Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2289(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0037/2012

Testi mressqa :

A7-0037/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2012 - 8.8
CRE 13/03/2012 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0073

Testi adottati
PDF 218kWORD 55k
It-Tlieta, 13 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
Statistika Ewropea
P7_TA(2012)0073A7-0037/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2012 dwar il-ġestjoni tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea (2011/2289(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea” (COM(2011)0211),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0037/2012),

A.  billi l-Eurostat ilu jeżisti mill-1953 u l-ħtieġa għas-salvagwardja tal-indipendenza tiegħu hija rikonoxxuta sew;

B.  billi statistika affidabbli u preċiża hija essenzjali għat-tfassil effettiv tal-politika ekonomika u baġitarja min-naħa tal-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni;

C.  billi s-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-pakkett ta' tmexxija ekonomika, inkluż is-Semestru Ewropew, jirrikjedi statistika ta' kwalità għolja;

D.  billi dawk li jużaw l-istatistika għandhom jiġu fornuti b'data rilevanti, f'waqtha u preċiża li tinġabar u tiġi kkompilata minn aġenziji nazzjonali skont il-prinċipji tal-imparzjalità, l-oġġettività u l-indipendenza professjonali;

E.  billi l-istatistika għandha tkun pubblikament aċċessibbli, li tinftiehem faċilment kemm għal dawk li jfasslu l-politika kif ukoll għaċ-ċittadini u xierqa għal tqabbil fuq bażi sena b'sena;

F.  billi l-kwalità tal-Istatistika Ewropea tiddependi fuq l-integrità tal-proċess ta' produzzjoni kollu; billi l-modernizzazzjoni li għaddejja bħalissa tal-metodi għall-produzzjoni tal-istatistika tirrappreżenta investiment pubbliku vitali sabiex tiġi ssimplifikata l-katina ta' produzzjoni kollha, u teħtieġ impenn kontinwu fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

G.  billi l-kriżi tad-dejn fiż-żona tal-euro enfasizzat il-perikli ta' ineżattezza tal-istatistika u l-frodi tal-istatistika li jirriżultaw minn nuqqasijiet kemm fil-kwalità tad-data upstream tal-kontabilità pubblika kif ukoll fl-arranġament attwali tal-governanza tal-istatistika;

H.  billi l-uffiċċji tal-istatistika mhux talli għandhom ikunu statutorjament indipendenti, iżda għandu jkollhom fis-seħħ ukoll mekkaniżmi u “firewalls” biex jiżguraw li l-uffiċċji tal-istatistika huma separati mill-proċess politiku u b'hekk jevitaw nuqqasijiet sistemiċi; fl-istess ħin, madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Istat huwa responsabbli għall-korrettezza u l-awtentiċità tad-data tal-istatistika;

I.  billi r-relazzjoni bejn l-Eurostat u l-qrati tal-awdituri nazzjonali għandha tiġi msaħħa;

J.  billi l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika għandhom jiġu riformati fl-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Ewropea l-ġdida malajr kemm jista' jkun;

K.  billi madwar 350 regolament tal-istatistika li japplikaw għall-Istati Membri jimponu piż ta' konformità tal-istatistika proporzjonalment ogħla fuq l-Istati Membri ż-żgħar;

L.  billi l-Eurostat se jipprovdi l-indikaturi ekonomiċi meħtieġa għas-sorveljanza tal-politiki fiskali u t-tabella ta' valutazzjoni dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi, flimkien ma' mekkaniżmi ta' infurzar ġodda; billi r-riformi legali riċenti, notevolment is-“six pack” tal-governanza ekonomika, qiegħdu statistika robusta u affidabbli fiċ-ċentru tal-governanza ekonomika fil-livell tal-UE;

1.  Huwa tal-fehma li għandu jkun hemm approċċ sistematiku għall-kwalità, li jista' jeħtieġ riforma fil-metodu tal-produzzjoni tal-istatistika Ewropea u tranżizzjoni gradwali minn approċċ korrettiv għal approċċ preventiv għal ġestjoni tal-kwalità tal-Istatistika Ewropea b'mod ġenerali u tal-istatistika fuq il-finanzi pubbliċi b'mod partikolari; jilqa' n-natura vinkolanti tar-regoli relatati mal-produzzjoni u l-verifika tal-preċiżjoni tal-istatistika Ewropea; iqis li, li jkun hemm korpi tal-istatistika indipendenti huwa essenzjali sabiex tinżamm il-kredibilità tad-data tal-istatistika;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza u kompetenza lill-Istati Membri biex tgħinhom jindirizzaw limitazzjonijiet ta' riċerka u ostakli metodoloġiċi kbar, bil-ħsieb li jiżguraw il-konformità u l-forniment ta' data ta' kwalità għolja;

3.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi emendi għar-Regolament (KE) Nru. 223/2009 (Regolament tal-Istatistika) sabiex jiġi stabbilit approċċ proattiv għall-monitoraġġ u evalwazzjoni tad-data tal-finanzi pubbliċi fi stadju bikri upstream sabiex tippermetti azzjoni korrettiva fil-punt l-aktar kmieni possibbli; jissekonda l-proposta biex jiġi stabbilit qafas legali mmirat biex isaħħaħ il-qafas ta' governanza, speċjalment fir-rigward tal-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u l-Eurostat, u biex l-istati Membri kollha jkollhom l-obbligu li jadottaw formalment l-impenn li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fil-livell nazzjonali biex tinżamm il-fiduċja fl-istatistika u biex isir infurzar aktar rigoruż tal-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposti għal leġiżlazzjoni mmirata biex iddaħħal elementi tal-Kodiċi ta' Prattika dwar l-Istatistika Ewropea riveduta fil-liġi tal-UE, bl-għan li jkun hemm distinsjoni ċara bejn ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tal-aġenziji tal-istatistika nazzjonali u dawk tal-gvernijiet tal-Istati Membri u tiġi żgurata r-responsabbiltà aktar trasparenti u kkoordinata għall-kwalità tad-data;

5.  Iħeġġeġ lill-Eurostat ikompli, b'kollaborazzjoni mal-fornituri tad-data u l-utenti tad-data ewlenin, bl-isforzi tiegħu biex jimmodernizza l-metodi ta' produzzjoni tal-Istatistika Ewropea sabiex tinżamm il-kost-effettività;

6.  Jistieden lill-Eurostat jiżgura li jkunu stabbiliti b'mod standardizzat sistemi ta' kontabilità pubblika fl-Istati Membri kollha u li jkunu msaħħa kemm b'mekkaniżmi ta' verifika interni kif ukoll esterni, inkluża l-applikazzjoni tal-qafas legali rieżaminat reċentament tar-Regolament (KE) Nru. 479/2009, kif ukoll bi proposti leġiżlattivi ulterjuri kif jitqies xieraq; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti setgħat ta' investigazzjoni akbar lill-Eurostat;

7.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li l-istatistika tkun preċiża fil-livelli kollha tal-gvern; iħeġġeġ lill-Eurostat jiżvela pubblikament jekk għandux dubji rigward din il-preċiżjoni fit-tipi kollha ta' statistika;

8.  Iqis li l-pakkett adottat reċentament jeħtieġ standards rigward data granulari dwar kxif tas-settur pubbliku relatat mal-garanziji u r-responsabbiltajiet kontinġenti, pereżempju permezz ta' garanziji u kxif tas-settur pubbliku għal sħubiji pubbliċi-privati (PPPs); dawn għandhom jiġu żviluppati fil-pront u żvelati mill-Eurostat, fejn għandhom jitqiesu l-livelli kollha tal-gvern;

9.  Jilqa' l-azzjoni tal-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (ESGAB) biex ikun hemm superviżjoni indipendenti tal-Eurostat u tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika; jistieden lill-Eurostat u lill-uffiċċji tal-istatistika l-oħra jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-ESGAB imressqa fir-rapport annwali tiegħu tal-2011;

10.  Jenfasizza li l-ħtieġa li l-Eurostat jiżgura t-trasparenza fir-rigward tal-persunal tiegħu stess billi jippubblika informazzjoni dwar l-uffiċjali (li huma impjegati taċ-ċivil) u l-aġenti kuntrattwali tiegħu, u jipprovdi informazzjoni dwar il-mod li bih jintużaw l-esperti nazzjonali;

11.  Jenfasizza li l-indipendenza tas-servizzi tal-istatistika għandha tkun salvagwardjata kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew mit-theddida ta' interventi politiċi possibbli.

12.  Jinnota li s-sistema għal ġestjoni ta' kwalità se teħtieġ koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Eurostat u l-korpi nazzjonali responsabbli għall-verifika tad-data upstream marbuta mal-finanzi pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti li jiżguraw indipendenza akbar u aktar koerenza fil-kompetenzi tal-qrati tal-awdituri nazzjonali fil-verifika tal-kwalità tas-sorsi użati u biex jiġi stabbiliti ċifri tad-dejn u tad-defiċit nazzjonali u t-tisħiħ tar-rwol ta' koordinament tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

13.  Jenfasizza li l-ġestjoni tal-kwalità tal- istatistika finanzjarja tal-gvern kif ukoll statistika finanzjarja nazzjonali oħra kif ukoll il-preċiżjoni u r-rappurtar fil-ħin tad-data huma essenzjali sabiex is-Semestru Ewropew jiffunzjona kif suppost.

14.  Jirrikonoxxi li l-provvista ta' statistika preċiża ħafna drabi tista' tinvolvi l-ġbir u t-tqabbil ta' data minn sorsi numerużi; jinnota, għalhekk, li t-tqassir tal-iskedi għall-pubblikazzjoni tal-istatistika jista“, f'xi każi, inaqqas l-affidabbiltà jew il-preċiżjoni tal-istatistika jew iżid l-ispiża tal-ġbir tad-data; jirrakkomanda li, meta jkunu qegħdin jitqiesu l-aħjar prassi f'dan il-qasam, il-bilanċ bejn il-waqt xieraq, l-affidabbiltà u l-ispiża ta' tħejjija jistgħu jitqiesu sew;

15.  Iħeġġeġ lill-Eurostat jikkunsidra metodi biex il-pubblikazzjonijiet tiegħu, b'mod partikolari dawk onlajn, ikunu jistgħu jintużaw aktar faċilment miċ-ċittadin medju u dawk mhux professjonijisti speċjalment fir-rigward tal-użu tal-grafika; jemmen li l-websajt tal-Eurostat għandu jippermetti aċċess aktar faċli biex jitlesta serje tad-data fit-tul u għandu jinkludi grafiki komparattivi intuwittivi sabiex jingħata aktar valur miżjud liċ-ċittadini; iżid, barra minn hekk, li l-aġġornamenti perjodiċi tiegħu għandhom jipprovdu, fejn possibbli, informazzjoni dwar kull Stat Membru u joffru serje sena b'sena u xahar b'xahar u, fejn possibbli u utli, serje tad-data fit-tul;

16.  Jenfasizza li l-provvista ta' statistika preċiża, rilevanti u ta' kwalità għolja hija ta' importanza ewlenija għal żvilupp reġjonali sostenibbli u bbilanċjat; jinnota li data preċiza u eżatta tikkostitwixxi bażi għall-ksib ta' informazzjoni dettaljata dwar oqsma individwali bħad-demografija, l-ekonomija u l-ambjent, u għalhekk għandha r-rwol ewlieni fil-proċess għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp reġjonali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tindirizza l-bżonn ta' informazzjoni tal-istatistika affidabbli li tippermetti lill-politiki tal-UE jirreaġixxu aħjar għar-realtajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali fil-livell reġjonali;

18.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Eurostat li jistabbilixxi qafas legali “għall-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika”; jenfasizza li l-konformità mar-regola tal-kunfidenzjalità tad-data fl-SSE (is-Sistema Statistika Ewropea), kif ukoll mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, se tgħin biex tkabbar il-fiduċja fl-aġenziji tal-istatistika;

19.  Jinnota li huwa essenzjali li jitjieb il-mod ta' kif jaħdmu s-sistemi ta' kontabbiltà pubblika; madankollu jitlob lill-Kummissjoni tiċċara jekk l-istandardizzar tas-sistemi ta' kontabbiltà pubbliċi fl-Istati Membri huwiex meħtieġ u possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tfassal metodoloġija komuni u timplimenta soluzzjonijiet effettivi, adattati u stabbiliti;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata sistema koerenti għal riċerka fi proċessi soċjoekonomiċi f'żoni transkonfinali, inklużi dawk fir-reġjuni li jinsabu mal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, flimkien ma' statistika dwar il-makroreġjuni, sabiex tinkiseb stampa affidabbli, kompluta u preċiża tal-ekonomija f'termini ta' żvilupp reġjonali u makroreġjonali, li tkopri kemm id-dimensjoni urbana kemm iż-żoni rurali; jemmen li l-mekkaniżmi ta' riċerka marbuta mal-bilanċ tal-pagamenti għandhom jitjiebu; jinnota, ukoll, li l-kontijiet reġjonali u nazzjonali għandhom jiġu ssorveljati mill-qrib bħala parti minn sistema robusta ta' ġestjoni ta' kwalità għall-istatistika Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Avviż legali - Politika tal-privatezza