Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2567(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0201/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/02/2014 - 10.9
CRE 27/02/2014 - 10.9

Testi adottati :

P7_TA(2014)0172

Testi adottati
PDF 205kWORD 46k
Il-Ħamis, 27 ta' Frar 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
L-użu ta' drones armati
P7_TA(2014)0172B7-0201, 0202, 0203, 0204 u 0206/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati (2014/2567(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-użu ta' drones armati tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji tat-28 ta' Mejju 2010 u tat-13 ta' Settembru 2013 u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu tat-18 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' Awwissu 2013 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, dwar l-użu ta' drones armati,

–  wara li kkunsidra s-smigħ tal-25 ta' April 2013 dwar l-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones, organizzat b'mod konġunt mis-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mas-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tat-3 ta' Mejju 2013 dwar "L-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones u robots awtonomi fil-gwerer",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013 dwar tħejjijiet għal programm tal-ġenerazzjoni li jmiss rigward sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) Ewropej ta' Altitudni Medja u Awtonomija fit-Tul,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-użu ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS, minn hawn 'il quddiem "drones") f'operazzjonijiet extraterritorjali letali żdied b'mod qawwi matul l-aħħar deċennju;

B.  billi għadd mhux magħruf ta' ċivili ġew maqtula, midruba serjament jew trawmatizzati fil-ħajja tagħhom ta' kuljum minħabba attakki bid-drones barra żoni ddikjarati ta' kunflitt;

C.  billi fil-każ ta' allegazzjonijiet ta' qtil ta' ċivili minħabba attakki bid-drones, l-istati huma obbligati li jwettqu investigazzjonijiet immedjati, indipendenti u imparzjali u, jekk l-allegazzjonijiet ikunu pruvati bħala korretti, jipproċedu għal attribuzzjoni pubblika ta' responsabbiltà, pieni għal dawk responsabbli u dispożizzjoni ta' aċċess għal rimedju, inkluż ħlas ta' kumpens lill-familji tal-vittmi;

D.  billi l-Artikolu 51(2) tal-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, jiddikjara li "atti jew theddid ta' vjolenza li l-għan ewlieni tagħhom ikun li jxerred it-terrur fost il-popolazzjoni ċivili huma projbiti";

E.  billi l-attakki bid-drones barra gwerra ddikjarata minn stat fit-territorju ta' stat ieħor mingħajr il-kunsens ta' dan tal-aħħar jew tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jikkostitwixxu ksur tad-dritt internazzjonali u tal-integrità u s-sovranità territorjali ta' dak il-pajjiż;

F.  billi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jipprojbixxi l-qtil arbitrarju fi kwalunkwe sitwazzjoni; billi d-dritt umanitarju internazzjonali ma jippermettix il-qtil immirat ta' persuni li jinsabu fi stati nonbelliġerenti;

G.  billi kwalunkwe infiq minn operazzjonijiet b'implikazzjonijiet militari jew ta' difiża hu eskluż mill-fondi tal-baġit tal-UE (Artikolu 41(2) TUE);

H.  billi seba' Stati Membri (Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u Spanja) ffirmaw ittra ta' intenzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) li ngħatat il-kompitu li tħejji studju dwar il-produzzjoni konġunta ta' inġenji ta' Altitudni Medja u Awtonomija fit-Tul (MALE), li jistgħu jintużaw f'attakki fuq miri militari jew għas-sorveljanza ta' dgħajjes ta' migranti fil-Baħar Mediterran, u b'hekk jibda x-xogħol fuq RPAS Ewropew;

I.  billi studji ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni ta' drones, militari u ċivili, ġew appoġġjati b'fondi tal-UE, u billi dan hu ppjanat li jsir anke fil-ġejjieni;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fuq l-użu ta' drones armati barra l-qafas legali internazzjonali; iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa rispons ta' politika xieraq kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak globali li jħares id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

2.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri u lill-Kunsill sabiex:

   (a) jopponu u jipprojbixxu l-prassi ta' qtil immirat extraġudizzjarju;
   (b) jiżguraw li l-Istati Membri, f'konformità mal-obbligi legali tagħhom, ma jwettqux qtil immirat illegali jew jiffaċilitaw qtil bħal dan min-naħa ta' stati oħra;
   (c) jinkludu drones armati f'diżarm internazzjonali u Ewropew rilevanti u reġimi ta' kontroll tal-armi;
   (d) jipprojbixxu l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman;
   (e) jiżguraw li, fejn hemm bażijiet raġonevoli biex jassumu li individwu jew entità fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħhom jistgħu jkunu relatati ma' qtil immirat illegali barra l-pajjiż, jieħdu miżuri skont l-obbligi legali internazzjonali u interni tagħhom;
   (f) jappoġġjaw il-ħidma u s-segwitu dwar ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

3.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati;

4.  Jitlob lill-UE tippromwovi aktar trasparenza u responsabbiltà min-naħa tal-pajjiżi terzi fl-użu ta' drones armati fir-rigward tal-bażi legali għall-użu tagħhom u għar-responsabbiltà operattiva, li tipprevedi rieżami ġudizzjarju tal-attakki bid-drones u tiżgura li l-vittmi ta' attakki illegali bid-drones ikollhom aċċess effettiv għal rimedji;

5.  Jitlob ukoll lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament informat sew dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-proġetti kollha ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni tad-drones; jitlob li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem rigward proġetti ulterjuri ta' żvilupp tad-drones;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu, u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Ġunju 2017Avviż legali