Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2318(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0290/2012

Testi mressqa :

A7-0290/2012

Dibattiti :

PV 21/11/2012 - 17
CRE 21/11/2012 - 17

Votazzjonijiet :

PV 22/11/2012 - 13.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0461

Testi adottati
PDF 362kWORD 46k
Il-Ħamis, 22 ta' Novembru 2012 - Strasburgu
Id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd
P7_TA(2012)0461A7-0290/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd (2011/2318(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2011 dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni għas-Sajd (il-Komunikazzjoni) (COM(2011)0424),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (UNCLOS),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-1995 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli tal-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), adottat f’Ottubru 1995 mill-Konferenza tal-FAO (il-Kodiċi ta’ Kondotta),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f'Materji Ambjentali, adottata f’Ġunju 1998 f’Aarhus,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO għall-Ġestjoni tal-Kapaċità tas-Sajd, approvat mill-Kunsill tal-FAO f’Novembru 2000 (Kapaċità IPOA),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-FAO dwar il-Qagħda tas-Sajd u tal-Akkwakultura fid-Dinja tal-2010,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux rapportat u mhux irregolat (ir-Regolament IUU)(1) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità (ir-Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd)(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (ir-Regolament Bażiku) (COM(2011)0425),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2011 dwar il-ġlieda kontra s-sajd illegali fil-livell dinji – ir-rwol tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Frar 2010 dwar il-Green Paper dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar is-sistema ta' importazzjoni fl-UE ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dawl tar-riforma futura tal-PKS(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd UE-Mawritanja(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2011, dwar il-Protokoll futur li jistabbilixxi l-possibbiltajiet tas-sajd u l-kontraparti finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill tal-Agrikoltura u tas-Sajd fid-19 u l-20 ta’ Marzu 2012 dwar id-dimensjoni esterna tal-PKS,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0290/2012),

A.  billi żewġ terzi mill-oċeani fid-dinja huma inħawi li ma jaqgħux taħt ġurisdizzjoni nazzjonali u kwalunkwe reġim legali komprensiv u eżawstiv għall-ġestjoni tal-ħut irid ikun ibbażat fuq il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982 u fuq strumenti legali relevanti; billi l-ġestjoni sostenibbli tas-sajd hija ta' importanza strateġika għall-komunitajiet tax-xtut li jiddependu fuq is-sajd kif ukoll għas-sigurtà tal-ikel;

B.  billi 85 % tal-ftit stokkijiet tal-ħut fid-dinja li għalihom hemm informazzjoni disponibbli huma rrappurtati bħala sfruttati għalkollox jew sfruttati żżejjed, skont il-valutazzjoni l-aktar reċenti mill-FAO, anke jekk ir-rapport tal-FAO tal-2010 jindika progress fl-irkupru ta’ stokkijiet sfruttati żżejjed u ekosistemi marini madwar id-dinja minħabba l-implimentazzjoni ta’ prattiki ta’ ġestjoni tajba;

C.  billi l-UE hija waħda mill-atturi tas-sajd ewlenin u għandha preżenza qawwija u attivitajiet sinifikanti fl-oċeani kollha tad-dinja bis-saħħa ta' kombinazzjoni ta’ attivitajiet tal-flotta, investimenti minn ċittadini tal-UE, ftehimiet bilaterali dwar is-sajd u l-parteċipazzjoni fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) ewlenin kollha, filwaqt li tinkuraġġixxi l-prattiki tajba u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem;

D.   billi l-UE hija wieħed mis-swieq l-aktar importanti tal-prodotti tas-sajd u l-akbar importatur dinji ta’ prodotti tas-sajd, tikkonsma 11 % tal-produzzjoni tal-ħut fid-dinja f’termini ta’ volum u timporta 24 % tal-prodotti tas-sajd f’termini ta’ valur, anki jekk tirrappreżenta biss 8 % tal-qabda dinjija (jew 2 % meta jitqiesu biss ibħra barranin);

E.  billi l-kwoti fl-RFMOs kienu primarjament ibbażati fuq qabdiet storiċi, li wasslu għal aċċess preferenzjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-istokkijiet tal-ħut fid-dinja; billi dawn issa jridu jikkunsidraw is-sajd li jitwettaq minn pajjiżi li qed jiżviluppaw b'komunitajiet fuq ix-xtut li għal ġenerazzjonijiet sħaħ kienu jiddependu fuq riżorsi tas-sajd fil-viċin, fatt li jrid jiġi rrispettat mill-UE;

F.  billi l-UE trid timmira għal koerenza politika għall-iżvilupp abbażi tal-Artikolu 208(1) tat-TFUE li jgħid li “L-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-objettivi ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x’aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw’;

G.  billi l-UE trid tapplika b'mod ekwu l-politiki l-oħra kollha tagħha fir-rigward tal-pajjiżi mhux membri - inkluż is-sajd, is-saħħa, il-kummerċ, l-impjiegi, l-ambjent, l-objettivi komuni tal-politika esterna u l-milja tal-Istrateġija Ewropa 2020 - b'mod konsistenti u kkoordinat;

H.  billi, sabiex ikun hemm garanzija ta' sajd sostenibbli, f’ħafna każijiet hemm il-ħtieġa li tittejjeb id-data dwar l-istokkijiet tal-ħut li l-UE qed tistad, jew li huma destinati għas-suq tal-UE, f'termini tal-istatus tagħhom, u li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar il-qabdiet totali mill-flotot lokali u flotot oħra ta’ pajjiżi terzi tkun disponibbli;

I.  billi se jkunu meħtieġa li jsiru studji xjentifiċi rigorużi sabiex jiġi determinat f'liema tip ta' sajd qed ikun hemm, jew jista' jkun hemm, kapaċità żejda tal-flotot;

J.  billi l-PKS għandha tikkostitwixxi għodda li tippermetti lill-UE turi lid-dinja kif tista' titwettaq attività ta' sajd responsabbli u kif tippromwovi t-titjib tal-ġestjoni internazzjonali tal-attivitajiet tas-sajd billi jiġu implimentati standards Ewropej ta’ ġestjoni għall-flotot;

K.  billi l-UE għandha terfa’ responsabbiltà ewlenija fil-mobilizzazzjoni tal-komunità internazzjonali għall-ġlieda kontra s-sajd IUU;

1.  Jilqa’ l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni u l-ħafna proposti pożittivi li tinkludi biex tinkoraġġixxi s-sostenibilità tal-attivitajiet tas-sajd u l-attivitajiet relatati tal-UE barra l-ilmijiet tal-UE, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi; iqis, madankollu, li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dokument mhuwiex estensiv biżżejjed, billi jikkonċentra wisq fuq ftehimiet bilaterali u organizzazzjonijiet multilaterali, u li dan għandu jieħu approċċ integrat lejn attivitajiet oħrajn li għandhom l-għan li jipprovdu prodotti maħsuba għas-suq tal-UE;

2.  Jinsisti dwar il-ħtieġa li l-UE taħdem fuq il-bażi tal-koerenza politika tal-Unjoni li twassal għal titjib tal-governanza tas-sajd internazzjonali;

3.  Iqis li l-koordinazzjoni bejn il-politika esterna u l-politika ta’ kooperazzjoni hija importanti ħafna sabiex jiġu stabbiliti ftehimiet tas-sajd sostenibbli u jingħataw is-sinerġiji meħtieġa għall-kontribuzzjoni, b’mod aktar effettiv, għall-iżvilupp tal-pajjiżi terzi assoċjati;

4.  Iqis li d-daqs tas-suq tal-UE għall-prodotti tas-sajd u l-medda ġeografika tal-attivitajiet minn bastimenti li jtajru bandiera tal-UE u bastimenti b'sjieda fl-UE jimponi livell għoli ta’ responsabbiltà fuq l-Unjoni biex tiżgura li l-impronta ekoloġika tas-sajd u l-impatt soċjoekonomiku jkunu sostenibbli, tipprovdi prodotti tas-sajd ta’ kwalità għolja lill-konsumaturi fl-Ewropa u f'pajjiżi oħra fejn prodotti tas-sajd u prodotti relatati oħra Ewropej jiġi kkummerċjalizzat, u tikkontribwixxi għal nisġa soċjali u ekonomika tal-komunitajiet tas-sajd tal-kosta kemm ġewwa l-UE kif ukoll fi bnadi oħra;

5.  Jemmen li s-sajd minn impriżi jew sajjieda tal-UE ġewwa u barra l-ilmijiet tal-Unjoni, u l-prodotti tas-sajd destinati għas-suq tal-UE, għandhom ikunu bbażati fuq l-istess standards f’termini ta’ sostenibilità ekoloġika u soċjali u ta' trasparenza, u li dawn l-istess prinċipji għandhom jitħarsu u mitluba mill-pajjiżi terzi, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll multilaterali; u jqis li l-projbizzjoni fuq il-ħut skartat għanda tkun applikata b’mod parallel mal-introduzzjoni tagħha fl-ilmijiet tal-UE, applikabbli għall-istess speċijiet, permezz ta’ monitoraġġ minn CCTV u osservaturi, b’derogi xierqa sabiex jiġu evitati varjazzjonijiet fil-prezzijiet għal prodotti kkunsmati lokalment;

6.  Ifakkar fil-bżonn li l-politiki tal-UE jkunu koerenti mal-obejttivi tal-iżvilupp kif stipulati fl-Artikolu 208 tat-TFUE; jinnota li tali koerenza teħtieġ koordinament mhux biss fil-Kummissjoni stess iżda wkoll fi ħdan il-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll bejn il-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri individwali;

7.  Itenni, bil-għan li jtejjeb il-koerenza fid-deċiżjonijiet tiegħu, li l-azzjonijiet tal-UE għandhom jintegraw l-aspetti relatati mal-politiki tagħha dwar il-kummerċ, is-saħħa, l-impjiegi, il-viċinat, l-ambjent, il-politika marittima, il-politika esterna u l-milja tal-Istrateġija Ewropa 2020;

8.  Ifakkar li l-Pjan ta' Azzjoni Internazzjonali għall-Ġestjoni tal-Kapaċità tas-Sajd (Kapaċità IPOA) impenja lill-UE, sa mhux aktar tard mill-2005, li tiżviluppa u timplimenta sistema għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd; jitlob lill-Kummissjoni tispjega għaliex tidher li qed issegwi approċċi kontradittorji lejn il-ġestjoni tal-kapaċità billi tipproponi l-iffriżar f’ċerti RFMOs filwaqt li tipproponi t-tneħħija tal-limiti regolatorji ewlenin għall-kapaċità fi ħdan il-flotot Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi mekkaniżmi bilaterali u multilaterali sabiex il-kapaċità tas-sajd tiġi aġġustata gġar-riżorsi disponibbli, identifikati bħala neċessarji għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi mill-flotot kollha li joperaw f’dawn iż-żoni;

9.  Jikkunsidra li l-għanijiet u l-prinċipji tad-dimensjoni esterna tal-PKS għandhom ikunu stipulati fir-Regolament Bażiku;

Dispożizzjonijiet Ġenerali

10.  Jenfasizza li ż-żamma tal-ftehimiet tas-sajd fis-seħħ u t-tfittxija għal opportunitajiet ġodda tas-sajd f’pajjiżi terzi, għandhom ikunu objettiv prijoritarju fil-politika esterna tas-sajd, filwaqt li jiġi rikonoxxut li meta l-flotta tal-UE ma tibqax topera fil-postijiet tas-sajd ta’ pajjiż terz, dawn il-possibbiltajiet tas-sajd normalment jiġu distribwiti mill-ġdid lil flotot oħra li għandhom standards ta’ konservazzjoni, ġestjoni u sostenibilità ħafna aktar baxxi minn dawk meħtieġa u protetti mill-UE;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa prinċipji u għanijiet definiti b’mod ċar għal sajd sostenibbli għall-ambjent, ekonomikament u soċjalment fl-ibħra miftuħa u fl-ilmijiet taħt ġurisdizzjoni nazzjonali fil-fora kollha internazzjonali li fihom l-UE hija parti kontraenti, u biex timplimenta malajr u b’mod effettiv id-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu fihom;

12.  Jenfasizza li l-UE għandha tiżviluppa strateġija speċifika fil-qasam tas-sajd u l-ġestjoni ta’ riżorsi tal-baħar ħajjin, li tinvolvi l-istati kostali kollha mhux Ewropej tal-Mediterran.

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tmexxi 'l quddiem l-aġenda globali u multilaterali li tippromwovi s-sajd sostenibbli u l-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar, filwaqt li tittrasforma d-djalogi tagħha mal-pajjiżi ewlenin bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, ir-Russja, iċ-Ċina u pajjiżi terzi oħrajn bi preżenza b'saħħitha tas-sajd fl-oċeani dinjija, fi sħubiji effikaċi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet kruċjali bħall-eradikazzjoni ta' sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat, it-tnaqqis, fejn ikun meħtieġ, kemm tas-sajd żejjed kif ukoll tal-kapaċità tal-flotta, u t-tisħiħ tal-kontroll u l-governanza tal-ibħra miftuħa b'mod konsistenti mal-prinċipji tal-UNCLOS u ma' strumenti oħra relevanti;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-liġi internazzjonali, b'mod partikolari l-UNCLOS u l-parteċipazzjoni fil-konvenzjonijiet tal-ILO, u biex timmoniterja l-konformità ma' dawn ir-regoli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkoopera ma’ pajjiżi terzi fil-fora kollha xierqa, speċjalment fl-RFMOs;

15.  Jemmen li l-UE għandha tniedi inizjattiva fil-livell tan-NU biex tistabbilixxi skema ta' dokumentazzjoni dwar il-qabdiet u traċċabbiltà dinjija għall-ispeċijiet kollha tal-ħut li jidħlu fis-suq internazzjonali, imsejsa fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat tal-bandiera u kompatibbli mar-regolament dwar l-IUU, bħala għodda prinċipali biex issaħħaħ il-konformità mal-miżuri eżistenti ta' konservazzjoni u ġestjoni u biex tiġġieled is-sajd IUU biex b'hekk tippromwovi l-konsum responsabbli;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni aktar kuraġġ fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 dwar is-sajd IUU, speċjalment rigward il-partijiet kontraenti tar-RFMOs li ma jikkollaborawx b’mod attiv fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi prinċipali tal-ġlieda kontra s-sajd IUU;

17.  Jikkunsidra li l-UE għandha tkun attiva fis-sistema tan-NU biex tesplora mezzi għall-komunità dinjija biex tindirizza:

   il-ħtieġa għal governanza dinjija tal-oċeani aktar reġjonalizzata u integrata, li tirrigwarda kemm ir-riżorsi tal-baħar ħajjin u riżorsi oħra,
   it-tniġġis u l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-oċeani, inklużi l-protezzjoni u r-rijabilitazzjoni ta’ bjar “blu” prezzjużi ta' assorbiment tal-karbonju, u
   l-istandards soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

18.  Jinnota l-importanza tan-negozjati fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar id-dixxiplina tas-sussidji fis-settur tas-sajd u jitlob lill-UE tieħu rwol aktar attiv f’dawn id-diskussjonijiet;

19.  Jinnota l-ħtieġa li jinħolqu mekkaniżmi li jippromwovu l-prodotti tas-sajd b’oriġini sostenibbli mil-lat ekoloġiku u ġusta mil-lat soċjali fi ħdan u barra mill-UE;

20.  Jinnota li wieħed mill-objettivi prijoritarji tad-dimensjoni esterna tal-PKS għandu jkun li jiġi assigurat il-futur tal-flotta Ewropea li tbaħħar fuq distanzi twal, b’mod partikolari sakemm ikollha drittijiet tas-sajd li servew bħala bażi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi fejn topera;

Ftehimiet Bilaterali tas-Sajd

21.  Iqis li l-ftehimiet bilaterali, jew Ftehimiet dwar Sajd Sostenibbli (SFA) kif il-Kummissjoni tipproponi li ssejħilhom, innegozjati bejn is-sħab u implimentati b'mod ekwu, għandhom ikunu bbażati fuq l-isfruttament responsabbli u sostenibbli tar-riżorsi mill-bastimenti tal-UE u jkunu ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet, jiffaċilitaw il-provvista ta' riżorsi ekonomiċi, għarfien speċjalizzat tekniku u xjentifiku u appoġġ għal ġestjoni tas-sajd imtejba u governanza tajba lill-pajjiż terz, filwaqt li jippermettu l-kontinwazzjoni ta' attivitajiet tas-sajd li huma importanti mil-lat soċjoekonomiku u sors ta’ provvista għall-UE u għas-swieq ta’ ċerti pajjiżi li qed jiżviluppaw, kemm tal-prodotti friski kif ukoll ta’ dawk ipproċessati;

22.  Jappella lill-UE biex timmira lejn il-konklużjoni, kemm jista’ jkun malajr, ta’ Ftehimijiet ta’ Kooperazzjoni dwar Sajd Sostenibbli ma’ pajjiżi ġirien fejn l-UE tipprovdi l-finanzjament u l-appoġġ tekniku sabiex tinkiseb politika iktar miftiehma u koerenti, bl-għan li tinkiseb politika armonizzata u sostenibbli tas-sajd fil-baċiri tal-baħar komuni kollha, biex b'hekk tiżdied l-effikaċja tal-PKS fir-reġjuni kollha kkonċernati; jappella sabiex dawn il-ftehimiet ikunu konklużi fi spirtu ta’ kooperazzjoni ġusta u ekwa u fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jimmiraw għall-kondiviżjoni ġusta ta’ responsabbiltajiet bejn l-Unjoni u l-pajjiż sieħeb rispettiv;

23.  Jistieden lill-UE, bil-għan li ttejjeb kemm il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien kif ukoll il-ġestjoni tal-istokkijiet kondiviżi, biex timmira li tikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni dwar sajd sostenibbli ma’ dawn il-pajjiżi li m’għandhomx jimmiraw lejn il-kisba ta’ drittijiet għas-sajd għal bastimenti tal-UE iżda lejn il-kisba ta’ sitwazzjoni fejn l-UE tkun tista' tipprovdi l-finanzjament u l-appoġġ tekniku bil-għan li, fil-pajjiż terz sieħeb, jiġu implimentati regoli ta’ ġestjoni sostenibbli paragunabbli bħall-UE;

24.  Ifakkar li fil-valutazzjoni tal-impatt ta’ dawk li issa huma msejħa Ftehimiet dwar Sajd Sostenibbli (SFAs), huwa importanti li ssir distinzjoni korretta bejn l-għajnuna mmirata lejn l-iżvilupp tas-settur tas-sajd f’pajjiżi terzi u dik li tirriżulta mill-ħlas għal drittijiet tas-sajd;

25.  Jiddispjaċih, madanakollu, li l-ftehimiet bilaterali tal-UE mhux dejjem kisbu l-benefiċċji soċjali msemmija hawn fuq, u jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt għar-reġjuni ultraperiferiċi, kull meta dawn ikunu involuti, b’kunsiderazzjoni tal-Artikolu 349 tat-Trattat, filwaqt li jirrikonoxxi li sar ħafna progress mill-aħħar riforma; iqis li l-evalwazzjoni xjentifika mtejba tal-istokkijiet, it-trasparenza il-konformità mal-objettivi, il-benefiċċji għall-popolazzjoni lokali, u t-titjib tal-governanza tas-sajd huma essenzjali għal ftehimiet ta' suċċess;

26.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi diversi dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali futuri, inkluż: ir-rispett għall-prinċipju ta’ limiti fuq l-aċċess għar-riżorsi li huma ppruvati xjentifikament li huma żejda għall-Istat tal-kosta, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS; is-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem b'konformità mal-ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; il-klawsola ta' esklużività, għalkemm din jeħtieġ li tissaħħaħ u ssir rikonoxxuta formalment permezz tal-ftehimiet, li tiżgura, fil-każijiet kollha, ir-rispett rigoruż għall-prinċipji demokratiċi;

27.  Jikkunsidra li ftehimijiet bilaterali tal-UE iridu jirrispettaw mhux biss l-Artikolu 62 tal-UNCLOS fir-rigward tal-istokkijiet żejda iżda wkoll l-Artikoli 69 u 70 dwar id-drittijiet ta’ stati mingħajr kosta u ġeografikament żvantaġġati fi ħdan ir-reġjun, speċjalment fir-rigward tal-ħtiġijiet nutrizzjonali u soċjoekonomiċi ta’ popolazzjonijiet lokali;

28.  Huwa tal-fehma li l-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem għandha tiġi implimentata mingħajr diskriminazzjoni u għandha tapplika fil-pajjiżi kollha bl-istess mod, mhux biss għall-ftehimiet tas-sajd, iżda wkoll għall-ftehimiet kummerċjali; iqis li permezz tad-WTO, irridu nippenalizzaw il-produzzjoni f’dawk il-pajjiżi li għadhom ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem jew iħaddmu t-tfal għall-produzzjoni industrijali, kif ukoll li jiddiskriminaw kontra n-nisa billi ma jagħtuhomx ħlas jew ma jirrikonoxxux l-attivitajiet tagħhom u l-kontribut ekonomiku tagħhom fis-sajd u fl-akkwakultura;

29.  Jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta’ ġestjoni integrata bbażata fuq ekosistema fil-ftehimiet ġodda u eżistenti;

30.  Jikkunsidra li l-kontribut miżjud mogħti mill-impriżi lil ftehimiet futuri tas-sajd għandu jkun konformi ma’ kapaċità akbar ta' influwenza tas-settur skont il-miżuri tekniċi u l-istandards li l-Kummissjoni tinnegozja f’dawn il-ftehimiet;

31.  Iqis li r-Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd għandu jiġi emendat sabiex il-bastimenti li jtajru bandiera tal-UE li telqu temporanjament ir-reġistru ta’ Stat Membru biex ifittxu opportunitajiet ta’ sajd band’oħra ma jitħallewx jibbenefikaw għal 24 xahar minn opportunitajiet ta’ sajd taħt l-SFA u l-protokolli fis-seħħ meta dawn jiddereġistraw jekk dawn sussegwentement jirritornaw għal reġistru tal-UE; iqis li l-istess għandu jsir għat-tibdil temporanju tal-bnadar tal-bastimenti waqt li jitwettaq sajd fil-qafas tal-RFMOs;

32.  Iqis li l-klawżola soċjali li qed tintuża fil-preżent għandha tissaħħaħ biex tinkludi r-rispett għall-Konvenzjoni 188 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), ir-Rakkomandazzjoni 199 tal-ILO dwar il-ħidma fis-sajd, kif ukoll it-tmien Konvenzjonijiet Fundamentali tal-ILO(8), u jiġi żgurat li kondizzjonijiet tax-xogħol għal membri tal-ekwipaġġ domiċiljati barra mill-UE u li jaħdmu abbord bastimenti li jtajru bandiera tal-UE għandhom ikunu ugwali għal dawk ta’ ħaddiema domiċiljati fl-UE;

33.  Jemmen li s-SFAs għandhom jikkontribbwixxu għall-iżvilupp sostenibbli f’pajjiżi terzi sħab u jinkoraġġixxu lis-settur privat lokali, b’enfasi partikolari fuq is-sajd fuq skala żgħira u l-SMEs, u għal dan l-għan jitlob żieda fl-impjieg ta’ sajjieda lokali u l-iżvilupp ta’ industriji tal-ipproċessar lokali u attivitajiet ta’ kumerċjalizzazzjoni sostenibbli;

34.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tikseb data dejjem iżjed kompluta u affidabbli mill-Istat tal-kosta dwar l-ammont totali ta’ sajd, inklużi l-qabdiet, li jseħħ fl-ilmijiet tiegħu, bħala rekwiżit għall-kompitu diffiċli li jiġu identifikati r-riżorsi eċċessivi u sabiex jiġi evitat l-isfruttament żejjed; jinnota li l-politiki tal-UE dwar is-sajd u dwar l-iżvilupp jistgħu jippromwovu t-titjib meħtieġ fil-kapaċità ta' pajjiżi terzi li jagħtu din l-informazzjoni;

35.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tippromwovi trasparenza akbar meta tiġi biex tiddetermina ll-livell ta’ sfruttar tal-istokkijiet tal-ħut f’ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ stati kostali;

36.  Jafferma mill-ġdid li, skont il-prinċipju tar-rispett tar-rabta tradizzjonali bejn il-komunitajiet tal-kosta u l-ibħra fejn stadu storikament, il-bastimenti tal-UE ma għandhomx jikkompetu mas-sajjieda lokali għall-istess riżorsi jew fuq l-istess swieq lokali, u li l-kooperazzjoni bejn l-operaturi lokali u tal-UE għandha tiġi ffaċilitata, u b’hekk jenfasizza l-ħtieġa ta’ kalkolu preċiż tar-riżorsi eċċessivi;

37.  Jemmen li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tgħin tipprovdi l-pajjiżi terzi li magħhom tinnegozja ftehimiet bilaterali b’data u informazzjoni biżżejjed għal valutazzjonijiet affidabbli tal-istokkijiet, u li jekk tipprovdi finanzjament tal-UE għal bastiment tar-riċerka xjentifika fir-reġjun fejn il-flotta tal-UE hija attiva tissaħħaħ b’mod konsiderevoli l-analiżi xjentifika dwar l-istokkijiet tal-ħut, li huwa prerekwiżit għal kwalunkwe SFA;

38.  Jitlob li l-kampanji ta’ riċerka mwettqa minn bastimenti ta’ Stati Membri differenti f'inħawi fejn tistad il-flotta tal-UE jitħeġġu kemm jista' jkun possibbli u jitwettqu f'kooperazzjoni mal-istati kostali kkonċernati, inkluż l-għoti ta' aċċess għax-xjentisti lokali; jappella għal kooperazzjoni akbar fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni f’dan ir-rigward, u li jiġi miżjud il-finanzjament għall-estenzjoni tar-riċerka xjentifika fl-ilmijiet barra l-UE;

39.  Jemmen li, fl-istess ħin, għandhom jiżdiedu l-isforzi sabiex tinkiseb id-data meħtieġa minn pajjiżi terzi li magħhom l-UE għandha ftehimijiet bilaterali tas-sajd, sabiex tiġi vvalutata l-effikaċja tal-ftehim u jekk il-kundizzjonijiet huma jiġu sodisfati, eż li huma għandhom ikunu ta' benefiċċju għall-popolazzjoni lokali;

40.  Jenfasizza l-importanza tal-gruppi xjentifiċi konġunti għall-għoti ta’ opinjonijiet xjentifiċi dwar il-qagħda tar-riżorsi tas-sajd abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli sabiex ikun evitat is-sajd żejjed, minħabba li s-settur tas-sajd, u b’mod partikolari s-settur tas-sajd artiġjanali, għandu rwol ewlieni fis-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinsisti li dawn il-gruppi għandu jkollhom riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani xierqa sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidmiet tagħhom u jaħdmu flimkien mal-RFMOs;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-tisħiħ ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknika mmirata b’mod ġenerali fl-SFAs, inkluż billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Komunitajiet Xjentifiċi Konġunti; jappella wkoll biex isiru sforzi biex tinkiseb armonizzazzjoni bejn il-kundizzjonijiet sanitarji u iġjeniċi tal-UE u l-pajjiżi terzi;

42.  Jappoġġa bis-sħiħ il-kunċett ta’ diżakkoppjament tal-kumpens finanzjarju għall-aċċess għar-riżorsi tas-sajd mill-appoġġ settorjali għall-iżvilupp; jinsisti bil-qawwa li s-sidien tal-bastimenti għandhom iħallsu proporzjon ġust u bbażat fuq is-suq tal-ispejjeż meta jakkwistaw drittijiet għal aċċess fil-qafas ta’ ftehim bilaterali dwar sajd; jitlob li ssir analiżi dettaljata tas-sehem li jrid jitħallas mis-sidien tal-bastimenti għal awtorizzazzjoni għal sajd, inklużi l-qabdiet potenzjali u l-ispejjeż tal-operat; jemmen li s-superviżjoni mtejba tal-appoġġ settorjali hija essenzjali, inkluża l-possibbiltà tas-sospensjoni tal-pagamenti f'każijiet fejn l-istat tal-kosta jonqos li jissodisfa l-impenji tiegħu;

43.  Jinsisti li l-pakkett finanzjarju maħsub għall-appoġġ tas-settur għandu jkun aktar effettiv u jikseb aktar riżultati u ta’ kwalità aħjar, b’enfasi b’mod partikolari fuq ir-riċerka xjentifika, il-ġbir tad-data u l-kontroll u l-ġestjoni tal-attivitajiet tas-sajd;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-allokazzjonijiet għall-appoġġ settorjali fil-qafas tal-SFAs ikunu maħsuba biex jappoġġaw il-kapaċità amministrattiva u xjentifika ta’ pajjiżi terzi u jassistu l-impriżi żgħar u medji, isaħħu l-objettivi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, u jkunu konformi mal-pjan ta' żvilupp nazzjonali tal-pajjiż firmatarju; jitlob biex dawn l-allokazzjonijiet ma jieħdux post il-kooperazzjoni fl-industrija tas-sajd prevista fi ftehimiet u fi strumenti ta’ kooperazzjoni oħra, iżda jikkomplimentawha b’mod koerenti, trasparenti, effikaċi u aktar immirat;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex matul in-negozjati tas-SFAs tipprova tiżgura li l-istat tal-kosta jiddedika parti minima tal-appoġġ settorjali għall-iżvilupp mogħti taħt is-SFA lil proġetti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom ir-rikonoxximent, il-promozzjoni u d-diversifikazzjoni tar-rwol tan-nisa fis-settur tas-sajd, filwaqt illi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament u opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel b’mod partikolari fir-rigward tat-taħriġ u l-aċċess għall-finanzjament u s-self;

46.  Jemmen li l-appoġġ settorjali għall-iżvilupp għandu jiġi kkunsidrat meta jittieħdu d-deċiżjonijiet rilevanti fil-futur;

47.  Jinsisti li l-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-ftehimiet bilaterali, permezz ta' rapporti annwali li jintbagħtu lill-Parlament u lill-Kunsill, u li evalwazzjonijiet imwettqa minn esperti esterni u indipendenti jintbagħtu lill-koleġislaturi fil-ħin dovut qabel in-negozjati tal-protokolli l-ġodda; dawn kollha għandhom ikunu fid-dominju pubbliku, soġġetti għar-regoli relevanti dwar il-protezzjoni tad-data u jkunu disponibbli f'tal-inqas tliet lingwi uffiċjali tal-UE;

48.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Parlament ikun involut b’mod adegwat fil-proċess tat-tħejjija u tan-negozjati u fil-monitoraġġ fit-tul u l-valutazzjoni tal-funzjonament tal-ftehimiet bilaterali skont id-dispożizzjonijiet tat-TFUE; jinsisti li l-Parlament ikun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fuq l-istess livell tal-Kunsill fl-istadji kollha tal-proċedura relatati mal-FPAs, skont l-Artikoli 13(2) u 218(10) TFUE; ifakkar il-konvinzjoni tiegħu li l-Parlament għandu jkun irrappreżentat minn osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt previsti fil-ftehimiet tas-sajd, u jinsisti li s-soċjetà ċivili, inklużi r-rappreżentanti tas-settur tas-sajd tal-UE kif ukoll ta’ pajjiżi terzi, tattendi wkoll bħala osservatur f'dawn il-laqgħat;

49.  Jappoġġa t-twettiq ta’ verifiki xjentifiċi għall-evalwazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut qabel in-negozjar tal-ftehimiet u jistieden lill-pajjiż terz jagħti notifika dwar l-isforz tas-sajd imwettaq fl-ilmijiet tiegħu mill-flotot ta’ pajjiżi oħra; sabiex dawn l-għanijiet ikunu effettivi;

50.  Huwa konvint li trasparenza sħiħa dwar il-qabdiet, il-pagamenti u l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali tkun għodda indispensabbli għall-iżvilupp ta' sajd responsabbli u sostenibbli, ibbażat fuq il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-użu mhux xieraq tal-appoġġ tal-UE u kontra l-korruzzjoni;

51.  Jenfasizza, bl-istess mod, il-ħtieġa li titjieb it-trasparenza kemm waqt in-negozjati kif ukoll waqt il-perjodu ta’ validità tal-Ftehimiet tas-Sajd, kemm min-naħa tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi terzi;

52.  Jinsisti li l-Istati Membri jirrappurtaw il-qabdiet lill-istati kostali ta' kuljum u li huma jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli applikabbli fl-ilmijiet tal-pajjiżi sħab;

53.  Jemmen bil-qawwa li l-Kummissjoni għandha tiżgura ruħha li n-negozjati ma’ pajjiżi terzi li jipprevedu ftehimiet jew protokolli ġodda għal ftehimiet bilaterali dwar sajd jinbdew ħafna qabel id-data tal-iskadenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet; f’dan il-kuntest jenfasizza l-importanza tal-involviment bikri tal-Parlament sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni proviżorja ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li jwasslu għal faits accomplis irreversibbli, li la huma fl-interess tal-UE u lanqas tal-pajjiż terz;

54.  Jemmen li l-industrija Ewropea tas-sajd għandha tidħol għal sehem finanzjarju konsiderevoli tal-ispejjeż meta takkwista drittijiet għal aċċess għal żoni tas-sajd li mhumiex fl-UE fil-qafas ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali dwar sajd;

55.  Jemmen li għandu jkun hemm approċċ reġjonali lejn in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet bilaterali tal-UE, partikolarment f’dawk li jaffettwaw il-flotta tad-dgħajes tat-tonn, u, fejn xieraq, rabta ċara bejn it-termini li fihom u l-miżuri ta' ġestjoni u l-prestazzjoni tar-RFMOs rilevanti;

56.  Iħoss il-bżonn li, fuq livell reġjonali, jesprimi d-diżappunt tiegħu lill-Kummissjoni dwar il-fatt li kien hemm treġġigħ lura tal-politika fir-rigward tal-miżuri relatati mal-kirja ta’ baħħara, minħabba li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet kien hemm qalba lura għall-politika insostenibbli li dawn il-membri tal-ekwipaġġ jiġu reklutati skont in-nazzjonalità tagħhom u mhux skont l-oriġini tagħhom fil-pajjiżi tal-AKP b’mod ġenerali;

57.  Huwa tal-fehma li għandhom jiġu introdotti konvenzjonijiet bilaterali li jiffavorixxu l-investimenti tal-Unjoni fis-settur tas-sajd f’dawk il-pajjiżi fejn attwalment ma jeżistux ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, peress li ma jeżistux possibbiltajiet ta’ sajd eċċessiv, u biex b'hekk jikkontribwixxu għas-sajd sostenibbli; iqis ukoll li, f’dawn il-każijiet, il-koordinazzjoni bejn il-fondi Ewropej għall-iżvilupp u l-fondi għall-ftehimiet bilaterali għandha tkun prijorità ewlenija;

L-Organizazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs)

58.  Iħeġġeġ lill-UE tieħu l-inizjattiva biex issaħħaħ ir-RFMOs sabiex itejbu l-prestazzjoni tagħhom, inkluż permezz ta’ rieżamijiet regolari minn korpi indipendenti tal-punt safejn dawn jiksbu l-objettivi tagħhom, u biex tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet li jsiru f’tali rieżamijiet jiġu implimentati malajr u b’mod sħiħ; iħeġġeġ lill-UE taħdem sabiex jiġi żgurat li l-RFMOs kollha jkollhom kumitat ta’ konformità effettiv u jemmen li każijiet ippruvati ta’ nuqqas ta’ konformità minn stati għandhom iwasslu għal sanzjonijiet dissważivi, proporzjonati u nondiskriminatorji, inkluż tnaqqis fil-kwoti, l-isforz, il-kapaċità permessa, eċċ;

59.  Jitlob lill-Kummissjoni talloka aktar fondi lill-RFMOs, peress li dawn għadhom rwol kruċjali fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat;

60.  Jikkunsidra li l-UE għandha taħdem lejn sistema mtejba ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-RFMOs sabiex tmur lil hinn mill-approċċ tad-“denominatur komuni l-aktar baxx’ li jista' jirriżulta minn kunsens, filwaqt li jagħraf il-ħtieġa għal dibattitu qabel ma ssir votazzjoni meta ma jkun jista' jinkiseb ebda kunsens; iqis li l-pjanijiet multiannwali għandhom jiġu promossi;

61.  Huwa tal-fehma li l-Unjoni trid tikkordina aħjar il-politiki tas-sajd u tal-iżvilupp tagħha u timpenja ruħha f’djalogi u sħubiji sistematiċi, fit-tul u fil-fond ma’ stati oħra tal-bandiera, tas-suq u tal-kosta, sabiex jinkisbu ġestjoni tas-sajd u sigurtà fl-ikel imtejba madwar id-dinja;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu t-tmexxija biex tippromwovi l-ħolqien ta' netwerk komprensiv ta' kopertura tar-RFMOs sabiex is-sajd kollu fl-ibħra miftuħa jiġi ġestit b’mod effikaċi mal-approċċ ekosistemiku u l-approċċ prekawzjonali li jippromwovu l-konservazzjoni tar-riżorsi; għal dak il-għan, ifakkar l-appoġġ tiegħu għat-twaqqif ta' RFMOs ġodda fejn dawn ma jeżistux, u għal żieda fil-kompetenza tal-RFMOs eżistenti billi ssir reviżjoni tal-konvenzjonijiet tagħhom;

63.  Jinnota li bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima u tal-bidliet fid-distribuzzjoni tal-ispeċijiet, qed jinfetħu nħawi ġodda għas-sajd fl-ilmijiet Artiċi; iqis li l-UE għandha tieħu inizjattivi sabiex tiżgura li l-operazzjonijiet tas-sajd jiġu ġestiti b’mod effikaċji (mir-RFMOs eżistenti jew il-ħolqien ta’ wieħed ġdid) għal ġestjoni sostenibbli u l-konservazzjoni ta’ stokkijiet f’dawn l-ilmijiet; jemmen li s-sajd għandu għall-ewwel jiġi ristrett sabiex jippermetti valutazzjonijiet xjentifiċi ta’ ħażniet Artiċi u s-sajd li jistgħu jappoġġjaw b’mod sostenibbli;

64.  Jinnota li l-Baħar Iswed għandu jibbenefika minn RFMO ġdid, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien tiegħu;

65.  Jemmen li r-RFMOs għandhom jiżviluppaw sistemi ta’ ġestjoni sostenibbli, bil-għan li l-istokkijiet jinżammu 'l fuq mill-MSY (rendiment massimu sostenibbli), li jipprovdu allokazzjoni tar-riżorsi trasparenti u ġusta bl-użu ta' inċentivi bbażati fuq kriterji ambjentali u soċjali, kif ukoll fuq il-qabdiet storiċi, għall-kisba ta’ opportunitajiet tas-sajd, biex b'hekk jiġu inklużi kemm id-drittijiet / l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-istati li qed jiżviluppaw kif ukoll l-aspettattivi tal-flotot li stadu b'mod sostenibbli f’dawk l-ilmijiet, filwaqt li jassiguraw li l-miżuri ta’ ġestjoni u konservazzjoni jiġu implimentati kompletament mill-membri kollha;

66.  Jopponi bis-saħħa li l-UE tippromwovi l-adozzjoni ta' skemi ta' Konċessjonijiet Trasferibbli tas-Sajd (TFC) fl-RFMOs; iqis li kwalunkwe sistema ta' ġestjoni bbażata fuq id-drittijiet adottata fl-RFMOs m’għandhiex tipperikola l-għajxien ta’ komunitajiet tas-sajd dipendenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

67.  Jemmen li l-involviment tal-partijiet kkonċernati kollha, mit-tfassil tal-politiki sal-introduzzjoni tagħhom, iwassal għal governanza tajba;

68.  Jitlob li ssir valutazzjoni dettaljata tal-kapaċità tas-sajd tal-flotot tal-UE awtorizzati li jistadu barra mill-ilmijiet tal-UE, bl-użu ta’ indikaturi affidabbli tal-kapaċità tal-bastimenti li jaqbdu l-ħut b’kunsiderazzjoni tal-avvanzi teknoloġiċi bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Konsultazzjoni Teknika tal-FAO tal-1999 dwar il-kejl tal-kapaċità tas-sajd(9); jemmen li l-UE għandha tidentifika l-RFMOs li għandhom problemi ta’ kapaċità żejda, u tiżgura l-iffriżar u l-aġġustament tal-kapaċità tal-flotot b’kunsiderazzjoni speċjali għad-drittijiet tal-pajjiżi tal-kosta;

Aspetti Oħra tad-Dimensjoni Esterna

69.  Jemmen li minkejja l-attivitajiet esterni tal-impriżi tal-UE jistgħu jaqbżu d-dimensjoni esterna tal-PKS, l-attivitajiet kummerċjali u l-ftehimiet privati bejn is-sidien tal-bastimenti tal-UE u pajjiżi terzi, inklużi dawk imwettqa fil-qafas tal-politiki ta' kooperazzjoni bilaterali, għandhom ikunu rispettati u protetti b’mod leġittimu sakemm dawn jitwettqu fil-qafas tal-liġi internazzjonali;

70.  Iqis li l-investimenti tas-sajd Ewropej għandhom jiġu inklużi bħala t-tielet komponent fid-dimensjoni esterna tal-PKS, flimkien mal-ftehimiet tas-sajd u r-RFMOs, u li l-PKS għandha tinkuraġġixxi l-investiment f'sajd estern sostenibbli;

71.  Jemmen li l-PKS għandha tippromwovi l-istrateġiji ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, sabiex nerfgħu bis-sħiħ r-responsabbiltà soċjali tagħna b'konformità mal-Istrateġija tal-UE għall-2011-2014 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva;

72.  Jemmen li l-informazzjoni dwar il-ftehimiet privati bejn is-sidien tal-bastimenti tal-UE u pajjiżi terzi, kif ukoll dwar l-impriżi konġunti f’pajjiżi terzi, inklużi n-numru u t-tip ta’ bastimenti li joperaw fl-ambitu ta' ftehimiet u impriżi konġunti bħal dawn, kif ukoll il-qabdiet tagħhom, għandhom jibqgħu jingħataw mill-Istat Membru lill-Kummissjoni u jkunu disponibbli pubblikament skont ir-regoli tal-protezzjoni tad-data individwali u kummerċjali, kif stipulat fir-Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd;

73.  Jistieden lill-UE tippromwovi aġenda globali u multilaterali li tinkorpora r-responsabbiltà fl-iżvilupp ta’ attività tas-sajd sostenibbli;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu kunsiderazzjoni serja lill-metodi biex jinħolqu inċentivi b'saħħithom sabiex bastimenti li jtajru bandiera tal-UE jibqgħu fuq ir-reġistru tal-UE, sakemm ma jingħatawx bandiera fi stati ta' reputazzjoni tajba fl-RFMOs kollha rilevanti; iqis li l-aħjar mod biex jinkiseb dan huwa li jiġi żgurat li jkun hemm kompetizzjoni ġusta bejn il-bnadar tal-UE u l-bnadar ta' stati barra l-UE, billi jintalbu l-istess standards f’termini ta’ sostenibilità ekoloġika u soċjali mill-pajjiżi terzi, kemm bilateralment kif ukoll multilateralment, kif ukoll bl-użu ta' miżuri relatati mas-suq;

75.  Jesprimi l-impazjenza tiegħu mal-Kummissjoni talli ma żiditx bastimenti li jridu jiġu inklużi fil-lista IUU tal-UE ħlief dawk elenkati mir-RFMO, u talli lanqas ipproponiet lista ta’ pajjiżi li mhux qed jikkooperaw, minkejja li r-Regolament IUU ilu fis-seħħ għal aktar minn sentejn, u jħeġġiġha tagħmel dan mill-aktar fis; jinsisti fuq il-ħtieġa li jitfittex appoġġ mingħand is-sħab ewlenin tagħna sabiex jinġieb fi tmiemu s-sajd IUU fl-oċeani kollha;

76.  Jinsisti li l-Kummissjoni, aktar milli l-pajjiżi terzi, għandha tkun l-awtorità li tagħti ċertifikati fitosanitarji lil bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jippermettu l-esportazzjoni diretta ta’ prodotti tas-sajd lill-UE;

77.  Jirrimarka dwar il-ħtieġa li jiġi adottat approċċ maħsub individwalment għall-ġestjoni tal-limiti tal-kapaċità tal-flotta esterna tal-UE, b’kooperazzjoni mal-RFMOs, u li jitqies il-kuntest differenti li fih topera dan is-settur tal-flotta;

78.  Jinkoraġġixxi lill-banek u istituzzjonijiet oħra tas-self jinkorporaw valutazzjonijiet tas-sostenibilità ekonomika, soċjali u ambjentali tal-attivitajiet, u mhux sempliċement il-profittabilità tagħhom fuq perjodu qasir, qabel ma jagħtu aċċess għall-kapital;

79.  Jemmen li l-politika tal-kummerċ tal-UE tista’ wkoll tikkontribwixxi biex jiġi żgurat sajd sostenibbli madwar id-dinja permezz tal-promozzjoni tal-aderenza ma’ konvenzjonijiet u ftehimiet internazzjonali rilevanti rigward il-governanza tas-sajd fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali preferenzjali;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jissaħħaħ il-kummerċ ġust, trasparenti u sostenibbli fil-ħut fil-ftehimiet ta’ kummerċ bilaterali u multilaterali tal-UE;

81.  Iqis, fl-istess ħin, li għandhom jitfasslu inċentivi sabiex il-pajjiżi terzi li m’għandhomx l-istandards tal-UE jadottaw prattiki tajba, u, jekk ikun applikabbli, jistabbilixxu miżuri kummerċjali bħal projbizzjoni tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd illegali, mhux iddikjarati u mhux irregolati (IUU), u tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mwettqa mingħajr rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u għall-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ix-xogħol (ILO) u n-navigazzjoni (IMO);

82.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-kollaborazzjoni internazzjonali kontra s-sajd IUU billi turi liż-żewġ pajjiżi l-oħrajn li flimkien mal-UE jikkostitwixxu s-swieq ewlenin tas-sajd fid-dinja, jiġifieri l-Istati Uniti u l-Ġappun, li mezz wieħed biex titwettaq din l-azzjoni komuni jkun permezz tal-implimentazzjoni ta’ Numru Uniku ta’ Identifikazzjoni għal kull bastiment sabiex tiġi assigurata t-traċċabiltà sħiħa tal-prodott b’mod totalment trasparenti;

83.  Jenfasizza li ksur serju u sistematiku minn pajjiż sieħeb tal-objettivi adottati mill-RFMOs jew kull ftehim internazzjonali li tiegħu l-UE hija parti rigward il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd jista’ jwassal għat-tneħħija temporanja ta’ tariffi preferenzjali; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet marbuta mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tas-sajd, inklużi fil-proposta tagħha għall-iskema riveduta ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (GSP);

84.  Iqis li l-UE għandha tiżgura li l-prodotti importati permezz tal-kummerċ internazzjonali jikkonformaw ma’ regoli u regolamenti li huma identiċi għal dawk applikati għall-prodotti tal-UE;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ħut u l-prodotti tas-sajd li jiġu minn pajjiżi terzi jissodisfaw l-istess kundizzjonijiet sanitarji u tal-iġjene kif ukoll li jiġu minn industriji tas-sajd sostenibbli, biex b'hekk jinħolqu kundizzjonijiet ugwali ta' kompetizzjoni bejn l-industriji tas-sajd ta' pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-politika tal-UE fir-rigward tal-objettivi tal-politika tal-iżvilupp, tal-kummerċ u tas-sajd;

87.  Jinsisti li l-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali nnegozjati mill-UE għandhom:

   ikunu akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali fir-rigward tat-theddida tal-isfruttament eċċessiv tar-riżorsi, kemm għall-pajjżi tal-UE kif ukoll għal dawk mhux tal-UE. filwaqt li jitqiesu n-netwerks diġà stabbiliti minn ftehimiet diġà eżistenti,
   jirrispettaw ir-regoli tal-oriġini,
   jeħtieġu t-traċċabilità tal-prodott biex jiżguraw li jiġi minn sajd legali u sostenibbli,
   ma jostakolawx ir-Regolament IUU jew dispożizzjonijiet oħra tal-PKS,
   jinkludu dispożizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li jiġu kummerċjalizzati biss il-prodotti tas-sajd li jiġu minn industriji tas-sajd ġestiti sew;
   ma jwasslux għal żieda fil-kummerċ, li jirriżulta fi sfruttament żejjed u tnaqqis tar-riżorsi,
   jiżguraw li prodotti li jinqabdu b’mod mhux sostenibbli ma jidħlux fis-suq tal-UE,
   jinkludu dispożizzjonijiet għas-sospensjoni u r-reviżjoni tal-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja kif ukoll dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-protokoll f’każ li jkun hemm ksur tad-dispożizzjonijiet essenzjali u fundamentali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif stabbilit pereżempju mill-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou, jew nuqqas ta' konformità mad-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol;

88.  Ifakkar li minħabba l-leġiżlazzjonijiet differenti ta’ ħafna sħab tal-UE fil-kummerċ, il-kwistjoni ta’ regoli tal-oriġini u l-kumulazzjoni tagħhom hija suġġett kontroversjali u sensittiv fin-negozjati kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tagħti kunsiderazzjoni partikolari lill-kwistjoni u biex tinnegozja soluzzjonijiet ibbilanċjati li ma jippenalizzawx is-setturi tas-sajd tal-UE;

89.  Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għal miżuri relatati mal-kummerċ bħar-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tas-sajd u prodotti tas-sajd li għandhom jiġu applikati għall-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli, filwaqt li tiġi żgurata l-kompatibilità tagħhom mar-regoli tad-WTO;

90.  Iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa u timplimenta strateġiji reġjonali bbażati fuq l-oċeani u l-baħar, b’mod partikolari għal dawk li fihom is-sajd sostenibbli jista’ jiġi garantit biss permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali;

o
o   o

91.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(2) ĠU L 286, 29.10.2008, p.33.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0516.
(4) ĠU C 348E, 21.12.2010, p.15.
(5) ĠU C 351E, 2.12.2011, p.119.
(6) Testi adottati, P7_TA(2011)0232.
(7) Testi adottati: P7_TA(2011)0573.
(8) il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29),il-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u Protezzjoni tad-Dritt ta' Organizzazzjoni, 1948 (Nru 87), il-Konvenzjoni dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv, 1949 (Nru 98), il-Konvenzjoni dwar Remunerazzjoni Ugwali, 1951 (Nru 100), il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, 1957 (Nru 105), il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni (Impjieg u Xogħol)), 1958 (Nru 111), il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138), il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom ta’ Tħaddim tat-Tfal, 1999 (Nru 182);
(9) ftp://ftp.fao.org/docrep/fao/007/x4874e/x4874e00.pdf.

Avviż legali - Politika tal-privatezza