Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2011(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0323/2011

Testi mressqa :

A7-0323/2011

Dibattiti :

PV 24/10/2011 - 20
CRE 24/10/2011 - 20

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2011 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0457

Testi adottati
PDF 345kWORD 94k
It-Tlieta, 25 ta' Ottubru 2011 - Strasburgu
Governanza Ekonomika Globali
P7_TA(2011)0457A7-0323/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-Governanza Ekonomika Globali (2011/2011(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u l-ftehimiet tas-Summits tal-G20 ta' Londra, Pittsburgh, Toronto u Seoul,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-grupp Palais-Royal Initiative, ippubblikat fit-8 ta' Frar 2011, bit-titlu “Ir-Riforma tas-Sistema Monetarja: approċċ kooperattiv għas-seklu wieħed u għoxrin”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar “It-titjib tal-governanza ekonomika u tal-qafas ta' stabilità tal-Unjoni, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro”(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar “l-UE bħala attur globali: ir-rwol tagħha fl-organizzazzjonijiet multilaterali”(2),

–  wara li kkunsidra l-ħidma kontinwa u rilevanti tad-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi (TLD) u d-Djalogu Kummerċjali Transatlantiku (TABD),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0323/2011),

A.  billi l-iżvilupp tal-ekonomija dinjija matul l-aħħar deċennji ġeneralment fisser aktar tkabbir u prosperità, għalkemm mhux mqassma b'mod ugwali, filwaqt li neħħa lil miljuni ta' nies minn stat ta' faqar; sadattant, l-għadd ta' nies li għadhom qed jgħixu fil-faqar u d-disperazzjoni huwa għoli b'mod inaċċettabbli; billi l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali bejn u fi ħdan il-pajjiżi jridu jitnaqqsu; billi l-ġlieda tal-Ewropa kontra l-faqar trid tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-istrateġija UE 2020;

B.  billi l-Istati Uniti u l-Ewropa attwalment għadhom qed jaffrontaw l-agħar effetti tal-agħar reċessjoni ekonomika internazzjonali mid-Depressjoni l-Kbira;

C.  billi l-iżvilupp tal-ekonomija globali fid-deċennji reċenti ntlaqat ħażin minn żbilanċi insostenibbli;

D.  billi l-governanza ekonomika globali effikaċi tagħmilha possibbli li jiġu minimizzati l-impatti negattivi u li jiġu rmedjati l-effetti perikolużi tal-globalizzazzjoni, bħaż-żieda fl-inugwaljanza jew il-qerda tal-ambjent;

E.  billi t-tfaċċar fl-ekonomija dinjija ta' atturi ewlenin ġodda, kemm fir-rigward tal-kummerċ dinji kif ukoll tat-tkabbir ekonomiku, b'mod partikolari ċ-Ċina u l-Indja, kellu impatt kbir ħafna u biddel radikalment l-ambjent ekonomiku, u dan jirrikjedi riformi kummerċjali u rati tal-kambju konvertibbli;

F.  billi l-iżbilanċi tal-lum għadhom ikkawżati primarjament minn nuqqas ta' kompetittività u tfaddil pubbliku u privat fil-pajjiżi b'defiċit, u minn tfaddil kbir flimkien ma' nuqqas ta' domanda fil-pajjiżi b'bilanċ pożittiv, li llum huma akbar u billi, minħabba l-livell għoli ta' globalizzazzjoni u l-ammont ta' flussi ta' kapital, dawn l-iżbilanċi joħolqu ħtiġijiet ġodda għall-governanza globali u jisfidaw l-istrutturi tal-arranġamenti istituzzjonali eżistenti;

G.  billi l-element ewlieni għall-ibbilanċar mill-ġdid tal-ekonomija globali f'termini wiesa' huwa doppju: kompetittività msaħħa u riformi b'firxa wiesgħa li jħeġġu t-tkabbir f'pajjiżi b'defiċit u l-ftuħ tas-swieq u politika monetarja soda f'pajjiżi b'bilanċ pożittiv;

H.  billi l-ewwel deċennju ta' funzjonament tal-UEM wera li politika baġitarja responsabbli hija waħda mill-prekundizzjonijiet biex jiġi minimizzat l-impatt tax-xokkijiet finanzjarji u ekonomiċi globali;

I.  billi hemm għadd kbir ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mfassla biex jiggvernaw l-ekonomija dinjija bħall-FMI, il-Bank Dinji, id-WTO, l-UNCTAD u l-IFC, flimkien mal-fora intergovernattivi tal-G7 u l-G20, li minnhom l-FMI u l-G20 huma l-korpi l-iktar effikaċi, għalkemm it-tnejn li huma għad jeħtieġ li jittejbu;

J.  billi s-swieq globali jeħtieġu regoli globali;

K.  billi l-arranġamenti monetarji fis-seħħ wasslu għal akkumulazzjoni sostanzjali ta' riżervi ta' muniti barranin, partikolarment tad-dollaru Amerikan, f'xi pajjiżi b'bilanċ pożittiv, li konsegwentement żiedet il-provvista ta' kapital fil-pajjiżi b'defiċit u għamlet pressjoni “l isfel fuq ir-rati tal-imgħax, biex b'hekk tat spinta liż-żieda eċċessiva tal-prezzijiet tal-assi li kellhom rwol ewlieni fl-aħħar kriżi finanzjarja;

L.  billi l-kriżi ekonomika globali, li bdiet fis-settur finanzjarju, issa wasslet għal livelli għoljin ta' dejn f'uħud mill-atturi ekonomiċi dinjija ewlenin, fosthom l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-UE;

M.  billi l-G20 qabel fid-dikjarazzjoni finali tiegħu ta' Pittsburgh dwar Qafas għal Tkabbir b'Saħħtu, Sostenibbli u Bilanċjat, li jinħtieġ urġentement approċċ multilaterali ġdid bħala reazzjoni għall-kriżi;

N.  billi kien hemm rikonoxximent globali tar-rwol li kellhom xi setturi tal-industrija finanzjarja fil-kontribut għall-kriżi finanzjarja globali, filwaqt li dehru d-dgħufijiet fir-regolamentazzjoni finanzjarja, u dan kabbar il-kriżi tad-dejn sovran b'fehim komuni li r-responsabbiltà u t-trasparenza tas-settur finanzjarju jridu jittejbu, inkluż il-fatt li għandu jġarrab sehem ġust tal-kosti kkawżati mill-kriżi;

O.  billi l-iżbilanċi msemmija ħafna tal-kontijiet kurrenti huma r-riżultat ta' żbilanċi strutturali sottostanti fl-ekonomiji nazzjonali;

P.  billi n-nuqqas ta' regolamentazzjoni u superviżjoni koordinati u effikaċi tas-sistema finanzjarja globali wassal għal dgħufijiet fis-settur finanzjarju li sussegwentement ħarrxu l-vulnerabilitajiet fl-ekonomija globali;

Q.  billi r-rwol u l-prominenza akbar tal-G20 bħala forum għal diskussjonijiet politiċi informali fl-ogħla livell globali jintlaqgħu tajjeb; billi l-G20 bħala istituzzjoni jonqsu bażi legali u segretarjat permanenti u għandu struttura governattiva dgħajfa speċjalment meta mqabbel ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħra bħall-FMI u d-WTO;

R.  billi s-sistema monetarja internazzjonali attwali ppermettiet lil diversi pajjiżi jwettqu strateġiji kompetittivi ta' żvalutazzjoni li, flimkien man-numru li qed jiżdied ta' tranżazzjonijiet spekulattivi li jsiru minn partijiet interessati tas-swieq b'saħħithom fis-swieq tal-kambju, ikkontribwew sew għal volatilità eċċessiva tar-rati u ħolqu riskji sinifikanti għas-swieq tal-kambju kif ukoll għall-kummerċ internazzjonali;

S.  billi l-UE mhijiex meqjusa bħala attur b'saħħtu fit-tiswir mill-ġdid tas-sistema monetarja u finanzjarja internazzjonali għaliex ma titkellimx b'vuċi waħda, u minħabba l-frammentazzjoni tar-rappreżentanza esterna tagħha fl-affarijiet ekonomiċi internazzjonali;

T.  billi huwa essenzjali li jkun żgurat li s-sistemi ekonomiċi u finanzjarji ma jagħmlux ħsara lill-ekonomja reali;

U.  billi, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-G20, il-FMI ngħata setgħat akbar ta' superviżjoni u sorveljanza tas-sistama finanzjarja globali, ir-riżorsi finanzjarji tiegħu ġew miżjuda u qed issir riforma bir-reqqa tal-istruttura governattiva tiegħu;

V.  billi s-swieq finanzjarji evolvew matul id-deċennji li għaddew biex joperaw globalment permezz ta' proċessi u netwerks b'livell għoli ta' IT, u billi l-istandardizzazzjoni tad-data baqgħet lura, u għalhekk ostakolat l-aggregazzjoni, l-analiżi u l-ġestjoni ta' data fil-livell tas-swieq – u ħafna drabi anke fil-livell tal-impriżi – u naqqset it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet finanzjarji;

Rakkomandazzjonijiet politiċi biex tiġi ttrattata l-governanza ekonomika

1.  Jenfasizza li żblanċi globali jikkostitwixxu theddida potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja u makroekonomika, speċjalment meta jkunu eċċessivi, fl-ekonomiji ewlenin u jista' jkollhom riperkussjonijiet fuq ekonomiji oħra; meta jitqies dan, jinnota li żbilanċi li joriġinaw minn allinjamenti strutturali żbaljati u minn nuqqas ta' kompetittività fl-ekonomija nazzjonali għandhom jiġu ttrattati kemm mill-pajjiżi b'bilanċ pożittiv kif ukoll minn dawk b'defiċit, billi dawn jistgħu jkunu sors ta' problemi fundamentali;

2.  Jenfasizza li l-kriżi ekonomika u finanzjarja wriet li l-influss ta' kapital b'riżultat ta' żbilanċi globali għandu jkun akkumpanjat minn politika monetarja responsabbli u regolamentazzjoni u superviżjoni finanzjarji sodi;

3.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li min ifassal il-politika fid-dinja kollha jkompli jaħdem biex jinstabu soluzzjonijiet biex tiġi riformata l-governanza ekonomika globali bl-għan li tiġi bbilanċjata mill-ġdid l-ekonomija dinjija u li tiġi evitata reċessjoni oħra; jenfasizza li r-riforma tal-governanza globali għandha tiżgura li s-swieq ikunu integrati f'qafas istituzzjonali komprensiv biex ikunu jistgħu jiffunzjonaw sew; jistma wkoll li wieħed mill-objettivi prijoritarji tal-governanza ekonomika dinjija jrid ikun il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-investiment fit-tul;

4.  Jenfasizza l-importanza ta' politiki monetarji responsabbli; iħeġġeġ lill-banek ċentrali tal-ekonomiji ewlenin jikkunsidraw esternalitajiet negattivi potenzjali, bħall-bżieżaq ta' assi, id-dinamika “carry-trade” u d-destabbilizzazzjoni finanzjarja f'pajjiżi oħra, meta jimplimentaw miżuri konvenzjonali jew mhux konvenzjonali;

5.  Huwa konxju mill-fatt li, fl-aħħar nett, il-fiduċja fis-saħħa tal-ekonomija sottostanti u l-profondità, it-trasparenza, is-sofistikazzjoni u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tagħha huma r-raġunijiet ewlenin li għalihom l-muniti jinżammu bħala riżervi mill-banek ċentrali ta' pajjiżi terzi; jenfasizza f'dan ir-rigward li kull munita li trid issir parti mill-ġabra ta' Drittijiet Speċjali ta' Prelevament tal-FMI trid tkun soġġetta għal konvertibilità sħiħa, u jirrikonoxxi li l-kompożizzjoni tal-ġabra ta' Drittijiet Speċjali ta' Prelevament tal-FMI għandha tirrifletti l-importanza relattiva tal-muniti fis-sistemi finanzjarji u kummerċjali dinjija;

6.  Jiddikjara li r-rati tal-kambju għandhom jirriflettu l-elementi fundamentali tas-suq sabiex jittejbu l-ftuħ u l-flessibbiltà u biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament ekonomiku, u għalhekk m'għandomx jiġu ġestiti jew manipulati mill-awtoritajiet monetarji nazzjonali;

7.  Iħeġġeġ lill-membri tal-FMI jaderixxu mal-Artikoli tal-Ftehim, speċjalment rigward l-impenn kontra l-manipulazzjoni tar-rata tal-kambju, kif ukoll mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GATT u tal-Ftehimiet tad-WTO;

8.  Iħeġġeġ ir-rikonsiderazzjoni tal-użu ta' “Drittijiet Speċjali ta' Prelevament” (SDRs) bħala sostitut possibbli tad-dollaru bħala l-munita ta' riżerva dinjija, li jista' jgħin biex jistabbilizza s-sistema finanzjarja dinjija; jitlob lill-FMI jistudja l-allokazzjoni addizzjonali kif ukoll l-użu usa' tad-Drittijiet Speċjali ta' Prelevament (SDR) b'mod partikolari bl-għan li tittejjeb is-sistema multilaterali ġdida tar-rati tal-kambju;

9.  Jappoġġja l-ħidma u l-impenji tal-Istati tal-G20 biex jimplimentaw pjanijiet ta' konsolidament fiskali kkoordinati sew u li jiffavurixxu t-tkabbir fuq perjodu medju ta' żmien filwaqt li jappoġġjaw id-domanda domestika b'ritmu determinat miċ-ċirkustanzi ta' kull pajjiż, filwaqt li japplikaw politiki monetarji xierqa, itejbu l-flessibbiltà tar-rati tal-kambju biex jirriflettu aħjar l-elementi fundamentali ekonomiċi sottostanti, u filwaqt li jwettqu riformi strutturali biex jiffavorixxu l-ħolqien tal-impjiegi u jikkontribwixxu għar-ribilanċjament globali;

10.  Jinnota, madankollu, li, sal-lum il-prospetti fil-livell tal-G20 li jitranġaw l-iżbilanċi globali kienu limitati ħafna;

11.  Iħeġġeġ lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tieħu rwol attiv fl-identifikazzjoni u fl-indirizzar ta' distorsjonijiet kummerċjali possibbli fis-servizzi finanzjarji kkawżati minn sistemi regolatorji differenti;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal mekkaniżmu komprensiv, ibbażat l-iżjed fuq u interkonness b'mod sod mar-regolamenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li jevita l-użu tal-kummerċ bħala għodda tal-politika barranija b'mod kuntrarju għall-valuri demokratiċi rikonoxxuti internazzjonalment, kif riflessi fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-laqgħa li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC), titqajjem il-kwistjoni tal-kooperazzjoni reċiproka dwar is-superviżjoni tad-derivattivi tal-prodotti bażiċi skont ir-regolament eżistenti dwar it-trasparenza u l-abbuż tas-suq;

14.  Jistieden lill-UE biex timplimenta d-dikjarazzjonijiet tas-summits tal-G8/G20, partikolarment rigward sussidji għall-fjuwils fossili u l-agrikoltura, b'kunsiderazzjoni tal-linji gwida tal-OKŻE f'dan il-qasam, u rigward il-volatilità tal-prezz tal-ikel u s-swieq tal-prodotti bażiċi;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-istrateġija kummerċjali tagħha fir-rigward tat-tisħiħ ta' kummerċ min-nofsinhar għan-nofsinhar u kummerċ intrareġjonali f'partijiet oħra tad-dinja sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà ta' ħafna ekonomiji żgħar u sabiex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sħab ekonomiċi msaħħa fil-futur;

16.  Jappoġġja l-istabbiliment ta' kalendarju għal pjan ta' azzjoni li jimplimenta l-Qafas tal-G20 għal Tkabbir B'Saħħtu, Sostenibbli u Bilanċjat;

17.  Jilqa' l-inizjattivi kollha għal aktar diskussjoni u kooperazzjoni dwar l-isfidi globali komuni iżda jinnota li ħafna mill-fora attwali, bħall-G20, huma biss għal diskussjoni informali, mingħajr il-bażi legali jew il-karatteristiċi ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fil-proċessi tagħhom ta' teħid ta' deċiżjonijiet jew fl-implimentazzjoni u s-superviżjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom, u għalhekk jibqgħu dgħajfa bħala strutturi governattivi;

18.  Jinnota li l-metodu ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'kunsens li jikkaratterizza ħafna mill-korpi ta' kooperazzjoni globali ma jħeġġiġx it-teħid ta' deċiżjonijiet kuraġġużi u spiss iwassal għal ftehimiet vagi mhux vinkolanti; iħeġġeġ lill-forum globali jemula l-pass tal-UE “l bogħod mid-dipendenza esklużiva fuq l-unanimità;

19.  Huwa tal-fehma li l-impenji meħuda fil-G20 iridu jkunu aktar konkreti u li jeħtieġ li l-progress jiġi mmonitorjat minn korp indipendenti, aktar formali u inklużiv bi statuti u b'segretarjat, bħall-FMI;

20.  Jilqa' l-passi miftiehma mis-Summit tal-Ministri tal-Finanzi tal-G20 f'Pariġi fid-19 ta' Frar 2011 biex l-iżbilanċi jitkejlu b'ġabra ta' indikaturi; jissottolinja li dawn l-indikaturi għandhom ikopru l-iżbilanċi interni, bħad-dejn u d-defiċits pubbliċi u t-tfaddil u d-dejn privati, kif ukoll l-iżbilanċi esterni minn flussi u trasferimenti kummerċjali u ta' investiment;

21.  Jistieden lill-G20 jwettaq fuq bażi regolari Proċess ta' Valutazzjoni Reċiproka bbażat fuq qafas tal-G20 u l-indikaturi hawn fuq sabiex jipprovdi għażliet politiċi li jiksbu tkabbir b'saħħtu, sostenibbli u bilanċjat;

22.  Jissottolinja li l-atturi finanzjarji joperaw fuq livell globali u, mil-lum “il quddiem, iqis li d-differenzi ta' koordinazzjoni fir-regolamenti finanzjarji jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex ikun evitat li ċerti atturi finanzjarji japprofittaw ruħhom mill-arbitraġġ regolatorju;

Riforma tas-sistema monetarja u finanzjarja internazzjonali u tal-istituzzjonijiet tagħha

23.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha rwol ewlieni fir-riforma ekonomika globali biex l-istituzzjonijiet internazzjonali jsiru aktar leġittimi, trasparenti u li, b'mod anki aktar importanti, l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi bħala entità waħda fl-affarijiet ekomomiċi internazzjonali;

24.  Jitlob li l-UE jkollha siġġu fl-FMI u fil-Bank Dinji; jitlob FMI aktar demokratiku, inkluża elezzjoni miftuħa u bbażata fuq il-mertu tad-direttur maniġerjali tiegħu, u żieda sostanzjali fid-drittijiet tal-vot għan-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw u dawk fi tranżizzjoni;

25.  Isostni li l-governanza ekonomika globali għandha tkun reattiva, flessibbli u prammatika biżżejjed biex tagħmilha possibbli li jiġi stabbilit liema arranġamenti huma l-aktar adattati, skont iċ-ċirkustanzi u bi qbil mal-prinċipju ta' sussidjarjetà;

26.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha rwol ewlieni fir-riforma ekonomika globali biex l-istituzzjonijiet internazzjonali u l-fora informali jsiru aktar leġittimi, trasparenti u responsabbli;

27.  Jinnota li dawn l-istituzzjonijiet u l-fora, b'mod partikolari l-G20, jonqoshom ċerta leġittimità parlamentari fil-livell globali, u konsegwentement jistedinhom jinvolvu lill-parlamenti fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjoni tagħhom; jiddeplora n-nuqqasijiet demokratiċi ta' wħud mis-sħab;

28.  Jinnota l-problemi li jistgħu jqumu jekk il-politiki segwiti mill-fora informali differenti u mill-istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali tonqoshom il-koerenza; isostni li għandhom jiġu adottati mill-FMI miżuri li jippromwovu koordinazzjoni istituzzjonali globali;

29.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' ftehim globali u approċċ komuni rigward il-politika monetarja, il-kummerċ internazzjonali, finanzi pubbliċi sostenibbli u muniti flessibbli bbażati fuq elementi fundamentali ekonomiċi; iqis li l-ekonomija globali għandha tkun ikkaratterizzata minn swieq miftuħa għall-benefiċċju reċiproku tal-parteċipanti kollha; jissottolinja li standards soċjali u ambjentali għoljin huma vitali u jridu jiġu żviluppati fl-aspetti kollha; jenfasizza li l-FMI u d-WTO għandhom ikunu l-parti ewlenija ta' tali proċess;

30.  Iħeġġeġ lill-membri tad-WTO jaċċedu għal ftehimiet kummerċjali multilaterali u jinnegozjaw f'rawnds kummerċjali internazzjonali ulterjuri mmirati lejn it-tnaqqis fl-ostakli għall-kummerċ internazzjonali, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd fis-setturi kollha, u b'hekk jingħata kontribut għat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku;

31.  Jemmen li, sabiex tippermetti lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jiksbu iżjed benefiċċji mill-kummerċ u biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u pagi deċenti għall-ħaddiema kollha, l-UE għandha interess qawwi fit-tisħiħ tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u fl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ħidma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u fis-sorveljanza tal-kapitoli tas-sostenibilità tas-sistema ta' preferenzi ġeneralizzati;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi mill-ġdid l-istrateġija tal-kummerċ u l-investiment tal-UE biex tinkludi l-pajjiżi BRIC (Brażil, Russja, Indja u Ċina) bħala sħab kummerċjali ewlenin futuri b'interessi proprji tagħhom f'netwerk globali komuni ta' interessi interkonnessi ta' żvilupp sostenibbli soċjali u ekoloġiku;

33.  Huwa tal-fehma li Banek ta' Żvilupp Multilaterali għandhom jipprovdu riżorsi addizzjonali b'mod iżjed effettiv sabiex jolqtu ħtiġijiet lokali speċifiċi, jappoġġaw investimenti fuq perjodu twil ta' żmien u jikkonsolidaw l-ekonomiji lokali;

34.  Jirrakkomanda FMI b'saħħtu u indipendenti b'għodda u riżorsi biżżejjed li jippermettulu jżid l-attenzjoni mogħtija lil konnessjonijiet transkonfinali mhux biss bit-tisħiħ tas-sorveljanza multilaterali iżda anke billi ssir enfasi fuq l-ekonomiji ta' importanza sistemika u billi jiġu żviluppati indikaturi biex jiġu vvalutati l-iżbilanċi kbar dewwiema; jitlob li l-mandat ta' intervent tal-FMI jiġi estiż ukoll biex ikopri riskji ġejjin minn kontijiet kapitali;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li ftehimiet multilaterali dwar skambju ta' informazzjoni fiskali jinkorporaw dispożizzjonijiet dwar skambju ta' informazzjoni awtomatiku u jitlob li tittieħed azzjoni biex tissaħħaħ il-bażi legali għal elenkar tal-OKŻE f'lista sewda ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx, bil-ħsieb li titjieb it-trasparenza fiskali u jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni fiskali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex sa tmiem l-2011 tipproponi Standard ta' Rappurtar Pajjiż Pajjiż robust għall-kumpaniji transkonfinali, bl-għan li jittejbu t-trasparenza u l-aċċess għal data rilvenati mill-amministrazzjonijiet fiskali;

36.  Jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi internazzjonali meħuda fl-oqsma tal-istandards tal-kontabilità u l-verifika;

37.  Jistieden lill-mexxejja tal-G20 biex mill-aktar fis possibbli jikkonkludu d-diskussjonijiet dwar l-elementi komuni minimi ta' taxxa globali fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji;

38.  Iqis li l-G20 huwa forum ewlieni għal konsultazzjoni globali, minkejja l-importanza ta' korpi oħra, iżda jinnota li l-G20 għandu numru ta' nuqqasijiet bħala istituzzjoni globali, fosthom nuqqas ta' rappreżentanza tan-nazzjonijiet iż-żgħar, nuqqas ta' trasparenza u responsabilità demokratika, kif ukoll nuqqas ta' bażi legali biex id-deċiżjonijiet tiegħu jsiru legalment vinkolanti;

39.  Jinkoraġġixxi l-FMI u l-G20 ifittxu input u pariri mill-ekonomiji globali b'defiċits baġitarji baxxi u nefqa dixxiplinata tal-gvern, u jaġixxu fuqhom;

40.  Jenfasizza li ż-żona tal-euro, fil-kuntest ta' dibattiti dwar l-arranġamenti monetarji globali, għandha tiġi kkunsidrata bħala entità waħda meta jitqiesu l-politika tagħha ta' munita unika u l-politika ta' rata tal-kambju unika;

41.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Membri tagħha jfittxu soluzzjonijiet biex ikomplu jtejbu l-koordinazzjoni bejn il-“formazzjonijiet G” u s-sistema tan-NU;

42.  Jitlob li jiġi stabbilit bord internazzjonali ta' banek ċentrali – magħmul primarjament mill-banek ċentrali tal-UE, il-Ġappun, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti – b'mandat biex jikkoordina l-politika monetarja, jissorvelja s-superviżjoni finanzjarja u jestendi u jippromwovi l-SDRs bħala munita ta' riżerva dinjija;

43.  Jirrakkomanda li l-FMI jiġi politikament imsaħħaħ b'summits annwali tal-mexxejja tal-pajjiżi rappreżentati fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI; f'dan l-isfond, jinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri tal-FMI jaħtru persuni mill-membri l-aktar anzjani tal-gvern fil-Bord Eżekuttiv, sabiex ikun jista' jkun minn ta' quddiem bħala l-forum għad-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet rigward il-governanza ekonomika globali;

44.  Iqis li jeħtieġ li tiżdied it-trasparenza tal-fluss internazzjonali tal-kapital, b'mod partikolari billi nfittxu li nġibu fit-tmiem is-segretezza bankarja;

Governanza globali tas-settur finanzjarju

45.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn is-superviżuri finanzjarji ffaċilita l-firxa tal-kriżi finanzjarja u aggrava l-effetti tagħha; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-awtoritajiet superviżorji tal-Unjoni jieħdu t-tmexxija fil-bini ta' kooperazzjoni internazzjonali u l-istabbiliment tal-aħjar prattiki fir-regolazzjoni finanzjarja; jissottolinja wkoll li konverġenza lejn qafas regolatorju finanzjarju komuni bejn l-Istati Uniti u l-UE tkun ta' benefiċċju;

46.  Jinnota li hemm ħtieġa għall-implimentazzjoni globali ta' riformi li jtejbu t-trasparenza u r-responsabilità tal-istituzzjonijiet finanzjarji;

47.  Jenfasizza li, għalkemm ġiet adottata leġiżlazzjoni fiċ-ċentri finanzjarji dinjin imfassla biex ittejjeb ir-regolazzjoni ta' xi oqsma tas-settur finanzjarju, jinħtieġu aktar riformi tar-regoli u l-prattiki fis-sistema bankarja u s-sistema li tinsab moħbija warajha;

48.  Jenfasizza l-bżonn li l-entitajiet superviżorji finanzjarji Ewropej jingħataw mandat ċar biex jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-kontropartijiet tagħhom barra l-UE jew internazzjonali, kif jagħmel il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) mal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB);

49.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu kkombinati s-superviżjoni mikroprudenzjali u dik makroprudenzjali bħala parti minn approċċ koerenti u uniformi;

50.  Jinnota li l-Istati Uniti u l-UE flimkien huma responsabbli għal kważi 40% tal-kummerċ dinji u kważi 50% tal-PDG dinji u jirrakkomanda djalogu makroprudenzjali aħjar, b'enfasi fuq id-djalogu trans-Atlantiku, implimentazzjoni imparzjali u bir-reqqa tal-pakkett Basel III u aktar diskussjonijiet dwar it-twessigħ tal-ambitu tas-superviżjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji; jitlob biex jinżamm momentum kontinwu wara r-riformi fir-regolazzjoni tas-settur finanzjarju biex jiġi żgurat li l-finanzi jappoġġjaw effettivament l-istabilità u t-tkabbir fl-ekonomija globali reali;

51.  Jirrispetta l-approċċ tal-G20, id-WTO, il-Basel III u entitajiet multinazzjonali oħra filwaqt li jirrikonoxxi l-perikli potenzjali ta' regolazzjoni żejda u kompetizzjoni regolatorja;

52.  Jilqa' l-organizzazzjoni ta' Laqgħa dwar l-Ekonomija Globali għall-gvernaturi tal-banek ċentrali taħt l-awspiċi tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI), bħala grupp ta' referenza għall-organizzazzjoni tal-kooperazzjoni fost il-banek ċentrali;

53.  Huwa mħasseb dwar ir-riskju ta' frammentazzjoni bħala riżultat tal-varjetà ta' regolamenti li jaffettwaw l-attivitajiet tal-atturi finanzjarji globali; jitlob, għalhekk, aktar integrazzjoni bejn il-mekkaniżmi li ġew stabbiliti fis-setturi varji;

54.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-BEI fil-promozzjoni tat-tkabbir permezz ta' investiment fuq perjodu twil ta' żmien;

55.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati kriterji xierqa għall-identifikazzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji sistemikament importanti, bil-għan li jiġu evitati istituzzjonijiet “kbar wisq jew wisq interkonnessi biex ifallu” u għalhekk jonqos ir-riskju sistemiku permezz tal-użu ta' riżerva u rekwiżiti kapitali addizzjonali, kif ukoll liġijiet antitrust;

56.  Jistieden lill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja jipproponi miżuri li jobbligaw lill-banek sistemikament importanti jeżerċitaw attivitajiet bankarji kummerċjali għal skopijiet partikolari ristretti u jimponu fuqhom l-obbligu ta' kapitalizzazzjoni awtonoma għal tali attivitajiet;

57.  Iħeġġeġ lill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja jiżviluppa approċċ bħala mudell standardizzat għall-kalkolu ta' assi peżati għar-riskju (risk-weighted assets - RWAs) sabiex l-esponimenti tal-banek għal riskji ta' kreditu u tas-suq jiġu vvalutati u mqabbla bi preċiżjoni;

58.  Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' infrastruttura internazzjonali xierqa taħt l-awspiċi tal-FMI li toffri kemm lill-awtoritajiet kif ukoll lill-industrija sors uniku għal data finanzjarja bażika standardizzata li tippermetti li jsiru attivitajiet prudenzjali internazzjonali u kif ukoll proċessi industrijali aktar effiċjenti;

Konfigurazzjoni ġdida tas-sistema monetarja internazzjonali
Rwol u sfidi tal-UE

59.  Jenfasizza l-effetti pożittivi ta' qafas ta' governanza ekonomika aktar b'saħħtu fl-UE u fiż-żona tal-euro għal kooperazjoni u koordinament globali;

60.  Jinnota l-importanza kbira tat-tisħiħ u l-approfondiment tas-Suq Uniku Ewropew mhux biss bħala objettiv intern iżda anke bħala eżempju li għandhom isegwu blokok kummerċjali oħra madwar id-dinja;

61.  Jenfasizza l-ħtieġa għal politiki tal-UE kemm fil-qasam tal-biedja kif ukoll f'dak finanzjarju li jgħinu biex jiġu evitati xokkijiet globali fil-provvista u l-prezzijiet tal-ikel;

62.  Jenfasizza l-effetti pożittivi ta' qafas ta' governanza aktar b'saħħtu li jirrinforza l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-UE u ż-żona tal-euro għal kooperazzjoni u koordinazzjoni globali;

63.  Jiddikjara li l-UE għandu jkollha rwol attiv fit-tiswir mill-ġdid tas-sistema monetarja u finanzjarja internazzjonali permezz ta' rappreżentanza esterna aktar b'saħħitha bbażata fuq teħid ta' deċiżjonijiet intern aktar effiċjenti u trasparenti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat ta' Lisbona;

64.  Jilqa' l-ħolqien ta' erba' entitajiet regolatorji finanzjarji Ewropej ġodda, l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, u jittama li dawn jikbru b'saħħithom u jsiru effikaċi;

65.  Jaħseb li l-bżonn li tiġi favorita sitwazzjoni ugwali għal kulħadd ma għandux iżomm lill-UE jew lil blokok reġjonali u pajjiżi oħra milli jsaħħu l-arranġamenti reġjonali li jimmiraw lejn l-użu sħiħ tal-flessibilità pprovduta mid-WTO u standards internazzjonali oħra sabiex jiġu riekwilibrati l-prinċipji fundamentali makroekonomiċi u tiżdied il-prosperità;

66.  Jistieden lill-UE tiffoka fuq it-tnaqqis tad-dipendenza tagħha fuq l-enerġija sabiex trażżan l-inflazzjoni importata u terġa' tikseb bilanċ kummerċjali ma' pajjiżi li jipproduċu ż-żejt;

67.  Jenfasizza l-fatt li l-produzzjoni ta' oġġetti pubbliċi globali bħall-ħarsien tal-klima u l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tista' tiġi favorita permezz ta' qafas ta' aċċess għal suq kwalifikat tal-UE;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar kif tista' tittejjeb il-proċedura interna tal-UE ta' teħid ta' deċiżjonijiet biex ittejjeb il-koerenza tagħha fir-rigward tar-rappreżentanza esterna fil-qasam tal-kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji sabiex tiżgura li r-rappreżentanza tal-UE tkun responsabbli demokratikament lejn il-Parlament Ewropew, lejn l-Istati Membri u l-parlamenti nazzjonali;

69.  Iħeġġeġ lill-G20 u lid-WTO jistudjaw il-possibilità ta' ftehim globali għal taxxa fuq il-karbonju għal prodotti u servizzi importati;

70.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 138 tat-Trattat ta' Lisbona, iż-żona tal-euro hija mistennija tintroduċi rappreżentanza esterna unifikata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għal dan l-iskop;

71.  Jissottolinja l-fatt li parteċipazzjoni sħiħa fl-ekonomija globali hija kruċjali għall-Ewropa biex tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet kollha tagħha, u l-aqwa opportunità biex tagħmel dan bħala unità waħda;

72.  Jistieden lill-UE biex dejjem tippromwovi l-kummerċ ġust, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u l-iżvilupp sostenibbli fil-politiki tal-kummerċ tagħha, bi qbil mat-Trattat ta' Lisbona, l-aġenda interna tagħha u bit-tlestija tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

o
o   o

73.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0377.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0229.

Avviż legali - Politika tal-privatezza