Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2163(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0311/2011

Testi mressqa :

A7-0311/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 28/09/2011 - 4.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0416

Testi adottati
PDF 375kWORD 45k
L-Erbgħa, 28 ta' Settembru 2011 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni : applikazzjoni EGF/2011/003 DE/Arnsberg u Düsseldorf – Industrija tal-karrozzi/ Il-Ġermanja)
P7_TA(2011)0416A7-0311/2011
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2011 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2011/003 DE/Arnsberg u Düsseldorf – Industrija awtomobilistika mill-Ġermanja) (COM(2011)0447 – C7-0209/2011 – 2011/2163(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0447 – C7-0209/2011),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1) (il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2)(ir-Regolament tal-FEG),

–  wara li kkunsidra l-proċedura tat-trilogu kif prevista fil-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0311/2011),

A.  billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin u biex tgħin fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-ambitu tal-FEG twessa' għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta' Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u b'mod effiċjenti, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa tal-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG,

D.  billi l-Ġermanja talbet l-għajnuna fir-rigward tal-każ li jikkonċerna 778 sensja, ilkoll fil-mira biex jieħdu l-għajnuna, f'ħames impriżi li joperaw fid-Diviżjoni 29 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (“Il-manifattura ta' vetturi bil-mutur, karrijiet u nofs-karrijiet”) fir-reġjuni NUTS II ta' Arnsberg (DEA5) u Düsseldorf (DEA1) fil-Ġermanja,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament tal-FEG,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza f'dan is-sens il-proċedura mtejba li ddaħħlet fis-seħħ mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni tal-FEG tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jittama li jsir aktar titjib fil-proċedura fil-qafas tar-rieżamijiet imminenti tal-FEG u li jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibilità tal-FEG;

2.  Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-FEG fir-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li jingħataw is-sensja;

3.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; barra minn hekk jenfasizza li l-miżuri ffinanzjati mill-FEG għandhom iwasslu għal impjiegi fit-tul; itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

4.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data anki fir-rapporti annwali tagħha;

5.  Jilqa' l-fatt li wara t-talbiet ripetuti mill-Parlament, għall-ewwel darba l-baġit 2011 juri approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet ta' EUR 47 608 950 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG; ifakkar li l-FEG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u bl-iskadenzi tiegħu stess u li għalhekk jistħoqqlu allokazzjoni ddedikata, li tevita trasferimenti minn linji baġitarji oħra, kif ġara fil-passat, li hija xi ħaġa li tista' tkun ta' ħsara għall-ilħuq tad-diversi objettivi ta' politika;

6.  Jilqa' t-tisħiħ previst tal-linja baġitarja 04.05.01 tal-FEG b'EUR 50 000 000 permezz tal-Baġit ta' emenda Nru 3/2011, li se jintuża biex ikopri l-ammont meħtieġ għal din l-applikazzjoni;

7.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2011/003 DE/Arnsberg u Düsseldorf – Industrija awtomobilistika mill-Ġermanja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2011/724/UE.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza