Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2322(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0218/2013

Testi mressqa :

A7-0218/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2013 - 11.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0348

Testi adottati
PDF 349kWORD 37k
It-Tlieta, 10 ta' Settembru 2013 - Strasburgu
Il-logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern
P7_TA(2013)0348A7-0218/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2013 dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern (2012/2322(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2012 bit-titolu 'Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard online'', (COM(2012)0596),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Jannar 2011 bit-titolu ‘ L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport’ (COM(2011)0012),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar il-logħob mixtri u l-korruzzjoni fl-isport(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 dwar l-integrità tal-logħob tal-azzard fuq l-internet(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Nikosija dwar il-Ġlieda kontra x-Xiri tal-Logħob tal-20 ta’ Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2010 u r-rapporti dwar il-progress tal-Presidenzi ta’ Franza, l-Isvezja, Spanja u l-Ungerija dwar il-qafas tal-logħob tal-azzard u l-imħatri fl-Istati Membri tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-azzjoni preparatorja dwar Sħubijiet Ewropej fl-Isport u b’mod partikolari, it-tlaqqigħ tal-proġetti ffukati fuq il-prevenzjoni tal-inċidenti tal-logħob mixtri billi tingħata edukazzjoni u informazzjoni lill-partijiet interessati rilevanti,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 51, 52 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mehmuża mat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-każistika żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fejn fil-qasam speċifiku tal-organizzazzjoni tal-logħob bix-xorti, il-Qorti tirrikonoxxi partikolarment il-protezzjoni tal-konsumatur, il-prevenzjoni kemm tal-frodi kif ukoll l-inċitament għall-infiq eċċessiv fuq il-logħob, kif ukoll il-ħtieġa ġenerali li tiġi mħarsa l-ordni pubblika bħala raġunijiet ta’ interess ġenerali prevalenti li jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi(5),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0218/2013),

A.  billi l-logħob tal-azzard mhuwiex attività ekonomika ordinarja minħabba l-impatti soċjali u fuq is-saħħa potenzjalment negattivi tiegħu, li jinkludu; logħob tal-azzard koerċittiv, li l-konsegwenzi u l-ispejjeż li jġib miegħu huma diffiċli li jiġu stmati; il-kriminalità organizzata; il-ħasil tal-flus; u l-logħob mixtri; billi l-logħob tal-azzard onlajn jista' jinvolvi riskju akbar ta' dipendenza minn logħob tradizzjonali tal-azzard mhux onlajn, fost l-oħrajn minħabba l-faċilità akbar ta' aċċess u nuqqas ta' kontroll soċjali, iżda huma meħtieġa riċerka u data addizzjonali f'dan ir-rigward; jinnota li, abbażi ta' dan, ċerti regoli interni tas-suq – inkluża l-libertà ta' stabbiliment, il-libertà ta' forniment ta' servizzi u l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku – ma jwaqqfux lill-Istati Membri milli jiddeterminaw il-miżuri addizzjonali tagħhom stess għall-ħarsien tal-lagħba;

B.  billi l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-obbligu tal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni;

C.  billi l-Artikolu 169 tat-TFUE jobbliga lill-UE tiżgura livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur;

D.  billi, fid-dawl tan-natura speċjali tas-settur tal-logħob tal-azzard onlajn, il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-konsumaturi għandu jkun il-prinċipju ta’ gwida ewlieni meta jitfasslu r-rakkomandazzjonijiet fil-livell tal-UE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali;

E.  billi, b’kunsiderazzjoni dovuta tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jiddeterminaw kif l-offerta ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn tiġi organizzata u rregolata skont il-valuri tagħhom stess u l-objettivi segwiti ta’ interess ġenerali, filwaqt li tiġi rispettata l-liġi tal-Unjoni;

F.  billi, minħabba n-natura speċifika tagħha u bl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-provvista ta' servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn mhijiex suġġetta għal regolamentazzjoni speċifika għas-settur fil-livell tal-UE u hija eżentata mid-direttivi dwar is-servizzi u d-drittijiet tal-konsumatur, filwaqt li tibqa' madankollu, suġġetta għal numru ta' atti leġiżlattivi sekondarji tal-UE, bħad-direttiva dwar il-ħarsien tad-data, id-direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika u d-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali inġusti;

G.  billi s-settur tal-logħob tal-azzard onlajn huwa differenti minn swieq oħrajn minħabba r-riskji involuti f'dak li huma l-ħarsien tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, kif rikonoxxut ripetutament mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

H.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja ikkonfermat li l-forniment ta' logħob bix-xorti jew logħob tal-azzard hu attività ekonomika ta’ natura speċjali, fejn ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu ġustifikati għal raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku bħall-protezzjoni tal-konsumatur, il-prevenzjoni tal-frodi, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u ż-żamma tal-ordni pubblika u s-saħħa pubblika; billi r-restrizzjonijiet imposti fuqhom għandhom ikunu konformi ma' dawk previsti mit-TFUE, jiġifieri li dawn għandhom ikunu proporzjonati mal-objettivi segwiti u m'għandhomx ikunu diskriminatorji;

I.  billi, issa iktar minn qatt qabel, l-Istati Membri jikkondividu tħassib ġenerali komuni dwar l-impatt negattiv soċjali u ekonomiku tal-logħob tal-azzard onlajn illegali fil-livell nazzjonali, u l-objettivi prinċipali tagħhom huma li jħarsu lill-membri tas-soċjetà taħt l-età u dawk vulnerabbli u li jiġġieldu kontra d-dipendenza, il-kriminalità u l-evażjoni tat-taxxa;

J.  billi n-natura transkonfinali tal-logħob tal-azzard onlajn, kif ukoll ir-riskji involuti f'dak li huma l-protezzjoni tal-konsumatur, il-prevenzjoni tal-frodi u l-infurzar tal-liġi kontra attivitajiet illegali, bħall-ħasil tal-flus u l-logħob mixtri, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu miġġielda l-attivitajiet illegali b'rabta mal-logħob tal-azzard, jitolbu azzjoni koordinata aħjar fost l-Istati Membri u fil-livell tal-UE;

K.  billi hu essenzjali li jiġu introdotti mekkaniżmi li jiskrutinizzaw il-kompetizzjonijiet sportivi u l-flussi finanzjarji, flimkien ma’ mekkaniżmi superviżorji;

L.  billi, attwalment hija meħtieġa viżjoni komprensiva tas-settur tal-logħob tal-azzard onlajn, f’dak li huma informazzjoni u data dwar l-offerta nazzjonali u transkonfinali, fi ħdan l-UE u globalment, awtorizzata u mhux awtorizzata;

M.  billi l-forma użata għar-reklamar tal-logħob tal-azzard onlajn tvarja bejn l-Istati Membri jew ma hija regolata xejn;

In-natura speċifika tas-settur tal-logħob tal-azzard onlajn u l-protezzjoni tal-konsumatur

1.  Iqis li, sabiex ikun żgurat livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur, b'mod partikolari għal dawk il-konsumaturi li huma l-aktar vulnerabbli, offerta ġusta u legali tas-servizzi tal-logħob tal-azzard definita minn kull Stat Membru f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, tista' tnaqqas l-ispejjeż soċjali u l-effetti dannużi tal-attivitajiet tal-logħob tal-azzard;

2.  Iwissi li l-logħob tal-azzard jista' jwassal għal dipendenza perikoluża, u li din hi kwistjoni li teħtieġ li tiġi indirizzata fi kwalunkwe proposta leġiżlattiva għall-benefiċċju tal-konsumaturi;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra logħob tal-azzard illegali offrut fi ħdan it-territorji tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri ta' infurzar kontra offerti għal logħob tal-azzard illegali fir-rakkomandazzjonijiet ippjanati tagħha dwar il-ħarsien tal-konsumatur u r-reklamar;

4.  Jemmen li hemm rabta perikoluża bejn it-tbatija ekonomika ħarxa u livelli għoljin ta' logħob tal-azzard; jenfasizza li l-klima ekonomika u soċjali estremament ħarxa kienet strumentali għaż-żieda kbira fil-logħob tal-azzard, b'mod partikolari fost l-ifqar faxex tas-soċjetà, u li għaldaqstant hemm il-ħtieġa ta' livelli ta' monitoraġġ mill-qrib u kontinwi tad-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard u l-logħob tal-azzard problematiku;

5.  Jafferma li l-logħob tal-azzard onlajn hu forma ta' użu kummerċjali tal-isport u li, għalkemm is-settur tal-logħob tal-azzard onlajn qed jikber b'mod kostanti billi jżomm aġġornat mal-innovazzjonijiet teknoloġiċi, l-Istati Membri qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jikkontrollawh minħabba n-natura speċifika tal-internet, li toħloq riskju ta' ksur tad-drittjiet tal-konsumaturi u li s-settur ikun suġġett għal investigazzjonijiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

6.  Jinsisti li, irrispettivament mill-mod kif l-Istati Membri jiddeċiedu li jorganizzaw u jirregolaw l-offerta ta' servizzi ta' logħob tal-azzard onlajn fil-livell nazzjonali, għandu jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tesplora miżuri fil-livell tal-UE biex tipproteġi konsumaturi vulnerabbli, inkluża kooperazzjoni formalizzata bejn l-awtoritajiet regolatorji fl-Istati Membri; jenfasizza li l-grupp ta' esperti għandu jiżgura li jkun impossibbli għall-minorenni jkollhom aċċess għas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn; jistieden lill-Istati Membri jobbligaw lill-operaturi li jaħdmu b'liċenzja mill-Istati Membri, jesponu l-logo, marka ta' fiduċja tal-awtorità regolatorja f’pożizzjoni prominenti fuq il-websajt tagħhom;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tistudja x’jista’ jsir biex titwaqqaf il-prattika li xi kumpaniji bbażati fi Stat Membru wieħed jikkummerċjalizzaw servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn, pereżempju permezz tat-televiżjoni bis-satellita jew b’kampanji ta’ reklamar, fi Stat Membru ieħor fejn mhumiex liċenzjati biex joffru tali servizzi;

8.  Jitlob li l-operaturi jkunu obbligati juru twissijiet ċari, prominenti u espliċiti lill-minorenni, li jiddikjaraw li l-logħob tal-azzard onlajn huwa illegali għall-minorenni;

9.  Jemmen li għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà ma jipperikolawx aktar il-mezzi tal-għajxien tagħhom minħabba l-logħob tal-azzard;

10.  Jemmen li huma meħtieġa riċerka u data addizzjonali sabiex jiġi kwantifikat il-logħob tal-azzard koerċittiv u r-riskji assoċjati ma’ forom differenti ta’ logħob tal-azzard; jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni jwettqu studji ulterjuri b'mod koordinat sabiex jifhmu aħjar il-logħob tal-azzard problematiku; jinnota li l-operaturi tal-logħob tal-azzard għandhom responsabbiltà jikkontribwixxu lejn il-prevenzjoni tad-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, fejn xieraq permezz tal-grupp ta' esperti, tesplora l-possibilità ta' interoperabbiltà madwar l-UE bejn ir-reġistri nazzjonali ta' awtoesklużjoni li jinkludu fost l-oħrajn, l-awtoesklużjoni, it-telf personali u limiti ta' żmien, u li huma aċċessibbli għall-awtoritajiet nazzjonali u operaturi tal-logħob tal-azzard liċenzjati, sabiex kull konsumatur li jeskludi awtomatikament lilu nnifsu jew li jisboq il-limiti tal-azzard tiegħu għand operatur tal-logħob tal-azzard wieħed, ikollu l-opportunità ta' awtoesklużjoni awtomatika mill-operaturi l-oħra kollha liċenzjati tal-logħob tal-azzard; jenfasizza l-fatt li kwalunkwe mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni personali dwar il-lagħba tal-azzard problematiċi għandu jkun suġġett għal regoli stretti dwar il-ħarsien tad-data; jenfasizza l-importanza tal-grupp ta' esperti fil-ħidma lejn il-ħarsien taċ-ċittadini mid-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard; jenfasizza li sabiex il-konsumaturi jkunu konxji dwar l-attività tal-logħob tal-azzard tagħhom stess, dan ir-reġistru għandu juri lill-konsumatur l-informazzjoni kollha relatata mal-istorja tiegħu tal-logħob tal-azzard fi kwalunkwe ħin li huwa jibda jilgħab;

12.  Jirrakkomanda li ssir distinzjoni ċara bejn l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard u forom oħra ta’ divertiment onlajn; is-servizzi li jinvolvu karatteristiċi distintivi tas-settur tal-logħob tal-azzard għandhom jidħlu fl-ambitu ta’ leġiżlazzjoni xierqa dwar il-logħob tal-azzard u jirrispettaw bis-sħiħ il-mekkaniżmi li jivverifikaw l-età u l-identità;

13.  Jinnota li l-inizjattivi awtoregolatorji jistgħu jservu ta’ kontribut tajjeb biex jiġi identifikat il-kontenut tal-istandards komuni; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li, f’qasam daqstant sensittiv bħalma hu l-logħob tal-azzard, l-awtoregolamentazzjoni tista’ biss tikkomplimenta imma mhux tieħu post il-leġiżlazzjoni nazzjonali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-implimentazzjoni ta’ kontroll ta’ identifikazzjoni obbligatorju minn parti terza biex teskludi minorenni jew persuni li jużaw identitajiet foloz mil-logħob; jissuġġerixxi li dan jista', fost l-oħrajn, ikun kontroll fuq in-numru tas-sigurtà soċjali, informazzjoni dwar il-kont tal-bank jew identifikatur uniku ieħor, filwaqt li jinnota li tali identifikazzjoni għandha titwettaq qabel kwalunkwe attività ta' logħob tal-azzard;

15.  Jemmen li s-softwer li jintuża għal-logħob tal-azzard onlajn għandu jkun iktar sikur u li għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi u komuni ta' ċertifikazzjoni sabiex ikun żgurat l-użu ta' parametri u standards uniformi;

16.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li jeħtieġ li jitfasslu metodi effiċjenti ta' sorveljanza tal-imħatri, filwaqt li jitqies l-iżvilupp mgħaġġel tal-ambjent onlajn, iżda jenfasizza wkoll l-importanza li d-data personali tal-utenti tiġi mħarsa mill-abbuż;

17.  Huwa tal-fehma li standards komuni għal-logħob tal-azzard onlajn għandhom jindirizzaw id-drittijiet u l-obbligi kemm tal-fornitur tas-servizz u kemm tal-konsumatur, biex b'hekk ikun żgurat livell għoli ta’ ħarsien għaċ-ċittadini u l-konsumaturi, partikolarment il-minorenni u persuni vulnerabbli oħra, u l-prevenzjoni ta’ reklamar qarrieqi u eċċessiv; iħeġġeġ lill-assoċjazzjonijiet tal-operaturi tal-logħob tal-azzard Ewropej jiżviluppaw u jadottaw kodiċi ta' kondotta awtoregolatorji;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rakkomandazzjoni tagħha li l-operaturi tal-logħob tal-azzard għandhom ikunu obbligati jippromwovu b’mod attiv l-użu ta’ awtorestrizzjonijiet fil-ħin tar-reġistrazzjoni kif ukoll f'każijiet ta’ telf ripetut;

19.  Jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ standards ta' sigurtà komuni u uniformi pan Ewropej għall-identifikazzjoni elettronika u għal servizzi ta’ verifikazzjoni elettronika transkonfinali; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar l-identifikazzjoni elettronika u l-awtentikazzjoni, li se tippermetti l-interoperabbiltà tal-iskemi nazzjonali tal-identifikazzjoni elettronika fejn jeżistu; jitlob għaldaqstant, li l-proċeduri ta' reġistrazzjoni u identifikazzjoni jkunu semplifikati u li jsiru aktar effiċjenti, partikolarment sabiex ikunu żgurati mekkaniżmi ta' identifikazzjoni effiċjenti u jiġu evitati kontijiet multipli għal kull lagħab u aċċess min-naħa ta' minorenni għall-websajts tal-logħob tal-azzard onlajn; jirrakkomanda l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri dwar miżuri ta' infurzar, pereżempju l-istabbiliment ta' listi bojod u suwed ta' websajts tal-logħob tal-azzard illegali għal dawn il-websajts, id-definizzjoni konġunta ta' soluzzjonijiet ta' pagament sikuri u traċċabbli, u l-kunsiderazzjoni tal-fattibilità li jiġu bblokkati tranżazzjonijiet finanzjarji, sabiex il-konsumaturi jitħarsu minn operaturi illegali;

20.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-operaturi jippromwovu n-natura responsabbli tar-reklamar fir-rigward tal-logħob tal-azzard onlajn; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tadotta Rakkomandazzjoni dwar ir-reklamar responsabbli tal-logħob tal-azzard; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi standards komuni minimi li jipprovdu biżżejjed ħarsien lill-konsumaturi vulnerabbli; jirrakkomanda li r-reklamar għandu jkun responsabbli, jinkludi twissijiet ċari dwar ir-riskji ta' dipendenza fuq il-logħob tal-azzard u li la jkun eċċessiv u lanqas ma jintwera fuq kontenut li huwa speċifikament immirat lejn il-minorenni jew fejn hemm riskju ogħla li jkun immirat lejn il-minorenni, bħal partikolarment fil-każ tar-reklamar tal-midja soċjali;

21.  Jitlob li jiġu mfassla u implimentati miżuri li jippermettu lit-tfal u liż-żgħażagħ jiksbu u jiżviluppaw iktar kompetenza diġitali; jemmen li l-introduzzjoni ta' korsijiet skolastiċi maħsuba biex jgħallmu liż-żgħażagħ dwar l-aħjar użi tal-internet tista' tagħti aktar ħila lill-utenti biex jipproteġu lilhom infushom kontra d-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard onlajn;

22.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-edukazzjoni, is-servizzi tal-pariri u l-ġenituri biex titqajjem kuxjenza dwar is-suġġett tal-logħob tal-azzard onlajn u l-konsegwenzi tiegħu fuq il-minorenni;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miżuri effikaċi li jżidu l-konoxxenza tar-riskji tad-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard, immirati b’mod partikolari lejn iż-żgħażagħ;

24.  Jitlob li reklamar soċjalment responsabbli tal-logħob tal-azzard onlajn ikun permess biss għal prodotti tal-logħob tal-azzard li huma legali; jemmen li qatt m’għandu jkun permess li jsir reklamar għal servizzi ta’ logħob tal-azzard onlajn li jesaġera l-probabilità ta' rebħ, biex tingħata impressjoni falza li l-logħob tal-azzard hu strateġija raġonevoli biex wieħed itejjeb il-qagħda finanzjarja tiegħu; jemmen li r-reklamar għandu jinkludi informazzjoni ċara dwar il-konsegwenzi ta’ logħob tal-azzard koerċittiv;

25.  Jenfasizza li d-definizzjoni ta' format għar-reklamar li ma jagħmilx ħsara u r-regoli dwar it-tixrid tiegħu huma kruċjali biex iżommu lil persuni taħt it-18-il sena mil-logħob tal-azzard u għall-ġlieda kontra l-logħob tal-azzard problematiku u koerċittiv;

26.  Jenfasizza li l-miżuri ta' ħarsien tal-konsumatur għandhom ikunu akkumpanjati minn taħlita ta' miżuri ta' infurzar preventivi u ta' rispons biex jitnaqqas il-kuntatt taċ-ċittadini ma' operaturi mhux awtorizzati; jenfasizza l-importanza ta’ definizzjoni konġunta tal-kunċett ta’ operaturi legali tal-logħob tal-azzard sabiex l-Istati Membri, f'konformità mal-liġi tal-UE, jawtorizzaw biss lill-operaturi li jissodisfaw mill-inqas dawn ir-rekwiżiti li ġejjin u għalhekk jitqiesu li huma legali:

   (a) l-operatur għandu jkollu liċenzja li tagħtih id-dritt jopera fl-Istat Membru tal-lagħab,
   (b) l-operatur mhux meqjus illegali skont il-liġi applikabbli fi kwalunkwe Stat Membru ieħor;

27.  Huwa tal-fehma li l-proċess ta’ reġistrazzjoni għandu jinkludi, bħala karatteristika obbligatorja, il-limiti tat-telf massimu stabbiliti u definiti mil-lagħab għal ċertu perjodu ta’ żmien; bħala livell minimu, din il-karatteristika għandha tkun preżenti fil-logħob prattikat bi frekwenza għolja;

Konformità mal-liġi tal-UE

28.  Jenfasizza li, min-naħa, il-fornituri tal-logħob tal-azzard onlajn għandhom fil-każijiet kollha jirrispettaw il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri li joperaw fihom u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jimponu restrizzjonijiet li jħossu li huma meħtieġa u ġustifikati biex jindirizzaw il-logħob tal-azzard onlajn illegali sabiex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali u jeskludu lill-fornituri illegali mill-aċċess għas-suq;

29.  Jirrikonoxxi li, fl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jiddeterminaw kif l-offerta tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn għandha tiġi organizzata u regolata fil-livell nazzjonali kif ukoll id-dritt li jinfurzaw il-miżuri kollha li jqisu li huma neċessarji kontra s-servizzi ta’ logħob tal-azzard illegali, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji bażiċi tat-Trattat tal-UE; jirrikonoxxi li tali leġiżlazzjoni għandha tkun proporzjonata, konsistenti, trasparenti u nondiskriminatorja; jieħu nota tal-ħtieġa għal aktar politiki koerenti tal-UE bil-ħsieb li tiġi indirizzata n-natura transkonfinali tal-logħob tal-azzard;

30.  Jinnota li l-Kummissjoni bagħtet ittri lil għadd ta’ Stati Membri biex titlobhom informazzjoni dettaljata dwar il-leġiżlazzjoni attwali tagħhom b'rabta mal-logħob tal-azzard; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bid-djalogu mal-Istati Membri; jieħu nota tal-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-każijiet ta' ksur u dwar l-ilmenti mressqa kontra ċerti Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja u tinforza l-konformità ta’ liġijiet u prattiki nazzjonali mal-liġi tal-UE, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, u tniedi proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li jidhru li qed jiksru l-liġi tal-UE; jirrispetta d-deċiżjoni meħuda mill-Istati Membri fir-rigward tal-istabbiliment ta' monopolji f'dan is-settur, bil-kundizzjoni li, f'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn huma suġġetti għal kontroll statali strett u jiżguraw livell partikolarment għoli ta' ħarsien tal-konsumatur, li l-attivitajiet tagħhom huma koerenti mal-objettivi ta' interess ġenerali u li dawn inaqqsu l-opportunitajiet ta' logħob tal-azzard b'mod konsistenti;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-grupp ta’ esperti dwar is-servizzi ta’ logħob tal-azzard jiżviluppaw miżuri u strateġiji koordinati, inklużi skambji tal-aħjar prattika biex jistudjaw u jindirizzaw il-problema tal-evażjoni tat-taxxa min-naħa ta' operaturi awtorizzati li jipprovdu servizzi ta' logħob tal-azzard onlajn fis-suq tal-UE iżda għandhom l-uffiċċji rreġistrati tagħhom f’rifuġji fiskali ġewwa jew barra l-UE;

32.  Jieħu nota tar-riskji li jista' jippreżenta l-aċċess min-naħa tal-konsumaturi għal servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn illegali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddiskutu, bħala parti mill-ħidma tal-grupp ta’ esperti dwar is-servizzi tal-logħob tal-azzard, il-piż finanzjarju soċjali li jġib miegħu l-permess għal attivitajiet ta’ logħob tal-azzard regolati fil-konfront tal-effetti dannużi fuq il-konsumaturi li jutilizzaw operaturi illegali;

33.  Jenfasizza li dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jiftħu s-settur tagħhom tal-logħob tal-azzard onlajn għandhom jipprovdu proċedura għall-applikazzjoni ta' liċenzja trasparenti u b'ċertezza ġuridika bbażata fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, f’konformità sħiħa mal-liġi tal-UE u b'ħarsien suffiċjenti u strett taċ-ċittadini u tal-konsumaturi;

Kooperazzjoni amministrattiva

34.  Jistieden lill-grupp ta’ esperti dwar is-servizzi tal-logħob tal-azzard u lill-Kummissjoni jiffaċilitaw kemm jista’ jkun, il-fluss tad-data bejn ir-regolaturi fl-Istati Membri sabiex jaqsmu l-aħjar prattiki u l-informazzjoni biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta’ sistema komuni li tidentifika lil-lagħba, miżuri ta' infurzar kontra l-operaturi illegali, it-tisħiħ tal-ħarsien tal-konsumaturi, ir-reklamar responsabbli, l-istabbiliment ta’ listi bojod u suwed, il-prevenzjoni tal-logħob mixtri u mekkaniżmi ta' awtoesklużjoni li jinkludu fost l-oħrajn, il-limiti personali ta' ħin u ta' flus applikabbli madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi sabiex il-grupp ta' esperti jibbenefika mill-għarfien espert l-aktar usa' possibbli fl-iżvilupp tax-xogħol tiegħu; iħeġġeġ lill-Istati Membri jniedu mill-ġdid id-djalogu dwar is-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn fil-forum tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-istabbiliment u s-servizzi;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi dejjem esperti li huma speċjalizzati fil-logħob tal-azzard problematiku u patoloġiku fi gruppi ta’ esperti u konsultazzjonijiet;

36.  Huwa tal-opinjoni li l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-esperti nazzjonali mill-isferi soċjali u tas-saħħa li jispeċjalizzaw fil-logħob tal-azzard patoloġiku u problematiku għandhom jissaħħu fil-livell Ewropew;

37.  Jenfasizza li, filwaqt li l-iskambju effettiv ta' informazzjoni bejn l-entitajiet ta' investigazzjoni huwa importanti għall-infurzar b'suċċess tal-liġi, l-azzjoni sabiex jiġi miġġieled il-logħob mixtri trid tikkonforma mal-liġijiet u r-regolamenti tal-protezzjoni tad-data nazzjonali u dawk Ewropej;

38.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-grupp ta’ esperti, jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u bejniethom biex jikkoordinaw passi mmirati kontra l-provvista mhux awtorizzata ta’ servizzi transkonfinali ta’ logħob tal-azzard u biex jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni inkluż fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-logħob tal-azzard onlajn;

39.  Jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri hi essenzjali imma jenfasizza li huwa importanti ħafna wkoll li l-grupp ta' esperti dwar il-logħob tal-azzard jaħdem f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha, inklużi kemm l-industrija tal-logħob tal-azzard kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur;

40.  Jenfasizza l-importanza li l-grupp ta’ esperti jaħdmu għat-tfassil ta' proċeduri aktar trasparenti u semplifikati li jneħħu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa fuq l-Istati Membri li jistgħu jżidu mingħajr ħtieġa l-ispejjeż għall-operaturi legali onlajn f'dawk il-pajjiżi li jagħżlu li jiftħu s-swieq tagħhom; jinnota li t-tneħħija ta' piżijiet amministrattivi m'għandhiex tikkomprometti l-ħarsien tal-konsumaturi;

41.  Jemmen li għandhom jittieħdu passi biex ir-reġimi nazzjonali tat-taxxa għas-servizzi tal-logħob tal-azzard ikunu allinjati ma' xulxin bil-ħsieb li jiġi evitat li l-konċessjonijiet fiskali sproporzjonati jiffavorixxu proliferazzjoni u konċentrazzjoni tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn;

42.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali f'dawk l-Istati Membri li għażlu li jintroduċu sistemi ta' liċenzjar, jiskambjaw l-aħjar prattiki li jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ liċenzji nazzjonali tal-logħob tal-azzard, inklużi standards tekniċi għall-apparat tal-logħob tal-azzard; iħeġġeġ lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti jippermettu l-operat ta' kumpanija tal-logħob tal-azzard fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom biss meta tali kumpanija ma toperax f'kontravenzjoni tal-liġi fi Stat Membru ieħor li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tkunx ġiet iddikjarata bħala mhux konformi mill-Qorti tal-Ġustizzja;

Ħasil tal-flus

43.  Jenfasizza l-fatt li l-logħob tal-azzard onlajn huwa ambjent mhux ibbażat fuq il-kontanti u li – minħabba d-dipendenza fuq fornituri ta' servizzi finanzjarji ta' partijiet terzi – jeħtieġu salvagwardji addizzjonali kontra l-ħasil tal-flus; jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-logħob tal-azzard, il-pulizija nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali ta' infuzar għall-prevenzjoni ta' attività kriminali;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-grupp ta’ esperti jieħdu azzjoni effettiva kontra l-ħasil tal-flus; jilqa' f'dan ir-rigward, il-proposta li jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus biex tinkludi l-forom kollha ta' logħob tal-azzard, u jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiżguraw li kwalunkwe tranżazzjoni b’suspett li hija potenzjalment konnessa mal-ħasil tal-flus jew ma’ attività kriminali oħra tiġi rappurtata f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva;

45.  Jistieden lill-Kunsill jipproċedi b'ħeffa u b’ambizzjoni bin-negozjati dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu (COM(2013)0045), u jindirizza kull tip ta’ logħob tal-azzard, fosthom il-logħob tal-azzard onlajn, għall-prevenzjoni tal-isfruttament tal-attivitajiet ta' mħatri sportivi onlajn minn interessi kriminali għal skopijiet ta’ ħasil tal-flus;

46.  Jenfasizza li s-sistemi sodi ta’ reġistrazzjoni u verifikazzjoni mhux ambigwa huma għodod ewlenin għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe użu ħażin tal-logħob tal-azzard onlajn, bħall-ħasil tal-flus; jinnota li, għal raġunijiet ta' verifikazzjoni tal-identità bħal dawn, jista' jinsilet vantaġġ minn strutturi onlajn li diġà jeżistu u li qed jiżviluppaw, bħal sistemi ta’ verifikazzjoni onlajn tal-bank u tal-karti tal-kreditu;

47.  Huwa tal-fehma li l-kumpaniji kollha tal-logħob tal-azzard onlajn li joperaw fiż-żona tal-UE għandhom ikunu rreġistrati bħala entitajiet leġittimi fl-UE;

48.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom jidentifikaw u jinnominaw l-awtorità pubblika responsabbli bl-inkarigu li timmonitorja l-logħob tal-azzard onlajn; jenfasizza li l-awtorità għandha tkun awtorizzata wkoll tintervjeni jekk jidher xi logħob tal-azzard onlajn suspettuż; il-kumpaniji tal-logħob għandhom jintalbu wkoll jinfurmaw lill-awtorità dwar kwalunkwe attività suspettuża relatata mal-logħob;

L-integrità tal-isport

49.  Jenfasizza li, minħabba n-natura transnazzjonali tal-logħob mixtri, il-ġlieda kontrieh titlob kooperazzjoni aktar effettiva bejn il-partijiet interessati kollha, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-industrija tal-isport, l-operaturi tal-logħob tal-azzard u r-regolaturi tal-logħob tal-azzard, l-atleti u l-partitarji, filwaqt li għandha ssir enfasi fuq l-edukazzjoni u l-azzjonijiet preventivi f'dan ir-rigward; jilqa’ f’dan ir-rigward l-Azzjoni Preparatorja reċenti tal-Kummissjoni tal-2012, li tappoġġa l-proġetti transnazzjonali tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-logħob mixtri; jinnota li l-logħob mixtri jsir kemm fis-swieq tal-logħob tal-azzard onlajn u kemm dawk mhux onlajn u li, fil-maġġoranza tal-każijiet, il-logħob mixtri relatat mal-imħatri onlajn isir permezz ta' operaturi tal-logħob tal-azzard stabbiliti fi swieq mhux regolati barra l-UE;

50.  Jitlob li jkun hemm kodiċi ta' kondotta, bħala parti minn inizjattiva awtoregolatorja li tipprevedi projbizzjoni ġenerali fuq il-persuni kollha (b’mod partikolari l-players, il-coaches, ir-referees, il-persunal mediku u tekniku, is-sidien u d-diriġenti tal-clubs) involuti f’avvenimenti sportivi u li jista' jkollhom influwenza diretta fuq ir-riżultat, milli jagħmlu mħatri fuq il-logħbiet jew l-avvenimenti tagħhom stess; jenfasizza wkoll f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' sistemi ta' verifika tal-età u tal-identità stretti u affidabbli fil-livell tal-Istati Membri; jitlob lill-organizzazzjonijiet sportivi jużaw il-kampanji edukattivi u l-kodiċijiet ta' kondotta biex jedukaw, sa minn età bikrija, lill-isportivi, lir-referees u lill-uffiċjali dwar l-illegalità tal-manipulazzjoni tar-riżultati sportivi;

51.  Jirrikonoxxi li l-isforzi fil-ġlieda kontra l-involviment tal-organizzazzjonijiet sportivi f’attivitajiet korrotti bħal-logħob mixtri jew il-ħasil tal-flus, bħall-kodiċijiet ta' kondotta, jeħtieġ li jindirizzaw lill-gruppi kollha ta' partijiet interessati (l-uffiċjali, is-sidien, id-diriġenti, l-aġenti, il-players, ir-referees u l-partitarji) u lill-organizzazzjonijiet kollha (il-klabbs, leagues, federazzjonijiet, eċċ.);

52.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-prijorità li tingħata għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni fl-isport u jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar enfasi fuq l-infurzar effiċjenti tal-liġi f'dan ir-rigward; jitlob l-adozzjoni fil-livell nazzjonali ta’ miżuri effettivi sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess, partikolarment billi jiġu evitati wagers tal-partijiet interessati kollha mid-dinja sportiva fuq imħatri organizzati fuq kompetizzjonijiet li huma jkunu involuti fihom; jistieden lill-korpi kollha li jirregolaw l-isport jikkommettu ruħhom għal prattiki ta’ governanza tajba sabiex jitnaqqas ir-riskju li jkunu vittmi tal-logħob mixtri; jistieden lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward, tqis il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-valutazzjoni tar-riskji ta' ċerti tipi ta' mħatri u tivvaluta r-riskji possibbli tal-imħatri fuq partijiet mil-logħba, fejn huwa possibbli li jsiru mħatri fuq ċertu avvenimenti matul kompetizzjoni u biex tittieħed azzjoni adegwata kif xieraq;

53.  Jistieden lill-federazzjonijiet sportivi u lill-operaturi tal-logħob tal-azzard jinkludu, f'kodiċi ta' kondotta, il-projbizzjoni ta' mħatri fuq avvenimenti hekk imsejħa negattivi, bħall-karti sofor, penalty kicks jew free kicks, waqt logħba jew avveniment; jistieden lill-Istati Membri u lill-operaturi tal-logħob tal-azzard jipprojbixxu kull forma ta' mħatri fuq l-avvenimenti sportivi live, minħabba li deher li dawn huma vulnerabbli ħafna għal-logħob mixtri, u għaldaqstant huma ta' riskju għall-integrità tal-isport;

54.  Jitlob li jkun hemm obbligu ta' kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni dwar attivitajiet suspettużi fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, bejn il-korpi sportivi, l-awtoritajiet pubbliċi, il-Europol u l-Eurojust, sabiex jiġu miġġielda attivitajiet kriminali transkonfinali fil-qasam tal-logħob tal-azzard onlajn;

55.  Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi skambju aħjar ta’ prattiki tajbin fil-ġlieda kontra l-logħob mixtri; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-ħidma kontinwa fil-Kunsill tal-Ewropa lejn in-negozjati ta’ konvenzjoni internazzjonali dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tal-integrità tal-isport; jenfasizza li l-logħob mixtri mhux dejjem ikun relatat mal-imħatri, u li dan l-aspett mhux relatat mal-imħatri tal-logħob mixtri, li wkoll huwa ta’ problema għall-integrità tal-isport, jeħtieġ li jiġi indirizzat ukoll; jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni msaħħa fil-livell tal-UE u dak globali fil-ġlieda kontra l-logħob mixtri; jistieden lill-Kummissjoni tkun hi li tmexxi l-ħolqien ta’ pjattaforma globali għall-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki u l-koordinazzjoni tal-prevenzjoni konġunta u l-azzjonijiet ta' infurzar bejn ir-regolaturi, l-organizzazzjonijiet sportivi, il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-operaturi tal-logħob tal-azzard;

56.  Iqis li politika konsistenti dwar sanzjonijiet kriminali hi essenzjali għal approċċ pan Ewropew li jirregola s-settur tal-logħob tal-azzard onlajn u, għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-manipulazzjoni frodulenti ta' riżultati biex jittieħed vantaġġ finanzjarju jew vantaġġ ieħor tiġi pprojbita billi kwalunkwe theddida għall-integrità ta' kompetizzjonijiet tiġi stabbilita bħala reat kriminali, inklużi dawk marbuta mal-operazzjonijiet tal-imħatri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni fil-livell tal-UE kontra logħob tal-azzard onlajn mhux regolat u ssostni l-ġlieda kontra l-logħob mixtri;

57.  Jirrikonoxxi li f'uħud mill-Istati Membri, l-introjtu mil-logħob tal-azzard u l-lotteriji jirrappreżentaw sors ta' dħul konsiderevoli li jista' jiġi kanalizzat lejn skopijiet karitatevoli u ta' benefiċċju pubbliku, xogħlijiet kulturali, sport popolari, it-tiġrijiet taż-żwiemel u s-settur ekwin; jenfasizza barra dan, is-sinifikat ta’ dan il-kontribut sostenibbli u r-rwol speċifiku li għandu jiġi rikonoxxut fid-diskussjonijiet fil-livell Ewropew; itenni għal darb'oħra l-pożizzjoni tiegħu li l-imħatri tal-isport huma forma ta' użu kummerċjali tal-kompetizzjonijiet sportivi; jirrakkomanda, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri f'din il-kwistjoni, li l-kompetizzjonijiet sportivi għandhom jitħarsu minn kull użu kummerċjali mhux awtorizzat, partikolarment billi jiġu rikonoxxuti d-drittijiet ta' proprjetà tal-organizzaturi tal-avveniment sportiv, mhux biss sabiex ikun żgurat dħul finanzjarju ġust għall-benefiċċju tal-livelli kollha ta' sport professjonali u dawk tad-dilettanti, iżda wkoll bħala mezz għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi fl-isport, partikolarment il-logħob mixtri;

58.  Jitlob iżjed kooperazzjoni fil-livell Ewropew, taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni, sabiex jiġu identifikati u pprojbiti l-operaturi tal-imħatri onlajn involuti f’attivitajiet illegali bħal, fost l-oħrajn, il-logħob mixtri jew l-imħatri fuq kompetizzjonijiet taż-żgħar li jinvolvu l-minorenni u jistenna li l-industrija tal-logħob tal-azzard tirrispetta din il-projbizzjoni permezz ta' awtoregolazzjoni;

59.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jqisu projbizzjoni tal-forom kollha ta' manipulazzjoni ta' parti mil-logħba, bħal-logħob tal-azzard fuq il-corner kicks, il-free kicks, it-throw-ins u l-karti sofor, peress li ntwera li dawn huma vulnerabbli ħafna għal-logħob mixtri;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tinstalla sistema Ewropea ta’ twissijiet għar-regolaturi tal-imħatri sabiex jiskambjaw l-informazzjoni malajr dwar l-avvenimenti sportivi mixtrijin;

61.  Jilqa’ l-proġetti edukattivi transnazzjonali sabiex jiġi miġġieled il-logħob mixtri fil-livell dinji;

62.  Jenfasizza l-fatt li l-atleti jeħtieġu mekkaniżmi ta' protezzjoni effettivi biex jopponu l-influwenzi li jikkorrompu, fosthom is-salvagwardja tal-integrità morali u fiżika tal-atleti, kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa u s-salvagwardja tas-salarji jew ir-remunerazzjonijiet, inklużi projbizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni f'livelli differenti tal-kompetizzjoni għall-organizzazzjonijiet sportivi li b’mod regolari ma jwettqux dawn l-obbligi lejn l-atleti tagħhom;

63.  Jenfasizza li allegazzjonijiet ta' logħob mixtri spiss jitressqu quddiem qrati pubbliċi kif ukoll dawk sportivi u li, taħt iż-żewġ proċeduri, għandhom jiġu rispettati l-istandards proċedurali minimi internazzjonali, kif stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

64.  Jitlob għar-regolamentazzjoni stretta jew il-projbizzjoni, wara evalwazzjoni mwettqa fil-livell ta’ kull Stat Membru, ta’ forom perikolużi ta’ logħob tal-azzard;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0098.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0025.
(3) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 35.
(4) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 30.
(5) ara, għal dan, Kawża C 275/92 Schindler, il-paragrafi 57 sa 60; Kawża C 124/97 Läärä u Oħrajn, il-paragrafi 32 u 33; Kawża C-67/98 Zenatti, il-paragrafi 30 u 31; Kawża C-243/01 Gambelli u Oħrajn, il-paragrafu 67; Kawża C-42/07 Liga Portuguesa, il-paragrafu 56; Kawżi Konġunti C 316/07, C 358/07 sa C 360/07, C 409/07 u C 410/07, Markus Stoß u Oħrajn, il-paragrafu 74; Kawża C 212/08, Zeturf Ltd, il-paragrafu 38; Kawża C-72/10 Costa, il-paragrafu 71; Kawża C 176/11 Hit Larix, il-paragrafu 15; Kawżi Konġunti C 186/11 u C 209/11 Stanleybet u oħrajn, il-paragrafu 44.

Avviż legali - Politika tal-privatezza