Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2232(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0103/2012

Testi mressqa :

A7-0103/2012

Dibattiti :

PV 10/05/2012 - 9
CRE 10/05/2012 - 9

Votazzjonijiet :

PV 10/05/2012 - 12.17
CRE 10/05/2012 - 12.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0164

Testi adottati
PDF 484kWORD 154k
Il-Ħamis, 10 ta' Mejju 2012 - Brussell
Kwittanza 2010: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll tal-aġenziji tal-UE
P7_TA(2012)0164A7-0103/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll tal-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea (2011/2232(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-14 ta' Novembru 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-segwitu għar-rilaxx għas-sena finanzjarja 2009 (COM(2011)0736) u d-Dokumenti ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjawha (SEC(2011)1350 u SEC(2011)1351),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2008 bl-isem ta' “'L-Aġenziji Ewropej – Il-mixja ”l quddiem'' (COM(2008)0135),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2011 dwar il-kwittanza 2009: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll tal-Aġenziji tal-UE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar il-qafas tar-Regolament Finanzjarju għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 5/2008 tal-Qorti tal-Awdituri bl-isem “L-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea: niksbu r-riżultati”,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali speċifiċi(4) tal-Qorti tal-Awdituri dwar kontijiet annwali tal-Aġenziji deċentralizzati għas-sena finanzjarja 2010,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu bl-isem “Opportunità u fattibilità tat-twaqqif ta' servizzi ta' appoġġ komuni għall-Aġenziji tal-UE” li ħareġ fis-7 ta' April 2009,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(5), id-dikjarazzjoni tat-18 ta' Mejju 2010 tiegħu dwar l-isforzi tal-Unjoni biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(6), u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Nissieltu kontra l-korruzzjoni fl-UE (COM(2011)0308);

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0103/2012),

A.  billi din ir-Riżoluzzjoni fiha, għal kull wieħed mill-korpi riferuti fis-sens tal-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, l-osservazzjonijiet orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta' kwittanza skont l-Artikolu 96 tar-Regolament (KE, Eujratom) Nru 2343/2002 u l-Artikolu 3 tal-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

B.  billi f'dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm żieda sostanzjali fin-numru ta' Aġenziji, minn 3 fis-sena 2000 sa 24 fl-2010,

C.   billi d-deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment u l-allokazzjoni ta' Aġenziji meħuda mill-Kunsill matul is-snin reċenti, huma responsabbli għall-infiq għoli u n-nuqqas ta' effikaċja tal-funzjonament tal-Aġenziji kkonċernati, minħabba li mhumiex ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet tal-effiċjenza, fost affarijiet oħra wasslu għal lokazzjonijiet remoti u bi spejjeż kbar,

D.   billi l-baġit tal-Aġenziji deċentralizzati żdied b'mod sostanzjali bejn l-2007 u l-2010 minn EUR 1 055 000 000 (għal 21 Aġenzija) għal EUR 1 658 000 000 (għal 24 Aġenzija),

E.   billi l-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni għall-Aġenziji deċentralizzati għas-sena finanzjarja 2010 ammontaw għal iktar minn EUR 620 000 000,

F.  billi, b'segwitu tal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2008 msemmija hawn fuq, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni nedew mill-ġdid il-proġett tad-definizzjoni ta' qafas komuni għall-Aġenziji u, fl-2009, waqqfu Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar l-Aġenziji,

G.  billi dan il-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar l-Aġenziji ltaqa' għas-seba' darba fil-livell politiku fit-13 ta' Diċembru 2011 u billi ġew diskussi l-punti li ġejjin: il-kriterji għat-twaqqif ta' Aġenziji ġodda, l-għażla tal-uffiċċju ewlieni tal-Aġenziji u l-ftehim dwar is-sede, il-kompożizzjoni tal-bords tat-tmexxija, il-proċedura ta' ħatra għad-diretturi, l-evalwazzjoni u l-prestazzjoni, il-programm multiannwali, u l-appoġġ amministrattiv,

H.  billi r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-valutazzjoni komparattiva tal-ispejjeż tal-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea, kien ippjanat li joħroġ qabel tmiem l-2011, u billi ittra mibgħuta fil-15 ta' Frar 2012 mill-Qorti tal-Awdituri pprovdiet dokument ta' sintesi b'data misluta, li jkopri mill-2008 sal-2010, dwar l-ispejjeż ta' governanza, il-ġestjoni finanzjarja u l-effiċjenza operattiva tal-Aġenziji, billi l-Qorti tal-Awdituri għarrfet lill-awtorità tal-kwittanza, permezz ta' ittra tat-18 ta' April 2012, li ma kenitx l-intenzjoni tagħhom li joħorġu r-Rapport Speċjali dwar il-valutazzjoni komparattiva tal-ispejjeż tal-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea,

I.SFIDI KOMUNI DWAR IL-ĠESTJONI FINANZJARJA
Ġestjoni tar-riżorsi tal-baġit (inkużi t-trasferimenti “l quddiem u l-kanċellazzjonijiet)

1.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi annwalment lill-awtorità tal-kwittanza b'informazzjoni konsolidata dwar il-finanzjament totali annwali għal kull Aġenzija li jkun sar mill-baġit ġenerali tal-Unjoni; jisħaq li d-dokument għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

   il-kontribuzzjoni inizjali tal-Unjoni mdaħħla fil-baġit għall-Aġenzija;
   l-ammont ta' fondi li ġej mill-irkupru tal-bilanċ favorevoli;
   il-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni għall-Aġenzija;
   l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA);
  

jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi annwalment lill-awtorità ta' kwittanza informazzjoni kkonsolidata dwar, jekk ikun applikabbli, il-livell ta' dħul li jiġġeneraw l-Aġenziji, u l-livell ta' kontribuzzjonijiet li jirċievu mill-Istati Membri u minn partijiet terzi;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi l-informazzjoni elenkata f'paragrafu 1 għas-sena finanzjarja 2010, b'mod komparabbli u trasparenti, kif ukoll għas-snin finanzjarji preċedenti biex tippermetti lill-Parlament u lill-pubbliku jqabblu l-kontributi tal-Unjoni għal kull Agenzija tul medda ta' żmien; dan jiżgura wkoll ċarezza, trasparenza u kontroll tal-pubbliku fuq l-infiq tal-flus tal-Unjoni;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twaqqaf iż-żidiet fil-baġits tal-Aġenziji, u biex saħansitra tikkunsidra tnaqqas il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġits tagħhom, iħeġġeġ ukoll lill-Aġenziji jnaqqsu l-ispejjeż kurrenti u l-ispejjeż ġenerali tagħhom, inter alia permezz tal-amalgamazzjoni tal-Aġenziji b'kompiti simili jew li jkopru l-istess ambitu jew siti multipli, u jistabbilixxu mekkaniżmi biex b'mod ċar juru l-użu u l-kontabbiltà ta' kull EUR u jfaddlu sostanzjalment mill-fondi tal-Unjoni;

4.  Jitlob li l-Aġenziji kollha jiġġustifikaw, b'mod sistematiku, il-baġits emendatorji, trasferimenti u trasferimenti “l quddiem fir-rapport tagħhom dwar il-kontijiet finali annwali u r-rapport annwali dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja;

5.  Jinnota li xi Aġenziji għandhom diffikultajiet biex jonfqu l-baġit tagħhom b'mod f'waqtu u li jiġu impenjati fondi għal proġetti li ma jkunux relatati mas-sena finanzjarja; huwa imħasseb bil-fatt li ammonti sinifikanti tal-baġit jiġu allokati fl-aħħar tas-sena finanzjarja; jikkunsidra dan bħala sinjal possibbli li l-fondi tal-Unjoni, f'xi każijiet, qed jintużaw bla bżonn; jistieden lill Qorti tal-Awdituri u speċjalment lill-Aġenziji stess jiipprovdu informazzjoni addizzjonali u ġustifikazzjoni fil-każijiet taċ-CEDEFOP, is-CPVO, l-EFSA, l-EMSA, l-ENISA, l-ERA, il-EUROJUST u l-FRA li nefqu iktar minn 25% tal-baġits tagħhom fix-xahrejn finali tal-2010, kif ukoll dwar il-każijiet taċ-CEPOL, is-CPVO, il-FRONTEX u għal darb' oħra l-EMSA li kontinwament ikollhom persentaġġi għoljin ta' trasferimenti “l quddiem li jridu jiġu kkanċellati;

6.  Huwa imħasseb bil-fatt li fil-każijiet tal-ECHA, l-ENISA, l-ERA, il-EUROFOUND, l-FRA, is-CEPOL, l-EU-OSHA, l-EFSA, il-EUROJUST, l-ECDC, il-FRONTEX u l-OHIM il-proporzjon tad-dovuti apparagun tat-trasferimenti “l quddiem fl-2010 kien inqas minn 50%; jitlob informazzjoni addizzjonali u ġustifikazzjoni mill-Aġenziji msemmija hawn fuq minħabba li dan jindika li iktar minn nofs it-trasferimenti ”l quddiem tagħhom huwa relatat ma' attivitajiet inwettqa fis-sena ta' wara, u dan, jekk ma jkunx ġustifikat, imur kontra l-prinċipju tal-annwalità;

7.  Jinnota livell għoli ta' trasferimenti u ta' kanċellazzjonijiet ta' approprjazzjonijiet operattivi minn diversi Aġenziji fis-sena finanzjarja 2010 li l-Qorti tal-Awdituri ma qiesx bħala sinifikanti jew mhux iġġustifikati fir-rapporti tiegħu dwar il-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2010; għalhekk jilqa' l-informazzjoni mill-Qorti dwar il-kriterji użati biex jiġi ġġudikat x'jikkostitwixxi riport sinifikanti jew mhux iġġustifikat;

8.  Jinnota li livell għoli ta' trasferimenti “l quddiem u kanċellazzjonijiet huwa ġeneralment indikattiv tal-inkapaċità ta' Aġenzija li timmaniġġja żieda kbira fil-baġit tagħha; jirrikjedi li l-kapaċità ta' assorbiment u ż-żmien meħtieġ biex isiru l-ħidmiet addizzjonali għandu jkollhom rwol akbar f'deċiżjonijiet baġitarji; iħeġġeġ sabiex il-baġit annwali għall-Aġenzija kkonċernata jitnaqqas jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni strutturali biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni;

9.  Iħeġġeġ lill-Aġenziji jtejbu l-ġestjoni tal-impenji kif ukoll l-ippjanar intern u l-previżjonijiet tad-dħul ġenerali tagħhom sabiex jottimizzaw ir-riporti u r-rati ta' kanċellazzjoni tagħhom kif ukoll l-infiq tagħhom; ifakkar lill-Aġenziji li jeħtieġu jirfinaw is-sistemi tagħhom ta' programmazzjoni u sorveljanza u jibdew il-kuntratti aktar kmieni fis-sena biex inaqqsu l-ħtieġa ta' trasferimenti “l quddiem ta' approprjazzjonijiet; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida u żżomm livell riġidu ta' superviżjoni f'dan ir-rigward;

10.  Jirrikonoxxi, madankollu, li minħabba l-istrutturi finanzjarji tagħhom, xi Aġenziji, bħal pereżempju l-EMA, ġeneralment jispiċċaw b'livelli għolja ta' trasferimenti “l quddiem fl-aħħar ta' kull sena finanzjarja; jitlob lil dawn l-Aġenziji jistabbilixxu mekkaniżmu ġenwin li jippermettilhom jistabbilixxu, fil-ħin dovut, stima tal-livell ta' trasferimenti ”l quddiem tagħhom; huwa tal-fehma li tali mekkaniżmu huwa esenzjali biex jiġi evalwat jekk il-livell ta' riporti fl-aħħar tas-sena jkun ġustifikat u jekk l-Aġenziji humiex kapaċi jiġġestixxu l-baġit tagħhom b'mod xieraq;

11.  Jirrikonoxxi l-fatt li xi aġenziji fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja huma operattivi u li l-implementazzjoni tal-baġit tagħhom jista' jiddependi minn fatturi esterni;

12.  Jilqa' l-intenzjoni tas-CEDEFOP biex tkompli tnaqqas ir-riporti tagħha billi tissorvelja permezz ta' mudelli standardizzati tal-implimentazzjoni tal-baġit (impenji, pagamenti) u l-proċeduri ta' akkwist; iqis din il-miżura bħala prattika li għandha tiġi segwita minn Aġenziji oħra;

13.  Jinnota li qabel kwalunkwe esternalizzazzjoni jew amalgamazzjoni, jeħtieġ li ssir analiżi profonda tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji biex ikun valutat jekk l-ispejjeż amministrattivi jistgħux jitnaqqsu, pereżempju fl-oqsma tal-ippjanar tal-baġit u l-ġestjoni tal-persunal; jirreferi f'dan ir-rigward għar-riċerka dwar “L-Opportunità u l-Fattibilità tat-Twaqqif ta' Servizzi ta' Appoġġ Komuni għall-Aġenziji tal-UE” li diġà saret mill-Parlament sa mill-2009.

14.  Ifakkar li l-baġit tal-Aġenziji għandu jkun bilanċjat; jisħaq li xi Aġenziji jiġġeneraw profitti permezz tal-attivitajiet tagħhom, li xi kultant iwasslu għal bilanċ favorevoli; huwa tal-fehma li, għall-Aġenziji kompletament finanzjati mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, il-bilanċ favorevoli ġġenerat fis-sena n għandu jitnaqqas b'mod ċar mis-sussidju tal-Unjoni għas-sena n+1;

15.  Jitlob lill-Aġenziji jeżaminaw il-proċessi amministrattivi interni tagħhom bl-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv; jinnota b'mod partikolari l-proċessi ta' akkwist u ta' reklutaġġ fejn jaf ikun hemm ambitu għal tnaqqis sinifikanti;

16.  Ipoġġi pressjoni fuq l-Aġenziji biex jikkunsidraw l-ispejjeż amministrattivi tagħhom apparagun ta' dawk tal-pari tagħhom fit-tħejjija tal-pjanijiet ta' riżorsi futuri u biex jikkunsidraw it-tabella ta' klassifikazzjoni komparattiva tal-persunal amministrattiv waqt ħatriet futuri f'tali karigi;

17.  Jikkunsidra, barra minn hekk, li għall-Aġenziji parzjalment iffinanzjati minnhom infushom, il-klijenti għandhom iħallsu l-ispejjeż kollha għas-servizzi pprovduti lilhom minn dawn l-Aġenziji, inkluż il-kontribuzzjoni ta' min iħaddem għall-iskema tal-pensjoni; rigward il-kwistjoni ta' kif għandha tiġi ttrattata l-possibbiltà ta' tnaqqis mit-tbassir tad-dħul mill-ħlasijiet tal-klijenti u l-bżonn li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-fondi neċessarji għall-Aġenziji, jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-ħtieġa u l-modalitajiet possibbli għall-ħolqien ta' fond ta' riserva separat u limitat li jopera b'mod trasparenti;

18.  Jistieden lill-parteċipanti baġitarji relevanti kollha biex jirrispettaw id-dmirijiet tagħhom, fi ħdan il-proċedura tal-baġit, li jipprovdu ġustifikazzjoni adegwata għat-talbiet tagħhom rigward il-baġits tal-Aġenziji (jiġifieri talba għall-baġit inizjali, żidiet, tnaqqis) u fil-futur, biex tingħata aktar attenzjoni fid-deċiżjoni dwar żidiet f'baġit tal-Aġenzija fid-dawl taż-żmien meħtieġ biex jitwettqu l-attivitajiet il-ġodda; huwa tal-opinjoni li l-baġits tal-Aġenziji għandhom ikunu bbażati fuq il-bżonnijiet reali attwali tagħhom; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni u lill-partijiet relevanti kollha involuti fil-proċedura tal-baġit biex jimplimentaw kemm jista' jkun malajr ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri għal approċċ ta' bbaġitjar fuq bażi żero għall-Aġenziji fit-tfassil tal-baġits tal-Aġenziji, jiġifieri li l-baġit ta' kull Aġenzija jitfassal mingħajr referenza għall-ammonti storiċi u jiġi ddeterminat skont il-bżonnijiet individwali ta' kull Aġenzija;

19.  Iħeġġeġ lill-Aġenziji jimminimizzaw in-numru ta' ħlasijiet tard billi jimplimentaw miżuri korrettivi; jinsab l-aktar imħasseb minħabba li d-dewmien fil-ħlasijiet iżid ir-riskju li jkollhom jitħallsu interessi u multi għall-ħlasijiet tard li għalihom m'hemm l-ebda approprjazzjoni prevista fil-baġit;

20.  Jitlob ukoll lill-Aġenziji jirrappurtaw b'mod preċiż u komplet dwar eċċezzjonijiet b'konformità mal-Istandard għall-Kontroll Intern Nru 16;

Nuqqasijiet fil-proċeduri ta' akkwist

21.  Jinnota n-nuqqasijiet fil-proċeduri ta' akkwist; jitlob lill-Aġenziji jżidu l-effiċjenza tas-sistema tal-kontroll intern tagħhom biex jevitaw u jindunaw bl-iżbalji persistenti li jheddu l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet tal-Aġenziji;

22.  Iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Aġenziji biex isaħħu l-proċeduri ta' akkwist tagħhom u, b'mod partikolari, l-awtorizzazzjoni tal-akkwisti tagħhom fil-livell tad-deċiżjoni ta' finanzjament u tal-programm ta' ħidma; jinnota, pereżmpju, li n-nuqqas ta' data bażi tal-EMSA biex tappoġġa d-deċiżjoni ta' finanzjament dwar il-pjan ta' akkwist operazzjonali jista' jpoġġi f'riskju il-validità tad-deċiżjoni tal-Aġenzija;

23.  Jitlob ukoll lill-Aġenziji biex jinkludu fil-Programm ta' Ħidma Annwali (AWP) tagħhom informazzjoni ċara dwar l-ammont baġitarju globali riservat għall-akkwisti u n-numru indikattiv u t-tipi ta' kuntratti previsti; jinsab imħasseb li ħafna drabi l-AWP tal-Aġenziji ma jiżvelax b'mod espliċitu l-informazzjoni kollha msemmija fir-Regolament Finanzjarju u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu; jinnota li dan in-nuqqas jinsab l-aktar fl-EMSA u l-ERA;

24.  Jitlob lill-Aġenziji jiżguraw rappurtar preċiż u fil-ħin għall-iżvelar tal-eċċezzjonijiet fir-Rapporti Annwali tal-Attività b'mod komprensibbli, listi dettaljati ta' kontroll u ta' ċirkulazzjoni jippermettu lill-Aġenziji jiddefinixxu b'mod ċar id-dmirijiet ta' kull rwol tal-persunal u jiżguraw segwitu adegwat għal irregolaritajiet potenzjali;

25.  Iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Aġenziji jiżguraw li l-proċedura negozjata, li għandha tintuża taħt kundizzjonijiet strettament definiti, tiġi rrappurtata debitament fil-ħin lill-Bord Amministrattiv sabiex ikun kompletament infurmat dwar safejn iwasslu dawn il-proċeduri;

26.  Jitlob lill-Aġenziji, għaldaqstant, jiżviluppaw u jirrappurtaw dwar kontrolli ex-post biex jiżguraw segwitu adegwat għall-irregolaritajiet potenzjali; jappoġġa f'dan ir-rigward l-inizjattivi li jiżviluppaw kapaċità ċentrali u koordinata fil-livell tad-direttorat intern ta' kull Aġenzija sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' użu ineffiċjenti tar-riżorsi u sorveljenza mhux ikkoordinata tal-kuntratti;

27.  Jilqa' l-inizjattiva tal-EFSA għall-abbozzar ta' manwal prattiku għall-akkwist bid-dettalji dwar ir-rwol u r-responsabbiltajiet għal kull pass tal-proċess li għandu jiġi aġġornat b'mod regolari; iqis din l-inizjattiva bħala prattika li għandha tiġi segwita minn Aġenziji oħra;

28.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri rnexxielha tikseb garanziji raġonevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenziji kollha fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2010 f'kull aspett materjali u li t-tranżazzjonijiet sottostanti kienu legali u regolari; jinnota li l-kwittanza kwantu għall-implementazzjoni tal-baġit ta' dawk l-Aġenziji għandha tibqa' tissejjes fuq il-prestazzjoni tagħhom matul is-sena;

II.  SFIDI KOMUNI DWAR IL-PRESTAZZJONI

Programm Multiannwali (PM)

29.  Iħeġġeġ lill-Aġenziji jfasslu programmi u gwidi strateġiċi multiannwali, imfassla skont il-partikolaritajiet tal-attivitajiet tagħhom; iqis importanti li dan l-ippjanar multiannwali tal-attivitajiet (objettivi u mezzi biex jintlaħqu) ikun marbut mal-ippjannar multiannwali tar-riżorsi (b'mod partikolari baġit u persunal) u li jiġi tradott b'mod ċar fl-AWP; jitlob ukoll lill-Aġenziji biex jikkonsultaw lill-Parlament f'dan ir-rigward;

30.  Jinkoraġġixxi lill-Aġenziji biex jistabbilixxu pjan strateġiku multiannwali għall-IT biex jappoġġaw l-attivitajiet operazzjonali tagħhom;

Programm ta' Ħidma Annwali (AWP)

31.  Iqis li l-proċess intern tal-Aġenziji li jappoġġa l-istabbiliment tal-AWP tagħhom għandu impatt kbir fuq l-affidabbiltà tal-informazzjoni li l-Aġenzija tipprovdi lill-partijiet interessati tagħha u lill-awtorità tal-kwittanza; Iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Aġenziji jipprovdu konsistenza fl-ippjanar tagħhom, proċeduri u gwidi adegwati, u dokumentazzjoni suffiċjenti li tappoġġa l-AWP sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-attivitajiet kollha li għandhom isiru u dwar ir-riżorsi ppjanati għal kull attività;

32.  Jikkunsidra li huwa meħtieġ, b'mod urġenti, li l-kumitati responsabbli mill-Aġenziji jeżaminaw bl-aktar mod preċiż l-AWP tal-Aġenziji u jiżguraw li jirriflettu ċ-ċirkustanzi attwali u l-prijoritajiet politiċi;

33.  F'dan ir-rigward, jistenna lill-Aġenziji li jaħdmu aktar mill-qrib mal-Kummissjoni fit-tħejjija tal-AWP tagħhom;

34.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Aġenziji, sabiex jiżguraw li jkun hemm koordinazzjoni effikaċi tal-AWP tagħhom;

35.  Iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Aġenziji jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw li l-AWP tagħhom jitlesta b'mod xieraq u jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa (jiġifieri informazzjoni dwar l-attivitajiet kollha li saru mill-Aġenzija u dwar ir-riżorsi ppjanati għal kull attività) u jinkludu barra minn hekk stimi u informazzjoni dettaljata għall-approprjazzjonijiet ittrasferiti “l quddiem għas-sena sussegwenti;

36.  Jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, lill-Aġenziji jibbażaw l-AWP tagħhom fuq mudell sabiex jiffaċilitaw it-tqabbil; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tfassal gwida għal dan il-mudell;

37.  Jinsab imħasseb minħabba li l-assenjar tar-responsabbiltà għat-tħejjija u l-adozzjoni tal-AWP mhux imsemmi fid-Deċiżjoni li biha ġew stabbiliti ċerti Aġenziji (eż. il-EUROJUST); iqis li dan jista' jwassal għal konfużjoni u nuqqas ta' responsabbiltà għat-tħejjija u l-adozzjoni tal-AWP; qed jistenna l-proposta tal-Kummissjoni għal bidla tal-bażi legali;

Rapport ta' Attività Annwali (AAR)

38.  Iħeġġeġ lill-Aġenziji jistandardizzaw l-istruttura tal-AAR tagħhom skont il-format użat mid-Direttorati Ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni, u għaldaqstant, jipprovdu informazzjoni dettaljata u kompleta dwar: l-implimentazzjoni tal-AWP tagħhom, il-pjan politiku tal-baġit u l-persunal, indikaturi għall-ġestjoni baġitarja bħall-infiq fl-aħħar tas-sena (jiġifieri impenji baġitarji li jsiru mill-Aġenzija fit-tliet xhur finali tas-sena), sistemi ta' ġestjoni u kontroll intern, konklużjonijiet tal-awditjar interni/esterni, is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar, ir-rakkomandazzjoni tal-kwittanza, u d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv; jitlob ukoll lill-Aġenżiji jipprovdu fl-AAR tagħhom informazzjoni li tirriżulta mid-Dikjarazzjonijiet Finanzjarja u mir-rapport dwar ġestjoni baġitarja u finanzjarja prevista fil-kuntest tal-proċedura tal-kwittanza, sakemm il-limiti taż-żmien għat-tħejjija tal-kontijiet konsolidati annwali tal-Unjoni jiġu rispettati;

39.  Jeħtieġ li l-istruttura tal-AAR għal kull Aġenzija tinkludi numru ta' elementi komuni bbażati fuq l-aqwa prattiki fl-Aġenziji kollha, bil-għan li jiġi ffaċilitat it-tqabbil; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa mudell indikattiv b'kooperazzjoni mal-Aġenziji;

40.  Jistieden ukoll lid-Diretturi tal-Aġenziji jittrażmettu l-AARs tagħhom tas-sena n u l-valutazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija lill-Qorti tal-Awdituri, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju tas-sena n+1;

41.  Jilqa' l-fatt li fl-AAR tagħha għall-2010, l-EU-OSHA ppreżentat data dettaljata fejn tqabbel sena ma' oħra sabiex tippermetti lill-awtorità tal-kwittanza tevalwa b'mod aktar effettiv il-prestazzjoni tal-Aġenzija; din iqisha bħala prattika li għandha tiġi segwita minn Aġenziji oħra;

42.  Jitlob ukoll lill-Aġenżiji jagħmlu aktar sforzi sabiex jiżguraw li l-AAR tagħhom jirriffletti b'mod effettiv l-AWP tagħhom; jisħaq li dan huwa element kruċjali għal evalwazzjoni xierqa tal-attivitajiet u r-riżultati tal-Aġenziji meta mqabbla mal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, u għaldaqstant jiddetermina l-prestazzjoni tagħhom; ifaħħar f'dan ir-rigward l-AARs u l-AWPs b'mod partikolari tal-ECHA, l-EMSA u l-EUROPOL; jinnota, madankollu, li ċerti Aġenziji (eż. EMCCDA u GSA) urew nuqqas f'dan ir-rigward u r-riżorsi ta' ppjanar tagħhom għall-attivitajiet (ABB) ma kinux allinjati mal-istruttura organizzattiva tal-Aġenzija tagħhom biex jippermetti s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-baġit;

43.  Jilqa' l-inizjattiva tas-CEDEFOP li jagħmlu disponibbli iċ-ċarts ta' Gantt għall-attivitajiet operattivi ewlenin fl-AAR tagħhom għall-2010; ifakkar lill-Aġenziji li dawn iċ-ċarts juru, b'mod konċiż, l-ammont ta' ħin li kull membru tal-persunal jiddedika għal proġett u jħeġġeġ approċċ immirat lejn il-ksib ta' riżultati; jinkoraġġixxi lill-Aġenziji jagħmlu dijagramma ta' Gantt parti mill-programm għall-attivitajiet operattivi kollha;

L-evalwazzjoni tal-Aġenziji

44.  Jistieden lill-Aġenziji jagħmlu u jippreżentaw evalwazzjoni ġenerali darba kull sentejn, ikkummissjonata mill-Kummissjoni, mill-Parlament u/jew mill-Qorti tal-Awdituri, dwar l-attivitajiet, il-prestazzjoni u l-effikaċja tagħhom, u jagħmlu r-rapport disponibbli fuq il-websajt tagħhom; l-Aġenziji, u mbagħad għandhom jintalbu jħejju pjan direzzjonali bi pjan ta' azzjoni bħala segwitu bbażat fuq il-konklużjonijiet ta' dawk l-evalwazzjonijiet u jirrapportaw dwar il-progress kull sena;

Rapport dwar l-Artikolu 96

45.  Ifakkar li skont l-Artikolu 96(2) tal-qafas tar-Regolament Finanzjarju, l-Aġenziji jeħtieġu jipprovdu lill-awtorità tal-kwittanza rapport dwar il-miżuri meħuda bbażat fuq l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-awtorità tal-kwittanza fir-rapporti tal-kwittanza preċedenti tagħha;

46.  Jiddispjaċih li l-informazzjoni pprovduta mill-Aġenziji fir-rapporti skont l-Artikolu 96 saru mill-Aġenziji nfushom u għalhekk, bħala konsegwenza, il-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet tagħhom ma tistax tiġi aċċertata u titqies bħala kompletament korretta; jistieden għaldaqstant lill-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar l-Aġenziji biex jikkunsidra jinkludi dispożizzjoni dwar il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu ta' verifika rigward l-informazzjoni pprovduta mill-Aġenziji fir-rapport skont l-Artikolu 96, sabiex jippermetti lill-awtorità tal-kwittanza li jkollha fiduċja fil-validità tal-informazzjoni li tkun irċeviet u tippermetti sewgitu bir-reqqa tal-osservazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tagħha dwar il-kwittanza;

Tabella annessa mar-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri

47.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenziji stabbilixxew, f'tabella annessa mar-rapporti annwali speċifiċi tal-2010 tal-Qorti tal-Awdituri, paragun bejn l-operazzjonijiet li saru fl-2009 u l-2010 sabiex jippermettu lill-awtorità tal-kwittanza tevalwa b'mod iktar effettiv il-prestazzjoni tagħhom minn sena għall-oħra; jinnota li din kienet meħtieġa mill-awtorità tal-kwittanza sa mill-proċedura tal-kwittanza tal-Aġenziji tal-2008;

Ir-rwol tal-koordinatur tan-netwerk tal-Aġenziji

48.  Ifaħħar lill-ECHA għall-ħidma effikaċi tagħha bħala koordinatur tan-netwerk tal-Aġenziji matul il-proċedura ta' kwittanza tal-2010; din iqisha bħala prattika li għandha tiġi segwita mill-Intrapriżi Konġunti li qegħdin dejjem jiżdiedu;

III.  SFIDI KOMUNI DWAR IT-TRASPARENZA

Il-websajt tal-Aġenziji

49.  Iħeġġeġ lill-Aġenziji jipprovdu, permezz tal-websajts tagħhom, l-informazzjoni neċessarja biex jiżguraw trasparenza, speċjalment trasparenza finanzjarja; iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Aġenziji biex jagħmlu disponibbli fuq il-websajt tagħhom il-lista tal-kuntratti kollha mogħtija matul dawn l-aħħar tliet snin u l-lista tal-Membri tal-Bord tat-Tmexxija bid-Dikjarazzjoni tal-Interessi tagħhom u lista tal-impriżi kollha involuti f'kuntratti PPP jew li jkollhom rabtiet kummerċjali mal-Aġenziji; jitlob lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tagħmel din l-informazzjoni kompletament aċċessibbli u tintegraha fis-sistema tagħha ta' trasparenza finanzjarja;

Relazzjonijiet mal-partijiet interessati

50.  Jitlob lill-Aġenziji jiżguraw li jeżerċitaw ir-rwoli tagħhom b'koordinazzjoni mal-partijiet interessanti differenti;

51.  Iħeġġeġ lill-Aġenziji jsaħħu l-involviment tal-istituzzjonijiet Ewropej, b'mod partikolari l-Parlament, fl-ippjanar annwali tagħhom;

Kunflitt ta' interess

52.  Jitlob lill-Aġenziji jadottaw proċessi effettivi li jindirizzaw kif dovut l-allegazzjonijiet ta' kunflitt ta' interessi fi ħdan l-Aġenziji u/jew il-Bord tat-Tmexxija, b'mod partikolari fl-EASA, l-EEA u l-EFSA;

53.  Jilqa' l-inizjattivi ta' xi Aġenziji, bħal pereżempju l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd li l-Kapaċità tal-Awditjar Intern tagħha żviluppat kors ta' taħriġ intern u pprovdiet it-taħriġ neċessarju relatat mal-Etika u l-Integrità fl-Aġenzija; jilqa' b'mod partikolari l-fatt li t-taħriġ huwa obbligatorju għall-persunal kollu biex tiġi żgurata konsapevolezza tal-valuri etiċi u organizzazzjonali, b'mod partikolari l-imġiba etika, l-evitar tal-kunflitti ta' interess, il-prevenzjoni tal-frodi u r-rappurtar tal-irregolaritajiet;

54.  Jitlob lill-Aġenziji jorganizzaw u jevalwaw bir-reqqa s-sistemi ta' kontroll tagħhom sabiex jevitaw kunflitt ta' interessi bejn il-persunal tagħhom u l-esperti li jaħdmu fl-Aġenzija tagħhom; jitlob, għaldaqstant, lill-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenziji jadottaw u japplikaw l-aktar regoli u mekkaniżmi ta' verifika stretti għall-Membri tagħhom biex jiżguraw l-indipendenza totali tagħhom mill-interessi privati; ifakkar għal darba oħra li r-reputazzjoni ta' Aġenzija tiġi affettwata f'każijiet fejn ikun hemm allegazzjonijiet ta' kunflitti ta' interessi, b'impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-Unjoni;

55.  Ifakkar li l-Ombudsman Ewropew ikkritika lill-EFSA għal mod kif evalwat każijiet potenzjali ta' kunflitti ta' interess u ta' “revolving door”; jistieden lil Aġenziji oħra biex iħaddmu proċeduri effiċjenti biex tiġi individwata u evitata kwalunkwe sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess; hu tal-fehma li għandu jiġi ċċarat il-perjodu ta' inkompatibbiltà ta' kull persuna li tkun ħadmet bħala direttur ta' aġenzija jew li kellha responsabilitajiet ewlenin fi ħdan aġenzija;

56.  Iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Aġenziji biex jipprovdu lill-kumitati responsabbli tagħhom u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fil-Parlament b'ħarsa dettaljata tal-proċeduri, il-kriterji u l-mekkaniżmi ta' verifika applikati biex jiġu evitati każijiet ta' “revolving door” u kwalunkwe sitwazzjoni ta' kunflitti ta' interess; meta dan ir-rwol jiġi żgurat flimkien mal-kontropartijiet nazzjonali tagħhom, iħeġġeġ lill-Aġenziji jiċċaraw it-tqassim tar-rwoli biex jevitaw lakuni rigward responsabbiltà f'każijiet ta' kunflitti ta' interess;

57.  Itenni, barra minn hekk, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni dwar l-eżistenza u l-implimentazzjoni ta' regolamenti u regoli dwar perjodi ta' inkompatibbiltà u f'każijiet komparabbli fl-Aġenziji kollha qabel tmiem l-2012;

58.  Huwa sodisfatt bl-intenzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li tagħmel analiżi komprensiva tal-approċċ tal-politiki u l-prattika konkreta tal-Aġenziji għall-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess, sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess filwaqt li titqies id-definizzjoni tal-OECD tal-kunflitti ta' interess u r-regoli relatati tagħha;

59.  Ifakkar li fir-Riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni, il-Parlament talab, inter alia, lill-Kummissjoni u lill-Aġenziji tal-Unjoni jiżguraw aktar trasparenza billi jfasslu kodiċi ta' kondotta jew itejbu l-kodiċi eżistenti, biex bħala minimu jistabbilixxu regoli ċari dwar il-kunflitti ta' interess;

60.  Ifakkar li l-kunflitti ta' interess huma kawża ta' korruzzjoni, frodi, ġestjoni ħażina tal-fondi u r-riżorsi umani, favoritiżmu u għandhom impatt negattiv fuq l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet u l-kwalità tax-xogħol u jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inklużi l-Aġenziji;

Ir-reklutaġġ tad-Diretturi tal-Aġenziji

61.  Jistieden lill-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali (IWG) jindirizza l-modalitajiet għall-ħatra tad-Diretturi tal-Aġenziji sabiex ikun hemm proċedura ta' reklutaġġ miftuħa, trasparenti u ta' min jafdaha; f'dan ir-rigward jitlob lill-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali jiżgura li l-Istqarrija Konġunta tiegħu ssemmi li l-kandidati magħżula għall-kariga ta' Diretturi tal-Aġenziji jgħaddu minn intervista pubblika mill-kumitati tal-Parlament;

62.  Jinnota li, għall-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà u s-Swieq, l-Awtorità Ewropea tal-Banek u l-Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (Aġenziji li ġew stabbili fl-2010 u bdew joperaw fl-2011), id-Direttur Eżekuttiv inħatar mill-Bord ta' Superviżuri iżda biss wara konferma mill-Parlament bħala awtorità tal-kwittanza; jisħaq li din il-proċedura għandha tkun ir-regola għall-ħatra tad-Diretturi Eżekuttivi tal-Aġenziji kollha;

Il-prevenzjoni tal-frodi

63.  Jistieden lill-Aġenziji jkunu aktar attivi fil-qasam tal-identifikar u l-prevenzjoni ta' frodi, u biex b'mod xieraq u regolari jikkomunikaw dwar dawn l-attivitajiet; jisħaq li r-rwol tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi fil-konfront tal-Aġenziji għandu jiġi formalizzat, imsaħħaħ u magħmul aktar viżibbli;

Sistema ta' allarm

64.  Iqis li meta l-Kummissjoni jkollha raġunijiet serji għal tħassib minħabba li Aġenzija tkun se tieħu deċiżjoni jew sehem f'attivitajiet li mhumiex konformi mal-mandat tal-Aġenzija, tikser il-liġi tal-Unjoni jew tkun f'kontradizzjoni manifesta mal-objettiv tal-politika tal-Unjoni, għandha d-dmir tinforma immedjatament lill-Parlament u l-Kunsill biex tippermettilhom jieħdu azzjoni xierqa;

IV.  SFIDI KOMUNI GĦAR-RIŻORSI UMANI

Proċeduri ta' reklutaġġ

65.  Iħeġġeġ lill-Aġenziji biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iżidu l-legalità, it-trasparenza u l-objettività tal-proċess tar-reklutaġġ tagħhom; jinnota fil-fatt li għal darba oħra f'diversi Aġenziji hemm nuqqasijiet fil-proċeduri tal-għażla tal-persunal li jqiegħdu f'riskju t-trasparenza ta' dawn il-proċeduri u/jew jiksru l-prinċipju tat-trattament indaqs fl-applikazzjoni tal-kriterji ta' eliġibbiltà; jirrikonoxxi, partikularment, li l-Qorti tal-Awdituri rrappurtat ripetutament in-nuqqasijiet li ġejjin:

   ma teżisti ebda evidenza dwar jekk il-kriterja tas-selezzjoni u l-livelli li l-kandidati għandhom ikollhom biex jiġu mistiedna għat-testijiet/interviews bil-kitba humiex stabbiliti qabel ma jibda l-proċess tal-evalwazzjoni,
   nuqqas ta' dokumentazzjoni dwar il-proċeduri ta' reklutaġġ,
   trattament mhux ugwali fil-proċeduri ta' reklutaġġ għall-kandidati interni/esterni,
   kompetizzjoni limitata;
  

iqis li dawn in-nuqqasijiet inaqqsu l-abbiltà tal-Aġenziji li: iwieġbu għal allegazzjoni possibli ta' deċiżjoni arbitrarja dwar reklutaġġ tal-persunal; u jieħdu d-deċiżjonijiet ta' riparazzjoni xierqa;

66.  Jilqa' l-inizjattiva tas-CEDEFOP għal għodda onlajn għar-reklutaġġ RECON – Reklutaġġ Onlajn fl-2010 li jgħin liċ-Ċentru jżid il-ħeffa, l-effikaċja u t-trasparenza fil-proċess ta' reklutaġġ tiegħu; jitlob lill-Aġenziji kollha jsegwu din il-proċedura;

67.  Jemmen li kull sena jkun hemm impjegati, inklużi diretturi, li jagħmlu rotazzjoni bejn l-Aġenziji; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament b'tabella tal-membri kollha tal-persunal, b'mod partikolari d-diretturi u l-persuni f'kariga maniġerjali li bidlu l-post tax-xogħol minn Aġenzija għal oħra jew għal istituzzjoni oħra tal-Unjoni, tal-inqas mill-2008;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament b'tabella dettaljata tal-kriterji applikati sabiex tiżgura l-indipendenza, l-imparzjalità, u l-kwalifiki xierqa għar-reklutaġġ tal-persunal, inklużi dawk il-kriterji li għandhom l-għan li jwaqqfu jew jevitaw kunflitti ta' interess, u biex tapplika sanzjonijiet dissważivi għal kull irregolarità misjuba;

69.  Jiddispjaċih li xi Aġenziji kien għad kellhom rata għolja ta' postijiet battala fl-2010; jistieden lil dawk l-Aġenziji jieħdu l-passi neċessarji kollha ħalli jevitaw li din is-sitwazzjoni ttenni ruħha;

Xogħlijiet sensittivi mogħtija lill-persunal temporanju

70.  Jistieden għal darba oħra lill-Aġenziji jiżguraw li xogħlijiet sensittivi ma jiġux mogħtija lill-persunal temporanju; jikkundanna l-fatt li f'xi każijiet l-Aġenziji rreklutaw persunal temporanju tali biex iwettaq xogħlijiet sensittivi jew ikollu aċċess għal informazzjoni sensittiva; jisħaq dwar ir-riskji potenzjali ta' ksur tas-sigurtà marbuta mal-aċċess tal-persunal temporanju għall-informazzjoni sensittiva, u n-nuqqas ta' għarfien tagħhom dwar il-proċedura li għandhom isegwu jew ukoll mal-kunflitti ta' interess;

Sigħat tax-xogħol flessibbli – liv

71.  Jistieden lill-Aġenziji kollha jinfurmaw lill-awtorità ta' kwittanza relevanti bl-għadd ta' ġranet ta' liv awtorizzat lil kull grad taħt l-iskemi ta' liv tal-flexitime u ta' kumpens fl-2010;

V.  SFIDI DWAR IS-SISTEMA TA' KONTROLL INTERN

72.  Iħeġġeġ lill-Aġenziji biex itejbu aktar is-sistemi ta' kontroll intern tagħhom biex isostnu l-istqarrija ta' assigurazzjoni annwali tad-Direttur tagħhom; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza għal Aġenzija li tistabbilixxi b'mod effikaċi funzjoni ta' ġestjoni tar-riskju għar-reġistrazzjoni ta' riskji u l-ħolqien ta' pjanijiet għall-azzjonijiet mitiganti;

Servizz tal-Awditjar Intern (IAS)

73.  Jinnota li skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, l-Aġenziji mhumiex obbligati li jagħmlu r-rapporti tal-IAS disponibbli lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit innifsu; iqis dan bħala difett fil-leġiżlazzjoni; hu tal-fehma li r-rapporti tal-Awditur Intern għandhom jiġu magħmula disponibbli għall-membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, possibilment fuq bażi ta' aċċess ristrett; iħeġġeġ lill-koleġiżlaturi jemendaw ir-Regolamenti Finanzjarji matul in-negozjati attwali biex l-Awditur Intern jintalab jgħaddi r-rapporti tiegħu lill-awtorità ta' kwittanza permezz tas-segretarjat tal-Kumitat għall-Kontrol tal-Baġit;

74.  Iqis li r-rwol tal-IAS bħala awditur intern tal-Aġenziji deċentralizzati huwa kruċjali; jenfasizza, partikularment, li l-IAS toħroġ opinjonijiet indipendenti dwar il-kwalità ta' ġestjoni u s-sistemi ta' kontroll u tagħti rakkomandazzjonijiet għat-titjib fil-kondizzjonijiet ta' implimentazzjoni ta' operazzjonijiet u għall-promozzjoni ta' ġestjoni finanzjarja soda tal-Aġenziji;

75.  Jitlob, għaldaqstant, lill-Bords tat-Tmexxija tal-Aġenziji biex debitament jieħdu inkonsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-IAS, bil-għan li jirrimedjaw malajr għan-nuqqasijiet identifikati u jiġġustifikaw lill-awtorità tal-kwittanza ċaħdiet u dewmien fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-IAS;

VI.  SFIDI DWAR IS-SISTEMA TA' KONTROLL ESTERN

L-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-Aġenżiji

76.  Jinnota li kemm l-IAS kif ukoll il-Qorti tal-Awdituri taw rakkomandazzjonijiet lill-Aġenziji biex jindirizzaw in-nuqqasijiet tagħhom; jilqa' l-isforzi taż-żewġ istituzzjonijiet tal-awditjar li jissupplixxu l-Aġenziji b'pariri siewja biex ikunu jistgħu jikkoreġu in-nuqqasijiet tagħhom; ifakkar b'vuċi soda lill-Aġenziji biex jieħdu r-rakkomandazzjonijiet bis-serjetà u jwettqu l-miżuri neċessarji biex jikkoreġu n-nuqqasijiet tagħhom; talab lill-IAS jinforma lill-awtorità baġitarja dwar in-nuqqasijiet fir-rapporti miġbura mid-diretturi tal-Aġenziji li jikkorrispondu għall-Artikolu 72(5) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 u jippubblika apertament ir-rakkomandazzjonijiet magħmula lill-Aġenziji biex ikun iggarantit l-interess pubbliku u b'hekk l-effikaċja tal-kompiti tal-awditjar tagħhom;

77.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ħarġet 32 dokument pubbliku dwar l-Aġenziji fl-2010, li kienu kollha ppubblika f“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropew u huma disponibbli fuq il-websajts tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit; jinkoraġġixxi lill-Qorti tal-Awdituri, għaldaqstant, biex tkompli l-funzjonijiet tagħha ta' awditjar tal-Aġenziji b'mod dettaljat u imparzjali u tirrifletti s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha permezz tar-rapporti annwali jew speċjali pubbliċi tagħha biex tagħti lok lill-awtorità baġitarja twettaq kompletament il-funzjoni tal-kwittanza tagħha u tiżgura li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu infurmati;

78.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri tkopri l-proċeduri ta' akkwist bħala parti mill-awditjar annwali tagħha tal-Aġenziji; jappoġġa l-Qorti tal-Awdituri fir-rwol tagħha bħala awditur estern, bil-għan li jiġi żgurat li tagħmel mill-aħjar biex takkwista l-aktar informazzjoni sħiħa possibbli dwar il-proċeduri tal-akkwist ħalli tistabbilixxi li s-sejħiet tal-Aġenziji għall-fażijiet ta' preparazzjoni, pubblikazzjoni, evalwazzjoni u mmaniġġjar tal-kuntratti jirrispettaw għal kollox il-prinċipju tal-kompetizzjoni massima u miftuħa u l-prinċipju ta' valur għall-flus u li l-Qorti tal-Awdituri tkun tista' tivverifika d-dħul reali tal-kumpaniji b'kuntratt ma' kwalunkwe Aġenzija sabiex tiżgura li d-dħul ma jkunx relatat ma' bidliet li jseħħu fl-isem uffiċjali tal-kuntrattur;

79.  Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri, waqt li d-data relevanti tinġabar fil-proċess tal-awditjar, tipprovdi bażi tad-data pubblika li tinkludi inter alia l-elementi li ġejjin f'format aċċessibbli faċilment (pereżempju Excel Files u/jew CSV Files):

   l-impenji baġitarji magħmula fl-aħħar tliet xhur tas-sena,
   l-approprjazzjonijiet riportati meta meqjusa mal-baġit tal-Aġenziji,
   id-diskrepanza bejn l-approprjazzjonijiet stmati (ex-ante) u reali (ex-post) riportati tal-Aġenziji,
   ir-riserva għall-infiq (cash-holding) medja ta' kull xahar,
   l-approprjazzjonijiet kanċellati meqjusa mar-ir-riserva għall-infiq medja tul perjodu ta' sena,
   il-qligħ ta' imgħax meqjus mar-riservi għall-infiq medji tal-Aġenziji,
   ir-riservi għall-infiq medji meqjusa mal-ispejjeż medji għal kull ġurnata,
   l-utenti uniċi fuq il-websajts tal-Aġenziji ul-pubblikazzjonijiet/stqarrijiet għall-istampa magħmula mill-Aġenziji, meqjusa mar-riżorsi allokati għar-relazzjonijiet pubbliċi;
  

iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Aġenziji jipprovdu fil-ħin id-data u l-istimi meħtieġa lill-Qorti tal-Awdituri;

80.  Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri tħejji proċeduri ta' klassifikazzjoni aċċessibbli apertament u trasparenti għall-Aġenziji billi tuża indikaturi importanti fl-oqsma tal-ġestjoni finanzjarja u baġitarja tajba, ta' spejjeż tal-governanza baxxi u tal-effikaċja operattiva effiċjenti, u tipprovdi d-data sottostanti f'format aċċessibbli faċilment (pereżempju Excel Files u/jew CSV Files);

Rapporti dwar il-Kont Annwali mill-Qorti tal-Awdituri:

81.  Ifakkar li fil-kwittanzi preċedenti tal-Aġenziji, l-awtorità tal-kwittanza talbet lill-Qorti tal-Awdituri tipprovdi aktar informazzjoni dwar:

   l-effiċjenza u s-sistemi ta' kontroll intern ta' kull Aġenzija;
   il-kunflitti ta' interess potenzjali fl-Aġenziji,
   evalwazzjoni tal-AAR ta' kull Aġenzija,
   il-prestazzjoni tal-Aġenziji;

82.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri pprovdiet, fl-evalwazzjoni tagħha tal-AAR tal-Aġenziji, tabella speċifika annessa li tinkludi tqabbil tal-operazzjonijiet tal-2009 ma' dawk tal-2010 li tagħti informazzjoni lill-pubbliku rigward dawn l-attivitajiet;

83.  Ifakkar li l-Qorti tal-Awdituri taġġixxi bħala awtorità ta' kontroll indipendenti esterna biex tissodisfa wkoll id-dritt taċ-ċittadini Ewropej li jkunu jafu kif qed jintefqu l-flus tagħhom u kif qed jiġu ġestiti l-Aġenziji; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Aġenziji jaqdu l-interessi pubbliċi u għandhom jagħtu rendikont liċ-ċittadini minħabba li l-interessi taċ-ċittadini stess iridu jinqdew; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza bid-dettalji kollha possibbli tal-azzjoni meħuda f'awditjar preċedenti u tal-irregolaritajiet li l-Qorti ma tqisx li hu importanti biżżejjed biex jissemmew, biex tassisti lill-awtorità ta' kwittanza fil-kompitu tagħha li tissorvelja l-Aġenziji;

Żewġ Rapporti Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri: wieħed ippjanat, iżda ma sarx, l-ieħor għandu jitlesta fl-2012

84.  Jinsab imħasseb minħabba li, minkejja l-informazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri pprovduta fl-AWP tagħha tal-2011 u t-talbiet persistenti tal-Parlament, ir-Rapport Speċjali relatat mal-valutazzjoni komparattiva tal-ispejjeż tal-Aġenziji tal-Unjoni ma nħariġx; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Qorti tal-Awdituri biex tipprovdi lill-Parlament b'informazzjoni li tittratta l-valutazzjoni komparattiva tal-ispejjeż tal-Aġenziji; jinsab madankollu sorpriż li fil-15 ta' Frar 2012, il-President tal-Qorti tal-Awituri bagħat ittra b'anness lill-President tal-Parlament fejn bażikament qal li l-anness (i) ma kienx ir-Rapport Speċjali dwar il-valutazzjoni komparattiva tal-ispejjeż tal-Aġenziji, (ii) hu ta' natura mhux pubblika u (iii) li seta' jintuża għall-kwittanza 2011, għalkemm id-data fl-anness tkopri s-snin 2008-2010; jiddispjaċih li l-Qorti tal-Awdituri m'għandhiex il-ħsieb li joħorġu ir-Rapport Speċjali dwar il-valutazzjoni komparattiva tal-ispejjeż tal-Aġenziji skont ma hemm iddikjarat fl-ittra tal-Qorti lill-awtorità tal-kwittanza tat-18 ta' April 2012;

85.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ser tippubblika Rapport Speċjali dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fl-Aġenziji sa tmiem Ġunju 2012; billi jinsab imħasseb li diversi Aġenziji qed jiffaċċaw sfidi ripetuti minħabba każijiet li jinvolvi l-kunflitti ta' interess, jilqa' din id-deċiżjoni u jħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri biex iżżid l-isforzi tagħha biex tippubblika dan ir-Rapport Speċjali fil-perjodu ppjanat;

Esternalizzazzjoni tal-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-Aġenziji

86.   Iqis li, jekk l-awdituri tas-settur privat għandhom jiġu involuti fl-awditjar estern tal-kontijiet tal-Aġenziji, l-għażla u l-ħatra tal-awdituri privati għandha ssir b'konformità mar-regoli applikabbli, inklużi dawk dwar akkwist pubbliku trasparenti, u għandhom jinħolqu mekkaniżmi ta' kontroll xierqa sabiex jiġi żgurat ix-xogħol dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul u l-infiq u l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Aġenziji jsiru b'konformità mal-istandards meħtieġa; iqis ukoll li l-aspetti ta' tali awditjar esternalizzat, inklużi s-sejbiet tal-awditjar rappurtati, għandhom jibqgħu r-responsabbiltà totali tal-Qorti tal-Awdituri, li jkollha timmaniġġja l-proċeduri amministrattivi u ta' akkwist meħtieġa u tiffinanzjahom mill-baġit tagħha mingħajr ma titlob għal baġit addizzjonali, peress li dan ix-xogħol huma kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri; barra minn hekk, il-kriżi attwali ma tippermettix baġit addizzjonali biex isir xogħol ta' waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, f'dan il-każ il-Qorti tal-Awdituri;

87.  Iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri tevita kwalunkwe kunflitt ta' interess meta tiffirma kuntratt għal awditjar indipendenti għall-Aġenziji;

88.  Iqis ukoll li jekk issir din l-esternalizzazzjoni, ir-rapport tal-awdituri indipendenti għandu jkun disponibbli għall-pubbliku immedjatament kemm mill-awdituri indipendenti kif ukoll mill-Qorti tal-Awdituri; għal dan il-għan, il-Parlament jeħtieġ li l-Qorti tal-Awdituri tastjeni milli timponi klawżoli kunfidenzjali fil-kuntratt mal-kuntrattur indipententi eventwali fir-rigward tal-pubblikazzjoni tar-rapporti fil-forma li jsiru mill-kuntrattur indipendenti; fl-istess ħin, il-Qorti tal-Awdituri għandha tieħu r-responsabbiltà ta' dan l-awditjar indipendenti u taġixxi kif xieraq;

VII.  IT-TMEXXIJA TAL-AĠENZIJI

Il-Bord tat-Tmexxija

89.  Jinnota li d-daqs kbir ta' ċerti bords tat-tmexxija tal-Aġenziji u n-natura u r-rata għolja ta' bidla fil-membri tagħhom jista' jwassal għal korp li jieħu d-deċiżjonijiet mingħajr ma jkun effettiv; jitlob, għaldaqstant, lill-IWG dwar l-Aġenziji biex jindirizza din il-kwistjoni flimkien ma' rievalwazzjoni tan-natura tal-istatus tal-membri tagħhom, l-ambitu tal-kompetenzi tagħhom u kwistjonijiet relatati ma' kunflitti tal-interess; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li tingħata kunsiderazzjoni lill-possibbiltà li l-bordijiet tat-tmexxija tal-Aġenziji li jaħdmu f'oqsma relatati jingħaqdu biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-laqgħat;

90.  Jinnota r-responsabilità li għandhom il-Bords tat-Tmexxija għall-ġestjoni u s-superviżjoni tal-Aġenziji; hu tal-fehma li xi deċiżjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija, bħal dik li tiġi miċħuda xi waħda jew diversi mir-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Intern mingħajr motivazzjoni valida, jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-mod ta' kif titmexxa l-Aġenzija; jitlob li tiġi rieżaminata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi ħdan il-Bords tat-Tmexxija tal-Aġenziji biex ikun jista' jingħata dritt li tivvota u li tikkostitwixxi “minoranza li tibblokkja” fir-rigward ta' deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni baġitarja, finanzjarja u amministrattiva; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex tinnotifika lill-awtorità ta' kwittanza bi kwalunkwe deċiżjonijiet meħuda mill-Bords tat-Tmexxija li jmorru kontra l-prinċipju tal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja soda tal-Aġenziji jew ir-Regolament Finanzjarju;

91.  Jilqa' l-fatt li ttieħdu passi bħala reazzjoni għas-suġġerimenti li saru mill-Qorti tal-Awdituri rigward l-introduzzjoni ta' sorveljanza aktar mill-qrib u ta' kontroll tat-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet u jistenna, minbarra dan, li fil-futur il-baġits tal-Aġenziji jibqgħu jiġu suġġetti għal skrutinju mill-qrib; huwa tal-fehma li l-problemi relatati mal-baġitjar fuq il-bażi ta' attivitajiet jirriżultaw minħabba diffikultajiet prattiċi fis-separazzjoni tal-infiq tal-persunal, dak amministrattiv u operattiv meta l-oqsma ta' attività jkopru l-informazzjoni, is-servizzi ta' konsulenza u l-miżuri biex tiżdied il-kunfidenza;

92.  Jistieden lill-Aġenziji jindikaw b'mod aktar trasparenti n-numri tal-persunal, inklużi l-impjegati kuntrattwali, fir-rapporti tal-attivitajiet tagħhom; qed jistenna l-ftehim tal-IWG dwar l-Aġenżiji peress li dan se jagħti input konsiderevoli dwar l-ibbaġitjar u t-tħaddim tal-Aġenziji;

93.  Jinnota bi tħassib li fil-każ ta' tmien Aġenziji, jiġifieri CEPOL, ECHA, EFSA, EMCDDA, EMSA, ETF, FRA u FRONTEX, fl-2010 l-ispejjeż medji tal-Bord tat-Tmexxija għall-kull laqgħa u għal kull membru kienu ta' EUR 1 017 u EUR 6 175; hu tal-fehma li dawn l-ispejjeż huma eċċessivi u jeħtieġ jitnaqqsu drastikament;

L-appoġġ amministrattiv

94.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Aġenziji jipprevedu l-possibbiltajiet li ġejjin meta jikkunsidraw il-possibbiltà ta' appoġġ amministrattiv li jopera bl-aktar mod effiċjenti:

   amalgamazzjoni tal-Aġenziji iżgħar sabiex jiksbu tfaddil u jieqfu u/jew jevitaw objettivi li jkopru l-istess ambitu, u jevitaw aktar infiq mill-baġit tal-Unjoni,
   kondiviżjoni tas-servizzi bejn l-Aġenziji, jew bil-prossimità tal-postijiet jew bil-qasam politiku; ifaħħar f'dan ir-rigward l-inizjattiva tal-EMSA-CFCA li jaqsmu l-funzjoni ta' Awditjar Intern; madankollu, dan iqisu bħala bidu li għandu jitkompla bir-ristrutturazzjoni u l-amalgamazzjoni li tinkludi l-Aġenziji;

95.  Jistieden lill-Kummissjoni u/jew il-Qorti tal-Awdituri biex jagħmlu evalwazzjoni dwar l-Aġenziji kollha biex jagħrfu u janalizzaw:

   is-sinerġiji potenzjali u l-okkorrenzi ta' attivitajiet mhux neċessarji jew li jkopru l-istess ambitu tal-Aġenziji,
   spejjeż għolja żżejjed mhux meħtieġa minħabba l-post fejn tinsab is-sede,
  

u biex jiġu ppreparati valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji komprensivi u valutazzjoni tal-impatt biex tiġi analizzata l-amalgamazzjoni jew l-għeluq ta' ċerti Aġenziji jekk il-valur miżjud jew l-effikaċja tal-aġenzija ma jkunux suffiċjenti, u biex jiġi infurmat il-Parlament dwar din il-kwistjoni mill-aktar fis għall-kwittanza tal-2011;

96.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Kunsill jieħdu inkonsiderazzjoni n-neċessità reali għal kull Aġenzija u l-bżonn ta' tfaddil tal-flus taċ-ċittadini tal-Unjoni li jħallsu t-taxxi f'dan iż-żmien ta' kriżi finanzjarja u ekonomika, mingħajr ma jikkunsidraw l-interessi ta' ċerti Stati Membri li għandhom Aġenzija li tinsab f'pajjiżhom għal raġunijiet oħra barra dik ta' interess pubbliku tal-Unjoni;

Proċedura dixxiplinarja

97.  Ifakkar għal darba oħra li l-Parlament, sa mir-riżoluzzjoni tiegħu tal-kwittanza tal-2006, talab lill-Aġenziji jikkunsidraw li jistabbilixxu bord tad-dixxiplina bejn l-Aġenziji li jimponi, b'mod imparzjali, sanzjonijiet dixxiplinarji li jaslu sa tkeċċija; jinnota li dan il-proġett jibqa' diffiċli biex jitwettaq; jitlob lill-Aġenzija responsabbli għall-koordinazzjoni tan-netwerk tal-Aġenziji biex iwaqqfu netwerk ta' persunal fil-grad meħtieġ biex ikunu membri imparzjali tal-bord tad-dixxiplina;

VIII.  RIFLESSJONI DWAR L-AĠENZIJI: APPROĊĊ KOMUNI

98.  Jilqa' l-ħidma kontinwa tal-IWG dwar l-Aġenziji li għandha l-għan li teżamina mill-ġdid ir-rwol u l-pożizzjoni tal-Aġenziji deċentralizzati fl-ambjent istituzzjonali tal-Unjoni, kif ukoll il-ħolqien, l-istruttura u t-tħaddim ta' dawk l-Aġenziji, flimkien mal-kwistjonijiet ta' finanzjament, baġit, superviżjoni u ġestjoni; jitlob lill-IWG biex ifassal abbozz ta' proposta dwar Ftehim Komuni bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Aġenziji;

99.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal possibiltajiet ta' kif il-ġestjoni professjonali tar-riservi għall-infiq li jkollhom l-aġenziji tista tiġi organizzata u implimentata;

100.  Jitlob lill-IWG biex jidentifika oqsma ta' duplikazzjoni u ħidma fuq ambiti simili fost l-Aġenziji eżistenti u jqis jekk xi Aġenziji jistgħux jiġu amalgamati;

101.  Jemmen li l-Aġenziji jaf jibbenefikaw minn servizzi amminstrattivi kondiviżi b'mod simili għall-kooperazzjoni bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew; iħeġġeġ lill-IWG biex jikkunsidra l-kwistjoni tat-tifrix ġeografiku tal-Aġenziji li jżid l-ispejjeż tagħhom b'mod sinifikanti u jxekkel il-kooperazzjoni; jemmen li jekk l-Aġenziji ikunu miġbura flimkien f'għadd żgħir ta' postijiet, ikunu jistgħu jaqsmu l-ispejjeż u l-kost tal-ġestjoni, b'mod partikolari għall-amminstrazzjoni tal-IT u tal-persunal u l-amministrazzjoni finanzjarja;

102.  Jikkonkludi billi jiddikjara li b'mod partikolari f'dan iż-żmien ta' kriżi l-veru valur miżjud tal-Aġenziji għandu jiġi analizzat serjament u rapidament sabiex jiġi evitat kwalunkwe nfiq mhux mandatorju u assolutament neċessarju, sabiex iwieġeb kif xieraq għall-bżonnijiet stretti tal-Unjoni u tal-bżonnijiet u t-tħassib taċ-ċittadini tagħha u għat-talba tal-fiduċja tagħhom fl-istituzzjonijiet tagħna; jisħaq li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma jistgħux jitolbu liċ-ċittadini tal-Unjoni jfaddlu l-flus mingħajr ma jagħmlu dan huma wkoll; jitlob għal ekwità fir-rigward ta' tfaddil kbir mill-korpi tal-Unjoni – inklużi l-Aġenziji – flimkien mal-ħtieġa ta' tali tfaddil miċ-ċittadini tagħha li huma persuni li jħallsu t-taxxa biex jikkontribbwixxu għall-baġit tal-Unjoni.

o
o   o

103.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Aġenziji suġġetti għal din il-proċedura tal-kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri.

(1) ĠU L 250, 27.9.2011, p. 269.
(2) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(3) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(4) ĠU C 368, 16.12.2011.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0388.
(6) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 62.

Avviż legali - Politika tal-privatezza