Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2898(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0608/2011

Dibattiti :

PV 16/11/2011 - 15
CRE 16/11/2011 - 15

Votazzjonijiet :

PV 17/11/2011 - 6.7

Testi adottati :

P7_TA(2011)0513

Testi adottati
PDF 209kWORD 42k
Il-Ħamis, 17 ta' Novembru 2011 - Strasburgu
Il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali
P7_TA(2011)0513RC-B7-0608/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija tat-30 ta' Settembru 2011 lill-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali (O-000226/2011 – B7-0648/2011);

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 113 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud(1),

–  wara li kkunsidra Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta' Frar 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta' servizzi(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu: Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-VAT (COM(2010)0695),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-futur tal-VAT(4),

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar in-Newtralità tal-VAT,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-istrateġija UE 2020 tinkludi l-ħolqien ta' suq uniku diġitali;

B.  billi s-suq uniku diġitali tal-UE għadu frammentat;

C.  billi l-kriżi ekonomika għamlet ħsara kbira lill-prospetti tat-tkabbir ekonomiku, u billi l-ekonomija diġitali għandha l-potenzjal li tagħti kontribut sinifikanti lill-prosperità tal-Ewropa fis-snin li ġejjin;

D.  billi l-“US Internet Tax Freedom Act”, li daħal fis-seħħ fl-1998 u baqa' jiġi estiż s'issa, u li tipprojbixxi lill-gvernijiet federali u lokali milli japplikaw rata tat-taxxa diskriminatorja fuq il-bejgħ għall-bejgħ onlajn, kellha impatt sinifikanti fuq il-kummerċ elettroniku u tat kontribut lit-twaqqif ta' kumpaniji li issa jiddominaw is-suq globalment;

E.  billi l-UE trid twettaq il-potenzjal tas-suq uniku billi tiffaċilita l-kummerċ online u transkonfinali bejn l-Istati Membri;

F.  billi l-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza l-futur tal-VAT, u billi l-istrateġija UE 2020 għandha titqies b'rabta ma' dan;

1.  Jindika li l-qafas legali attwali, b'mod partikolari l-Anness 3 tad-Direttiva 2006/112/KE, jikkostitwixxi ostakolu għall-iżvilupp ta' servizzi diġitali ġodda u għaldaqstant, huwa inkonsistenti mal-għanijiet stipulati fl-aġenda diġitali;

2.  Iqis li r-rati tal-VAT applikabbli għall-kotba huma eżempju tan-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni attwali peress li, filwaqt li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati tal-VAT imnaqqsa għall-forniment ta' kotba fuq kull medja fiżika, il-kotba elettroniċi huma soġġetti għal rata standard ta' mhux inqas minn 15 %; huwa tal-fehma li din id-diskriminazzjoni mhix sostenibbli meta jitqies it-tkabbir potenzjali ta' din il-parti tas-suq;

3.  Jenfasizza li l-UE trid tkun ambizzjuża u tmur lil hinn mir-rimedju tal-inkonsistenzi tal-qafas legali attwali; huwa tal-fehma li t-tħeġġiġ lill-kumpaniji biex jiżviluppaw u joffru servizzi onlajn ġodda pan-Ewropej għandu jkun prijorità fir-rieżami tar-regoli tal-VAT;

4.  Jirrimarka madankollu li l-UE għandha tiżviluppa soluzzjonijiet adegwati għall-ħtiġijiet tagħha; iqis li, għall-iżvilupp ta' suq uniku ġenwin, il-liġi tal-UE tista' tippermetti lill-Istati Membri japplikaw, fuq bażi temporanja, rata ta' VAT imnaqqsa għal servizzi ta' provvista elettronika b'kontenut kulturali;

5.  Iqis li din il-kategorija ġdida, li tkun inkluża fl-Anness 3 attwali tad-Direttiva 2006/112/KE, tista' tkopri l-forniment ta' servizzi onlajn, bħal televiżjoni, mużika, kotba, gazzetti u magazines, minn fornitur stabbilit fl-UE lil kwalunkwe konsumatur li wkoll ikun stabbilit fl-UE;

6.  Jirrimarka li t-tqassim diġitali ta' kontenut kulturali, ġurnalistiku u kreattiv jippermetti lil awturi u lil min jipprovdi l-kontenut li jilħqu udjenzi ġodda u usa“; huwa tal-fehma li l-UE għandha tagħti spinta lill-ħolqien, produzzjoni u tqassim (fuq il-pjattaformi kollha) ta' kontenut diġitali u li l-applikazzjoni ta' rata ta' VAT imnaqqsa għal kontenut kulturali onlajn żgur tista” żżid it-tkabbir;

7.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-prinċipji OECD dwar it-tassazzjoni tal-kummerċ elettroniku li ntlaħaq ftehim dwarhom matul konferenza f'Ottawa fl-1998 u li jistabbilixxu li r-regoli għal taxxi fuq il-konsum, bħall-VAT, għandhom iwasslu għal tassazzjoni fil-ġurisdizzjoni fejn isir il-konsum; jirrimarka li, bi qbil mad-Direttiva 2008/8/KE, il-prinċipji OECD se japplikaw għall-UE mill-1 ta' Jannar 2015;

8.  Iqis li rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-VAT li toffri aktar flessibilità lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni ta' rati ta' VAT imnaqqsa għandu jimxi id f'id mal-applikazzjoni tal-prinċipji stipulati fid-Direttiva 2008/8/KE; jindika, madankollu, li biex l-Istati Membri kollha jibbenefikaw indaqs mis-suq uniku diġitali, il-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru fejn ikun sar il-konsum għandu japplika mill-aktar fis possibbli; jenfasizza li kwalunkwe rieżami għandu jwassal għas-simplifikazzjoni tas-sistema tal-VAT, bħal pereżempju one-stop-shop għall-VAT, u l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja;

9.  Jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilità ta' rieżami tad-Direttiva 2008/8/KE sabiex il-VAT titħallas bi qbil mal-prinċipju tad-destinazzjoni, sal-1 ta' Jannar 2015;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 44, 20.2.2008, p. 11.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0240.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0436.

Avviż legali - Politika tal-privatezza