Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2060(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0162/2013

Testi mressqa :

A7-0162/2013

Dibattiti :

PV 21/05/2013 - 5
CRE 21/05/2013 - 5

Votazzjonijiet :

PV 21/05/2013 - 6.15
CRE 21/05/2013 - 6.15

Testi adottati :

P7_TA(2013)0205

Testi adottati
PDF 380kWORD 136k
It-Tlieta, 21 ta' Mejju 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-ġlieda kontra l-Frodi Fiskali, l-Evażjoni Fiskali u r-Rifuġji Fiskali
P7_TA(2013)0205A7-0162/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-Ġlieda kontra l-Frodi tat-Taxxa, l-Evażjoni tat-Taxxa u r-Rifuġji Fiskali (2013/2060(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (COM(2012)0722),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva (C(2012)8806),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa (C(2012)8805),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2012 dwar mezzi konkreti li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa inkluż f'dak li jirrigwarda lil pajjiżi terzi (COM(2012)0351),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2012 dwar l-Istħarriġ Annwali ta’ Tkabbir 2013 (COM(2012)0750),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2013 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu (2013/0025(COD)),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) ta’ Frar 2012 dwar standards internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-proliferazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-19 ta' April 2012 dwar l-appell għal modi konkreti biex jiġu miġġielda l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali(1) ,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-10 ta' Frar 2012 ta' Richard Murphy FCA intitolat “Closing the European Tax Gap”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 1997 dwar kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi u r-rapport tal-Grupp tal-Kodiċi ta’ Kondotta għat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi lill-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-OECD intitolat “Addressing Base Erosion and Profit Shifting” (2013),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-ECOFIN u r-Rapport tal-ECOFIN lill-Kunsill Ewropew dwar kwistjonijiet ta’ taxxa tat-22 ta’ Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar kooperazzjoni ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa(2) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-19 ta’ April 2012 dwar proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar BKKTK(3) ,

–  wara li kkunsidra l-Communiqué wara l-Laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 li seħħet f’Moska fil-15 u s-16 ta’ Frar 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2010 dwar il-promozzjoni ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali(4) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0162/2013),

A.  billi kull sena fl-UE jintilef l-ammont stmat u skandaluż ta' EUR 1 triljun fi dħul ta' taxxa potenzjali minħabba l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, li jirrappreżenta spiża ta' madwar EUR 2000 fis-sena għal kull ċittadin Ewropew, mingħajr ma jittieħdu miżuri xierqa bħala rispons(5) ;

B.  billi dan it-telf jirrappreżenta: periklu għas-salvagwardja ta' ekonomija tas-suq soċjali tal-UE bbażata fuq servizzi pubbliċi ta’ kwalità; theddida għall-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku; rigress fl-effiċjenza u s-sens ta' ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa fl-UE; u riskju għat-trasformazzjoni ekoloġika tal-ekonomija; billi jipproduċi u jiffaċilita aktar profitti żejda li jkunu detrimentali għas-soċjetà li jwasslu għal inugwaljanza, li jżidu n-nuqqas ta’ fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi u li jikkultivaw ambjent ta’ defiċit demokratiku;

C.  billi parti importanti mis-sostenibilità fiskali hija l-iżgurar tal-bażi tad-dħul tagħna;

D.  billi l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa huma attività illegali ta’ evażjoni tat-taxxa dovuta filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-evitar tat-taxxa huwa l-użu legali iżda dubjuż tar-reġim tat-taxxa biex titnaqqas jew tiġi evitata t-taxxa dovuta, u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva tikkonsisti f’li wieħed jieħu vantaġġ mit-teknikalitajiet ta’ sistema fiskali jew mid-diskrepanzi bejn żewġ sistemi fiskali jew aktar bl-iskop ta’ tnaqqis fit-taxxa dovuta;

E.  billi l-prattiki tal-evitar tat-taxxa, faċilitati mid-dematerjalizzazzjoni tal-ekonomija li dejjem tiżdied, iwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni dannużi għall-intrapriżi u t-tkabbir Ewropew;

F.  billi l-iskala tal-frodi tat-taxxa u tal-evitar tat-taxxa tnaqqas il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fil-ġustizzja u l-leġittimità tal-ġbir tat-taxxa u s-sistema tat-taxxa kollha kemm hi;

G.  billi n-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-politiki tat-taxxa fl-UE jwassal għal spiża u piż amministrattiv sinifikanti għaċ-ċittadini u n-negozji li joperaw transkonfinalment fl-UE, u dan jista’ jirriżulta f’nontassazzjoni mhux intenzjonata jew iwassal għal frodi tat-taxxa u evitar tat-taxxa;

H.  billi l-persistenza ta' tgħawwiġ ikkawżat minn prattiki fiskali mhux trasparenti jew li huma ta' ħsara min-naħa ta' ġurisdizzjonijiet li jagħmluha ta' rifuġji fiskali tista' twassal għal flussi artifiċjali u effetti negattivi fi ħdan is-suq intern tal-UE; billi kompetizzjoni fiskali ta’ ħsara fl-UE tmur b’mod ċar kontra l-loġika ta’ suq uniku; billi hemm bżonn ta' aktar sforzi sabiex il-bażijiet tat-taxxa jiġu armonizzati f’Unjoni ekonomika, fiskali u baġitarja li tkun dejjem eqreb;

I.  billi pajjiżi li jgawdu minn programmi ta’ assistenza – wara li intensifikaw il-ġbir tat-taxxi u eliminaw il-privileġġi skont il-proposti tat-Trojka – fl-aħħar snin raw ħafna mill-kumpaniji l-kbar tagħhom jitilqu biex igawdu privileġġi fiskali offruti minn pajjiżi oħra;

J.  billi fil-prattika dan għadda l-piż tat-taxxi għal fuq ħaddiema u familji bi dħul baxx u sforza l-gvernijiet biex jagħmlu tnaqqis fis-servizzi pubbliċi li huwa ta’ ħsara għalihom;

K.  billi t-tnaqqis fl-impjiegi fil-parti l-kbira tal-awtoritajiet fiskali nazzjonali tal-Istati Membri permezz ta’ miżuri ta’ awsterità matul dawn l-aħħar snin ipperikola bil-kbir l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni;

L.  billi l-użu ta' prattiki ta' evitar tat-taxxa minn impriżi multinazzjonali jmur kontra l-prinċipju ta’ kompetizzjoni ġusta u responsabilità korporattiva;

M.  billi r-rispons ta’ wħud mill-kontribwenti għall-passi li ttieħdu mill-Istati Membru bħala rimedju għan-nuqqas ta’ trasparenza kien li huma jgħaddu t-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħhom minn ġurisdizzjoni oħra li għandha livell anqas ta’ trasparenza;

N.  billi l-miżuri nazzjonali unilaterali rriżultaw f'ħafna każijiet mhux effettivi, mhux suffiċjenti u f’ċerti każijiet ukoll ta’ detriment għall-kawża, u dan jeħtieġ approċċ ikkoordinat u fuq diversi binarji fil-livelli nazzjonali, tal-UE u internazzjonali; billi l-ġlieda effettiva kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva tirrikjedi kooperazzjoni rinfurzata b'mod b'saħħtu bejn l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ Stati Membri differenti kif ukoll kooperazzjoni rinfurzata tal-awtoritajiet tat-taxxa ma’ awtoritajiet oħra li jinfurzaw il-liġi fi Stat Membru partikolari;

O.  billi, kif iddikjarat mill-OECD fir-rapport tagħha "Kif Nindirizzaw l-Erożjoni ta’ Bażi u Ċaqliq tal-Profitt", il-kwistjoni ta’ politika fundamentali li għandha tkun trattata hija l-fatt li l-prinċipji komuni internazzjonali li joħorġu minn esperjenzi nazzjonali sabiex jaqsmu ġurisdizzjoni fiskali ma żammewx il-pass mal-ambjent tan-negozju li qed jinbidel; billi huwa meħtieġ rwol aktar attiv mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-arena internazzjonali sabiex jaħdmu għat-twaqqif ta’ standards internazzjonali bbażati fuq prinċipji ta’ trasparenza, skambju ta’ informazzjoni u t-tneħħija ta’ miżuri fiskali ta’ ħsara;

P.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma għandhomx is-saħħa ta’ negozjar sabiex iġiegħlu lir-rifuġji fiskali sabiex jikkooperaw, jiskambjaw l-informazzjoni u jsiru trasparenti;

Q.  billi l-ġurnalisti investigattivi, is-settur mhux governattiv u l-komunità akkademika kienu strumentali biex jikxfu każijiet ta’ frodi tat-taxxa, evitar tat-taxxa u rifuġji fiskali u biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar dan;

R.  billi mat-tisħiħ tal-mezzi biex jinstabu l-frodi tat-taxxa għandha tissaħħaħ ukoll il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-għajnuna għall-irkuprar tat-taxxi, l-ugwaljanza fit-trattament tat-taxxa u l-prattikabiltà għan-negozji;

S.  billi l-Ministri tal-Finanzi Ewropej li ltaqgħu matul il-laqgħa ta’ G20 f’Moska, fi Frar 2013, ħalfu li jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jitrattaw l-evitar tat-taxxa u kkonfermaw li l-miżuri nazzjonali biss mhumiex ser jagħtu l-effetti mixtieqa;

T.  billi l-ipprezzar ta’ trasferimenti li jirriżulta fl-evitar tat-taxxa jaffettwa negattivament il-baġits tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi ġie sfurzat fuqhom telf stmat ta’ madwar EUR 125 biljun fi dħul fiskali annwalment, kważi darbtejn l-ammont li jirċievu bħala assistenza internazzjonali;

U.  billi s-setgħa li jilleġiżlaw dwar it-tassazzjoni tinsab bħalissa fi ħdan l-Istati Membri;

1.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li jħeġġu lill-Istati Membri jieħdu azzjoni immedjata u kkoordinata kontra r-rifuġji fiskali u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

2.  Jilqa’ d-determinazzjoni espressa mill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 sabiex jindirizzaw l-erożjoni ta’ bażi u ċ-ċaqliq tal-profitti;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jonoraw l-impenn tagħhom, iħaddnu l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni, jimplimentaw bis-sħiħ iż-żewġ rakkomandazzjonijiet; jinsisti li l-Istati Membri jidħlu f'negozjati serji, jiffinalizzaw il-proċeduri għall-proposti leġiżlattivi pendenti kollha u japplikaw miżuri fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ frodi tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa, evitar tat-taxxa, pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u rifuġji fiskali fit-territorji dipendenti tagħhom;

4.  Jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri għadu ma rnexxilhomx jilħqu ftehim dwar proposti leġiżlattivi ewlenin bħall-proposta tal-2008 sabiex tkun emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ mgħax jew il-Proposta tal-2011 għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni tat-Taxxa Korporattiva;

5.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ progress sostanzjali li sar s’issa fil-qasam tat-tassazzjoni fil-qafas tal-impenji tal-Patt Euro Plus;

6.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilità “Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa”; jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni taż-żewġ rakkomandazzjonijiet fl-Istati Membri kollha, u tikkonsulta u tinvolvi wkoll fil-ħidmiet tal-Pjattaforma lill-persunal tat-taxxa nazzjonali, is-sħab soċjali u t-trejdjunjins; jistieden lill-Kummissjoni biex kull sena tressaq quddiem il-Kunsill u l-Parlament rapport dwar ix-xogħol u l-kisbiet tal-Pjattaforma;

7.  Iqis li l-iskop u l-kobor tal-problema, u l-urġenza tal-azzjonijiet meħtieġa huma enfasizzati mill-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji offshore sigrieti ppubblikati f'April 2013 mill-Konsorzju Internazzjonali tal-ġurnaliżmu investigattiv; għal darba oħra, minħabba dan, jitlob għal impenn Ewropew u internazzjonali msaħħaħ għat-trasparenza li għandu jirriżulta fi ftehim multilaterali, vinkolanti, internazzjonali dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni għal kwistjonijiet ta' taxxa;

Ir-rwol tal-UE fix-xena internazzjonali

8.  Jenfasizza li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fid-diskussjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u r-rifuġji fiskali fl-OECD, il-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju tal-Informazzjoni għar-Raġunijiet ta’ Taxxa, il-G20, il-G8 u fora multinazzjonali relevanti oħrajn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b’mod konsistenti jenfasizzaw, fix-xena internazzjonali, l-importanza ewlenija ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u r-rifuġji fiskali; jenfasizza li l-UE għandha, fejn ikun xieraq, tikkonvinċi lil pajjiżi mhux tal-UE biex jibnu u jtejbu l-effikaċja tas-sistemi tal-ġbir tat-taxxa rispettivi tagħhom billi jadottaw il-prinċipji tat-trasparenza, tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni u tal-eliminazzjoni ta’ miżuri fiskali ta’ ħsara, u biex tgħinhom ħalli jagħmlu dan; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jaġġornaw l-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

9.  Jikkunsidra li huwa ta’ importanza kbira li l-Istati Membri jawtorizzaw lill-Kummssjoni sabiex tinnegozja ftehimiet fiskali ma’ pajjiżi terzi f’isem l-UE minflok ikomplu bil-prattika ta’ negozjati bilaterali li jipproduċu riżultati mhux ottimali mill-punt tal-UE kollha kemm hi u ta’ spiss ukoll tal-Istati Membri kkonċernati;

10.  Jenfasizza l-obbligu tal-Istati Membri li kisbu(6) jew qed ifittxu li jakkwistaw assistenza finanzjarja sabiex jimplimentaw miżuri maħsuba biex isaħħu u jtejbu l-kapaċità tal-ġbir tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni testendi dan l-obbligu biex tilqa' miżuri li jittrattaw il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tevita milli tagħti finanzjament tal-UE, u biex tiżgura li l-Istati Membri ma jipprovdux għajnuna mill-Istat jew aċċess għal akkwist pubbliku lill-kumpaniji li jiksru l-istandards tat-taxxa tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jeħtieġu żvelar tal-informazzjoni relatata mal-penali jew kundanni għal reati relatati mat-taxxi għall-kumpaniji kollha li jressqu offerti għal kuntratti tal-akkwist pubbliku; jissuġġerixxi li l-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jirrispettaw l-obbligi li kien hemm qbil dwarhom skont id-Direttiva għall-Pagamenti Tard, ikunu jistgħu jinkludu klawżola f’kuntratti tal-akkwist pubbliku li tippermetti li huma jtemmu l-kuntratt jekk fornitur sussegwentement jikser dawn l-obbligi ta’ konformità mat-taxxa;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi standards komuni għal trattati tat-taxxa bejn Stati Membri u pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan li tiġi evitata l-erożjoni tal-bażi fiskali għal dawn il-pajjiżi;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi aktar riżorsi baġitarji u persunal lil DĠ TAXUD sabiex jgħinuha tiżviluppa politiki u proposti tal-UE dwar nontassazzjoni doppja, evażjoni tat-taxxa u frodi;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jinsistu, fir-relazzjonijiet rispettivi tagħhom ma' pajjiżi terzi, fuq l-applikazzjoni riġida tal-istandards tal-UE f’każijiet relatati mat-taxxa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali jew multilaterali futuri;

15.  Jilqa' l-Att ta' Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin tal-Istati Uniti (FATCA) bħala l-ewwel pass lejn skambju awtomatiku tal-informazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa transfruntiera; jiddispjaċih, madankollu, li ttieħed approċċ bilaterali/intergovernattiv fin-negozjati mal-Istati Uniti aktar milli pożizzjoni ta' negozjar tal-UE komuni; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' reċiproċità sħiħa fl-iskambju tal-informazzjoni; jitlob għar-rispett tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta għaċ-ċittadini tal-UE f'dan il-kuntest;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrevedu mill-qrib u jimplimentaw kif meħtieġ ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) ta’ Frar 2012;

Mira ewlenija – L-indirizzar tad-diskrepanza fiskali

17.  Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom favur mira ambizzjuża iżda realistika li sal-2020 titnaqqas bin-nofs id-diskrepanza fiskali, peress li gradwalment dan jiġġenera potenzjal ta' dħul konsiderevolment ogħla mit-taxxa mingħajr ma jiżdiedu r-rati tat-taxxa;

18.  Barra minn hekk jirrikonoxxi li t-twessigħ tal-bażijiet ta’ tassazzjoni diġà eżistenti, minflok iż-żieda ta’ rati ta’ tassazzjoni jew l-introduzzjoni ta’ taxxi ġodda, jista’ jiġġenera aktar dħul għall-Istati Membri;

19.  Fl-aħħar jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva bbażata fuq azzjonijiet leġiżlattivi konkreti, fil-qafas tat-Trattati eżistenti, biex titnaqqas id-diskrepanza fiskali tal-UE u tiżgura li l-kumpaniji kollha li joperaw fl-UE jissodisfaw l-obbligi fiskali tagħhom fl-Istati Membri kollha fejn dawn joperaw;

20.  Jenfasizza li miżuri biex inaqqsu d-diskrepanza fiskali u jindirizzaw ir-rifuġji fiskali, l-evażjoni u l-evitar jirriżultaw f'kundizzjonijiet kompetittivi ġusti u trasparenti dwar is-suq intern, jgħinu fil-konsolidament fiskali filwaqt li jnaqqsu l-livelli ta' dejn sovran, iżidu r-riżorsi għall-investiment pubbliku, itejbu l-effiċjenza u s-sens ta’ ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa nazzjonali, u jgħollu l-livelli ġenerali tal-konformità mat-taxxa, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-użu tal-programm Fiscalis billi jintegraw l-istrateġija dwar id-diskrepanza fiskali fih;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja l-possibilità li tiġi introdotta tassazzjoni Ewropea f’mudelli kummerċjali transkonfinali u kummerċ elettroniku;

Jipproponi li l-azzjonijiet li ġejjin ikunu fuq quddiem nett tal-istrateġija dwar id-diskrepanza fiskali tal-UE:

Dwar il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa

23.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw persunal, riżorsi tal-għarfien u tal-baġit adegwati lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali u l-persunal tal-awditjar tat-taxxa tagħhom kif ukoll riżorsi għat-taħriġ tal-persunal tal-amministrazzjoni fiskali li jiffoka fuq kooperazzjoni transfruntiera fuq frodi u evitar tat-taxxa, u biex jiddaħħlu għodod b'saħħithom kontra l-korruzzjoni;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni immedjata fir-rigward ta’ trasparenza ta’ kumpaniji li jħallsu t-taxxa billi tobbliga lill-kumpaniji multinazzjonali kollha jippubblikaw ċifra sempliċi u unika għall-ammont ta’ taxxa mħallas f’kull Stat Membru fejn huma joperaw;

25.  Jisħaq fuq l-importanza ta' Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u jistieden lill-Istati Membri jaqblu u jimplimentaw id-direttiva dwar il-BKKTK billi jersqu gradwalment minn skema mhux obbligatorja għal waħda obbligatorja, kif definit fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-19 ta’ April 2012 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar BKKTK;

26.  Huwa tal-opinjoni li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu azzjoni u jissospendu jew jirrevokaw il-liċenzji bankarji ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u konsulenti finanzjarji jekk jgħinu fil-frodi tat-taxxa billi joffru prodotti jew servizzi lill-klijenti li jippermettulhom jevadu t-taxxi jew li jirrifjutaw li jikkooperaw mal-awtoritajiet tat-taxxa;

27.  Jilqa’ l-inklużjoni tal-Kummissjoni li jiġu elenkati r-reati tat-taxxa bħala reati presupposti għal ħasil tal-flus fl-ambitu tad-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus il-ġdida (2013/0025(COD)) u jitlob għall-implimentazzjoni mingħajr dewmien tad-direttiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi proposti għal indirizzar armonizzat tal-frodi tat-taxxa taħt il-liġi kriminali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ investigazzjonijiet transfruntiera u reċiproċi; javża lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kooperazzjoni tagħha ma’ korpi oħra tal-UE li jinfurzaw il-liġi, b’mod partikolari ma’ awtoritajiet responsabbli mill-ħasil tal-flus, il-ġustizzja u s-sigurtà soċjali;

28.  Jistieden lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakoli kollha fil-liġijiet nazzjonali li jfixklu l-kooperazzjoni u l-iskambji tal-informazzjoni dwar it-taxxa mal-istituzzjonijiet tal-UE u fl-Istati Membri, filwaqt li jiżguraw ukoll protezzjoni effettiva tad-dejta tal-kontribwenti;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika l-oqsma fejn ir-regolamenti tal-UE u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri jkunu jistgħu jittejbu sabiex jitnaqqsu l-frodi tat-taxxa, inkluż l-użu xieraq tal-programmi Fiscalis u Customs;

30.  Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kunsill tal-qafas ġdid għal kooperazzjoni amministrattiva u jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw immedjatament dan il-qafas;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu data b'evidenza konklużiva ta' reati relatati mal-evażjoni tat-taxxa minn reġistri oħrajn miżmuma mill-gvern, bħal bażijiet tad-data dwar vetturi, artijiet, jottijiet u assi oħra, u jaqsmu dan ma' Stati Membri oħra u l-Kummissjoni;

32.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati strateġiji ġodda u li jsir użu aktar effiċjenti mill-istrutturi eżistenti tal-UE sabiex tiġi miġġielda aħjar il-frodi tal-VAT, speċjalment frodi karusell; f’dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta u jimplimenta fil-pront id-Direttiva li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex ikomplu u jaġġornaw, taħt il-Programm Fiscalis 2020 il-ġdid, il-kontrolli simultanji sabiex jiskopru u jiġġieldu l-frodi tat-taxxa transfruntiera, u biex jiffaċilitaw il-preżenza ta’ uffiċjali barranin fl-uffiċċji ta’ amministrazzjonijiet tat-taxxa u matul inkjesti amministrattivi; jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni aktra qawwija bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u korpi oħra tal-infurzar tal-liġi, speċjalment bil-għan li jiskambjaw l-informazzjoni miksuba fir-rigward ta’ investigazzjonijiet marbuta ma’ ħasil tal-flus u reati tat-taxxa relatati;

34.  Ifakkar li l-eliminazzjoni tal-ekonomija informali ma tistax isseħħ mingħajr ma jiġu offruti inċentivi xierqa; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-Istati Membri jridu jirrappurtaw, permezz ta’ tabella ta' valutazzjoni, sa liema punt irnexxielhom inaqqsu l-ekonomiji informali tagħhom;

35.  Jappoġġja l-isforzi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) biex tintroduċi Identifikaturi ta’ Entità Ġuridika bħala pass biex ikunu żgurati t-traċċabilità u trasparenza ta’ tranżazzjoni finanzjarja, li għandhom parti ewlenija fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa;

36.  Jinnota li l-eliminazzjoni tal-privileġġi fiskali tista’ tagħti lok għall-implimentazzjoni ta’ riformi komprensivi li jwasslu għal sistema fiskali sempliċi, ġusta u li tinftiehem;

37.  Jinnota li l-proċedimenti legali kontra l-frodi tat-taxxa huma kkumplikati u jieħdu fit-tul, u li dawk li jinstabu ħatja, fl-aħħar, jirċievu sentenzi relattivament ħfief, li jbiddlu l-frodi tat-taxxa f'reat pjuttost ħieles mir-riskji;

38.  Jenfasizza l-potenzjal għall-gvern elettroniku li jżid it-trasparenza u jiġġieled il-frodi u l-korruzzjoni, b’hekk jgħin biex jiġu protetti l-fondi pubbliċi; jisħaq fuq il-bżonn ta' leġiżlazzjoni li tippermetti l-innovazzjoni kontinwa;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza b'mod speċifiku l-problema tal-iżbilanċi ibridi bejn is-sistemi tat-taxxa differenti użati fl-Istati Membri;

40.  Jinnota, madankollu, li billi l-VAT huwa "riżorsa proprja", l-evażjoni tat-taxxa f'dak il-qasam għandu infuwenza diretta kemm fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri kif ukoll il-baġit tal-UE;ifakkar li, skont il-Qorti tal-Awdituri, "l-evażjoni tal-VAT taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri;" din għandha impatt fuq il-baġit tal-UE minħabba li twassal għal Riżorsi Proprji aktar baxxi bbażati fuq il-VAT; dan it-telf huwa kkumpensat mir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, li jfixkel il-kontribuzzjonijiet individwali tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE. Barra minn hekk, il-frodi tat-taxxi ddgħajjef il-funzjonament tas-suq intern u tostakola l-kompetizzjoni leali'(7) ;

41.  Jinnota li s-sistema tal-VAT tal-UE tipprovdi parti sinifikanti mid-dħul pubbliku – 21 % fl-2009(8) - imma hija wkoll il-kawża ta' livelli għoljin kemm ta' spejjeż ta' konformità mhux neċessarji kif ukoll ta' evitar tat-taxxa;

42.   Jinnota li minn mindu ġie introdott il-VAT, il-mudell għall-ġbir tiegħu baqa' ma nbidilx; jenfasizza li billi dan il-mudell huwa antik, minħabba l-ħafna tibdil li sar fl-ambjent teknoloġiku u ekonomiku, il-fatt li jibqa' jintuża jwassal għal telf sostanzjali;

43.  Jenfasizza li t-tħaddim korrett tas-sistema doganali għandu konsegwenzi diretti fir-rigward tal-kalkolu tal-VAT; jinsab imħasseb sew li l-kontrolli doganali fl-UE mhux qed jaħdmu kif suppost, li jirriżultaw f'telf sinifikanti ta' VAT(9) ; jidhirlu li hija inaċċettabbli li f'ħafna mill-Istati Membri, l-awtoritajiet tat-taxxa ma għandhomx aċċess dirett għad-data doganali u li għalhekk mhuwiex possibbli li jkun hemm kontrokontrolli awtomatizzati mad-data tat-taxxi; jinnota li l-kriminalità organizzata hija konxja sew tan-nuqqasijiet tas-sistema attwali;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jwaqqfu miżuri li jippermettu l-użu soċjali mill-ġdid ta’ fondi konfiskati bi proċeduri kriminali f’każijiet ta’ frodi tat-taxxa u evitar tat-taxxa; għalhekk jitlob sabiex parti sostanzjali mill-fondi konfiskati jerġgħu jintużaw għal skopijiet soċjali u sabiex jerġgħu jiġu injettati fl-ekonomiji lokali u reġjonali li jkunu affetwati minn reati tat-taxxa direttament jew indirettament;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu ambjent fejn ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-espożizzjoni ta’ każijiet ta’ frodi tat-taxxa u rifuġji fiskali ikun kompletament protett, fost l-oħrajn bit-twaqqif ta’ sistemi effettivi għall-protezzjoni ta’ żvelaturi u sorsi ġurnalistiċi;

Dwar l-evitar tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva

46.  Jistieden lill-Istati Membri, bħala kwistjoni ta’ prijorità, jadottaw u jimplimentaw id-Direttiva dwar it-Tfaddil emendata sabiex jiġu eliminati n-nuqqasijiet tad-Direttiva eżistenti u tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa b'mod aħjar;

47.  Jilqa' d-diskussjonijiet internazzjonali dwar l-aġġornament tal-linji gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar ta’ trasferimenti, jiġifieri ċ-ċaqliq ta’ profitti ta’ rifuġji fiskali sabiex tkun evitata t-taxxa kemm f’pajjiżi żviluppati u kemm f’dawk li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jieħdu azzjoni immedjata, u jirrevedu r-regoli attwali dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti, b’mod partikolari b’rabta maċ-ċaqliq ta’ riskji u assi intanġibbli, il-qsim artifiċjali tas-sjieda ta’ assi bejn entitajiet legali fi grupp, u tranżazzjonijiet bejn dawn l-entitajiet li rari jseħħu bejn entitajiet indipendenti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa s-sistema ta’ ftehim minn qabel ta’ prezzijiet applikabbli għall-ipprezzar ta’ trasferiment, fejn għandu jiżdied rekwiżit ġdid mal-obbligi eżistenti taħt il-linji gwida tad-Dokumentazzjoni dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment tal-UE. jissuġġerixxi li d-dokumentazzjoni, kif ukoll ir-rekwiżiti għad-dikjarazzjoni tat-taxxa, għandhom ikunu usa' għal tranżazzjonijiet ma’ ġurisdizzjonijiet fuq il-"lista s-sewda";

48.  Jilqa’ l-progress magħmul fuq ir-rapportar pajjiż b’pajjiż skont id-Direttivi dwar il-Kontabilità u t-Trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi, bħala l-pass li jmiss, rappurtar ta' pajjiż b'pajjiż għal kumpaniji transfruntieri fis-setturi kollha, billi tiżdied it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet tal-pagamenti – billi jinħtieġ żvelar tal-informazzjoni bħan-natura tal-attivitajiet tal-kumpaniji u l-post ġeografiku tagħhom, id-dħul, in-numru ta' impjegati fuq bażi ekwivalenti għal "full-time", il-profitt jew it-telf qabel it-taxxa, it-taxxa fuq il-profitt jew it-telf, u s-sussidji pubbliċi rċevuti fuq bażi ta' pajjiż b'pajjiż għall-kummerċjalizzazzjoni ta' grupp fis-sħuħija tiegħu – sabiex jiġi mmonitorjat ir-rispett għal regoli xierqa għall-ipprezzar ta' trasferiment;

49.  Jitlob biex il-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus tiġi kkumplimentata billi jiġi introdott l-obbligu li jinħolqu reġistri tal-gvern disponibbli għall-pubbliku tas-sjieda ta' benefiċċji ta' kumpaniji, trusts, fondazzjonijiet u strutturi legali simili oħrajn;

50.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-effettività tal-Kodiċi tal-Kondotta għat-tassazzjoni tal-intrapriżi billi jitkellmu fil-livell tal-Kunsill fejn jinħtieġu deċiżjonijiet politiċi mill-aktar fis; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintervjeni b’mod attiv f’każijiet fejn il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta ma jkunx jista’ jaqbel dwar proċeduri biex jitneħħew id-diskrepanzi fis-sistemi tat-taxxa nazzjonali;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji u tippromwovi Kodiċi tal-Kondotta għall-awdituri u l-konsulenti; jistieden lid-ditti tal-awditjar biex javżaw lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali dwar kwalunkwe sinjal ta’ pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva mill-kumpanija awditjata;

52.  Huwa tal-opinjoni li l-awdituri m'għandhomx ikunu permessi li jipprovdu servizzi mhux tal-awditjar ipprojbiti, u li servizzi ta’ konsultazzjoni dwar it-taxxa relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ strutturar u konsultazzjoni tat-taxxa għandhom jitqiesu bħala tali;

53.  Jirrimarka li l-identifikazzjoni xierqa tal-kontribwenti hija kruċjali biex jirnexxi l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-ħolqien ta’ numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-UE (TIN), applikabbli għall-persuni ġuridiċi u naturali kollha impenjati fi tranżazzjonijiet transkonfinali; huwa tal-opinjoni li t-TIN għandu jkun marbut ma’ bażi tad-dejta internazzjonali u miftuħa għal Sistema ta’ Skambju tal-Informazzjoni tal-VAT (VIES), li jassisti fl-identifikazzjoni ta’ taxxi mhux imħallsa u responsabilitajiet oħra evitati;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2013 tippreżenta proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji u d-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties bil-għan li jiġu riveduti u allinjati l-klawżoli anti/abbuż fiż-żewġ Direttivi u biex tiġi eliminata n-nontassazzjoni doppja faċilitata minn entitajiet ibridi u strumenti finanzjarji fl-UE;

55.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw rapidament il-proposta tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta' Regola Ġenerali Kontra l-Abbużi biex tikkumbatti l-prattiki ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, u jinkludu klawżola fil-Konvenzjonijiet dwar it-Taxxa Doppja tagħhom biex jimpedixxu l-okkorrenzi ta' nontassazzjoni doppja; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinjoraw kwalunkwe benefiċċju tat-taxxa li jirriżulta minn arranġamenti artifiċjali jew dawk li huma neqsin minn sustanza kummerċjali; jissuġġerixxi li jinbeda x-xogħol fuq is-sett ta’ regoli standard għall-Istati Membri għall-prevenzjoni ta’ tassazzjoni doppja;

56.  Jilqa’ x-xogħol tal-Kummissjoni biex toħloq kodiċi Ewropew għall-kontribwenti; huwa tal-opinjoni li dan il-kodiċi għandu jgħin biex din is-sistema ta’ taxxa tkun iżjed leġittima u faċli biex tinftiehem, iżid il-kooperazzjoni, il-fiduċja u l-kunfidenza bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-kontribwenti, u jassisti lill-kontribwenti billi jiżgura trasparenza akbar fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom;

57.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi għall-ġbir tad-dħul li jimminimizzaw id-distanza bejn kontribwenti u awtoritajiet tat-taxxa, u jimmassimizzaw l-użu ta’ teknoloġija moderna; jistieden lill-Kummissjoni biex tittratta l-punti kumplessi tal-intaxxar ta’ kummerċ elettroniku permezz tal-iżvilupp ta’ standards tal-UE xierqa;

58.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-pressjoni li ssir fis-settur finanzjarju, li spiss tirriżulta fl-evitar tat-taxxa legali u skemi ta’ pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva, issir trasparenti kemm jista’ jkun;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tirregola l-flussi finanzjarji li jgħaddu l-Istati Membri lejn stati li mhumiex membri fl-UE għall-iskop ta’ evitar ta’ taxxa u biex joħolqu qafas fiskali kompetittiv u bilanċjat;

60.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni fuq unitajiet ta’ kumpaniji għall-pjanifkazzjoni ta’ taxxa aggressiva, b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi finanzjarji;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi dettaljata tad-differenza eżistenti, fl-Istati Membri, bejn ir-rati legali u r-rati attwali tat-taxxa tal-kumpaniji sabiex jiġi żgurat li d-dibattitu dwar l-armonizzazzjoni fiskali tkun ibbażata fuq dejta oġġettiva;

62.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinnotifikaw u jippubblikaw deċiżjonijiet tat-taxxa individwali pubbliċi minn awtoritajiet nazzjonali għal kumpaniji transfruntieri; jinsisti li l-Istati Membri japplikaw rekwiżiti ta’ sustanza stretti għal kumpaniji transfruntieri sabiex jiksbu deċiżjonijiet tat-taxxa;

63.  Josserva li filwaqt li t-trusts sikwit jintużaw bħala mezzi għall-evażjoni tat-taxxa, jinnota bi tħassib li l-maġġoranza tal-pajjiżi ma jirrikjedux reġistrazzjoni ta’ arranġamenti legali; jistieden lill-UE sabiex tintroduċi reġistru Ewropew għal trusts u entitajiet tas-segretezza oħra, bħala prerekwiżit sabiex ikun trattat l-evitar tat-taxxa;

Dwar ir-rifuġji fiskali

64.  Jitlob approċċ komuni tal-UE fil-konfront tar-rifuġji fiskali;

65.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippromwovi l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni bħala l-istandard tal-futur Ewropew u internazzjonali għat-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fi kwistjonijiet ta' taxxa; jitlob mill-ġdid azzjoni li tmur lil hinn mill-qafas tal-OECD biex jiġu indirizzati l-flussi finanzjarji illeċiti, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fid-dawl tan-nuqqasijiet varji tagħhom; jiddeplora l-fatt li l-OECD tippermetti li l-gvernijiet jevitaw il-lista s-sewda tagħha sempliċiment billi jwiegħdu li se jaderixxu mal-prinċipji ta' skambju ta' informazzjoni, mingħajr ma tiżgura li dawn il-prinċipji effettivament jitqiegħdu fil-prattika; iqis ukoll li r-rekwiżit li jikkonkludu ftehimiet ma’ 12-il pajjiż ieħor sabiex jitneħħew minn fuq il-lista s-sewda huwa wieħed arbitrarju peress li ma jirreferi għal ebda indikatur kwalitattiv għal valutazzjoni oġġettiva tal-konformità mal-prattiki ta' governanza tajba;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta definizzjoni ċara u sett komuni ta' kriterji biex tidentifika r-rifuġji fiskali, kif ukoll miżuri xierqa li japplikaw għal ġurisdizzjonijiet identifikati, għall-implimentazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2014, u biex jiġi żgurat li dan huwa applikat b'mod konsistenti fil-leġiżlazzjoni kollha tal-UE; jissuġġerixxi li d-definizzjoni tkun ibbażata fuq l-istandards tal-OECD dwar it-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni kif ukoll fuq il-prinċipji u l-kriterji tal-Kodiċi ta' Kondotta; jemmen, f'dan ir-rigward, li ġurisdizzjoni trid titqies bħala rifuġju fiskali jekk jiġi sodisfatt numru kbir mill-indikaturi li ġejjin:

   (i) il-vantaġġi jingħataw biss lil dawk mhux residenti jew skont it-tranżazzjonijiet li jsiru ma’ dawk mhux residenti,
   (ii) il-vantaġġi huma separati mis-suq domestiku, sabiex ma jaffettwawx il-bażi għat-taxxa nazzjonali,
   (iii) il-vantaġġi jingħataw anke mingħajr ebda attività ekonomika reali jew preżenza ekonomika sostanzjali fil-ġurisdizzjoni li toffri tali vantaġġi fiskali,
   (iv) ir-regoli għad-determinazzjoni tal-profitt fir-rigward ta’ attivitajiet fi grupp ta’ kumpaniji multinazzjonali jkunu differenti minn prinċipji aċċettati internazzjonalment, l-aktar ir-regoli mifthiema fl-OECD,
   (v) il-miżuri tat-taxxa jkunu nieqsa mit-trasparenza, inkluż meta d-dispożizzjonijiet ġuridiċi jkunu inqas stretti fil-livell amministrattiv b’mod mhux trasparenti,
   (vi) il-ġurisdizzjoni ma timponi l-ebda taxxa jew taxxi nominali fuq id-dħul relevanti,
   (vii) jeżistu liġijiet jew prattiki amministrattivi li ma jippermettux l-iskambju effettiv tal-informazzjoni għal raġunijiet ta’ taxxa ma’ gvernijiet oħra dwar kontribwenti li jibbenefikaw minn nuqqas ta’ tassazzjoni jew tassazzjoni nominali, li jiksru l-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni dwar il-Mudell tat-Taxxa tal-OECD dwar id-Dħul u l-Kapital,
   (viii) il-ġurisdizzjoni toħloq strutturi mhux trasparenti u sigrieti li jrendu mhux kompleti u mhux trasparenti l-formazzjoni u l-ħidma ta’ reġistri tal-kumpaniji u reġistri ta’ trusts u fondazzjonijiet,
   (ix) il-ġurisdizzjoni tkun elenkata bħala Pajjiż u Territorju Nonkooperattiv mill-FATF;

67.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġbor flimkien u toħloq lista sewda Ewropea pubblika ta’ rifuġji fiskali sal-31 ta' Diċembru 2014; f'dan il-kuntest, jistieden lill-awtoritajiet relevanti:

   biex jissospendu jew itemmu l-Konvenzjonijiet eżistenti dwar it-Taxxa Doppja mal-ġurisdizzjonijiet li qegħdin fuq il-lista sewda, u jagħtu bidu għal Konvenzjonijiet dwar it-Taxxa Doppja ma’ ġurisdizzjonijiet li ma jibqgħux jagħmluha ta’ rifuġji fiskali;
   biex jipprojbixxu l-aċċess għall-akkwist pubbliku tal-UE ta’ prodotti u servizzi u biex jirrifjutaw l-għoti ta' għajnuna statali lil kumpaniji bbażati f’ġurisdizzjonijiet fuq il-"lista s-sewda",
   biex jipprojbixxu l-aċċess għall-għajnuna statali u tal-UE għal kumpaniji li jkomplu jagħmlu operazzjonijiet li jinvolvu entitajiet li jagħmlu parti mill-ġurisdizzjonijiet fuq il-"lista s-sewda",
   biex jirrevedu d-Direttivi tal-Awditjar u tal-Kontabilità biex jiġu rikjesti kontabilità u awditjar separati tal-profitti u t-telf ta’ kull kumpanija azzjonarja ta’ entità ġuridika tal-UE partikolari li tkun tinsab f’ġurisdizzjoni inkluża f’din il-lista sewda,
   biex jipprojbixxu istituzzjonijiet finanzjarji u konsulenti finanzjarji tal-UE milli jistabbilixxu jew ikollhom sussidjarji u fergħat fil-ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda u biex iqisu li jirrevokaw il-liċenzji għal istituzzjonijiet finanzjarji u konsulenti finanzjarji Ewropej, li jkollhom fergħat u jkomplu joperaw f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda,
   biex jintroduċu imposta speċjali fuq it-tranżazzjonijiet kollha minn u lejn ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda,
   biex jiżguraw it-tneħħija tal-eżenzjonijiet mit-tassazzjoni fis-sors għal individwi li mhumiex residenti għal raġunijiet ta' taxxa f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda,
   biex jeżaminaw firxa ta' għażliet, fl-UE, għan-nuqqas ta' rikonoxximent tal-istatus legali ta' kumpaniji mwaqqfa f'ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda;
   biex japplikaw ostakli tariffarji f'każijiet ta' kummerċ ma' pajjiżi terzi fuq il-lista s-sewda,
   biex isaħħu d-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment sabiex jiġi żgurat li l-investiment ma jingħatax għal proġetti, benefiċjarji u intermedjarji minn ġurisdizzjonijiet fuq il-lista s-sewda;

Dimensjoni internazzjonali

68.  Huwa tal-opinjoni li l-istandards minimi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba għandhom japplikaw b’mod espliċitu għall-Istati Membri wkoll;

69.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri joffru kooperazzjoni u assistenza lil pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw li mhumiex rifuġji fiskali, billi jgħinuhom jindirizzaw b’mod effettiv il-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa b’mod partikolari permezz ta’ miżuri ta’ bini ta’ kapaċità; jappoġġja s-sejħa tal-Kummissjoni li għal dan l-għan l-Istati Membri għandhom jissekondaw esperti tat-taxxa f’pajjiżi bħal dawn għal perjodu ta’ żmien limitat;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-iżvilupp ulterjuri tal-proġett tal-Erożjoni ta’ Bażi u Ċaqliq tal-Profitt (BEPS) tal-OECD permezz tal-kondiviżjoni tal-analiżi dwar skemi ta’ taxxa problematiċi fi u bejn Stati Membri, u dwar liema bidliet huma meħtieġa fil-livelli tal-Istati Membri u tal-UE sabiex ikunu evitati l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll kwalunkwe forma ta’ pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment dwar dan il-proċess lill-Kunsill u lill-Parlament;

71.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li r-riżorsi tat-taxxa jiġu mmobilizzati u żgurati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs), peress li huma aktar prevedibbli u sostenibbli mill-assistenza barranija u jgħinu biex jitnaqqas id-dejn; iżda jinnota li l-proporzjonijiet tat-taxxa għall-PDG hija baxxa fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet soċjali, politiċi u amministrattivi biex jistabbilixxu sistema finanzjarja pubblika tajba, u dan jagħmilhom partikolarment vulnerabbli għall-attivitajiet ta' evażjoni u evitar tat-taxxa min-naħa ta' kontribwenti u korporazzjonijiet individwali;

72.  Jieħu nota bi tħassib li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw isibu ruħhom f'pożizzjoni ta' negozjar dgħajfa ħafna fir-rigward ta' ċerti investituri diretti barranin li jkunu qed ifittxu sussidji u eżenzjonijiet tat-taxxa; iqis li fil-każ ta' investimenti mdaqqsa, il-kumpaniji għandu jkollhom l-obbligu li jieħdu impenji preċiżi dwar l-effetti konsekwenzjali pożittivi tal-proġetti f'termini ta' żvilupp ekonomiku u soċjali lokali u/jew nazzjonali;

73.  Jirrimarka li l-flussi illeċiti huma spjegazzjoni ewlenija għad-dejn ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva tmur kontra l-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva;

74.  Jinnota li s-sistemi tat-taxxa f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw mhumiex konformi mal-istandards internazzjonali (minflok juru ġurisdizzjoni fiskali dgħajfa u ineffiċjenzi fl-amministrazzjoni tat-taxxa, livelli għolja ta' korruzzjoni, kapaċità insuffiċjenti biex jintroduċu u jżommu sistemi tat-taxxa li jaħdmu sew, eċċ.); jistieden lill-UE tgħolli l-livell ta' assistenza tagħha fi ħdan il-kompetenza tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) f'termini ta' governanza fiskali u fl-indirizzar tal-frodi tat-taxxa internazzjonali u tal-ottimizzazzjoni eċċessiva, billi tibni l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jindividwaw u jieħdu passi kontra prattiki mhux xierqa permezz ta' kooperazzjoni akbar fil-governanza tat-taxxa; iqis ukoll li għandu jiġi pprovdut appoġġ għar-rikonverżjoni ekonomika ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma rifuġji fiskali;

75.  Jilqa' l-ewwel passi li ttieħdu bl-evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-Forum Globali (FG) fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa; jemmen, madankollu, illi peress li jiffokaw fuq l-iskambju ta' informazzjoni "fuq talba" tal-OECD, l-istandards tal-Forum Globali mhumiex se jkunu effettivi fit-tnaqqis tal-flussi finanzjarji illeċiti;

76.  Jirrimarka li, peress li jsaħħu approċċ bilaterali għal kwistjonijiet tat-taxxa transnazzjonali – pjuttost milli wieħed multilaterali – il-ftehimiet dwar it-taxxa doppja (DTA) jirriskjaw li jinkoraġġixxu l-prezzijiet ta' trasferiment u l-arbitraġġ regolatorju; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tevita milli tippromwovi tali ftehim, minflok il-ftehim għal skambju tal-informazzjoni tat-taxxa (TIEAs), għax tal-ewwel ġeneralment jirriżulta f'telf fiskali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' rati tat-taxxa minn ras il-għajn aktar baxxi fuq pagamenti ta' dividendi, interessi u royalties;

o
o   o

77.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-OECD u lill-Kumitat tal-Esperti tan-NU dwar Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet ta’ Taxxa, lill-Kumitat Superviżorju tal-OLAF u l-OLAF.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0137
(2) ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 37
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0135.
(4) ĠU C 341E , 16.12.2010, p. 29.
(5) http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/tax_fraud_evasion/index_en.htm
(6) Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li qegħdin jesperjenzaw, jew huma mhedda, b'diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro.
(7) Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 13/2011, p. 11, paragrafu 5.
(8) Parlament Ewropew, Direttorat-Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku A (Politika Ekonomika u Xjentifika): ‘Simplifying and Modernising VAT in the Digital Single Market’ (IP/A/IMCO/ST/2012_03), Settembru 2012, http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=75179
(9) Skont il-Qorti tal-Awdituri, fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 13/2011, sabet li l-applikazzjoni tal-proċedura doganali 42 biss irrappreżentat telf estrapolat fl-2009 ta’ madwar EUR 2 200 miljun fir-rigward tas-seba’ Stati Membri vverifikati mill-Qorti, li jirrappreżenta 29 % tal-VAT applikabbli teoritikament fuq l-ammont taxxabbli tal-importazzjonijiet kollha li saru taħt il-proċedura doganali 42 fl-2009 f’dawk is-seba' Stati Membri;

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Novembru 2015Avviż legali