Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/0390(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0363/2012

Testi mressqa :

A7-0363/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2012 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0472

Testi adottati
PDF 387kWORD 30k
It-Tlieta, 11 ta' Diċembru 2012 - Strasburgu
Assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja ***II
P7_TA(2012)0472A7-0363/2012
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja (05682/1/2012 – C7-0221/2012 – 2010/0390(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05682/1/2012 – C7-0221/2012),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0804),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 66 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni fit-tieni qari tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0363/2012),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fit-tieni qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti lill-President tiegħu struzzjonijiet biex jibgħat il-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 211.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fil-11 ta' Diċembru 2012 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja
P7_TC2-COD(2010)0390

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(1),

Billi:

(1)  Ir-relazzjonijiet bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea qegħdin jiżviluppaw fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Fl-2006, il-Komunità u l-Ġeorġja qablu dwar Pjan ta' Azzjoni għal Politika Ewropea tal-Viċinat li jidentifika l-prijoritajiet fuq perjodu ta' żmien medju fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Ġeorġja. Fl-2010, l-UE u l-Ġeorġja nedew in-negozjati ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni li huwa mistenni li jieħu post il-Ftehim eżistenti ta' Sħubija u Kooperazzjoni(2). Il-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja huwa msaħħaħ aktar bis-Sħubija tal-Lvant li għadu kemm tnieda.

(2)  Il-Kunsill Ewropew straordinarju, f'laqgħa fl-1 ta' Settembru 2008, ikkonferma r-rieda tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u Ġeorġja fis-segwitu tal-kunflitt armat ta' Awwissu 2008 bejn il-Ġeorġja u l-Federazzjoni Russa.

(3)  L-ekonomija tal-Ġeorġja ġiet affettwata mill-kriżi finanzjarja internazzjonali sa mit-tielet trimestru tal-2008, b'nuqqas fil-produzzjoni, tnaqqis fid-dħul fiskali u żieda fil-ħtiġijiet esterni ta' finanzjament.

(4)  Fil-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi li saret fit-22 ta' Ottubru 2008, il-komunità internazzjonali wegħdet appoġġ għall-irkupru ekonomiku tal-Ġeorġja skont il-Valutazzjoni Konġunta tal-Ħtiġiet mwettqa min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Bank Dinji.

(5)  L-Unjoni ħabbret li ser tipprovdi sa EUR 500 miljun bħala assistenza finanzjarja lill-Ġeorġja.

(6)  L-aġġustament u l-irkupru ekonomiku tal-Ġeorġja huwa appoġġat permezz ta' assistenza finanzjarja tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). F'Settembru 2008, l-awtoritajiet tal-Ġeorġja ftehmu mal-FMI fuq Arranġament ta' Riżerva ta' USD 750 miljun biex jappoġġa lill-ekonomija tal-Ġeorġja biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fid-dawl tal-kriżi finanzjarja.

(7)  B'segwitu ta' aktar deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-Ġeorġja u reviżjoni neċessarja tas-suppożizzjonijiet ekonomiċi sottostanti tal-programm tal-FMI kif ukoll tal-ħtiġiet akbar tal-Ġeorġja ta' finanzjament estern, intlaħaq qbil bejn il-Ġeorġja u l-FMI għal żieda ta' self ta' USD 424 miljun skont l-Akkordju ta' Riżerva, li ġie approvat f'Awwissu 2009 mill-Bord tal-FMI.

(8)  Fl-2010-2012, l-Unjoni biħsiebha tipprovdi taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI), għotjiet ta' appoġġ baġitarju lill-Ġeorġja ta' EUR 37 miljun kull sena.

(9)  Il-Ġeorġja talbet assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni fid-dawl tad-deterjorament fis-sitwazzjoni u l-prospetti ekonomiċi tal-Ġeorġja.

(10)  Minħabba li għad hemm lakuna finanzjarja residwa fil-bilanċ tal-pagamenti tal-Ġeorġja, l-assistenza makrofinanzjarja titqies bħala rispons xieraq għat-talba tal-Ġeorġja fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali sabiex tiġi appoġġata l-istabbilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm tal-FMI attwali.

(11)  L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni li għandha tingħata lill-Ġeorġja (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”) ma għandhiex sempliċement tissupplimenta l-programmi u r-riżorsi mill-FMI u l-Bank Dinji, iżda għandha tiżgura l-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni.

(12)  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-miżuri meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u linji ta' politika oħra rilevanti tal-Unjoni.

(13)  L-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Dawk l-objettivi għandhom jiġu mmonitorjati regolarment mill-Kummissjoni.

(14)  Il-kondizzjonijiet sottostanti għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jirriflettu l-prinċipji u l-objettivi ewlenin tal-politika tal-Unjoni rigward il-Ġeorġja.

(15)  Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effiċjenti tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, huwa meħtieġ li l-Ġeorġja tadotta miżuri adatti rigward il-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra, il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma' dik l-assistenza. Huwa wkoll meħtieġ li l-Kummissjoni tipprevedi kontrolli adatti u li l-Qorti tal-Awdituri tipprevedi awditjar adatt.

(16)  Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja.

(17)  L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinformahom regolarment dwar l-iżviluppi relatati mal-assistenza u għandha tipprovdihom bid-dokumenti rilevanti.

(18)  Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tal-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(3),

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.  L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli għall-Ġeorġja assistenza makrofinanzjarja (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”) b'ammont massimu ta' EUR 46 miljun, bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ġeorġja u tkopri l-ħtiġijiet tagħha tal-bilanċ tal-pagamenti kif identifikat fil-programm attwali tal-FMI. Minn dak l-ammont massimu, sa EUR 23 miljun għandu jiġi pprovdut fil-forma ta' għotjiet u sa EUR 23 miljun fil-forma ta' self. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għall-2013 mill-awtorità baġitarja.

2.  Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tissellef ir-riżorsi meħtieġa f'isem l-Unjoni sabiex tiffinanzja l-komponent ta' self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Is-self għandu jkollu maturità massima ta' 15-il sena.

3.  Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b'mod konsistenti mal-ftehimiet jew qbil milħuqa bejn l-FMI u l-Ġeorġja u mal-prinċipji u l-għanijiet ewlenin tar-riforma ekonomika stabbiliti fil-Ftehim tas-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u Ġeorġja. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju bl-iżviluppi relatati mal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni u għandha tipprovdihom bid-dokumenti rilevanti.

4.  L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun magħmula disponibbli għal ▌ sentejn u sitt xhur li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Qbil imsemmi fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 2

1.  Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 6(2), tadotta Memorandum ta' Qbil li jkun fih il-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji li għalihom hija soġġetta l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż perjodu ta' żmien biex jintlaħqu dawk il-kondizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(3). Dawk il-kondizzjonijiet għandhom jimmiraw, b'mod partikolari, għat-tisħiħ tal-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inklużi sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġeorġja. Il-progress biex jintlaħqu dawk l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni. It-termini finanzjarji dettaljati dwar l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-Ftehim tal-Għotja u l-Ftehim ta' Self li għandhom jiġu maqbula bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Ġeorġja.

2.  Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-validità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Ġeorġja, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni li huma rilevanti għal din l-assistenza, kif ukoll l-aderenza tal-Ġeorġja mal-perjodu ta' żmien miftiehem.

3.  Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari li l-linji ta' politika ekonomiċi tal-Ġeorġja jkunu f'konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni u li l-kondizzjonijiet miftiehma tal-politika ekonomika qed jintlaħqu b'mod sodisfaċenti. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji, u fejn meħtieġ, mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Artikolu 3

1.  Soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun magħmula disponibbli mill-Kummissjoni f'żewġ pagamenti parzjali, li kull wieħed minnhom jikkonsisti f'element ta' għoti u element ta' self. Id-daqs ta' kull pagament parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta' Qbil.

2.  Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali f'fażijiet soġġett għall-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika ekonomika u tal-kondizzjonijiet miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil. L-iżborż tat-tieni pagament parzjali għandux jsir mhux aktar kmieni minn tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel pagament parzjali.

3.  Il-fondi tal-Unjoni għandhom jitħallsu lill-Bank Nazzjonali tal-Ġeorġja. Soġġett għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil, inkluża l-konferma tal-ħtiġiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu trasferiti lit-Teżor tal-Ġeorġja bħala l-benefiċjarju finali.

Artikolu 4

1.  L-operazzjonijiet tal-għoti u teħid tas-self relatati mal-komponent ta' self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jitwettqu bil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u ma għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni ta' maturitajiet, fi kwalunkwe riskju fir-rata tal-kambju jew tal-imgħax, jew fi kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.  Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa, jekk il-Ġeorġja titlob dan, biex tiżgura li klawsola dwar ħlas kmieni tiġi inkluża fil-patti u l-kondizzjonijiet tas-self u li tkun appoġġata minn klawsola korrispondenti fil-patti u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet tat-teħid ta' self.

3.  Fuq talba tal-Ġeorġja u fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, il-Kummissjoni tista' tirrifinanzja s-self inizjali kollu jew parti minnu jew tirristruttura l-kondizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' rifinanzjament jew ta' ristrutturar għandhom jitwettqu f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità medja tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont tal-kapital pendenti fid-data tar-rifinanzjament jew ristrutturar.

4.  Il-kostijiet kollha sostnuti mill-Unjoni li huma relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew teħid ta' self skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġġarrbu mill-Ġeorġja.

5.  Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju informati bl-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 5

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(4) u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu(5). B'mod partikolari, il-Memorandum ta' Qbil, il-Ftehim ta' Self u l-Ftehim tal-Għotja li għandhom jiġu miftiehma mal-awtoritajiet tal-Ġeorġja għandhom jipprovdu miżuri speċifiċi fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra, il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li tolqot l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Sabiex tkun żgurata trasparenza akbar fil-ġestjoni u l-iżborż tal-fondi, il-Memorandum ta' Qbil, il-Ftehim ta' Self u l-Ftehim tal-Għotja għandhom jipprevedu wkoll il-kontrolli, inklużi kontrolli fuq il-post u l-ispezzjonijiet, li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi. Dawk id-dokumenti għandhom ukoll jipprevedu l-verifiki, inkluż fejn xieraq verifiki fuq il-post, mill-Qorti tal-Awdituri.

Artikolu 6

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. ▌.

Artikolu 7

1.  Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena ta' kalendarju preċedenti, inkluż l-evalwazzjoni tiegħu. Ir-rapport għandu jindika r-rabta bejn il- politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali kurrenti tal-Ġeorġja u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

2.  Mhux aktar tard minn sentejn wara l-iskadenza tal-perjodu ta' disponibilità msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ex post.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[Em. 1]

(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-10 ta' Mejju 2011 (ĠU C 377 E. 7.12.2012, p. 211) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-10 ta' Mejju 2012 (ĠU C 291 E, 27.9.2012, p. 1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2012.
(2) Ftehim ta' Assoċjazzjoni u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u l-Ġeorġja, mill-parti l-oħra (ĠU L 205, 4.8.1999, p. 3).
(3) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(4) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(5) Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza