Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Testi adottati
PDF 151kWORD 32k
It-Tlieta, 15 ta' Jannar 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Liġi ta’ Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea
P7_TA(2013)0004A7-0369/2012
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2013 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Liġi ta’ Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea (2012/2024(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba huwa dritt fundamentali,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data(1) ,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(2) ,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza estensiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li rrikonoxxiet ġabra ta’ prinċipji ġenerali tal-liġi amministrattiva bbażati fuq it-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2001 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew wara inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar l-eżistenza u l-aċċessibilità pubblika ta’ Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba(3) , fl-istituzzjonijiet u l-korpi differenti tal-Komunità,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/633/KE, KEFA, Euratom tas-17 ta’ Ottubru 2000 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tagħha biż-żieda ta’ anness dwar Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba għal membri tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Pubbliku(4) ,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-Politika Esterna u ta’ Sigurtà Komuni tal-25 ta’ Ġunju 2001 dwar kodiċi ta’ mġiba amministrattiva tajba għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-persunal tiegħu fir-relazzjonijiet professjonali tagħhom mal-pubbliku(5) ,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2007)7 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar amministrazzjoni tajba, tal-20 ta’ Ġunju 2007,

–  wara li kkunsidra il-“Prinċipji ta’ servizz pubbliku għas-servizz pubbliku tal-UE’ ppubblikat mill-Ombudsman Ewropew fid-19 ta’ Ġunju 2012;

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ ikkummissjonat mill-Gvern Svediż mill-Aġenzija Svediża għall-Amministrazzjoni Pubblika dwar il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(6) ,

–  wara li kkunsidra n-noti ta’ informazzjoni ppreżentati fil-Konferenza dwar il-liġi amministrattiva tal-UE organizzata mid-Dipartiment tal-Politika tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament u l-Università ta’ León (León, is-27 u t-28 ta’ April 2011),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet inklużi fid-dokument ta’ ħidma dwar is-sitwazzjoni u l-prospetti futuri għal-liġi amministrattiva tal-UE ppreżentati mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Liġi Amministrattiva tal-UE lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fit-22 ta’ Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew ta’ Liġi ta’ Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea, ippreżentata mill-Unità għall-Valur Miżjud Ewropew lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fis-6 ta’ Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0369/2012),

A.  billi, bl-iżvilupp tal-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini qegħdin dejjem iżjed ikunu kkonfrontati direttament bl-amministrazzjoni tal-Unjoni, mingħajr ma dejjem ikollhom id-drittijiet proċedurali korrispondenti li jistgħu jinfurzaw kontriha f’każijiet fejn azzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu meħtieġa;

B.  billi ċ-ċittadini għandhom kull dritt jistennew mill-amministrazzjoni tal-Unjoni livell għoli ta' trasparenza, effiċjenza, eżekuzzjoni rapida tal-ħidmiet u kapaċità ta’ rispons, irrispettivament minn jekk ikunux qed jirreġistraw ilment formali jew inkella jkunux qed jeżerċitaw id-dritt li jressqu petizzjoni skont it-Trattat, flimkien ma’ informazzjoni rigward il-possibbiltà li jieħdu passi ulterjuri fil-kwestjoni li tkun;

C.  billi r-regoli u l-prinċipji eżistenti tal-Unjoni dwar l-amministrazzjoni tajba jinsabu mferrxin f’varjetà wiesgħa ta’ sorsi: il-liġi primarja, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-leġiżlazzjoni sekondarja, strumenti legali nonvinkolanti u l-impenji unilaterali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

D.  billi l-fatt li l-Unjoni nieqsa minn ġabra koerenti u komprensiva ta’ regoli kodifikati tal-liġi amministrattiva jagħmilha diffiċli għaċ-ċittadini biex jifhmu d-drittijiet amministrattivi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

E.  billi l-kodiċijiet ta’ mġiba interni eżistenti tal-istituzzjonijiet differenti għandhom effett limitat, ivarjaw minn xulxin u mhumiex vinkolanti;

F.  billi fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tas-6 ta’ Settembru 2001, fil-fehma li l-istess kodiċi ta’ mġiba amministrattiva tajba għandha tapplika għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-Unjoni, il-Parlament approva b’emendi l-Kodiċi Ewropea ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba abbozzat mill-Ombudsman;

G.  billi fl-istess riżoluzzjoni l-Parlament stieden lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta għal regolament li jkun fih kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba bbażata fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

H.  billi, kif enfasizzat mill-Ombudsman, dan jgħin biex tiġi eliminata l-konfużjoni li attwalment qed tirriżulta mill-eżistenza parallela ta’ kodiċijiet differenti għal ħafna istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni, jiżgura li l-istituzzjonijiet u l-korpi japplikaw l-istess prinċipji bażiċi fir-relazzjonijiet tagħhom maċ-ċittadini u jenfasizza, kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-uffiċjali, l-importanza ta’ prinċipji bħal dawn;

I.  billi l-azzjonijiet kollha tal-Unjoni jeħtieġ li jkunu konformi mal-istat tad-dritt b’separazzjoni stretta tal-poteri;

J.  billi d-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba minqux fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sar vinkolanti bħala liġi primarja;

K.  billi r-regoli dwar l-amministrazzjoni tajba jippromwovu t-trasparenza u r-responsabbiltà;

L.  billi problema urġenti li l-Unjoni Ewropea qed tħabat wiċċha magħha llum hija dik tan-nuqqas ta’ fiduċja min-naħa taċ-ċittadini, nuqqas li jista’ jaffettwa l-leġittimità tagħha; billi l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tindirizza bil-ħeffa tweġibiet ċari u viżibbli liċ-ċittadini ħalli tirrispondi għall-preokkupazzjonijiet tagħhom;

M.  billi l-kodifikazzjoni tal-prinċipju ta’ servizz – jiġifieri l-prinċiju li l-amministrazzjoni għandha taħdem biex tiggwida, tgħin, taqdi u tappoġġja liċ-ċittadini, taġixxi bil-kortesija adatta u għaldaqstant tevita proċeduri ta’ piż u tul bla bżonn, biex b’hekk tiffranka ħin u sforzi sew liċ-ċittadini if ukoll lill-uffiċjali – ikun ta’ siwi biex jissodisfa l-aspettativi leġittimi taċ-ċittadini u jibbenefika sew liċ-ċittadini kif ukoll lill-amministrazzjoni f’dak li jirrigwarda servizz imtejjeb u aktar effiċjenza; billi l-għarfien tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal amministrazzjoni tajba għandu jitkattar, inkluż permezz tas-servizzi ta’ informazzjoni u n-netwerks relevanti tal-Kummissjoni;

N.  billi, fid-dawl ta r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa, ġabra ċara u vinkolanti ta’ regoli għall-amministrazzjoni tal-Unjoni tkun sinjal pożittiv fit-taqbida kontra l-korruzzjoni fl-amministrazzjonijiet pubbliċi;

O.  billi ġabra ċentrali ta’ prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba attwalment tgawdi aċċettazzjoni wiesgħa fost l-Istati Membri;

P.  billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat prinċipji proċedurali stabbiliti sewwa li japplikaw għall-proċeduri tal-Istati Membri fi kwistjonijiet komunitarji u li għandhom japplikaw a fortiori biex jiggwidaw l-amministrazzjoni tal-Unjoni;

Q.  billi Liġi Ewropea ta’ Proċedura Amministrattiva tkun ta’ siwi għall-amministrazzjoni tal-Unjoni hija u tuża l-qawwa tal-organizzazzjoni interna tagħha biex tiffaċilita u tippromwovi l-ogħla standards ta’ amministrazzjoni;

R.  billi Liġi Ewropea ta’ Proċedura Amministrattiva ssaħħaħ il-leġittimità tal-Unjoni u tqawwi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-amministrazzjoni tal-Unjoni;

S.  billi Liġi Ewropea ta’ Proċedura Amministrattiva tista’ ssaħħaħ konverġenza spontanja tal-liġi amministrattiva nazzjonali, fir-rigward tal-prinċipji ġenerali ta’ proċedura u d-drittijiet fundamentali ta’ ċittadini fil-konfront tal-amministrazzjoni, u għalhekk issaħħaħ il-proċess ta’ integrazzjoni;

T.  billi Liġi Ewropea ta’ Proċedura Amministrattiva tista’ trawwem il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aqwa prattiki bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-amministrazzjoni tal-Unjoni, biex tilħaq l-objettivi stabbiliti bl-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

U.  billi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ta lill-Unjoni bażi ġuridika adegwata għall-adozzjoni ta’ Liġi Ewropea ta’ Proċedura Amministrattiva;

V.  billi l-azzjoni leġiżlattiva mitluba f’din ir-riżoluzzjoni għandha tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati, li inter alia jikkwantifikaw il-kostijiet tal-proċeduri amministrattivi;

W.  billi l-Kummissjoni għandha tidħol f’konsultazzjoni adegwata mal-atturi relevanti kollha, u għandha b’mod partikolari tutilizza l-għarfien speċjali u espert tal-Ombudsman Ewropew, ladarba lilu jsiru l-ilmenti tal-pubbliku rigward abbużi fil-korpi u fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tissottometti, fuq il-bażi tal-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal regolament dwar Liġi Ewropea ta’ Proċedura Amministrattiva, skont ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati mniżżla fl-Anness;

2.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju ta’ sussisdjarjetà;

3.  Iqis li l-proposta mitluba m’għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja.

4.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-Ombudsman Ewropew u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.
(2) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(3) ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 331.
(4) ĠU L 267, 20.10.2000, p. 63.
(5) ĠU C 189, 5.7.2001, p. 1.
(6) http://www.statskontoret.se/upload/Publikationer/2005/200504.pdf.


ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI RIGWARD IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Rakkomandazzjoni 1 (dwar l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament li għandu jiġi adottat)

L-għan tar-regolament għandu jkun li jiggarantixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba permezz ta’ amministrazzjoni miftuħa, effiċjenti u indipendenti bbażata fuq Liġi Ewropea ta’ Proċedura Amministrattiva.

Ir-regolament għandu japplika għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni (“l-amministrazzjoni tal-Unjoni”) fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku. Il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għalhekk għandu jkun limitat għall-amministrazzjoni diretta.

Għandu jikkodifika l-prinċipji fundamentali ta’ amministrazzjoni tajba u għandu jirregola l-proċedura li għandha tiġi segwita mill-amministrazzjoni tal-Unjoni fil-ġestjoni ta’ każijiet individwali li fihom tkun parti persuna fiżika jew ġuridika, u sitwazzjonijiet oħrajn fejn individwu jkollu kuntatt dirett jew personali mal-amministrazzjoni tal-Unjoni.

Rakkomandazzjoni 2 (dwar ir-relazzjoni bejn ir-regolament u l-istrumenti settorjali)

Ir-regolament għandu jinkludi ġabra universali ta’ prinċipji u għandu jistabbilixxi proċedura applikabbli bħala regola de minimis fejn ma jkun hemm l-ebda lex specialis .

Il-garanziji mogħtija lil persuni fl-istrumenti settorjali qatt m’għandhom jipprovdu inqas protezzjoni minn dawk preskritti fir-regolament.

Rakkomandazzjoni 3 (dwar il-prinċipji ġenerali li għandhom jirregolaw l-amministrazzjoni)

Ir-regolament għandu jikkodifika l-prinċipji li ġejjin:

–  Il-prinċipju tal-legalità: l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi skont il-liġi u tapplika r-regoli u l-proċeduri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Is-setgħat amministrattivi għandhom ikunu bbażati fuq il-liġi, u l-kontenut tagħhom għandu jikkonforma mal-liġi.

Id-deċiżjonijiet li jittieħdu jew il-miżuri adottati qatt m’għandhom ikunu arbitrarji jew immexxija minn skopijiet li ma jkunux ibbażati fuq il-liġi jew imħeġġa mill-interess pubbliku.

–  Il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali: l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tevita kull diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn persuni abbażi tan-nazzjonalità, is-sess, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

Persuni li jkunu f’sitwazzjoni simili għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod. Id-differenzi fit-trattament għandhom ikunu ġustifikati biss minn karatteristiki oġġettivi tal-kwistjoni kkonċernata.

–  Il-prinċipju tal-proporzjonalità : l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw id-drittijiet u l-interessi ta’ persuni biss meta jkun neċessarju u sa fejn ikun meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex.

Meta jieħu deċiżjoni, l-uffiċjali għandhom jiżguraw bilanċ imparzjali bejn l-interessi ta’ persuni privati u l-interess ġenerali. B’mod partikolari, m’għandhomx jimponu piżijiet amministrattivi jew ekonomiċi li jkunu eċċessivi meta mqabbla mal-benefiċċju mistenni.

–  Il-prinċipju tal-imparzjalità: l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun imparzjali u indipendenti. Għandha tastjeni minn kull azzjoni arbitrarja li taffettwa l-persuni, u minn kull trattament preferenzjali għal kwalunkwe raġuni.

L-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha dejjem taġixxi fl-interess tal-Unjoni u għall-ġid tal-pubbliku. L-ebda azzjoni m’għandha tkun iggwidata minn kwalunkwe interess personali (inkluż dak finanzjarju), familjari jew nazzjonali, jew minn pressjoni politika. L-amministrazjzoni tal-Unjoni għandha tiggarantixxi bilanċ ġust bejn tipi differenti ta’ interessi taċ-ċittadini (negozji, konsumaturi u oħrajn).

–  Il-prinċipju ta’ konsistenza u aspettattivi leġittimi : l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun konsistenti fl-imġiba tagħha stess u għandha ssegwi l-prattika amministrattiva normali tagħha, li għandha tkun pubblika. Fil-każ li jkun hemm raġunijiet leġittimi biex wieħed jitbiegħed minn prattika amministrattiva normali bħal din f’każijiet individwali, għandha tingħata dikjarazzjoni valida tar-raġunijiet għal dan.

L-aspettattivi leġittimi u raġonevoli li l-persuni jista’ jkollhom fid-dawl tal-mod li bih l-amministrazzjoni tal-Unjoni tkun aġixxiet fl-imgħoddi għandhom jiġu rispettati.

–  Il-prinċipju tar-rispett tal-privatezza : l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tirrispetta l-privatezza tal-persuni skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

L-amministrazzjoni tal-Unjoni m’għandhiex tipproċessa data personali għal skopijiet mhux leġittimi jew tibgħat din id-data lil partijiet terzi mhux awtorizzati.

–  Il-prinċipju tal-ġustizzja: jeħtieġ li dan jitħares bħala prinċipju legali bażiku li huwa indispensabbli biex tinħoloq klima ta’ kunfidenza u prevedibbiltà fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u l-amministrazzjoni;

–  Il-prinċipju tat-trasparenza: l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun aperta. Għandha tiddokumenta l-proċeduri amministrattivi u żżomm rekords adegwati ta’ posta li tkun waslet jew intbagħtet, tad-dokumenti rċevuti u d-deċiżjonijiet u l-miżuri li jkunu ttieħdu. Il-kontributi kollha tal-korpi ta’ konsulenza u tal-partijiet interessati għandhom ikunu disponibbli fid-dominju pubbliku.

It-talbiet għal aċċess għal dokumenti għandhom jiġu ttrattati skont il-prinċipji ġenerali u l-limiti preskritti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

–  Il-prinċipju tal-effiċjenza u s-servizz : azzjonijiet min-naħa tal-amministrazzjoni tal-Unjoni għandhom ikunu ggvernati mill-kriterji tal-effiċjenza u tas-servizz pubbliku.

Il-membri tal-persunal għandhom javżaw lill-pubbliku dwar il-mod kif kwistjoni koperta bil-mandat tagħhom għandha tiġi segwita.

Meta jirċievu talba dwar kwistjoni li ma jkunux responsabbli għaliha, għandhom jindirizzaw lill-persuna li tkun qed tagħmel it-talba għand is-servizz kompetenti.

Rakkomandazzjoni 4 (dwar ir-regoli li jiggvernaw id-deċiżjonijiet amministrattivi)

Rakkomandazzjoni 4.1: dwar il-bidu ta’ Proċedura amministrattiva

Id-deċiżjonijiet amministrattivi jistgħu jittieħdu mill-amministrazzjoni tal-Unjoni fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq talba ta’ parti interessata.

Rakkomandazzjoni 4.2: dwar il-konferma ta’ riċevuta

It-talbiet għal deċiżjonijiet individwali għandhom jiġu rikonoxxuti bil-miktub, b’indikazzjoni tal-limitu ta’ żmien għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni. Il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni f’dak il-limitu ta’ żmien (silenzju tal-amministrazzjoni) għandhom jiġu indikati.

F’każ ta’ talba difettuża, il-konferma għandha tindika data tal-għeluq biex jissewwa d-difett jew biex jiġi ppreżentat dokument nieqes.

Rakkomandazzjoni 4.3: dwar l-imparzjalità ta’ deċiżjonijiet amministrattivi

L-ebda membru tal-persunal m’għandu jieħu sehem fid-deċiżjoni amministrattiva li fiha hu jew hi jkollu interess finanzjarju.

Kull konflitt ta’ interess għandu jiġi kkomunikat mill-membru tal-persunal ikkonċernat lis-superjur immedjat tiegħu jew tagħha, li jista’ jieħu d-deċiżjoni li jeskludi lill-membru tal-persunal ikkonċernat mill-proċedura, fil-qies taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ.

Membru interessat tal-pubbliku jista’ jitlob li uffiċjal ikun eskluż milli jieħu sehem fi kwalunkwe deċiżjoni li tkun se taffettwa l-interessi individwali ta’ dik il-persuna. It-talba għal dan l-għan għandha tkun sottomessa bil-miktub u għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. Is-superjur immedjat tal-uffiċjal għandu jieħu deċiżjoni wara li jisma’ lill-uffiċjal ikkonċernat.

Għandhom jiġu stabbiliti dati tal-għeluq adegwati għat-trattament ta’ konflitti ta’ interess.

Rakkomandazzjoni 4.4: dwar id-dritt għal smigħ

Id-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu rrispettati f’kull stadju tal-proċedura. Jekk l-amministrazzjoni tal-Unjoni tieħu deċiżjoni li tkun se taffettwa direttament id-drittijiet jew l-interessi ta’ persuni, il-persuni kkonċernati għandhom jingħataw l-opportunità li jesprimu fehmiethom bil-miktub jew bil-fomm qabel tittieħed id-deċiżjoni, jekk ikun meħtieġ, jew jekk jagħżlu li jagħmlu hekk, bl-għajnuna ta’ persuna magħżula minnhom.

Rakkomandazzjoni 4.5: dwar id-dritt li wieħed ikollu aċċess għall-fajl tiegħu

Parti interessata għandha tingħata aċċess sħiħ għall-fajl tagħha. Hija r-responsabbiltà tal-parti interessata li tiddetermina liema dokumenti mhux kunfidenzjali huma rilevanti.

Rakkomandazzjoni 4.6: dwar limiti ta’ żmien

Id-deċiżjonijiet amministrattivi għandhom jittieħdu f’limitu ta’ żmien raġonevoli u mingħajr dewmien. Il-limiti ta’ żmien għandhom jiġu stabbiliti fir-regola korrispondenti li tirregola kull proċedura speċifika. Fejn ma jkun stabbilit l-ebda limitu ta’ żmien, dan m’għandux jaqbeż it-tliet xhur mid-data tad-deċiżjoni biex tinbeda proċedura jekk tkun inbdiet ex officio jew mid-data tat-talba tal-parti interessata.

Jekk l-ebda deċiżjoni ma tkun tista’ tittieħed f’dak il-limitu ta’ żmien għal raġunijiet oġġettivi, bħalma huma l-ħtieġa li jingħata żmien għat-tiswija ta’ talba difettuża, il-kumplessità tal-kwistjonijiet imqajma, l-obbligu li tiġi sospiża proċedura sa meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ parti terza eċċ., il-persuna kkonċernata għandha tkun infurmata dwarha u d-deċiżjoni għandha tittieħed fl-iqsar żmien possibbli.

Rakkomandazzjoni 4.7: dwar l-għamla ta’ deċiżjonijiet amministrattivi

Id-deċiżjonijiet amministrattivi għandhom ikunu bil-miktub u għandhom jinkitbu b’mod ċar, sempliċi u li jinftiehem. Dawn għandhom ikunu abbozzati bil-lingwa magħżula mid-destinatarju, sakemm tkun waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Rakkomandazzjoni 4.8: dwar id-dmir li jiġu ddikjarati r-raġunijiet

Jeħtieġ li d-deċiżjonijiet amministrattivi jiddikjaraw biċ-ċar ir-raġunijiet li fuqhom ikunu msejsa. Huma għandhom jindikaw il-fatti rilevanti u l-bażi ġuridika tagħhom.

Id-deċiżjonijiet għandu jkun fihom dikjarazzjoni individwali tar-raġunijiet. Jekk dan ma jkunx possibbli minħabba l-fatt li għadd kbir ta’ persuni jkunu kkonċernati minn deċiżjonijiet simili, komunikazzjonijiet standard għandhom ikunu permessi. F’dak il-każ, madankollu, għandha tingħata dikjarazzjoni individwali tar-raġunijiet lil kull ċittadin li jitlobha b’mod espliċitu.

Rakkomandazzjoni 4.9: dwar in-notifika ta’ deċiżjonijiet amministrattivi

Id-deċiżjonijiet amministrattivi li jaffettwaw id-drittijiet u l-interessi ta’ individwi għandhom ikunu nnotifikati bil-miktub lill-persuna jew persuni kkonċernati malli jiġu adottati.

Rakkomandazzjoni 4.10: dwar l-indikazzjoni ta’ rimedji disponibbli

Id-deċiżjonijiet amministrattivi għandhom jiddikjaraw b’mod ċar – fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hekk tippreskrivi – li huwa possibbli appell, u għandha tiddeskrivi l-proċedura li għandha tiġi segwita għas-sottomissjoni ta’ appell bħal dan, kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-uffiċċju tal-persuna jew id-dipartiment li lilha/lilu għandu jitressaq l-appell u d-data tal-għeluq biex dan jitressaq.

Fejn ikun xieraq, id-deċiżjonijiet amministrattivi għandhom jirreferu għall-possibbiltà li jinbdew proċeduri ġudizzjarji u/jew li jitressaq ilment għand l-Ombudsman Ewropew.

Rakkomandazzjoni 5 (dwar ir-reviżjoni u l-korrezzjoni ta’ deċiżjonijiet proprji)

Ir-regolament għandu jinkludi l-possibbiltà li l-amministrazzjoni tal-Unjoni tikkoreġi żball klerikali, aritmetiku jew simili fi kwalunkwe waqt fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew wara talba mill-persuna kkonċernata.

Id-dispożizzjonijiet għandhom jiddaħħlu fir-rigward tar-rettifika ta’ deċiżjonijiet amministrattivi għal raġunijiet oħrajn, li jiddifferenzjaw b’mod ċar bejn il-proċedura li għandha tiġi segwita għar-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw ħażin l-interessi ta’ persuna u dawk li jkunu ta’ benefiċċju għal dik il-persuna.

Rakkomandazzjoni 6 (dwar l-għamla u l-pubbliċità li għandhom jingħataw lir-regolament)

Ir-regolament għandu jkun abbozzat b’mod ċar u konċiż, u għandu jkun jinftiehem faċilment mill-pubbliku.

Għandu jingħata tagħrif dwaru b’mod xieraq fis-siti tal-internet ta’ kull istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni.

Aġġornata l-aħħar: 28 t'Ottubru 2014Avviż legali