Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2183(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0009/2014

Testi mressqa :

A7-0009/2014

Dibattiti :

PV 03/02/2014 - 17
CRE 03/02/2014 - 17

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2014 - 8.1
CRE 04/02/2014 - 8.1

Testi adottati :

P7_TA(2014)0062

Testi adottati
PDF 325kWORD 85k
It-Tlieta, 4 ta' Frar 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Pjan direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru
P7_TA(2014)0062A7-0009/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru (2013/2183(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, adottati fil-31 ta’ Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Strateġija għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0573),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2012 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (COM(2013)0271) u d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426) u l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2009 dwarha(1) ,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-laqgħa tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta’ Novembru 2010 dwar l-omofobija, it-transfobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru, imwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u ppubblikat fis-17 ta’ Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-FRA tal-1 ta’ Ottubru 2013 dwar is-sitwazzjoni ta’ ugwaljanza fl-Unjoni Ewropea għaxar snin wara l-implimentazzjoni inizjali tad-direttivi dwar l-ugwaljanza,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar il-ġlieda kontra l-omofobija fl-Ewropa(2) ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2010-2011)(3) ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u r-reati ta’ mibegħda(4) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0009/2014),

A.  billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

B.  billi fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;

C.  billi f’Ġunju 2013 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta linji gwida qawwija għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem mill-persuni LGBT barra l-Unjoni Ewropea, u għandu jiżgura li jiġu protetti b’mod effettiv fl-UE;

D.  billi l-Unjoni Ewropea diġà tikkoordina l-azzjoni tagħha permezz ta’ politiki komprensivi fil-qasam tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni permezz tal-“Istrateġija qafas għan-nondiskriminazzjoni u għall-opportunitajiet indaqs għal kulħadd”, fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-“Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015”, fil-qasam tad-diżabilità permezz tal-“Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020”, u fil-qasam tal-ugwaljanza għall-persuni Rom permezz tal-“Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020”;

E.   billi fl-“Istrateġija għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” tagħha l-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki individwali dwar ċerti drittijiet fundamentali speċifiċi abbażi tat-Trattati;

F.   billi fl-istħarriġ tal-UE tal-2013, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) sabet li fl-UE kollha fis-sena ta’ qabel l-istħarriġ wieħed minn kull tnejn minn dawk li wieġbu ħassu vittma ta’ diskriminazzjoni jew fastidju abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali, wieħed minn kull tlieta kien vittma ta’ diskriminazzjoni waqt li kien qed jakkwista prodotti jew servizzi, wieħed minn kull erbgħa ġie aggredit fiżikament, u wieħed minn kull ħamsa saret diskriminazzjoni kontrieh fl-impjieg jew l-okkupazzjoni;

G.   billi l-FRA rrakkomandat li l-UE u l-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni li jippromwovu r-rispett għall-persuni LGBT u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

H.  billi f’Mejju 2013 ħdax-il Ministru tal-Ugwaljanza(5) talbu lill-Kummissjoni toħroġ politika komprensiva tal-UE għall-ugwaljanza tal-persuni LGBT, u għaxar Stati Membri(6) diġà adottaw jew qed jiddiskutu politiki simili f’livelli nazzjonali u reġjonali;

I.  billi l-Parlament Ewropew talab għal għaxar darbiet strument ta’ politika komprensiva tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u jiddispjaċih bil-qawwa li d-drittijiet fundamentali tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) mhux dejjem jiġu rrispettati bis-sħiħ fl-Unjoni Ewropea;

2.  Jemmen li attwalment l-Unjoni Ewropea hija nieqsa minn politika komprensiva li tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI;

3.  Jirrikonoxxi li r-responsabbiltà għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taqa’ b’mod konġunt fuq il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-kompetenzi tagħha bis-sħiħ, inkluż il-faċilitazzjoni tal-iskambju tal-prattiki tajba bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE u skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru;

Kontenut tal-Pjan Direzzjonali

4.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti sabiex jaħdmu b’mod konġunt fuq politika komprensiva u pluriennali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI, jiġifieri pjan direzzjonali, strateġija jew pjan ta’ azzjoni li jittrattaw it-temi u l-objettivi mniżżla hawn taħt;

  A. Azzjonijiet orizzontali għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali
   (i) Il-Kummissjoni għandha taħdem biex tiżgura d-drittijiet eżistenti fix-xogħol kollu tagħha u fl-isferi kollha li hija kompetenti fihom permezz tal-integrazzjoni tal-kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI fix-xogħol rilevanti kollu – pereżempju fit-tfassil ta’ politiki u proposti futuri jew fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE;
   (ii) Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita, tikkoordina u tissorvelja l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri permezz tal-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni;
   (iii) L-aġenziji rilevanti tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjoni tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL), l-Unità Ewropea ta’ Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust), in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (NĠE) u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), għandhom jintegraw il-kwistjonijiet marbuta mal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fix-xogħol tagħhom, u jkomplu jipprovdu lill-Kummissjoni u l-Istati Membri b’parir ibbażat fuq evidenza dwar id-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI;
   (iv) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa biex jiġbru b’mod regolari dejta rilevanti u komparabbli dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fl-UE flimkien ma’ aġenziji rilevanti u l-Eurosat, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta;
   (v) Flimkien ma’ aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu t-taħriġ u l-bini ta’ kapaċitajiet għall-korpi nazzjonali ta’ ugwaljanza, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u organizzazzjonijiet oħra li għandhom il-kompitu li jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI;
   (vi) Flimkien ma’ aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ifittxu li jagħmlu liċ-ċittadini konxji mid-drittijiet tal-persuni LGBTI.
  B. Dispożizzjonijiet ġenerali fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni
   (i) L-Istati Membri għandhom jikkonsolidaw il-qafas legali eżistenti tal-UE billi jaħdmu biex jadottaw id-Direttiva proposta dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, inkluż billi jikkjarifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni u l-ispejjeż assoċjati mad-dispożizzjonijiet tagħha;
   (ii) Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-esperjenza ta' nisa leżbjani ta' diskriminazzjoni u vjolenza multipla (it-tnejn fuq bażi ta' sess u orjentazzjoni sesswali), u jfasslu u jimplimentaw politiki ta' nondiskriminazzjoni b'mod korrispondenti;
  C. In-nondiskriminazzjoni fl-impjieg
   (i) Il-Kummissjoni għandha tinkludi konċentrazzjoni speċifika dwar l-orjentazzjoni sesswali meta timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(7) , u l-identità tal-ġeneru meta timmonitorja d-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol(8) ,
   (ii) Flimkien mal-aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida li jispeċifikaw li l-persuni transgeneru u intersesswali huma koperti taħt "sess” fid-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol,
   (iii) Il-korpi ta’ ugwaljanza għandhom jiġu mħeġġa biex jinfurmaw lill-persuni LGBTI, kif ukoll it-trade unions u l-organizazzjonijiet ta’ min iħaddem, dwar id-drittijiet tagħhom;
  D. In-nondiskriminazzjoni fl-edukazzjoni
   (i) Il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fil-programmi tagħha kollha għaż-żgħażagħ u l-edukazzjoni,
   (ii) Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta' prattika tajba fl-edukazzjoni formali, inkluż il-materjal tat-tagħlim, politiki kontra l-bullying u d-diskriminazzjoni, fost l-Istati Membri permezz ta' metodu ta' koordinazzjoni miftuħ u mhux obbligatorju,
   (iii) Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta' prattika tajba fis-settur taż-żgħażagħ u s-settur edukattiv madwar l-Istati Membri, inklużi s-servizzi għall-benesseri taż-żgħażagħ u l-ħidma soċjali, fost l-Istati Membri permezz tal-metodu ta' koordinazzjoni miftuħ u mhux obbligatorju;
  E. In-nondiskriminazzjoni fil-qasam tas-saħħa
   (i) Il-Kummissjoni għandha tpoġġi t-tħassib dwar is-saħħa tal-LGBTI fi ħdan politiki usa’, strateġiċi u rilevanti dwar is-saħħa, inkluż l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ugwaljanza fis-saħħa, u l-vuċi globali tal-UE fi kwistjonijiet relatati mas-saħħa,
   (ii) Il-Kummissjoni għandha tkompli taħdem fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex tneħħi d-diżordnijiet tal-identità tal-ġeneru mil-lista ta’ diżordnijiet mentali u tal-imġiba, u biex tiżgura riklassifikazzjoni li ma tqishomx bħala patoloġiji fin-negozjati dwar il-ħdax-il verżjoni tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard (ICD-11);
   (iii) Il-Kummissjoni għandha tappoġġja lill-Istati Membri fit-taħriġ tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa,
   (iv) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwettqu riċerka dwar kwistjonijiet tas-saħħa speċifiċi għall-persuni LGBTI,
   (v) L-Istati Membri għandhom iqisu lill-persuni LGBTI fi ħdan pjanijiet u politiki dwar is-saħħa nazzjonali, fejn jiżguraw li l-kurrikuli ta’ taħriġ, il-politiki dwar is-saħħa u l-istħarriġ dwar is-saħħa jqisu l-kwistjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa tal-LGBTI,
   (vi) L-Istati Membri għandhom jintroduċu jew jirrevedu l-proċeduri legali tar-rikonoxximent tal-ġeneru sabiex huma jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet għad-dinjità u l-integrità fiżika tal-persuni transġeneru;
  F. In-nondiskriminazzjoni fil-prodotti u s-servizzi
   (i) Il-Kummissjoni għandha tinkludi konċentrazzjoni fuq l-aċċess għal merkanzija u servizzi minn persuni transġeneru meta timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi(9) ;
  G. Azzjoni speċifika fir-rigward tal-persuni transġeneru u intersesswali
   (i) Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-identità tal-ġeneru tiġi inkluża fost ir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni pprojbiti f’kull leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza fil-futur, inkluż kwalunkwe riformulazzjoni,
   (ii) Il-Kummissjoni għandha tintegra l-kwistjonijiet speċifiċi għall-persuni transġeneru u intersesswali fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, fejn tirrifletti l-approċċ adottat fl-Istrateġija tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
   (iii) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi ta’ ugwaljanza jkunu infurmati u mħarrġa dwar id-drittijiet u l-kwistjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-persuni transġeneru u intersesswali;
   (iv) Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti għandhom jindirizzaw in-nuqqas li attwalment jeżisti fir-rigward tal-għarfien, ir-riċerka u l-leġiżlazzjoni rilevanti dwar id-drittijiet tal-bniedem li jgawdu persuni intersesswali;
  H. Ċittadinanza, familji u libertà ta’ moviment
   (i) Il-Kummissjoni għandha toħloq linji gwida biex tiżgura l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri(10) u d-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, sabiex tiżgura r-rispett tal-forom kollha tal-familji rikonoxxuti legalment skont il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri(11) ,
   (ii) Il-Kummissjoni għandha tressaq proposti għar-rikonoxximent reċiproku tal-effetti tad-dokumenti kollha tal-istat ċivili fl-UE kollha, sabiex jitnaqqsu l-ostakoli legali u amministrattivi diskriminatorji għaċ-ċittadini u l-familji tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu,
   (iii) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jistudjaw jekk ir-restrizzjonijiet fis-seħħ għall-bidla fl-istat ċivili u d-dokumenti tal-identità għall-persuni transġeneru jippreġudikawx l-abilità tagħhom biex igawdu d-dritt tagħhom għall-moviment liberu,
   (iv) L-Istati Membri li adottaw leġiżlazzjoni dwar il-koabitazzjoni, is-sħubijiet irreġistrati jew iż-żwiġijiet għal koppji tal-istess sess għandhom jirrikonoxxu dispożizzjonijiet simili adottati minn Stati Membri oħrajn;
  I. Libertà ta’ għaqda u espressjoni
   (i) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda jkunu ggarantiti, b’mod partikolari fir-rigward tal-pride marches u avvenimenti simili, billi jiżguraw li dawn l-avvenimenti jsiru b’mod legali u billi jiggarantixxu l-protezzjoni effettiva tal-parteċipanti,
   (ii) L-Istati Membri għandhom jieqfu milli jadottaw liġijiet u jikkunsidraw mill-ġdid liġijiet eżistenti li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,
   (iii) Il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom jikkunsidraw li l-Istati Membri li jadottaw liġijiet li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jiksru l-valuri li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, u jirreaġixxu kif jixraq;
  J. Diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda
   (i) Il-Kummissjoni għandha timmonitorja u tipprovdi assistenza lill-Istati Membri fir-rigward ta' kwistjonijiet speċifiċi għall-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità(12) , b’mod partikolari meta jitwettqu atti kriminali bi preġudizzju jew bi skop diskriminatorju li jista’ jkun relatat mal-karatteristiċi personali tal-vittmi,
   (ii) Il-Kummissjoni għandha tipproponi riformulazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali li tinkludi forom oħra ta’ att kriminali ta’ preġudizzju, u inċitament għall-mibegħda, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,
   (iii) Flimkien mal-aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajba fost l-Istati Membri fir-rigward tat-taħriġ u l-edukazzjoni tal-forzi tal-pulizija, is-servizzi ta’ prosekuzzjoni, ġudikanti u s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi,
   (iv) L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali għandha tassisti lill-Istati Membri biex itejbu l-ġbir ta’ dejta komparabbli dwar att kriminali ta’ mibegħda ta’ natura omofobika u transfobika,
   (v) L-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jinvestigaw atti kriminali ta’ mibegħda kontra persuni LGBTI, u jadottaw leġiżlazzjoni kriminali li tipprojbixxi l-inċitament għall-mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;
  K. Asil
   (i) Flimkien mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u l-aġenziji rilevanti, u fil-qafas tal-mandat tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-ġurisprudenza tal-UE, il-Kummissjoni għandha tinkludi kwistjonijiet speċifiċi marbuta mal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni dwar l-asil, inkluż id-Direttiva 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali(13) , u d-Direttiva 2011/95/UE dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali(14) ,
   (ii) Flimkien mal-aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-professjonisti tal-asil, inklużi dawk li jagħmlu intervisti u l-interpreti, jirċievu taħriġ adegwat, inkluż it-taħriġ eżistenti, biex jittrattaw kwistjonijiet relatati b’mod speċifiku mal-persuni LGBTI,
   (iii) Flimkien mal-EASO u b’kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sitwazzjoni legali u soċjali tal-persuni LGBTI f’pajjiżi ta’ oriġini tiġi dokumentata b’mod sistematiku u li informazzjoni bħal din tkun magħmula disponibbli lil dawk li jieħdu deċiżjonijiet dwar l-asil bħala parti mill-Informazzjoni dwar il-Pajjiż ta’ Oriġini (COI);
  L. Tkabbir u azzjoni esterna
   (i) Il-Kummissjoni għandha tkompli l-monitoraġġ attwali tagħha tal-kwistjonijiet marbuta mal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fil-pajjiżi tal-adeżjoni,
   (ii) Il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istati Membri għandhom jużaw b’mod sistematiku l-Linji Gwida tal-Kunsill għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni LGBTI, u jżommu pożizzjoni komuni meta jirrispondu għal ksur ta’ dawn id-drittijiet,
   (iii) Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jipprovdu informazzjoni miksuba minn delegazzjonijiet tal-UE dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fil-pajjiżi terzi lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil u l-Istati Membri;

5.   Jenfasizza li din il-politika komprensiva għandha tirrispetta l-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, tal-aġenziji tagħha u tal-Istati Membri;

6.   Ifakkar li l-libertà li wieħed jesprimi u juri t-twemmin u l-fehmiet tiegħu, f'konformità mal-prinċipju tal-pluraliżmu tal-ideat, u sakemm wieħed ma jxewwixx favur il-mibegħda, il-vjolenza jew id-diskriminazzjoni, għandha tiġi rrispettata;

o
o   o

7.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni Ewropea, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-aġenziji kollha msemmija f’dan id-dokument, u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 68.
(2) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 54.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0500.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0090.
(5) L-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, id-Danimarka, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja.
(6) Il-Belġju, il-Kroazja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugal, Spanja, ir-Renju Unit.
(7) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(8) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(9) ĠU L 373, 21.12.2001, p. 37.
(10) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(11) ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12.
(12) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(13) ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60.
(14) ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Mejju 2017Avviż legali