Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2302(REG)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0148/2012

Testi mressqa :

A7-0148/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 22/05/2012 - 6.8
CRE 22/05/2012 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0213

Testi adottati
PDF 379kWORD 59k
It-Tlieta, 22 ta' Mejju 2012 - Strasburgu
Emenda tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej
P7_TA(2012)0213A7-0148/2012

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2012 dwar l-emenda tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (2011/2302(REG))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-emenda tar-Regolament tiegħu B7–0539/2011 u B7–0732/2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 211 u 212 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0148/2012),

1.  Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;

2.  Ifakkar li dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tas-sessjoni parzjali li jmiss;

3.  Jistieden lill-President tiegħu biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li jkun stabbilit punt ta' kuntatt uniku fil-Parlament, li ċ-ċittadini, l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jikkuntattjaw dwar affarijiet marbuta ma' inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonferma f'ittra indirizzata fil-President tal-Parlament Ewropew l-intenzjoni tagħha li tkun irrappreżentata, fi kwalunkwe smigħ pubbliku dwar l-inizjattivi taċ-ċittadini, fil-prinċipju mill-Kummissarju responsabbli għas-suġġett, jew, jekk hu jew hi ma jkunx/tkunx disponibbli, preferibilment minn Membru ieħor tal-Kummissjoni jew mid-Direttur Ġenerali responsabbli għas-suġġett;

5.  Jitlob lill-Bureau u lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw l-ikbar viżibilità possibbli tas-seduti ta' smigħ pubbliku dwar l-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej billi jipprovdu faċilitajiet xierqa, inkluż l-użu tal-aqwa teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni disponibbli;

6.  Huwa tal-fehma li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu mħeġġa jattendu s-seduti ta' smigħ dwar inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.

Test fis-seħħ   Emenda
Emendi 5 u 4
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 197a (ġdid)
Artikolu 197a

Seduti ta' smigħ pubbliku dwar inizjattivi taċ-ċittadini
1.  Meta l-Kummissjoni tkun ippubblikat inizjattiva taċ-ċittadini fir-reġistru rilevanti skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 211/20111, il-President tal-Parlament, fuq talba mill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati:
(a) għandu jagħti l-kompitu lill-kumitat leġiżlattiv responsabbli mis-suġġett skont l-Anness VII biex jorganizza s-smigħ pubbliku stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011; il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu jkun awtomatikament assoċjat mal-kumitat leġiżlattiv skont l-Artikolu 50 ta' dawn ir-Regoli;
(b) jista“, fejn żewġ inizjattivi taċ-ċittadini jew aktar, ippubblikati fir-reġistru rilevanti skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, ikollhom suġġett simili, jiddeċiedi, wara li jikkonsulta lill-organizzaturi, li jiġi organizzat smigħ pubbliku konġunt fejn jiġu indirizzati l-inizjattivi taċ-ċittadini kollha fuq l-istess livell.
2.  Il-kumitat responsabbli:
(a) għandu jiżgura li l-Kummissjoni tirċievi lill-organizzaturi fil-livell xieraq skont l-Artikolu 10(1)(b), tar-Regolament (UE) Nru 211/2011;
(b) għandu jiżgura, jekk ikun hemm bżonn bl-appoġġ tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li l-Kummissjoni tipparteċipa kif xieraq fl-organizzazzjoni tas-smigħ pubbliku u li, f'din l-okkażjoni, tkun rappreżentata fil-livell xieraq.
3.  Il-President tal-kumitat responsabbli għandu jagħżel id-data għas-smigħ pubbliku fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni tal-inizjattiva lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011.
4.  Il-kumitat responsabbli għandu jorganizza s-smigħ pubbliku fil-Parlament, jekk ikun il-każ flimkien mal-istituzzjonijiet u l-entitajiet l-oħrajn tal-Unjoni f'każ li juru x-xewqa li jipparteċipaw. Jista' jistieden lil partijiet interessati oħrajn biex jattendu.
Il-kumitat responsabbli għandu jistieden lil grupp rappreżentattiv tal-organizzaturi, inkluż tal-inqas waħda mill-persuni ta' kuntatt imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, biex tippreżenta l-inizjattiva fis-seduta ta' smigħ.

5.  Il-Bureau għandu, skont l-arranġamenti maqbulha mal-Kummissjoni, jadotta regoli dwar ir-rimborż ta' spejjeż imġarrba.
6.  Il-President tal-Parlament u l-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati jista' jiddelega s-setgħat tagħhom fil-qafas ta' dan l-Artikolu lil Viċi President jew president ieħor tal-kumitat rispettivament;
7.  Jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 50 jew fl-Artikolu 51, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll mutatis mutandis għal kumitati oħrajn. L-Artikolu 188 għandu japplika wkoll.
L-Artikolu 23(9) ma għandux japplika għas-seduti ta' smigħ pubbliku dwar inizjattivi taċ-ċittadini.

1Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, 11.3.2011, p.1).
Emenda 2
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 203a
Meta l-Parlament ikun mgħarraf li l-Kummissjoni tkun ġiet mistiedna biex tressaq proposta għal att legali skont l-Artikolu 11(4) tat-Trattat UE, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu jaċċerta ruħu jekk din il-ħaġa tistax taffettwa l-ħidma tiegħu u, jekk ikun meħtieġ, għandu jgħarraf lil dawk il-petizzjonanti li jkunu indirizzaw petizzjoni dwar suġġetti relatati.

Meta l-Parlament ikun mgħarraf li l-Kummissjoni tkun ġiet mistiedna biex tressaq proposta għal att legali skont l-Artikolu 11(4) tat-Trattat UE u b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 211/2011, il-kumitat responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-petizzjonijiet għandu jaċċerta ruħu jekk din il-ħaġa tistax taffettwa l-ħidma tiegħu u, jekk ikun meħtieġ, għandu jgħarraf lil dawk il-petizzjonanti li jkunu indirizzaw petizzjonijiet dwar suġġetti relatati.

Il-proposti għal inizjattivi taċ-ċittadini li jkunu ġew reġistrati b'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, iżda li ma jistgħux jitressqu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament minħabba li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet rilevanti kollha stipulati ma ġewx rispettati, jistgħu jiġu eżaminati mill-kumitat kompetenti għall-petizzjonijiet jekk dan iqis xieraq li jingħata segwitu. L-Artikoli 201, 202 u 203 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Avviż legali - Politika tal-privatezza