Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2533(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0150/2014

Dibattiti :

PV 05/02/2014 - 18
CRE 05/02/2014 - 18

Votazzjonijiet :

PV 06/02/2014 - 9.8

Testi adottati :

P7_TA(2014)0101

Testi adottati
PDF 234kWORD 27k
Il-Ħamis, 6 ta' Frar 2014 - Strasburgu
Is-Summit UE-Russja
P7_TA(2014)0101RC-B7-0150/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-Summit UE-Russja (2014/2533(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, kif ukoll in-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim ġdid UE-Russja,

–  wara li kkunsidra s-"Sħubija għall-Modernizzazzjoni" li bdiet fl-2010 f’Rostov-on-Don u l-impenn meħud mit-tmexxija Russa favur l-istat tad-dritt bħala bażi fundamentali għall-modernizzazzjoni tar-Russja,

–  wara li kkunsidra l-objettiv kondiviż mill-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fil-31 ta' Mejju 2003 wara l-11-il Summit UE-Russja li sar f'San Pietruburgu, dwar il-ħolqien ta' spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta’ riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali ("l-erba' spazji komuni"),

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet tat-28 ta’ Novembru 2013 bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra s-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tat-28 u d-29 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra s-Summit UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Durão Barroso, u r-rimarki mill-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, wara s-Summit UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE tibqa’ impenjata li tapprofondixxi u tiżviluppa aktar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif jidher mill-impenn tagħha biex tidħol b'mod serju f'negozjati għal ftehim ta’ qafas ġdid għall-iżvilupp ulterjuri tagħhom, u billi l-UE u r-Russja stabbilixxew relazzjonijiet profondi u komprensivi, b’mod partikolari fis-setturi tal-enerġija, tal-ekonomija u tan-negozju;

B.  billi s-Summit UE-Russja tat-28 ta’ Jannar 2014 tnaqqas għal laqgħa ristretta ta’ tliet sigħat li iffukat fuq għadd limitat ta’ kwistjonijiet, fatt li jirrifletti l-isfidi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, l-aktar minħabba l-pressjoni tar-Russja fuq is-Sħab tal-Lvant;

C.  billi l-kooperazzjoni msaħħa u r-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien bejn l-UE u r-Russja huma kruċjali għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa u, b’mod partikolari, il-viċinat komuni; billi l-iżvilupp ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa jista' jinbena biss fuq valuri komuni kondiviżi; billi huwa importanti ħafna li tiżdied il-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali bejn iż-żewġ sħab fl-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-fora kollha bil-għan li tittejjeb il-governanza globali u jiġu indirizzati sfidi komuni;

D.  billi għad hemm tħassib fuq żviluppi fil-Federazzjoni Russa rigward ir-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tal-prinċipji demokratiċi li dwarhom sar qbil komuni u l-istat tad-dritt; billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

E.  billi fis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnius, il-parteċipanti kollha kkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-prinċipji tad-dritt internazzjonali u għall-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, il-paċi u l-istabilità fil-pajjiżi ġirien komuni tagħhom huma fl-interess kemm tar-Russja kif ukoll tal-UE; billi għandu jiżviluppa djalogu miftuħ, liberu u orjentat lejn ir-riżultati dwar il-kriżijiet f'dawn il-pajjiżi rigward, b'mod partikolari, il-kunflitti ffriżati, bil-għan li jiġu msaħħa s-sigurtà u l-istabilità, tiġi appoġġata l-integrità territorjali tal-pajjiżi kkonċernati u jiġu żviluppati mekkaniżmi konġunti għall-ġestjoni tal-kriżijiet;

G.  billi l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għandhom id-dritt sovran sħiħ u l-libertà li jibnu relazzjonijiet, bħala sħab ugwali, ma’ sħab tal-għażla tagħhom, skont il-Ftehimiet ta’ Ħelsinki;

H.  billi ġie aċċellerat u sar ostili l-proċess li jistabbilixxi l-fruntiera madwar Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, bl-appoġġ tal-forzi Russi u għad-detriment tat-territorji Ġeorġjani;

I.  billi, mill-1 ta' Diċembru 2013, qed tiġi ttrasferita data dwar Informazzjoni minn Qabel ta' Passiġġieri (API) minn trasportaturi tal-ajru lill-awtoritajiet Russi, u billi mill-1 ta' Lulju 2014, l-awtoritajiet Russi se jitolbu data sħiħa tal-passiġġieri u tal-persunal għal titjiriet li jgħaddu minn fuq it-territorju Russu; billi l-awtoritajiet Russi għandhom l-għan li jistabbilixxu sistema sħiħa ta' ġbir ta' Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri;

1.  Jieħu nota tas-Summit UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014 bħala opportunità biex issir riflessjoni dwar in-natura u d-direzzjoni tas-Sħubija Strateġika UE-Russja u biex issir kjarifika tal-punti fuq nuqqas ta' qbil; jinnota li l-format ridott tas-Summit UE-Russja jirrifletti s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, li jippermetti skambju pragmatiku dwar kwistjonijiet topiċi, filwaqt li jissimbolizza wkoll l-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħha bħalissa l-kooperazzjoni UE-Russja; jistenna li d-diskussjonijiet se jwasslu għal titjib fil-fiduċja reċiproka u joħolqu kundizzjonijiet għal impetu politiku mġedded sabiex is-sħubija timxi 'l quddiem;

2.  Jerġa’ jafferma t-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mis-sħab l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta’ kooperazzjoni strateġika, peress li t-tnejn mhux biss għandhom interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda jaspiraw ukoll fit-twettiq ta' valuri demokratiċi li dwarhom sar qbil komuni; jisħaq li sabiex isir progress fir-relazzjonijiet bilaterali hija meħtieġa diskussjoni miftuħa għall-kjarifika ta' kwisjtonijiet ta' nuqqas ta' qbil reċiproku;

3.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' djalogu kontinwu u kostruttiv sabiex jiġu diskussi l-iżviluppi li qed isiru fil-viċinat komuni tagħna, flimkien ma' inizjattivi reġjonali differenti ta' integrazzjoni ekonomika, u b'mod partikolari l-implikazzjonijiet kummerċjali tagħhom, fuq il-bażi ta' impenji eżistenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); iħeġġeġ lill-UE u r-Russja sabiex isibu modi biex jagħmlu l-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali rispettivi aktar kompatibbli, filwaqt li jkomplu jaħdmu lejn viżjoni ta' kummerċ komuni u żona ekonomika fil-ġejjieni;

4.  Itenni li d-djalogu UE-Russja dwar kwistjonijiet relatati ma' viċinat komuni għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju fundamentali ta' sovranità u l-indipendenza għall-pajjiżi ġirien rigward l-għażla ta' alleanzi politiċi u kummerċjali; huwa konvint li aktar riformi politiċi u ekonomiċi fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża l-Ukraina, ibbażati fuq valuri u standards tal-UE, huma, fl-aħħar mill-aħħar, fl-interess tar-Russja stess, peress li tkun tista’ tespandi ż-żona ta’ stabilità, prosperità u kooperazzjoni madwar il-fruntieri tagħha; ifakkar fl-istedina permanenti tal-UE sabiex ir-Russja tikkontribwixxi għal dan il-proċess permezz ta’ impenn kostruttiv mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jopponi l-intenzjoni tar-Russja li tkompli tqis ir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant bħala l-isfera ta’ influwenza tagħha; jemmen li ċ-ċittadini tal-Ukraina biss għandu jkollhom id-dritt li jiddeċiedu l-futur ta’ pajjiżhom;

5.  Jiddispjaċih il-fatt li t-tmexxija Russa rigward is-Sħubija tal-Lvant tal-UE hija ta' theddida għall-interessi ekonomiċi u politiċi tagħha stess; jenfasizza l-fatt li, għall-kuntrarju, ir-Russja se tiggwadanja minn żieda fl-attivitajiet kummerċjali u ekonomiċi u li s-sigurtà tagħha se tissaħħaħ permezz ta’ viċinat stabbli u prevedibbli; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati sinerġiji sabiex jippermettu lill-pajjiżi fil-viċinat komuni jibbenefikaw u jagħmlu l-aħjar użu mir-relazzjonijiet bilaterali kemm mal-UE kif ukoll mal-Federazzjoni Russa;

6.  Itenni li, għall-kuntrarju tal-Unjoni Doganali appoġġata mir-Russja, il-ftehimiet tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant dwar Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) ma jipprojbixxux lil dawn tal-aħħar milli jimpenjaw ruħhom f'kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi; jinnota, għalhekk, li wara li ġie ffirmat ftehim ta' assoċjazzjoni inkluż DCFTA, is-Sħab tal-Lvant xorta se jkunu jistgħu jwettqu kummerċ ħieles mar-Russja skont il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles iffirmati attwalment bħala parti mill-Commonwealth ta' Stati Indipendenti (CIS);

7.  Jistenna li, jekk il-kundizzjonijiet huma preparati sew, jinbdew in-negozjati tal-ftehim il-ġdid fis-summit li jmiss li se jsir f'Sochi f'Ġunju 2014; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress fin-negozjati dwar FSK ġdid li jieħu post dak attwali, prinċipalment minħabba n-nuqqas ta' impenn min-naħa tar-Russja li timpenja ruħha f'negozjati sostanzjali dwar il-kapitolu kummerċjali; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm l-impenn tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni;

8.  Jitlob għal koordinazzjoni effettiva tar-responsabilità tal-politika tal-UE dwar ir-Russja fil-mandat li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea, bi rwol ċar u ċentrali għar-Rappreżentant Għoli / Viċi President u bl-Istati Membri lesti li jitkellmu mar-Russja b'vuċi waħda;

9.  Jistieden lir-Russja tikkonforma mal-obbligi multilaterali kollha tagħha li jirriżultaw mill-adeżjoni tagħha mad-WTO u timplimenta bis-sħiħ l-impenji tagħha tad-WTO; jistieden lir-Russja tieqaf milli timponi projbizzjonijiet arbitrarji fuq prodotti mill-Istati Membri tal-UE, billi dawn il-miżuri jagħmlu ħsara għar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri individwali u r-Russja, u għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja;

10.  Jikkundanni bil-qawwa l-attakki terroristiċi reċenti f'Volgograd; jilqa’ l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta UE-Russja tat-28 ta’ Jannar 2014 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li fiha l-UE u r-Russja ftiehmu li jikkunsidraw possibbilitajiet għal aktar tisħiħ fil-kooperazzjoni bi tweġiba għal reati mwettqa minn terroristi u minn kriminalità organizzata, jespandu l-kooperazzjoni fl-iskambju tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u jsir taħriġ għall-esperti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom kemm fil-qafas tan-NU kif ukoll f’fora multilaterali oħra;

11.  Jinnota r-Rapporti ta’ Progress dwar l-Ispazji Komuni UE-Russja li jiddeskrivu l-progress, jew ir-rigressjoni, fl-implimentazzjoni tal-Ispazji Komuni UE-Russja u tal-pjanijiet direzzjonali adottati fl-2005; jappoġġa speċjalment il-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u jenfasizza li l-erba' Spazji Komuni jistrieħu fuq il-prinċipju tar-reċiproċità;

12.  Jenfasizza l-importanza tas-sigurtà tal-enerġija u l-fatt li l-provvista tar-riżorsi naturali m'għandhiex tintuża bħala għodda politika; jissottolinja l-importanza reċiproka ta’ kollaborazzjoni fil-qasam tal-enerġija, li tirrappreżenta opportunità għal kollaborazzjoni kummerċjali u ekonomika ulterjuri f’suq miftuħ u trasparenti, fejn tkun mifhuma għalkollox il-ħtieġa tal-UE li tiddiversifika l-mogħdijiet tat-trasport u l-fornituri tal-enerġija; jenfasizza li l-prinċipji ta' interdipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta' din il-kooperazzjoni, flimkien ma' aċċess ugwali għas-swieq, l-infrastruttura u l-investiment; jitlob li l-kooperazzjoni UE-Russja fil-qasam tal-enerġija tkun ibbażata b’mod sod fuq il-prinċipji tas-suq intern, inkluż it-Tielet Pakkett tal-Enerġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess ta’ parti terza, kif ukoll fuq it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija (ECT); huwa konvint li aċċettazzjoni sħiħa tal-prinċipji tal-ECT mir-Russja jkollha effetti ta’ benefiċċju reċiproku fuq ir-relazzjonijiet bilaterali fil-qasam tal-enerġija; jitlob għal kooperezzjoni mill-qrib bejn l-UE u r-Russja rigward il-provvista ta' materja prima u metalli rari, speċjalment dawk meqjusa bħala kritiċi, u jitlob għall-konformità mar-regoli internazzjonali, speċjalment mar-regoli tad-WTO;

13.  Iħeġġeġ lil-Federazzjoni Russa tintensifika l-kontribut tagħha biex tindirizza t-tibdil fil-klima; jistieden, b’mod partikolari, lir-Russja taċċetta l-mira tat-tieni perjodu ta’ impenn billi tirratifika l-Ftehim ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima;

14.  Itenni l-impenn tiegħu favur l-objettiv fit-tul li jkun hemm ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, fuq il-bażi ta' approċċ gradwali ffukat fuq is-sustanza u l-progress prattiku; jinnota li huma għaddejjin negozjati dwar ftehim aġġornat dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi, filwaqt li qed jiġu implimentati l-"miżuri komuni li jwasslu biex titneħħa l-viża għal vjaġġar fuq perjodu qasir"; jesprimi t-tħassib tiegħu fuq il-pjanijiet li jinkludu għadd kbir ta' uffiċjali Russi li jkollhom "passaporti ta' servizz" ta' konvenjenza fil-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi;

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu fuq żviluppi fil-Federazzjoni Russa dwar ir-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal prinċipji, regoli u proċeduri demokratiċi li dwarhom sar qbil komuni, b'mod partikolari rigward il-liġi ta' aġenti barranin, il-leġiżlazzjoni kontra l-LGBT, l-inkriminazzjoni mill-ġdid tal-malafama, il-liġi dwar it-tradiment u l-leġiżlazzjoni li tirregola l-protesti pubbliċi; iħeġġeġ lir-Russja tirrispetta l-impenji internazzjonali tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa;

16.  Jilqa' l-każijiet reċenti ta' amnestija u jenfasizza l-fatt li għarfien ċar u affidabbli tal-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem, u l-istat tad-dritt se jgħin ukoll fil-progress tas-sħubija strateġika tagħna; jenfasizza li sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u effiċjenti hija element ewlieni tal-istat tad-dritt, u tikkontribwixxi ħafna għall-iżvilupp ta' ambjent kummerċjali affidabbli u stabbli u klima ta' investiment;

17.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u n-nuqqas ta’ kwalunkwe evoluzzjoni fil-modalitajiet tal-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja; jiddispjaċih, b’mod partikolari, mill-fatt li dan id-djalogu aktar sar proċess milli mezz, li permezz tiegħu jinkisbu riżultati tanġibbli u li jistgħu jitkejlu; jinsisti għal darb’oħra fuq il-ħtieġa li jkunu inklużi indikaturi pubbliċi ta’ progress f’dawn il-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jitjiebu l-modalitajiet ta’ djalogu, pereżempju billi jiġu alternati l-postijiet tal-konsultazzjonijiet, permezz ta’ interazzjoni bejn NGOs Russi u l-awtoritajiet Russi bħala parti minn dan il-proċess u fuq il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni Russa, u biex jinħarġu valutazzjonijiet pubbliċi tal-progress fl-okkażjoni tas-Summit UE-Russja u wara l-laqgħat tal-Kunsill ta’ Sħubija;

18.  Jitlob lir-Russja tħassar kompletament il-liġi federali dwar il-"propaganda għal relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali" u liġijiet simili reġjonali kontra l-propaganda li jillimitaw id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda fir-rigward ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru; jesprimi t-tħassib ġenwin tiegħu fuq il-konsegwenzi negattivi ta' dawn il-liġijiet fuq is-soċjetà, fejn se jiżdiedu d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra individwi LGBTI; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE żżid l-appoġġ tagħha għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI, f'konformità mal-linji gwida rilevanti;

19.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni, bil-ħsieb tal-ipprogrammar li għaddej bħalissa tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u tal-istrument finanzjarju tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali (CSO-LA), biex żżid b’mod sinifikanti l-isforzi tagħha biex tipprovdi assistenza lis-soċjetà ċivili oppressa billi tirduppja l-allokazzjonijiet finanzjarji lill-pajjiż;

20.  Jenfasizza li laqgħat regolari ta’ djalogu politiku fuq medda wiesgħa ta’ kwistjonijiet marbuta mal-politika barranija huma element essenzjali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; jiddikjara li r-Russja, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC), għandha tieħu r-responsabbiltà tagħha fi kriżijiet internazzjonali; jistieden lir-Russja tieħu approċċ kostruttiv ħafna fil-Konferenza Ġinevra II dwar is-Sirja, fejn l-għan huwa li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt; jilqa’ l-isforzi tar-Russja, flimkien mal-Istati Uniti u l-komunità internazzjonali, biex japprovaw riżoluzzjoni tal-UNSC rigward l-eliminazzjoni tal-armi kimiċi Sirjani u t-tnedija tat-taħdidiet ta' Ginevra II;

21.  Jenfasizza l-importanza tad-djalogu u l-kooperazzjoni mar-Russja fuq kwistjonijiet globali bil-għan li jiġu indirizzati b'mod effettiv kwistjonijiet bħall-Afganistan, il-ħidma tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani u l-ġlieda kontra l-piraterija ftit 'il barra mill-Qarn tal-Afrika; iħeġġeġ l-approfondiment u t-tisħiħ ta' din il-kooperazzjoni, bil-għan għal azzjoni konġunta rigward il-programm nukleari tal-Iran;

22.  Jistieden lir-Russja tirrevoka r-rikonoxximent tagħha tas-separazzjoni tar-reġjuni Ġeorġjani ta' Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar; jikkundanna bil-qawwa l-proċess li jistabbilixxi l-fruntiera madwar Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, li wassal għall-espansjoni taż-żona ta’ territorji okkupati għad-detriment tal-Ġeorġja; jistieden lill-Ġeorġja u lir-Russja jimpenjaw ruħhom għal taħditiet diretti mingħajr prekundizzjonijiet dwar medda ta' suġġetti, b'medjazzjoni, jekk ikun meħtieġ, minn parti terza aċċettabbli għat-tnejn, li għandhom jikkomplementaw, iżda mhux jissostitwixxu, il-proċess ta' Ġinevra eżistenti;

23.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa tissodisfa l-impenji meħuda fl-1996 fil-Kunsill tal-Ewropa u riflessi fid-deċiżjonijiet tas-Summit tal-OSKE (f'Istanbul fl-1999 u Oporto fl-2002) dwar l-irtirar tat-truppi u l-armi Russi mit-territorju tal-Moldova; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta’ progress fuq din il-kwistjoni; jenfasizza li l-partijiet kollha tat-taħdidiet 5+2 impenjaw ruħhom li jsolvu l-kunflitt fuq il-bażi tal-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova; jistieden lir-Russja jkollha rwol kostruttiv fl-isforzi tagħha li ssolvi l-kunflitt twil f'Nagorno-Karabakh, fil-qafas tal-Grupp Minsk;

24.  Jemmen li huma meħtieġa sforzi mġedda biex imexxu 'l quddiem il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar kwistjonijiet ta' sigurtà reġjonali, inkluż ir-riżoluzzjoni ta' kunflitti twal fil-viċinat;

25.  Jisħaq l-importanza li jitrawmu d-djalogu interkulturali UE-Russja u l-għarfien tal-istorja u l-wirt kulturali tat-tnejn li huma, kif ukoll jinkoraġixxi l-mobilità u l-iskambju ta' studenti, għalliema, professuri u riċerkaturi sabiex jiffaċilitaw il-kuntatti bejn il-persuni li jipprovdu xhieda viżibbli u tanġibbli ta' sħubija sostenibbli li twassal, fl-aħħar mill-aħħar, għal komunità ta' valuri;

26.  Jappella lill-awtoritajiet Russi jikkooperaw fil-ftuħ tal-arkviji Russi, li jippermettu l-aċċess għar-riċerkaturi u d-deklassifikazzjoni ta’ dokumenti rilevanti, inkluż dak tad-destin ta' Raoul Wallenberg, li 70 sena ilu salva eluf ta’ Lhud Ungeriżi minn ġenoċidju;

27.  Jilqa’ l-ħidma tal-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni UE-Russja bħala pjattaforma għall-iżvilupp ta’ kooperazzjoni u għal djalogu kontinwu bejn iż-żewġ istituzzjonijiet parlamentari;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

Avviż legali - Politika tal-privatezza