

2.  Jaqbel mal-idea tal-Kummissjoni li tgħid li biex tiżdied is-sikurezza fit-toroq għandu jkun hemm approċċ koerenti, olistiku u integrat, u jitlob li l-eżiġenzi relattivi tas-sikurezza fit-toroq jiġu inklużi fl-oqsma ta' politika relevanti kollha; bħalma huma l-edukazzjoni, is-saħħa, il-politika ambjentali u dik soċjali u l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-kundizzjonijiet qafas għal trasport aktar sikur u li jagħmel anqas ħsara għall-ambjent, bħal mhu l-mixi, iċ-ċikliżmu u t-trasport pubbliku.

4.  Jissuġġerixxi, bħala kwistjoni ta' prijorità, l-ħatra ta' Koordinatur tas-Sikurezza fit-Toroq tal-UE, bħala parti mill-Kummissjoni Ewropea, minn issa sal-2014, li għandu:

   jippromwovi – bħala personalità magħrufa fil-qasam tas-sikurezza tat-trasport tat-triq – il-proġetti attwali fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq, u jniedi oħrajn li jkunu innovattivi u ġodda, bl-esperjenza, il-kompetenzi esperti u l-kwalitajiet tiegħu
   jikkoordina miżuri dwar is-sikurezza fit-toroq fil-Kummissjoni u bejn l-Istati Membri
   jiffaċilita f'livell politiku għoli t-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' politiki effikaċi u koerenti tas-sikurezza fit-toroq li huma konformi mal-objettivi tal-UE
   proġetti partikolari bħall-armonizzazzjoni ta' indikaturi, data u, kemm jista' jkun, pjanijiet nazzjonali tas-sikurezza fit-toroq
   jippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali kollha
   jikkoordina bejn il-livelli politiċi u akkademiċi relevanti sabiex iħalli lok għal approċċ multidixxiplinari;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi forum għall-kooperazzjoni fejn il-prosekuturi, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-assoċċjazzjonijiet tal-vittmi u ċ-ċentri ta' monitoraġġ tas-sikurezza fit-toroq jistgħu jagħmlu skambju ta' informazzjoni dwar l-aħjar prattiki u jikkooperaw aktar mill-viċin dwar it-titjib fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sikurezza fit-toroq, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak transnazzjonali;

6.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni approprjata u infurzar aktar effikaċi ta' liġijiet u miżuri li diġa` ġew deċiżi; jinnota, fl-istess ħin, li l-marġini relattiva għal miżuri leġiżlattivi fuq livell tal-UE għadha ma ġietx eżawrita;

7.  Jiddispjaċih li l-baġit tal-UE għall-miżuri tas-sikurezza fit-toroq tnaqqas b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin u jitlob lill-Kummissjoni taqleb din it-tendenza;

8.  Jappoġġa bil-qalb kollha l-għan li minn issa sal-2020, in-numru totali ta' inċidenti mortali fit-triq jitnaqqas bin-nofs meta mqabbel mal-2010 u jitlob li, għall-istess perjodu, jiġu stabbiliti objettivi ċari u li jistgħu jitkejlu, fosthom speċjalment

   tnaqqis ta' 60% fin-numru ta' tfal taħt l-14-il sena maqtula f'inċidenti fit-toroq,
   tnaqqis ta' 50% fin-numru ta' persuni mixjin fit-triq u sewwieqa tar-roti maqtula f'ħabtiet tat-traffiku, u
   tnaqqis ta' 40% fin-numru ta' persuni li jkorru b'mod gravi fuq il-bażi ta' definizzjoni standard għall-Unjoni Ewropea kollha, li għandha titfassal malajr;

Aspetti etiċi

9.  Jenfasizza li kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea m'għandux biss dritt għall-użu individwali tat-triq u għas-sikurezza fit-trasport bit-triq iżda hu għandu primarjament l-obbligu li jikkontribwixxi għas-sikurezza fit-toroq permezz tal-imġiba tiegħu; jikkunsidra li l-awtoritajiet pubbliċi u l-UE għandhom obbligu morali u politiku li jadottaw miżuri u azzjonijiet sabiex jittrattaw din il-problema soċjali;

10.  Ikompli jafferma l-konvinzjoni tiegħu li jeħtieġ ikun hemm strateġija kumplementari fuq żmien twil, li tmur lil hinn mil-limitu ta' żmien kopert mill-komunikazzjoni attwali u li jkollha l-iskop li telimina n-numru tal-vittmi kollha tat-traffiku (“Vision Zero”); peress li dan mhuwiex fattibbli mingħajr l-użu estensiv tat-teknoloġija fil-vetturi tat-toroq u l-iżvilupp ta' networks adegwati għall-STI, jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa l-karatteristiċi ċentrali ta' strateġija bħal din u tippreżentahom fit-tliet snin li ġejjin;

11.  Isostni li r-rispett għall-ħajja u għall-persuna umana għandu jiġi manifestat fi proċess kulturali u etiku komuni fejn it-triq tkun deliberatament interpretata bħala komunità umana;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod uffiċjali t-tielet Ħadd ta' Novembru bħala Jum it-Tifkira tal-Vittmi tat-Traffiku fit-Toroq, kif diġa għamlu n-Nazzjonijiet Unitit u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, sabiex titqajjem kuxjenza pubblika dwar din il-kwistjoni;

Prattiki tajbin u implimentazzjoni fi pjanijiet nazzjonali

13.  Jitlob lill-Kummissjoni tinforza l-iskambji ta' għerf u ta' prattiki tajbin fost l-Istati Membri, sabiex aktar Stati Membri jkunu jistgħu jiġu inkorporati fi pjanijiet nazzjonali, reġjunali u lokali ta' sikurezza fit-toroq, sabiex b'hekk l-attivitajiet ikunu jistgħu jiġu stabbiliti fuq bażi metodoloġika soda kemm jista' jkun, filwaqt li jikkontribwixxu biex joħolqu żona Ewropea tas-sikurezza fit-toroq;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-Karta Ewropea tas-Sikurezza fit-Toroq u biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' karti simili fuq livell reġjonali u lokali;

15.  Jenfasizza li l-objettivi ċari u kwantifikabbli jagħtu inkoraġġiment supplementari għat-titjib tas-sikurezza fit-toroq u jirraprezentaw elementi indispensabbli għall-evalwazzjoni komparattiva tal-prestazzjonijiet, kif ukoll għas-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri tas-sikurezza fit-toroq; jikkunsidra li għandu jsir tentattiv biex il-kontribut mogħti minn Stati Membri individwali għall-ilħiq tal-miri fl-2020 jiġi kkwantifikat; iqis li dan il-kontribut għandu jintuża bħala gwida fid-definizzjoni tal-prijoritajiet għall-politiki nazzjonali dwar is-sikurezza fit-toroq;

16.  Jappoġġa lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tikkonvinċi lill-Istati Membri jħejju pjanijiet nazzjonali għas-sikurezza fit-toroq; jitlob biex it-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta' dawn il-pjanijiet skont linji gwida konġunti armonizzati komuni jsiru obbligatorji; iżda jenfasizza li l-Istati Membri għandu jkollhom marġni kbira sabiex huma jkunu jistgħu jaġġustaw il-miżuri, il-programmi u l-iskopijiet rispettivi tagħhom skont il-kundizzjonijiet nazzjonali tagħhom;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni tiddedika mingħajr dewmien sena speċjali għat-trasport kummerċjali sikur bit-triq;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal manwal tal-aħjar prattika dwar il-kura medika ta' dawk korruti fuq il-post fejn isiru inċidenti tat-traffiku biex ikun żgurat li jirċievu trattament mediku aktar malajr u b'mod aktar effikaċi, minħabba li dan hu fattur ċentrali fis-sopravvivenza ta' dawk korruti l-aktar gravement;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal, flimkien mas-sħab soċjali, strateġija biex tnaqqas in-numru ta' inċidenti li jsofru l-ħaddiema fi triqthom lejn ix-xogħol u lura; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinkuraġġixxu n-negozji jfasslu pjanijiet tas-sikurezza fit-toroq; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel mill-aħjar li tistà biex tiżgura li jistgħu jinħarġu ċertifikati skont il-Karta Ewropea tas-Sikurezza fit-Toroq għan-negozji li jintroduċu pjanijiet tas-sikurezza fit-toroq għall-ħaddiema tagħhom;

Titjib tal-indikaturi u tad-data

20.  Iqis li d-data ta' kwalita` għolja u komparabbli, li tkopri l-utenti tat-triq kollha inklużi s-sewwieqa tar-roti u l-persuni mixjin fit-triq, hi rekwiżit indispensabbli għal politika b'suċċess dwar is-sikurezza fit-toroq;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal studju dwar l-impatt ekonomiku u soċjali ta' vittmi u korrimenti tat-traffiku fuq is-soċjetà fl-Istati Membri tal-UE;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni tapplika, minn issa sa tmiem l-2013, serje ta' indikaturi armonizzati fuq il-bażi tal-proġett SafetyNet, li permezz tagħhom tkun tista' ssir sorveljanza aħjar, kif ukoll jitfasslu evalwazzjonijiet ta' tqabbil sinifikanti tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri individwali;

23.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal, minn issa sal-2012, proposta għat-titjib tad-data disponibbli dwar il-kawżi ta' inċidenti u ta' korrimenti, kif ukoll data anonimizzata dwar l-estensjoni tal-korrimenti u l-iżvilupp sussegwenti tagħhom; jitlob barra minn hekk li ssir aktar riċerka multidixxiplinarja ddettaljata dwar l-inċidenti f'żoni rappreżentattivi tat-traffiku fl-Istati Membri kollha, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal, minn issa sa sentejn oħra, definizzjonijiet ta' dawn it-termini: persuni li huma “fil-periklu tal-mewt” wara li korrew, dawk li “korrew b'mod serju” u dawk li “korrew b'mod ħafif”, sabiex jippermettu tqabbil bejn il-miżuri u r-riżultati tagħhom fl-Istati Membri;

25.  Jitlob l-iżvilupp ta' ċentru tal-UE għall-monitoraġġ tas-sikurezza fit-toroq, li jkollu d-dmir li jipprepara sommarju tal-inizjattivi attwali dwar il-ġbir ta' data, li jagħmel proposta bl-għan li jittejbu l-iskambji tad-data, kif ukoll biex jiġbor id-data minn databases attwali u l-għerf miksub mill-implimentazzjoni ta' proġetti tal-UE bħal Safety Net, VERONICA jew DaCoTa u biex jagħmilhom aċċessibbli għal kulħadd b'format li jiftiehem faċilment u li jiġi aġġornat kull sena,

26.  Jitlob lill-Istati Membri jonoraw l-obbligi eżistenti għat-trażmissjoni tad-data u jagħmlu progress konkret favur l-iskambju tad-data fil-każ ta' kontravenzjonijiet tat-traffiku transkonfinali; jitlob lill-Istati Membri jarmonizzaw is-sistemi ta' ġbir ta' data permezz ta' softwer ta' trażmissjoni f'ħin reali għal data sensittiva, li għandu jiddaħħal gradwalment sal-2014;

Oqsma ta' azzjoni
Titjib fit-taħriġ u l-imġiba tal-utenti tat-triq

27.  Jenfasizza li l-attenzjoni, il-konsiderazzjoni ta' ħaddieħor u r-rispett reċiproku, u l-osservanza tar-regoli, li huma direttament relatati mal-bżonn ta' titjib sistematiku fil-kwalità tat-taħriġ mill-iskejjel tas-sewqan u fil-kwalità tal-proċeduri għall-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan, huma fundamentali għas-sikurezza fit-toroq;

28.  Huwa tal-opinjoni li għandha tingħata aktar importanza għall-kunċett tat-tagħlim tul il-ħajja fil-qasam tat-trasport bit-triq, u għalhekk jappoġġa l-attivitajiet taċ-ċentri tas-sewqan sikur bħala forma effettiva ta' taħriġ sistemiku tas-sewwieqa fil-kuntesti kollha tax-xogħol u l-ħin liberu; huwa tal-opinjoni li l-edukazzjoni dwar it-traffiku u l-programmi ta' taħriġ għall-utenti tat-toroq għandhom jibdew minn età żgħira kemm fil-familja, kif ukoll fl-iskola u għandhom jinkludu s-sewqan tar-rota, il-mixi u l-użu tat-trasport pubbliku;

29.  Jitlob miżuri biex jitjieb it-taħriġ ta' sewwieqa ġodda, bħas-sewqan akkompanjat minn 17 -il sena “l fuq, jew l-introduzzjoni ta' sistema ta' Għoti Gradwali tal-Liċenzja tas-Sewqan għat-taħriġ tas-sewwieqa li jinvolvi l-istruzzjoni prattika anke wara li sewwieq ikun għadda mill-eżami tiegħu jew tagħha; jitlob, barra minn dan, l-introduzzjoni ta' taħriġ obligatorju dwar is-sikurezza għaż-żgħażagħ u l-utenti ġodda tat-triq sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw esperjenza prattika biex jaffaċċjaw varjetà ta' sitwazzjonijiet perikolużi;

30.  Jitlob li, fil-kuntest tat-taħriġ tas-sewwieqa, bħala wieħed mill-elementi prinċipali fl-edukazzjoni ta' sewwieqa ġodda li jakkwista jew itejjeb is-sikurezza fit-toroq, tingħata attenzjoni b'urġenza lill-kawżi prinċipali tal-mewt u korriment gravi fit-toroq, bħal veloċita` għolja, abbuż ta' alkoħol u drogi, jew mediċini li jaffettwaw il-kapaċità fis-sewqan, nuqqas ta' użu taċ-ċinturin tas-sigurta` jew ta' tagħmir protettiv ieħor, bħal ma' huma l-elmi għas-sewwieqa ta' vetturi b'żewġ roti, l-użu ta' apparat mobbli għall-komunikazzjoni, u l-għejja;

31.  Hu konvint mill-bżonn ta' edukazzjoni aħjar tas-sewwieqa ġodda rigward ir-rwol tat-tajers għas-sikurezza fit-toroq u l-bżonn li jiġu osservati r-regoli bażiċi għall-manutenzjoni xierqa tat-tajers u l-użu tat-tajers; jitlob għalhekk lill-Istati Membri jimplimentaw, b'mod xieraq u f'waqtu, id-Direttiva dwar il-Liċenzja tas-Sewqan u d-dispożizzjonijiet fiha li jkopru l-inklużjoni mandatorja ta' sezzjoni dwar l-għarfien dwar it-tajers, kif ukoll sezzjoni dwar il-manutenzjoni bażika tal-karozza b'mod ġenerali fl-eżami tas-sewqan;

32.  Jikkunsidra li, waqt il-lezzjonijiet tas-sewqan tal-vetturi, għandha tingħata aktar attenzjoni għall-fenomenu ta' vetturi bil-mutur b'żewġ roti u l-viżibbiltà tagħhom;

33.  Jitlob biex l-istruzzjoni tas-sewqan u l-eżamijiet tas-sewqan jagħtu aktar prijorità lis-sikurezza marbuta mal-irbit tat-tagħbija fit-trasport privat;

34.  Jitlob biex ikun hemm korsijiet obbligatorji ta' tagħrif mill-ġdid dwar l-Ewwel Għajnuna, kull għaxar snin, għad-detenturi kollha tal-liċenzja tas-sewqan;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu sistemi specjali ta' tnaqqis ta' punti għall-aktar kontravenzjonijiet perikolużi bħala l-aktar suppliment effiċjenti għall-multi f'forma ta' flus;

36.  Jissuġġerixxi l-użu ta' sistemi li ma jippermettux l-istartjar ta' vetturi f'każ ta' livelli eċċessivi ta' alkoħol fid-demm (alcolocks) fil-vetturi ta' sewwieqa li diġa` għandhom aktar minn kundanna waħda ta' sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol, bħala miżura ta' integrazzjoni mill-ġdid;

37.  Jitlob eżami tal-għajnejn għas-sewwieqa kollha tal-kategoriji A u B kull għaxar snin u kull 5 snin għas-sewwieqa li għandhom aktar minn 65 sena; jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu eżami mediku obbligatorju għal sewwieqa ta' ċertu età, biex jidentifikaw l-abbiltà fiżika, mentali u psikoloġika meħtieġa biex ikomplu jsuqu abbażi tad-data statistika tal-inċidenti għall-gruppi tal-età rispettivi tagħhom;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal, kull tliet snin, kampanji ta' sikurezza fit-toroq dwar suġġett speċifiku u biex sistematikament tuża l-mezzi ta' komunikazzjoni li kibru b'riżultat tal-implimentazzjoni tal-Karta ta' Sikurezza fit-Toroq għal dawn il-kampanji;

39.  Jitlob lill-Kummissjoni titratta, bħala parti mis-sikurezza tat-toroq, in-numru ta' inċidenti mortali fil-passaġġi invellfejn l-inċidenti ħafna drabi huma kkaġunati minn imġieba mhux xierqa mill-parti tal-utenti tat-triq, inkluż it-teħid eċċessiv ta' riskji, nuqqas ta' attenzjoni u nuqqas ta' fehim tas-sinjali tat-toroq;

Armonizzazzjoni u implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq

40.  Jitlob l-armonizzazzjoni tas-sinjali u r-regoli tat-traffiku sal-2013; jinnota li s-sinjali għandhom jinżammu f'kundizzjoni tajba biex jiżguraw li jkunu viżibbli b'mod ċar u li jinbidlu fi żmien xieraq, meta dan ikun neċessarju minħabba l-bidliet fil-kundizzjonijiet;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni tadotta kemm jista' jkun malajr l-ispeċifikazzjonijiet tas-Sistema ta' Trasport Intelliġenti (STI) għall-azzjonijiet ta' prijorità relatati mas-sikurezza u s-sigurtà stabbiliti fl-Artikolu 3, ittri (b) sa (f), tad-Direttiva 2010/40/UE dwar is-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti;

42.  Jikkunsidra li l-infurzar tad-dispożizzjonijiet eżistenti hi bażi ċentrali tal-politika tas-sikurezza fit-toroq tal-UE; jitlob titjib fl-iskambu bejn l-Istati Membri dwar il-kontravenzjonijiet tat-traffiku fl-Istati Membri individwali u biex dawk li jwettqu l-kontravenzjonijiet jiġu mħarrka skont il-liġi nazzjonali applikabbli, u jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu, f'dak ir-rigward, miri nazzjonali annwali għall-kontrolli tal-veloċità żejda, is-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol jew id-droga u l-użu taċ-ċinturini tas-sigurtà u tal-elmi, u jieħdu azzjoni determinata sabiex jiżguraw li tali kontrolli jitwettqu;

43.  Jindika r-rwol importanti li għandha l-organizzazzjoni TISPOL fl-iskambju tal-prattiki ppruvati għall-infurzar tar-regolamenti tat-traffiku;

44.  Jenfasizza li approċċ armonizzat u effikaċi lejn il-kontrolli huwa essenzjali għat-traspożizzjoni tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq (ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 u r-Regolament(KEE) Nru 3821/85), li huma verament importanti għas-sikurezza fit-toroq; jitlob għal darb' oħra lill-Kummissjoni, għaldaqstant, taġixxi fuq it-talbiet li għamel il-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar penali għall-ksur serju ta' regoli soċjali fit-trasport bit-triq;

45.  Jitlob lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni dwar il-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ sabiex is-sewwieqa tat-trakkijiet fit-tul ikunu jistgħu jgħaddu l-perjodi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa f'darhom, dejjem jekk dan jista' jintlaħaq mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi tal-Unjoni Ewropea tas-sikurezza fit-toroq; jemmen li r-restrizzjonijiet fuq il-moviment tat-trasport tal-merkanżija għandhom bżonn jiġu armonizzati madwar l-Unjoni Ewropea;

46.  Jilqa' l-adozzjoni tat-tieni qari tad-Direttiva dwar l-iskambju ta' informazzjoni transkonfinali dwar il-kontravenzjonijiet tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, li tirrappreżenta pass ieħor “il quddiem biex titjieb is-sikurezza fit-toroq b'valur miżjud ċar għall-UE,jinsab ħerqan għar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, u għal proposti leġiżlattivi ġodda biex jitjieb l-infurzar transkonfinali li se jinkludi l-Istati Membri kollha;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa, bħala l-ewwel pass, l-iżvilupp ta' tekniki biex jinqabdu s-sewwieqa taħt l-influwenza ta' drogi u mediċini li jeffettwaw il-kapaċità tagħhom li jsuqu u, bħala t-tieni pass, tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE li tipprojbixxi s-sewqan taħt l-influwenza tad-drogi jew tal-mediċini msemmija hawn fuq, b'infurzar effettiv;

48.  Jitlob biex il-limitu tal-alkoħol fid-demm jiġi armonizzat mal-UE kollha; jirrakkomanda limitu ta' toleranza ta' 0 ‰ b'medda ta' tolleranza żgħira u, fuq bażi xjentifika tal-kejl għal sewwieqa ġodda matul l-ewwel sentejn u l-ħin kollu għal sewwieqa professjonali;

49.  Jitlob l-introduzzjoni ta' sistemi ta' kontroll, li permezz tagħhom jista' jiġi wkoll stabbilit u kkastigat b'mod sistematiku l-ksur tal-limiti tal-veloċità tas-sewwieqa tal-muturi;

50.  Jitlob projbizzjoni mal-Ewropa kollha fuq il-manifattura, l-importazzjoni u d-distribuzzjoni tas-sistemi li javżaw lis-sewwieq bil-kontrolli tat-traffiku (eż.avviżi dwar speed cameras jew apparat għall-iġġammjar tal-laser, jew sistemi ta' navigazzjoni li jindikaw awtomatikament dawn il-kontrolli);

51.  Jitlob l-introduzzjoni ta' projbizzjoni madwar l-UE tal-użu tas-servizz tal-messaġġi, tal-posta elettronika u tan-navigazzjoni fl-internet waqt is-sewqan ta' vettura bil-mutur, li għandha tiġi infurzata minn Stati Membri billi tintuża l-aħjar teknoloġija disponibbli;

52.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal, fi żmien sentejn, proposta leġiżlattiva għal approċċ armonizzat dwar it-tajers tax-xitwa għall-vetturi għall-passiġġiera, xarabankijiet u trakkijiet fir-reġjuni tal-UE filwaqt li tikkunsidra l-kundizzjonijiet tat-temp ta' kull Stat Membru;

53.  Jistenna li l-Kummissjoni, sal 2015, terġa' teżamina l-implimentazzjoni tat-tielet direttiva tal-liċenzja tas-sewqan u tagħmilha konformi mat-tibdil taċ-ċirkustanzi, u titlob, fost l-oħrajn, li jiġi kkunsidrat kif dovut il-fatt li l-użu privat tal-vetturi M1 b'toqol li jaqbeż it-3,5 tunnellati – b'mod partikolari fi djar mobbli – huwa fattwalment mhux possibbli aktar; jitlob biex it-taħriġ fis-sewqan ta' djar mobbli b'toqol b'limitu ta' piż marġinali ta' 3,5 tunnellati ikun aċċessibbli mhux biss għal persuni b'liċenzja fil-kategorija C maħsuba għal sewwieqa ta' vetturi kummerċjali, iżda ukoll għal persuni b'liċenzja fil-kategorija B maħsuba għall-utenti tat-triq privati;

54.  Jirrakomanda bi sħiħ li jiġi imponut limitu ta' veloċità ta' 30 km fis-siegħa fiż-żoni residenzjali u fuq it-toroq ta' karreġjata waħda kollha fiż-żoni urbani li m'għandhomx karreġjata separata għar-roti, bl-għan li l-utenti tat-triq vulnerabbli jkunu protetti b'mod aktar effettiv;

Aktar sikurezza fl-infrastrutturi tat-triq

55.  Jappoġġa bil-qalb kollha l-approċċ tal-Kummissjoni li ġeneralment jassigura appoġġ finanzjarju għal dawk l-infrastrutturi li huma konformi mad-Direttivi tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq u s-sikurezza tal-mini; inkluż il-bini ta' toroq ta' klassi aktar baxxa; jitlob f'dan ir-rigward biex l-isforzi f'setturi transkonfinali jkunu kkonċentrati b'mod partikolari fuq it-tnaqqis fin-numru ta' sezzjonijiet perikolużi ħafna, tal-partijiet tat-toroq fejn ikun hemm l-iktar inċidenti u tal-passaġġi invell;

56.  Itenni li infrastruttura tat-triq ippreżervata tajjeb tikkontribwixxi fit-tnaqqis tal-imwiet u korrimenti tal-utenti tat-triq; jitlob lill-Istati Membri jippreżervaw u jiżviluppaw l-infrastruttura tat-toroq tagħhom permezz ta' manutenzjoni regolari u metodi innovattivi bħal marki intelliġenti tat-toroq li juru d-distanzi ta' sigurtà u d-direzzjoni tal-ivvjaġġar, u infrastruttura tat-toroq li hija passivament sikura; jenfasizza li l-istandards tas-sinjali tat-toroq, partikolarment rigward ix-xogħlijiet fit-toroq, għandhom jiġu rispettati peress li huma kruċjali għal livell għoli ta' sikurezza fit-toroq.

57.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu aktar attenzjoni għall-ippjanar tat-triq, jappoġġjaw aktar l-implimentazzjoni ta' miżuri kost-effikaċi diġà disponibbli u jinkuraġġixxu riċerka li biha dawk li jfasslu l-politka jkunu jistgħu jifhmu aħjar kif l-infrastruttura tat-triq għandha tiżviluppa biex ittejjeb is-sikurezza fit-toroq u biex jakkomodaw il-bżonnijiet speċifiċi ta' popolazzjoni li qed tixjieħ u tal-utenti vulnerabbli tat-triq;

58.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-grupp ta' utenti l-aktar vulnerabbli (l-utenti ta' vetturi b'żewġ roti, il-persuni mixjin fit-triq, eċċ.), fejn il-figuri tal-inċidenti għadhom għoljin wisq; jitlob lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-industrija jżommu dawn it-tip ta' utenti f'moħħhom meta jiddiżinjaw l-infrastruttura u t-tagħmir tat-triq, biex it-toroq mibnija jkunu sikuri għall-utenti kollha; jitlob, fil-kuntest tal-ippjanar u l-manutenzjoni tat-triq, li tingħata aktar attenzjoni lill-miżuri infrastrutturali biex jipproteġu lis-sewwieqa tar-roti u l-persuni mixjin fit-triq, eż. il-miżuri ta' separazzjoni tat-traffiku, l-espansjoni tan-netwerks tal-mogħdijat għar-roti u l-arranġamenti għal aċċess mingħajr ostakli u l-postijiet minn fejn il-persuni mixjin fit-triq ikunu jistgħu jaqsmu;

59.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li s-siti ta' xogħlijiet fit-toroq isiru aktar sikuri permezz ta' linjigwida għall-ippjanar u t-tagħmir ta' siti, li għandhom ikunu standardizzati, kemm jista' jkun possibbli, fil-livell Ewropew, sabiex is-sewwieqa ma jaffaċċjawx ċirkustanzi ġodda u mhux familjari f'kull pajjiż; jitlob linji gwida, li għandhom jinkludu sinjali tajbin, it-tneħħija tal-marki oriġinali tat-triq, l-użu ta' ċnut u barrieri protettivi, l-immarkar tad-direzzjoni tal-karreġġjati b'sinjali ta' twissija jew sinjali u marki li juru liwjiet fit-triq, l-evitar ta' liwjiet dojoq ħafna u l-iżgurar tas-sikurezza bil-lejl;

60.  Jenfasizza l-bżonn ta' toroq b'uċuħ adegwati li jżidu r-reżistenza għaż-żlieq, il-prestazzjoni klimatika u meteoroloġika, u l-viżibilità u li jirrikjedu ftit manutenzjoni, biex b'hekk tiżdied is-sikurezza tal-infrastruttura għall-utent;

61.  Jitlob użu mifrux ta' sinjali li juru l-veloċità tal-vettura f'mument partikolari, u jitlob sforzi biex is-sinjali jkunu aktar viżibbli u jinftehmu billi jiġi evitat l-użu ta' taħlita ta' sinjali li huma diffiċli biex tifhimhom;

62.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-infrastruttura nazzjonali tat-triq li mhix inkluża fin-netwerk tat-TEN-T titjieb ukoll mill-perspettiva tas-sikurezza fit-toroq, b'mod partikolari fir-reġjuni tal-UE fejn l-infrastruttura u is-sikurezza tat-traffiku hi ta' kwalità baxxa;

63.  Jitlob lill-Kummissjoni tidentifika, u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri adattati li jevitaw inċidenti fit-toroq rurali, fiż-żoni rurali u fil-mini, u biex inaqqsu l-ħsara kkawżata minnhom;

64.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jitolbu lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom biex jippjanaw it-toroq tagħhom b'tali mod li ma joħolqux perikli għall-vetturi bil-mutur b'żewġ roti; jindika li l-pjanċi protettivi li wieħed normalment isib fit-tarf tat-toroq Ewropej jirrapreżentaw periklu mortali għas-sewwieqa tal-muturi u jitlob lill-Istati Membri jieħdu azzjoni (inkluż it-tibdil tal-pjanċi protettivi eżistenti) minnufih biex jekwipaġġaw sezzjonijiet kritiċi tat-triq bi pjanċi b'elementi għoljin u baxxi, kif ukoll sistemi alternattivi oħra ta' barrieri tat-triq, f'konformità mal-Istandard EN 1317 sabiex jitnaqqsu r-riperkussjonijiet tal-inċidenti għall-utenti kollha tat-triq; jiġbed l-attenzjoni għall-periklu għas-sewwieqa tal-muturi maħluq mill-irqajja' tat-tarmak, li joffru ferm anqas qbid mill-uċuħ tat-triq normali tal-asfalt;

65.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkuraġġixxi linji gwida għall-promozzjoni tal-aħjar prattika f'miżuri biex jitnaqqas it-traffiku, ibbażata fuq l-innovazzjoni fiżika u ottika, fost l-oħrajn billi tiġi applikata riċerka kofinanzjata mill-UE u proġetti ta' żvilupp, dwar it-tnaqqis fit-traffiku bl-għan li jitnaqqsu l-inċidenti, it-tniġġis tal-arja u tal-istorbju;

66.  Jitlob lill-Istati Membri jfasslu u jaġġornaw b'mod regolari, mappa tal-aktar partijiet tat-toroq fejn ikun hemm l-iktar inċidenti perikolużi fin-netwerks tat-toroq tagħhom, li għandha tkun disponibblu għall-pubbliku u li tkun aċċessibbli permezz tas-sistemi ta' navigazzjoni tal-karrozzi;

67.  Hu tal-fehma li l-kunċetti ta' toroq li jkunu awtoevidenti (self-explaining road) u ta' żoni mhux perikolużi fil-ġenb tat-triq (forgiving roadside) huma integrali għall-politika tas-sikurezza fit-toroq u għalhekk għandhom jiġu promossi permezz tal-fondi tal-UE u l-iskambju kontinwu tal-aħjar prattiki;

68.  Jitlob lil-Istati Membri biex iż-żieda tar-rumble strips ssir parti integrali mill-bini tat-toroq u x-xogħlijiet ta' tiswija;

69.  Jiġbed l-attenzjoni għall-perikli partikolari maħluqa mill-passaġġi invell, u jitlob lill-Istati Membri, meta jibnu jew jibnu mill-ġdid passaġġi bħal dawn, jinkorporaw bidla fil-livell, jew f'toroq sekondarji, jinstallaw barrieri minn naħa għall-oħra tat-triq;

70.  Jirreferi għad-Direttiva 2008/96/KE dwar il-Ġestjoni tas-Sikurezza fl-Infrastruttura tat-Toroq b'referenza għall-ħtieġa ta' numru adegwat ta' parkings sikuri ħdejn l-awtostradi; jenfasizza l-importanza li jiġu rispettati l-ħinijiet tas-sewqan u tas-serħan u li jiġi introdott reġim ta' sanzjonijiet armonizzati, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu kemm numru biżżejjed ta' parkings (kriterju tal-kwantità), kif ukoll parkings li joffru sigurtà u sikurezza u li jikkorrispondu ma' standards soċjali minimi u li huma provvduti b'servizzi ta' manutenzjoni u assistenza (kriterji tal-kwalità) għa-sewwieqa tat-trasport professjonali tal-merkanzija; jitlob biex parkings bħal dawn jiġu previsti meta l-infrastruttura tat-triq tkun fl-istadju ta' ppjanar, jew tkun se tinbidel għall-aħjar, u biex l-ispejjeż tal-bini jiġu kkunsidrati eleġibbli għall-kofinanzjament skont il-programmi Komunitarji (pereżempju l-programm TEN-T)

71.  Jitlob projbizzjoni fuq is-sorpass minn trakkijiet f'sezzjonijiet perikolużi tal-awtostradi;

72.  Jitlob lill-Istati Membri u l-operaturi tat-toroq jipprovdu faċilitajiet ippjanati kif xieraq, li jtejbu s-sikurezza, li huma mgħammra bis-sinjali tat-traffiku u mixgħula sew, u b'hekk ikunu aktar faċli biex jintużaw speċjalment għas-sewwieqa tal-muturi u tar-roti;

Ħruġ fis-suq ta' vetturi sikuri

73.  Jirrakomanda li t-twaħħil ta' alcolocks – b'medda ta' tolleranza żgħira fuq bażi xjentifika tal-kejl – għat-tipi ġodda kollha ta' vetturi għat-trasport kummerċjali tal-passiġġieri u tal-merkanzija jsir mandatorju; jitlob lill-Kummissjoni tipprepara sal-2013 proposta għal Direttiva għat-twaħħil tal-aloclocks, inkluż l-ispeċifikazzjonijiet relevanti għall-implimentazzjoni teknika tagħha;

74.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tiffoka fuq it-titjib tas-sigurtà passiva tal-vetturi, pereżempju permezz ta' sistemi avvanzati tal-immaniġġjar tal-ħbit, b'mod partikolari biex titjieb il-kwistjoni ta' kompatibilità bejn karrozzi kbar u karrozzi żgħar u bejn vetturi b'tagħbija tqila u karrozzi jew vetturi b'tagħbija ħafifa; jitlob biex ikompli jiġi enfasizzat it-tnaqqis tas-serjetà tal-ħabtiet f'każ ta' utenti vulnerabbli tat-toroq; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-mezzi ta' protezzjoni tal-qiegħ fuq quddiem b'tali mod li tiddefinixxi l-aħjar kapaċità għall-assorbiment tal-enerġija u l-aħjar għoli tal-mezzi ta' protezzjoni tal-qiegħ li huma meħtieġa biex jipprovdu protezzjoni effettiva lis-sewwieqa ta' vetturi f'każ ta' ħabta;

75.  Jitlob lill-Kummissjoni fi żmien sentejn tippreżenta rapport dwar sa liema punt il-protezzjoni aħjar tal-passiġġieri permezz ta' twavel A, B u C imsaħħa tal-vetturi tikkomprometti l-vista 360° tas-sewwieqa, ġew imtejba, u jekk dan ikollux riperkussjonijiet fuq is-sikurezza tal-utenti vulnerabbli tat-triq;

76.  Jitlob lill-Kummissjoni fi zmien sentejn tippreżenta rapport dwar l-aspetti relevanti tas-sikurezza tal-mobilita` elettrika, inklużi l-“e-bikes” u l-“pedelecs”;

77.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta sal-2013 proposta maħsuba b'tali mod li tiżgura li kull vettura ġdida tkun mgħammra b'mod standard b'sistema mtejba biex tfakkar lil dak li jkun jilbes iċ-ċinturin ta' sigurtà li tagħti sinjali kemm bil-ħoss kif ukoll viżivi;

78.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-utilità tal-installazzjoni ta' sistemi tat-twissija kontra l-għejja u tagħmilhom obbligatorji jekk xieraq;

79.  Jitlob lill-manifatturi tal-karrozzi jagħtu attenzjoni speċjali, waqt li jkunu qed jiżviluppaw karozzi elettriċi u teknoloġiji oħra ta' magni, biex, f'każ ta' inċident, jipproteġu b'mod effettiv kemm lill-passiġġieri, kif ukoll lil min jagħti l-ewwel għajnuna u l-membri tas-servizzi ta' slavataġġ, kontra sorsi ta' perikli ġodda li jistgħu jaffaċċjaw;

80.  Jitlob lill-Istati Membri jikkontrollaw b'mod effikaċi u sostantiv, fl-importazzjoni ta' aċċessorji, komponenti u partijiet tal-bdil ta' vetturi bil-mutur, muturi u roti, sabiex jiżguraw li huma adattati u li jissodisfaw standards stretti ta' protezzjoni għall-konsumaturi Ewropej;

81.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra fid-dettall ir-rabta possibbli bejn it-teknoloġija mtejba ta' sikurezza ta' vetturi u t-tnaqqis fis-sensibilizzazzjoni tas-sewwieqa dwar ir-riskji u tirrappreżenta rapport lill-Parlament dwar dan il-fatt fi żmien sentejn;

82.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi żona Ewropea waħda għall-ispezzjonijiet regolari tekniċi tal-vetturi bil-mutur kollha u s-sistemi elettroniċi relatati mas-sikurezza; jistenna li l-istandards l-aktar stretti u uniformi jiffurmaw il-bażi għal spezzjonijiet bħal dawn; jistenna li korpi tal-ispezzjoni indipendenti ċċertifikati fuq il-bażi ta' standard armonizzat ikunu responsabbli biex iwettqu spezzjonijiet u joħorġu ċertifikati li vettura tkun f'kundizzjoni tajba għat-triq; jistenna li r-rikonoxximent reċiproku ta' tali ċertifikati ta' kundizzjoni tajba għat-triq ikun garantit;

83.  Jitlob lill-Kummissjoni fi żmien sentejn, tiddefinixxi standards komuni għall-kontrolli tekniki li għandhom jitwettqu fuq il-vetturi li jkunu ġew involuti f'inċidenti serji;

84.  Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi standards ogħla tas-sikurezza tal-vetturi, bħal fil-każ tat-teknoloġija tal-vetturi, bħala mezz ta' prevenzjoni tal-ħabtiet; jenfasizza r-rwol importanti li jiżvolġu s-sistemi ta' traffiku intelliġenti (STI) fit-tnaqqis tan-numru ta' mwiet minħabba inċidenti tat-traffiku, itenni l-potenzjal ekoloġiku ta' karrozzi intelliġenti u toroq intelliġenti, kif ukoll tal-proġetti pilota R&D għal mezzi V2V u V2R; u jitlob kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jiffukaw fuq l-użu tas-STI, mhux biss fuq toroq li jiffurmaw parti mit-TEN;

85.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi standards komuni għat-tajers tal-vetturi, b'mod partikolari għall-fond tal-wiċċ (tread) tat-tajer u l-pressjoni tat-tajer, u tintroduċi kontrolli korrispondenti; jappoġġa l-inklużjoni ta' kontrolli tat-tajers fit-testijiet regolari li jsiru fuq il-vetturi biex jiċċertifikaw li jkunu f'kundizzjoni tajba għat-triq; jappoġġa infurzar aktar effettiv ta' regoli relatati mat-tajers permezz ta' spezzjonijiet li jsiru aktar frekwenti fit-triq; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi speċifikazzjonijiet għas-Sistemi ta' Monitoraġġ tal-Pressjoni tat-Tajers (TPMS) bl-għan li tassigura li t-tajers jijintużaw kif suppost, li jwasslu għal benefiċċji kemm għas-sikurezza fit-toroq kif ukoll għall-ambjent;

Teknoloġiji moderni għal vetturi, infrastruttura u servizzi tal-emerġenza

86.  Jitlob biex id-dettalji dwar informazzjoni dwar “l-istat tat-triq”, informazzjoni dwar sezzjonijiet tat-triq li huma estremament perikolużi jew mhux tas-soltu u dwar ir-regoli tat-traffiku attwalment fis-seħħ fi Stati Membri individwali (pereżempju rigward limiti tal-veloċità u livell massimu awtorizzat BAC) jiġu provvduti lil utenti tat-triq, pereżempju bl-għajnuna ta' sistemi intelliġenti tat-trasport, qabel u waqt il-vjaġġ; jistenna li l-potenzjal tas-Sistema ta' Navigazzjoni Satellitari Ewropea Galileo se tiġi sfruttata bis-sħiħ f'dan il-qasam;

87.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva, inkluż kalendarju u proċedura dettaljata tal-approvazzjoni, sa tmiem l-2012, li tkun tipprovdi għall-introduzzjoni gradwali, inizjalment fil-vetturi tal-kiri u sussegwentament fil-vetturi kummerċjali u privati wkoll, ta' sistema integrata ta' rekordjar tal-inċidenti b'qari standardizzat li jirrekordja l-informazzjoni relevantiqabel, waqt u wara l-inċidenti (“Reġistrazzjoni ta' Data tal-Avvenimenti”); jenfasizza, f'dak ir-rigward, il-bżonn li l-informazzjoni personali tal-individwu tiġi protetta u li l-informazzjoni rrekordjata tintuża esklussivament għar-riċerka dwar l-inċidenti;

88.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal proposta għat-tagħmir ta' vetturi b'sistemi intelliġenti ta' assistenza tal-veloċità, li tkun tinkludi kalendarju, proċedura ta' approvazzjoni u deskrizzjoni tal-infrastruttura tat-toroq neċessarja;

89.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa azzjonijiet li jistimulaw il-klijenti biex, meta jixtru vetturi, jibdew jużaw teknoloġiji innovattivi tas-sikurezza tal-vetturi, li ħafna minnhom għadhom mhumiex obbligatorji iżda li għandhom benefiċċji ta' sikurezza li jistgħu jiġu ppruvati; jitlob lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni jkunu aktar lesti joffru rati favorevoli għas-sewwieqa li l-vetturi tagħhom huma mgħammra b'sistemi ta' sikurezza li wrew li jevitaw inċidenti jew li jnaqqsu l-ħsara li jikkawżaw;

90.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar it-teknoloġiji ġodda, li jistgħu jgħinu jtejbu s-sikurezza fit-toroq, bħal mhuma s-sistemi innovattivi (eż. adattabbli) tal-fanali ta' quddiem;

91.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tagħha tad-Direttiva 2007/38/KE; jitlob biex jiġi kkunsidrat l- avvanz teknoloġiku billi t-trakkijiet kollha jiġu mgħammra b'mirja speċjali li juru wara, tagħmir ta' kamera/monitoraġġ jew strumenti tekniċi oħrajn li jeliminaw il-partijiet mhux viżibbli, sabiex jipprevjenu, partikolarment, inċidenti li jinvolvu ċiklisti u persuni li jkunu mixjin li jsibu ruħhom fil-partijiet mhux viżibbli tas-sewwieq;

92.  Jilqa' l-għan iddikkjarat mill-Kummissjoni li tagħti aktar attenzjoni lis-sikurezza tas-sewwieqa tal-muturi,

93.  Jikkunsidra l-introduzzjoni obbligatorja f'fażijiet tas-sistemi kontra l-imblukkar tal-brejkijiet fuq il-muturi ġodda kollha bħala miżura importanti li tista' tnaqqas b'mod sostanzjali n-numru ta' inċidenti serji tal-muturi;

94.  Jitlob lill-Istati Membri jieħdu passi biex jiżguraw li r-rekwiżiti imponuti fuq vetturi kummerċjali jiġu fuq l-istess livell tal-kundizzjonijiet tekniċi, eż. rigward mezzi ta' twissija kontra l-għejja u d-distrazzjoni;

95.  Jirrakomanda t-twaħħil ta' sistemi tal-kondizzjonar tal-arja għat-tipi l-aktar ġodda ta' trakkijiet għall-bogħod u f'każ ta' tipi aktar qodma abbażi tal-fattibilità teknika; huwa tal-opinjoni li dawn is-sistemi għandhom jaħdmu wkoll meta l-magna tkun wieqfa, sabiex jiggarantixxu l-mistrieħ adegwat għas-sewwieq tal-vettura; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikklassifika t-terminu “faċilitajiet għall-irqad xierqa” rigward l-Artikolu 8.8 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

96.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li bi ħsiebha tħaffef l-introduzzjoni tal-“eCall” u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra, fis-sentejn li ġejjin, jekk għandhiex tiġi estiża għall-muturi, il-vetturi kummerċjali tqal u x-xarabankijiet, b'mod parikolari rigward l-bżonnijiet speċjali ta' persuni b'diżabilità, u, jekk hu xieraq, tagħmel proposti li jikkorrispondu;

97.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal miżuri biex tappoġġa u tipproteġi membri tas-servizzi tas-salvataġġ f'każ ta' inċidenti, bħall-possibilità li tiġi identifikata jew miksuba informazzjoni fuq il-post dwar it-tip ta' magna tal-vettura, it-tagħmir passiv tas-sikurezza, bħall-airbags, jew l-użu ta' materjal speċifiku, kif ukoll l-informazzjoni teknika relevanti fir-rigward tas-salvataġġ dwar kull mudell ta' karrozza, sabiex titħaffef l-operazzjoni ta' salvataġġ;

Protezzjoni ta' utenti vulnerabbli tat-triq

98.  Jitlob li tingħata kunsiderazzjoni akbar lill-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-triq bħal motoċiklisti, persuni mixjin fit-triq, ħaddiema li jmantnu t-toroq, ċiklisti, tfal, persuni anzjani u persuni b'diżabbiltà bħala elementi integrali tas-sikurezza fit-toroq, pereżempju permezz tal-użu ta' teknoloġiji innovattivi fil-vetturi u fl-infrastruttura; jitlob li tingħata aktar attenzjoni għall-bżonnijiet tal-anzjani u tal-persuni b'mobilità mnaqqsa bħala utenti tat-triq; jitlob, f'dak ir-rigward, lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi għall-prevenzjoni ta' inċidenti relatati mal-anzjanità u li jagħmluha aktar faċli li l-anzjani jibqgħu utenti attivi tat-triq; jirrakomanda l-użu tal-barrieri tas-sikurezza tat-toroq b'uċuħ lixxi u l-introduzzjoni ta' karreġġjati speċjali għall-utenti vulnerabbli;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jippromwovu skemi ta' “rotot sikuri lejn l-iskola” biex tiżdied is-sikurezza tat-tfal; jindika li, minbarra l-introduzzjoni tal-limiti ta' veloċità u t-twaqqif ta' pulizija tat-traffiku tal-iskola, għandu jiġi żgurat li l-vetturi użati bħala xarabankijiet tal-iskola u l-kapaċitajiet professjonali tas-sewwieqa jkunu xierqa;

100.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġaw iċ-ċikliżmu u l-mixi bħala mezzi ta' trasport fihom infushom u parti integrali mis-sistemi kollha tat-trasport;

101.  Jappella lill-Istati Membri biex:

   jagħmlu l-ġarr ta' sdieri tas-sigurta` obbligatorju għal kull min ikun f'vettura;
   jinkoraġixxu liċ-ċiklisti, speċjalment bil-lejl lil hinn minn żoni mibnija, jużaw l-elmi tas-sigurtà jew jilbsu sdieri tas-sigurtà jew lbies simili bħala mezz kif itejbu l-viżibilità tagħhom;

102.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi fir-rigward ta' dwal u mezzi li jirriflettu li għandhom jiġu rrispettati mill-manifatturi tar-roti;

103.  Jirrakomanda li tfal sal-eta` ta' sentejn jintrabtu f'sits tat-tfal li jħarsu lejn in-naħa ta' wara;

o
o   o

104.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) “Il-preparzzjoni tal-Programm ta' Azzjoni Ewropew għas-Sikurezza tat-Toroq 2011-2020”.
(2) ĠU C 227 E, 21.9.2006, p.609.
(3) ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 268.
(4) ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 220.
(5) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 50.
(6) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 43.
(7) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 58.
(8) Testi adottati, P7_TA(2010)0260.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Jannar 2013Avviż legali