Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2293(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0166/2012

Testi mressqa :

A7-0166/2012

Dibattiti :

PV 11/06/2012 - 23
CRE 11/06/2012 - 23

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0236

Testi adottati
PDF 263kWORD 100k
It-Tlieta, 12 ta' Ġunju 2012 - Strasburgu
Ħidmiet volontarji transkonfinali fl-UE
P7_TA(2012)0236A7-0166/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar ir-rikonoxximent u l-promozzjoni fl-UE tal-ħidmiet volontarji transkonfinali (2011/2293(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 165, 166 u 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perijodu 2007-2013(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Europe for Citizens għall-perjodu 2007-2013 li jippromwovi ċittadinza Ewropea attiva(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/37/KE tas-27 ta' Novembru 2009 dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta' Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011)(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-24 ta' April 2006 dwar ir-rikonoxximent tal-valur ta' tagħlim mhux formali u informali fil-qasam taż-żgħażagħ Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2007 dwar attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ (14427/1/2007),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tas-16 ta' Mejju 2007, dwar l-implimentazzjoni tal-objettivi komuni għal attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ(6),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-mobilità ta' voluntiera żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/961/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta' edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà(8),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu, tal-10 ta' Marzu 2011, dwar l-istabbiliment ta' statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tat-3 ta' Ottubru 2011, dwar ir-rwol ta' attivitajiet volontarji fil-politika soċjali (14552/2011),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tad-29 ta' Novembru 2011, dwar ir-rwol ta' attivitajiet volontarji fil-politika soċjali(10),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, tas-27 ta' Ottubru 2010, bit-titolu “Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE” (COM(2010)0603),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tal-5 ta' Settembru 2007, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Biex jinġieb ”il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà' (COM(2007)0498),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tas-27 ta' April 2009, lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ: Investiment u Responsabbilizzazzjoni – Metodu miftuħ u mġedded ta' koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ” (COM(2009)0200),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tat-3 ta' Marzu 2010, bit-titolu “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tal-15 ta' Settembru 2010, lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Żgħażagħ mobbli – Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0477),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tal-20 ta' Settembru 2011, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Politiki tal-UE u l-Volontarjat: Ir-Rikonoxximent u l-Promozzjoni fl-UE tal-Ħidmiet Volontarji Transkonfinali (COM(2011)0568),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tat-23 ta' Novembru 2010, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Kif iċ-ċittadini tal-UE jesprimu s-solidarjetà tagħhom permezz tal-volontarjat: L-ewwel riflessjonijiet ta' Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (COM(2010)0683),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tat-22 ta' April 2008, dwar l-irwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għall-koeżjoni ekonomika u soċjali(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kummissjoni għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0166/2012),

A.  billi “volontarjat” tfisser l-attivitajiet formali, mhux formali, informali u t-taħriġ u t-tagħlim professjonali li jsiru volontarjament, abbażi ta' għażla u motivazzjoni liberi tal-persuna u mingħajr skop ta' lukru, li jagħtu benefiċċju lill-voluntiera, lil dawk li jirċievu servizzi minn assoċjazzjoni ta' voluntiera, komunitajiet u s-soċjetà fit-totalità tagħha;

B.  billi s-suċċess tas-Sena Ewropea tal-attivitajiet ta' volontarjat li jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva (2011) f'livell nazzjonali, reġjonali, lokali u Ewropew għandu konsegwenzi pożittivi f'termini ta' aktar viżibilità u sensibilizzazzjoni pubblika u għandu jinfluwenza t-tfassil tal-politiki pubbliċi;

C.  billi l-volontarjat huwa esperjenza ta' tagħlim informali adatt għal persuni ta' kull età; billi l-benefiċċji li joffri f'termini ta' żvilupp personali, ġestjoni tal-ispazju kollettiv, tisħiħ tad-demokrazija, valuri ċiviċi, solidarjetà soċjali u parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, tagħlim interkulturali u kisba ta' ħiliet professjonali kif ukoll il-kontribut tiegħu għall-objettivi tal-politiki tal-Unjoni Ewropea ta' inklużjoni soċjali u ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, impjiegi, edukazzjoni, kultura, żvilupp tal-ħiliet u ċ-ċittadinanza;

D.  billi l-volontarjat huwa fattur importanti biex joħloq kapital soċjali u żvilupp u biex jippromwovi l-koeżjoni soċjoekonomika, fid-dawl tal-potenzjal tal-opportunitajiet ta' tagħlim mhux formali biex jgħin lill-voluntiera jiksbu ħiliet li jżidu l-opportunitajiet tagħhom għall-impjiegi u jikkontribwixxi b'tali mod għall-istrateġija ta' tkabbir Ewropa 2020;

E.  billi n-numru dejjem ikbar ta' ċittadini tal-UE ta' kull età impenjati fil-volontarjat fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-kultura, tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-isport, tal-ambjent, tal-iżvilupp sostenibbli, tas-saħħa, tal-immigrazzjoni, tad-difiża tad-drittijiet, tar-responsabilità soċjali tal-kumpaniji u fir-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi terzi;

F.  billi teżisti varjetà enormi ta' kulturi, tradizzjonijiet. sistemi ġuridiċi u metodi ta' organizzazzjoni tal-volontarjat fl-Istati Membri iżda jeżistu ostakli persistenti għall-prattika tiegħu, peress li l-volontarjat la huwa rikonoxxut u lanqas mhuwa rikonoxxut b'mod adegwat f'ħafna sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, u billi ma jridx jissostitwixxi lil attivitajiet li potenzjalment jistgħu joħolqu impjiegi remunerati;

G.  billi l-kriżi ekonomika u l-konsolidament fiskali qed jipperikolaw is-sostenibilità finanzjarja ta' ħafna NGOs u assoċjazzjonijiet ta' volontarjat li kuljum jaħdmu biex iżidu ċ-ċittadinanza attiva, is-solidarjetà u l-inklużjoni soċjali fl-Ewropa kollha;

H.  billi l-kriżi ekonomika u fatturi politiċi u ekonomiċi għandhom impatt fuq il-finanzjament sostenibbli u l-ġbir ta' fondi għall-attivitajiet ta' volontarjat;

I.  billi ħafna proġetti u organizzazzjonijiet immexxija mill-voluntiera ma għandhomx ir-riżorsi biex jaċċessaw u jiżguraw finanzjamenti fl-ambitu ta' programmi eżistenti tal-UE minħabba l-burokrazija eċċessiva;

J.  billi l-azzjoni tal-UE għandha valur miżjud fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattika tajba dwar il-volontarjat fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

1.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li ma għandhomx qafas ġuridiku ċar u adegwat għall-voluntiera jadottaw wieħed u jfasslu strateġiji nazzjonali biex jippromwovu l-iżvilupp tal-attivitajiet ta' volontarjat, inkluż ir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-voluntiera kif ukoll jiggarantixxu l-kwalità, il-ħarsien u l-aċċess ugwali għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni, partikolarment f'termini ta' aċċess adegwat għall-protezzjoni sanitarja u soċjali;

2.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li ma għamlux progress sostanzjali fl-ambitu tal-volontarjat jiddedikaw, fil-futur, attenzjoni partikolari lil tali settur matul il-tfassil tal-politiki, tal-programmi tagħhom u tal-finanzjament tagħhom;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet u r-responsabilitajiet tal-voluntiera jkunu rikonoxxuti u rispettati u li l-voluntiera nnifishom ikunu jafu bihom; jissuġġerixxi li, f'dan ir-rigward, l-Istati Membri jużaw il-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Volontarjat, imfassla mill-konferenza tal-partijiet interessati fit-tieni Konvenzjoni taż-Żgħażagħ dwar il-Volontarjat fl-2011 bħala referenza għat-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni nazzjonali f'dan il-qasam;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, lokali u lill-UE jagħtu attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ żvantaġġati u b'inqas opportunitajiet (speċjalment persuni b'diżabilitajiet), sabiex ikunu jistgħu jwettqu azzjonijiet ta' volontarjat u, għal dan il-għan, jibbenefikaw minn appoġġ pedagoġiku u finanzjarju xieraq;

5.  Jirrimarka li l-volontarjat inaqqas ir-riskju ta' esklużjoni soċjali u għalhekk hu essenzjali li l-gruppi soċjali kollha jiġu attirati minn dawn l-attivitajiet, speċjalment persuni b'diżabilitajiet; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġi żgurat li l-volontarjat isir aktar rikonoxxut u inqas imfixkel minn ostakli ta' kull tip;

6.  Itenni l-ħtieġa li l-volontarjat isir aċċessibbli għall-immigranti u l-minoranzi bħala fattur neċessarju biex jiġu ffaċilitati l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tagħhom;

7.  Josserva l-effett ta' benefiċċju tal-kooperazzjoni bejn il-voluntiera tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u ta' pajjiżi terzi, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din il-kooperazzjoni tieħu importanza partikolari fl-ambitu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; jirrimarka wkoll li minbarra l-benefiċċji prinċipali li jirriżultaw mill-volontarjat, dan tal-aħħar jista' jikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tad-demokrazija u tal-Istat tad-dritt fil-pajjiżi terzi;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jagħmlu progress fin-negozjati għal reġimi tal-viżi aktar sempliċi għaċ-ċittadini mhux tal-UE li jixtiequ jidħlu fl-UE għal finijiet ta' volontarjat, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw il-kriterji biex iwettqu attivitajiet ta' volontarjat;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE(12) dwar il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju, u biex jissemplifika l-proċeduri għall-għoti ta' viżi, għall-persuni li jixtiequ jibdew attivitajiet ta' volontarjat, partikolarment fil-qafas tal-Politika Ewropea ta' Viċinat;

10.  Jinnota li l-volontarjat jinvolvi ċ-ċittadini fi żvilupp ekonomiku, soċjali u ekoloġiku lokali u transkonfinali sostenibbli u ta' spiss jista' jiżgura l-għoti ta' għajnuna mingħajr telf ta' ħin meta jinqalgħu d-diżastri; jirrimarka li dan għandu rwol fit-tkabbir tas-solidarjetà, taċ-ċittadinanza attiva u tat-tagħlim interkulturali, filwaqt li jipprovdi lill-voluntiera bl-opportunità li jitgħallmu l-lingwa u l-kultura tal-pajjiż li fih jaħdmu u b'hekk isaħħu l-koeżjoni soċjali u d-demokrazija parteċipattiva;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' volontarjat transkonfinali biex iċ-ċittadini jkunu pprovduti b'ħiliet ġodda, li jikkontribwixxu għall-impjegabilità u l-mobilità tagħhom u t-tisħiħ tal-iżvilupp tal-inklużjoni soċjali u biex jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn l-organizzaturi ta' attivitajiet volontarji fil-pajjiżi tal-UE sabiex tiġi promossa l-mobilità tal-voluntiera ta' kull età fl-Ewropa kollha, bl-għan li jitrawwem arrikkiment kulturali reċiproku;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-faċilitajiet tal-organizzazzjonijiet u taċ-ċentri tal-volontarjat, bil-għan li tagħti l-informazzjoni u t-taħriġ u l-koordinament tal-attivitajiet bejn il-voluntiera u l-organizzazzjonijiet tagħhom;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport li jidentifika l-ostakli għall-volontarjat transkonfinali, pereżempju l-limiti tal-età fl-assigurazzjonijiet, u jekk ikun meħtieġ, proposti leġiżlattivi;

14.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi garantit l-iżvilupp tal-volontarjat ta' kwalità, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll transkonfinali, permezz ta' qafas strutturat ta' informazzjoni komprensiva u taħriġ xieraq għall-voluntiera li jinkludi l-aħjar prattika attwali, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' akkoljenza għall-operaturi u l-organizzazzjonijiet fuq livell lokali u nazzjonali, rikonoxximent tad-drittijiet tal-voluntiera li jirrikonċiljaw l-attività tagħhom ta' volontarjat mal-ħajja privata tagħhom u bil-ħolqien ta' infrastruttura neċessarja fil-livelli kollha;

15.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-attivitajiet li jistgħu jiġbru u jinkanalaw il-motivazzjonijiet tal-voluntiera potenzjali, jiġi valorizzat il-potenzjal uman ta' kull persuna u jiżdied il-livell ta' kwalità tal-volontarjat ta' kull realtà u assoċjazzjoni, fil-kuntest ta' kull Stat Membru u b'attenzjoni partikolari fuq il-volontarjat transkonfinali;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-użu tal-ħin tal-voluntiera bħala forma ta' finanzjament ekwivalenti fl-ambitu tal-proġetti Ewropej, b'mod partikolari f'każ ta' inizjattivi transkonfinali;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżvluppaw inizjattivi u programmi ta' volontarjat internazzjonali li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-UE u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżempji pożittivi u l-prattiki tajba li diġà ġew implimentati għal dan il-għan minn ċerti Stati Membri;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu programmi ta' taħriġ u jiżviluppaw gwidi u materjali dwar il-ġestjoni tal-voluntiera u skemi ta' motivazzjoni biex persuni jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet ta' volontarjat transkonfinali;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll lid-diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, itejbu n-netwerks tagħhom tal-informazzjoni sabiex kulħadd isir jaf dwar l-opportunitajiet relatati mal-volontarjat, jingħelbu l-ostakli għall-parteċipazzjoni, jittejjeb l-aċċess għall-aħjar prattiki tal-volontarjat u l-promozzjoni ta' kooperazzjoni lil hinn mill-fruntieri;

20.  Jipproponi, għalhekk, il-ħolqien ta' portal ċentralizzat tal-UE, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet impenjati f'dan is-settur u partikolarment in-netwerks Ewropej tagħhom, li jinkludi bank ta' riżorsi dwar l-aħjar prassi tal-volontarjat u taqsima dwar il-volontarjat transkonfinali, b'informazzjoni dwar il-programmi disponibbli, il-kostijiet u l-kundizzjonijiet tagħhom għall-parteċipazzjoni, biex jippermetti skambju ta' informazzjoni dwar il-piżijiet amministrattivi, l-aspetti ġuridiċi u fiskali tal-volontarjat, l-ostakli li dak li jkun jiltaqa' magħhom fl-aċċess għall-programmi u l-aħjar modi biex jegħlibhom;

21.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrikorru għall-Manwal dwar il-Kejl tal-Volontarjat tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u għall-Manwal dwar l-Organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' lukru tan-Nazzjonijiet Uniti, bil-għan li tkun disponibbli statistika komparabbli u tingħata stampa ċara tal-kontribut sinifikanti tal-volontarjat u tal-eżiġenzi tal-voluntiera u tal-operaturi fl-Unjoni Ewropea kollha;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw il-Manwal tal-ILO dwar il-Kejl tal-Volontarjat sabiex tiġi żgurata data komparabbli soda li tista' tgħin biex jittejjeb il-monitoraġġ u t-tfassil tal-politiki;

23.  Jinnota li l-anzjani li jimpenjaw ruħhom fil-volontarjat isibu t-tranżizzjoni mix-xogħol għall-pensjoni aktar faċli, jiġifieri jħallu x-xogħol attiv b'mod aktar gradwali;

24.  Jenfasizza l-importanza li anki ċ-ċittadini anzjani li jixtiequ jwettqu xogħol ta' volontarjat anki f'pajjiż ieħor tal-UE jiġu infurmati, jingħataw finanzjament adegwat u sostenn, permezz tal-promozzjoni tat-tixjiħ attiv bħala riżorsa rikka ta' għerf u ta' esperjenza għas-soċjetà;

25.  Jinnota li l-volontarjat jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali, u jista' jikkontribwixxi biex jitnaqqas il-faqar, b'hekk jgħin biex tinkiseb il-koeżjoni ekonomika u soċjali; jirrimarka li l-volontarjat jippromwovi wkoll is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet billi jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn iż-żagħżagħ u l-anzjani, u jikkontribwixxi biex ikun hemm tixjiħ attiv u involviment soċjali fil-fażijiet kollha tal-ħajja, kif ukoll jgħin biex jippromwovi l-protezzjoni tal-ambjent;

26.  Jinnota li l-volontarjat jagħmel il-persuni aktar tolleranti, joħloq kapital uman u soċjali u għandu rwol vitali u jagħti s-setgħa lil gruppi soċjalment esklużi; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aċċess għal ammont kemm jista' jkun wiesa' ta' opportunitajiet ta' volontarjat u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tagħmel il-programmi Ewropej aktar inklużivi u miftuħa għall-faxex kollha tal-età;

27.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu objettivi nazzjonali fil-qasam tal-volontarjat u jippreparaw rapporti uffiċjali ta' ċensiment, ta' kontroll u ta' evalwazzjoni tal-azzjonijiet tal-volontarjat;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu profil għoli lill-volontarjat fl-isport, partikolarment fil-livell bażiku, sabiex ikun rikonoxxut ir-rwol importanti li għandhom l-organizzazzjonijiet sportivi mmexxija mill-voluntiera fit-tisħiħ tal-kultura, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u t-tisħiħ tal-komunitajiet, u jnaqqsu l-ostakli għall-volontarjat sportiv fl-UE kollha;

29.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, lokali u tal-UE jagħrfu l-kontribut importanti tal-volontarjat anki fil-ħarsien tal-ambjent, u jappoġġaw lill-attivitajiet ta' volontarjat relatati mal-edukazzjoni ambjentali, ta' prevenzjoni u ġestjoni tal-emerġenzi u ta' difiża tal-wirt artistiku u kulturali;

30.  Jinkoraġġixxi lill-impriżi tal-Unjoni Ewropea jappoġġaw lill-impjegati u lill-pensjonanti tagħhom fl-involviment tagħhom fil-volontarjat;

31.  Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni favur it-twaqqif ta' “Passaport Ewropew tal-Ħiliet”, sabiex il-ħiliet miskuba permezz tal-volontarjat jiġu uffiċjalment rikonoxxuti kemm għal finijiet professjonali kif ukoll għal finijiet ta' tagħlim, li huwa element essenzjali biex jiġu motivati voluntiera potenzjali u biex tinħoloq rabta bejn it-tagħlim mhux formali u l-edukazzjoni formali;

32.  Jenfasizza li dan il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet ma għandux ikun ġabra ta' ċertifikati distinti ġodda, imma dokument komplet, li jelenka, fuq it-talba tal-voluntier, kull esperjenza prattika, it-taħriġ u l-ħiliet trasversali u professjonali miksuba fl-ambitu ta' programm ta' tagħlim tul il-ħajja, inklużi l-kompetenzi miksuba permezz ta' attività ta' volontarjat;

33.  Jipproponi għalhekk lill-istudenti l-inklużjoni fis-sistema ECTS (Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti) tal-ħiliet miksuba bl-ambitu tal-attivitajiet ta' volontarjat;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-iżvilupp ta' sistema simili ta' kalkolu u rikonoxximent tal-ħiliet miksuba fl-ambitu ta' attivitajiet ta' volontarjat għall-adulti barra mis-sistema universitarja;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet isir realtà mill-aktar fis possibbli; jenfasizza li l-ħiliet miksuba bil-volontarjat għandhom ukoll sinifikat konsiderevoli fil-ħajja tax-xogħol u joffru valur miżjud lis-CV, u jinnota li l-volontarjat jista' jgħin liż-żgħażagħ fl-għażla tal-karriera tagħhom;

36.  Jenfasizza li huwa essenzjali li jiġu rikonoxxuti l-kompetenzi u l-ħiliet miksuba permezz tal-volontarjat bħala tagħlim mhux formali u informali u esperjenza ta' xogħol;

37.  Jinnota li l-volontarjat iwessa' l-orizzonti u jiżviluppa l-personalitajiet ta' dawk li jieħdu sehem fih u jenfasizza l-fatt li l-volontarjat iġib ukoll benefiċċji ekonomiċi lill-Istati Membri, għaliex il-persuni li jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet ta' volontarjat jikkontribwixxu biex jiġi ġġenerat il-PDG;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis, fil-“Passaport Ewropew tal-Ħiliet” il-bżonn ta' approċċ koeżiv u trasferibbli għall-analiżi u l-kontroll xierqa tal-voluntiera li jaħdmu mat-tfal u/jew mal-membri vulnerabbli tas-soċjetà;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi għall-konvalida tar-riżultati tat-tagħlim mhux formali u formali, li se jtejjeb il-valur u t-trasferibilità tal-ħiliet miksuba barra mill-edukazzjoni formali, filwaqt li jiffaċilita b'mod partikolari l-ksib ta' krediti ECTS supplementari fl-università bis-saħħa tal-attivitajiet ta' volontarjat u mekkaniżmu standardizzat ta' rikonoxximent tal-ħiliet miksuba permezz tal-volontarjat fl-ECTS kif ukoll teżamina l-possibilitajiet biex jitneħħew l-ostakli tat-taxxa li dak li jkun jiltaqa' magħhom huwa u jipparteċipa f'attivitajiet transkonfinali;

40.  Jipproponi li jiġi stabbilit qafas dwar it-taħriġ u l-kwalifiki għal ħarrieġa volontarji u jiġi inkorporat fil-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki sabiex il-mobilità tal-ħarrieġa volontarji titjieb u tiżdied it-trasferibilità tal-ħiliet u l-kompetenzi żviluppati permezz tal-volontarjat;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-volontarjat tal-impjegati u l-volontarjat appoġġat minn min iħaddem ukoll fil-kuntest tar-responsabilità soċjali tal-kumpaniji;

42.  Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex jinħoloq “Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja”, li permezz tiegħu se tiżdied il-parteċipazzjoni ta' voluntiera f'azzjonijiet ta' solidarjetà fil-kuntest tal-politika dwar l-għajnuna umanitarja tal-UE;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra wkoll l-istrutturi eżistenti mill-bidu nett u tinkludihom b'mod attiv waqt it-twaqqif ta' dan il-korp volontarju; jenfasizza wkoll li d-duplikazzjoni tal-istrutturi fil-qasam tal-protezzjoni ċivili mhijiex awspikabbli u għandha tiġi evitata;

44.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u lill-UE jassiguraw finanzjament adegwat u stabbli u jissemplifikaw il-proċeduri amministrattivi, inklużi inċentivi tat-taxxa, għall-organizzazzjonijiet impenjati fil-volontarjat, inklużi l-assoċjazzjonijiet u n-netwerks kollha rilevanti, partikolarment dawk ta' daqs żgħir u b'riżorsi limitati, sabiex ir-rwol, l-attivitajiet u r-riżultati jiġu valorizzati għall-ġid tas-soċjetà;

45.  Jitlob għaldaqstant li l-kunċett ta' għotja għall-assoċjazzjonijiet ikun iċċarat sabiex il-finanzjamenti tal-assoċjazzjonijiet ma jiġux imfixkla mal-għajnuna mill-Istat, li jista' jxekkel il-kompetizzjoni fis-settur finanzjarju;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmu li jippermetti lill-Istati Membri li jixtiequ jsaħħu s-soċjetà ċivili biex jeżentaw mill-VAT l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet kollha, jew il-maġġoranza tagħhom, li jsiru minn organizzazzjonijiet volontarji mingħajr skop ta' lukru; jenfasizza li mill-inqas l-organizzazzjonijiet iżgħar mingħajr skop ta' lukru għandhom ikunu koperti minn mekkaniżmu bħal dan;

47.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw ċertezza ġuridika għall-voluntiera, mhux l-inqas fir-rigward ta' kwestjonijiet ta' assigurazzjoni, sabiex id-diversi sistemi fl-Istati Membri differenti jinkoraġġixxu l-volontarjat transkonfinali, u biex jiżguraw ukoll li l-voluntiera jkunu infurmati aħjar rigward drittijiethom u rigward l-arranġamenti regolatorji u istituzzjonali fis-seħħ fid-diversi Stati Membri;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tassisti l-proċess ta' tneħħija ta' ostakli eżisteni;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jirrieżaminaw it-taxxa transkonfinali u l-arranġamenti tas-sigurtà soċjali tagħhom b'rabta mal-volontarjat transkonfinali biex jiżguraw li ma joħolqux ostakli addizzjonali għal din l-attività u li l-voluntiera transkonfinali jkunu jistgħu jirċievu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali li għalihom għandhom dritt skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004;

50.  Jenfasizza li, għalkemm hu riżorsa importanti tal-ekonomija u tas-soċjetà tagħna, il-volontarjat ma għandux ikun alternattiva għal xogħol regolari u remunerat jew sostitut tiegħu u, fl-ebda ċirkostanza, ma għandu jikkostitwixxi raġuni biex il-gvernijiet jonqsu milli jwettqu l-obbligi soċjali tagħhom;

51.  Iqis li dan l-aspett għandu jiġi enfasizzat b'mod partikolari fis-settur tal-assistenza sanitarja, fejn l-ammont ta' volontarjat qed ikompli jikber; jindika wkoll li l-promozzjoni tal-volontarjat b'rabta mal-ksib, l-iżvilupp jew iż-żamma ta' ħiliet ma għandhiex twassal sabiex il-volontarjat isir rekwiżit obbligatorju minħabba li dan jippreġudika n-natura fundamentali tiegħu;

52.  Jistieden b'mod partikolari lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, lokali u lill-UE juru lill-atturi u lill-imsieħba tal-volontarjat il-programmi Ewropej eżistenti, partikolarment dawk bl-għan “kooperazzjoni territorjali Ewropea” fil-politika ta' koeżjoni, u sabiex jiffaċilitawlhom l-aċċess biex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw aħjar minnhom għall-proġetti u l-attivitajiet transkonfinali tagħhom;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jimplimentaw skemi nazzjonali għall-volontarjat transkonfinali sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tiegħu fl-UE kollha;

54.  Jistieden partikolarment lill-Kummissjoni, fl-ambitu tal-ħolqien tal-programmi multiannwali l-ġodda u fid-dawl tal-esperjenza importanti miksuba mis-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011, tiżgura li jiġi garantit il-finanzjament tal-proġetti ta' volontarjat u tal-istrutturi li jorganizzaw attivitajiet ta' volontarjat u tiżviluppa u tinkoraġġixxi koordinament interistituzzjonali effiċjenti bil-għan li jippromwovi r-rwol tal-volontarjat fil-politiki tal-UE;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-informazzjoni dwar il-finanzjament disponibbli u l-programmi rilevanti tkun disponibbli mingħajr ħlas għal proġetti mmexxija minn voluntiera u li l-proċeduri ta' applikazzjoni ma jsirux inaċċessibbli minħabba burokrazija eċċessiva;

56.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jingħata finanzjament adegwat lil programmi f'diversi oqsma politiċi li jappoġġaw l-attivitajiet ta' volontarjat transkonfinali; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw attivament skemi għat-trawwim tal-volontarjat nazzjonali u transkonfinali; jitlob li l-appoġġ finanzjarju għall-infrastruttura tal-volontarjat jingħata attenzjoni partikolari, isostni li s-sussidji pubbliċi għall-volontarjat għandhom ikunu allokati mingħajr ma tkun diskriminata l-ebda organizzazzjoni;

57.  Jipproponi li għandu jitwaqqaf netwerk ta' organizzazzjonijiet volontarji fid-diversi Stati Membri billi jiġu kkoordinati l-organizzazzjonijiet volontarji eżistenti filwaqt li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' prattika tajba u ta' esperjenzi, u hu tal-fehma li l-punti ta' kuntatt il-ġodda għandhom ikunu miftuħa biss fi Stati Membri li għad ma għandhomx dawn l-istrutturi;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Statut Ewropew għall-Assoċjazzjonijiet biex tagħtihom qafas ġuridiku li fi ħdanu joperaw, inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-attivitajiet ta' volontarjat transkonfinali u jistabbilixxu strutturi volontarji fuq livell Ewropew li jinkoraġġixxu l-mobilità tal-voluntiera fl-UE;

59.  Jenfasizza r-rwol li l-volontarjat jiżvolġi fil-promozzjoni tal-politiki tal-UE;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti rikonoxximent xieraq lill-politiki rilevanti tal-UE dwar il-volontarjat u tippromwovihom, filwaqt li tikkunsidra n-natura trasversali ta' dawn l-attivitajiet u tiżgura li l-politiki nfushom jippromwovu l-iżvilupp tal-volontarjat u jinkoraġġixxu l-involviment tas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-programmi u l-proġetti tal-UE tagħti rikonoxximent xieraq lill-kontribut ġenwin li x-xogħol li jsir mill-voluntiera jagħti lill-komunità;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka biżżejjed riżorsi għall-ħolqien ta' Fond għall-Iżvilupp ta' Ċentri Ewropej għall-Volontarjat, li għandu l-għan li jiżviluppa infrastruttura li tappoġġa l-volontarjat;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippermettu li l-ħin iddedikat għall-volontarjat ikun inkluż bħala kofinanzjament fil-programmi finanzjati kollha tal-UE abbażi ta' kontribut in natura b'valur finanzjarju;

64.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu kontinwità bejn l-2011 u s-snin li ġejjin billi jintegraw bis-sħiħ fis-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv (2012) kif ukoll fis-sena proposta bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2013) id-dimensjoni tal-volontarjat, li hija espressjoni ta' ċittadinanza attiva li tippromwovi l-inklużjoni soċjali anke taċ-ċittadin anzjan;

65.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi promoss il-volontarjat, b'mod partikolari matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-appoġġ għall-volontarjat fil-politiki dwar l-assistenza tal-iżvilupp internazzjonali tagħha, mhux l-inqas bil-għan li jintlaħqu l-objettivi kollha mniżżla fl-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju;

66.  Isostni eżami formali tal-proposta “Solidarité” għal programm interistituzzjonali fil-qasam tar-riżorsi umani fl-istituzzjonijiet tal-UE bil-għan li jiffaċilita l-involviment tal-persunal u tal-apprendisti tal-istituzzjonijiet fil-volontarjat, l-attivitajiet umanitarji u soċjali, kemm bħala parti mit-taħriġ tal-persunal kif ukoll bħala volontarjat fil-ħin privat tagħhom;

67.  Jenfasizza l-fatt li l-programm propost jiffranka l-ispejjeż u għandu valur miżjud għoli kif ukoll ikun jgħin fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE;

68.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni żżomm il-punti ta' kuntatt utli stabbiliti kemm mal-“EYV 2011 Alliance” u mas-suċċessur tiegħu “Pjattaforma għall-Volontarjat”, li jinkludu bosta organizzazzjonijiet ta' volontarjat u netwerks tas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal-entitajiet nazzjonali ta' koordinament, mal-imsieħba strateġiċi u mal-kelliema għall-gvernijiet nazzjonali f'dan il-qasam, minħabba d-diversità kbira tal-entitajiet responsabbli għall-volontarjat fl-UE u jinkoraġġixxi lil dawn il-punti ta' kuntatt ikunu involuti fil-portal ċentralizzat propost tal-UE, bħala pjattaforma pan-Ewropea biex ikun iffaċilitat aktar il-koordinament u aktar attività transkonfinali;

69.  Jisħaq fuq l-importanza tan-netwerks ta' kuntatt u l-iskambju tal-prattiki t-tajb biex titqassam l-informazzjoni dwar il-proċeduri tal-UE attwali li jistgħu jgħinu u jsostnu l-volontarjat transkonfinali;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi, meta tqis li jkun xieraq, fil-konfront tal-Aġenda Politika dwar il-Volontarjat fl-Ewropa (PAVE) maħluqa mill-organizzazzjonijiet ta' volontarjat involuti fl-“EYV 2011 Alliance”;

71.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30.
(2) ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.
(3) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32.
(4) ĠU L 17, 22.1.2010, p. 43.
(5) ĠU C 168, 20.7.2006, p. 1.
(6) ĠU C 241, 20.9.2008, p. 1.
(7) ĠU C 319, 13.12.2008, p. 8.
(8) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 5.
(9) Testi adottati, P7_TA(2011)0101.
(10) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 24.
(11) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 9.
(12) ĠU L 375, 23.12.2004, p. 12.

Avviż legali - Politika tal-privatezza