Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2048(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0328/2012

Testi mressqa :

A7-0328/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 20/11/2012 - 6.20
CRE 20/11/2012 - 6.20
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0431

Testi adottati
PDF 230kWORD 59k
It-Tlieta, 20 ta' Novembru 2012 - Strasburgu
Il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fl-2011
P7_TA(2012)0431A7-0328/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 dwar ix-xogħol tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fl-2011 (2012/2048(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou)(1) u rivedut f'Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 u f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010(2),

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (APK) adottati fit-3 ta' April 2003(3) u modifikati l-aħħar f'Budapest (l-Ungerija) fit-18 ta' Mejju 2011(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni għall-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) kompatibbli mal-iżvilupp, adottata mill-APK fit-22 ta' Novembru 2007 f'Kigali (ir-Rwanda)(6),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar it-Tieni Reviżjoni tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (il-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou) adottata mill-APK fit-3 ta' Diċembru 2009 f'Luwanda (l-Angola)(7),

–  wara li kkunsidra l-Communiqué adottat fid-29 ta' April 2011 f'Yaoundé (il-Kamerun) matul il-laqgħa reġjonali tal-Afrika Ċentrali tal-APK(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-APK f'Budapest (Mejju 2011) dwar: l-irvelli demokratiċi fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani: il-konsegwenzi għall-pajjiżi tal-AKP, l-Ewropa u d-dinja; is-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire; l-isfidi għall-futur tad-demokrazija u r-rispett tal-ordni kostituzzjonali fil-pajjiżi tal-AKP u tal-UE; appoġġ baġitarju bħala mod ta' kif tingħata l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) f'pajjiżi tal-AKP; it-tniġġis tal-ilma,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-APK f'Budapest (Mejju 2011) dwar: ir-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f'Busan (il-Korea t'Isfel) tal-2011; ir-rapport: Ningħaqdu għall-Aċċess Universali fid-dawl tal-Laqgħa ta' Livell Għoli dwar l-AIDS f'Ġunju tal-2011(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-APK f'Lomé (Novembru 2011) dwar: l-impatt tat-Trattat ta' Lisbona fuq is-Sħubija AKP-UE; l-impatt tad-dejn fuq il-finanzjament għall-iżvilupp fil-pajjiżi tal-AKP; l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilitajiet f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; il-kriżi tal-ikel fil-Qarn tal-Afrika, speċjalment fis-Somalja; u l-impatt tar-rivoluzzjoni Għarbija fuq l-istati sub-Saħarjani tal-viċinat(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0328/2012),

A.  billi r-Rappreżentant Għoli/Viċi President assigurat li l-Kunsill tal-UE għandu jkun irrappreżentat f'livell ministerjali waqt is-sessjonijiet tal-Assemblea u ċċarat li l-fatt li ma kienx irrappreżentat waqt l-20 sessjoni f'Kinshasa fl-2010 kien affari ta' darba; billi l-Kunsill tal-UE kien irrappreżentat f'livell ministerjali fiż-żewġ sessjonijiet fl-2011;

B.  billi l-APK AKP-UE hija l-akbar korp parlamentari li jinkludi pajjiżi kemm tat-Tramuntana u kemm tan-Nofsinhar;

C.  wara li kkunsidra l-kontribut eċċellenti li taw il-Presidenza Ungeriża u diversi awtoritajiet lokali għall-organizzazzjoni u l-kontenuti tal-21 sessjoni f'Budapest;

D.  billi fl-2011 ġew organizzati żewġ missjonijiet għal ġbir ta' informazzjoni, waħda għal Timor Leste u l-oħra għar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f'Busan (il-Korea t'Isfel);

E.  billi r-reviżjoni tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou fl-2010 tat opportunità prezzjuża għat-tisħiħ tar-rwol tal-APK u d-dimensjoni reġjonali tagħha u għall-iżvilupp tal-iskrutinju parlamentari fir-reġjuni u l-pajjiżi tal-AKP; billi r-ratifika tar-reviżjoni tal-Ftehim ma kinitx għadha tlestiet sa tmiem l-2011;

F.  billi, skont il-Ftehim ta' Cotonou, id-djalogu politiku tal-Artikolu 8 jitmexxa bl-inklużjoni tal-APK;

G.  billi l-laqgħa reġjonali tal-APK li saret fil-Kamerun fl-2011 kellha suċċess konsiderevoli u wasslet għall-adozzjoni tal-Communiqué ta' Yaoundé msemmi hawn fuq, li b'mod partikolari indika l-korla tal-Membri dwar il-proliferazzjoni tal-vjolenza sesswali, ir-riskji ta' banalizzazzjoni, u l-impunità mifruxa;

H.  billi r-regoli ġodda adottati mill-Parlament Ewropew li jirregolaw l-ivvjaġġar tal-assistenti parlamentari għamluha impossibli għalihom biex jassistu lill-Membri li jkunu fuq missjoni;

1.  Jilqa' l-fatt li fl-2011 l-APK kompliet toffri qafas għal djalogu miftuħ, demokratiku u fil-fond bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-AKP dwar il-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou u l-implimentazzjoni tiegħu, inklużi l-EPAs;

2.  Jenfasizza l-valur miżjud li jippreżenta l-fatt li s-sessjonijiet tal-APK jiġu organizzati fl-Istati Membri abbażi ta' rotazzjoni, u jemmen li din ir-rotazzjoni għandha tinżamm fil-ġejjieni, kif kien il-każ mill-2003 'l quddiem;

3.  Jifraħ lill-Presidenza Ungeriża tal-kontribut attiv tagħha għall-21 sessjoni, b'mod partikolari l-workshops;

4.  Jenfasizza l-bżonn li l-eżiti tal-ħidma tal-APK AKP-UE jingħataw aktar attenzjoni, u l-bżonn li tiġi żgurata koerenza bejn ir-riżoluzzjonijiet tagħha u dawk tal-PE; jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fil-parteċipazzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari fil-laqgħat tal-kumitat tal-APK, u jappella għal involviment akbar tal-Membri tal-Parlament Ewropew fil-laqgħat u l-attivitajiet tal-APK; jappella għal aktar flessibbiltà fl-ammissjoni tal-assistenti parlamentari fil-laqgħat tal-APK, sabiex b'hekk tissaħħaħ il-kwalità tax-xogħol tal-Membri tagħhom;

5.  Ifakkar fl-impenn espress mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President li l-Kunsill tal-UE għandu jkun irrappreżentat f'livell ministerjali waqt is-sessjonijiet tal-Assemblea; jilqa' l-attendenza mġedda tal-Kunsill tal-UE fis-sessjonijiet tal-APK fl-2011, u jinsab sodisfatt li r-Rappreżentant Għoli żgurat li r-rwol tal-Kunsill tal-UE jiġi ċċarat; jappella għal separazzjoni aktar ċara tar-responsabbiltajiet bejn is-SEAE u l-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou;

6.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u l-korpi mhux statali tal-pajjiżi tal-AKP fit-tfassil u l-monitoraġġ tad-Dokumenti ta' Strateġija Nazzjonali u Reġjonali u fl-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), u jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-AKP jiggarantixxu l-involviment tagħhom; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta' skrutinju parlamentari mill-qrib matul in-negozjati u l-konklużjoni tal-EPAs;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis baġitarju fl-Istati Membri li qed jolqot l-infiq fil-qasam tal-politika għall-iżvilupp; jistieden lill-APK iżżomm il-pressjoni tagħha fuq l-Istati Membri tal-UE biex jilħqu l-mira tagħhom ta' 0.7 % tad-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) sal-2015; jistieden lill-Membri tal-APK jikkunsidraw aktar li jimmiraw ir-riżorsi fejn l-aktar huma meħtieġa, sabiex jitnaqqas il-faqar, u li jadottaw approċċ aktar divrenzjat lejn il-modalitajiet tal-għajnuna;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-parlamenti jiġu involuti fil-proċess demokratiku u fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp; jenfasizza r-rwol fundamentali tagħhom fl-istabbiliment, is-segwitu u l-monitoraġġ tal-politiki għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tgħaddi l-informazzjoni disponibbli kollha lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-AKP u tgħinhom iwettqu dan ix-xogħol ta' skrutinju demokratiku, b'mod partikolari permezz tal-bini tal-kapaċità;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu mħarsa l-libertà u l-indipendenza tal-midja, li huma essenzjali għall-iżgurar tal-pluraliżmu u tal-parteċipazzjoni tal-gruppi ta' oppożizzjoni demokratika u tal-minoranzi fil-ħajja politika;

10.  Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi tal-AKP iħeġġu liċ-ċittadini, u b'mod partikolari lin-nisa, biex jieħdu sehem fi kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp, peress li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà hija essenzjali sabiex jinkiseb progress; jirrikonoxxi l-ħiliet tan-nisa biex isibu soluzzjonijiet għall-problemi u għall-kunflitti, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-APK jinkludu aktar nisa fit-task forces u fil-gruppi ta' ħidma u jenfasizza l-kontribut prezzjuż tal-Forum tan-Nisa f'dan ir-rigward;

11.  Jistieden lill-parlamenti jeżerċitaw skrutinju parlamentari mill-qrib tal-FEŻ; jenfasizza l-pożizzjoni ewlenija tal-APK f'dan id-dibattitu, u jistieden lill-APK u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-AKP sabiex jieħdu sehem attiv fih, b'mod partikolari fir-rigward tar-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija rivedut ta' Cotonou;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea żżomm lill-APK infurmata dwar kwalunkwe żvilupp relatat mar-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou, kif rivedut f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010;

13.  Ifakkar li, skont il-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou, id-djalogu politiku tal-Artikolu 8 jitmexxa bl-inklużjoni tal-APK u li, għalhekk, l-APK għandha tkun debitament infurmata u involuta;

14.  Itenni l-importanza ta' djalogu politiku msaħħaħ, ġenwin u aktar komprensiv dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża n-nondiskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali;

15.  Jilqa' n-natura dejjem aktar parlamentari – u għalhekk, politika – tal-APK, flimkien mar-rwol dejjem aktar attiv tal-membri tagħha u l-kwalità aħjar tad-dibattiti tagħha, fatturi li qed jgħinuha tagħti kontribut essenzjali għas-sħubija bejn l-AKP u l-UE;

16.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra l-omosesswali f'xi pajjiżi, u jistieden lill-APK tqiegħed dan il-punt fuq l-aġenda tad-dibattiti tagħha;

17.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li diġà bdiet id-diskussjoni dwar il-futur tal-grupp tal-AKP wara l-2020, u jenfasizza r-rwol importanti li l-APK ser ikollha taqdi f'din id-diskussjoni; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ċċarati r-rwoli u r-relazzjonijiet futuri tal-gruppi differenti (l-AKP, l-Unjoni Afrikana (UA), il-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), il-G-77, u r-raggruppamenti reġjonali); jisħaq fuq il-ħtieġa ta' superviżjoni parlamentari konġunta komprensiva, ikun xi jkun l-eżitu finali;

18.  Jisħaq fuq l-importanza li l-APK tagħti lit-trasparenza fl-użu u l-kummerċ tar-riżorsi naturali, u jenfasizza li l-APK ser tkompli tistinka sabiex ikun hemm leġiżlazzjoni xierqa f'dan ir-rigward;

19.  Jistieden lill-APK tkompli twettaq monitoaġġ tas-sitwazzjoni fl-Afrika ta' Fuq u fil-pajjiżi tal-AKP li jinsabu fil-kriżi u tagħti aktar attenzjoni lis-sitwazzjonijiet ta' fraġilità tal-Istat;

20.  Jistieden lill-APK tkompli torganizza missjonijiet proprji ta' osservazzjoni elettorali fuq l-istess linji tal-missjoni ta' suċċess f'Burundi fl-2010, billi dawn jirriflettu l-leġittimità doppja tal-APK, filwaqt li tiżgura l-indipendenza tal-missjonijiet elettorali tagħha u twettaq koordinazzjoni mill-qrib ma' korpi reġjonali ta' osservazzjoni oħra;

21.  Jilqa' l-fatt li fl-2011 saret laqgħa reġjonali oħra, kif previst fil-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou u fir-Regoli ta' Proċedura tal-APK; iqis li dawn il-laqgħat jippermettu skambju ġenwin ta' fehmiet dwar kwistjonijiet reġjonali, inklużi l-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-koeżjoni reġjonali u n-negozjati tal-EPAs; jifraħ lill-organizzaturi tal-laqgħa ta' suċċess fil-Kamerun;

22.  Jilqa' l-konklużjoni tax-xogħol li wettaq il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Metodi ta' Ħidma, u l-adozzjoni tal-ewwel ġabra ta' emendi għar-Regoli ta' Proċedura f'Budapest, u jistieden lill-Bureau tal-APK jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li fadal sabiex jittejbu l-effiċjenza u l-impatt politiku tal-APK, kemm fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou kif ukoll fix-xena internazzjonali;

23.  Jenfasizza l-importanza taż-żjajjar fuq il-post organizzati waqt is-sessjonijiet tal-APK, li huma komplementari għad-diskussjoni tas-sessjoni parzjali;

24.  Jistieden lill-APK tkompli d-diskussjonijiet tagħha dwar l-ispejjeż organizzattivi tal-laqgħat tagħha;

25.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-AKP fil-Kunsill informali tal-Ministri tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp organizzat mill-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f'Sopot fl-14 u l-15 ta' Lulju 2011, u jistieden lill-presidenzi futuri tal-Kunsill jagħmlu l-istess;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-AKP, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Bureau tal-APK u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Ungerija u t-Togo.

(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(2) ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.
(3) ĠU C 231, 26.9.2003, p. 68.
(4) DV\875101.
(5) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
(6) ĠU C 58, 1.3.2008, p. 44.
(7) ĠU C 68, 18.3.2010, p. 43.
(8) APP 100.945.
(9) ĠU C 327, 10.11.2011, p. 42.
(10) ĠU C 145, 23.5.2012, p. 21.

Avviż legali - Politika tal-privatezza