Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2115(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0354/2012

Testi mressqa :

A7-0354/2012

Dibattiti :

PV 19/11/2012 - 22
CRE 19/11/2012 - 22

Votazzjonijiet :

PV 20/11/2012 - 6.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0427

Testi adottati
PDF 316kWORD 86k
It-Tlieta, 20 ta' Novembru 2012 - Strasburgu
Sistema bankarja parallela
P7_TA(2012)0427A7-0354/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 dwar l-Ibbankjar Parallel (2012/2115(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Proposti u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta’ Settembru 2012 għal Unjoni Bankarja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-G20 tat-18 ta’ Ġunju 2012 li jitolbu għat-tlestija tax-xogħol fuq l-ibbankjar parallel sabiex tinkiseb implimentazzjoni sħiħa tar-riformi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar “il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu’(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-linja ta’ ħidma mnedija mill-FSB dwar self ta’ repos u titoli li ġie ppubblikat fis-27 ta' April 2012, u r-rapport ta' konsultazzjoni dwar il-Fondi tas-Suq tal-Flus (MMF) li ġie ppubblikat mill-IOSCO fl-istess data,

–  wara li kkunsidra l-Occasional Paper (Nru 133) tal-BĊE dwar l-ibbankjar parallel fiż-żona tal-euro, li nħarġet fit-30 ta’ April 2012,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-ibbankjar parallel (COM(2012)0102),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Lulju 2012 bit-titolu “Regoli Dwar il-Prodotti, Ġestjoni tal-Likwidità, Depożitarju, Fondi tas-Suq tal-Flus u Investimenti fit-Tul Għal UCITs’,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-FSB li ġie ppubblikat fis-27 ta’ Ottubru 2011 dwar it-tisħiħ tas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni tal-ibbankjar parallel, bħala tweġiba għall-istedina tal-G20 ta’ Seoul fl-2010 u ta’ Cannes fl-2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0354/2012),

A.  billi l-kunċett tas-sistema tal-ibbankjar parallel kif definit mill-FSB jkopri s-sistema ta’ intermedjazzjoni ta’ kreditu li tinvolvi entitajiet u attivitajiet barra s-sistema bankarja regolari;

B.  billi l-entitajiet regolati fis-sistema tal-ibbankjar regolari jieħdu sehem b’mod estensiv f’dawk l-attivitajiet definiti bħala parti mis-sistema tal-ibbankjar parallel, u f’ħafna modi huma interkonnessi mal-entitajiet tal-ibbankjar parallel;

C.  billi proporzjon kunsiderevoli tal-attività tal-ibbankjar parallel għandu sieq waħda fis-settur tal-ibbankjar regolat u billi dik is-sieq jeħtieġ li tiġi inkluża bis-sħiħ fil-qafas regolatorju eżistenti;

D.  billi xi elementi li jaqgħu taħt it-terminu bbankjar parallel huma vitali għall-iffinanzjar tal-ekonomija reali u għandha tingħata attenzjoni xierqa meta jkun qed jiġi ddefinit l-ambitu ta’ kwalunkwe miżura regolatorja ġdida jew estensjoni ta’ waħda eżistenti;

E.  billi f’xi każijiet ibbankjar parallel ġeneralment iżomm is-settur bankarju separat mir-riskji u għalhekk lil hinn mill-kontribwenti potenzjali jew l-impatt sistemiku; billi, madankollu, fehim iżjed sħiħ tal-operazzjonijiet bankarji paralleli u l-konnessjonijiet tagħhom ma’ istituzzjonijiet finanzjarji u regolamentazzjoni sabiex jiġu pprovduti t-trasparenza, it-tnaqqis tar-riskju sistemiku u l-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe prattika mhux xierqa huma parti neċessarja mill-istabbiltà finanzjarja;

F.  billi, sabiex jinxteħet dawl fuq l-ibbankjar parallel huwa meħtieġ li kwalunkwe regolamentazzjoni tindirizza bis-sħiħ il-kwistjonijiet tar-riżolvibilità, il-kumplessità u l-opaċità tal-attivitajiet finanzjarji li jappartjenu għalih, b’mod partikolari f’sitwazzjonui ta’ kriżi;

G.  billi, skont il-kalkoli tal-FSB, id-daqs tas-sistema bankarja parallela globali kien ta’ madwar EUR 51 triljun fl-2011, hekk kif kiber minn EUR 21 triljun fl-2002; billi dan jirrappreżenta bejn 25 u 30 % tat-total tas-sistema finanzjarja u nofs l-assi totali tal-banek;

H.  billi minkejja ċerti effetti pożittivi potenzjali, bħall-effiċjenza miżjuda tas-sistema finanzjarja, diversità akbar tal-prodotti u kompetizzjoni ikbar, l-ibbankjar parallel ġie identifikat bħala wieħed r-raġunijiet jew fatturi li jikkontrobwixxu għall-kriżi finanzjarja, u jistgħu jheddu l-istabbilità tas-sistema finanzjarja; billi l-FSB jitlob għal sorveljanza msaħħa għall-estensjoni tas-sistema bankarja “parallela’, li i) iqajjem tħassib dwar ir-riskju sistemiku li jista’ jirriżulta, speċjalment permezz ta’ trasformazzjoni tal-maturità/tal-likwidità, ingranaġġ u n-nuqqas tat-trasferiment tar-riskju tal-kreditu, u ii) it-tħassib relatat mal-arbitraġġ regolatorju;

I.  billi proposti dwar l-ibbankjar parallel u dwar l-istruttura tal-fergħat tal-livell tal-konsumatur u tal-investiment tal-kredituri jirrappreżentaw elementi importanti għall-implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjoni tal-G20 tal-2008, biex jiġi rregolat kull prodott u kull attur; billi l-Kummissjoni għandha teżamina dan il-qasam b’aktar ħeffa u b'mod aktar kritiku;

J.  billi l-ibbankjar parallel bħala fenomenu globali jitlob approċċ regolatorju globali koerenti, li huwa bbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-FSB (li se jiġu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin), li għandhom jiġu kkumplimentati minn dawn ta’ kwalunkwe korp regolatorju nazzjonali jew supranazzjonali rilevanti;

A.Definizzjoni tal-ibbankjar parallel

1.  Jilqa’ l-Green Paper tal-Kummissjoni bħala l-ewwel pass lejn monitoraġġ u sorveljanza aktar stretti tal-ibbankjar parallel; japprova l-approċċ tal-Kummissjoni li huwa bbażat fuq regolamentazzjoni indiretta u l-estensjoni jew ir-reviżjoni xierqa tar-regolamentazzjoni eżistenti tal-ibbankjar parallel; fl-istess ħin, jenfasizza l-ħtieġa għal regolamentazzjoni diretta fejn xi aspetti tagħha jkunu insuffiċjenti f’termini funzjonali waqt li tiġi evitata s-sovrapożizzjoni u tiġi żgurata l-konsistenza mar-regolamenti eżistenti; jitlob li jkun hemm approċċ ħolistiku għall-ibbankjar parallel, fejn kemm l-aspett prudenzjali kif ukoll dak tal-kondotta tas-suq huma importanti; jinnota spustament li dejjem qed jikber lejn il-finanzjament ibbażat fuq is-suq u l-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti finanzjarji kumplessi ħafna; jenfasizzaq, għalhekk, li l-kondotta tas-suq u l-ħarsien tal-konsumaturi għandhom jiġu kkunsidrati;

2.  Jenfasizza l-fatt li kwalunkwe tisħiħ tar-regolamentazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu, tad-ditti ta’ investiment u tal-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni neċessarjament se jipprovdi inċentivi sabiex l-attivitajiet jittieħdu ’l barra mill-ambitu tal-leġiżlazzjoni settorjali eżistenti; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jittejbu l-proċeduri għar-reviżjoni sistematika u preventiva tal-impatt possibbli fis-settur finanzjarju fuq il-fluss tar-riskju u l-kapital minn entitajiet finanzjarji inqas regolati jew mhux regolati tat-tibdil tal-leġiżlazzjoni fis-settur finanzjarju, li jitkabbar ir-reġim regolatorji kif xieraq sabiex jiġi evitat l-arbitraġġ;

3.  Jaqbel mad-definizzjoni tal-FSB tas-sistema tal-ibbankjar parallel bħala “sistema ta’ intermedjarji, strumenti, entitajiet jew kuntratti finanzjarji li jiġġeneraw taħlita ta’ funzjonijiet bħal tal-banek iżda barra mill-perimetru regolatorju jew taħt sistema regolatorja ħafifa jew li tindirizza kwistjonijiet li mhumiex relatati ma’ riskji sistemiċi, u mingħajr aċċess garantit għall-faċilità tal-likwidità ta’ bank ċentrali jew għal garanziji ta’ kreditu tas-settur pubbliku’; jindika li, kuntrarjament għas-suġġeriment tat-terminu, l-ibbankjar parallel mhuwiex neċessarjament parti mhux regolamentata jew illegali tas-settur finanzjarju; jenfasizza l-isfida involuta fl-implimentazzjoni ta’ din id-definizzjoni f’kuntest ta’ monitoraġġ, regolatorju u ta’ sorveljanza, billi titqies ukoll l-opaċità kontinwa, in-nuqqas ta’ dejta u fehim ta’ din is-sistema;

B.  Immappjar tad-dejta u analiżi

4.  Jinnota li mill-kriżi ’l hawn ftit biss mill-prattiki tal-ibbankjar parallel spiċċaw; jinnota, madankollu, li n-natura innovattiva tas-sistema bankarja parallela tista’ twassal għal żviluppi ġodda li jistgħu jkunu sors ta’ riskju sistemiku, li għandu jiġi indirizzat; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li fil-livell Ewropew u globali tinġabar dejta aktar u aħjar dwar tranżazzjonijiet bankarji paralleli, parteċipanti tas-suq, flussi u interkonnessjonijiet finanzjarji, sabiex tinkiseb perspettiva sħiħa tas-settur;

5.  Jemmen li kooperazzjoni internazzjonali mill-qrib u l-ġbir flimkien tal-isforzi fuq livell globali huma assolutament vitali sabiex tinkiseb perspettiva ħolistika tas-sistema bankarja parallela;

6.  Jemmen li perspettiva aktar kompluta u monitoraġġ u analiżi aħjar għandhom jippermettu l-identifikazzjoni kemm tal-aspetti tas-sistema bankarja parallela li huma ta’ ġid għall-ekonomija reali kif ukoll ta' dawk li jqajmu tħassib marbut mar-riskju sistemiku jew l-arbitraġġ regolatorju; jenfasizza l-ħtieġa għal proċeduri aktar b’saħħithom ta’ valutazzjoni tar-riskju, żvelar u superviżjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet kollha li jkollhom profil ta’ riskju kkonċentrat b’rilevanza sistemika; ifakkar fl-impenji li saru mis-summit tal-G20 ġewwa Los Cabos biex jiżviluppaw sistema ta’ identifikatur internazzjonali għall-entitajiet legali u jenfasizza l-ħtieġa fi ħdan il-governanza tagħhom rappreżentanza adegwata tal-interessi Ewropej;

7.  Jinnota li huwa meħtieġ li s-superviżuri jkollhom għarfien tal-livell, tal-inqas f’termini aggregati, tal-ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid, tal-garanziji ta’ self u kull forma ta’ ingombru jew ftehimiet ta’ restituzzjoni (“claw-back’) tal-istituzzjonijiet; jinnota wkoll, li sabiex jindirizza dan ir-rapport tal-Kumitat dwar l-affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar is-CRD IV, li attwalment qed jiġi nnegaozjat mal-Kunsill, qed jitlob li din l-informazzjoni tiġi rrapurtata lil repożitorju tal-kummerċ jew Depożitorju Ċentrali tat-Titoli sabiex jippermetti l-aċċess, fost oħrajn, għall-ABE, l-AETS, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, il-BERS u l-banek ċentrali rilevanti u s-SEBĊ: jindika wkoll li dan ir-rapport jitlob li l-ftehimiet ta’ restituzzjoni (”claw-back’) jitqiesu bħal li kieku ma jkollhomx effett legali fil-proċeduri ta’ likwidazzjoni;

8.  Jappoġġja l-ħolqien u l-ġestjoni, possibbilment mill-BĊE, ta’ bażi tad-dejta ċentrali tal-UE dwar tranżazzjonijiet ta’ repos f'euro alimentata minn infrastrutturi u banek kustodji sal-punt li fih jinternalizzaw is-soluzzjoni tar-repos fir-reġistri tagħhom stess; jemmen, madankollu, li bażi tad-dejta bħal din għandha tkopri tranżazzjonijiet fid-denominazzjonijiet tal-valuti kollha sabiex is-superviżuri jkollhom stampa u fehim sħaħ tas-suq globali tar-repos; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tadotta malajr (fil-bidu tal-2013) approċċ koerenti għall-ġbir ċentrali tad-dejta, billi tidentifika n-nuqqassijiet fid-dejta u tgħaqqad l-isforzi min-naħa ta’ inizjattivi eżistenti minn korpi u awtoritajiet nazzjonali oħra, b’mod partikolari repożitorji tad-dejta stabbiliti mir-Regolament EMIR; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq rapport (sa nofs l-2013) li jkopri, iżda li ma jkunx limitat għal, l-infrastruttura istituzzjonali meħtieġa (pereżempju BĊE, BERS, reġistru ċentrali indipendenti), il-kontenut u l-frekwenza tal-istħarriġ tad-dejta, b’mod partikolari dwar it-tranżazzjonijiet ta’ repos f’euro u t-trasferimenti tar-riskji finanzjarji, u l-livell tar-riżorsi meħtieġa;

9.  Iqis li minkejja l-ammont sostanzjali ta’ dejta u informazzjoni meħtieġa mis-CRD taħt l-obbligu tar-rappurtar ta’ repos il-Kummissjoni għandha tinvestiga d-disponibbiltà, l-opportunità u l-kompletezza tad-dejta għal finijiet ta’ mmappjar u monitoraġġ;

10.  Jilqa’ l-iżvilupp ta’ Identifikatur ta’ Entitajiet Legali (LEI), u permezz taż-żieda tal-utilità tiegħu. għandhom jiġu żviluppati standards komuni simili b’relazzjoni mar-rappurtar tar-repos u t-titoli għall-kopertura tal-prinċipal, ir-rata tal-interessi, il-kollaterali, it-telf impost, in-natura, il-kontrapartijiet u aspetti oħra, li jgħinu l-formazzjoni ta’ aggregati;

11.  Jenfasizza li sabiex ikun hemm approċċ konġunt globali għar-regolaturi sabiex janalizzaw id-dejta u jkunu jistgħu jaqsmu dan ma’ xulxin sabiex jieħdu azzjoni fejn ikun meħtieġ għall-prevenzjoni taż-żieda tar-riskju sistemiku u l-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja, huwa essenzjali li jkun hemm formats ta’ rappurtar komuni bbażati fuq standards ta’ industrija miftuħa;

12.  Jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li tinkiseb perspettiva aktar kompluta tat-trasferimenti tar-riskju minn istituzzjonijiet finanzjarji, inklużi, iżda mhux limitati għat-trasferimenti effettwati permezz ta’ tranżazzjonijiet tad-derivati, li d-dejta għalihom se tiġi pprovduta taħt EMIR u MIFID/MIFIR, sabiex jiġi determinat min xtara xiex mingħand min u kif ir-riskji trasferiti jiġu appoġġjati; jenfasizza li l-għan għandu jkun l-ilħuq tal-immappjar tat-tranżazzjonijiet f’ħin reali fis-servizzi finanzjarji kollha u li dan jiġi appoġġjat u jkun jista’ jiġi awtomatizzat permezz ta’ indentifikaturi standardizzati tal-messaġġi u tad-dejta; għalhekk, jistieden lill-Kumissjoni b’konsultazzjoni mal-BERS u korpi internazzjonali bħall-FSB, sabiex tinkludi fir-rapport tagħha dwar il-ġbir ċentrali tad-dejta, il-ħidma attwali dwar il-messaġġi standardizzati u l-formats tad-dejta u l-fattibbiltà tal-istabbiliment ta’ reġistru ċentrali għat-trasferimenti tar-riskju, li għandu jkun kapaċi jaqbad u jimmonitorja dejta dwar it-trasferiment tar-riskju f’ħin reali, bl-użu sħiħ tad-dejta pprovduta taħt ir-rekwiżiti ta’ rappurtar tal-leġiżlazzjoni finanzjarja eżistenti u dik futura u bl-inkorporazzjoni tad-dejta disponibbli internazzjonalment;

13.  Jemmen li r-rekwiżiti ta’ rappurtar tal-banek huma għodda importanti u prezzjuża għall-identifikazzjoni tal-attività tal-ibbankjar parallel; itenni li r-regoli tal-kontabilità għandhom jirriflettu r-realtà u li idealment l-karta tal-bilanċ għandha tirrifletti aggregati sal-limitu massimu permissibbli;

14.  Jenfasizza li dawn il-kompiti l-ġodda se jeħtieġu livell suffiċjenti ta’ riżorsi ġodda;

C.  L-indirizzar tar-riskji sistemiċi tal-ibbankjar parallel

15.  Jenfasizza li xi attivitajiet u entitajiet bankarji paralleli jistgħu jkunu regolati jew mhux regolati skont il-pajjiż; jenfasizza l-importanza ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn il-pajjiżi, kif ukoll bejn is-settur bankarju u l-entitajiet tal-ibbankjar parallel, sabiex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju li jirriżulta f’inċentivi regolatorji mfixkla; jinnota wkoll li bħalissa l-interdipendenza finanzjarja bejn is-settur bankarju u entitajiet bankarji paralleli hija eċċessiva;

16.  Jinnota li attwalment huwa kważi impossibbli li jinkisbu regolamentazzjoni, evalwazzjoni u awditjar preċiżi fejn ikun hemm distorsjoni tar-riskju tal-kreditu jew tfixkil tal-flussi tal-flus kontanti;

17.  Jemmen li l-fondi u l-maniġers għandhom juru li huma siguri kontra l-falliment u li l-pożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu mifhuma tajjeb u jittieħdu minn ħaddieħor;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb l-iżvelar tat-trasferimenti tal-assi finanzjarji mill-karta tal-bilanċ billi jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju; jenfasizza r-responsabbiltà tal-kontrolluri tal-aċċess finanzjarju, bħall-akkawntants u l-awdituri interni, fis-senjalar ta’ żviluppi potenzjalment ta’ ħsara u l-akkumulazzjoni ta’ riskji;

19.  Jemmen li r-regoli tal-kontabilità għandhom jirriflettu r-realtà, u li l-fatt li l-assi jistgħu jingħataw valur f’kost tax-xiri meta dan ikun ħafna iktar mill-valur tas-suq, ikkontribwixxa għall-instabilità fil-banek u f’entitajiet oħra u m’għandux jiġi permess; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ tibdil fl-IFRS u sabiex tingħata iżjed attenzjoni lill-aggregati mingħajr piżijiet ta’ netting u riskji;

20.  Jemmen li l-għan tar-regolamentazzjoni finanzjarja għandu jkun l-indirizzar tal-kwistjonijiet tal-kumplessità u l-opaċità fis-servizzi u l-prodotti finanzjarji, u miżuri regolatorji bħaż-żieda fit-taxxi kapitali u t-tneħħija tat-tnaqqis tal-piż tar-riskji għandhom rwol sabiex jiskoraġixxu il-hedging kumpless tad-derivattivi; iqis li l-prodotti finanzjarji ġodda m’għandhomx jiġu kummerċjalizzati jew approvati fejn ma jkunux akkumpanjati b’dimostrazzjoni tar-riżolvibilità tagħhom għar-regolaturi;

21.  Jipproponi li l-asimetrija tal-informazzjoni għandha tiġi penalizzata, b’mod speċjali rigward id-dokumentazzjoni u d-dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà attribwiti lis-servizzi u l-prodotti finanzjarji; jemmen li fejn ikun meħtieġ dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà bħal dawn għandhom ikunu soġġetti għal taxxa fuq “stampa żgħira’ (bbażata fuq in-numru ta’ paġni għal kull dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà);

22.  Jenfasizza li r-rapporti tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar is-CRD IV(2), li bħalissa qed jiġu diskussi mal-Kunsill, jirrappreżentaw pass importanti fl-indirizzar tal-ibbankjar parallel b’mod pożittiv billi jiġi impost trattament kapitali ta’ linji ta’ likwidità għal vetturi ta’ investiment strutturat, billi jiġi stabbilit il-limitu ta’ esposizzjoni għoli (25% tal-fondi proprji) għall-entitajiet kollha li mhumiex regolati, li jgħin biex il-banek jiġu avżati biex jersqu lejn porporzjon ta’ finanzjament b’valur nett, u billi jiġi rikonoxxut ir-riskju iżjed ogħla, relattiv għall-entitajiet regolati u mhux finanzjarji, ta’ espożizzjonijiet għal entitajiet bħal dawn fid-dispożizzjonijiet prudenzjali għar-riskji ta’ likwidità;

23.  Jinnota li waħda mit-tagħlimiet tal-kriżi finanzjarja hija li filwaqt li normalment ikun hemm distinzjoni ċara bejn ir-riskju tal-assigurazzjoni u r-riskju tal-kreditu, id-distinzjoni tista’ tkun inqas ċara, pereżempju, fil-prodotti tal-assigurazzjoni tal-kreditu; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar il-konglomerati bankarji, tal-assigurazzoni u b’mod partikolari dawk finanzjarji bl-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni u jiġi prevenut l-arbitraġġ regolatorju u/jew superviżorju;

24.  Jemmen ukoll li l-estensjoni proposta ta’ ċerti elementi tas-CRD IV għal ċerti istituzzjonijiet finanzjarji li ma jeħdux depożiti li mhumiex koperti mid-definizzjoni fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (Capital Requirements Regulation – CRR) hija meħtieġa sabiex jiġu indirizzati riskji speċifiċi, billi jitqies il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet jistgħu jiġu aġġustati għall-ispeċifiċitajiet ta’ dawn l-entitajiet sabiex jiġi evitat impatt sproporzjonat fuq dawk l-istituzzjonijiet;

25.  Jemmen li superviżjoni bankarja Ewropea tas-settur tal-ibbankjar parallel ma għandhiex tiġi eskluża;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-entitajiet kollha tal-ibbankjar parallel li jkollhom l-appoġġ ta' bank jew li huma kollegati ma’ bank jiġu inklużi fil-karta tal-bilanċ tal-bank għal finijiet ta’ konsolidament prudenzjali; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina, sal-bidu tal-2013, mezzi sabiex ikun żgurat li entitajiet li mhumiex konsolidati minn perspettiva ta’ kontabbiltà jkunu kkonsolidati għal finijiet ta’ konsolidament prudenzjali sabiex tittejjeb l-istabilità finanzjarja globali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra kwalunkwe gwida mingħand il-BCBS jew korpi internazzjonali oħrajn għal allinjament aħjar tal-ambitu tal-kontabilità u dak ibbażat fuq ir-riskju tal-konsolidazzjoni;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata trasparenza akbar fl-istruttura u fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni, filwaqt li jiġu meqjusa l-konklużjonijiet tar-rapport Liikanen, sabiex tipproponi miżuri dwar l-istruttura tas-settur bankarju Ewropew billi jiġu kkunsidrati kemm il-benefiċċji kif ukoll ir-riskji potenzjali tal-kombinazzjoni ta’ attivitajiet bankarji kummerċjali u ta’ investiment;

28.  Jieħu nota tal-importanza tas-suq tar-repo u s-self ta’ titoli; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tadotta miżuri, sal-bidu tal-2013, biex tiżdied it-trasparenza, partikolarment għall-klijenti, li jistgħu jinkludu identifikatur kollaterali u l-użu kollaterali mill-ġdid li għandhom jiġi rrapurtati lir-regolaturi fuq bażi aggregata, kif ukoll biex ir-regolaturi jitħallew jimponu telf impost jew livelli ta' marġini minimi rakkomandati għas-swieq tal-finanzjament kollateralizzati, iżda mingħajr ma jiġu standardizzati; jirrikonoxxi f'dan il-kuntest l-importanza li tiġi stabbilita b’mod ċar il-proprjetà ta’ titoli u li tkun żgurata l-protezzjoni tagħhom; madankollu jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal riflessjoni globali dwar il-marġini flimkien mal-approċċi settorjali li diġà saru, kif ukoll l-istudju u l-kunsiderazzjoni tal-impożizzjoni ta’ limiti tal-ipotekazzjoni mill-ġdid tal-kollateral; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi riveduta l-liġi dwar il-bankarotta kemm rigward is-suq tar-repos kif ukoll rigward dak tas-self ta’ titoli u t-titolizzazzjonijiet bl-għan li l-kwistjonijiet dwar l-anzjanità rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji regolati jiġu armonizzati u indirizzati; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra approċċi varji sabiex tnaqqas il-privileġġi tal-bankarotta, inklużi proposti għal-limitu tal-privileġġi tal-bankarotta għat-tranżazzjonijiet li jkunu ġew approvati ċentralment jew għall-kollateral li jilħaq kriterji predefiniti armonizzati ta’ eliġibbiltà;

29.  Jemmen li l-inċentivi assoċjati mat-titolizzazzjoni għandhom jiġu indirizzati b’mod adegwat; jenfasizza li r-rekwiżiti ta’ solvenza u likwidità għat-titolizzazzjoni għandhom jippromwovu portafoll ta’ investiment ta’ kwalità għolja u diversifikat tajjeb, u b’hekk tiġi evitata l-imġiba gregarja; jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina s-suq tat-titolizzazzjoni, inkluża analiżi tal-bonds koperti li jistgħu jżidu r-riskji fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi passi li jżidu notevolment it-trasparenza tagħha; jistieden lill-Kummissjoni sabiex taġġorna, fejn ikun meħtieġ, ir-regolament attwali biex tagħmilha konsisteni mal-qafas ta’ titolizzazzjoni ġdid tal-BCBS li attwalment qed jiġi diskuss, sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2013; jipproponi li jiġi impost limitu fuq in-numru ta' drabi li prodott finanzjarju jista' jkun titolizzat, u rekwiżiti partikolari għal fornituri tat-titolizzazzjoni (pereżempju l-oriġinaturi jew il-finanzjaturi) sabiex tinżamm parti mir-riskji marbuta mat-titolizzazzjoni, biex b’hekk jiġi żgurat li ż-żamma tar-riskji ssir verament mill-fornitur u mhux tingħadda lill-maniġer tal-assi, flimkien ma’ miżuri biex tinkiseb it-trasparenza; jitlob b’mod partikolari l-introduzzjoni ta’ metodoloġija konsistenti għall-valutazzjoni tal-assi sottostanti u l-istandardizzazzjoni ta’ prodotti ta’ titolizzazzjoni matul leġiżlazzjonijiet u ġurisdizzjonijiet differenti;

30.  Jinnota li gruppi ta’ assi ġew mibdula f’repos b’mod ta’ “oriġini għal repos’ f’ċertu sitwazzjonijiet fejn inkiseb titjib fil- klassifikazzjonijiet; jenfasizza li tranżazzjonijiet bħal dawn m’għandhomx jintużaw bħala miżura regolatorja għal-likwidità (ara r-rapport ECON dwar is-CRD IV);

31.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti li għandhom il-Fondi tas-Suq tal-Flus (Money Market Funds – MMFs) fil-finanzjament tal-istituzzjonijiet finanzjarji fiż-żmien qasir u billi jaħsbu għad-diversifikazzjoni tar-riskju; jirrikonoxxi r-rwol u l-istruttura differenti ta' MMFs ibbażati fl-UE u fl-Istati Uniti; jirrikonoxxi li l-linji gwida tal-AETS tal-2010 jimponu standards aktar stretti fuq l-MMFs (kwalità tal-kreditu, maturità tat-titoli sottostanti u żvelar aħjar lill-investituri); jinnota, madankollu, li xi MMFs, b’mod partikolari dawk li joffru valur nett stabbli tal-assi lill-investituri, huma vulnerabbli għal tifdija massiva; jenfasizza, għalhekk, li għandhom jittieħdu miżuri addizzjonali sabiex tittejjeb ir-reżistenza ta’ dawn il-fondi u sabiex jiġi kopert ir-riskju tal-likwidità; jappoġġja r-rapport finali tal-IOSCO ta’ Ottubru 2012 fir-rakkomandazzjonijiet proposti għar-regolamentazzjoni u l-ġestjoni ta’ MMFs f’ġurisdizzjonijiet; jemmen li l-MMFs li joffru valur nett tal-assi (NAV) għandhom ikunu soġġetti għal miżuri mfassla biex jitnaqqsu riskji speċifiċi assoċjati mal-karatteristika tan-NAV stabbli u biex jinternalizzaw l-ispejjeż li jirriżultaw minn dawn ir-riskji; iqis li r-regolaturi għandhom jirrikjedu li, fejn ikun possibbli, għandhom jiġu introdotti konverżjoni għal NAV floating/varjabbli, jew, alternattivament, salvagwardji, sabiex tissaħħaħ l-istabbilità tan-NAV tal-MMFs biex ikunu reżiljenti u kapaċi jaffaċċjaw tifdija sinifikanti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rieżami tal-qafas tal-UCITS, b’enfasi partikolari fuq il-kwistjoni tal-MMFs, fl-ewwel nofs tal-2013, billi jiġi mitlub li l-MMFs jadottaw valur varjabbli tal-assi b’evalwazzjoni ta’ kuljum jew, jekk jinżamm valur kostanti, biex ikunu obbligati li japplikaw għal-liċenzja bankarja ta’ fini limitat u jkunu soġġetti għal rekwiżiti kapitali u rekwiżiti prudenzjali oħra; jenfasizzaw li l-arbitraġġ regolatorju għandu jiġi minimizzat;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni fil-kuntest tar-reviżjoni tal-UCIT sabiex tesplora iżjed l-idea li tintroduċi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-likwidità għall-MMFs, billi tistabbilixxi rekwiżiti minimi għal likwidità minn jum għall-ieħor, ta’ kull ġimgħa u ta’ kull xahar (20%, 40%, 60%) u li tiċċarġja tariffi tal-likwidità fuq stimolu li jwassal ukoll għal obbligu dirett ta’ informazzjoni lill-awtorità superviżorja kompetenti u l-AETS;

33.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji li Fondi Negozjati fil-Borża (ETFs) jipprovdu billi jagħtu lill-investituri fil-livell tal-konsum aċċess għal firxa aktar wiesa’ ta’ assi (bħal komoditajiet, b’mod partikolari), iżda jenfasizza r-riskji li l-ETFs fihom f'termini ta’ kumplessità, riskju tal-kontroparti, likwidità tal-prodotti u arbitraġġ regolatorju possibbli; iwissi kontra r-riskji assoċjati mal-ETFs sintetiċi minħabba l-opaċità u l-kumplessità li dejjem qed jikbru tagħhom, b’mod partikolari meta ETFs sintetiċi jiġu kummerċjalizzati lill-investituri tal-bejgħ bl-imnut; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, sabiex tivvaluta u tindirizza dawn il-vulnerabbiltajiet strutturali possibbli fir-rieżami attwali tal-UCITS VI, billi tikkunsidra kategoriji differenti ta’ klijenti (pereżempju l-investituri tal-bejgħ bl-imnut, l-investituri professjonali, l-investituri istituzzjonali) u l-profili ta’ riskju differenti tagħhom;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studji tal-impatt komprensivi dwar l-effetti fuq il-finanzjament tal-ekonomija reali fil-proposti leġiżlattivi kollha ġodda;

o
o   o

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0331.
(2) A7-0170/2012 u A7-0171/2012.

Avviż legali - Politika tal-privatezza