Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2064(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0014/2014

Testi mressqa :

A7-0014/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2014 - 6.14
CRE 04/02/2014 - 6.14

Testi adottati :

P7_TA(2014)0060

Testi adottati
PDF 423kWORD 101k
It-Tlieta, 4 ta' Frar 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Qorti tal-Awdituri
P7_TA(2014)0060A7-0014/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar ir-Rwol tal-Qorti tal-Awdituri fil-Ġejjieni. Il-proċedura għall-ħatra tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri: Konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew (2012/2064(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 286,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2004 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-mudell "verifika unika" (u proposta għal qafas Komunitarju ta’ kontroll intern)(1) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 1992 dwar il-proċedura għall-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew dwar il-ħatra tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri(2) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 1995 dwar il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta l-Parlament jiġi kkonsultat f’konnessjoni mal-ħatra tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri(3) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar il-Qafas ta’ Kontroll Intern Integrat(4) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7‑0014/2014),

I.Ir-Rwol tal-Qorti tal-Awdituri fil-ġejjieni

A.  billi d-Dikjarazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar ta’ Lima u l-Messiku jistabbilixxu l-pilastri ewlenin ta’ istituzzjoni tal-awditjar indipendenti u jaffermaw li l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAI) nazzjonali jistgħu jinterpretaw il-prinċipji tad-dikjarazzjoni b’libertà konsiderevoli;

B.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, bħala istituzzjoni tal-awditjar professjonali, għandha tapplika, fost oħrajn, standards tal-awditjar internazzjonali applikabbli għas-settur pubbliku;

C.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri ġiet stabbilita mit-Trattat Baġitarju tal-1975 biex tagħmel awditu tal-finanzi tal-UE u billi, bħala awditur estern għall-UE din tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-Unjoni, filwaqt li taġixxi bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE;

D.  billi s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika attwali li qed tinbidel b’mod rapidu tirrikjedi superviżjoni mikroprudenzjali u makroprudenzjali effettiva, f’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja, f’Unjoni Ewropea moderna u kkaratterizzata minn diversi sfidi;

E.  billi l-awdituri pubbliċi, bħall-Qorti tal-Awdituri u l-SAI tal-Istati Membri, għandhom rwol essenzjali fl-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja fir-responsabbiltà pubblika tal-UE u fit-titjib tagħha; billi huwa importanti, għalhekk, li kull diskussjoni dwar ir-riformi possibbli tal-Qorti ssir fil-kuntest iktar wiesa’ tal-isfida li titjieb ir-responsabbiltà pubblika tal-UE;

F.  billi t-Trattat ta’ Lisbona tenna l-qafas legali għall-Qorti fil-promozzjoni tar-responsabbiltà pubblika u fl-assistenza tal-Parlament u tal-Kunsill fis-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, u b’hekk ikkontribwixxa għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini;

II.Il-proċedura għall-ħatra tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri: Konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew

G.  billi skont l-Artikolu 286 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jintagħżlu minn persuni li huma jew kienu parti minn korpi ta’ awditjar esterni fl-Istat Membru rispettiv tagħhom, jew li huma kkwalifikati speċjalment biex ikollhom il-kariga inkwistjoni, u li m’hemm l-ebda dubju fl-indipendenza tagħhom;

H.  billi huwa essenzjali li l-Qorti tal-Awdituri tkun magħmula minn Membri li jipprovdu, sal-ogħla grad, garanziji ta’ kompetenza professjonali u indipendenza kif meħtieġ skont it-Trattat, filwaqt li jevitaw kwalunkwe riskju għar-reputazzjoni tal-Qorti;

I.  billi xi ħatriet qajmu diverġenzi ta’ opinjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill, u l-persistenza ta’ dawn id-diverġenzi thedded li tagħmel ħsara lir-relazzjonijiet ta’ ħidma tajbin bejn il-Qorti u l-istituzzjonijiet imsemmija qabel u possibbilment jkollha konsegwenzi negattivi serji għall-kredibilità u għaldaqstant għall-effikaċja tal-Qorti;

J.  billi d-deċiżjoni tal-Kunsill li jaħtar Membri tal-Qorti tal-Awdituri f’każijiet fejn il-Parlament kien organizza seduti u esprima opinjonijiet kuntrarji ma tistax tinftiehem u turi nuqqas ta’ rispett lejn il-Parlament;

K.  billi l-opinjoni tal-Parlament hija soġġetta għal interess kbir mill-midja; billi jekk il-persuni li preċedentament kellhom il-kandidatura tagħhom miċħuda mill-Parlament b’mod pubbliku u formali jingħataw il-kariga ta’ Membri tal-Qorti, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet ikkonċernati tiddgħajjef;

L.  billi l-Membri b’għarfien tal-awditjar professjonali flimkien ma’ sfond funzjonali iktar wiesa’ u varjat, li jiżgura perspettivi u kompetenzi diversi, se jtejbu l-effikaċja tal-Qorti fil-ġudizzju u l-operazzjoni tagħha; billi n-nuqqas li jinstab bilanċ xieraq bejn is-sessi m’għadux aċċettabbli llum il-ġurnata;

M.  billi l-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament, li hija ċentrali għas-sistema tal-kontroll tal-baġit tal-UE, tiġi affettwata b’mod negattiv meta xi Membri tal-Qorti jonqsu milli jiksbu l-approvazzjoni tal-Parlament;

N.  billi l-Evalwazzjoni bejn il-Pari 2013 titlob proċeduri interni iqsar fil-Qorti u kjarifika tar-rwol u l-mandat tagħha fil-konfront tal-partijiet interessati esterni, u tenfasizza li dawk li jiġu awditjati jinfluwenzaw b'mod eċċessiv il-konklużjonijiet tal-Qorti u l-opinjonijiet tal-awditjar;

O.  billi l-Parlament jiffoka l-aktar fuq proposti li jevitaw il-ħtieġa li jsiru bidliet fit-Trattat;

P.  billi l-Kunsill dejjem irrispetta r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-bord stabbilit skont l-Artikolu 255 tat-TFUE biex jagħti opinjoni dwar l-adegwatezza tal-kandidati għall-pożizzjoni ta' Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, minkejja li ma hemm l-ebda obbligu ċar tat-Trattat li jsir dan;

Il-viżjoni tal-Parlament dwar il-QEA: Ir-rwol futur tal-Qorti

1.  Jemmen li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri bħala awditur estern għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni tista’ tipprovdi lil-leġiżlaturi mhux biss dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti f'sena baġitarja partikolari, iżda wkoll li l-Qorti hija f’pożizzjoni preminenti li tipprovdi lil-leġiżlatur u l-Awtorità Baġitarja, b’mod speċjali lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, b’opinjonijiet siewja dwar ir-riżultati miksuba mill-politiki tal-Unjoni, sabiex jiġu mtejba l-prestazzjoni u l-effikaċja tal-attivitajiet iffinanzjati mill-Unjoni, jiġu identifikati l-ekonomiji ta’ skala u l-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll l-effetti konsegwenzjali fost il-politiki nazzjonali ta’ Stati Membri u jiġu pprovduti lill-Parlament il-valutazzjonijiet esterni għall-evalwazzjoni tal-finanzi pubbliċi mill-Kummissjoni fl-Istati Membri;

2.  Huwa tal-fehma li l-Qorti għandha tibqa’ impenjata favur l-indipendenza, l-integrità, l-imparzjalità u l-professjonalità, filwaqt li tibni relazzjonijiet ta’ ħidma b’saħħithom mal-imsieħba tagħha, b'mod partikolari l-Parlament Ewropew, u b’mod aktar speċifiku l-kumitat għall-kontroll tal-baġit tiegħu, kif ukoll il-kumitati speċjalizzati, fil-proċess ta’ responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE;

Il-mudell tradizzjonali DAS (dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni)

3.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri hija marbuta bit-Trattat (l-Artikolu 287 I (2) (TFUE)) li tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (DAS(5) ) rigward il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti wara li tkun eżaminat ir-regolarità, il-legalità u r-riżultati tal-Baġit tal-Unjoni, u barra minn hekk anke l-QEA hija marbuta mat-Trattat li tipprovdi Rapporti Speċjali u Opinjonijiet; jinnota li parti kbira mir-riżorsi umani tal-Qorti huma ddedikati għall-eżerċizzju annwali tad-DAS;

4.  Huwa tal-fehma li l-indipendenza, l-integrità, l-imparzjalità u l-professjonaliżmu tal-Qorti huma essenzjali għall-kredibilità tagħha li tassisti lill-Parlament u lill-Kunsill fis-superviżjoni u fil-kontribuzzjoni għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, u tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mill-istadji ta’ pprogrammar sal-għeluq tal-kontijiet;

5.  Jiddispjaċih li – għat-tminax-il sena konsekuttiva – ir-riżultati tal-awditjar tal-Qorti ma ppermettewx li l-Qorti tagħti dikjarazzjoni pożittiva ta’ assigurazzjoni (DAS) rigward il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti; jissottolinja l-fatt li rata ta’ żball, fiha nnifisha, tippermetti perspettiva parzjali biss tal-effikaċja tal-politiki tal-Unjoni;

6.  Ifakkar li l-Artikolu 287 tat-TFUE jistipula li l-Qorti għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti; jindika li minflok dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni waħda dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti, fl-2012 il-Qorti tal-Awdituri tat erba’ opinjonijiet: waħda dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u tlieta dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti (waħda dwar id-dħul, waħda dwar l-impenji u waħda dwar il-pagamenti); huwa tal-fehma li din l-għażla ta' modalità tagħmilha aktar diffiċli biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-baġit mill-Kummissjoni;

7.  Jindika li d-DAS hija indikatur annwali ta’ skema ta’ nfiq multiannwali, li tagħmilha diffiċli biex jitqiesu n-natura ċiklika u l-effett tal-arranġamenti multiannwali, u b’hekk l-impatt sħiħ u l-effikaċja tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll jistgħu biss jiġu evalwati parzjalment fl-aħħar tal-perjodu ta’ nfiq; iqis, għalhekk, li l-Qorti għandha tkun kapaċi tippreżenta reviżjoni ta’ nofs it-term u rapport ta’ sinteżi flimkien mad-DAS annwali dwar il-prestazzjoni finali ta’ perjodu ta’ programmazzjoni lill-awtorità tal-kwittanza;

8.  Jilqa’ l-fatt li, mill-2009, il-Qorti ffukat sforzi konsiderevoli fuq l-iżvilupp tal-prodotti u s-servizzi tagħha kif ukoll tar-rapport annwali tagħha; jemmen, madankollu, li għandu jsir sforz akbar u għandhom jintużaw aktar riżorsi biex titjieb aktar il-kwalità, primarjament fir-rigward tal-prestazzjoni tax-xogħol ta’ awditjar tal-Qorti, li jipprovdi l-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-baġit tal-UE; iqis li l-Qorti għandha tibni fuq il-mudell tad-DAS biex tiddetermina jekk ġewx miksuba r-riżultati u biex tispjega kif inkisbu, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu lezzjonijiet u jiġu applikati f’kuntesti oħrajn;

Id-dimensjonijiet u l-isfidi ġodda tal-Qorti

9.  Jirrikonoxxi r-rwol storiku u kostruttiv tal-eżerċizzju tad-DAS fl-enfasi fuq il-legalità u r-regolarità bħala indikaturi siewja ta’ prattiki finanzjarji tajbin u prestazzjoni tajba ta' ġestjoni fil-livelli kollha tal-infiq tal-Unjoni u juri l-mod kif il-fondi tal-UE intużaw skont id-deċiżjonijiet tal-Parlament, li jaġixxi bħala leġiżlatur u l-awtorità tal-baġit; jenfasizza, madankollu, li f’dan il-punt u fil-ġejjieni l-Qorti għandha tiddedika aktar riżorsi għall-eżaminazzjoni ta’ jekk ġewx miksuba l-ekonomija, l-effikaċja u l-effiċjenza fl-użu tal-fondi pubbliċi fdati lill-Kummissjoni; ir-riżultati tas-sejbiet miksuba mir-Rapporti Speċjali għandhom jimplikaw aġġustamenti korrispondenti fil-programmi tal-UE;

10.  Jenfasizza l-fatt li l-mandat tal-Qorti, kif stabbilit fit-Trattat, jipprovdi l-qafas ta’ referenza lill-Qorti biex twettaq ir-rwol tagħha bħala l-korp indipendenti ta’ awditjar estern tal-Unjoni; jinnota li l-mandat jipprovdi flessibbiltà sinifikanti biex jippermetti lill-Qorti twettaq il-missjoni tagħha lil hinn mill-ambitu tad-DAS; ifakkar li l-mandat jippermetti lill-Qorti tippreżenta r-riżultati tal-awditjar tal-prestazzjoni tagħha f’rapporti speċjali li jipprovdu opportunità sinifikanti għall-valur miżjud billi jiffukaw fuq u jinvestigaw iż-żoni ta’ riskju għoli; jinnota, barra minn hekk, li dawn ir-rapporti se jipprovdu liċ-ċittadini Ewropej informazzjoni dwar il-funzjonament tal-Unjoni u l-użu tal-fondi Ewropej f’setturi multipli li jgħinu sabiex l-Ewropa toqrob lejn iċ-ċittadini tagħha u ssir aktar trasparenti u tinftiehem aktar;

11.  Ifakkar li wieħed mill-aħjar modi biex jitjieb l-awditjar tal-kontijiet tal-Unjoni Ewropea u biex jitjiebu kemm il-prestazzjoni kif ukoll l-effikaċja tal-infiq tal-UE huwa li jkun hemm kwittanza vvotata qabel il-31 ta’ Diċembru tas-sena wara s-sena finanzjarja awditjata; jenfasizza l-fatt li dan jista' jġiegħel lill-Qorti tippreżenta r-rapport annwali tagħha sat-30 ta’ Ġunju;

12.  Mingħajr ma taffettwa l-indipendenza tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jipproponi li l-Qorti tibni l-opinjoni tagħha fuq il-livell ta’ materjalità u mhux biss fuq ir-rata ta’ żball tollerabbli, li jidher li huwa aktar konformi mal-istandards internazzjonali tal-awditjar;

13.  Jipproponi li l-Parlament Ewropew jiddedika sezzjoni speċjali fir-rapport annwali ta’ kwittanza tiegħu għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Qorti fl-awditjar tal-prestazzjoni varji tagħha, sabiex iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet; il-Parlament għandu jindika wkoll l-azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin li lilhom il-Qorti tista’ tagħti attenzjoni speċjali fir-rapport annwali tagħha, mingħajr ma taffettwa l-indipendenza tagħha;

14.  Jinnota li l-Qorti tippjana l-programm ta’ ħidma tagħha fuq bażi multiannwali u annwali; jinnota li l-pjan multiannwali jippermetti li l-istrateġija tal-Qorti tiġi ddefinita u aġġornata, u l-pjan annwali jistabbilixxi kompiti speċifiċi li għandhom jitwettqu matul is-sena inkwistjoni; jilqa’ l-fatt li kull sena l-Qorti tippreżenta l-programm ta’ ħidma annwali lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, u telenka l-kompiti ta’ awditjar ta’ prijorità u r-riżorsi allokati għall-implimentazzjoni tagħhom;

15.  Jemmen li l-forma attwali ta’ laqgħat tal-Qorti mal-Parlament u l-Kunsill tipprovdi pariri siewja għat-tfassil tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Qorti; jenfasizza li djalogu preparatorju strutturat ta' dan it-tip huwa ta’ għajnuna kbira fl-iżgurar liċ-ċittadini tar-responsabbiltà effettiva u demokratika fir-rigward tal-użu tal-fondi pubbliċi pprovduti biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE; jenfasizza li minkejja żieda fil-kollaborazzjoni konsultattiva mal-Parlament u l-Kunsill, il-Qorti għandha, independentement minn kull influwenza politika jew nazzjonali, tiddeċiedi hi stess il-programm ta’ ħidma annwali tagħha;

16.  Jinnota li kwistjonijiet ta’ interess ewlieni għall-partijiet interessati esterni, bħall-Parlament Ewropew, u t-talbiet ta’ verifika sussegwenti la huma miġbura b’mod strutturat u lanqas kompletament ittrattati bħala preferenzjali; iqis dan bħala detrimentali għar-rilevanza u l-impatt tar-riżultati tal-awditjar tal-Qorti; jinnota, barra minn hekk, li l-valur miżjud tal-Qorti huwa direttament marbut mal-użu tal-ħidma tagħha li jsir mill-Parlament u minn partijiet interessati oħra fil-proċess ta’ responsabbiltà; jistieden, għalhekk, lill-Qorti tikkunsidra fil-programm ta’ ħidma annwali tagħha l-prijoritajiet politiċi tal-leġiżlaturi u kwistjonijiet ta’ interess ewlieni għaċ-ċittadini tal-UE ikkomunikati mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament bħala kanal tat-tħassib taċ-ċittadini tal-UE;

Kooperazzjoni mal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (SAI) nazzjonali

17.  Jistenna li tiġi stabbilita kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-QEA u l-SAI tal-Istat Membri b’riżultati konkreti li jikkonċernaw is-sehem tal-ħidma annwali tal-QEA; jistenna, barra minn hekk, passi metodoloġiċi konkreti u arranġamenti dwar kalendarji tal-awditjar; jistenna li l-Kummissjoni, abbażi ta’ studju legali, tagħmel proposti biex tintegra l-ħidma tal-awditjar tal-SAI tal-Istati Membri fl-awditjar tal-Qorti tal-ġestjoni kondiviża fl-Istat Membru rispettiv tagħhom;

18.  Jenfasizza li l-Qorti għandha tkun minn ta’ quddiem fid-definizzjoni ta’ metodu ta’ ħidma li permezz tiegħu l-SAI u l-Qorti jsaħħu l-koordinazzjoni tar-riżorsi tagħhom biex jivvalutaw l-ispiża u l-prestazzjoni tal-baġit tal-UE, jevitaw id-duplikazzjoni tal-ħidma ta’ kontroll u jaqsmu l-informazzjoni dwar il-kontroll, jidentifikaw oqsma ta’ riskju, iwettqu verifiki konġunti jew jinvolvu aktar mill-qrib l-SAI mal-missjonijiet ta’ awditjar tal-QEA, li jirriżultaw fl-iżvilupp ta’ metodi komuni ta’ ħidma u f’effettivita akbar f’kull livell ta’ kontroll; jinnota li l-qsim tad-dejta tal-verifiki u tal-kontroll u ta’ l-aħjar prattiki bejn il-Qorti u l-SAI huwa kruċjali biex jitjieb l-iffukar fuq l-isforzi ta’ awditjar u kontroll; jinnota li jeżistu wisq saffi ta’ kontroll u li dawn id-duplikazzjonijiet għandhom jiġu evitati sabiex jonqos il-piż fuq l-awtoritajiet amministrattivi u l-benefiċjarji;

19.  Jappella, għaldaqstant, li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ awditjar nazzjonali u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-rigward tal-kontrolli ta’ ġestjoni kondiviża, skont l-Artikolu 287(3) tat-TFUE;

20.  Jipproponi li tkun eżaminata l-possibbiltà li korpi ta’ awditjar nazzjonali, fil-kapaċità tagħhom bħala awdituri esterni indipendenti, u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-istandards tal-awditjar internazzjonali, joħorġu ċertifikati ta’ awditjar nazzjonali għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, li jingħataw lill-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex jiġu ppreżentati matul il-proċess ta’ kwittanza skont proċedura interistituzzjonali xierqa li għandha tiġi introdotta;

21.  Jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi l-programmi Ewropej fl-ipprogrammar tal-kontrolli mwettqa mill-SAI b’attenzjoni partikolari għall-ġestjoni kondiviża, f’dan is-sens il-Parlamenti Nazzjonali għandu jkollhom rwol ewlieni fejn jitolbu lill-SAI rispettivi tagħhom iwettqu awditi dwar il-fondi u l-programmi Ewropej; jinnota li bl-istituzzjonalizzazzjoni u r-regolarizzazzjoni ta' dan il-kontroll, ir-riżultati tiegħu jkunu jistgħu jiġu ppreżentati darba fis-sena quddiem il-parlament nazzjonali;

L-ambjent operazzjonali ġdid tal-Qorti

22.  Jinnota li r-regolamenti li jkopru l-oqsma ewlenin tal-ispiża għall-perjodu 2014–2020 bidlu b’mod sostanzjali l-oqfsa finanzjarji u legali li jiggvernaw l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE; jindika li dawn ir-riformi jimplikaw tibdiliet sinifikanti li se jbiddlu x-xenarju tar-riskju tal-ġestjoni finanzjarja billi jissimplifikaw r-regoli ta' finanzjament, iżidu l-kondizzjonalità u jingranaw il-baġit tal-UE; jinsisti, għalhekk, li l-Qorti żżid l-attenzjoni tagħha lejn ir-riżultati li jipprovdu rappurtar adegwat fuq ir-riskji u l-prestazzjoni ta’ strumenti ġodda bħal dawn;

23.  Jissuġġerixxi lill-Qorti biex tissinkronizza l-programm ta’ ħidma multiannwali tagħha mal-QFP u tinkludi reviżjoni ta’ nofs it-term, kif ukoll reviżjoni komprensiva tal-għeluq tal-kontijiet tal-Kummissjoni għall-QFP rispettiv;

24.  Jinnota li l-Awditjar tal-Prestazzjoni sikwit ma jkollhomx analiżi ċara tal-kawżi tas-sejbiet tal-awditjar; jinnota, barra minn hekk, li m’hemmx sistema stabbilita li tiżgura li l-awdituri assenjati biex iwettqu awditjar speċifiku għandhom l-għarfien tekniku u l-ħiliet metodoloġiċi meħtieġa biex iwettqu l-awditjar mingħajr ma jkollhom jaħdmu mill-bidu fuq kwalunkwe materjal tal-awditjar; iqis li dawn iċ-ċirkustanzi jżidu l-ineffikaċja u l-ineffiċjenza tas-sejbiet tal-Qorti fl-Awditjar tal-Prestazzjoni;

25.  Jistenna mill-Qorti trasparenza sħiħa dwar il-ħtiġijiet taż-żmien tal-Qorti għall-prodotti tagħha u jistieden lill-Qorti tippubblika f'kull Awditjar tal-Prestazzjoni rispettiv, l-iskeda taż-żmien u l-fażijiet differenti li l-prodott rispettiv għadda minnu fl-iżvilupp tiegħu, jiġifieri ż-żmien meħtieġ biex jgħaddi minn kull wieħed mill-fażijiet differenti stabbiliti, attwalment dawn il-fażijiet huma:

   Studju Preliminari
   Analiżi tal-Kwistjoni
   Memorandum dwar l-Ippjanar tal-Awditjar
   Dikjarazzjoni(jiet) tas-Sejbiet Preliminari
   It-tfassil tal-Konklużjonijiet
   Abbozz ta’ Rapport
   Proċedura Kontradittorja;

26.  Jinnota li l-Awditjar tal-Prestazzjoni mill-Qorti, inkluż studju preliminari, idumu sentejn, li f’diversi każijiet il-konklużjonijiet tal-awditjar saru skaduti u xekklu l-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa; jistenna li l-Qorti tissimplifika t-tfassil tal-Awditjar tal-Prestazzjoni tagħha u tnaqqas mill-passi proċedurali żejda,

27.  Jesprimi x-xewqa tiegħu li fil-futur il-Qorti mhux biss għandha tippubblika l-kummenti tal-Kummissjoni dwar is-sejbiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha, iżda tesprimi b’mod ċar kontrorisposta finali fejn xieraq;

28.  Huwa tal-fehma li l-Qorti għandha tikkomunika b’mod regolari statistika dwar il-preżenza tal-Membri fis-sede tagħha fil-Lussemburgu lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament; jistenna trasparenza sħiħa mill-Qorti fil-konfront tal-Parlament f’dan ir-rigward; jixtieq li jirċievi analiżi mill-Kummissjoni dwar il-fattibbiltà ta’ sostituzzjoni ta’ parti mir-remunerazzjoni tal-Membri tal-Qorti bi gratifika għal kull jum;

29.  Jenfasizza li minkejja l-ħtieġa li wieħed ikun ġust u jirreferi għall-argumenti tal-parti awditjata fir-rapport rilevanti, mhuwiex meħtieġ li jintlaħaq kunsens mal-parti awditjata;

30.  Jinnota li f’xi każijiet, id-deliberazzjonijiet parlamentari dwar kwistjonijiet indirizzati mir-rapporti speċjali kienu diġà konklużi, b'hekk ma kienx possibbli li jsir użu effettiv mir-riżultati tal-awditjar tal-Qorti; jinnota, barra minn hekk, li f’xi każijiet ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Qorti kienu diġà ġew implimentati mill-Kummissjoni ladarba ġie ppreżentat rapport mill-Qorti; jistenna mill-Qorti li waqt it-twettiq tal-awditjar tagħha żżomm f’moħħha r-restrizzjonijiet tal-ħin u l-iżviluppi kollha esterni;

31.  Jistenna li fir-rapporti tagħha, il-Qorti tikkomunika b’mod ċar in-nuqqasijiet u l-aħjar prattiki tal-awtoritajiet tal-Istati Membri billi tiżvelahom b’mod konsistenti;

32.  Huwa konvint li l-ekonomiji ta’ skala u l-kamp ta’ applikazzjoni jistgħu jinkisbu permezz ta’ analiżi bir-reqqa tar-riżorsi meħtieġa tal-Membri tal-Qorti; jistenna li l-Qorti tesplora ekonomiji bħal dawn, fost l-oħrajn fir-rigward ta’ servizz kondiviż ta’ sewwieq għall-Membri kif ukoll il-kondiviżjoni ta’ kabinetti u persunal;

33.  Jiddeplora l-fatt li l-azzjoni intergovernattiva barra mill-qafas tat-Trattat tal-UE, bħal dik użata fl-istabbiliment tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilità (MES), toħloq ukoll sfidi serji għar-responsabbiltà pubblika u l-awditjar, filwaqt li ddgħajjef ir-rwol ewlieni tal-Qorti;

34.  Jiddeplora l-fatt li fil-każ tal-EFSF s’issa ma sar l-ebda arranġament għall-kontroll estern pubbliku indipendenti, u jiddispjaċih il-fatt li anke wara li l-QEA nnominat membru tal-bord tal-awditjar tal-MES, ir-rapport tal-awditjar annwali tal-bord mhux se jkun disponibbli għall-Parlament u lanqas għall-pubbliku ġenerali; jistieden lill-Qorti biex b’mod regolari tipprovdi lill-Parlament rapport ta’ awditjar annwali tal-bord u kull informazzjoni oħra meħtieġa dwar l-attivitajiet tal-Qorti f’dan ir-rigward sabiex il-Parlament ikun jista’ jiskrutinizza l-ħidma tal-Qorti tal-Awdituri waqt il-proċedura ta’ kwittanza;

It-tfassil mill-ġdid tal-istruttura tal-Qorti

35.  Jinnota li l-kompożizzjoni u l-proċedura tal-ħatriet tal-Qorti huma ffissati fl-Artikoli 285 u 286 tat-TFUE; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa għal tibdil fit-Trattat li jistabbilixxi l-Kunsill u l-Parlament fuq bażi ugwali meta jinħatru l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, sabiex jiġu żgurati l-leġittimità demokratika, it-trasparenza u l-indipendenza sħiħa tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri;

36.  Jiddeplora l-fatt li xi proċeduri tal-ħatra wasslu għal kunflitt bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-kandidati, minkejja l-fatt li t-Trattat ma jipprevedix dan il-kunflitt; jenfasizza li, kif stipulat fit-Trattat, huwa d-dover tal-Parlament li jivverifika l-persuni nominati; huwa tal-fehma li, fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni tajba fost l-Istituzzjonijiet Ewropej, il-Kunsill għandu jirrispetta d-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament wara s-smigħ tiegħu;

37.  Jitlob lill-Parlament Ewropew, permezz tar-reviżjoni li jmiss tat-Trattat tal-UE, isir responsabbli għall-għażla tal-membri tal-QEA fuq proposta tal-Kunsill; huwa tal-fehma li tali proċedura żżid l-indipendenza tal-Membri tal-QEA fil-konfront tal-Istati Membri;

38.  Jilqa’ l-fatt li l-Qorti adottat regoli ġodda ta’ proċedura fl-2010 li ppermettew lill-Qorti, taħt il-qafas legali attwali, tiffaċilita l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, sabiex issa r-rapporti dwar l-awditjar u l-opinjonijiet qegħdin jiġu adottati minn awli ta’ ħames jew sitt Membri minflok mill-kulleġġ sħiħ ta’ 28 Membru;

39.  Huwa tal-fehma li r-regola dwar ir-rappreżentanza ġeografika attwali relatata mal-ġestjoni ta’ livell għoli, skont liema regola jista’ jkun hemm Membru wieħed għal kull Stat Membru, m’għadhiex siewja u kredibbli daqs kemm kienet fil-bidu tagħha u tista’ tiġi sostitwita minn struttura ta’ ġestjoni ħafifa mfassla apposta għal mandat ta’ responsabbiltà usa', b’dispożizzjonijiet xierqa li jiggarantixxu l-indipendenza tal-attivitajiet kollha tal-Qorti;

40.  Jipproponi, għalhekk, li l-Qorti għandu jkollha l-istess numru ta’ Membri bħall-Kummissjoni; il-Membri għandu jkollhom, tal-anqas, esperjenza professjonali fl-awditjar kif ukoll fil-ġestjoni; il-Membri tal-Qorti għandu jkollhom kwalifiki speċjali għall-funzjoni tagħhom, u l-indipendenza tagħhom għandha tkun mingħajr dubju;

41.  Jipproponi reviżjoni tal-metodu ta’ remunerazzjoni tal-Membri tal-Qorti u r-riżorsi direttament u personalment mogħtija lil kull Membru sabiex jagħmilhom konformi ma’ prattiki nazzjonali u internazzjonali għal funzjonijiet simili u li jippermettu lill-Membri tal-Qorti jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom b’mod indipendenti;

II.Il-proċedura għall-ħatra tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri: Konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew

42.  Jadotta l-prinċipji, il-kriterji tal-għażla u l-proċeduri li ġejjin fl-għoti tal-opinjoni tiegħu dwar il-kandidati għas-sħubija fil-Qorti tal-Awdituri:

   (a) għandu jkun hemm ammont ta’ żmien raġonevoli għall-kunsiderazzjoni mill-Parlament sabiex ikun possibbli li l-kandidati jinstemgħu mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u jkun jista’ jittieħed vot mill-kumitat f’laqgħa wara s-smigħ;
   (b) meta tkun se tittieħed deċiżjoni, fejn l-kriterji politiċi jitwarrbu, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u s-seduta plenarja jivvutaw permezz ta’ vot sigriet;
   (c) fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, is-smigħ għandu jkun pubbliku u d-diskussjonijiet għandhom jiġu trażmessi permezz tal-vidjo;
   (d) il-Parlament għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu abbażi tal-maġġoranza tal-voti mitfugħa fis-seduta plenarja, u l-opinjoni tiegħu għandha tiġi rrispettata mill-Kunsill; il-kandidati għandhom ikunu preżenti waqt il-votazzjoni u wara vot negattiv se jintalbu mill-President tal-PE jiddeċiedu jekk hux se jirtiraw il-kandidatura tagħhom;

43.  Jikkunsidra li l-kriterji għall-ħatra tal-Membri tal-QEA għandhom jiġu speċifikati aħjar abbażi tal-Artikolu 286 tat-TFUE u jenfasizza li l-valutazzjoni tal-Parlament se tkun iggwidata primarjament mill-kriterji li ġejjin:

   (a) esperjenza professjonali ta’ livell għoli miksuba fil-finanzi pubbliċi, fl-awditjar u fil-ġestjoni, kif ukoll għarfien fil-fond tal-governanza tal-istituzzjonijiet Ewropej;
   (b) rekord ta’ awditjar tajjeb u evidenza ta’ għarfien tajjeb ħafna ta’ mill-anqas waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-Unjoni Ewropea;
   (c) fejn meħtieġ, prova ta’ rilaxx bil-quddiem tal-applikanti mill-kompiti ta’ ġestjoni mwettqa preċedentement;
   (d) il-kandidati ma jkollhom ebda kariga eletta jew ebda responsabbiltà lejn partit politiku b’seħħ mid-data tal-ħatra tagħhom;
   (e) standards għoljin tal-integrità u l-moralità tal-kandidat rikonoxxuti;
   (f) fid-dawl tan-natura tal-ħidma li għandha ssir, l-età tal-kandidati għandha wkoll tiġi kkunsidrata, u għandu jitqies raġonevoli li, pereżempju, jiġi stipulat li l-Membri m’għandhomx ikollhom aktar minn 67 sena fil-mument tal-ħatra tagħhom;
   (g) il-Membri m'għandhomx jokkupaw il-kariga aktar minn żewġ mandati;
   (h) fl-aħħar, il-Parlament għandu jikkunsidra bis-serjetà l-kwistjoni tal-bilanċ bejn is-sessi fost il-Membri tal-Qorti;

44.  Jitlob lill-Kunsill sabiex:

   (a) jippreżenta lill-Parlament minn tal-anqas żewġ kandidati minn kull Stat Membru, li jkunu mara u raġel;
   (b) ifassal il-proposti b’mod li jikkonformaw bis-sħiħ mal-kriterji stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, bil-ftehim li l-Parlament, min-naħa tiegħu, se jiżgura li jirrispetta dawk il-kriterji bl-aktar reqqa;
   (c) jagħti d-dettalji rilevanti dwar il-karriera tal-kandidati meta jkun qed jindika l-ismijiet tagħhom, u l-informazzjoni u l-opinjonijiet kollha li jirċievi waqt li l-proċeduri ta' teħid tad-deċiżjonijiet interni tal-Istati Membri jkunu fis-seħħ;
   (d) iwassal kwalunkwe informazzjoni dwar in-nomini li jkun irċieva mill-Istati Membri bil-ftehim li f’każ li jżomm lura milli jagħti l-informazzjoni, il-Parlament ikun obbligat jagħmel l-istħarriġ tiegħu stess, li jwassal għal dewmien inevitabbli fil-proċedura tal-ħatriet;
   (e) jindirizza lill-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri li se jiġu msejħa biex jinnominaw il-kandidati għas-sħubija fil-Qorti tal-Awdituri, u jiġbed l-attenzjoni ta’ dawk l-awtoritajiet għall-kriterji u l-proċeduri stipulati mill-Parlament;
   (f) jevita li jirtira u jissottometti nomini ġodda li jieħdu kont tal-proposti ġodda mressqa mill-Istati Membri li huma motivati esklussivament minn kriterji politiċi;
   (g) jirrispetta, f’każ bħal dan, l-opinjoni kuntrarja tal-Parlament dwar is-sitwazzjoni, u jipproponi kandidat/i ġdid/ġodda;

45.  Jistipula dan li ġej fir-rigward tal-proċeduri quddiem il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u fis-seduta plenarja:

   (a) kull rakkomandazzjoni dwar kull nomina għandha tiġi sottomessa fil-forma ta’ rapport li għandu jiġi adottat fuq il-bażi ta' maġġoranza tal-voti mitfugħa, bir-rapport li jindika biss in-nomina;
   (b) ir-rapport għandu jikkonsisti minn:
   (i) iċ-ċirkustanzi fil-qosor taċ-ċitazzjonijiet tar-referenza lill-Parlament;
   (ii) premessi li jiddeskrivu l-proċedura lill-kumitat kompetenti;
   (iii) test operattiv li jista’ jikkonsisti biss minn:
   opinjoni favorevoli, jew
   opinjoni kuntrarja;
   (c) iċ-ċitazzjonijiet u l-premessi m’għandhomx jitressqu għall-votazzjoni;
   (d) il-curriculum vitæ u t-tweġibiet għall-kwestjonarju għandhom jiġu annessi mar-rapport;
   (e) il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u s-seduta plenarja għandhom jivvutaw dwar il-ħatra tal-kandidat inkwistjoni;

o
o   o

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri u, għal skopijiet ta’ informazzjoni, lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u l-parlamenti u lill-istituzzjonijiet ta’ awditjar tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 107, 30.04.2004, p. 1.
(2) ĠU C 337, 21.12.1992, p. 51.
(3) ĠU C 43, 20.2.1995, p. 75.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0319
(5) Taqsira tat-terminu Franċiż “Déclaration d’assurance”.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Mejju 2017Avviż legali