Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2311(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0286/2011

Testi mressqa :

A7-0286/2011

Dibattiti :

PV 12/09/2011 - 23
CRE 12/09/2011 - 23

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2011 - 5.23
CRE 13/09/2011 - 5.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 14/12/2011 - 9.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0577

Testi adottati
PDF 167kWORD 125k
L-Erbgħa, 14 ta' Diċembru 2011 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur
P7_TA(2011)0577A7-0286/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur (2010/2311(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli relevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà(1) u r-rapport ta' implimentazzjoni tiegħu tal-2008(2) ,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/JHA tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu(3) kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI(4) u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha dwar il-protezzjoni u l-għajnuna lill-vittmi,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra t-Terroriżmu(5) ,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu(6) ,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma – Ewropa Miftuħa u Sigura għas-Servizz u l-Protezzjoni taċ-Ċittadini(7) , u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 April 2010 dwar “Il-kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma” (COM(2010) 0171),,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar Is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE għall-2011 (TE-SAT 2011),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2010 dwar il-linja politika tal-UE Kontra t-Terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur (COM(2010)0386),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tal-24 ta' Novembru 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill – “Il-Politika tal-UE Kontra t-Terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur(8) ,,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni dwar il-Politika tal-UE Kontra t-Terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur(9) ,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura (COM(2010)0673),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1983 dwar il-Kumpens lill-Vittmi ta' Reati Vjolenti (CETS Nru 116), il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2005 dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (CETS Nru 196), il-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2005 dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi ta' Attakki Terroristiċi, ir-Rakkomandazzjoni (2006)8 tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2006, dwar Assistenza lill-Vittmi tal-Kriminalità, u l-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni tal-2011 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (COM(2011)0275),

–  wara li kkunsidra r-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tas-7 Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Green Paper bit-titlu: “Minn sfidi għal opportunitajiet: lejn qafas strateġiku komuni għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE”,

–  wara li kkunsidra d-diversi riżoluzzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta' Dicembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu(10) , u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu(11) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0286/2011),

A.  billi wara l-attakki atroċi tal-11 ta' Settembru 2001, l-ewwel deċennju tas-seklu 21 baqa' mmarkat mill-“Ġlieda kontra t-Terroriżmu”, b'mod speċjali minħabba l-approċċ tal-Istati Uniti; billi minkejja li dawn l-attakki jew attakki oħra ta' daqs simili ma seħħewx f'art Ewropea, l-ippjanar u t-tħejjija tagħhom seħħew parzjalment fl-Ewropa, u billi ħafna Ewropej ħassew li dawn kienu attakk fuq il-valuri tagħhom u fuq il-mod ta' għajxien tagħhom;

B.  billi l-Unjoni Ewropea qiegħda kulma jmur tkun fil-mira u anke vittma tat-terroriżmu fis-seklu 21 u qiegħda tħabbat wiċċha ma' theddida omnipreżenti;

C.  billi l-attentati terroristiċi gravi fl-UE sa mill-attentati tal-11 ta' Settembru 2001 fl-Istati Uniti, inklużi l-attakki terroristiċi f'Madrid fl-2004 u l-attakki f'Londra fl-2005, ħallew impatt sinifikanti fuq is-sens ta' sigurtà komuni fost iċ-ċittadini tagħha;

D.  billi r-Rapport tas-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE tal-Europol għall-2011 (TE-SAT 2011) jindika li t-theddida ta' attakki terroristiċi fl-UE għadha serja, u li r-rabtiet bejn it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata donnu li qed jikbru, filwaqt li hemm tendenza li qed jonqsu l-attakki terroristiċi imwettqa minn, jew attribwiti lil, organizzazzjonijiet terroristiċi separatisti meta mqabbla mal-2006, minkejja li dawn għadhom il-parti l-kbira tal-attakki terroristiċi fl-UE;

E.  billi l-Programm ta' Stokkolma jidentifika żewġ theddidiet għas-sigurtà interna – it-terroriżmu internazzjonali u l-kriminalità organizzata – li f'ħafna każi, joperaw fl-istess oqsma ta' attività, bħal pereżempju t-traffikar tal-armi u tad-drogi;

F.  billi t-terroriżmu mhuwiex fenomenu reċenti; billi f'dawn l-aħħar deċennji t-terroriżmu ħa suriet ġodda bħaċ-ċiberterroriżmu, u billi n-netwerks terroristiċi saru iktar kumplessi f'termini ta' struttura, mezzi u finanzjament, u b'hekk it-theddida tat-terroriżmu saret dejjem iktar kumplessa; billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu dejjem kienet parti mill-isfera ta' kompetenza tal-Istati Membri u tal-azzjoni regolari tal-infurzar tal-liġi; billi l-attakki tal-11 ta' Settembru 2001 u dawk ta' Madrid u ta' Londra wasslu għal bidla fundamentali fil-perċezzjoni tal-fenomenu tat-terroriżmu u fil-metodi u fl-istrumenti użati fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; u billi bħala konsegwenza ta' dawn l-attakki, it-terroriżmu sar kwistjoni li teffettwa s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea kollha u mhux biss is-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri, b'qafas legali differenti ħafna;

G.  billi, minħabba n-nuqqas ta' definizzjonijiet internazzjonali mhux ambigwi tat-terroriżmu, l-UE ddefiniet ir-reati terroristiċi fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI;

H.  billi l-kooperazzjoni internazzjonali hija indispensabbli biex jitnaqqru l-bażijiet finanzjarji, loġistiċi u operattivi tat-terroriżmu;

I.  billi minkejja li l-esperjenzi tat-terroriżmu u l-livelli tat-theddid ivarjaw fl-Istati Membri tal-UE, hu meħtieġ approċċ komuni fil-livell tal-UE minħabba li l-attivitajiet terroristiċi spiss ikunu pan-Ewropej u minħabba li t-terroristi, meta jwettqu r-reati tagħhom, jisfruttaw id-diversità Ewropea f'termini leġiżlattivi u tal-kapaċitajiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-abolizzjoni tas-sorveljanza tal-fruntieri;

J.  billi ċ-ċittadini tal-UE u persuni oħra wkoll iridu garanzija tas-sikurezza u tas-sigurtà tagħhom fi ħdan l-UE u f'postijiet oħra, u l-UE għandha rwol importanti x'tiżvolġi f'dan ir-rigward;

K.  billi l-atti terroristiċi jipperikolaw id-drittijiet tal-bniedem, jheddu d-demokrazija, għandhom l-għan li joħolqu instabilità għal gvernijiet ikkostitwiti b'mod leġittimu, idgħajfu s-soċjetajiet ċivili pluralistiċi u jisfidaw l-ideal komuni li wieħed jgħix ħajtu mingħajr biża“;

L.  billi l-għan tal-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu hu li jiġġieled l-għanijiet tat-terroriżmu u t-twettiq ta' atti terroristiċi, liema atti jippruvaw jeqirdu t-tessut tas-soċjetajiet ħielsa, miftuħa u demokratiċi; billi l-għan ewlieni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandu jkun il-ħarsien u t-tisħiħ tat-tessut tas-soċjetajiet demokratiċi permezz tat-tisħiħ tal-libertajiet ċivili u l-iskrutinju demokratiku, billi tiġi żgurata s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej, billi jiġu identifikati u proċessati legalment il-partijiet responsabbli għat-twettiq tat-terroriżmu, u bl-għoti ta' rispons għall-konsegwenzi ta' attakk terroristiku permezz ta' politiki ta' inklużjoni, kooperazzjoni transkonfinali ġudizzjarja u tal-pulizija u strateġija effettiva u kkoordinata fil-livell tal-UE; billi l-effikaċja tal-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu trid titkejjel ma' dawn l-għanijiet; u billi l-approċċ tal-ġlieda kontra t-terroriżmu li għandu l-akbar ċans ta' suċċess hu dak li jiffoka fuq il-prevenzjoni tal-estremiżmu u l-eskalazzjoni vjolenti;

M.  billi l-istrateġija kontra t-terroriżmu tal-Unjoni Ewropea għandha għaldaqstant tindirizza mhux biss il-konsegwenzi tat-terroriżmu, iżda wkoll il-kawżi tiegħu;

N.  billi l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti hija parti essenzjali mill-prevenzjoni u mir-rippressjoni tat-terroriżmu;

O.  billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu tfisser ġlieda kontra kull forma ta' terroriżmu, inkluż iċ-ċiberterroriżmu, in-narkoterroriżmu u l-interkonnessjoni tal-gruppi terroristiċi ma' attivitajiet kriminali multipli u fi ħdanhom, kif ukoll it-tattiki li t-terroriżmu juża biex jopera, bħall-finanzjament illeċitu, l-estorsjoni finanzjarja, il-ħasil ta' flus, u l-użu ta' entitajiet jew istituzzjonijiet legali biex jaħbu warajhom l-operazzjonijiet ta' gruppi terroristiċi;

P.  billi t-terroriżmu huwa problema tal-Istat, u għalhekk huwa l-kompitu tal-istituzzjonijiet demokratiċi li jfasslu u jippreservaw il-linji essenzjali tal-politika kontra t-terroriżmu biex jinstab l-aktar kunsens politiku u soċjali wiesa' possibbli; billi l-ġlieda demokratika kontra t-terroriżmu, li neċessarjament tagħmel parti mill-istat kostituzzjonali u l-istat tad-dritt, hi kwistjoni tal-partiti politiċi kollha rappreżentati fl-istituzzjonijiet demokratiċi, kemm jekk huma fil-gvern kif ukoll jekk huma fl-oppożizzjoni; u għalhekk huwa rakkomandabbli li tinżamm id-definizzjoni tal-politika kontra t-terroriżmu, li skontha, f'kull soċjetà demokratika hija kwistjoni għall-gvernijiet, li tirriżulta mill-konfront leġittimu bejn il-partiti politiċi u għaldaqstant mill-kompetizzjoni elettorali;

Q.  billi huwa raġonevoli li jitkejlu l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-politiki kontra t-terroriżmu, billi min ifassal il-politiki għandu jkun jaf jekk id-deċiżjonijiet tiegħu hux qed ikollhom l-impatt mixtieq u ċ-ċittadini għandhom id-dritt iżommu lir-rappreżentanti eletti tagħhom responsabbli;

R.  billi għaxar snin wara l-attakki li ħasdu lid-dinja, wasal iż-żmien li nirriflettu dwar dak li ksibna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; billi l-evalwazzjoni tippermetti tfassil tal-politika aktar effiċjenti u effikaċi, u billi fkull demokrazija moderna d-deċiżjonijiet politiċi għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni u r-rieżami ta' sikwit;

S.  billi ftit li xejn sar biex jiġi valutat sa liema punt il-politiki tal-UE kontra t-terroriżmu laħqu l-objettivi ddikjarati; billi l-Parlament ripetutament appella għal evalwazzjoni bir-reqqa tal-politiki tal-UE kontra t-terroriżmu, minħabba li l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni huma prekundizzjonijiet għat-trasparenza u r-responsabilizzazzjoni ta' dawk li jfasslu l-politiki; u billi n-nuqqas ta' evalwazzjoni adegwata tal-politiki tal-UE kontra t-terroriżmu hu prinċipalment dovut għall-fatt li parti kbira minnha ssir fil-qasam tal-politiki tal-intelligence u tas-sigurtà, fejn hemm tradizzjoni ta' segretezza;

T.  billi l-għan tal-attentati terroristiċi ripetutament kien li jħallu kemm jista' jkun vittmi u jisfidaw il-kapaċitajiet istituzzjonali disponibbli;

U.  billi t-terroristi jimmiraw fuq persuni pajżana innoċenti sabiex jiksbu l-objettiv tagħhom li jxejnu d-demokrazija; billi l-persuni li ndarbu, sofrew danni jew tilfu lil xi persuna jew persuni li jħobbu f'attakki terroristiċi hu intitolati għall-appoġġ u s-solidarjetà tagħna, u li jirċievu riparazzjoni, kumpens u għajnuna;

V.  billi jeħtieġ li ssir ġustizzja, li l-ħatja jiġi proċessati legalment u li ma jkunx hemm impunità għar-reati terroristiċi, billi l-pożizzjoni tal-vittmi bħala xhieda fil-proċeduri ġudizzjarji teħtieġ attenzjoni speċjali;

W.   billi r-responsabbilizzazzjoni u r-responsabilità huma elementi essenzjali għal-leġitimità demokratika tal-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, filwaqt li l-iżbalji, l-azzjonijiet kontra l-liġi u l-ksur tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġ jiġu investigati u pproċessati ġudizzjarjament;

X.   billi l-miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom jirrispettaw id-drittijiet rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u kwalunkwe miżura adottata f'dan il-qasam għandha impatt reċiproku fuq il-libertajiet ċivili;

Y.  billi s-sorveljanza tal-massa saret element ewlieni tal-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u billi l-ġbir fuq skala kbira ta' data personali, it-teknoloġiji ta' rilevament u identifikazzjoni, l-ittrekjar u l-ittraċċar, id-“data mining” u l-profilar, il-valutazzjoni tar-riskji u l-analiżi tal-imġiba huma kollha utilizzati għall-iskop tal-prevenzjoni tat-terroriżmu; billi dawn l-istrumenti jinvolvu r-riskju li l-oneru tal-prova jitpoġġa fuq iċ-ċittadin; billi l-effikaċja u r-rata ta' suċċess ta' dawn l-istrumenti għall-prevenzjoni tat-terroriżmu huma dubjużi; u billi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-aġenziji mhux adegwat;

Z.  billi l-awtoritajiet pubbliċi qed jagħmlu aktar u aktar użu mid-data miġbura għal skopijiet kummerċjali jew privati; billi l-kumpaniji privati f'diversi setturi huma obbligati jżommu u jipprovdu d-data personali mill-bażijiet tad-data tal-klijenti tagħhom; billi l-ispejjeż marbuta mal-ħżin u l-irkupru tad-data (kemm fuq livell ta' investimenti infrastrutturali kif ukoll ta' spejjeż operattivi) huma konsiderevoli;

AA.  billi teżisti ħtieġa urġenti għal definizzjoni ġuridika uniformi tal-kunċett ta' profilar ibbażata fuq id-drittijiet fundamentali relevanti u fuq standards tal-protezzjoni tad-data biex titnaqqas l-inċertezza dwar liema attivitajiet huma projbiti u liema mhumiex;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jtenni li din trid tintrabat mal-istrateġija imminenti tal-UE dwar is-sigurtà interna; jiddispjaċih, madankollu, li l-kamp ta' applikazzjoni tagħha hu kemmxejn dejjaq u limitat għall-implimentazzjoni ta' miżuri tal-politika miftehma u ma jkoprix il-politiki nazzjonali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-miżuri nazzjonali li jittrasponu politiki miftehma fil-livell Ewropew jew internazzjonali, kif ukoll il-fatt li ma sarx eżami aktar bir-reqqa dwar il-possibilità ta' lakuni ġuridiċi jew is-sovrappożizzjoni jew irdoppjar possibbli tal-azzjonijiet u strumenti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu adottati fil-livell tal-UE; jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ konsistenti, fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, għal inizjattivi adottati fil-qasam tas-sigurtà interna, b'referenza partikolari għat-terroriżmu u għall-kriminalità organizzata;

2.  Jiddeplora wkoll il-fatt li l-Komunikazzjoni ma tkoprix biżżejjed, u lanqas tiżviluppa f'aktar dettall, il-miżuri meħuda mid-Direttorati Ġenerali għajr il-JLS (bħalma huma TRAN, ENTER jew MARKT), u li din ma tagħtix idea ċara ta' kif jinteraġixxu l-miżuri u fejn hemm sovrappożizzjoni jew lakuni; hu tal-fehma li dawn il-livelli kollha jridu jitqiesu wkoll, għax il-miżuri Ewropej, nazzjonali u internazzjonali huma komplementari, u l-valutazzjoni ta' miżuri individwali ma tagħtix stampa sħiħa tal-impatt tal-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Ewropa;

3.  Jiddispjaċih li ntilfet l-opportunità biex jiġi spjegat il-mod ta' kif ċerti strumenti tal-UE kontra t-terroriżmu - bħaż-żamma tad-data, ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) u l-Ftehim Swift - jintegraw ruħhom fl-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu;

4.  Jemmen li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha dejjem tkun il-boxxla tal-politiki tal-UE f'dan il-qasam, u tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll f'kooperazzjoni ma' partijiet terzi u pajjiżi terzi;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab tagħha jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jenfasizza, barra minn hekk, li l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali għandhom l-ewwel nett ikunu mmirati lejn il-prevenzjoni, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi d-djalogu, it-tolleranza u l-fehim fost il-kulturi, iċ-ċiviltajiet u r-reliġjonijiet differenti;

6.  Ifakkar li l-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom jilħqu l-istandards stipulati f'dak li għandu x'jaqsam man-neċessità, l-effikaċja, il-proporzjonalità, il-libertajiet ċivili, l-istat tad-dritt u l-iskrutinju demokratiku u r-responsabbilizzazzjoni li l-Unjoni ħadet l-impenn li ssostni u tiżviluppa, u li l-valutazzjoni ta' jekk dawn l-istandards ikunux qed jintlaħqu għandha tkun parti integrali ta' evalwazzjoni tal-isforzi kollha tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; iqis li dawn il-politiki jridu jiġu żviluppati skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-UE u, b'mod partikulari, għandhom jagħtu prijorità lir-rispett tad-drittijiet imħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

7.  Jerġa' jafferma li miżuri restrittivi ta' konfiska, sekwestru u ffriżar tal-assi u tal-fondi marbuta ma' persuni fiżiċi jew ġuridiċi u organizzazzjonijiet involuti jew implikati f'attivitajiet terroristiċi, jistgħu ikunu siewja bħala għodda fil-ġlieda kontra terroriżmu, iżda dawn iridu jkunu konformi bis-sħiħ mal-Artikolu 75 TFUE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

8.  Iqis li l-prevenzjoni, l-ittrekkjar u l-prosekuzzjoni ta' attivitajiet terroristiċi huma politiki kruċjali fil-livell tal-UE u għandhom jagħmlu parti minn approċċ sistematiku li ma jkunx imsejjes fuq normi ta' emerġenza iżda fuq strateġija koerenti u bbażata fuq il-ħtiġijiet. Dawn il-politiki għandhom ikunu effikaċi mil-lat tal-objettivi tagħhom u ta' effikaċja għan-nefqa, u jridu jevitaw id-duplikazzjoni tal-miżuri u l-użu ħażin tat-teknoloġiji jew tas-sistemi (function creep) min-naħa tal-istituzzjonijiet, aġenziji u entitajiet kompetenti;

9.  Jenfasizza l-fatt li l-evalwazzjoni ta' għaxar snin tal-politiki tal-UE kontra t-terroriżmu għandha tirriżulta f'objettivi politiċi ddefiniti b'mod ċar;

10.  Hu tal-fehma li t-terroriżmu huwa fenomenu li qed jevolvi b'mod kostanti u li għandu jiġi trattat permezz ta' politika kontra t-terroriżmu li tista' tindirizza dan il-fatt;

11.  Iqis id-deċiżjoni li jiġu approfonditi u żviluppati l-erba' oqsma ewlenin tal-istrateġija kontra t-terroriżmu – prevenzjoni, protezzjoni, segwiment u rispons – bħala waħda tajba;

12.  Jemmen li l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-attivitajiet terroristiċi għandhom ikunu bbażati fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fil-livell tal-UE, flimkien ma' skrutinju parlamentari sħiħ u tlestija kompluta u f'waqtha tal-pjan direzzjonali għal ġabra ta' garanziji proċedurali uniformi ta' livell għoli;

13.  Iqis li t-taħriġ u l-qawmien ta' kuxjenza fost l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-pulizija jridu jkunu prijorità sabiex jitjieb l-istat ta' tħejjija fl-Unjoni Ewropea kollha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

14.  F'dan ir-rigward, jindika l-importanza tal-kooperazzjoni tal-Istati Membri mal-OLAF u ma' aġenziji oħra tal-UE bħall-Europol, il-Eurojust u s-CEPOL;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bis-sħiħ il-ġabra ta' politiki u miżuri adottati kontra t-terroriżmu u tiffoka fuq sfidi futuri, bħar-riforma tal-Europol u tal-Eurojust fid-dawl tal-potenzjalitajiet ġodda li joffri t-Trattat ta' Lisbona, il-bżonn ta' standards uniformi għall-kisba tal-evidenza u t-twettiq tal-investigazzjonijiet, l-implimentazzjoni sħiħa ta' skwadri investigattivi konġunti, qafas imsaħħaħ tal-UE għat-taħriġ ġudizzjaru u tal-pulizija, u politiki adegwati ta' inklużjoni u ta' integrazzjoni;

16.  Hu tal-fehma li l-miżuri kontra t-terroriżmu jridu jkunu proporzjonati mal-livell tat-theddida u li jridu jiġu aġġustati f'każ ta' żieda jew tnaqqis fil-livell tat-theddida; jinnota li l-miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, f'termini ta' poteri u aġenziji governattivi ġodda, għandhom jitfasslu b'tali mod li jkunu jistgħu jiżdiedu jew jitnaqqsu, skont is-sitwazzjoni;

17.  Ifakkar li kif enfasizzat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ huma l-aktar theddida fit-tul sinifikanti u kontinwa, u għaldaqstant huma l-fus li fuqhom għandha tiffoka l-UE fl-istrateġiji tagħha ta' prevenzjoni, biex tiġġieled kontra t-terroriżmu mill-bidu nett tal-katina; jenfasizza li l-investiment f'politiki kontra r-razziżmu u kontra d-diskriminazzjoni jikkostitwixxu strument kruċjali biex jiġu ttrattati u prevenuti r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta' terroristi potenzjali;

18.  Ifakkar fil-kontribut importanti ta' ħafna NGOs u tas-soċjetà ċivili, spiss iffinanzjati mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, lejn l-iżvilupp soċjoekonomiku, il-bini tal-paċi, il-bini tan-nazzjonijiet u d-demokratizzazzjoni, li kollha huma essenzjali biex jiġu miġġielda r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ;

19.  Jitlob għall-ħolqien ta' strateġija komprensiva dwar l-interkonnessjoni bejn il-kriminalità, it-traffikar tad-drogi u t-terroriżmu organizzati fil-livell internazzjonali; u jinkoraġġixxi l-analiżi kontinwa ta' tendenzi u karatteristiċi ġodda fid-diversifikazzjoni, ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ, u dawk relatati mar-rwol ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali fil-finanzjament tat-terroriżmu;

20.  Jitlob, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprevjenu l-qawmien tal-estremiżmu;

21.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu estiżi u żviluppati s-sħubiji strateġiċi eżistenti u ġodda relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu ma' pajjiżi barra l-Ewropa, sakemm dawn is-sħubiji jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-kooperazzjoni strateġika bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti u jindika l-ħtieġa għall-kooperazzjoni mal-imsieħba l-oħra, filwaqt li jtenni l-importanza li l-Unjoni tagħti lill-protezzjoni tad-data personali taċ-ċittadini u lid-drittijiet umani u ċivili tagħhom;

22.  Jissottolinja li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija parti integrali mir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi; jitlob għal żieda fil-finanzjament tal-miżuri li jgħinu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Istrument għall-Istabbiltà li jmiss sabiex jiġi evitat it-tkissir tal-istati; jaqbel, f'dan ir-rigward, li maż-żoni ta' prijorità huma n-Nofsinhar tal-Asja, b'mod partikolari l-Pakistan u l-Afganistan, ir-reġjun tas-Sahel (il-Mawritanja, il-Mali, in-Niġer), is-Somalja u l-Jemen; jilqa' l-preżentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fir-reġjun tas-Sahel fil-21 ta' Marzu 2011 u jistieden lill-Kunsill jadotta l-Istrateġija b'konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew; jilqa' l-inklużjoni tal-klawżoli dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-ftehimiet internazzjonali;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kunsill jimplimentaw b'ħeffa l-arranġamenti relatati mal-klawżola ta' solidarjetà introdotta permezz tat-Trattat ta' Lisbona;

24.  Jinsisti fuq l-importanza li jiġu ddefiniti sett uniformi ta' standards għall-protezzjoni u l-appoġġ speċifiċi ta' vittmi tat-terroriżmu, inklużi x-xhieda, anke fil-qafas tal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (COM(2011)0275);

Evalwazzjoni u eżerċizzju ta' mmappjar

25.  Jenfasizza li evalwazzjoni xierqa ta' għaxar snin ta' politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha tiffoka fuq analiżi dwar jekk il-miżuri meħuda għall-prevenzjoni u ġlieda kontra t-terroriżmu fl-UE kinux ibbażati fuq l-evidenza (u mhux fuq suppożizzjonijiet), immexxija mill-ħtiġiet, koerenti u part minn strateġija komprensiva tal-UE kontra t-terroriżmu, ibbażati fuq valutazzjoni profonda u kompluta, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tirrappurta lil Laqgħa Parlamentari Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-kumitati parlamentari nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza tal-attivitajiet ta' kontra t-terroriżmu fi żmien 6 xhur wara li jkun ġie kkummissjonat l-istudju, b'referenzi u tislit minn rapporti li għandhom jintalbu mingħand organizzazzjonijiet u aġenziji relevanti bħall-Europol, il-Eurojust, l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti;

26.  Jiffavorixxi approċċ olistiku u komprensiv għall-politika tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fis-sura ta' allinjament tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà u l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna u tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' koordinament eżistenti bejn l-istrutturi tal-Kunsill tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni, l-aġenziji u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna; jenfasizza li l-intelligence tajba hi kruċjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li l-UE qiegħda f'pożizzjoni tajba unika biex tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-intelligence bejn l-Istati Membri sakemm ikun hemm bażi legali xierqa għal kooperazzjoni tali, u li din tkun inkorporata fil-proċeduri regolari tat-teħid tad-deċiżjonijiet, iżda din trid tkun suġġetta għall-istess standards ta' responsabbilizzazzjoni li japplikaw fl-Istati Membri; jindika li l-intelligence umana, apparti l-mezzi tekniċi kollha disponibbli, għadha indispensabbli għall-ġlieda kontra n-netwerks terroristiċi u l-prevenzjoni f'waqtha tal-attakki;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi evalwazzjoni sħiħa u dettaljata, abbażi ta' informazzjoni disponibbli pubblikament u informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 70 TFUE, filwaqt li tinkludi mill-inqas il-punti li ġejjin:

   (a) Analiżi ċara tar-rispons għat-theddida terroristika, ibbażata fuq id-definizzjoni stipulata fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżm, kif ukoll analiżi tal-qafas tal-miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu biex tiġi indirizzata din it-theddida f'termini ta' effettività, lakuni fis-sigurtà, prevenzjoni, prosekuzzjoni u żieda fis-sigurtà fl-Ewropa, inkluża l-effettività tal-aġenziji tal-UE u l-proporzjonalità tagħhom;
   (b) Il-fatti, ċifri u xejriet relatati mal-attività terroristika u mal-attività tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;
   (c) Stampa ġenerali sħiħa tal-impatt akkumulat tal-miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq il-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali, il-miżuri minn pajjiżi terzi b'impatt dirett fuq l-UE u l-miżuri kollha meħuda f'dan il-qasam marbuta mar-relazzjonijiet barranin, kif ukoll il-ġurisprudenza relevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-qrati nazzjonali;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tindika liema miżuri għandhom objettivi oltre mill-ġlieda kontra t-terroriżmu, jew fejn objettivi ulterjuri ġew miżjuda mal-iskop inizjali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (“mission creep” u “function creep”) bħall-infurzar tal-liġi, il-politiki ta' immigrazzjoni, is-saħħa pubblika jew l-ordni pubbliku;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal mappa kompluta u ddettaljata tal-politiki kollha eżistenti tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Ewropa, b'fokus speċjali fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE u fuq kif din ġiet trasposta u implimentata fil-livell tal-UE; fl-istess ħin jistieden lill-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni komprensiva tal-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu tagħhom, b'fokus partikolari fuq l-interazzjoni mal-politiki tal-UE, is-sovrapożizzjoni u l-lakuni, sabiex jikkooperaw aħjar fl-evalwazzjoni tal-politiki tal-UE – fosthom billi jipprovdu tabelli ta' korrelazzjoni li jidentifakaw liema dispożizzjonijiet ta' liġijiet tal-Istati Membri jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta' atti tal-UE u billi jipprovdu l-kontribut tagħhom fl-iskadenzi mogħtija, bħal fil-każ tad-Direttiva dwar iż-Żamma ta' Data;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi rapport sħiħ u dettaljat, abbażi ta' informazzjoni disponibbli pubblikament u informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 70 TFUE, dwar ir-riżorsi kollha li ntefqu mill-UE, l-Istati Membri tal-UE u l-kumpaniji privati f'miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, direttament jew indirettament, inklużi dawk il-miżuri mmirati speċifikament għal attivitajiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, għal personal, sistemi u bażijiet tad-data tal-IT relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjonit tad-data, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, għall-finanzjament ta' riċerka relatata mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u l-iżvilupp tal-linji baġitarji relevanti tal-UE sa mill-2001, filwaqt li jiġu speċifikati wkoll ir-riżorsi allokati minn pajjiżi terzi lil dan il-qasam;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni tivverifika jekk il-miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu humiex qed jiġu implimentati kif jixraq u tinforma regolarment lill-Parlament u lill-Kunsill dwar dak li jirriżulta mill-verifika;

32.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea twettaq studju dwar l-ispejjeż magħmula mis-settur privat għall-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u tagħti stampa ġenerali tas-setturi li qed jibbenefikaw mill-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

L-iskrutinju demokratiku u r-responsabbilizzazzjoni

33.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju biex tistabbilixxi jekk il-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu humiex suġġetti għal skrutinju demokratiku effettiv, abbażi ta' informazzjoni disponibbli pubblikament u informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 70 TFUE, inklużi mill-inqas il-kwistjonijiet li ġejjin:

   (a) valutazzjoni dettaljata li tistabbilixxi jekk il-parlamenti nazzjonali jew il-Parlament Ewropew kellhomx drittijiet sħaħ u l-mezzi ta' skrutinju, bħall-aċċess għat-tagħrif, żmien biżżejjed għal proċedura bir-reqqa, u drittijiet li jimmodifikaw il-proposti dwar miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, inklużi miżuri miftiehma f'korpi internazzjonali governattivi u nongovernattivi, attivitajiet nonleġiżlattivi tal-UE jew iffinanzjati mill-UE, bħal programmi ta' riċerki u miżuri adottati minn pajjiżi terzi b'effett extraterritorjali fl-UE;
   (b) il-ħtieġa li r-rieżami tal-miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jkun jinkludi test bir-reqqa tal-proporzjonalità;
   (c) l-għoti ta' stampa ġenerali tal-klassifikazzjoni tad-dokumenti, xejriet fl-użu tal-klassifikazzjoni, u data dwar l-aċċess mogħti lil dokumenti relatati mal-ġlieda kontra –t-terroriżmu;
   (d) stampa ġenerali tal-istrumenti għall-iskrutinju demokratiku tal-kooperazzjoni transkonfinali mill-aġenziji tal-intelligence, u b'mod aktar speċifiku tas-SitCen, il-Watch-Keeping Capability, il-Crisis Room, il-Clearing House tal-Kunsill, u l-Kumitat għas-Sigurtà Interna (COSI);

34.  Jitlob ukoll, fir-rigward tal-miżuri kontra t-terroriżmu, li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità u jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, filwaqt li niftakru li l-miżuri kollha ta' dan it-tip iridu jikkonformaw mal-liġi u mal-istat tad-dritt;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet legali kompetenti jinvestigaw kwalunkwe azzjoni kontra l-liġi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali u l-ordni legali fejn ikun hemm xi evidenza jew suspett ta' azzjoni jew ksur tali, u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li dawn jiġu rettifikati;

36.  Jistenna bil-ħerqa l-konklużjonijiet tar-rapport ta' segwitu tal-Kumitat TDIP tal-PE dwar l-allegati trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA, u jitlob li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet relevanti kollha tal-PE;

37.  Jenfasizza li l-UE għandha tgħin lill-Istati Uniti ssib soluzzjonijiet xierqa għall-kwistjoni tal-għeluq ta' Guantanamo u sabiex ikun żgurat li l-priġunieri jingħataw smigħ xieraq;

38.  F'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, meta jkunu qed jirrevedu l-miżuri ta' listi suwed (“blacklisting”) u ta' ffriżar tal-assi, jikkunsidraw b'mod partikolari l-pożizzjoni tal-NGOs u tas-soċjetà ċivili, biex jiġi żgurat li l-NGOs ma jiġux elenkati “b'assoċjazzjoni” u li ma jiġux imxekkla indebitament fil-ħidma tagħhom mal-organizzazzjonijiet sħab tagħhom;

39.  Hu konxju tal-appell tal-Kummissjoni kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fl-aħħar każ ta' Kadi v. il-Kummissjoni ; jitlob lill-atturi kollha jwettqu reviżjoni dettaljata tar-reġim tas-sanzjonijiet u jiżguraw li huwa konformi għalkollox mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u mal-istat tad-dritt, skont il-każistika relevanti kollha; hu tal-fehma li dawk li kienu fil-mira tas-sanzjonijiet għandhom jingħataw it-tagħrif li jissostanza għalfejn ġew fil-mira tas-sanzjonijiet u jkunu intitolati għal rimedju ġudizzjarju effettiv;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill jinvestigaw il-ġbir ta' data personali – jekk tali ġbir ikun sar – għal finijiet ta' infurzar tal-liġi mingħajr bażi ġuridika adegwata jew bl-applikazzjoni ta' proċeduri irregolari jew saħansitra illegali;

Monitoraġġ u profilar

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq test obbligatorju tal-proporzjonalità u valutazzjoni sħiħa tal-impatt għal kull proposta li tinvolvi l-ġbir ta' data personali fuq skala kbira, teknoloġiji ta' rilevament u identifikazzjoni, trekjar u traċċar, “data mining” u profilar, valutazzjoni tar-riskji u analiżi tal-imġiba jew tekniki simili;

42.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb l-użu tad-data: il-ġbir tad-data għandu jkun permess biss wara li jkun intwera b'mod espliċitu li tali ġbir huwa meħtieġ, li ma hemmx sovrappożizzjoni potenzjali ma' miżuri oħra eżistenti u li ma teżistix il-possibilità ta' miżuri inqas intrużivi, u għandu jsir biss abbażi ta' limitazzjoni stretta tal-iskop u minimizzazzjoni tad-data, u meta l-kondiviżjoni u l-ipproċessar tad-data jkunu tjiebu ħafna;

43.  Jitlob lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali jirrapportaw dwar il-livell ta' ħarsien tad-drittijiet fundamentali u tad-data personali fil-qasam tal-Politika tal-UE tal-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu;

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiċċaraw għalkollox id-diviżjoni tax-xogħol bejn il- Koordinatur għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u r-Rappreżentant Għoli;

45.  Jistieden lill-Koordinatur għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu jfassal rapport dwar l-użu tal-intelligence umana u l-kooperazzjoni tagħha mas-servizzi tal-intelligence barranin fil-politiki Ewropej tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

46.  Jitlob lill-Kummissjoni tniedi proposti għat-tisħiħ tal-ħarsien tal-libertajiet ċivili, it-trasparenza u l-iskrutinju demokratiku fil-kuntest tal-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, bħal titjib fl-aċċess għad-dokumenti permezz tal-ħolqien ta' Att tal-UE dwar il-Libertà tal-Informazzjoni u tat-tisħiħ tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, il-KEPD u l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi emendi għad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/JHA dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li ġiet emendata l-aħħar fl-2008, biex jogħla l-istandard tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, fosthom billi tiġi aġġornata d-definizzjoni ta' offiżi terroristiċi, u biex id-Deċiżjoni tintrabat aħjar mal-istrumenti eżistenti tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-livell tal-UE, b'mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkorpora definizzjoni legali uniformi tal-kunċett ta' profilar (profiling);

49.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta għal qafas leġiżlattiv għall-ħarsien tad-data, inkluża l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, abbażi tal-Artikolu 16 TFUE u bla ħsara għar-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 39 TUE;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar - L-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà, approvata mill-Kunsill Ewropew ta' Brussell fit-12 ta' Diċembru 2003 u mfassla taħt ir-responsabilità tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Javier Solana
(2) Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà - Nipprovdu Sigurtà f'Dinja li qed Tinbidel, S 407/08
(3) ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.
(4) ĠU L 330, 9.12.2008, p. 21.
(5) Dokument tal-Kunsill 14469/4/2005.
(6) Dokument tal-Kunsill 14781/1/2005. L-Istrateġija ġiet riveduta f'Novembru 2008. Dokument tal-Kunsill 15175/2008.
(7) ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.
(8) ĠU C 56, 22.2.2011, p. 2.
(9) SOC 388 - CESE 800/2011.
(10) ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70.
(11) ĠU L 344, 28.12.2001, p. 93.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Mejju 2013Avviż legali