Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2552(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0130/2012

Testi mressqa :

B7-0130/2012

Dibattiti :

PV 15/03/2012 - 7
CRE 15/03/2012 - 7

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2012 - 11.7
CRE 15/03/2012 - 11.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0091

Testi adottati
PDF 297kWORD 60k
Il-Ħamis, 15 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
Is-Sitt Forum Dinji dwar l-Ilma
P7_TA(2012)0091B7-0130/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar is-Sitt Forum Dinji dwar l-Ilma li se jseħħ f'Marsilja mit-12 sas-17 ta' Marzu 2012 (2012/2552(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-Sitt Forum Dinji dwar l-Ilma li se jseħħ f'Marsilja mit-12 sas-17 ta' Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet finali tal-ewwel ħames Fora Dinjija dwar l-Ilma, li saru f'Marrakesh (1997), f'The Hague (2000), fi Kjoto (2003), fil-Belt tal-Messiku (2006) u f'Istanbul (2009),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 64/292 tat-28 ta' Lulju 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-dritt tal-bniedem għall-ilma u għal kundizzjonijiet sanitarji u r-riżoluzzjoni 15/9 tat-30 ta' Settembru 2010 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur u għal kundizzjonijiet sanitarji,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li stipulat l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju bħala objettivi stabbiliti konġuntament mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar u li pprevediet li sal-2015 jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon tal-popolazzjoni mingħajr aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u għal infrastruttura sanitarja bażika,

–  wara li kkunsidra t-tielet Rapport tan-NU dwar l-Iżvilupp tar-Riżorsi tal-Ilma fid-Dinja bit-titolu “L-ilma f'Dinja li qed tinbidel”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar it-tniġġis tal-ilma adottata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP/UE f'Budapest (16-18 ta' Mejju 2011),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ilma(1) (Direttiva Qafas dwar l-Ilma),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2011 dwar l-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni tal-UE qabel il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20)(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoniet tiegħu tat-12 ta' Marzu 2009 dwar l-ilma fid-dawl tal-Ħames Forum Dinji dwar l-Ilma f'Istanbul mis-16 sat-22 ta' Marzu 2009(3) u tal-15 ta' Marzu 2006 dwar ir-Raba' Forum Dinji dwar l-Ilma f'Belt il-Messiku (16-22 ta' Marzu 2006)(4),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni dwar is-Sitt Forum Dinji dwar l-Ilma f'Marsilja, bejn it-12 u s-17 ta' Marzu 2012 (O-000013/2012 – B7-0101/2012),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.  billi kważi nofs il-popolazzjoni tad-dinja li qed tiżviluppa m'għandhiex strutturi sanitarji, “il fuq minn 800 miljun ruħ għadhom jużaw sorsi mhux sikuri tal-ilma tax-xorb, u billi l-aċċess inadegwat għall-ilma sikur u għas-servizzi tas-sanità u l-prattiki ħżiena ta' iġjene jikkawżaw il-mewt ta' aktar minn 2,5 miljun tifel u tifla kull sena,

B.  billi l-ġestjoni tal-ilma għandha impatt dirett fuq is-saħħa tal-bniedem, il-produzzjoni tal-enerġija, l-agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel, u l-ġestjoni effikaċi tal-ilma hija prekundizzjoni fundamentali għat-tnaqqis tal-faqar;

C.  billi d-deforestazzjoni, l-urbanizzazzjoni, it-tkabbir tal-popolazzjoni, it-tniġġis bijoloġiku u kimiku u t-tibdil fil-klima qed jagħmlu pressjoni ġdida u intensifikata fuq id-disponibilità u l-kwalità ta' sorsi tal-ilma tajbin u sikuri, kif ukoll jikkawżaw riskji akbar ta' eventi estremi relatati mal-ilma, u l-popolazzjonijiet foqra huma l-aktar vulnerabbli għal dawn ix-xejriet, kif ukoll l-anqas kapaċi li jadattaw għalihom;

D.  billi ġeografikament l-ilma huwa mqassam b'mod ferm inugwali u sikwit ikun immaniġġjat l-aħjar permezz ta' approċċ ta' “governanza f'diversi livelli” li jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

E.  billi, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-Raba' u l-Ħames Fora Dinjin dwar l-Ilma, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iħeġġu lill-awtoritajiet lokali tal-UE jiddedikaw parti mill-imposti li jiġbru mill-utenti għall-provvista tal-ilma u ta' servizzi sanitarji għal miżuri ta' kooperazzjoni deċentralizzata, u billi, minkejja l-fatt li azzjoni f'dal-qasam tirriżulta f'aċċess miżjud għall-ilma u għall-infrastrutturi ta' sanità għall-ifqar nies, dawn it-talbiet ma wasslu għall-ebda azzjoni;

F.  billi s-sistemi tal-infrastrutturi tal-ilma sikwit ikunu inadegwati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jkun għadda żmienhom fil-pajjiżi żviluppati;

G.  billi l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda għandhom il-potenzjal li jiksbu effiċjenza u sostenibilità akbar fl-użu tal-ilma, u jistgħu jintużaw b'mod partikulari għall-vantaġġ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

H.  billi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma stabbiliet qafas biex jitħares u jiġi ripristinat l-ilma nadif fl-UE u sabiex jiġi żgurat l-użu sostenibbli u fit-tul tiegħu;

I.  billi stat tajjeb tal-ilma jinkiseb l-aħjar permezz tat-tnaqqis tar-rimi, tal-emissjonijiet u tar-rilaxx ta' kontaminanti fl-ambjent;

J.  billi l-oqfsa l-ġodda tal-UE proposti għall-Politika Agrikola Komuni u l-Politika ta' Koeżjoni, fil-kuntest tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, jippromwovu l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi;

K.  billi l-Forum Dinji dwar l-Ilma, li jiltaqa' kull tliet snin, jipprovdi pjattaforma unika fejn il-komunità interessata fil-kwistjonijiet dwar l-ilma u dawk li jfasslu l-politika u d-deċiżjonijiet mir-reġjuni kollha tad-dinja jistgħu jiltaqgħu, jiddibattu u jippruvaw isibu soluzzjonijiet biex tinkiseb sikurezza tal-ilma;

L.  billi s-Sitt Forum Dinji dwar l-Ilma, li t-tema tiegħu hija “Wasal iż-żmien għas-soluzzjonijiet”, jidentifika 12-il prijorità ewlenija għal azzjonijiet dwar l-ilma, maqsuma fi tliet direzzjonijiet strateġiċi, primarjament li “jiġi żgurat il-benessri ta' kulħadd”, “isir kontribut lill-iżvilupp ekonomiku” u li “l-pjaneta tinżamm blu”, kif ukoll tliet “kundizzjonijiet għas-suċċess”;

Jiġi żgurat il-benessri ta' kulħadd

1.  Jiddikjara li l-ilma huwa riżorsa komuni tal-umanità u għalhekk m'għandux ikun sors ta' profitt illeġittimu u li l-aċċess għall-ilma għandu jikkostitwixxi dritt fundamentali u universali; jilqa' l-fatt li n-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxiet id-dritt tal-bniedem għall-ilma tajjeb għax-xorb u għas-servizzi tas-sanità kif derivati mid-dritt għal livell xieraq ta' għajxien; jappella biex jitwettqu l-isforzi kollha neċessarji sabiex, sal-2015, jiġi garantit aċċess għall-ilma lill-iktar popolazzjonijiet foqra;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-impenn tagħhom biex jintlaħqu bis-sħiħ l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-ilma u s-sanità, kif ukoll jikkunsidraw ir-riżultati rilevanti tal-Konferenza Rio+20 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli; jenfasizza li d-dibattitu tal-Forum Dinji dwar l-Ilma għandu jimmira lejn strateġiji u soluzzjonijiet għall-agrikoltura u l-iżvilupp ekonomiku li jistgħu jiggarantixxu livell għoli ta' disponibilità u kwalità tal-ilma;

3.  Jissottolinja n-neċessità li jsiru impenji konkreti lejn il-promozzjoni u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma speċjalment fid-dawl tal-Konferenza Rio+20 li jmiss;

4.  Iqis is-saħħa pubblika u l-ħarsien tal-ambjent bħala prijoritajiet ta' kwalunkwe politika ta' ġestjoni tal-ilma; jenfasizza r-rwol fundamentali tal-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma tax-xorb għas-saħħa tal-bniedem; jappella għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' miżuri fil-livell tal-baċini tal-ilma li jkopru ċ-ċiklu idroloġiku kollu; jirrimarka li t-tniġġis tal-ilma għandu jiġi indirizzat fis-sors, biex b'hekk jiġi limitat l-ammont ta' sustanzi perikolużi li jidħlu fl-ambjent u fiż-żoni tar-riżorsi tal-ilma tajjeb għax-xorb; jappella għall-implimentazzjoni tal-prinċipju “min iniġġes iħallas”;

5.  Jenfasizza r-rwol tal-ilma għall-paċi u l-kooperazzjoni; jappella għall-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali għall-ġestjoni maqsuma tal-uċuħ tal-ilma u tal-ilma tal-blat transkonfinali, li jġibu flimkien lill-popolazzjonijiet u l-amministrazzjonijiet sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u bħala salvagwardja kontra l-kunflitti lokali u internazzjonali;

Kontribut lill-iżvilupp ekonomiku

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ fl-użu tal-ilma biex jiġi żgurat li d-disponibilità tlaħħaq mad-domanda, kif ukoll il-kwalità, b'mod partikulari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella għall-adozzjoni ta' pjanijiet integrati ta' ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma flimkien mal-ippjanar tal-artijiet fuq livell internazzjonali, nazzjonali u lokali;

7.  Jappella għal investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi għall-ilma fl-oqsma kollha; jinkuraġġixxi l-użu ta' tekonoloġiji, tagħmir u faċilitajiet ġodda tal-ilma fil-qasam tal-biedja, biex jiġi prodott biżżejjed ikel sikur b'mod sostenibbli bl-użu aktar effiċjenti tal-ilma u billi jsir użu aħjar ta' sorsi mhux konvenzjonali tal-ilma, inkluż l-użu mill-ġdid ta' ilma mormi u ttrattat mill-ġdid għall-finijiet tat-tisqija u industrijali;

8.  Jitlob li jitneħħew l-ostakli li jipprevjenu t-trasferiment ta' għarfien u teknoloġija dwar il-konservazzjoni tal-ilma, il-ġbir tal-ilma, it-tekniki ta' irrigazzjoni, il-ġestjoni tal-ilma ta' taħt l-art, it-trattament tal-ilma mormi eċċ.;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-effiċjenza tal-ilma; jitlob li jsir użu aktar effiċjenti tal-ilma speċjalment f'setturi bħas-settur tal-agrikoltura, fejn tintuża l-biċċa l-kbira tal-ilma, peress li huwa f'dawn is-setturi li tista' tinkiseb l-aktar effiċjenza; jitlob li jkun hemm ukoll rekwiżiti minimi ta' effiċjenza għall-prodotti b'implikazzjonijiet kbar fuq il-konsum tal-ilma li jitpoġġew fis-suq tal-UE, b'kunsiderazzjoni wkoll tal-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija relatat;

10.  Jenfasizza li l-użu sostenibbli tal-ilma huwa fl-istess ħin neċessità ekonomika u neċessità ambjentali u tas-saħħa; jitlob li jkun hemm aktar trasparenza fl-iskemi tal-ipprezzar tal-ilma;

Il-pjaneta tinżamm blu

11.  Jenfasizza li l-ilma huwa partikolarment vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima, u dan jista' jwassal għal tnaqqis fil-kwantità u l-kwalità tal-ilma disponibbli, partikolarment tal-ilma tax-xorb, kif ukoll għal żieda fil-frekwenza u l-intensità tal-għargħar u ta' żminijiet ta' nixfa; jappella biex il-politiki tat-trażżin tat-tibdil fil-klima u ta' adattament għalih iqisu kif jixraq l-impatt fuq ir-riżorsi tal-ilma; jenfasizza l-importanza ta' strateġiji ta' prevenzjoni tar-riskju, ta' trażżin u ta' rispons bil-għan li jiġu evitati fenomeni estremi relatati mal-ilma;

12.  Jistieden lill-pajjiżi kollha jiffissaw, sal-2015, objettiv kwantitattiv għat-tnaqqis tat-tniġġis kimiku u bijoloġiku mill-ilma mormi urban u mill-attivitajiet ibbażati fuq l-art, sabiex titħares u tiġi ripristinata l-kwalità tal-ilma u sabiex tiġi appoġġjata s-sotenibilità tar-riżorsi tal-ilma u tal-ekosistemi; ifakkar lill-Istati Membri fl-obbligi tagħhom skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma biex jiksbu stat tajjeb tal-ilma sal-2015; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha neċessarji u jagħmlu disponibbli biżżejjed fondi biex jilħqu dawn l-objettivi dwar il-kwalità tal-ilma;

Il-kundizzjonijiet għas-suċċess

13.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' bażi ta' għarfien komuni dwar l-ilma fuq livell dinji u tal-UE; jappella għall-iżvilupp ta' indikaturi fundamentali globali għall-kwalità, il-kwantità, id-disponibilità u l-aċċessibilità ekonomika tal-ilma, kif ukoll indikaturi dwar l-effiċjenza tal-ilma fil-livell tal-baċini tax-xmajjar;

14.  Jappoġġa l-iżvilupp ta' pjanijiet integrati ta' ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar fil-livell dinji; jenfasizza r-rwol primarju tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-ilma skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; jenfasizza r-rwol fundamentali tal-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jindirizzaw b'mod kosteffiċjenti l-kwistjonijiet globali dwar l-ilma, u biex jipprevjenu l-korruzzjoni;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, u lill-Istati Membri jaderixxu mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1997 dwar il-Mogħdijiet tal-Ilma Internazzjonali u jippromwovu wkoll id-dħul fis-seħħ tal-emendi tal-Konvenzjoni ta' Ħelsinki tal-1992 dwar il-Protezzjoni u l-Użu tal-Mogħdijiet tal-Ilma Transkonfinali u l-Lagi Internazzjonali, li se jippermettu l-estensjoni tal-ambitu ta' dan l-istrument lil hinn mill-uniċi pajjiżi tal-UNECE, kif ukoll li jħeġġu r-ratifika aktar wiesgħa tal-protokoll dwar l-ilma u s-saħħa tal-Konvenzjoni ta' Ħelsinki tal-1992 bil-għan li tiġi promossa ġestjoni koordinata u ġusta tal-ilma fil-baċini nazzjonali u internazzjonali;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa li tintlaħaq konċentrazzjoni tematika tal-fondi disponibbli dwar kwistjonijiet tal-ilma u sabiex il-kwistjoni tal-ilma tiġi integrata fl-oqsma politiċi kollha, fosthom fl-istrumenti finanzjarji u legali kollha tal-UE; jenfasizza li, sabiex ikun hemm il-bidla b'suċċess lejn l-“ekonomija ekoloġika” u sabiex din titħaddem sewwa, huwa essenzjali li jiġu indirizzati l-isfidi dwar l-ilma;

17.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet lokali tal-UE jallokaw proporzjon mill-ħlasijiet miġbura mingħand l-utenti għall-provvista tas-servizzi tal-ilma u tas-sanità favur miżuri ta' kooperazzjoni deċentralizzata; jiġbed l-attenzjoni, bħala eżempju ta' promozzjoni, għall-prinċipju tal-“1% solidarjetà għall-ilma”, adottat minn uħud mill-Istati Membri;

o
o   o

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0430.
(3) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 157.
(4) ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 294.

Avviż legali - Politika tal-privatezza