Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2014(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0067/2014

Testi mressqa :

A7-0067/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2014 - 6.6

Testi adottati :

P7_TA(2014)0052

Testi adottati
PDF 207kWORD 44k
It-Tlieta, 4 ta' Frar 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Lara Comi
P7_TA(2014)0052A7-0067/2014

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Lara Comi (2014/2014(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba tas-16 ta' Ottubru 2013 ta' Lara Comi għall-ħarsien tal-immunità fir-rigward tal-proċedimenti ġudizzjarji pendenti quddiem il-Qorti ta' Ferrara,

–  wara li sema' lil Lara Comi fit-5 ta' Novembru 2013 skont it-termini tal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, ta-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011(1) ,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Lara Comi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0067/2014),

A.  billi Lara Comi, Membru tal-Parlament Ewropew, talbet il-ħarsien tal-immunità parlamentari tagħha fir-rigward ta' taħrika biex tidher quddiem it-Tribunale ta' Ferrara li ġiet mgħarrfa dwarha fl-1 ta' Ottubru 2013 fir-rigward ta' talba miġjuba kontriha għal rimedju għal danni allegatament ikkawżati minnha minħabba dikjarazzjonijiet magħmulin minnha waqt dibattitu politiku mxandar fuq it-televiżjoni;

B.  billi fit-30 ta' Lulju 2013 Lara Comi kienet diġà talbet il-ħarsien tal-immunità parlamentari tagħha fir-rigward ta' proċedimenti ġudizzjarji mnedija mill-Prosekutur Pubbliku ta' Ferrara b'segwitu ta' akkuża ta' malafama aggravata miġjuba għall-istess dikjarazzjonijiet li huma s-suġġett ta' din id-deċiżjoni;

C.  billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-privileġgi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, li Lara Comi qed tinvoka esspressament fit-talba tagħha għall-ħarsien tal-immunità, jiddisponi li l-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħux jiġu mfittxija, miżmuma jew persegwiti minħabba l-fehmiet espressi jew il-voti mitfugħa fil-qadi ta’ dmirijiethom;

D.  billi, fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom;

E.  billi l-Parlament jiddisponi minn setgħat ta' diskrezzjoni wesgħin fir-rigward il-linja ta' azzjoni li jagħżel li jagħti lil deċiżjoni bi tweġiba għal talba għall-ħarsien tal-immunità parlamentari ta' wieħed mill-Membri tiegħu;

F.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dikjarazzjoni magħmula minn Membri barra mill-Parlament Ewropew tista' tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet tal-Membru fit-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, u tat rilevanza mhux għall-post fejn tkun ġiet magħmula d-dikjarazzjoni, iżda għan-natura u l-kontenut tagħha;

G.  billi l-immunità mill-proċedimenti ġudizzjarji li jgawdu l-Membri tal-Parlament Ewropew testendi wkoll għall-proċedimenti ċivili;

H.  billi Lara Comi kienet mistiedna fix-xandira televiżiva inkwistjoni fil-kapaċità tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew u mhux bħala rappreżentanta nazzjonali ta' partit, li kien diġà rappreżentat minn mistieden ieħor, bi qbil mad-dispożizzjonijiet nazzjonali maħsuba biex jiggarantixxu preżenza ekwilibrata ta' kelliema politiċi fid-dibattiti televiżivi li jitwettqu waqt il-kampanji elettorali, kif inhu l-każ inkwistjoni;

I.  billi fid-demokraziji moderni d-dibattitu politiku ma jsirx biss fil-Parlament iżda wkoll permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni li jvarjaw minn stqarrijiet għall-istampa sal-internet;

J.  billi fix-xandira televiżiva inkwistjoni Lara Comi tkellmet bħala Membru tal-Parlament Ewropew biex tiddiskuti kwistjonijiet politiċi, inkluż dwar l-akkwist pubbliku u l-kriminalità organizzata, li dwarhom hija dejjem ħadet interess fil-livell Ewropew;

K.  billi l-għada stess, is-Sa. Comi bagħtet l-apoloġiji tagħha lill-ilmentatur, li wara ġew imtennija f'xandira televiżiva nazzjonali oħra;

L.  billi d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni quddiem il-Parlament Ewropew huma l-istess li dwarhom huwa kien diġà ħa deċiżjoni, fl-14 ta' Jannar 2014, li jħares l-immunità tas-Sa. Comi fir-rigward tal-proċedimenti penali pendenti quddiem it-Tribunal ta' Ferrara;

1.  Jiddeċiedi li jħares il-privileġġi u l-immunità ta' Lara Comi;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Lara Comi.

(1) Sentenza tat-12 ta' Mejju 1964 fil-Kawża 101/63, Wagner vs Fohrmann u Krier (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1964, p. 381); Sentenza tal-10 ta' Lulju 1986 fil-Kawża 149/85, Wybot vs Faure et. (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1986, p. 2391); Sentenza tal-15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T–345/05, Mote vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. II–2849); Sentenza tal-21 ta' Ottubru 2008 fil-Kawżi Magħquda C–200/07 u C–201/07, Marra vs De Gregorio u Clemente (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. I–7929); Sentenza tad-19 ta' Marzu 2010 fil-Kawża T–42/06, Gollnisch vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010, p. II–1135); Sentenza tas-6 ta' Settembru 2011 fil-Kawża C–163/10, Patricello (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011, p. I–7565).

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Mejju 2017Avviż legali