Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2042(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0269/2013

Testi mressqa :

A7-0269/2013

Dibattiti :

PV 07/10/2013 - 21
CRE 07/10/2013 - 21

Votazzjonijiet :

PV 08/10/2013 - 9.11
CRE 08/10/2013 - 9.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0401

Testi adottati
PDF 328kWORD 87k
It-Tlieta, 8 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Effetti tar-restrizzjonijiet baġitarji għall-awtoritajiet reġjonali u lokali rigward in-nefqa tal-Fondi Strutturali tal-UE fl-Istati Membri
P7_TA(2013)0401A7-0269/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar effetti tar-restrizzjonijiet baġitarji għall-awtoritajiet reġjonali u lokali rigward in-nefqa tal-Fondi Strutturali tal-UE fl-Istati Membri (2013/2042(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta' Marzu 2013(2),

–  wara li kkunsidra n-negozjati interistituzzjonali kurrenti dwar il-futur tal-Politika ta' Koeżjoni u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-Euro bl-isem 'Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina'(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Aġenda Urbana Ewropea u l-futur tagħha fil-Politika ta’ Koeżjoni(4),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(5),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom fiż-żona tal-euro(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-11 ta' Marzu 2009 dwar il-Politika ta' Koeżjoni: investiment fl-ekonomija reali(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar 2013 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali(8),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' opinjoni tal-Kumitat għar-Reġjuni tas-6 ta' Marzu 2013 bl-isem 'Sinerġiji bejn l-investiment privat u l-finanzjament pubbliku fil-livelli lokali u reġjonali –Sħubijiet għat-tkabbir ekonomiku u l-prosperità',

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-1 ta' Frar 2013 bl-isem 'Noħolqu sinerġiji ikbar bejn il-baġits tal-UE, nazzjonali u sottonazzjonali',

–  wara li kkunsidra l-memo tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-2012 dwar l-impatt tal-awsterità baġitarja fuq il-finanzji u l-investimenti lokali,

–  wara li kkunsidra n-nota tal-Bank Ewropew tal-Investiment tal-14 ta' Diċembru 2012 dwar l-impatt tar-riċessjoni fl-2008–2009 fuq il-konverġenza reġjonali tal-UE(9),

–  wara li kkunsidra d-dokument okkażjonali tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2012 dwar il-kwalità tal-infiq pubbliku fl-UE(10),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-FMI bl-isem 'World Economic Outlook' (Ix-Xejra Ekonomika Dinjija) ta' Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0269/2013),

A.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija xekklet il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-UE u kkawżat qgħad ogħla, inqas PDG u żiedet id-disparitajiet reġjonali u d-defiċits baġitarji fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

B.  billi l-ħin u s-severità tal-kriżi varjat ħafna fir-reġjuni tal-UE, filwaqt li enfasizzat id-dgħjufijiet strutturali eżistenti minn qabel u ġabet tnaqqis serju fit-tkabbir tal-PDG, rati rekord ta' qgħad, tfaqqir kbir tal-iktar kategoriji soċjali fraġli, u klima tan-negozju deterjorata u fiduċja mnaqqsa tal-konsumatur;

C.  billi l-banek u s-swieq finanzjarji qed joqogħdu dejjem iktar lura milli jsellfu, peress li ddeterjorat l-affidabilità kreditizja tal-gvernijiet sovrani u sottonazzjonali;

D.  billi ntwera li l-patt fiskali wera mhux xieraq biex jiffaċċja l-isfidi tal-kriżi u billi huwa previst patt tat-tkabbir li jippermetti investimenti importanti fuq skala Komunitarja bħala l-iktar soluzzjoni vijabbli, peress li llum hemm kunsens li l-awsterità finanazjarja u t-tnaqqis baġitarju mingħajr investimenti ma jirxoxtawx l-ekonomija u mhux se joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-ħolqien tal-imjiegi u t-tkabbir ekonomiku;

E.  billi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej huma maħsuba biex jippromwovu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE kollha, jnaqqsu d-disparitajiet reġjonali, jippromwovu l-konverġenza u jistimulaw l-iżvilupp, l-impjiegi u l-progress soċjali permezz ta' investiment produttiv;

F.  billi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej huwa bl-istess mod infiq dedikati għall-appoġġ tat-tkabbir u l-kompetittività intelliġenti, inklużivi u sostenibbli u b'hekk għandhom impatt pożittiv fuq id-denominatur tal-proporzjon tad-defiċit għall-PDG;

G.  billi l-kollass tal-finanzi pubbliċi fl-UE kollha skattat mill-kriżi tad-dejn sovran irriżulta fit-tixrid ta' politiki ta' awsterità; billi l-effetti tagħhom fuq il-finanzi lokali kienu devastanti, billi kkawżat tnaqqis u moderazzjoni f'diversi linji baġitarji u pperikolaw serjament il-kapaċitajiet ta' finanzjament/kofinanzjament għal investiment produttiv tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

H.  billi ftit stati biss baqgħu jappoġġaw l-investiment lokali, filwaqt li oħrajn, iffaċċjati mill-kriżi tad-dejn sovran, iddeċidew li jiffriżaw jew inaqqsu l-appoġġ finanzjarju għall-investiment tal-awtoritajiet lokali, b'tendenza qawwija li jiġu ċentralizzati u jiddaħħlu regoli interni tal-patt ta' stabilità li naqqsu drastikament l-investiment;

I.  billi t-tnaqqis baġitarju sostanzjali li sar f'oqsma u f'setturi importanti jikkostitwixxi wieħed mill-ikbar problemi li bħalissa qed jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

J.  billi l-gvernijiet sottonazzjonali huma atturi reġjonali ewlenin tal-iżvilupp: dawn jirrapreżentaw 60 % tal-investiment pubbliku u 38 % tal-infiq statali konsolidat 'għall-affarijiet ekonomiċi', u b'hekk jinkludu l-parti l-kbira tal-infiq li jista' jinfluwenza l-iżvilupp reġjonali, bħal dak għall-affarijiet kummerċjali u tal-impjiegi, l-agrikola, it-trasport u r-R&Ż;

K.  billi fl-UE, l-investiment aġixxa bħala aġġustament varjabbli f'żewġ pajjiżi minn tlieta, parzjalment minħabba l-isforzi li saru fl-2009 fil-ġlieda kontra l-kriżi; billi naqas l-investiment dirett fi sbatax-il stat Membru fl-2011, meta mqabbel mal-2010, u naqas b'iktar minn 10 % f'għaxar pajjiżi fl-2011 (l-Awstrija, il-Latvja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, il-Bulgarija, il-Greċja, il-Portugall, l-Ungerija u Spanja); billi t-tnaqqis fl-investiment li beda fl-2010 (l-għotjiet ta' investiment mill-gvernijiet ċentrali niżlu bi -8.7 %) qed ikompli u jidher li se jidħol fi spirali negattiva;

L.  billi l-livell ta' dejn tal-kollettivitajiet lokali huwa ferm iktar baxx minn dak tal-protagonisti nazzjonali;

M.  billi l-awtoritajiet sottonazzjonali huma meħtieġa jipparteċipaw fl-isforz ta' konsolidazzjoni u jnaqqsu d-defiċits u d-dejn tagħhom filwaqt li l-kundizzjonijiet tas-self iddeterjoraw għall-gvernijiet subonazzjonali finanzjarjament dgħajfa;

N.  billi l-investiment pubbliku huwa essenzjali għall-inklużjoni soċjali u billi l-ħtiġijiet ta' investiment huma sostanzjali f'ħafna setturi kruċjali fl-ekonomija tal-UE, bħas-suq tax-xogħol, l-infrastruttura, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

O.  billi, wara perjodu ta' żieda fil-konverġenza fl-UE bejn l-2000 u l-2007, il-konverġenza naqqset il-pass tagħha b'mod sostanzjali matul il-riċessjoni; billi r-reġjuni l-aktar milquta kienu dawk b'investimenti mhux sostenibbli u spekulattivi u dawk b'setturi tal-manifattura tal-esportazzjoni qawwija;

P.  billi l-mekkaniżmu ta' assorbiment tal-fondi strutturali tal-Unjoni jimplika li l-Kummissjoni tista' biss tirrimborża ħlasijiet intermedji abbażi ta' dikjarazzjonijiet ta' nefqa diġà appoġġati fl-Istati Membri;

Q.  billi l-kofinanzjament nazzjonali pubbliku tal-fondi strutturali tal-Ue-27 għall-perjoud ta' programmazzjoni 2007-2013 jammonta għal madwar EUR 132 biljun, u billi ċifra bħal din tirrappreżenta prekundizzjoni għall-assorbiment regolari ta' dawn il-fondi kif ukoll għall-kwalità tal-investimenti, billi tiżdied l-awtonomizzazzjoni u r-responsabbiltà fil-qasam tal-użu tal-fondi tal-Unjoni;

R.  billi l-kofinanzjament pubbliku tal-programmi appoġġati mill-Politika ta' Koeżjoni jista' jiġi kompromess minħabba n-nuqqas ta' flessibilità fl-applikazzjoni tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir (PST), u dan jillimita l-kontribuzzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni għat-titjib tal-kompetittività u biex tingħeleb il-kriżi attwali;

Osservazzjonijiet ġenerali

1.  Jinnota bi tħassib kbir il-mudell ċar ta' żieda fl-inugwaljanza reġjonali fl-UE llum, billi bosta reġjuni relattivament foqra jinsabu fl-Istati Membri l-ġodda u fin-Nofsinhar tal-Ewropa u l-parti l-kbira tar-reġjuni sinjuri jinsabu fl-Ewropa Ċentrali u tat-Tramuntana, u anke fl-Istati Membri nnifishom u r-reġjuni tagħhom; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza primarja tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE bħala għodda ewlenija għall-investiment immirat lejn il-konverġenza u l-iżvilupp sostenibbli fl-UE;

2.  Jenfasizza li l-ekonomija lokali hija fattur ta' rkupru ewlieni għall-komunitajiet u li dan huwa importanti fis-sitwazzjoni attwali ta' kriżi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-ekonomija soċjali fit-titjib tal-koeżjoni soċjali fil-livell lokali; Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu opportunitajiet ta' ffinanzjar għall-ekonomija soċjali permezz tal-Fondi Strutturali għall-perjodu 2014–2020;

3.  Itenni l-importanza tal-Politika ta' Koeżjoni bħala l-istrument ewlieni ta' investiment tal-Unjoni, li għandu rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-kriżi, it-tnaqqis fl-inugwaljanzi u l-involviment tal-UE u r-reġjuni tagħha fit-triq tat-tkabbir sostenibbli; jenfasizza r-rwol speċjali tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fl-appoġġar tal-investiment soċjali u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari billi jikkontribwixxi għal livelli għoljin ta' impjieg sostenibbli u produttività u, fl-istess ħin, jiġġieled b'mod effettiv il-faqar u l-esklużjoni soċjali kif ukoll tiżdied il-koeżjoni soċjali; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jkunu żgurati dispożizzjonijiet baġitarji suffiċjenti fil-kuntest tan-negozjati tal-QFP għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment, filwaqt li jitqies partikolarment is-sehem ewlieni tagħhom ta' investiment f'oqsma bħall-impjiegi, l-innovazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, l-ekonomija b'karbonju baxx u l-appoġġ għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

4.  Jirrimarka li l-Politika ta' Koeżjoni wriet li tiflaħ għall-kriżi, bl-adattament tal-programmi tagħha u l-istrumenti ta' finanzjament u b'hekk tipprovdi flessibilità akbar u tagħti kontribut kruċjali f'oqsma fejn huwa meħtieġ investiment għall-modernizzazzjoni ekonomika u l-kompetittività mtejba u għat-tnaqqis fid-disparitajiet ġeografiċi;

Il-kapaċità ta' finanzjament tar-reġjuni tal-UE u s-sinerġiji bejn il-livell reġjonali, il-livell nazzjonali u dak tal-UE

5.  Jenfasizza r-rwol li għandhom bosta kollettivitajiet lokali fl-ibbilanċjar mill-ġdid tal-baġit billi jżommu l-livell ta' investiment pubbliku u jikkofinanzjaw proġetti ġodda u jipprovdu effett ta' lieva, speċjalment meta l-investiment privat ikun baxx; jenfasizza l-fatt li, fi żmien ta' riċessjoni u tkabbir dgħajjef, l-akkwisti pubbliċi sostenibbli u l-kapaċità ta' finanzjament/kofinanzjament u tal-teħid ta' impenji għall-investiment hija kruċjali sabiex jinżamm il-potenzjal tat-tkabbir;

6.  Huwa mħasseb li l-miżuri ta' awsterità mtawla u l-governanza ekonomika stretta mwettqa fl-2011 u l-2012, li żiedu l-pressjoni u naqqsu l-baġits pubbliċi, qed jirriskjaw li jnaqqsu l-ambitu tal-politiki lokali mmirati li jissodisfaw l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi restawrata u tijieb il-kapaċità finanzjarja, fil-livell sottonazzjonali, u li tiġi provduta assistenza teknika adegwata, speċjalment fl-implimentazzjoni ta' proġetti konġunti kumplessi mmexxija lokalment, sabiex jiġi żgurat l-investiment pubbliku għall-programmi u l-proġetti mmirati lejn it-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u r-ristawr tat-tessut soċjali, il-forniment ta' servizzi soċjali u ta' kura tas-saħħa adegwati u l-iżgurar tal-impjiegi, speċjalment fil-livell reġjonali u f'dak lokali; itenni li l-allokazzjoni addizzjonali speċifika għar-reġjuni l-aktar imbiegħda m'għandhiex tkun soġġetta għall-konċentrazzjoni tematika u għandha tintuża sabiex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE, li jġarrbu r-reġjuni l-aktar mbiegħda jinnota, barra minn hekk, li l-allokazzjoni addizzjonali speċifika tista' tintuża ukoll sabiex tgħin fil-finanzjament ta' għajnuna operattiva u ta' nfiq li jkopri obbligi tas-servizz pubbliku u kuntratti fir-reġjuni l-aktar mbiegħda;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ iktar il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u li jsiru iktar sforzi biex titnaqqas il-burokrazija li taffettwa b'mod negattiv ukoll lil dawn l-awtoritajiet bħala benefiċjarji u tirrestrinġi l-kapaċità tagħhom li jimplimentaw il-proġetti ffinanzjati mill-UE;

9.  Jitlob lill-istituzzjonijiet itejbu d-dispożizzjonijiet eżistenti sabiex ir-reġjuni ta’ ċerti Stati Membri li ntlaqtu partikolarment ħażin mill-kriżi finanzjarja jkunu jistgħu jkomplu jtejbu l-kapaċità tagħhom li jassorbu l-fondi strutturali u ta’ koeżjoni u jipprevjenu d-diżimpenji enormi antiċipati;

10.  Jitlob li r-regoli jiġu simplifikati iktar u li jkun hemm flessibilità u trasparenza miżjuda fl-ipprogrammar u l-ġestjoni tal-Fondi Strutturali, li se jippermettu implimentazzjoni aħjar tal-proġetti kif ukoll reazzjonijiet aktar fil-pront u aktar xieraq għall-isfidi u t-theddid soċjali;

11.  Jilqa' r-Rapport tal-2012 tal-Kummissjoni dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-UEM u speċjalment il-kapitolu dwar id-Deċentralizzazzjoni Fiskali fl-UE, li jenfasizza l-validità ta' mudell fiskali federalista li jagħti r-responsabilitajiet għall-ħolqien tal-introjtu kif ukoll l-infiq lill-awtoritajiet substatali; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi tali kapitolu dwar l-istat tal-finanzi pubbliċi u r-riformi substatali fir-rapport tas-sena d-dieħla dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-UEM;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa għal sinerġiji akbar bejn il-baġit tal-infiq pubbliċi nazzjonali, dak sottonazzjonali u dak Ewropew permezz tal-istabbiliment ċar tar-rwoli u r-responsabilitajiet tal-awtoritajiet baġitarji differenti fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u dak substatali, inkluż li dawn ikunu ċari dwar ir-rwol u r-raġuni għall-politika tal-UE u l-intervent tal-finanzjament, jirrispettaw il-perjodi ta' pagament iffissati fid-Direttiva 2011/7/UE dwar il-Ħlas Tardiv, jirrispettaw is-sussidjarjetà u d-drittijiet baġitarji tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (ir-rwol tagħhom fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fl-iskrutinju), jiġifieri r-responsabilizzazzjoni demokratika tagħhom għall-komunitajiet li jeleġġuhom, u li jiżguraw l-awtonomija ta' kull livell ta' governanza fid-determinazzjoni tal-prijoritajiet u tal-infiq; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi data fattwali ċara dwar kif jista’ jissaħħaħ ir-rwol tal-baġit tal-UE li juża l-influwenza tiegħu biex iqanqal investimenti fil-livelli differenti;

13.  Jappoġġa bil-qawwa aktar trasparenza u semplifikazzjoni tal-proċessi baġitarji fil-livelli kollha ta' governanza (inkluża l-identifikazzjoni tas-sorsi ta' finanzjament tal-UE espliċitament fil-baġits nazzjonali u substatali), kif ukoll li tiġi żgurata d-disponibilità tad-data fil-livell tal-UE dwar il-profili ta' nfiq tal-programmi ta' finanzjament tal-UE fil-livell reġjonali (meta dan ikun possibbli), iżda wkoll li jiġi ċċarat kif il-prijoritajiet u l-finanzjament huma allinjati fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u dak substatali lejn il-prijoritajiet mifthiema fil-livell tal-tal-UE;

14.  Jenfasizza l-importanza tal-adattament għal-limiti baġitarji li għaddejjin fl-Ewropa, filwaqt li jibqa' jsir investiment fil-ġejjieni; ifakkar lill-Istati Membri li l-isfida mhijiex li jintnefaq aktar, imma li jsir infiq b'mod aktar effiċjenti;

15.  Jilqa' l-fatt li taħt il-Politika ta' Koeżjoni l-applikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji qed tiġi estiża għall-objettivi tematiċi kollha u għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kollha; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi u valutazzjoni bir-reqqa tal-potenzjal tal-mezzi u s-sorsi l-ġodda ta' finanzjament biex jiġi appoġġat l-investiment għat-tkabbir, bħas-suq tal-bonds, l-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju u l-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jipproponu modi innovattivi ta' finanzjament tal-investimenti għat-terminu twil tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, anke billi jiġi attirat il-kapital privat; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-iskemi ta' self tal-BEI fil-finanzjament ta' proġetti ta' interess Ewropew, u jitlob li jkun hemm iktar koordinazzjoni u sinerġija bejn tali skemi u l-Fondi Strutturali;

16.  Jenfasizza l-importanza ta' Jessica għall-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli fil-bliet u r-rijabilitazzjoni taż-żoni urbani permezz ta' mekkaniżmi ta' inġinerija finanzjarja u jitlob li jiżdied l-użu ta' Jessica għall-perjodu ta' programmazzjoni futur;

Il-governanza ekonomika tal-UE u l-investiment għat-tkabbir u l-impjiegi

17.  Jenfasizza r-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista' jkollhom fl-ilħiq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; itenni l-importanza tas-sħubija bejn l-awtoritajiet ċentrali u dawk reġjonali u lokali fl-istabbiliment tal-prijoritajiet u fl-għoti tal-kofinanzjament meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-programmi bħala prekundizzjoni għall-kisba ta' effett massimu b'riżorsi limitati fit-tentattivi li jintlaħqu dawn l-objettivi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-istrumenti l-ġodda għal żvilupp lokali mmexxi mill-komunità, li jippermetti gruppi ta' azzjoni fil-livell lokali biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji lokali għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jistieden lill-Istati Membri biex jipprevedu opportunitajiet bħal dawn bħala parti mill-proċess ta' programmar attwali sabiex isir użu mill-potenzjal kbir tal-gruppi ta' azzjoni lokali fir-rigward tal-innovazzjoni; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u, meta applikabbli, tas-sħab soċjali u sħab relevanti oħra fl-ipprogrammar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Fondi Strutturali u l-preparazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija, li jistgħu jirriżultaw f'rabtiet aħjar bejn l-istrateġiji tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali;

18.  Jesprimi t-twemmin li hemm bżonn konċentrazzjoni tematika fuq għadd żgħir ta' prijoritajiet; jenfasizza, madankollu, li l-flessibilità hija meħtieġa biex l-Istati Membri u r-reġjuni jkunu jistgħu jirreaġixxu b'mod kemm jista' jkun effettiv għal miri komuni, filwaqt li jiġu rrispettati wkoll l-ispeċifiċitajiet territorjali, ekonomiċi u soċjali;

19.  Itenni bil-qawwa l-oppożizzjoni tiegħu għall-introduzzjoni ta' kundizzjonalità makroekonomika fil-Politika ta' Koeżjoni 2014–2020 li tippenalizza r-reġjuni u l-gruppi soċjali li diġà huma mdgħajfa mill-kriżi permezz tas-sospensjoni tal-pagamenti li possibbilment ikollhom effetti sproporzjonati f'xi Stati Membri u speċjalment fir-reġjuni, minkejja l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fl-isforzi biex jibbilanċjaw il-baġits pubbliċi, u li sservi biss biex iddgħajjef lill-istati li jinsabu f'diffikultà finanazjarja u tagħmel ħsara lill-isforzi ta' solidarjetà li huma essenzjali biex jinżamm il-bilanċ makroekonomiku fl-Unjoni; hu tal-fehma, barra minn hekk, li approċċ ta' sanzjonijiet bħal dan jista' ma jinftiehemx mill-pubbliku in ġenerali u jista' jżid in-nuqqas ta' fiduċja f'mument meta n-nies diġà tinsab affettwata minn kriżi u mill-effetti tal-politiki ta' awsterità;

20.  Iqis li f'dan il-perjodu ta' tnaqqis fil-finanzjamenti pubbliċi, għandu jiġi rikunsidrat il-prinċipju tal-addizzjonalità biex l-applikazzjoni ssir koerenti mal-kuntest tal-governanza ekonomika Ewropea, u jitlob li jsir dibattitu dwar din il-kwistjoni fil-kuntest tan-negozjati dwar il-Politika ta' Koeżjoni wara l-2013;

21.  Jinnota li l-kummenti riċenti tal-FMI li l-awsterità ddgħajjef il-pajjiżi fejn tiġi applikata bla ħsieb, minħabba li meta l-perspettiva ekonomika globali tkun fqira, it-tnaqqis preċipitat tad-defiċit tal-gvern ixekkel l-irkupru għat-terminu qasir billi jbaxxi d-dħul mit-taxxi u b'hekk iżid iktar id-defiċit; jaqbel mal-FMI li jeħtieġ li titqiegħed enfasi fuq il-bilanċ mill-ġdid bejn it-tindif u t-tkabbir, u mhux biss fuq it-tindif tal-finanzi pubbliċi;

22.  Jilqa' l-proposta mressqa minn bosta Stati Membri biex, fil-kuntest tan-negozjati dwar il-QFP, tiġi inkluża "klawsola ta' reviżjoni" tal-kontijiet bejn l-2015 u l-2016 li tippermetti żieda fil-baġit matul l-eżekuzzjoni tiegħu favur oqsma kruċjali, bħall-impjieg taż-żgħażagħ u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttaw il-marġnijiet kollha ta' flessibilità li jeżistu fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir (PST) għall-bilanċ tal-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv u sostenibbli mal-objettivi tad-dixxiplina fiskali; iqis li dan jista' jsir, pereżempju, bl-esklużjoni tal-volumi aggregati tal-kofinanzjament nazzjonali taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mil-limiti imposti mill-PST, billi l-kalkoli għall-iskopijiet tal-Patt jiġu bbażati fuq ir-rekwiżiti ta' awtofinanzjament netti ta' Stat Membru, u mhux fuq ir-rekwiżiti grossi, jiġifieri n-nett tat-taxxi pagabbli fuq l-ispejjeż effettivi (partikolarment il-VAT), jew inkella bl-applikazzjoni ta' fażijiet skont skadenzi differenti taż-żewġ sorsi (Ewropew u nazzjonali) ta' finanzjament tal-programmi, sabiex l-fondi jkunu kompletament Ewropej matul l-ewwel snin ta' programm u jiġu fl-intier tagħhom minn sors nazzjonali fl-aħħar snin, filwaqt li wieħed jassumi li l-Istat Membru individwali kkonċernat sa dakinhar ikun irnexxielu jikseb riżultati tanġibbli f'termini tal-politika tal-osservanza tal-proporzjoni tad-dejn f'paragun mal-PDG;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li n-nefqa pubblika mġarrba mill-Istati Membri għall-programmi ta' kofinanzjament appoġġati mill-Fondi Strutturali ma tidhirx fost l-ispejjeż strutturali, pubbliċi jew assimilati, ikkunsidrati fil-qafas ta' ftehim ta' sħubija għall-kontroll tar-rispett tal-PTS, sakemm dan ikun obbligu dovut direttament għall-osservanza tal-prinċipju ta' addizzjonalità; jitlob, għalhekk, li n-nefqa pubblika relatata mal-implimentazzjoni tal-programmi kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej tkunu eskluża kompletament mid-definizzjoni ta' defiċits strutturali tal-PST għax din hija nefqa dedikat għall-ilħiq tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li tappoġġa l-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment f'dak li jikkonċerna l-impjiegi għaż-żgħażagħ;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-kamp ta' applikazzjoni għal azzjoni possibbli fil-konfini tal-qafas fiskali eżistenti tal-UE sabiex tiġi indirizzata iktar il-kwistjoni tas-separazzjoni tal-infiq kurrenti u l-investiment fil-kalkoli tad-defiċit tal-baġit sabiex jiġi evitat li l-investimenti pubbliċi b'benefiċċji netti fit-tul jiġu kkalkolati bħala negattivi;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu, fil-kuntest tan-negozjati kurrenti dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-futur, il-marġni kollha ta' flessibbiltà fil-qafas ta' governanza makroekonomika sabiex jippermettu l-investiment produttiv, b'mod partikolari billi terġa' tifformula l-relazzjoni bejn il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir u l-investiment pubbliku produttiv u teskludi n-nefqa pubblika relatata mal-implimentazzjoni tal-programmi kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment fil-qafas ta' politiki favur it-tkabbir mir-regoli ta' sorveljanza baġitarja skont il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir;

o
o   o

27.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/131388.pdf.
(2) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/136151.pdf.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0430.
(4) ĠU C 390 E, 18.12.2012, p. 10.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0070.
(6) Testi adottati, P7_TA(2013)0069.
(7) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 113.
(8) Testi adottati, P7_TA(2013)0078.
(9) http://www.eib.org/infocentre/publications/all/econ-note-2012-regional-convergence.htm.
(10) http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/occasional_paper/2012/pdf/ocp125_en.pdf.

Avviż legali - Politika tal-privatezza