Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2135(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0423/2012

Testi mressqa :

A7-0423/2012

Dibattiti :

PV 14/01/2013 - 26
CRE 14/01/2013 - 26

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2013 - 9.7
CRE 15/01/2013 - 9.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0007

Testi adottati
PDF 424kWORD 32k
It-Tlieta, 15 ta' Jannar 2013 - Strasburgu
Aspetti rigward l-iżvilupp tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fuq ir-riżorsi ġenetiċi
P7_TA(2013)0007A7-0423/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2013 dwar aspetti rigward l-iżvilupp tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq ir-riżorsi ġenetiċi: l-impatt fuq it-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2012/2135(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1992 dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Nagoya tal-2010 tas-CBD dwar Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu tal-Benefiċċji li jirriżultaw mill-Użu tagħhom,

–  wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali tal-2011 dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u Agrikoltura,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta' Kooperazzjoni dwar il-Privattivi tal-2002,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-13 ta' Settembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO tal-1989 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali (Nru 169),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti, kif riveduta f'Ġinevra fid-19 ta' Marzu 1991,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tad-WTO tal-1995 dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ,

–  wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali tal-2002 dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u Agrikoltura (ITPGR) u l-qafas tad-WHO tal-2011 rigward il-vajrus tal-influwenza,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar l-objettivi strateġiċi tal-UE għall-għaxar Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), li se ssir f'Nagoya (il-Ġappun) mit-18 sad-29 ta' Ottubru 2010(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu 'L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020' (COM(2011)0244),

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet u r-rapporti tal-Kumitat Intergovernattiv WIPO dwar il-Proprjetà Intellettwali u r-Riżorsi Ġenetiċi, l-Għarfien Tradizzjonali u l-Folklor,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Laqgħa tal-Grupp ta' Esperti Tekniċi u Legali dwar Għarfien Tradizzjonali Marbut ma' Riżorsi Ġenetiċi fil-Kuntest tas-Sistema Internazzjonali dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji (UNEP/CBD/WG-ABS/8/2, 2009),

–  wara li kkunsidra l-istudju mitlub mill-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament intitolat 'Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fuq riżorsi ġenetiċi u l-ġlieda kontra l-faqar', (2011),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ramsar tal-1971 dwar l-Artijiet Mistagħdra,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0423/2012),

A.  billi 70 % tal-foqra tad-dinja jgħixu f'żoni rurali u urbani u jiddependu direttament fuq il-bijodiversità għall-għajxien u l-benessri tagħhom;

B.  billi l-għanijiet ewlenin tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) huma li jrawmu l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità u li jiġu indirizzati l-ostakoli li jimpedixxu l-użu tagħha;

C.  billi fornituri tar-riżorsi ġenetiċi u l-persuni li jkollhom għarfien tradizzjonali relatat ta' spiss jappartjenu lil pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom bijodiversità kbira;

D.  billi l-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess nazzjonali u l-qsim tal-benefiċċji (ABS), adottata bħala parti mill-proċess tas-CBD, ħarġet bħala tweġiba għall-prattiki tal-bijoprospettar u l-bijopiraterija;

E.  billi definizzjoni komuni tal-bijopiraterija hija l-prattika industrijali tal-privatizzazzjoni u tal-privattivi fuq il-bażi tal-għarfien tradizzjonali jew ir-riżorsi ġenetiċi ta' popli indiġeni, mingħajr awtorizzazzjoni jew l-għoti ta' kumpens lill-pajjiżi minn fejn ikunu ġejjin;

F.  billi s-CBD u l-Protokoll ta' Nagoya tagħha jeħtieġu li l-bijoprospetturi jiksbu “kunsens infurmat minn qabel” (PIC) minn u jilħqu “pattijiet li fuqhom ikun hemm qbil reċiproku” (MAT) ma' pajjiżi tal-oriġini jew komunitajiet lokali u indiġeni b'rabta mal-għarfien tradizzjonali assoċjat mal-riżorsi ġenetiċi, u li jaqsmu l-benefiċċji mill-bijoprospettar ma' pajjiżi u komunitajiet tal-oriġini;

G.  billi l-iskema ABS li qed tevolvi fl-ambitu tas-CDB topera b'mod kumplimentari mal-WTO u mal-Aspetti Kummerċjali tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (WTO-TRIPS),l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), l-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti (UPOV), u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO);

H.  billi l-governanza tal-ABS hija riflessa wkoll f'għadd ta' strumenti tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966;

I.  billi l-Artikolu 27(3)(b) tal-ftehim TRIPS tad-WTO jagħti d-dritt lill-gvernijiet sabiex jeskludu mill-privattivabbiltà l-pjanti, l-annimali u l-proċessi 'essenzjalment' bijoloġiċi, filwaqt li l-mikrorganiżmi u l-proċessi mhux bijoloġiċi u mikrobijoloġiċi huma eliġibbli għall-privattivi;

J.  billi l-bijodiversità tipprovdi firxa kbira ta' servizzi tal-ekosistema, bħall-ilma lokali, il-provvista tal-ikel, il-materjali li jsostnu l-għajxien u r-regolamentazzjoni tal-ilma; u billi d-degrad ambjentali joħloq sfidi ġodda għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli ta' firxa wiesgħa ta' speċijiet u riżorsi ġenetiċi bħala bażi għas-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp agrikolu sostenibbli;

K.  billi t-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-pjanti għall-Ikel u Agrikoltura (ITPGR), li kien ġie nnegozjat fi ħdan l-ambitu tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), jimmira lejn il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura u l-qsim ġust u ugwali tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom, f'armonija mas-CBD;

L.  billi l-membri tal-OECD jiddependu ħafna mir-riżorsi ġenetiċi li ġejjin minn barra speċjalment għall-għelejjel, b'hekk il-kooperazzjoni internazzjonali fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tkun essenzjali;

M.  billi l-istimi jindikaw li tliet kwarti tal-popolazzjoni tad-dinja tiddependi minn mediċini tradizzjonali naturali u li madwar nofs id-drogi sintetiċi għandhom oriġini naturali;

N.  billi diversi konvenzjonijiet u ftehimiet internazzjonali, inkluż il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), it-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-pjanti għall-Ikel u Agrikoltura (ITPGR), id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (DRIPS), il-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli, jindirizzaw is-suġġett ta' għarfien tradizzjonali;

O.  billi l-Artikolu 8(j) tas-CBD jimpenja lill-partijiet biex jirrispettaw, jippreservaw u jżommu l-għarfien tradizzjonali u li “jinkoraġġixxu l-qsim ġust tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu” ta' tali għarfien;

P.  billi d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2007 dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tikkonferma d-dritt li jinżamm, jiġi kkontrollat, imħares u żviluppat l-għarfien tradizzjonali tagħhom;

Q.  billi fl-2009, l-Assemblea Ġenerali tal-WIPO tat istruzzjonijiet lill-Kumitat Intergovernattiv tagħha (KIG) sabiex jiġi żviluppat strument internazzjonali għall-protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi, tal-għarfien tradizzjonali u tal-espressjonijiet kulturali tradizzjonali;

I.Diversità ġenetika u MDGs

1.  Ifakkar ir-rabta diretta bejn il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-kisba tal-MDGs, b'mod partikolari MDG 1 li tiffoka fuq l-eradikazzjoni tal-faqar u l-ġuħ estrem; jenfasizza l-importanza ta' bijodiversità u ekosistemi b'saħħithom għall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd f'perspettiva ta' żvilupp sostenibbli;

2.  Jenfasizza li s-CBD hija tassew differenti minn trattati ambjentali internazzjonali oħra fis-sens li tagħti rwol espliċitu u prominenti lill-kwistjonijiet tal-ġustizzja u l-ekwità fil-konservazzjoni u l-użu tal-bijodiversità.

3.  Jenfasizza l-fatt li, għalkemm m'hemmx definizzjoni aċċettata b'mod ġenerali tat-terminu 'bijopiraterija', dan jista' jirreferi għall-misappropprjazzjoni u/jew l-ibbenefikar kummerċjali illeċitu mill-użu ta' għarfien tradizzjonali u ta' riżorsi ġenetiċi, u jenfasizza li għandu jsir aktar xogħol sabiex tiġi ċċarata u kkonsolidata t-terminoliġija ġuridika, b'mod partikolari bil-ħsieb ta' definizzjoni tat-terminu “bijopiraterija”, abbażi ta' figuri awtorevoli;

4.  Jenfasizza l-isfidi li jirriżultaw mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (DPI) fuq ir-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw f'termini ta' aċċess għall-mediċina, il-produzzjoni ta' drogi ġenetiċi u l-aċċess tal-bdiewa għaż-żerriegħa; jenfasizza, kif mistħoqq, li l-politika kummerċjali tal-UE relatata mad-DPI trid tkun konsistenti mal-objettiv tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp kif imħaddan fit-Trattat tal-UE;

5.  Ifakkar li s-CBD u l-Protokoll ta' Nagoya jikkostitwixxu l-qafas prinċipali għall-governanza tal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji (ABS); jinnota li l-governanza relatata mad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, ir-riżorsi ġenetiċi u t-tnaqqis tal-faqar jikkonċernaw ukoll lid-WTO, il-FAO, id-WHO u d-WIPO, u b'hekk jinħolqu sfidi biex jiġi żgurat approċċ koerenti fl-appoġġ tagħhom għas-sistema tas-CBD; jinsisti li dawn l-istituzzjonijiet internazzjonali għandhom jappoġġaw u mhux imorru kontra r-reġim CDB;

6.  Itenni r-rispett tiegħu lejn ir-riżultati miksuba fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-popolazzjonijiet indiġeni għar-riżorsi ġenetiċi u ta' tip ieħor tagħhom u għall-għarfien tradizzjonali assoċjat, stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, fil-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO, fl-Artikolu 8(j) tas-CBD u fil-Protokoll ta' Nagoya. jesprimi it-tħassib tiegħu għall-erożjoni ġenetika li qed isseħħ bħala konsegwenza tal-predominanza kważi esklużiva, fuq is-suq, taż-żrieragħ tal-produzzjoni industrijali, jiġifieri ż-żrieragħ protetti minn drittijiet tal-proprjetà intellettwali, askapitu tal-varjetajiet tradizzjonali taż-żrieragħ;

Agrikoltura u saħħa

7.  Ifakkar fil-ħtieġa għal firxa wiesgħa ta' Riżorsi Ġenetiċi għall-Ikel u l-Agrikoltura (GRFA) biex tiġi żgurata provvista aħjar tas-servizz tal-ekosistema; jenfasizza li l-użu tal-GRFA huwa kruċjali għas-sigurtà alimentari, is-sostenibbiltà agrikola u ambjentali u biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

8.  Jenfasizza l-fatt li l-kisba tal-MDG 1 tiddependi fost l-oħrajn minn kif niġġestixxu l-ekosistemi agrikoli; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li filwaqt li t-tnaqqis tal-impatt negattiv li l-agrikoltura jista' jkollha fuq l-ambjent jirrikjedi firxa wiesgħa ta' diversità ġenetika tal-għelejjel biex ikun żgurat provvista aħjar tas-servizz tal-ekosistema, id-diversità tal-għelejjel tippermetti bdiewa speċifikament foqra u żgħar li jiddiversifikaw id-dieti u l-introjti tagħhom; jenfasizza b'mod ugwali li d-diversità ġenetika tal-għelejjel tikkonferixxi reżistenza fit-tibdil tal-klima;

9.  Ifakkar li l-varjetajiet selvaġġi ta' pjanti kkultivati li huma importanti għas-sigurtà alimentari tal-Istati Membri tal-UE jinstabu l-aktar f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lill-UE, fi ħdan il-kompetenza tal-Konvenzjoni tal-UPOV, tastjeni milli tappoġġa l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni li tista' toħloq ostakoli għad-dipendenza tal-bdiewa minn żerriegħa maħsuda, minħabba li din tikser id-dritt għall-ikel f'pajjiżi li qed jiżviluppaw.

10.  Ifakkar li l-“eċċezzjoni tal-bdiewa”, skont il-Konvenzjoni tal-UPOV, hija partikolarment importanti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw peress li tippermetti lill-bdiewa li jżommu żrieragħ minn varjetajiet ġodda u jerġgħu jiżirgħuhom għall-iskopijiet tal-ikel tas-soltu (u għalhekk tiżdied is-sikurezza tal-ikel); jiddispjaċih madankollu li, filwaqt li huwa fl-interess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jżommu u jestendu l-eżenzjonijiet mid-drittijiet ta' min ikabbar il-pjanti, id-drittijiet tal-bdiewa ddgħajfu f'riformi konsekuttivi tal-Konvenzjoni tal-UPOV;

11.  Jinnota li l-FAO qed tieħu rwol minn ta' quddiem fl-iżvilupp ta' skemi speċjalizzati tal-ABS rilevanti għall-ikel u l-agrikoltura; jistieden lill-UE tappoġġa t-talbiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tiżgura appoġġ tal-baġit (BS) xieraq fi kwalunkwe mekkaniżmu/strument settorjali ġdid skont il-FAO, kif ukoll biex tiżgura konsistenza u titjib fis-sinerġija mas-CDB u l-Protokoll ta' Nagoya tagħha;

12.  Ifakkar li r-riżorsi ġenetiċi, fost l-oħrajn fil-forma ta' mediċina tal-ħxejjex, jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għar-riċerka u l-iżvilupp farmaċewtiċi u l-aċċess għall-mediċina; itenni li d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ma għandhomx ifixklu l-aċċess għal mediċini bi prezzijiet aċċessibbli, speċjalment meta dawn id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jkunu jiddependu fuq riżorsi ġenetiċi li joriġinaw minn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

13.  Jistieden lill-UE tastjeni milli tisforza pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod speċjali LDCs, permezz ta' ftehimiet bilaterali biex jaċċettaw standards ta' proprjetà intellettwali estensivi rigward, pereżempju żrieragħ u mediċini, bi qbil mal-Politika tal-UE għall-Koerenza u l-Iżvilupp (PCD);

14.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-bijopiraterija tinvolvi li l-implimentazzzjoni u l-aġġornament tal-arranġamenti eżistenti għall-aċċess multilaterali u l-qsim tal-benefiċċji fl-oqsma tal-agrikoltura u s-saħħa, bħat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-pjanti għall-Ikel u Agrikoltura (ITPGR), pereżempju billi jiġu kkunsidrati modi ġodda biex jiżdiedu r-riżorsi għall-Fond għall-Qsim tal-Benefiċċji, jew il-Laqgħa Intergovernattiva tal-WHO dwar it-Tħejjija għall-Influwenza Pandemika;

15.  Huwa tal-fehma li l-ftehimiet futuri bilaterali u multilaterali għall-armonizzazzjoni, u b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-ambitu tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-privattivi, se jeħtieġu skrutinju bir-reqqa minn perspettiva ta' żvilupp, bl-għan li tinkiseb ekwità globali għas-saħħa pubblika fl-ispirtu tal-implimentazzjoni tal-Paragrafu 6 tad-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS, billi jiġi salvagwardjat l-għarfien u, b'rabta mad-drittijiet ta' min irabbi l-pjanti, billi jiġi żgurat aċċess għaż-żerriegħa;

II.  Drittijiet tal-komunitajiet indiġeni u lokali għall-għarfien tradizzjonali

16.  Jinnota li l-għarfien tradizzjonali jindika l-għarfien li jkollhom komunitajiet speċifiċi indiġeni u lokali u li huwa maqsum fost ħafna segmenti tas-soċjetà ta' reġjun jew pajjiż partikolari; jirrimarka li l-għarfien tradizzjonali jinkludi “valuri intanġibbli” u li ż-żamma tal-patrimonju kulturali fil-fatt hija ta' importanza primarja fl-espressjonijiet kollha tiegħu, inklużi l-valuri soċjali, reliġjużi, kulturali u ta' pajsaġġ;

17.  Jindika li tliet kwarti tal-popolazzjoni dinjija tiddependi minn mediċina tradizzjonali naturali derivata mill-pjanti; jemmen għalhekk li l-bijopiraterija tfisser li hemm każ qawwi għall-protezzjoni ta' għarfien tradizzjonali, b'mod partikolari meta tiġi assoċjata ma' riżorsi ġenetiċi ta' valur ekonomiku għall-industrija;

18.  Jenfasizza l-periklu li l-għarfien tradizzjonali jiġi vvalutat mil-lat merkantili biss; jindika li qafas eżistenti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ma jidħolx fi grupp eteroġenju bħal tal-persuni li jkunu jippossjedu għarfien tradizzjonali; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema internazzjonali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali sui generis li tippreserva d-diversità tal-interess ta' komunitajiet lokali u tirrifletti d-dritt konswetudinarju eċċ.;

19.  Jinnota bi tħassib li d-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw id-detenturi tal-għarfien tradizzjonali jinkludu l-monitoraġġ u l-infurzar, jiġifieri jitgħallmu li seħħ xi ksur u jiksbu rimedji fil-ħin; jiddispjaċih f'dan il-kuntest li l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi mhu kopert mill-ebda miżura ta' monitoraġġ tal-Protokoll ta' Nagoya, peress li ma hemm l-ebda obbligu li tiġi żvelata l-informazzjoni tal-“punt ta' kontroll” dwar l-għarfien tradizzjonali użat, filwaqt li ċ-ċertifikat ta' konformità rikonoxxut internazzjonalment ma jkoprix l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi, u dan jillimita l-possibbiltajiet tat-traċċar tal-bijopiraterija b'rabta ma' dan l-għarfien tradizzjonali; huwa tal-fehma li l-UE għandha tagħti lill-għarfien tradizzjonali mill-inqas l-istess livell ta' protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi meta timplimenta l-Protokoll ta' Nagoya;

20.  Jenfasizza li r-regolamenti mfassla għall-protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat tagħhom għandhom ikunu konformi mal-impenji internazzjonali dwar il-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-popli indiġeni kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU tal-2007 dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u l-Konvenzjoni tal-ILO tal-1989 dwar Popli Indiġeni u Tribali (Nru 169);

21.  Jirrikonoxxi r-rwol potenzjali tas-sistema tal-proprjetà intellettwali u tal-privattivi fil-promozzjoni tal-innovazzjoni, tat-trasferiment u tat-tixrid tat-teknoloġiji għall-vantaġġ reċiproku tal-partijiet interessati, tal-fornituri, tad-detenturi u tal-utenti tar-riżorsi ġenetiċi, tad-derivati tagħhom u tal-għarfien tradizzjonali assoċjat b'mod li jiffavorixxi l-benesseri soċjali u l-iżvilupp, filwaqt li jiġi enfasizzat il-bżonn ta' prevenzjoni tal-effetti negattivi tas-sistema tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u tal-privattivi fuq l-applikazzjoni min-naħa tal-popolazzjonijiet indiġeni u tal-komunitajiet lokali tal-għarfien tradizzjonali, tal-liġijiet, il-prassi u s-sistemi ta' għarfien tagħhom u fuq il-kapaċità tagħhom li jużaw, jiżviluppaw, joħolqu u jipproteġu l-għarfien tagħhom fil-qasam tar-riżorsi ġenetiċi; jindika li, f'ċerti ċirkostanzi, il-popolazzjonijiet indiġeni jew il-komunitajiet lokali jistgħu jqisu l-kuntratti bejn il-partijiet bħala soluzzjoni fattibbli għall-finijiet tal-kondiviżjoni tal-benefiċċji u tal-ħarsien tal-interessi tagħhom filwaqt li jitħares l-ambjent u tiġi evitata ħsara soċjali u ekonomika, eż. permezz ta' klawsoli ta' salvagwardja;

III.  L-indirizzar tal-bijopiraterija – it-triq lejn il-progress

22.  Jindika li l-bijopiraterija tista' tiġi attribwita għan-nuqqas ta' regolamenti nazzjonali u mekkaniżmi ta' infurzar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u n-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' konformità f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li jiżgura li r-riżorsi ġenetiċi ġew akkwistati skont il-PIC u l-MAT f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali ABS tal-pajjiżi fornituri; jilqa', f'dan il-kuntest, l-abbozz ta' regolament sottomess mill-Kummissjoni li l-għan tiegħu huwa li jkun implimentat il-Protokoll ta' Nagoya dwar Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim tal-Benefiċċji; jinsisti b'mod ugwali fuq l-importanza li jkunu pprovduti mekkaniżmi ta' rikors effettivi f'każ ta' tilwim u aċċess għall-ġustizzja;

23.  Ifakkar li implimentazzjoni effikaċi tal-Protokoll tiddependi minn azzjonijiet li jridu jittieħdu kemm f'pajjiżi żviluppati u kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw; jinnota li l-elaborazzjoni tal-leġiżlazzjoni ABS fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija kundizzjoni minn qabel għall-obbligu tal-pajjiżi utenti biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-PIC; jinnota madankollu li din it-talba toħloq sfida reali għalihom peress li teħtieġ bini tal-kapaċità ġuridika u istituzzjonali sostanzjali;

24.  Jenfasizza li l-obbjettivi tas-CBD se jinkisbu biss jekk ikun hemm qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappellaw għal ratifika mgħaġġla tal-Protokoll ta' Nagoya sabiex tkun tista' tiġi miġġielda l-bijopiraterija u titjieb il-ġustizzja u l-ekwità fl-iskambju ta' riżorsi ġenetiċi; jenfasizza r-rwol tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE fl-għoti ta' għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-bini tal-kapaċità legali u istituzzjonali fuq kwistjonijiet tal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji; jemmen li għandu jingħata appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-bini ta' bażijiet tad-data tal-għarfien tradizzjonali u fil-fehim tas-sistemi ta' applikazzjoni tal-privattivi;

25.  Itenni li, fuq l-isfond tar-riżoluzzjoni tal-10 ta' Mejju 2012 tiegħu dwar il-privattivi tal-proċessi bijoloġiċi essenzjali(3), il-protezzjoni eċċessivament wiesgħa bil-privattivi fil-qasam tat-trobbija tista' tostakola l-innovazzjoni u l-progress, għad-detriment tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju li jrabbu, billi tibblokka l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi;

Titjib tar-rekwiżiti tal-bażi tad-data u tal-iżvelar relatati mar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali

26.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-proposta magħmula minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għal regolament li jorbot li jkun jirrikjedi li l-applikanti għal privattivi biex (a) jiżvelaw is-sors u l-oriġini tar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat (ATK) użati f'invenzjonijiet, (b) jipprovdu provi ta' PIC minn awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż fornitur u (c) jipprovdu provi ta' qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji, li għandu jiġi ċċertifikat f'ċertifikat internazzjonali tal-oriġini;

27.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' statistiki ċari dwar il-bijopiraterija u l-miżapproprjazzjoni, u jistieden li jkun hemm aktar riċerka mill-UE u l-iżvelar ta' informazzjoni f'dan il-qasam sabiex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' data aħjar dwar in-numru u l-kontenut ta' kuntratti ABS; jikkunsidra li din tista' tiġi miġbura bit-twaqqif ta' sistema ta' notifika u bażi tad-data permezz taċ-Ċentru ta' Skambju ta' Tagħrif CBD;

28.  Jemmen li strument li jorbot huwa l-iktar mod sikur kif il-miżuri relatati mal-bijodiversità fis-sistema tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jiġu implimentati minn pajjiżi utenti; iħeġġeġ biex jittieħdu passi sabiex l-għoti ta' privattivi jkun dipendenti fuq konformità ma' rekwiżit obbligatorju li jiġi żvelat l-oriġini ta' kwalunkwe riżorsa ġenetika/għarfien tradizzjonali f'applikazzjonijiet għal privattivi; jenfasizza li dan l-iżvelar għandu jinkludi prova li r-riżorsa ġenetika/għarfien tradizzjonali inkwistjoni jkunu ġew akkwistati skont ir-regoli applikabbli (jiġifieri kunsens infurmat minn qabel u pattijiet li fuqhom ikun hemm qbil reċiproku);

29.  Jenfasizza li strument internazzjonali li jinkludi rekwiżiti ta' żvelar u bażijiet tad-data għall-protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi mhux sostitut għall-aċċess effiakċi u l-mekkaniżmu tal-qsim tal-benefiċċji fil-livell nazzjonali;

30.  Huwa tal-fehma li n-notifika diretta minn utenti tal-kumpaniji li jużaw riżorsi ġenetiċi jew għarfien tradizzjonali assoċjat, l-utilizzazzjoni ta' ċertifikati ta' konformità u l-istudju ta' għażliet ta' litigazzjoni fi ħdan u barra l-ġurisdizzjoni nazzjonali, jistgħu wkoll jikkontribwixxu wkoll b'mod effikaċi biex jitrażżnu l-każijiet potenzjali ta' bijopiraterija;

31.  Iqis li sistema ċara u koerenti tad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' għarfien u t-tixrid tiegħu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għall-benefiċċju tal-imprenditorija lokali, ir-riċerka, l-edukazzjoni u t-taffija tal-faqar;

Ħidma għal sistema ta' governanza globali koerenti

32.  Jinsisti li l-ftehim TRIPS tad-WTO għandu jkun kompatibbli mas-CBD-il-Protokoll ta' Nagoya, u għalhekk iqis bħala kruċjali li jiġu stabbiliti rekwiżiti obbligatorji fuq l-iżvelar tal-oriġini ta' riżorsi ġenetiċi matul proċeduri ta' privattivi, u b'hekk ikun possibbli li jiġi kkontrollat jekk dawn kinux akkwistati legalment skont il-PIC u l-MAT;

33.  Jenfasizza li dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu introdotti permezz ta' emenda tal-Ftehim WTO-TRIPS jew fl-ambitu tad-WIPO, fil-kuntest tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar it-twaqqif ta' strument(i) ġuridiku/ċi internazzjonali ġdid/ġodda għall-protezzjoni effikaċi ta' riżorsi ġenetiċi, għarfien tradizzjonali u espressjonijiet kulturali tradizzjonali; jitlob li l-UE b'mod partikolari biex tappoġġa, f'konformità mal-PCD, it-talba tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jkun emendat il-Ftehim WTO-TRIPS billi jiddaħħal Artikolu 29a (ġdid) dwar l-Iżvelar tal-Oriġini ta' Riżorsi Ġenetiċi u/jew ta' Għarfien Tradizzjonali Assoċjat skont il-Protokoll ta' Nagoya; jilqa', bħala l-ewwel pass, il-fatt li l-proposta tal-UE għal regolament dwar l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi u l-qsim tal-benefiċċji tipprevedi rekwiżit obbligatorju ta' żvelar tal-oriġini ta' kwalunkwe riżorsa ġenetika u ta' għarfien tradizzjonali assoċjat;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lin-negozjaturi tagħha fi ħdan il-KIG tad-WIPO u fir-rieżami tat-TRIPS biex jikkunsidraw bħala l-punt ta' tluq tagħhom il-Protokoll ta' Nagoya u biex, waqt in-negozjati, jikkonċentraw fuq l-armonizzazzjoni tal-qafas ġuridiku tas-CBD(4) u l-Protokoll ta' Nagoya tagħha, u d-WIPO, it-TRIPS, l-ITPGRFA(5) u l-Konvenzjoni UPOV(6), kif ukoll il-UNCLOS(7) fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marittimi; jinnota li l-Ftehim TRIPS jeskludi b'mod tranżitorju lill-pajjiżi l-anqas żviluppati(8); jisħaq fuq il-fatt li dan l-approċċ irid jiġi ppreservat fir-rigward ta' kwalunkwe reviżjoni li tista' tirriżulta mill-proċess tas-CBD-Nagoya;

35.  Jilqa' pożittivament l-inizjattivi biex tingħata għażla alternattiva lill-korpi strettament kummerċjali, pereżempju l-Faċilità Dinjija għall-Informazzjoni dwar il-Bijodiversità (GBIF) li tippromwovi l-aċċess liberu u miftuħ għad-data dwar il-bijodiversità permezz tal-kooperazzjoni globali bejn id-diversi gvernijiet, organizzazzjonijiet u partijiet interessati internazzjonali oħra;

36.  Jinnota l-ħidma tal-Kumitat Intergovernattiv dwar il-Proprjetà Intellettwali u r-Riżorsi Ġenetiċi tal-WIPO (Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali), u jħeġġeġ it-teħid ta' miżuri simili u l-użu ta' definizzjonijiet konsistenti fil-livell tal-UE;

o
o   o

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 213, 30.7.1998, p. 13.
(2) ĠU C 371E, 20.12.2011, p. 14.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0202.
(4) Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.
(5) Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura.
(6) Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti.
(7) Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar.
(8) Artikolu 66(1), TRIPS; Deċiżjoni tal-Kunsill għall-Ftehim TRIPS tad-29 ta' Novembru 2005.

Avviż legali - Politika tal-privatezza