Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2323(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0435/2013

Testi mressqa :

A7-0435/2013

Dibattiti :

PV 24/02/2014 - 26
CRE 24/02/2014 - 26

Votazzjonijiet :

PV 25/02/2014 - 5.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0127

Testi adottati
PDF 647kWORD 98k
It-Tlieta, 25 ta' Frar 2014 - Strasburgu
Delega ta' setgħat leġiżlattivi u l-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni
P7_TA(2014)0127A7-0435/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2014 dwar segwitu dwar id-delega ta’ setgħat leġiżlattivi u l-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni (2012/2323(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Fehim Komuni dwar l-Atti Delegati, kif approvat fit-3 ta’ Marzu 2011 mill-Konferenza tal-Presidenti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(2), b’mod partikolari l-punt 15 tiegħu u l-Anness 1 għalih,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Settembru 2012 fil-Kawża C-355/10, il-Parlament v il-Kunsill (għadha mhix rappurtata), u l-Kawża C-427/12 pendenti, il-Kummissjoni v il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010dwar is-setgħa tad-delegazzjoni leġiżlattiva(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' informazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, adottat fid-19 ta' Settembru 2013, dwar Regolamentazzjoni aħjar: atti ta' implimentazzjoni u atti delegati,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-26 ta' Novembru 2012 mill-President tal-Parlament lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati dwar il-prinċipji orizzontali fl-użu ta' atti delegati fir-rigward ta' programmi leġiżlattivi koperti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), kif approvati mill-Konferenza tal-Presidenti fil-laqgħa tagħha tal-15 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-ittra tat-8 ta' Frar 2013 mill-President tal-Parlament lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' progress fil-Kunsill fir-rigward tal-proposti ta' allinjament fl-oqsma tal-agrikultura u s-sajd,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-Kumitat għas-Sajd, u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0435/2013),

A.  billi t-Trattat ta’ Lisbona introduċa l-possibbiltà għall-Parlament u l-Kunsill (flimkien indikati bħala ‘il-leġiżlatur’) li jiddelegaw parti mis-setgħat tagħhom stess lill-Kummissjoni f’att leġiżlattiv (‘l-att bażiku’); billi d-delega hija operazzjoni delikata li fiha l-Kummissjoni tkun mitluba li teżerċita s-setgħa li hija intrinsika għar-rwol proprju tal-leġiżlatur; billi għalhekk hu meħtieġ li tkun żgurata applikazzjoni korretta tat-Trattat, sabiex ikun garantit livell suffiċjenti ta' leġittimità demokratika għal atti delegati wkoll; billi l-punt ta’ tluq meta tkun eżaminata l-kwistjoni tad-delega għandu għalhekk dejjem ikun il-libertà tal-leġiżlatur; billi skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-adozzjoni tar-regoli essenzjali għas-suġġett previst hija riżervata għal-leġiżlatur; li tfisser li l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet li jitolbu deċiżjonijiet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-leġiżlatur ma jistgħux ikunu delegati; billi għalhekk dik is-setgħa delegata tista’ tikkonsisti biss fis-supplimentar jew fl-emendar ta’ partijiet mill-att leġiżlattiv li mhumiex essenzjali; billi l-atti delegati li jirriżultaw li jkunu adottati mill-Kummissjoni se jkunu atti mhux leġiżlattivi ta’ ambitu ġenerali; billi l-att bażiku għandu jiddefinixxi b’mod espliċitu l-objettiv, il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ din id-delega, u għandu jistipula l-kundizzjonijiet li d-delega hija suġġetta għalihom;

B.  billi sabiex jiġu stabbiliti l-arranġamenti prattiċi u l-kjarifiki maqbula u l-preferenzi applikabbli għad-delega tas-setgħa leġiżlattiva skont l-Artikolu 290 TFUE, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar Fehim Komuni għall-Atti Delegati bil-ħsieb tal-eżerċizzju mingħajr problemi tas-setgħa delegata u l-kontroll effettiv ta’ dik is-setgħa mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill;

C.  billi t-Trattati jipprovdu li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali meħtieġa biex jiġu implimentati atti tal-Unjoni li huma legalment vinkolanti; billi, madankollu, fejn huma meħtieġa l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni li huma legalment vinkolanti, dawk l-atti għandhom jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni (u f’ċertu każijiet eċċezzjonali lill-Kunsill), kif stabbilit fl-Artikolu 291 TFUE; billi fejn l-att bażiku jeħtieġ li l-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni tkun suġġetta għall-kontroll mill-Istati Membri, l-att bażiku għandu jagħti dawk is-setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011; billi impenn ewlieni li għamlet il-Kummissjoni f’dikjarazzjoni annessa ma’ dak ir-Regolament kien l-allinjament urġenti tal-acquis mas-sistema l-ġdida ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni li għandu jitlesta matul it-terminu leġiżlattiv attwali, inkluż l-atti bażiċi li jirreferu għall-proċedura regolatorja bi skrutinju (RPS);

D.  billi huwa l-kompitu tal-leġiżlatur li jiddetermina, abbażi ta’ kull każ għalih, il-livell ta’ dettall ta’ kull att leġiżlattiv u għalhekk anke jiddeċiedu jekk jiddelegawx kwalunkwe setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-atti delegati kif ukoll jekk hux se jkunu meħtieġa setgħat biex jiżguraw kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-att leġiżlattiv; billi l-għoti ta’ dawn is-setgħat delegati jew ta’ implimentazzjoni qatt ma huwa obbligu; billi dan l-għoti għandu madankollu jitqies fejn huma meħtieġa l-flessibbiltà u l-effiċjenza u ma jistgħux jitwasslu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; billi d-deċiżjoni dwar jekk jiġux mogħtija s-setgħat delegati jew ta’ implimentazzjoni għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li għandhom jippermettu stħarriġ ġudizzjarju tas-soluzzjoni adottata; billi n-nuqqas ta' każistika dwar l-Artikolu 290 TFUE u dwar il-kriterji mniżżla fih għamlitha aktar diffiċli għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jaqblu dwar delimitazzjoni bejn atti ta' implimentazzjoni u atti delegati;

E.  billi d-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni mhijiex biss kwistjoni teknika iżda tista’ tinvolvi kwistjonijiet ta’ importanza politika konsiderevoli għaċ-ċittadini u l-konsumaturi tal-Unjoni, l-impriżi u setturi sħaħ minħabba l-impatti possibbli soċjoekonomiċi, ambjentali u tas-saħħa tagħhom;

F.  billi n-negozjati leġiżlattivi dwar ħafna suġġetti wrew interpretazzjonijiet diverġenti fost l-istituzzjonijiet dwar ċertu kwistjonijiet; billi, skont l-Artikolu 37a tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, il-kumitati tiegħu jistgħu jitolbu opinjoni mingħand il-Kumitat għall-Affarijiet Legali meta jiskrutinizzaw proposta li tipprevdi atti delegati; billi l-Konferenza tal-Presidenti tat-13 ta' Jannar 2012approvat linja komuni, u fid-19 ta' April 2012 approvat approċċ orizzontali li għandu jiġi segwit mill-kumitati individwali sabiex jingħelbu d-differenzi ta’ opinjoni; billi dik il-linja komuni jeħtieġ li tittieħed pass ieħor ’il quddiem mill-Parlament bit-twaqqif ta' kriterji tiegħu stess għall-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 TFUE u billi jagħmel ħiltu biex ikun hemm qbil dwar dawn il-kriterji mal-Kunsill u mal-Kummissjoni;

Kriterji għall- applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 TFUE

1.  Iqis li dawn il-kriterji mhux vinkolanti li ġejjin għandhom jiġu segwiti mill-Parlament meta japplika l-Artikoli 290 u 291 TFUE; dan is-sett ta’ kriterji ma jistax jiġi kkunsidrat bħala eżawrjenti:

   Il-karattru vinkolanti jew mhux vinkolanti ta’ miżura għandu jiġi deċiż abbażi tan-natura u l-kontenut tagħha; hija biss is-setgħa tal-adozzjoni ta’ miżuri vinkolanti li tista’ tiġi delegata skont l-Artikolu 290 TFUE.
   Il-Kummissjoni tista’ temenda biss l-atti leġiżlattivi permezz ta’ atti delegati. Dan jinkludi l-emenda tal-annessi, għaliex l-annessi huma parti integrali mill-att leġiżlattiv. L-annessi m’għandhomx jiżdiedu jew jitħassru bil-għan li jinbeda jew jiġi evitat l-użu tal-atti delegati; jekk il-leġiżlatur iqis li xi test għandu jkun parti integrali mill-att bażiku, jista’ jiddeċiedi li jinkludi dak it-test f’anness. Dan huwa partikolarment minnu fir-rigward ta’ listi jew reġistri tal-Unjoni dwar prodotti jew sustanzi li għandhom jibqgħu, fl-interessi ta’ ċertezza legali, parti mill-att bażiku, jekk ikun xieraq, fil-forma ta’ Anness. Il-miżuri maħsuba biex jiddefinixxu b’mod ulterjuri l-kontenut eżatt tal-obbligi mniżżla fl-att leġiżlattiv huma ddisinjati biex jissupplimentaw l-att bażiku billi jżidu elementi mhux essenzjali.
   Il-miżuri li jwasslu għall-għażla tal-prijoritajiet, l-objettivi jew ir-riżultati mistennija għandhom jiġu adottati permezz tal-atti delegati, jekk il-leġiżlatur jiddeċiedi li ma jinkludihomx fl-att leġiżlattiv innifsu.
   Il-miżuri ddisinjati biex jistabbilixxu (iżjed) kundizzjonijiet, kriterji jew rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati – li t-twettiq tagħhom għandu jiġi żgurat mill-Istati Membri jew persuni oħra jew l-entitajiet direttament ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni – għandhom, skont id-definizzjoni, ibiddlu l-kontenut tal-leġiżlazzjoni u jżidu regoli ġodda ta’ applikazzjoni ġenerali. Konsegwentement, il-ħolqien ta’ dawn ir-regoli jew kriterji addizzjonali jista’ jitwettaq biss permezz ta’ att delegat. B’kuntrast, l-implimentazzjoni tar-regoli jew il-kriterji diġà stabbiliti fl-att bażiku (jew f’att delegat tal-ġejjieni), mingħajr il-modifika tas-sustanza tad-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw minnhom u mingħajr ma jiżdiedu għażliet ta’ politika, tista’ sseħħ permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni.
   Taħt ċertu ċirkostanzi l-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta regoli vinkolanti addizzjonali b’kamp ta’ applikazzjoni ġenerali li jaffettwaw fis-sustanza d-drittijiet jew l-obbligi stabbiliti fl-att bażiku. Dawk il-miżuri, skont id-definizzjoni, għandhom jissupplimentaw dawk stabbiliti fl-att bażiku, biex b’hekk jiddefinixxu ulterjorment il-politika tal-Unjoni. Dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ att delegat.
   Skont l-istruttura tal-programm finanzjarju inkwistjoni, elementi mhux essenzjali li jemendaw jew jissupplimentaw l-att bażiku, bħal dawk li jirrigwardaw kwistjonijiet tekniċi speċifiċi, interessi strateġiċi, objettivi, riżultati mistennija, eċċ, jistgħu jkunu adottati permezz ta' atti delegati sakemm dawn ma jkunux inklużi fl-att bażiku. Huwa biss għal elementi li ma jirriflettux orjentazzjoni politika jew orjentazzjoni ta' politika ulterjuri li l-leġiżlatur jista' jiddeċiedi li jippermetti l-adozzjoni tagħhom permezz ta' atti ta' implimentazzjoni.
   Il-miżura li tiddetermina t-tip ta’ informazzjoni li għandha tingħata skont l-att bażiku (jiġifieri l-kontenut eżatt tal-informazzjoni) ġeneralment tissupplimenta l-obbligu li tingħata l-informazzjoni u għandha titwettaq permezz tal-att delegat.
   Miżura li tiddetermina l-arranġamenti għall-għoti tal-informazzjoni (jiġifieri l-format) b’mod ġenerali ma żżidx mal-obbligu li tingħata l-informazzjoni. Minflok, din il-miżura tippermetti l-implimentazzjoni uniformi. Bħala regola ġenerali, dan għandu għalhekk jitwettaq permezz tal-att ta’ implimentazzjoni.
   Il-miżuri li jistabbilixxu l-proċedura (jiġifieri l-mod kif xi ħaġa titwettaq jew tidħol fis-seħħ) jistgħu jitniżżlu jew f'att delegat jew f'att ta’ implimentazzjoni (jew anke element essenzjali tal-att bażiku) skont il-kontenut tagħhom, il-kuntest u n-natura tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-att bażiku. Il-miżuri li jistabbilixxu elementi ta’ proċeduri li jinvolvu għażliet ulterjuri ta’ politika mhux essenzjali sabiex jissupplimentaw il-qafas leġiżlattiv stabbilit fl-att bażiku għandhom, b’mod ġenerali, jkunu mniżżla f'atti delegati. Il-miżuri li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċeduri sabiex jiżguraw kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-obbligu stabbilit fl-att bażiku għandhom b’mod ġenerali jkunu miżuri ta’ implimentazzjoni.
   Bħal fil-każ tal-proċeduri, l-għoti tas-setgħa biex jiġu determinati l-metodi (jiġifieri l-modi kif issir xi ħaġa partikolari b’mod regolari u sistematiku) jew il-metodoloġija (jiġifieri r-regoli li jiddeterminaw il-metodi) jista’ jipprovdi għal atti delegati jew ta’ implimentazzjoni, skont il-kontenut u l-kuntest.
   B’mod ġenerali, l-atti delegati għandhom jintużaw fejn l-att bażiku jħalli marġni konsiderevoli ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni biex tissupplimenta l-qafas leġiżlattiv stabbilit fl-att bażiku.
   L-awtorizzazzjonijiet jistgħu jkunu miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali. Dan huwa pereżempju l-każ fejn id-deċiżjonijiet jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni jew il-projbizzjoni tal-inklużjoni ta’ sustanza speċifika fl-ikel, fil-kożmetiċi eċċ. Dawk id-deċiżjonijiet huma ġenerali għaliex jikkonċernaw kwalunkwe operatur li lest juża dik is-sustanza. F’dawn il-każijiet, jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun ibbażata kompletament fuq kriterji li jinsabu fl-att bażiku, din tista’ tkun att ta’ implimentazzjoni; fejn, madankollu, il-kriterji jkunu jippermettu li l-Kummissjoni tagħmel għażliet ulterjuri li ma jkunux essenzjali/politiċi jew għażliet ta' politika tali awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu att delegat, għaliex jissupplimentaw l-att bażiku.
   L-att leġiżlattiv jista’ jiddelega biss lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali. Il-miżuri ta’ applikazzjoni individwali ma jistgħux għalhekk jiġu adottati permezz ta’ atti delegati. L-att huwa ta’ applikazzjoni ġenerali jekk japplika għal sitwazzjonijiet determinati u jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni b’mod ġenerali u fl-astratt.
   L-atti ta’ implimentazzjoni ma għandhom iżidu ebda orjentazzjoni politika oħra u s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni ma għandhom iħallu ebda marġni ta’ diskrezzjoni sinifikanti.

Kummenti ġenerali

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jibdew negozjati mal-Parlament sabiex jilħqu ftehim dwar il-kriterji msemmija hawn fuq; iqis li dan jista’ jintlaħaq fil-qafas tar-reviżjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li tkun tinkludi dawn il-kriterji;

3.  Itenni d-deċiżjonijiet meħuda mill-Konferenza tal-Presidenti fil-laqgħat tagħha fit-13 ta' Jannar 2011 u fid-19 ta' April 2012 dwar l-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni, u jenfasizza li l-Parlament għandu dejjem jinsisti fuq l-użu tal-atti delegati għas-setgħat kollha delegati lill-Kummissjoni li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 290 TFUE, u li l-fajls li fihom id-drittijiet istituzzjonali tal-Parlament dwar l-inklużjoni tal-atti delegati mhumiex salvagwardjati, ma għandhomx jitqiegħdu fl-aġenda plenarja għal vot li jwassal għal ftehim; jenfasizza li l-Parlament, diġà fil-bidu tan-negozjati, għandu jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni tal-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni bħala kwistjoni istituzzjonali ewlenija għall-Parlament;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex fil-futur tiġġustifika espressament u b’mod sostenibbli, għaliex hija tipproponi att delegat jew ta' implimentazzjoni f’abbozz legali, u għalfejn tikkunsidra l-kontenut regolatorju tiegħu mhuwiex essenzjali; ifakkar li huwa ċar mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE, li atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni huma mfassla għal ħtiġijiet differenti u għalhekk ma jistgħux jiġu sostitwiti wieħed b’ieħor;

5.  Jemmen li, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tar-rapporteurs tiegħu fin-negozjati leġiżlattivi, għandu jsir rikors akbar għall-possibbiltà li tintalab opinjoni mingħand il-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 37a tar-Regoli ta' Proċedura;

6.  Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-allinjament tal-acquis mat-Trattat ta’ Lisbona huwa biss parzjalment realtà erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu; jilqa’ l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposti reċenti għall-allinjament tal-atti leġiżlattivi li jifdal li jipprovdu għall-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju (RPS); jenfasizza madankollu l-ħtieġa li jinbdew negozjati dwar dawk il-proposti malajr kemm jista’ jkun, sabiex jiġi ffinalizzat dan l-eżerċizzju qabel it-tmiem tal-leġiżlatura attwali; iqis li mill-inqas, il-każijiet kollha li ġew trattati qabel taħt l-RPS għandhom issa jkunu allinjati mal-Artikolu 290 TFUE, peress li l-miżuri tal-RPS huma wkoll miżuri ta’ ambitu ġenerali mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tal-att bażiku, fost l-oħrajn billi jitneħħew uħud minn dawk l-elementi jew billi jiġi ssupplimentat l-istrument biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali; fl-istess ħin, jistieden lill-Kunsill ikompli bit-taħditiet dwar dawk il-proposti speċifiċi ta’ allinjament li għadhom miżmuma fil-Kunsill, inkluż il-proposti fl-oqsma tal-agrikoltura u s-sajd;

7.  Jesprimi tħassib li, minkejja l-fatt li tista’ tkun soluzzjoni tajba f’ċertu każijiet, iż-żamma sistematika tal-elementi kollha ta' politika fl-att bażiku tista’, maż-żmien, iċċaħħad l-Artikolu 290 TFUE mill-użu tiegħu bħala mezz ta’ valur għar-razzjonalizzazzjoni tal-proċess leġiżlattiv, li kienet ir-raġuni bażika inizjali sabiex tiġi evitata ġestjoni mikro u proċedura ta' kodeċiżjoni mtaqqla u fit-tul; jenfasizza li dan l-approċċ jista' jkun ferm diffiċli biex jiġi applikat f'xi każijiet, bħal fis-setturi fejn it-teknoloġiji għadhom qed jiġu żviluppati;

8.  Jenfasizza li f’dawk il-każijiet fejn ikun ġie deċiż li jintużaw l-atti ta’ implimentazzjoni, it-tim ta’ negozjar tal-Parlament għandu jevalwa sew x’tip ta’ kontroll huwa meħtieġ mill-Istati Membri u jekk għandhiex tintuża l-proċedura ta’ konsultazzjoni jew ta’ eżami; jenfasizza li t-timijiet ta’ negozjar tal-Parlament, f'każijiet fejn tintuża l-proċedura ta’ eżami, għandhom jaċċettaw biss l-hekk imsejħa “klawżola ta’ ebda opinjoni” f’każijiet eċċezzjonali biss u ġġustifikati sew, peress li dan jimpedixxi lill-Kummissjoni milli tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni fil-każ ta’ “ebda opinjoni” mill-kumitat magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut mill-Kummissjoni;

9.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex ma tabbużax minn dawn l-atti delegati biex terġa' tiftaħ id-diskussjonijiet dwar kwistjonijiet li ntlaħaq ftehim dwarhom fil-livell politiku fit-trilogi; jirrimarka li s-setgħa li tadotta atti delegati għandha preferibbilment tingħata lill-Kummissjoni biss għal perjodu limitat ta' żmien;

10.  Iħeġġeġ lill-kumitati tiegħu jimmonitorjaw mill-qrib l-użu tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni fl-isferi ta’ responsabbiltà rispettivi tagħhom; għal dak il-għan, jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb l-arranġamenti amministrattivi għat-trażmissjoni u l-iffajljar ta’ dokumenti relatati mal-atti delegati, inkluż dokumenti ta' tħejjija, sabiex tiżgura mill-inqas, l-istess livell ta’ informazzjoni u trasparenza li għandu r-reġistru eżistenti għall-atti ta’ implimentazzjoni u sabiex tiggarantixxi l-fluss simultanju tal-informazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bħala leġiżlatur;

11.  Iqis li sar progress sinifikanti fl-iżgurar ta' trażmissjoni veloċi tal-atti delegati lill-Kumitati responsabbli, li kellu effett pożittiv fuq l-eżerċizzju tad-dritt ta' skrutinju mill-Membri;

12.  Ifakkar għalhekk fir-responsabbiltà politika tal-leġiżlatur u l-ħtieġa li l-Parlament jiġi involut, b’mod regolari u f’waqtu, fil-fażi ta' tħejjija tal-atti delegati; jitlob lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament, inkluż lir-Rapporteur responsibble għal fajl inkwistjoni, kompletament infurmati dwar l-iskeda ppjanata, il-laqgħat skedati tal-gruppi ta' esperti u l-kontenut tal-atti delegati previsti, inkluż billi tipprovdi aċċess għall-bażijiet tad-data relevanti, bħal CIRCA;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispetta bis-sħiħ il-paragrafu 15 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, inter alia billi tissimplifika l-proċedura biex tistieden l-esperti tal-Parlament għal laqgħat ma’ esperti nazzjonali, jekk hekk ikun mitlub mill-kumitat Parlamentari responsabbli; jirrikonoxxi li, bħala riżultat tal-attendenza għal dawk il-laqgħat tal-esperti tal-Parlament, il-Kummissjoni tista’ tiġi mistiedna għal laqgħat fil-Parlament biex ikollha skambju addizzjonali ta’ fehmiet dwar it-tħejjija tal-atti delegati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tapplika wkoll il-paragrafu 15 tal-Ftehim Qafas għall-partijiet ta' dawk il-laqgħat tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fejn huma diskussi kwistjonijiet għajr l-atti ta’ implimentazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011;

14.  Hu tal-fehma li ż-żmien bejn it-trażmissjoni tal-abbozz finali tal-atti ta' implimentazzjoni u l-adozzjoni tagħhom mill-Kummissjoni hu qasir wisq, b'hekk ma jippermettix sorveljanza adegwata mill-Parlament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tirrispetta bis-sħiħ id-dritt tal-Parlament li jiskrutinizza l-abbozz finali tal-atti ta' implimentazzjoni fi żmien perjodu ta' xahar bi qbil mal-ftehim tal-2008 bejn il-Parlament u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri tal-komitoloġija;

15.  Jitlob għall-allokazzjoni ta’ riżorsi tekniċi u dawk tar-riżorsi umani suffiċjenti għal atti delegati u dawk ta' implimentazzjoni, sabiex jiġi żgurat, fost l-oħrajn, it-trasferiment intern u effiċjenti ta’ informazzjoni; jemmen li t-tqassim tal-atti delegati lill-Membri permezz ta' newsletter jiffaċilita l-iskrutinju ta' atti bħal dawn u jippermetti li l-Membri jqajmu oġġezzjonijiet possibbli f'waqthom;

16.  Jirrakkomanda li jkunu maħtura rapporteurs permanenti f'kull kumitat responsabbli għal atti delegati u ta' implimentazzjoni, biex jiggarantixxu koerenza fil-kumitat ikkonċernat u ma' kumitati oħra; iqis li kwistjonijiet simili għandhom ikunu ttrattati b'mod koerenti, filwaqt li tinżamm il-flessibbiltà meħtieġa;

17.  Jilqa' d-disponibilità tal-esperti tal-Kummissjoni biex jieħdu sehem fil-laqgħat ta' informazzjoni mal-Membri, peress li jidher li l-organizzazzjoni ta' laqgħat bħal dawn fi żmien adatt qabel l-adozzjoni tal-atti delegati hija utli sabiex ikunu ċċarati elementi ewlenin ta' atti bħal dawn u tkun iffaċilitata l-ħidma tal-Parlament fil-valutazzjoni tal-atti kkonċernati;

18.  Ikompli jappella b’mod partikolari lill-membri tat-tim tan-negozjar sabiex jiddedikaw attenzjoni speċjali għal atti delegati u ta' implimentazzjoni meta jagħmlu r-rapport lill-kumitat kompetenti wara kull trilogu, skont l-Artikolu 70(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament;

Kummenti li jikkonċernaw suġġetti speċifiċi

L-Agrikoltura u s-sajd

19.  Jiddeplora l-fatt li d-dossiers tal-allinjament għal leġiżlazzjoni essenzjali dwar l-agrikoltura u s-sajd ġew blukkati mill-Kunsill wara li fallew in-negozjati fi trilogi informali u fl-ewwel qari tal-Parlament; jenfasizza li r-raġuni għal din is-sitwazzjoni ta' spiss tinsab fin-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-Kunsill li jagħmel użu minn atti delegati; jinnota li kien biss fil-kuntest tal-proċeduri leġiżlattivi sħaħ relatati mar-riforma tal-PAK u l-PKS li setgħet tinstab soluzzjoni għall-allinjament li tkun aċċettabbli għaż-żewġ naħat, għalkemm seta' kien hemm qbil dwar xi dispożizzjonijiet dment li ma jkunux jikkostitwixxu preċedent; iħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel progress fir-rigward tad-dossiers tal-allinjament pendenti, sabiex il-proċeduri jkunu jistgħu jiġu konklużi qabel it-tmiem tal-leġiżlatura attwali;

Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp

20.  Ifakkar li, speċjalment fil-każ tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), il-Parlament sa mill-2006 ipprattika proċess ta' 'skrutinju demokratiku' fil-forma ta' djalogu politiku mal-Kummissjoni dwar abbozz ta' miżuri; jinnota madankollu li l-esperjenza tal-Parlament dwar din il-prattika kienet varjata, u li l-influwenza tiegħu fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kienet limitata;

21.  Jindika, li fl-isfera tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-atti ta' implimentazzjoni spiss huma bbażati fuq konsultazzjonijiet minn qabel ma' partijiet terzi, u dan il-fatt jagħmilha aktar diffiċli li jsiru tibdiliet fi stadju avvanzat tal-proċedura formali ta' komitoloġija; jenfasizza, għalhekk,li notifika bikrija kif ukoll djalogu mal-Parlament huma pass importanti biex il-Parlament jagħmel użu effettiv tas-setgħa ta' skrutinju;

Il-kwistjonijiet ekonomiċi u monetarji;

22.  Jirrimarka li fil-qasam tas-servizzi finanzjarji r-regolamenti dwar l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) jintroduċu standards tekniċi regolatorji (STR) u standards tekniċi ta' implimentazzjoni (STI) li permezz tagħhom l-ASE jissottomettu abbozzi ta' STR u STI lill-Kummissjoni għall-adozzjoni; hu tal-fehma li, minħabba l-għarfien tekniku u l-ħiliet speċjalisti tal-ASE, l-atti delegati għandhom jieħdu l-forma ta' STR aktar milli atti delegati ordinarji, kull fejn ikun possibbli; iqis li anki qabel ma tadotta atti delegati ordinarji l-Kummissjoni għandha tfittex il-parir tekniku tal-ASE rilevanti dwar il-kontenut ta' dawk l-atti;

23.  Jirrimarka li, skont ċerti atti leġiżlattivi, il-perjodu għal skrutinju STR jista' jkun estiż b'xahar, minħabba l-volum u l-kumplessità, u jqis li din it-tip ta' flessibbiltà għandha ssir ir-regola; jirrimarka, barra minn hekk, li l-leġiżlatur stabbilixxa perjodu ta' skrutinju ta' tliet xhur, li jista' jiġi estiż bi tliet xhur, għall-atti delegati kollha fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji, u jqis li din il-prattika għandha tiġi estiża għal oqsma oħra ta' natura kumplessa;

24.  Jenfasizza li l-arranġamenti li permezz tagħhom l-ebda att delegat ma jista' jiġi ppreżentat matul il-perjodi ta' btala tal-Parlament għandhom japplikaw ukoll għal STR;

25.  Jemmen li s-sejħa għall-partijiet interessati biex ikunu membri fil-gruppi tal-partijiet interessati tal-ASE għandha ddum għal tul ta' żmien biżżejjed (mhux inqas minn xahrejn), tinħareġ permezz ta' diversi mezzi u ssegwi proċess ċar u ssimplifikat sabiex jiġi żgurat li applikazzjonijiet jintlaqgħu minn ħafna kandidati differenti; ifakkar fil-ħtieġa li l-gruppi ta' partijiet interessati tal-ASE jkunu bbilanċjati f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti rispettivi;

Impjiegi u affarijiet soċjali

26.  Ifakkar li fil-qasam tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali, il-Parlament ikkuntesta l-validità tad-deċiżjoni tal-EURES quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiddefendi l-prerogattivi tiegħu;

Il-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-affarijiet interni

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-programm ta' ħidma tagħha proposti biex jiġu emendati l-atti legali kollha li qabel kienu jagħmlu parti mit-tielet pilastru, sabiex jiġu allinjati mal-ġerarkija l-ġdida ta’ normi u sabiex jiġu rispettati s-setgħat, il-kompetenzi u d-dritt għall-informazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni skont it-Trattat ta’ Lisbona; jenfasizza li dan se jirrikjedi valutazzjoni individwali ta’ kull att legali biex jiġu identifikati d-deċiżjonijiet li – bħala elementi essenzjali – jeħtieġ li jittieħdu mil-leġiżlatur, b’mod partikolari fejn dawn jirrelataw mad-drittijiet fundamentali tal-persuni konċernati, u dawk li jistgħu jitqiesu li huma mhux essenzjali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-355/10);

28.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-Kunsill qed ikompli jadotta atti legali abbażi ta' dispożizzjonijiet ta' dak li kien it-tielet pilastru, ħafna wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, u għaldaqstant il-Parlament kellu jibda proċeduri legali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

o
o   o

29.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(2) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(3) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 6.

Avviż legali - Politika tal-privatezza