Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2002(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0234/2012

Testi mressqa :

A7-0234/2012

Dibattiti :

PV 22/10/2012 - 21
CRE 22/10/2012 - 21

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2012 - 13.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0386

Testi adottati
PDF 278kWORD 114k
It-Tlieta, 23 ta' Ottubru 2012 - Strasburgu
Il-futur tal-politika tal-UE għall-iżvilupp
P7_TA(2012)0386A7-0234/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar Aġenda għall-Bidla: il-Futur tal-politika tal-iżvilupp tal-UE (2012/2002(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2011 bl-isem “Inżidu l-impatt tal-politika tal-UE għall-iżvilupp: Aenda għall-Bidla” (COM(2011)0637 – SEC(2011)1172 – SEC(2011)1173),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Inżidu l-impatt tal-politika tal-UE għall-iżvilupp: Aġenda għall-Bidla'(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2011 bl-isem “L-Approċċ Futur tal-Appoġġ Baġitarju tal-UE għall-pajjiżi terzi” (COM(2011)0638),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “L-Approċċ futur għal appoġġ baġitarju tal-UE għall-pajjiżi terzi”(2),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp”(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni Konġunta tat-12 ta’ Diċembru 2011 bl-isem “Id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE: Lejn Approċċ Aktar Effettiv' (COM(2011)0886),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni Konġunta tal-20 ta’ Diċembru 2005 tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar Il-Politika tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: “il-Kunsens Ewropew”(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna tat-2 ta’ Marzu 2005: “Sjieda, Armonizzazzjoni, Allinjament, Riżultati u Responsabbiltà Reċiproka”(5) (Ownership, Harmonisation, Alignment, Results and Mutual Accountability),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Akkra“ tal-4 ta’ Settembru 2008(6),

–  wara li kkunsidra s-Sħubija ta’ Busan għal kooperazzjoni effikaċi għall-iżvilupp maqbula fl-1 ta' Diċembru 2011(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 2007 bl-isem “Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar it-Tqassim tax-Xogħol fil-pokitika għall-Iżvilupp” (COM(2007)0072),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE (COM(2011)0594),

–  wara li kkunsidra l-impenji kollha li ttieħdu mill-komunità internazzjonali rigward l-iżvilupp u l-kooperazzjoni fin-NU u f’organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti oħrajn, li l-UE u l-Istati Membri ssottoskrivew għalihom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar “Il-progress li sar sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju: reviżjoni ta’ nofs it-terminu bi preparazzjoni għal-laqgħa ta’ livell għoli tan-NU f'Settembru 2010”(8),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-“Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp: tagħlim u perspettivi għall-ġejjieni”(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar iż-żieda tal-impatt tal-politika ta' żvilupp tal-Unjoni Ewropea(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar qafas strateġiku tal-UE biex tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jaffaċċjaw l-isfidi relatati mas-sikurezza tal-ikel(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar ir-raba’ Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna(12),

–  wara li kkunsidra l-eżami mill-pari ta’ DAC dwar il-politiki u programmi fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, ippublikat fl-24 ta’ April 2012 mill-Kumitat għall-Għajnuna u l-Iżvilupp (DAC) tal-OECD(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi li qed jiżviluppaw(14),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni maħruġa mill-Kumitat tar-Reġjuni fis-16 ta’ Frar 2012(15),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0234/2012),

A.  billi, skont it-Trattat ta’ Lisbona, it-tnaqqis tal-faqar u, fit-tul, il-qerda tiegħu jikkostitwixxu l-għan prinċipali tal-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea,

B.  billi l-Kunsens Ewropew għall-iżvilupp, iffirmat mill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, huwa acquis, ifakkar l-importanza u l-ambitu ta’ dan id-dokument, li jħaddan il-Pjan Direzzjonali Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll l-acquis u l-linji gwida li joħorġu minnu,

C.  billi l-2015 hija d-data mira biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju,

D.  billi l-Aġenda għall-Bidla għandha tipprovdi risposti għal dinja li nbidlet fundamentalment u li fiha l-qabża bejn l-għonja u l-fqar qed tkompli tikber f’kull pajjiż, partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

E.  billi l-globalizzazzjoni, minkejja li hija sors maġġuri ta’ għana, b’mod partikolari fil-pajjiżi bi dħul medju, ma tatx kontribut suffiċjenti għat-tnaqqis tal-insigurtà jew tabilħaqq tal-faqar, kif turi bla ambigwità i ż-żieda fin-numru assolut ta’ persuni bil-ġuħ u neqsin mill-ikel fid-dinja, inkluż f’ħafna pajjiżi bi dħul medju,

F.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiddikjara li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-governanza tajba jibqgħu prekundizzjonijiet għall-iżvilupp; billi dan jinkludi l-ħtieġa li jinstabu miżuri u kundizzjonijiet xierqa li jikkorrispondu għaċ-ċirkostanzi f’kull pajjiż, fejn is-sura u l-livell tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tkun imfassal biex toqgħod sew għas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull pajjiż sieħeb, inkluża l-kapaċita tiegħu biex iwettaq ir-riformi,

G.  billi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tikkonsisti fil-promozzjoni tal-iżvilupp tal-bniedem u l-progress tal-bnedmin fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, inkluża d-dimensjoni kulturali,

H.  billi t-tisħiħ tas-sinerġiji u l-istabbiliment ta’ rabta strateġika bejn l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp huma kundizzjonijiet neċessarji għall-iżvilupp tar-reżiljenza u l-bidu ta’ proċess ta’ żvilupp sostenibbli f’pajjiżi fraġli jew ta’ tranżizzjoni, li l-popolazzjonijiet tagħhom huma fost l-aktar forqa u vulnerabbli,

I.  billi, skont l-Artikolu 2(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni huwa l-promozzjoni ta’ ekonomija soċjali ta’ suq sostenibbli, u billi dan l-approċċ japplika wkoll għall-politika tal-iżvilupp u għall-politika tal-viċinat,

J.  billi, skont it-Trattat ta’ Lisbona, l-implimentazzjoni tal-politika tal-iżvilupp għandha tkun koerenti, u l-miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu t-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom iservu l-ewwel u qabel kollox biex jikkumbattu l-faqar u l-esklużjoni, b’mod partikolari permezz ta’ aċċess għall-edukazzjoni u għall-kura tas-saħħa,

K.  billi jeħtieġ li jiġi rrifjutat kull tentattiv biex d-definizzjoni tal-ODA titwessa’, inklużi l-approċċi tal-“Unjoni kollha” u tal-“ODA+” proposti dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll punti mhux relatati mal-għajnuna bħall-flussi finanzjarji, l-infiq militari, il-kanċellazzjoni tad-djun, u b’mod partikolari l-kanċellazzjoni tad-djun tal-krediti tal-esportazzjoni, u l-flus minfuqa fl-Ewropa fuq l-istudenti u r-refuġjati;

L.  filwaqt li jfakkar li l-Kummissjoni lesta li ttemm l-ODA għall-pajjiżi bi dħul medju fil-kuntest tad-differenzjazzjoni hekk kif previst mill-Aġenda għall-Bidla,

M.  billi minħabba li l-objettiv tal-Aġenda għall-Bidla proposta mill-Kummissjoni huwa li ssaħħaħ l-impatt tal-politika tal-iżvilupp attwali, l-ilħiq tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-interessi l-oħra tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, għandu jiġi ppjanat bi qbil mal-objettivi tal-politika tagħha għall-iżvilupp,

N.  billi fil-livell dinji, partikolarment fi ħdan il-G20, hemm defiċit demokratiku fl-istrutturi deċiżjonali bbażati fuq tip ta’ governanza li teskludi l-ifqar fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

O.   billi fil-qes tal-analiżi tal-Kummissjoni fuq in-nuqqasijiet attwali tal-politika tal-iżvilupp (frammentazzjoni u rduppjar tal-għajnuna, minħabba li t-tqassim tax-xogħol bejn id-donaturi xejn mhuwa ideali),

P.  billi l-Aġenda l-ġdida tinkludi għadd limitat ta’ prijoritajiet, b’tali mod li hija aktar kapaċi tilqa’ għal sfidi ġodda, inklużi l-impatt tal-kriżi finanzjarja, it-tibdil fil-klima, il-problemi tal-enerġija u l-kriżijiet rikorrenti tal-ikel,

1.  Iqis li l-Aġenda għall-Bidla hija innovattiva minħabba li tiffoka, inter alia, fuq l-użu tal-appoġġ baġitarju, fuq kombinazzjoni ta’ għotjiet u self u fuq il-promozzjoni tas-settur privat; jemmen li l-utilizzazzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi għandha tikkontribwixxi essenzjalment biex iċ-ċittadini fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinħarġu mill-faqar u mid-dipendenza fuq l-għajnuna u biex jiġu applikati l-prinċipji ta' governanza amministrattiva u fiskali tajba;

2.  Jifraħ lill-Kunsill li, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Mejjue 2012, ikkunsidra kemm il-prinċipji bażiċi sottostanti għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE kif ukoll uħud mill-pożizzjonijiet espressi mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar il-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

3.  Jiddeplora n-nuqqas ta’ djalogu politiku bejn l-atturi istituzzjonali, li huwa partikolarment ta’ ħsara għall-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD); jiddispjaċih, f’dan il-kuntest, li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni naqset milli tressaq proposti għall-implimentazzjoni tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp fil-prattika billi torbot l-għajnuna għall-iżvilupp ma’ oqsma oħra tal-politika tal-UE, partikolarment il-politika tal-kummerċ, il-politika tal-agrikoltura u l-politika tas-sajd tal-Unjoni; jaqbel, f’dan ir-rigward, mal-osservazzjoni tal-Kunsill “li kooperazzjoni stretta bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni Ewropea hija meħtieġa biex tiżgura koerenza kbira bejn l-azzjoni esterna tal-UE u l-PCD”;

4.  Josserva li huwa propost li l-mekkaniżmu ta’ taħlit, kif inhu bħalissa, iħallat l-għotjiet pubbliċi mas-self mill-istituzzjonijiet finanzjarji u mekkaniżmi oħra ta’ kondiviżjoni tar-riskju, fi żmien ta’ kriżi finanzjarja li timplika restrizzjonijiet baġitarji għall-iżvilupp; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tipprovdi informazzjoni ċara fuq kif dan il-mekkaniżmu jaqdi l-għan ta’ politika ta’ żvilupp ibbażata fuq kriterji tal-ODA, u kif se jiġi eżerċitat il-poter ta’ skrutinju tal-Parlament;

5.  Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi “tkabbir inklussiv u sostenibbli għas-servizz tal-iżvilupp tal-bniedem”, imma jiddispjaċih li d-dokument ma jagħmel l-ebda referenza għall-ħtieġa li tkun promossa ridistribuzzjoni aħjar; jenfasizza li, minn perpsettiva tal-iżvilupp, dan l-istrument il-ġdid m’għandu jkollu l-ebda objettiv għajr dak li jnaqqas il-faqar u jiġġieled l-inugwaljanza; iwissi li attenzjoni esklussiva għat-tkabbir ekonomiku u kunfidenza żejda fl-effetti ta’ ridistribuzzjoni awtomatika tal-iżvilupp fis-settur privat jistgħu jwasslu għal tkabbir żbilanċjat u mhux inklussiv, bla ma jħalli effett reali fuq it-tnaqqis tal-faqar; jitlob lill-UE biex tirrevedi din il-politika favur politiki ta’ żvilupp sostenibbli inklużi l-kummerċ, ir-ridistribuzzjoni tal-għana u l-ġustizzja soċjali, biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-popolazzjoni kollha kemm hi, sew f’żoni urbani kif ukoll f’dawk rurali;

6.  Iqis li, mil-lat finanzjarju, regolatorju, amministrattiv, u soċjali, l-istabbiliment ta’ mikronegozji u SMEs f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jagħti spinta lill-intraprenditorija u l-iżvilupp tas-settur privat, huwa essenzjali għall-ħolqien ta’ ambjenti tan-negozju favorevoli f’pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis li l-UE għandha tiffoka fuq it-tneħħija ta’ piżijiet regolatorji eċċessivi għall-SMEs u l-mikronegozji u, f’dan ir-rigward, imissha tinkoraġġixxi u ssaħħaħ aktar l-aċċess għall-mikrokreditu u l-mikrofinanzjament;

7.  Iqis li l-Aġenda għall-bidla għandha ġġib bidla reali fil-politika, billi tiffoka fuq li twettaq id-drittijet individwali u kollettivi tal-popolazzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif minquxa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Patt Internazzjonali dwar fid-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali jew fid-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp, kif ukoll fit-trattati dwar il-ħarsien tal-ambent;

8.  Iqis li sistemi effikaċi ta’ drittijiet tal-art f’pajjiżi li qed jiżviluppaw huma essenzjali għall-qerda tal-faqar u għall-ħolqien ta’ soċjetà ġusta u inklussiva; għal dan il-għan, wieħed mill-objettivi tal-Aġenda għall-Bidla għandu jkun li tiżgura li sistemi siguri ta’ drittijiet tal-art ikunu implimentati f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li jiġu ssorveljati b'mod xieraq;

9.  Itenni l-impenn tiegħu, f'dan il-kuntest, favur l-inklużjoni soċjali, kif ukoll id-deċiżjoni li tal-anqas 20% mill-għajnuna tal-Unjoni kollha tiġi allokata għas-servizzi soċjali bażiċi, kif definiti min-NU fl-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs);

10.  Jirrimarka li madwar 82 % tal-persuni b’diżabilitajiet f’pajjiżi li qed jiżviluppaw jgħixu taħt il-linja tal-faqar; għalhekk iqisu essenzjali li l-Aġenda għall-Bidla timplimenta l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilitajiet (UNCRPD), diġà ffirmata mill-UE, li tirrikonoxxi l-ħtieġa li l-kooperazzjoni internazzjonali ssir aċċessibbli għall-persuni b’diżabilitajiet u tinkludihom;

11.  Jistieden rappreżentanti mill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE biex ikollhom laqgħat strutturati annwali mal-Parlament Ewropew ħalli jiżguraw konsistenza fl-infiq ta’ għajnuna għall-iżvilupp u biex isaħħu l-Koerenza Politika għall-Iżvilupp;

12.  Jinnota li l-Kummissjoni qed tpoġġi l-faqar fil-qalba tal-politika l-ġdida tagħha ta’ “differenzjazzjoni”; jinnota, madankollu, li 70 % tal-persuni li d-dħul tagħhom huwa anqas mil-limitu tal-faqar jgħixu f’pajjiżi bi dħul medju, li bosta minnhom għadhom fraġli u vulnerabbli, partikolarment l-Istati Gżejjer li qed Jiżviluppaw (SIDS), u għaldaqstant jiddeplora l-fatt li l-foqra f’dawn il-pajjiżi għadhom imċaħħda mill-aċċess għall-edukazzjoni, għal-kura tas-saħħa u mill-benefiċċji l-oħra tat-tkabbir ekonomiku intern, sitwazzjoni li dawn l-istati jerfgħu r-responsabbiltà għaliha; jitlob lill-Kummissjoni biex, għall-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ differenzjazzjoni, tistabbilixxi kriterji ta’ vulnerabbiltà fil-linji gwida komuni ta’ programmar tad-DCI l-ġdid u l-ħdax-il FEŻ li bħalissa qed jiġu diskussi, u biex tqis r-realtajiet tal-faqar, l-iżvilupp tal-bniedem u l-inugwaljanzi f’pajjiż, u mhux biss l-ING ta’ dak il-pajjiż;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex iżommu l-wegħda tagħhom ta’ “Approċċ ibbażat fuq id-Drittijiet tal-Bniedem” matul il-proċess kollu ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp;

14.  Jenfasizza li l-atturi kollha statali u mhux stataligħandhom ir-responsabbiltà li jiffukaw l-istrateġija tagħhom fuq l-eliminazzjoni tal-faqar; jissottolinja, minn naħa waħda, ir-responsabbiltà tal-UE li tikkonforma mal-objettiv tagħha ta’ 0,7 % minn issa sal-2015 u, min-naħa l-oħra, in-natura esssenzjali tl-ġlieda kontra l-faqar f’ekonomiji emerġenti bl-użu ta’ mezzi relevanti għas-solidarjetà interna tagħhom; f'dan ir-rigward, jilqa’ b’sodisfazzjoni l-konklużjonijiet tal-Kunsill, li jħeġġu lill-Unjoni biex “tissokta d-djalogu politiku tagħha mal-pajjiżi l-aktar avvanzati dwar it-tnaqqis tal-faqar u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi”;

15.  Jenfasizza l-importanza tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta l-integrazzjoni tal-familji fil-politika bħala prinċipju universali ta' gwida għall-ilħiq tal-għanijiet ta’ żvilupp tal-UE;

16.  Jappella għal żvilupp ulterjuri ta’ rabta ċara bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp, partikolarment fid-dawl tal-kriżi nutrizzjonali li għadha għaddejja, u jenfasizza l-ħtieġa ta’ għajnuna effikaċi u sostnuta permezz ta’ kombinament ta’ sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u responsabbiltà soċjali korporattiva; itenni l-appell tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura strateġija aktar ċara u aktar iffukata dwar in-nutrizzjoni, li tindirizza l-governanza tas-sigurtà tal-ikel u tnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel sal-aħħar tal-2012;

17.  Iqis li l-indirizzar tal-kwistjoni tal-malnutrizzjoni huwa ta’ importanza kritika, billi għadha piż kbir fuq is-sitwazzjoni tas-saħħa f’pajjiżi li qed jiżviluppaw; għal dan il-għan, jappella għal investimenti speċifiċi fl-ikel, is-saħħa u n-nutrizzjoni, filwaqt li jirrikonoxxi li titjib fin-nutrizzjoni tal-ommijiet u tat-tfal huwa essenzjali biex jinqered il-faqar u jintlaħaq tkabbir sostenibbli;

18.  Iqis li huwa essenzjali li l-pajjiżi bi dħul medju jiddedikaw parti dejjem akbar mid-dħul tagħhom għal finijiet soċjali, partikolarment billi jiżviluppaw sistemi ta’ tassazzjoni u sistemi oħra tar-ridistribuzzjoni interna u tal-protezzjoni soċjali, biex b’hekk l-UE tkun tista’ tnaqqas pass pass il-programmi ta’ żvilupp tagħha b’tali mod li jibbenefikaw l-ifaqr pajjiżi, filwaqt li żżomm sħubija stretta ma' pajjiżi bi dħul medju, partikolarment f'oqsma tal-politika soċjali;

19.  Japprova l-kunċett tad-differenzjazzjoni; jitlob lill-Kummisjoni, madankollu, biex tinnegozja pjan direzzjonali għat-tnaqqis gradwali tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) fil-każ ta’ pajjiżi bi dħul medju u tinvolvihom progressivament fi ftehimiet trijangolari Tramuntana-Nofsinhar-Nofsinhar; jitlob ukoll li dan it-tnaqqis gradwali f’kull każ jitwettaq fil-qies tal-prinċipju tal-prevedibbiltà tal-għajnuna; barra minn hekk, jistieden lill-UE biex tikkunsidra mezzi ta’ kooperazzjoni diretta mal-irqajja’ reġjonali ta’ faqar fil-pajjiżi ta’ dħul medju;

20.  Iqis li jkun f’loku li tiġi evalwata l-ħtieġa għal konferenza internazzjonali mal-pajjiżi BRICS li, minn naħa, tiffoka fuq il-finanzjament futur tal-MDGs, u min-naħa l-oħra, tippromwovi l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni trijangolari li jinvolvu pajjiż donatur mit-Tramuntana, pajjiż b'ekonomija emerġenti u pajjiż li qed jiżviluppa; jirrimarka li l-kunċett ta’ “effikaċja tal-iżvilupp” mhuwiex biss utli għall-kejl tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD), iżda jipprovdi wkoll opportunità għal approfondiment tad-djalogu mal-pajjiżi tal-BRICS, minħabba li dan huwa l-kunċett ippreferut minn donaturi emerġenti fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

21.  Jilqa’ r-relevanza speċjali assenjata lid-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Aġenda għall-Bidla; iħeġġeġ lill-UE biex tagħmel aktar sforzi ħalli tintegra b’mod aktar effikaċi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-medda kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tiżgura li l-programmi ta’ żvilupp tal-UE jikkontribwixxu biex il-pajjiżi sħab jaqdu l-obbligi internazzjonali tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem;

22.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fix-xewqa tagħha li talloka għajnuna buġetarja lil pajjiżi sħab ehekk kif dawn jieħdu impenn, fil-qafas ta' djalogu politiku bil-għan li jerġgħu jiffukaw il-prijoritajiet baġitarji tagħhom fuq għanijiet ta’ żvilupp f’setturi soċjali bażiċi; huwa tal-fehma li l-appoġġ baġitarju għandu jkun marbut aktar mill-qrib mal-istorja tad-drittijiet tal-bniedem u mas-sitwazzjoni ta’ governanza ta’ pajjiżi riċevituri; itenni l-appell tiegħu għall-istabbiliment ta’ kriterji aktar dettaljati f'dan ir-rigward għall-għoti ta’ appoġġ baġitarju;

23.  Filwaqt li jirrikonoxxi r-relazzjoni bejn l-iżvilupp u s-sigurtà, huwa konvint li l-baġit tal-UE għall-iżvilupp għandu jibqa’ separat mill-finanzjament ta’ kwistjonijiet relatati mas-sigurtà, li hija materja tal-affarijiet interni;

24.  Jitlob li l-Kummissjoni tiċċara r-rabta bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni; jinsisti li l-baġits tal-iżvilupp f’dan il-qasam għandhom jaqdu l-għan li jkun hemm pjan tal-iżvilupp integrat u reġjonali għall-oqsma ewlenin relatati mal-migrazzjoni, bħalma huma l-ħolqien tal-impjiegi, l-installazzjoni u l-infrastrutturi għall-ilma tax-xorb, l-elettriku, iċ-ċentri tas-saħħa, l-iskejjel, eċċ.;

25.  Jemmen li l-Istrateġija l-ġdida dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li tiffoka fuq drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, flimkien ma’ dawk kodifikati fil-Konvenzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandu jkollha impatt fuq il-metodi ta’ appoġġ baġitarju; huwa favur kundizzjonalità pożittiva u piżata f’dan il-qasam, ibbażata fuq approċċ dinamiku – b’attenzjoni biex tissalvagwardja l-kisbiet miksuba wara snin ta’ sħubija – u li sseħħ fil-kuntest ta’ sħubija msejsa fuq djalogu politiku dwar l-użu tal-metodi varji ta’ implimentazzjoni tal-appoġġ finanzjarju tal-UE;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill Ewropew u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-minoranzi, u jinsisti li fil-programmi ta’ żvilupp għandhom jiddaħħlu klawżoli mhux negozjabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni, fost l-oħrajn rigward diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali u fil-konfront ta’ nies li jgħixu bl-HIV/AIDS;

27.  Jaqbel mal-appell tal-Kunsill għall-adozzjoni ta’ approċċ tal-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet, li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi, b’mod partikolari, id-dritt għall-aċċess universali u mhux diskrminatorju għas-servizzi bażiċi, il-parteċipazzjoni fi proċessi politiċi demokratiċi, it-trasparenza u r-responsabbiltà, u l-ġustizzja u l-istat tad-dritt, b’enfasi fuq gruppi foqra u vulnerabbli;

28.  Jiddispjaċih, madankollu, li fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni d-drittijiet tal-bniedem jidhru prinċipalment bħala parti minn kundizzjonalità usa’ ta’ governanza tajba, li tidher li għandha biss valur strumentali għall-iżvilupp; jirrimarka li approċċ għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem ma jistax ikun limitat għal kundizzjonalità, u li jeħtieġ fehim integrat tad-drittijiet tal-bniedem, fejn tingħata attenzjoni ugwali għad-drittijiet ċivili, kulturali, ekonomiċi, politiċi u soċjali, u l-iżvilupp huwa mifhum l-ewwel nett bħala żvilupp tal-bniedem;

29.  Ifakkar, f’dan il-kuntest, l-importanza tar-rikonoxximent mill-UE tad-dritt għall-iżvilupp ta’ dawn il-pajjiżi sħab u l-obbligi li jirriżultaw minn dan id-dritt għall-pajjiżi donaturi;

30.  Bi qbil mal-Programm ta' Azzjoni adottat fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD), li tlaqqgħet fil-Kajr fl-1994, jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-aġenda tal-popolazzjoni u l-iżvilupp, partikolarment permezz ta' kollaborazzjoni ma’ CSOs u aġenziji tan-NU bħalma hija l-UNFPA;

31.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jieħu azzjoni fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal taxxa mfassla sew u effikaċi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji maħsuba biex tiġġenera d-dħul ħalli jintlaħqu l-prijoritajiet ta’ żvilupp globali inklussiv;

32.  Ifakkar b’determinazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jeħtieġ li l-ODA tibqa’ s-sinsla tal-politika Ewropea tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp li timmira li teqred il-faqar; għalhekk, jenfasizza li jekk għandha ssir promozzjoni estensiva ta’ sorsi innovattivi tal-finanzjament tal-iżvilupp, jeħtieġ li dawn ikunu addizzjonali, li jintużaw fuq il-bażi ta’ approċċ favur il-fqar, u li fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jintużaw biex jissostitwixxu l-ODA;

33.  Huwa tal-fehma li l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet għall-użu ta’ ċerti tipi ta’ ħlas u tal-appoġġ baġitarju tal-ODA għandha timxi id f’id ma’ istituzzjonijiet operazzjonali sodi u mal-monitoraġġ demokratiku tal-baġits minn parlamenti, qrati tal-awdituri, is-soċjetà ċivili kif ukoll awtoritajiet reġjonali u lokali fil-pajjiżi riċevituri, u b’garanziji min-naħa tal-UE dwar il-kontinwità u l-previdibbiltà tal-għajnuna mogħtija mill-Unjoni; jilqa’ l-fatt li l-Kunsill inkluda dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-konklużjonijiet tiegħu; jenfasizza l-ħtieġa li s-sistema ta’ “kuntratti MDG” titkompla u tespandi;

34.  Huwa tal-fehma li l-publikazzjoni tal-ODA uffiċjali ma tirriflettix biżżejjed il-mezzi li tassew huma disponibbli f’dan ir-rigward;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu politiku, b’mod partikolari bejn it-tliet istituzzjonijiet tal-UE, biex jissaħħu l-livelli ta’ kunsens u ta’ involviment eżistenti rigward l-adozzjoni tal-“Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp” fl-2005; li għandu jibqa’ l-qafas dottrinali għal Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD); jemmen, għalhekk, li l-programm il-ġdid jista’ jkun biss strument kompatibbli mal-“Kunsens”, li jwassal għal politika aktar effikaċi tal-iżvilupp li taqdi l-objettiv globali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-qerda tal-faqar – b’mod partikolari, permezz ta’ sforzi għall-ilħiq tal-għanijiet tal-Millenju għall-iżvilupp u permezz tar-rwol tal-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni – f’kuntest ta’ żvilupp sostenibbli;

36.  Jixtieq li jħares il-karattru kunsenswali tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE rigward il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, hekk kif definit fl-20 ta’ Diċembru 2005, u, f’dan l-ispirtu, jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà biex hija wkoll tiffirma l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, minħabba li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, li hija l-President tiegħu, għandu responsabilitajiet sinifikanti ta’ programmar;

37.  Iqis li l-Unjoni għandha tassumi bis-sħiħ ir-resposabbiltà tagħha bħala d-donatur dinji ewlieni ta’ għajnuna għall-iżvilupp, u tisfrutta aktar il-potenzjal politiku tagħha, billi tiżviluppa r-rwol ta’ tmexxija tagħha fil-livell internazzjonali dwar kwistjonijiet ta’ żvilupp, b’mod partikolari billi xxerred il-prinċipji ta’ governanza tajba u tħarreġ l-atturi lokali, u billi tuża b’determinazzjoni s-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 210 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex tieħu kull inizjattiva li tkun f’lokha biex trawwem il-koordinament tal-politiki tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni u tal-Istati Membri u tissinkronizza l-programmi ta’ għajnuna tagħhom;

38.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ssejjaħ biss lill-Kunsill biex japprova l-Aġenda għall-Bidla tagħha, minkejja ċ-ċirkustanza li l-kontroll demokratiku, hekk kif provdut fit-Trattat ta’ Lisbona, għandu jkun applikat bis-sħiħ fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-politika tal-iżvilupp; jissottolinja li, biex issir operazzjonali, kull bidla fil-prijoritajiet ġeografiċi, tematiċi u settorjali tal-iżvilupp tal-Unjoni jeħtiġilha tkun deċiża permezz ta’ kodeċiżjoni mill-Parlament u l-Kunsill fil-qafas ta’ strumenti għall-finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li tkoprihom il-proċeedura leġiżlattiva ordinarja;

39.  Jilqa’ l-fokus fuq koordinazzjoni aktar stretta bejn l-Istati Membri permezz tal-iżvilupp ta’ programmar konġunt, kuntratti uniċi tal-UE għall-appoġġ baġitarju, u oqfsa komuni tal-UE għall-kejl u l-komunikazzjoni ta’ riżultati u għall-kundizzjonalità tad-drittijiet tal-bniedem;

40.  Jemmen li ż-żamma ta’ livelli għolja ta’ finanzjament għall-edukazzjoni ta’ żvilupp hija kruċjali minħabba li tippromwovi l-għarfien pubbliku meħtieġ dwar kwistjonijiet ta’ żvilupp;

41.  Jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni li “l-UE għandha tħabrek biex tgħin lil pajjiżi f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità”; jinnota, madankollu, li relazzjoni bilaterali tista’ ma tkunx suffiċjenti għal dan, fis-sawl tal-qafas baġitarju ġdid u l-fatt li pajjiżi f’sitwazzjonijiet bħal dawn ħafna drabi m’għandhomx gvern jew sistema legali funzjonanti; għalhekk, jistieden lill-UE biex taħdem ma’ pajjiżi terzi f’reġjun determinat biex tirfed l-iżvilupp u l-funzjonament ta’ istituzzjonijiet, l-istat tad-dritt u s-sistemi ġudizzjarji tal-pajjiż sieħeb;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa l-għodda meħtieġa biex tiggarantixxi rabta strateġika bejn l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp f’sitwazzjonijiet ta' fraġilità, kriżi u wara l-kriżi, biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi konċernati;

43.  Ifakkar li, fir-rigward tal-proposta għall-ħdax-il EDF, kwalunkwe orjentazzjoni politika ġdida wara l-adozzjoni tal-Aġenda għall-Bidla jeħtiġilha tkun kompatibbli mal-ispirtu u mal-ittra tal-Ftehim ta’ Kotonu;

44.  Iqis li huwa indispensabbli li jenfasizza l-vantaġġi komparattivi tal-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, u, f’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-OECD, biex tiddefinixxi metodoloġija li biha tkun tista’ tivvaluta l-impatt tal-politika proprja tagħha u li tqabbilha mal-politiki ta’ atturi l-oħra, partikolarment ma’ dawk tal-hekk imsejħa “ekonomiji emerġenti”;

45.  Ifakkar fil-ħtieġa ta' approċċ konsistenti mit-28 attur diġà magħquda mill-Kunsens, u jinsisti fuq qari komuni tas-sitwazzjoni u perċezzjoni komuni tal-kwistjonijiet strateġiċi; ;

46.  Jitlob li tinħoloq ċellola ta’ riflessjoni indipendenti, amministrattivament marbuta mal-Kummissjoni, bl-objettiv li tiżviluppa l-kapaċitajiet ta’ analiżi u konsultattivi għall-atturi Ewropej kollha tal-kooperazzjoni ħalli tiżgura l-valur miżjud ta' politika kkoordinata tajjeb u konsistenti;

47.  Jappoġġja r-rieda tal-Kummissjoni li tiffoka l-attivitajiet immexxija mill-UE f’kull pajjiż sieħeb fuq għad ristrett ta’ setturi ta’ prijorità, imma jfakkar li, sabiex jintlaħqu l-aqwa riżultati, jeħtieġ li dawn il-prijoritajiet ikunu identifikati fil-qafas tas-sħubija, u li s-sjieda u l-prijoritajiet tas-sieħeb ikunu rrispettati bis-sħiħ;

48.  Jappoġġja dak li jfakkar il-Kunsill li “l-obbligu inkluż fit-Trattat li jitqiesu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politiki li jistgħu jaffetwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jitkomplew dawn l-objettivi fil-qafas ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni”;

49.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni u d-difiża tal-governanza tajba; jitlob lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tappoġġja l-programmi ta’ taħriġ għall-professjonisti tal-liġi u l-programmi għall-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari l-leġiżlazzjonijiet dwar l-użu tal-artijiet;

50.  Huwa tal-fehma li l-iżvilupp sostenibbli jimplika ġbir tat-taxxi domestiċi effikaċi, żvelar awtomatiku tal-profitti tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u tal-pagamenti tat-taxxi tagħhomm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw individwali fejn joperaw, kif ukoll ġlieda kontra l-abbuż tar-rifuġji fiskali, kontra l-evażjoni tat-taxxa u kontra l-ħrib illeċitu tal-kapital; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni tal-UE dwar rappurtar pajjiż b’pajjiż u proġett bi proġett, li għandu jiġi inkluż fil-politika tal-UE Aġenda għall-Bidla;

51.  Jemmen li l-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE u l-istrumenti ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ, li bħalissa jimmiraw biss lejn is-setturi tal-esportazzjoni, jeħtieġ li jinbidlu sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ għas-swieq lokali u reġjonali;

52.  Ifakkar li soċjetà ċivili attiva hija l-aqwa garanzija – kemm fil-pajjiżi tat-Tramuntana kif ukoll f’dawk tan-Nofsinhar – ta' governanza demokratika tajba, protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli (b’mod partikolari ta’ persuni b’diżabbiltà u minoritajiet), responsabbiltà tas-settur privat u kapaċità aqwa ta' tqassim tal-frott tat-tkabbir ekonomiku;

53.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tqegħidx biżżejjed enfasi fuq id-dimensjoni tal-ġeneru fil-faqar; jemmen li l-UE jeħtiġilha tinvesti fil-bżonnijiet speċifiċi tan-nisa u tfassal pakketti ta’ protezzjoni soċjali li jindirizzaw l-isfidi ffaċċjati min-nisa; jenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa (GEWE) huma essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi internazzjonali ta’ żvilupp; jissottolinja l-fatt li l-għoti tas-setgħa ekonomika u politika lin-nisa mhux biss huwa mutur tal-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda huwa wkoll fundamentali għall-ilħiq ta’ tkabbir ekonomiku komprensiv f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u għat-tnaqqis tal-faqar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa jkunu integrati fil-politiki u l-programmi kollha ta’ żvilupp tal-UE permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar il-Ġeneru tal-2010;

54.  Jixtieq li jara l-Aġenda għall-Bidla tispeċifika r-rwol importanti u indipendenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tas-soċjetà ċivili, mhux biss fl-implimentazzjoni ta’ programmi u proġetti ta’ żvilupp, iżda wkoll bħala atturi fundamentali fil-proċess tat-trawwim ta’ politiki tal-iżvilupp ibbażati fuq l-evidenza; jenfasizza l-importanza li l-kooperazzjoni magħhom tittejjeb, u jappella għal djalogu u konsultazzjonijet regolari magħhom fit-tfassil tal-politika; f’dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta’ djalogu bejn l-UE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

55.  Jappella għal aktar għarfien fl-Istati Membri l-ġodda dwar l-importanza tal-għajnuna għall-iżvilupp;

56.  Jesprimi t-tama tiegħu li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tkun suġġett aktar prominenti matul l-2015, sena importanti li matulha se jeħtieġ li ssir riflessjoni fil-fond, u b'mod partikolari fir-rigward tas-segwitu li għandhom jingħata għall-MDGs; jixtieq li l-Kummissjoni ssemmi l-2015 “Is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp”;

57.  Jirrimarka li fehim aħjar tal-impatti tal-politiki mhux ta’ żvilupp fuq l-iżvilupp huwa strumentali għall-istabbiliment u l-monitoraġġ ta’ qafas ta’ żvilupp effikaċi; għalhekk iqis li huwa essenzjali li l-Aġenda għall-Bidla ġġib “il quddiem Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) ibbażata fuq l-evidenza;

58.  Jitlob bil-qawwa li kull appoġġ mogħti lis-settur privat fil-forma ta’ ODA jkun fil-qafas tal-pjanijiet u/jew l-istrateġiji nazzjonali tal-pajjiżi sħab, u li l-ammonti allokati jkunu ffukati fuq l-iżvilupp tar-riżorsi umani, ix-xogħol deċenti, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi inklussivi ta’ kwalità għolja għall-ġid tal-popolazzjoni; huwa favur salvagwardji biex jiżguraw li kumpaniji privati jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, joffru impjiegi deċenti u jħallsu t-taxxi tagħhom fil-pajjiżi fejn joperaw;

59.  Jilqa’ l-proposti tal-Aġenda għall-Bidla rigward l-effikaċja tal-għajnuna, fid-dawl tal-importanza tal-efikaċja tal-gajnuna għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja, it-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi riċevituri u l-ilħiq tal-MDGs, u jħeġġeġ azzjoni aktar determinata tal-UE f’dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni rapida tas-Sħubija ta’ Busan għal kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi; huwa tal-fehma li t-tranżizzjoni b’suċċess mill-kunċett ta’ għajnuna effikaċi għal dak tal-kooperazzjoni għal żvilupp effikaċi teħtieġ impenn qawwi mill-UE u mis-sħab internazzjonali tagħha; jittama li jintlaħaq bil-ħeffa kunsens internazzjonali dwar l-arranġamenti ta’ ħidma għas-Sħubija Globali;

60.  Huwa tal-fehma li ċerti sfidi ġodda, b'mod partikolari t-tibdil fil-klima u l-aċċess universali għall-enerġija, mhumiex koperti biżejjed mis-setturi ta’ intervent magħżula fil-proposta tal-Kummissjoni;

61.  Itenni t-talba tiegħu biex fl-Aġenda għall-Bidla jiġu inklużi l-obbligi u d-dmirijiet ta’ investituri barranin li joperaw f’pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards ambjentali u l-istandards ċentrali tax-xogħol tal-ILO; iqis li l-kumpaniji tal-UE għandhom ikunu legalment responsabbli fil-pajjiżi tagħhom stess għall-ksur ta’ dawn l-obbligi u doveri minn sussidjarji tagħhom barra l-pajjiż u għall-entitajiet li jikkontrollaw;

62.  Jistieden lill-UE tirrikonoxxi d-dritt tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jirregolaw l-investiment, jiffavorixxu l-investituri li jirfdu l-istrateġija ta’ żvilupp tal-pajjiżi sieħeb, u jagħtu trattament preferenzjali lill-investituri domestiċi u reġjonali biex jippromwovu l-integrazzjoni reġjonali;

63.  Jiddispjaċih li l-Aġenda għall-Bidla ma indirizzatx il-kwistjoni tal-kiri tal-art f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, li thedded is-sigurtà lokali tal-ikel; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fenomenu attwali ta’ artijiet agrikoli minn investituri barranin appoġġjati mill-gvern, uħud minnhom mill-UE, fenomenu li jista’ jimmina l-politika tal-UE kontra l-faqar;

64.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni trasversali tal-kultura u tal-importanza li din tiġi kkunsidrata fil-politiki kollha esterni tal-UE b’mod ġenerali, u fil-politika tal-iżvilupp b’mod partikolari;

65.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni jeħtiġilha tħares il-monopolju tal-ipprogrammar fil-qasam tal-politiki tal-iżvilupp u tal-kooperazzjoni;

66.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1) It-3 166 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, Brussell, l-14 ta' Mejju 2012.
(2) It-3 166 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, Brussell, l-14 ta' Mejju 2012.
(3) It-3 166 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, Brussell, l-14 ta' Mejju 2012.
(4) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(5) http://www.oecd.org/dataoecd/11/41/34428351.pdf
(6) http://www.oecd.org/dataoecd/11/41/34428351.pdf
(7) Dikjarazzjoni finali tar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, Busan, ir-Repubblika tal-Korea, mid-29 ta’ Novembru sal-1 ta’ Diċembru 2011.
(8) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 48.
(9) Testi adottati, P7_TA(2011)0261.
(10) Testi adottati, P7_TA(2011)0320.
(11) Testi adottati, P7_TA(2011)0410.
(12) Testi adottati, P7_TA(2011)0460.
(13) http://www.oecd.org/dataoecd/61/46/50155818.pdf
(14) Testi adottati, P7_TA(2011)0317.
(15) ĠU C 113, 18.4.2012, p. 52.

Avviż legali - Politika tal-privatezza