Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2152(ACI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0337/2013

Testi mressqa :

A7-0337/2013

Dibattiti :

PV 19/11/2013 - 4
CRE 19/11/2013 - 4

Votazzjonijiet :

PV 19/11/2013 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0456

Testi adottati
PDF 296kWORD 26k
It-Tlieta, 19 ta' Novembru 2013 - Strasburgu
Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba
P7_TA(2013)0456A7-0337/2013
Deċiżjoni
 Anness

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Novembru 2013 dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba (2011/2152(ACI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 310, 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 għall-fini li jinkiseb eżitu pożittiv għall-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fit-8 ta' Frar 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fit-28 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar il-ftehim politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 127(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0337/2013),

A.  billi ntlaħaq ftehim politiku fis-27 ta’ Ġunju 2013 fl-ogħla livell politiku bejn il-Parlament Ewropew, il-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2014-2020 u dwar ftehim interistituzzjonali ġdid;

B.  billi ntużaw għall-ewwel darba dispożizzjonijiet ġodda li jikkonċernaw il-QFP kif introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, b’mod partikolari rigward ir-rwol u l-prerogattivi akbar mogħtija minnhom lill-Parlament Ewropew;

C.  billi huwa xieraq li jiġi adottat, fil-kuntest tal-QFP, ftehim interistituzzjonali għall-implimentazzjoni tad-dixxiplina baġitarja u għat-titjib tal-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali u tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fi kwistjonijiet baġitarji;

1.  Jaċċetta l-ftehim politiku li ntlaħaq dwar il-QFP għall-2014-2020 u dwar ftehim interistituzzjonali ġdid; huwa determinat li jagħmel użu sħiħ, matul il-proċeduri baġitarji li ġejjin, mill-istrumenti l-ġodda stabbiliti, speċjalment fir-rigward tal-flessibbiltà;

2.   Jenfasizza li l-proċess twil u impenjattiv ta' negozjati, kemm fil-Kunsill kif ukoll fil-livell interistituzzjonali, flimkien mar-riżultat tiegħu jirrappreżentaw implimentazzjoni mhux sodisfaċenti tad-dispożizzjonijiet il-ġodda li jikkonċernaw il-QFP kif introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, b’mod partikolari rigward ir-rwol u l-prerogattivi akbar mogħtija minnhom lill-Parlament Ewropew;

3.   Jikkundanna l-istrateġija ta’ negozjati tal-Kunsill, li fiha n-negozjaturi tiegħu kienu marbuta mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Frar 2013 fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja bħal kriterji għall-allokazzjoni dettaljati, pakketti skont il-programmi jew il-benefiċjarju, kif ukoll allokazzjonijiet finanzjarji diskrezzjonarji li jaġġustaw il-livell tar-redditu nazzjonali mill-baġit tal-Unjoni, u b’hekk iż-żewġ fergħat leġiżlattivi ġew prevenuti milli jwettqu negozjati xierqa;

4.  Jiddispjaċih, barra minn hekk, li l-kuntatti u l-laqgħat numerużi li saru matul dawn l-aħħar snin bejn id-delegazzjoni tiegħu u l-presidenzi suċċessivi tal-Kunsill ma kellhom l-ebda impatt fuq l-ispirtu, il-kalendarju jew il-kontenut tan-negozjati jew fuq il-pożizzjoni tal-Kunsill, inkluża l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-aspetti leġiżlattivi u dawk baġitarji tal-ftehim dwar il-QFP;

5.  Jikkonkludi li, skont l-Artikolu 312(5) tat-TFUE, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti tax-xogħol alternattivi fil-futur biex jiffaċilitaw l-adozzjoni tal-QFP, u biex jiżguraw li s-setgħat leġiżlattivi u baġitarji tal-Parlament, kif mogħtija mit-TFUE, jiġu rispettati bis-sħiħ, li l-Kunsill jinnegozja wkoll effettivament kwalunkwe waħda mill-partijiet “relatati mal-QFP” tal-bażijiet legali għall-programmi, u li l-Kunsill Ewropew ma jaġixxix bħala leġiżlatur, bi ksur tat-TFUE;

6.  Jistieden lill-Kumitat tiegħu responsabbli għall-Baġits, b’kooperazzjoni mal-Kumitat tiegħu responsabbli għall-Affarijiet Kostituzzjonali, biex iħejji l-konklużjonijiet meħtieġa u jressaq proposti ġodda, fi żmien xieraq qabel ir-reviżjoni ta' wara l-elezzjoni tal-2016, dwar il-modalitajiet tan-negozjati tal-QFP, sabiex jiżgura n-natura demokratika u trasparenti tal-proċess kollu kemm hu tat-tfassil tal-baġit;

7.  Japprova l-konklużjoni tal-ftehim ta' hawn taħt;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-ftehim flimkien mal-President tal-Kunsill u mal-President tal-Kummissjoni u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi, għal skopijiet ta' informazzjoni, din id-deċiżjoni, inkluż l-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0360.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0078.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0304.


ANNESS

Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-ftehim interistituzzjonali kif ippublikat fil-ĠU C 373 tal-20 ta' Diċembru 2013, p. 1.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza