Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2188(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0139/2014

Testi mressqa :

A7-0139/2014

Dibattiti :

PV 11/03/2014 - 14
CRE 11/03/2014 - 14

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2014 - 8.23

Testi adottati :

P7_TA(2014)0230

Testi adottati
PDF 839kWORD 353k
L-Erbgħa, 12 ta' Marzu 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE
P7_TA(2014)0230A7-0139/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern (2013/2188(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 5, 6, 7, 10, 11 u 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 15, 16 u 218 u Titolu V tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji u l-Artikolu 10 tiegħu u d-Dikjarazzjoni 50 dwar dan il-protokoll,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 6, 7, 8, 10, 11, 20, 21, 42, 47, 48 u 52 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari l-Artikoli 6, 8, 9, 10 u 13 tagħha, u l-protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 10, 11, 12 u 14 tagħha(1) ,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b’mod partikulari l-Artikoli 14, 17, 18 u 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tad-Data (ETS Nru 108) u l-Protokoll Addizzjonali tat-8 ta’ Novembru 2001 għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali f’dak li għandu x’jaqsam mal-awtoritajiet superviżorji u flussi ta’ data bejn il-fruntieri (ETS Nru 181),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, b’mod partikolari l-Artikoli 24, 27 u 40 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (ETS Nru 185),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tul il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2010(2) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-Politika u l-Governanza tal-Internet – ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal- Governanza tal-Internet” (COM(2014)0072);

–  wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ opinjoni u espressjoni, ippreżentat fis-17 ta’ April 2013(3) ,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra t-terroriżmu adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fil-11 ta’ Lulju 2002,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Brussell tal-1 ta’ Ottubru 2010, adottata waqt is-6 Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għas-Sorveljanza tas-Servizzi tal-Intelligence u s-Sigurtà tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 1954 (2013) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-sigurtà nazzjonali u l-aċċess għall-informazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar is-sorveljanza demokratika tas-servizzi tas-sigurtà adottat mill-Kummissjoni ta’ Venezja fil-11 ta’ Ġunju 2007(4) , u waqt li jistenna b’interess kbir l-aġġornament tiegħu, mistenni fir-rebbiegħa 2014,

–  wara li kkunsidra x-xhieda tar-rappreżentanti tal-kumitati ta’ sorveljanza dwar l-intelligence tal-Belġju, l-Olanda, id-Danimarka u n-Norveġja,

–  wara li kkunsidra l-każijiet imressqa quddiem il-qrati Franċiżi(5) , Pollakki u Brittaniċi(6) , kif ukoll quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem(7) , b’rabta ma’ sistemi ta’ sorveljanza tal-massa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(8) , u b’mod partikolari t-Titolu III tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tas-26 ta’ Lulju 2000 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv u li tirrigwarda mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA,

–  wara li kkunsidra r-rapporti ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ privatezza tas-Safe Harbour tat-13 ta’ Frar 2002 (SEC(2002)0196) u tal-20 ta’ Ottubru 2004 (SEC(2004)1323),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar il-funzjonament tas-Safe Harbour mill-perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u l-kumpaniji stabbiliti fl-UE (COM(2013)0847), u il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar il-bini mill-ġdid tal-fiduċja fil-flussi ta’ data bejn l-UE u l-Istati Uniti (COM(2013)0846),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2000 dwar l-Abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv u li tirrigwarda mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA(9) , li dehrilhom li l-adegwatezza tas-sistema ma setgħetx tiġi kkonfermata, u l-Opinjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, b’mod aktar partikolari l-Opinjoni 4/2000 tas-16 ta’ Mejju 2000(10) ,

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (il-Ftehim PNR) tal-2004, l-2007(11) u l-2012(12) ,

—  wara li kkunsidra r-Reviżjoni Konġunta tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna(13) , li takkumpanja r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-reviżjoni konġunta (COM(2013)0844),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón li kkonkludiet li d-Direttiva 2006/24/KE dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika hija b’mod sħiħ inkompatibbli mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li l-Artikolu 6 tagħha huwa inkompatibbli mal-Artikoli 7 u 52(1) tal-Karta(14) ,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/412/UE tat-13 ta’ Lulju 2010 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP)(15) u d-dikjarazzjonijiet li jakkumpanjawha mill-Kummissjoni u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-assistenza legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika(16) ,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin dwar ftehim qafas bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni ta’ data personali meta din tiġi trasferita u pproċessata għal finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali (‘il-Ftehim Ġeneriku’),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha(17) ,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil fil-ftuħ tat-68 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-24 ta’ Settembru 2013 u l-ħidma mwettqa mill-Kumitat Parlamentari ta’ Inkjesta dwar l-Ispjunaġġ stabbilit mis-Senat Federali tal-Brażil,

–  wara li kkunsidra l-PATRIOT Act tal-Istati Uniti ffirmat mill-President George W. Bush fis-26 ta’ Ottubru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Att ta’ Sorveljanza tal-Intelligence Esterna (FISA) tal-1978 u l-Att dwar l-Emendi tal-FISA tal-2008,

–  wara li kkunsidra l-Ordni Eżekuttiva Nru 12333, maħruġa mill-President tal-Istati Uniti fl-1981 u emendata fl-2008,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva ta’ Politika Presidenzjali (PPD-28) dwar l-Attivitajiet ta’ Intelligence ta’ Sinjali, maħruġa mill-President tal-Istati Uniti Barack Obama fis-17 ta’ Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra l-proposti leġiżlattivi li attwalment qed jiġu eżaminati fil-Kungress tal-Istati Uniti, inklużi l-abbozz tal-Freedom Act tal-Istati Uniti, l-abbozz tal-Intelligence Oversight and Surveillance Reform Act (Att ta’ Riforma dwar is-Sorveljanza u s-Superviżjoni tal-Intelligence), u oħrajn,

–  wara li kkunsidra l-istudji mwettqa mill-Bord ta’ Sorveljanza dwar il-Privatezza u l-Libertajiet Ċivili, il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti u l-Grupp ta’ Studju tal-President dwar l-Intelligence u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni, b’mod partikolari r-rapport minn dan ta’ l-aħħar tat-12 ta’ Diċembru 2013 intitolat ‘Libertà u Sigurtà f’Dinja li qed Tinbidel’,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti għad-Distrett ta’ Columbia, Klayman et al. v Obama et al., Azzjoni Ċivili Nru 13-0851 tas-16 ta’ Diċembru 2013, u s-sentenza tal-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti għad-Distrett tan-Nofsinhar ta’ New York, ACLU et al. v James R. Clapper et al. Azzjoni Ċivili Nru 13-3994 tal-11 ta’ Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar is-sejbiet mill-Ko-Presidenti tal-UE tal-Grupp ta’ Ħidma ad hoc tal-UE-Stati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data tas-27 ta’ Novembru 2013(18) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2001(19) u tas-7 ta’ Novembru 2002(20) dwar l-eżistenza ta’ sistema globali għall-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet privati u kummerċjali (is-sistema ta’ interċettazzjoni ECHELON),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar il-Karta tal-UE: regoli komuni għal-libertà tal-midja fl-UE kollha(21) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE(22) , li permezz tiegħu inkariga lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex iwettaq studju profond dwar il-kwistjoni,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma 1 dwar il-programmi ta’ sorveljanza tal-Istati Uniti u l-UE u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma 3 dwar ir-relazzjoni ta’ bejn il-prattiki ta’ sorveljanza fl-UE u l-Istati Uniti u d-dispożizzjonijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma 4 dwar l-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-Istati Uniti fir-rigward tad-data tal-UE u l-implikazzjonijiet ġuridiċi possibbli tiegħu fuq ftehimiet u kooperazzjoni transatlantiċi,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma 5 dwar is-superviżjoni demokratika tas-servizzi ta’ intelligence tal-Istati Membri u tal-korpi tal-intelligence tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kumitat AFET dwar Aspetti tal-Politika Barranija tal-Inkjesta dwar is-Sorveljanza tal-Massa Elettronika taċ-Ċittadini tal-UE;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu(23) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar is-sospensjoni tal-ftehim TFTP b’riżultat tas-sorveljanza min-National Security Agency tal-Istati Uniti(24) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa(25) ,

–  wara li kkunsidra l-ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasmissjoni lil u t-trattament mill-Parlament Ewropew ta’ informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill dwar kwistjonijiet apparti dawk fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni(26) ,

–  wara li kkunsidra l-Anness VIII tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0139/2014),

L-impatt tas-sorveljanza tal-massa

A.  billi l-protezzjoni tad-data u l-privatezza huma drittijiet fundamentali; billi l-miżuri tas-sigurtà, inklużi l-miżuri ta’ kontra t-terroriżmu, għandhom għalhekk jittieħdu permezz tal-istat tad-dritt u għandhom ikunu suġġetti għall-obbligi tad-drittijiet fundamentali, inklużi dawk relatati mal-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

B.  billi l-flussi tal-informazzjoni u d-data, li llum jiddominaw il-ħajja ta’ kuljum u jiffurmaw parti mill-integrità ta' kwalunkwe persuna, jeħtieġ li jkunu sikuri mill-intrużjoni daqs id-djar privati;

C.  billi r-rabtiet ta’ bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti tal-Amerika huma bbażati fuq l-ispirtu u l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-libertà, il-ġustizzja u s-solidarjetà;

D.  billi l-kooperazzjoni ta’ bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tibqa’ vitali għas-sigurtà u s-sikurezza taż-żewġ sħab;

E.  billi l-fiduċja u l-komprensjoni reċiproċi huma fatturi ewlenin fid-djalogu u s-sħubija transatlantiċi;

F.  billi wara l-11 ta’ Settembru 2001, il-ġlieda kontra t-terroriżmu saret waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-biċċa l-kbira tal-gvernijiet; billi r-rivelazzjonijiet ibbażati fuq dokumenti li nkixfu milll-ekskuntrattur tal-NSA Edward Snowden poġġew lill-mexxejja politiċi taħt l-obbligu li jindirizzaw l-isfidi li jiġu sorveljati u kkontrollati l-aġenziji tal-intelligence fl-attivitajiet ta’ sorveljanza u li jiġi vvalutat l-impatt tal-attivitajiet tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt f’soċjetà demokratika;

G.  billi r-rivelazzjonijiet minn Ġunju 2013 ’l hawn ikkawżaw ħafna tħassib fi ħdan l-UE dwar:

   il-firxa tas-sistemi ta’ sorveljanza żvelati kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Istati Membri tal-UE;
   il-ksur tal-istandards legali tal-UE, id-drittijiet fundamentali u l-istandards tal-protezzjoni tad-data;
   il-livell ta’ fiduċja bejn is-sħab transatlantiċi tal-UE u tal-Istati Uniti;
   il-livell ta’ kooperazzjoni u involviment ta’ ċerti Stati Membri tal-UE fi programmi ta’ sorveljanza tal-Istati Uniti jew fi programmi ekwivalenti fil-livell nazzjonali kif żvelat mill-midja;
   in-nuqqas ta’ kontroll u sorveljanza effettiva mill-awtoritajiet politiċi tal-Istati Uniti u minn ċerti Stati Membri tal-UE fuq il-komunitajiet tal-intelligence tagħhom;
   il-possibbiltà li dawn l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-massa jintużaw għal raġunijiet oħra minbarra għas-sigurtà nazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu fis-sens strett, pereżempju l-ispjunaġġ ekonomiku u industrijali jew it-tfassil ta’ profili għal raġunijiet politiċi;
   id-dgħajfien tal-libertà tal-istampa u tal-komunikazzjonijiet tal-membri ta’ professjonijiet li għandhom privileġġ ta’ kunfidenzjalità, inklużi avukati u tobba;
   ir-rwoli u l-livell ta’ involviment rispettivi ta’ aġenziji tal-intelligence u ta’ kumpaniji tal-IT u tat-telekomunikazzjoni privati;
   il-konfini dejjem aktar imċajpra ta’ bejn l-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi u l-attivitajiet tal-intelligence, li jwasslu biex kull ċittadin jiġi ttrattat bħala persuna suspettata u jiġi suġġett għas-sorveljanza;
   it-theddid għall-privatezza f’era diġitali; u l-impatt tas-sorveljanza tal-massa fuq iċ-ċittadini u s-soċjetajiet;

H.  billi l-kobor bla preċedent tal-ispjunaġġ li ġie żvelat jeħtieġ investigazzjoni sħiħa mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet, il-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri;

I.  billi l-awtoritajiet tal-Istati Uniti ċaħdu ftit mill-informazzjoni żvelata iżda ma kkontestawx il-maġġoranza l-kbira tagħha; billi d-dibattitu pubbliku żviluppa fuq skala kbira fl-Istati Uniti u f’ċerti Stati Membri tal-UE; billi l-gvernijiet u l-parlamenti tal-UE spiss jibqgħu siekta u jonqsu milli jvaraw investigazzjonijiet xierqa;

J.  billi l-President Obama reċentement ħabbar riforma tal-NSA u tal-programmi ta’ sorveljanza tagħha;

K.  billi, meta mqabbel ma’ azzjonijiet meħuda kemm mill-istituzzjonijiet tal-UE u kemm minn ċerti Stati Membri tal-UE, il-Parlament Ewropew ħa b’serjetà kbira l-obbligu tiegħu li jixħet dawl fuq ir-rivelazzjonijiet dwar il-prattiki indiskriminati ta’ sorveljanza tal-massa taċ-ċittadini tal-UE u, permezz tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti, korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE, ta’ istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex iwettaq inkjesta profonda dwar il-kwistjoni;

L.  billi huwa d-dmir tal-Istituzzjonijiet Ewropej li jiżguraw li d-dritt tal-UE jiġi implimentat bis-sħiħ għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej u li l-forza ġuridika tat-Trattati tal-UE ma tiġix imminata minn aċċettazzjoni diżinteressata tal-effetti estraterritorjali tal-istandards jew l-azzjonijiet ta’ pajjiżi terzi;

Żviluppi fl-Istati Uniti dwar ir-riforma tal-intelligence

M.  billi l-Qorti Distrettwali għad-Distrett ta’ Columbia, fid-Deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2013, iddeċidiet li l-ġbir massiv ta’ metadata mill-NSA huwa bi ksur tar-Raba’ Emenda tal-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti(27) ; billi, madankollu, il-Qorti Distrettwali għad-Distrett tan-Nofsinhar ta’ New York iddeċidiet fid-Deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Diċembru 2013 li dan il-ġbir kien legali;

N.  billi Deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali għad-Distrett tal-Lvant ta’ Michigan iddeċidiet li r-Raba’ Emenda tesiġi raġonevolezza fit-tfittxijiet kollha, mandati preċedenti għal kwalunkwe tfittxija raġonevoli, mandati bbażati fuq kawża probabbli li teżisti minn qabel, kif ukoll il-partikolarità fir-rigward ta’ persuni, post u oġġetti u l-interpożizzjoni ta’ maġistrat newtrali bejn uffiċjali tal-infurzar tal-fergħa eżekuttiva u ċ-ċittadini(28) ;

O.  billi fir-rapport tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2013, il-Grupp ta’ Rieżami tal-President dwar l-Intelligence u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni jipproponi 46 rakkomandazzjoni lill-President tal-Istati Uniti; billi r-rakkomandazzjonijiet jenfasizzaw il-ħtieġa li simultanjament jiġu protetti s-sigurtà nazzjonali u l-privatezza personali u l-libertajiet ċivili; billi f’dan ir-rigward jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti: jieqaf mill-ġbir massiv tar-reġistrazzjonijiet telefoniċi ta' persuni mill-Istati Uniti taħt it-Taqsima 215 tal-PATRIOT Act tal-Istati Uniti tal-Amerika malajr kemm jista' jkun prattikabbli; jidħol għal rieżami bir-reqqa tal-qafas ġuridiku tal-NSA u tal-intelligence tal-Istati Uniti bil-għan li jiżgura r-rispett għad-dritt tal-privatezza; itemm l-isforzi maħsuba biex jikkorrompu jew jagħmlu vulnerabbli softwere kummerċjali (backdoors - aċċess mhux awtorizzat - u malwer); iżid l-użu tal-ikkriptar, b’mod partikolari fil-każ tad-data li tkun fi tranżitu, u ma jimminax l-isforzi maħsuba biex jinħolqu standards tal-ikkriptar; joħloq Avukat għall-Interess tal-Pubbliku biex jirrappreżenta l-privatezza u l-libertajiet ċivili quddiem il-Qorti tas-Sorveljanza tal-Intelligence Barranija; jikkonferixxi lill-Bord tas-Sorveljanza tal-Privatezza u l-Libertajiet Ċivili s-setgħa li jissorvelja l-attivitajiet tal-Komunità tal-Intelligence għall-finijiet ta’ intelliġence barranija, u mhux biss għall-finijiet ta’ kontra t-terroriżmu; u jilqa’ l-ilmenti tal-iżvelaturi, juża t-Trattati dwar l-Assistenza Legali Reċiproka biex jottjeni komunikazzjonijiet elettroniċi, u ma jużax is-sorveljanza biex jisraq sigrieti industrijali jew kummerċjali;

P.  billi, skont memorandum miftuħ imressaq lill-President Obama minn Eks Uffiċjali Eżekuttivi Superjuri tal-NSA/Professjonisti Veterani tal-Intelligence għas-Sanità (VIPS) fis-7 ta’ Jannar 2014(29) , il-ġbir massiv ta’ data ma jtejjibx il-ħila li wieħed jipprevjeni attakki terroristiċi fil-futur; billi l-awturi jenfasizzaw li s-sorveljanza tal-massa mwettqa mill-NSA ma rriżultat fil-prevenzjoni tal-ebda attakk u li ntefqu biljuni ta’ dollari fuq programmi li huma inqas effettivi u li jinvadu wisq aktar il-privatezza taċ-ċittadini minn teknoloġija interna li jisimha THINTHREAD li kienet inħolqot fl-2001;

Q.  billi fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ intelligence li jikkonċernaw persuni li mhumiex Amerikani taħt it-Taqsima 702 tal-FISA, ir-Rakkomandazzjonijiet lill-President tal-Istati Uniti tal-Amerika jirrikonoxxu l-prinċipju fundamentali ta’ rispett għall-privatezza u d-dinjità tal-bniedem imnaqqax fl-Artikolu 12 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; billi dawn ma jirrakkomandawx li persuni li mhumiex Amerikani jingħataw l-istess drittijiet u protezzjonijiet bħall-persuni Amerikani;

R.  billi fid-Direttiva ta’ Politika Presidenzjali tiegħu dwar l-Attivitajiet ta’ Intelligence tas-Sinjali tas-17 ta’ Jannar 2014 u d-diskors relatat, il-President tal-Istati Uniti Barack Obama ddikjara li s-sorveljanza elettronika tal-massa hija neċessarja għall-Istati Uniti sabiex tipproteġi s-sigurtà nazzjonali tagħha, iċ-ċittadini tagħha u ċ-ċittadini tal-alleati u s-sħab tal-Istati Uniti, kif ukoll sabiex tavvanza l-interessi ta’ politika barranija tagħha; billi din id-direttiva ta’ politika fiha ċerti prinċipji rigward il-ġbir, l-użu u l-qsim ta' intelliġence tas-sinjali u testendi ċerti salvagwardji għall-persuni li mhumiex Amerikani, fejn parzjalment tipprovdi għal trattament ekwivalenti għal dak li jgawdu ċ-ċittadini tal-Istati Uniti, inklużi salvagwardji għall-informazzjoni personali tal-individwi kollha tkun xi tkun in-nazzjonalità jew ir-residenza tagħhom; billi, madankollu, il-President Obama ma talab għall-ebda proposta konkreta, b’mod partikolari rigward il-projbizzjoni ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza tal-massa u l-introduzzjoni ta’ rimedju amministrattiv u ġudizzjarju għall-persuni li mhumiex mill-Istati Uniti;

Qafas ġuridiku

Drittijiet fundamentali

S.  billi r-rapport dwar is-sejbiet mill-Ko-Presidenti tal-UE tal-Grupp ta’ Ħidma ad hoc tal-UE u tal-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data jipprovdi għal għarfien ġenerali dwar is-sitwazzjoni ġuridika fl-Istati Uniti, iżda naqas milli jistabbilixxi l-fatti dwar il-programmi ta’ sorveljanza tal-Istati Uniti; billi l-ebda informazzjoni ma saret disponibbli dwar l-hekk imsejjaħ il-Grupp ta’ Ħidma tat-“tieni rotta” (second track), li taħtu l-Istati Membri jiddiskutu bilateralment mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti kwistjonijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali;

T.  billi d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, tal-istampa, tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tal-assoċjazzjoni, il-ħajja privata, il-protezzjoni tad-data, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għal proċess ġust u ta’ nondiskriminazzjoni, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, huma l-ġebliet tax-xewka tad-demokrazija; billi s-sorveljanza tal-massa tal-bnedmin mhijiex kompatibbli ma’ dawn il-ġebliet tax-xewka;

U.  billi fl-Istati Membri kollha l-liġi tipproteġi mid-divulgazzjoni ta’ informazzjoni komunikata b’mod kunfidenzjali bejn l-avukat u l-klijent, prinċipju li ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea(30) ;

V.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi programm Ewropew ta' protezzjoni tal-iżvelaturi li jkun effettiv u komprensiv bil-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE u barra minn hekk isir eżami dwar jekk tali leġiżlazzjoni futura għandhiex tkopri wkoll oqsma oħra ta’ kompetenza tal-Unjoni;

Kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà

W.  billi skont l-Artikolu 67(3) tat-TFUE l-UE “għandha tagħmel ħilitha sabiex tassigura livell għoli ta’ sigurtà”; billi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat (b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tat-TUE, l-Artikolu 72 tat-TFUE u l-Artikolu 73 tat-TFUE) jimplikaw li l-UE tippossedi ċerti kompetenzi dwar materji relatati mas-sigurtà kollettiva tal-Unjoni; billi l-UE għandha l-kompetenza fi kwistjonijiet ta’ sigurtà interna (Artikolu 4(j) tat-TFUE) u eżerċitat din il-kompetenza billi ddeċidiet fuq numru ta’ strumenti leġiżlattivi u kkonkludiet ftehimiet internazzjonali (PNR, TFTP) immirati lejn il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu, u billi waqqfet strateġija ta’ sigurtà interna u aġenziji li jaħdmu f’dan il-qasam;

X.  billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li “l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jorganizzaw bejniethom u taħt ir-responsabbiltà tagħhom forom ta’ koperazzjoni u ta’ koordinazzjoni kif iqisu xieraq bejn id-dipartimenti kompetenti tal-amministrazzjonijiet tagħhom responsabbli biex jassiguraw is-sigurtà nazzjonali.” (Artikolu 73 tat-TFUE);

Y.  billi l-Artikolu 276 tat-TFUE jiddikjara li “Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha dwar il-Kapitoli 4 u 5 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea m’għandhiex tkun kompetenti sabiex tivverifika l-validità jew il-proporzjonalità ta’ operazzjonijiet imwettqa mill-pulizija jew minn servizz ieħor tal-infurzar tal-liġi fi Stat Membru jew sabiex tiddeċiedi dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-ordni pubblika u s-salvagwardja tas-sigurtà interna”;

Z.  billi l-kunċetti ta’ ‘sigurtà nazzjonali’, ‘sigurtà interna’, ‘sigurtà interna tal-UE’ u ‘sigurtà internazzjonali’ jikkoinċidu; billi l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera bejn l-Istati Membri tal-UE u l-prinċipju tal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-interpretazzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni, jirristrinġu l-attenzjoni għal interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ ‘sigurtà nazzjonali’ u jeħtieġu li l-Istati Membri joqogħdu lura milli jindaħlu fil-kompetenzi tal-UE;

AA.  billi t-Trattati Ewropej jikkonferixxu lill-Kummissjoni Ewropea r-rwol ta' “Gwardjana tat-Trattati”, u għalhekk hija r-responsabilità legali tal-Kummissjoni li tinvestiga kwalunkwe ksur potenzjali tal-liġi tal-UE;

AB.  billi, skont l-Artikolu 6 tat-TUE, li jirreferi għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-KEDB, l-aġenziji tal-Istati Membri u anke l-partijiet privati li jaġixxu fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali wkoll għandhom jirrispettaw id-drittijiet minquxa fihom, kemm jekk ikunu taċ-ċittadini tagħhom stess jew taċ-ċittadini ta’ Stati oħra;

Estraterritorjalità

AC.  billi l-applikazzjoni estraterritorjali minn pajjiż terz tal-liġijiet, regolamenti u strumenti leġiżlattivi jew eżekuttivi oħrajn tiegħu f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-UE jew l-Istati Membri tagħha, jista’ jkollha impatt fuq l-ordni legali stabbilita u l-istat tad-dritt, jew saħansitra tikser il-liġi internazzjonali jew tal-UE, inklużi d-drittijiet ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, meta wieħed jikkunsidra l-firxa u l-għan iddikjarat jew reali ta’ applikazzjoni bħal din; billi, f’dawn iċ-ċirkostanzi, jeħtieġ li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġi żgurat li l-valuri tal-UE msemmijin fl-Artikolu 2 tat-TUE, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fil-KEDB li jirreferu għad-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kif imnaqqxa f’leġiżlazzjoni sekondarja li tapplika dawn il-prinċipji fundamentali, huma rrispettati fl-UE, pereżempju billi jitneħħew, jiġu newtralizzati, jiġu imblukkati jew inkella opposti l-effetti tal-leġiżlazzjoni barranija kkonċernata;

Trasferimenti internazzjonali ta’ data

AD.  billi t-trasferiment ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-UE jew mill-Istati Membri lejn l-Istati Uniti għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi fl-assenza ta’ salvagwardji u protezzjonijiet adegwati għar-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, jagħmel lil dik l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-UE jew l-Istat Membru responsabbli, skont l-Artikolu 340 tat-TFUE jew il-każistika stabbilita tal-QtĠ-UE(31) , għal ksur tal-liġi tal-UE – li jinkludi kull ksur tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tal-UE;

AE.  billi t-trasferiment tad-data mhuwiex ġeografikament limitat, u, speċjalment fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-komunikazzjoni madwar id-dinja li qegħdin jiżdiedu, il-leġiżlatur tal-UE huwa ffaċċjat bi sfidi ġodda f'dik li hi l-protezzjoni tad-data personali u l-komunikazzjonijiet; billi huwa għalhekk tal-akbar importanza li jiġu mrawma oqfsa ġuridiċi dwar standards komuni;

AF.  billi l-ġbir tal-massa ta’ data personali għal skopijiet kummerċjali u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja jqiegħed f’riskju d-data personali u d-drittijiet għall-privatezza taċ-ċittadini tal-UE;

Trasferimenti lejn l-Istati Uniti bbażati fuq is-Safe Harbour tal-Istati Uniti

AG.  billi l-qafas ġuridiku tal-Istati Uniti għall-protezzjoni tad-data ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni għaċ-ċittadini tal-UE;

AH.  billi, sabiex il-kontrolluri tad-data tal-UE jkunu jistgħu jittrasferixxu data personali lil entità fl-Istati Uniti, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni tagħha 2000/520/KE, iddikjarat l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-prinċipji ta’ privatezza tal-ftehim Safe Harbour u l-mistoqsijiet frekwenti relatati maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti għal data personali ttrasferita mill-Unjoni lejn organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Istati Uniti li ngħaqdu mal-ftehim Safe Harbour;

AI.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2000 il-Parlament esprima dubji u tħassib dwar l-adegwatezza tas-Safe Harbour, u stieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid id-Deċiżjoni meta jkun il-waqt, fid-dawl tal-esperjenza u ta’ kwalunkwe żvilupp leġiżlattiv;

AJ.  billi fid-dokument ta’ ħidma 4 tal-Parlament dwar l-attivitajiet ta’ Sorveljanza tal-Istati Uniti fir-rigward tad-data tal-UE u l-implikazzjonijiet legali possibbli tagħha fuq il-ftehimiet u l-kooperazzjoni transatlantiċi tat-12 ta’ Diċembru 2013, ir-rapporteurs esprimew dubji u tħassib dwar l-adegwatezza tas-Safe Harbour u stiednu lill-Kummissjoni tirrevoka d-deċiżjoni dwar l-adegwatezza tas-Safe Harbour u ssib soluzzjonijiet legali ġodda;

AK.  billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tistipula li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom biex jissospendu flussi ta’ data lejn organizzazzjoni awtoċertifikata li hija f’konformità mal-prinċipji Safe Harbour, sabiex jipproteġu individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom f’każijiet fejn ikun hemm probabbiltà sostanzjali li l-prinċipji tas-Safe Harbour ikunu qegħdin jiġu miksura jew li t-trasferiment kontinwu joħloq riskju imminenti ta’ dannu gravi għas-suġġetti tad-data;

AL.  billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tiddikjara wkoll li fejn tingħata evidenza li xi ħadd responsabbli mill-iżgurar tal-konformità mal-prinċipji mhuwiex qiegħed jaqdi r-rwol tiegħu b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha tinforma lid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti u, jekk meħtieġ, tippreżenta miżuri bil-għan li tirrevoka jew tissospendi d-Deċiżjoni jew tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha;

AM.  billi fl-ewwel żewġ rapporti tagħha dwar l-implimentazzjoni tas-Safe Harbour, ippubblikati fl-2002 u fl-2004, il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ nuqqasijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni xierqa tas-Safe Harbour u għamlet għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti bil-għan li dawk in-nuqqasijiet jiġu rettifikati;

AN.  billi fit-tielet rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni, tas-27 ta’ Novembru 2013, disa’ snin wara t-tieni rapport u mingħajr ma l-ebda wieħed min-nuqqasijiet identifikati f’dak ir-rapport ma kien ġie rrettifikat, il-Kummissjoni identifikat dgħufijiet u nuqqasijiet oħra mifruxa ħafna fis-Safe Harbour u kkonkludiet li l-implimentazzjoni attwali ma setgħetx tinżamm kif kienet; billi l-Kummissjoni saħqet li l-aċċess wiesa’ mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti għad- data trasferita lejn l-Istati Uniti minn entitajiet iċċertifikati mis-Safe Harbour iqajjem mistoqsijiet serji addizzjonali dwar il-kontinwità tal-protezzjoni tad-data tas-suġġetti tad-data tal-UE; billi l-Kummissjoni indirizzat 13-il rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u impenjat ruħha li tidentifika sas-sajf tal-2014, flimkien mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, rimedji li għandhom jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun, li jiffurmaw il-bażi għal rieżami sħiħ tal-funzjonament tal-prinċipji tas-Safe Harbour;

AO.  billi mit-28 sal-31 ta’ Ottubru 2013 delegazzjoni tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (il-Kumitat LIBE) iltaqgħet f’Washington D.C. iltaqgħet mad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti u l-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti; billi d-Dipartiment tal-Kummerċ irrikonoxxa l-eżistenza ta’ organizzazzjonijiet li għandhom adeżjoni awtoċertifikata mal-Prinċipji tas-Safe Harbour iżda li juru b’mod ċar ‘status mhux attwali’, li jfisser li l-kumpanija ma tissodisfax ir-rekwiżiti tas-Safe Harbour għalkemm tkun għadha qed tirċievi data personali mill-UE; billi l-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ ammettiet li s-Safe Harbour għandu jiġi rieżaminat sabiex jiġi mtejjeb, b’mod partikolari fir-rigward tal-ilmenti u s-sistemi alternattivi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim;

AP.  billi l-Prinċipji Safe Harbour jistgħu jkunu limitati ‘sa fejn meħtieġ biex jintlaħqu r-rekwiżiti tas-sigurtà nazzjonali, l-interess pubbliku, jew l-infurzar tal-liġi’; billi, bħala eċċezzjoni għal dritt fundamentali, eċċezzjoni bħal din għandha dejjem tiġi interpretata b’mod restrittiv u tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat f’soċjetà demokratika, u l-liġi għandha tistabbilixxi b’mod ċar il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji biex jagħmlu din il-limitazzjoni leġittima; billi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali eċċezzjoni kellu jkun iċċarat mill-Istati Uniti u l-UE, partikolarment mill-Kummissjoni, sabiex tiġi evitata kwalunkwe interpretazzjoni jew implimentazzjoni li tannulla s-sustanza tad-dritt fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, fost oħrajn; billi, konsegwentement, eċċezzjoni bħal din m’għandhiex tintuża b’mod li timmina jew tannulla l-protezzjoni mogħtija mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mill-KEDB, mil-liġi tal-protezzjoni tad-data tal-UE u l-prinċipji tas-Safe Harbour; jinsisti li jekk tiġi invokata l-eċċezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, għandu jiġi speċifikat taħt liema liġi nazzjonali;

AQ.  billi l-aċċess fuq skala kbira mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti serjament għawwar il-fiduċja transatlantika u ħalla impatt negattiv fuq il-fiduċja fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tal-Istati Uniti li jaġixxu fl-UE; billi dan huwa aggravat aktar minħabba n-nuqqas ta’ rimedju ġudizzjarju u amministrattiv għaċ-ċittadini tal-UE taħt il-liġi tal-Istati Uniti, b’mod partikolari f’każijiet ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza għal skopijiet ta’ intelligence;

Trasferimenti lejn pajjiżi terzi bid-deċiżjoni ta’ adegwatezza

AR.  billi skont l-informazzjoni żvelata u s-sejbiet tal-istħarriġ imwettaq mill-Kumitat LIBE, l-aġenziji tas-sigurtà nazzjonali tan-New Zealand, il-Kanada u l-Awstralja kienu involuti fuq skala kbira fis-sorveljanza tal-massa ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u kkooperaw b’mod attiv mal-Istati Uniti taħt l-hekk imsejjaħ programm ‘Five Eyes’, u jista’ jkun li skambjaw bejniethom data personali ta’ ċittadini tal-UE ttrasferita mill-UE;

AS.  billi d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2013/65/UE(32) u 2002/2/KE(33) iddikjaraw li l-livelli ta’ protezzjoni assigurati, rispettivament, mill-Att dwar il-Privatezza, tan-New Zealand, u l-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tagħrif Personali u d-Dokumenti Elettroniċi, tal-Kanada, kienu adegwati; billi r-rivelazzjonijiet imsemmija qabel ukoll jaffettwaw serjament il-fiduċja fl-ordinament ġuridiku ta’ dawn il-pajjiżi rigward il-kontinwità tal-protezzjoni mogħtija liċ-ċittadini tal-UE; billi l-Kummissjoni ma eżaminatx dan l-aspett;

Trasferimenti bbażati fuq klawżoli kuntrattwali u strumenti oħra

AT.  billi d-Direttiva 95/46/KE tipprovdi li t-trasferimenti internazzjonali lejn pajjiż terz jistgħu jseħħu wkoll permezz ta’ strumenti speċifiċi li bihom il-kontrollur iġib salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi u fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet korrispondenti;

AU.  billi dawn is-salvagwardji jistgħu b’mod partikolari jirriżultaw minn klawżoli kuntrattwali xierqa;

AV.  billi d-Direttiva 95/46/KE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tiddeċiedi li klawżoli kuntrattwali standard speċifiċi joffru salvagwardji biżżejjed mitluba mid-Direttiva, u billi abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni adottat tliet mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferimenti lejn kontrolluri u proċessuri (u sottoproċessuri ) f’pajjiżi terzi;

AW.  billi d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-klawżoli kuntrattwali standard jistipulaw li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom biex jissospendu flussi ta’ data fejn jiġi stabbilit li l-liġi li għaliha huma suġġetti l-importatur tad-data jew sottoproċessur timponi fuqhom rekwiżiti biex jidderogaw mil-liġi tal-protezzjoni tad-data applikabbli li jmorru lil hinn mir-restrizzjonijiet meħtieġa f’soċjetà demokratika kif previst fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE, fejn dawk ir-rekwiżiti x’aktarx ikollhom effett avvers sostanzjali fuq il-garanziji pprovduti mil-liġi tal-protezzjoni tad-data applikabbli u l-klawżoli kuntrattwali standard, jew fejn hemm probabbiltà sostanzjali li mhux qed ikun hemm jew mhux se jkun hemm konformità mal-klawżoli kuntrattwali standard fl-Anness u t-trasferiment kontinwu joħloq riskju imminenti ta’ dannu gravi għas-suġġetti tad-data;

AX.  billi l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data żviluppaw regoli korporattivi vinkolanti (BCRs) sabiex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti internazzjonali fi ħdan korporazzjoni multinazzjonali b’salvagwardji adegwati rigward il-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi u fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet korrispondenti; billi qabel ma jintużaw, il-BCRs jeħtieġ li jiġu awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri wara li dawn tal-aħħar ikunu vvalutaw il-konformità mal-liġi tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni; billi l-BCRs għall-proċessuri tad-data ġew irrifjutati mir-rapport tal-Kumitat LIBE dwar ir-Regolament Ġenerali għall-Protezzjoni tad-Data, għaliex dawn iħallu l-kontrollur tad-data u s-suġġett tad-data mingħajr ebda kontroll fuq il-ġurisdizzjoni fejn tiġi pproċessata d-data tagħhom;

AY.  billi l-Parlament Ewropew, minħabba l-kompetenza tiegħu stipulata mill-Artikolu 218 tat-TFUE, għandu r-responsabbiltà li jimmonitorja kontinwament il-valur tal-ftehimiet internazzjonali li għalihom ta l-kunsens;

Trasferimenti bbażati fuq il-ftehimiet TFTP u PNR

AZ.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2013 il-Parlament esprima tħassib serju rigward ir-rivelazzjonijiet li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-NSA fir-rigward tal-aċċess dirett għall-messaġġi dwar pagamenti finanzjarji u data relatata, li jkunu jikkostitwixxi ksur ċar tal-Ftehim TFTP, u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu;

BA.  billi r-rintraċċar tal-finanzjament tat-terroriżmu huwa għodda essenzjali fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità serja, li jippermetti lill-investigaturi ta’ kontra t-terroriżmu jiskopru r-rabtiet bejn dawk li huma fil-miri ta’ investigazzjoni u persuni suspettati potenzjali oħra konnessi ma’ netwerks terroristiċi usa’ suspettati b’finanzjament tat-terroriżmu;

BB.  billi l-Parlament talab lill-Kummissjoni tissospendi l-Ftehim u talab li l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha jkunu disponibbli minnufih għad-deliberazzjonijiet tal-Parlament; billi l-Kummissjoni ma għamlet xejn minn dan;

BC.  billi wara l-allegazzjonijiet ippubblikati mill-midja, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ konsultazzjonijiet mal-Istati Uniti skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim TFTP; billi fis-27 ta’ Novembru 2013 il-Kummissarju Malmström infurmat lill-Kumitat LIBE li, wara l-laqgħa mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u fid-dawl tat-tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti fl-ittri tagħhom u matul il-laqgħat tagħhom, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tkomplix il-konsultazzjonijiet għar-raġuni li ma kienx hemm elementi li juru li l-Gvern tal-Istati Uniti aġixxa b’mod li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, u li l-Istati Uniti pprovdiet assigurazzjoni bil-miktub li l-ebda ġbir ta’ data dirett ma twettaq kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-ftehim TFTP; billi mhuwiex ċar jekk l-awtoritajiet tal-Istati Uniti evitawx b’mod qarrieqi l-Ftehim billi ħadu aċċess għal tali data b’mezzi oħra, kif indikat fl-ittra tat-18 ta’ Settembru 2013 mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti(34) ;

BD.  billi waqt iż-żjara tagħha f’Washington tat-28 sal-31 ta' Ottubru 2013 id-delegazzjoni LIBE ltaqgħet mad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti; billi t-Teżor tal-Istati Uniti stqarr li mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim TFTP huwa ma kellux aċċess għad-data mis- SWIFT fl-UE, ħlief fil-qafas tat-TFTP; billi t-Teżor tal-Istati Uniti rrifjuta li jikkummenta dwar jekk id-data tas-SWIFT kinitx aċċessata barra mit-TFTP minn xi korp jew minn dipartiment ieħor tal-gvern tal-Istati Uniti jew jekk l-amministrazzjoni Amerikana kinitx konxja ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza tal-massa mill-NSA; billi fit-18 ta’ Diċembru 2013 is-Sur Glenn Greenwald iddikjara quddiem l-inkjesta li saret mill-Kumitat LIBE li l-NSA u l-GCHQ kienu qiegħdu fil-mira tagħhom in-netwerks tas-SWIFT;

BE.  billi l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data Belġjani u Olandiżi ddeċidew fit-13 ta’ Novembru 2013 li jwettqu investigazzjoni konġunta dwar is-sigurtà tan-netwerks tal-pagamenti tas-SWIFT sabiex jivverifikaw jekk partijiet terzi setgħux jiksbu aċċess mhux awtorizzat jew illegali għad-data bankarja taċ-ċittadini Ewropej(35) ;

BF.  billi skont ir-Reviżjoni Konġunta tal-ftehim PNR bejn l-UE u l-Istati Uniti, id-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) tal-Istati Uniti għamel 23 divulgazzjoni tad-data tal-PNR lill-NSA abbażi ta’ kull każ individwali b’appoġġ għal każijiet kontra t-terroriżmu, b’mod konsistenti mat-termini speċifiċi tal-Ftehim;

BG.  billi r-Reviżjoni Konġunta tonqos milli ssemmi l-fatt li fil-każ tal-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet tal-intelligence, skont il-liġi tal-Istati Uniti, iċ-ċittadini li mhumiex Amerikani ma jingħatawx mezz ġudizzjarju jew amministrattiv sabiex jipproteġu d-drittijiet tagħhom, u li protezzjonijiet kostituzzjonali huma mogħtija biss lill-persuni Amerikani; billi dan in-nuqqas ta’ drittijiet ġudizzjarji jew amministrattivi jannulla l-protezzjonijiet għaċ-ċittadini tal-UE stabbiliti fil-ftehim PNR eżistenti;

Trasferimenti bbażati fuq il-Ftehim ta’ Assistenza Legali Reċiproka bejn l-UE u l-Istati Uniti f’materji kriminali

BH.  billi l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali tas-6 ta’ Ġunju 2003(36) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2010 u huwa maħsub biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex jiġġieldu l-kriminalità b’mod aktar effettiv, b’kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet tal-individwi u l-istat tad-dritt;

Ftehim qafas dwar il-protezzjoni tad-data fil-qafas ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali (‘ftehim ġeneriku’)

BI.  billi l-iskop ta’ dan il-ftehim ġenerali huwa li jistabbilixxi qafas legali għal kull trasferiment ta’ data personali bejn l-UE u l-Istati Uniti għal finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali; billi n-negozjati ġew awtorizzati mill-Kunsill fit-2 ta’ Diċembru 2010; billi dan il-ftehim huwa tal-akbar importanza u jkun jaġixxi bħala l-bażi biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tad-data fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja u fi kwistjonijiet kriminali;

BJ.  billi dan il-ftehim għandu jipprovdi għal prinċipji tal-ipproċessar tad-data li jkunu ċari u preċiżi u legalment vinkolanti, u għandu b’mod partikolari jirrikonoxxi d-dritt taċ-ċittadini tal-UE għal aċċess ġudizzjarju għad-data personali tagħhom fl-Istati Uniti u għar-rettifika u t-tħassir tad-data personali tagħhom fl-Istati Uniti, kif ukoll id-dritt għal mekkaniżmu ta’ rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effiċjenti għaċ-ċittadini tal-UE fl-Istati Uniti u s-sorveljanza indipendenti tal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data;

BK.  billi fil-komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni indikat li l-‘ftehim ġeneriku’ għandu jirriżulta f’livell għoli ta’ protezzjoni għaċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku u għandu jsaħħaħ il-fiduċja tal-Ewropej fl-iskambji tad-data bejn l-UE u l-Istati Uniti, li jipprovdi bażi biex tiġi żviluppata aktar l-kooperazzjoni fis-sigurtà u s-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti;

BL.  billi ma kienx hemm progress fin-negozjati dwar il-ftehim minħabba l-pożizzjoni persistenti tal-Gvern tal-Istati Uniti li jirrifjuta r-rikonoxximent ta’ drittijiet effettivi ta’ rimedju amministrattiv u ġudizzjarju għaċ-ċittadini tal-UE u minħabba l-intenzjoni li jipprovdi derogi wesgħin għall-prinċipji tal-protezzjoni tad-data li jinsabu fil-ftehim, bħal-limitazzjoni tal-iskop, iż-żamma tad-data jew it-trasferimenti kontinwi domestiċi jew barra mill-pajjiż;

Riforma fil-protezzjoni tad-data

BM.  billi l-qafas legali tal-protezzjoni tad-data tal-UE attwalment qed jiġi rivedut sabiex tiġi stabbilita sistema komprensiva, konsistenti, moderna u robusta għall-attivitajiet kollha tal-ipproċessar tad-data fl-Unjoni; billi f’Jannar 2012 il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ proposti leġiżlattivi: Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(37) , li se jissostitwixxi d-Direttiva 95/46/KE u jistabbilixxi liġi uniformi fl-UE kollha, u Direttiva(38) li se tistabbilixxi qafas armonizzat għall-attivitajiet kollha tal-ipproċessar tad-data mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi u se tnaqqas id-diverġenzi attwali fost il-liġijiet nazzjonali;

BN.  billi fil-21 ta’ Ottubru 2013, il-Kumitat LIBE adotta r-rapporti leġiżlattivi tiegħu fuq iż-żewġ proposti u d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tan-negozjati mal-Kunsill bl-għan li jiġu adottati l-istrumenti legali matul dan il-perjodu leġiżlattiv;

BO.  billi, għalkemm il-Kunsill Ewropew tal-24/25 ta’ Ottubru 2013 sejjaħ għall-adozzjoni f’waqtha ta’ qafas b’saħħtu Ġenerali għall-Protezzjoni tad-Data tal-UE sabiex titrawwem il-fiduċja taċ-ċittadini u n-negozji fl-ekonomija diġitali, wara sentejn ta’ deliberazzjoniijiet il-Kunsill għadu ma rnexxilux jasal għal approċċ ġenerali dwar ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva(39) ;

Sigurtà tal-IT u cloud computing

BP.  billi r-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-Parlament tal-10 ta’ Diċembru 2013 tenfasizza l-potenzjal ekonomiku tan-negozju tal-‘cloud computing’ għat-tkabbir u l-impjiegi; billi l-valur ekonomiku ġenerali tas-suq tal-cloud huwa previst li se jkun jiswa USD 207 biljun fis-sena sal-2016, jew id-doppju tal-valur tiegħu fl-2012;

BQ.  billi l-livell ta’ protezzjoni tad-data f’ambjent ta’ cloud computing ma jistax ikun inferjuri għal dak meħtieġ fi kwalunkwe kuntest ieħor tal-ipproċessar tad-data; billi l-liġi tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni, peress li hija teknoloġikament newtrali, diġà tapplika b’mod sħiħ għas-servizzi ta’ cloud computing li joperaw fl-UE;

BR.  billi l-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-massa jagħtu lill-aġenziji tal-intelligence aċċess għal data personali maħżuna jew ipproċessata mod ieħor minn individwi tal-UE taħt ftehimiet tas-servizzi tal-cloud ma’ fornituri tal-cloud ewlenin tal-Istati Uniti; billi l-awtoritajiet tal-intelligence tal-Istati Uniti aċċessaw data personali maħżuna jew b’xi mod ieħor ipproċessati f’servers li jinsabu fuq it-territorju tal-UE billi ttappjaw in-netwerks interni tal-Yahoo u l-Google; billi tali attivitajiet jikkostitwixxu ksur tal-obbligi internazzjonali u tal-istandards tad-drittijiet fundamentali Ewropej inklużi d-dritt għall-ħajja privata u l-ħajja tal-familja, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, il-preżunzjoni tal-innoċenza, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-informazzjoni, il-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni u l-libertà tat-tmexxija ta’ negozju; billi ma jistax jiġi eskluż li informazzjoni maħżuna fis-servizzi cloud minn awtoritajiet pubbliċi jew intrapriżi u istituzzjonijiet tal-Istati Membri ġiet ukoll aċċessata minn awtoritajiet tal-intelligence;

BS.  billi l-aġenziji ta’ intelligence tal-Istati Uniti għandhom politika li timmina sistematikament protokolli u prodotti kriptografiċi sabiex tkun tista’ tittraċċa anke komunikazzjoni kriptata; billi l-Aġenzija għas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti ġabret numri kbar ta’ hekk imsejħa “zero-day exploits” – vulnerabbiltajiet fis-sigurtà tal-IT li għadhom mhux magħrufa mill-pubbliku jew mill-bejjiegħ pubbliku; billi tali attivitajiet jimminaw b’mod massiv l-isforzi globali lejn it-titjib tas-sigurtà tal-IT;

BT.  billi l-fatt li l-aġenziji ta’ intelligence kellhom aċċess għal data personali ta’ utenti ta’ servizzi onlajn għawweġ b’mod serju l-fiduċja taċ-ċittadini f’tali servizzi, u b’hekk għandu effett avvers fuq l-impriżi li jinvestu fl-iżvilupp ta’ servizzi ġodda bl-użu ta’ “Data Ewlenija” u ta’ applikazzjonijiet ġodda bħalma hu l-“Internet tal-Oġġetti”;

BU.  billi l-bejjiegħa tal-IT spiss jagħmlu disponibbli prodotti li ma jkunux ġewx ittestjati kif suppost għas-sigurtà tal-IT jew li kultant anke jkollhom backdoors (aċċess mhux awtorizzat) impjantati apposta mill-bejjiegħ; billi n-nuqqas ta’ regoli dwar ir-responsabbiltà għall-bejjiegħa tas-softwer wassal għal tali sitwazzjoni, li min-naħa tagħha qed tiġi sfruttata mill-aġenziji tal-intelligence iżda wkoll tħalli miftuħ ir-riskju ta’ attakki minn entitajiet oħra;

BV.  billi huwa essenzjali li kumpaniji li jipprovdu tali servizzi u applikazzjonijiet ġodda jirrispettaw ir-regoli ta’ protezzjoni tad-data u l-privatezza tas-suġġetti tad-data li d-data tagħhom tinġabar, tiġi pproċessata u analizzata sabiex jinżamm livell għoli ta’ fiduċja qalb iċ-ċittadini;

Sorveljanza demokratika tas-servizzi ta’ intelligence

BW.  billi s-servizzi tal-intelligence f’soċjetajiet demokratiċi jingħataw setgħat u kapaċitajiet speċjali biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, id-drittijiet taċ-ċittadini u l-Istat kontra theddid intern u estern, u huma suġġetti għar-responsabbiltà demokratika u s-sorveljanza ġudizzjarja; billi dawn jingħataw is-setgħat u l-kapaċitajiet speċjali għal dan il-għan biss; billi dawn is-setgħat għandhom jintużaw bi ħdan il-limiti legali imposti mid-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-applikazzjoni tagħhom għandha tiġi skrutinizzata b’mod stress, peress li inkella jitilfu l-leġittimità u jirriskjaw li jdgħajfu d-demokrazija;

BX.  billi l-fatt li ċertu livell ta’ segretezza huwa mogħti lis-servizzi ta’ intelligence sabiex jiġi evitat li jiġu pperikolati operazzjonijiet kurrenti, il-kxif tal-modi operandi jew li jitpoġġew f’riskju l-ħajjiet tal-aġenti, tali segretezza ma tistax tirbaħ fuq jew teskludi regoli dwar l-iskrutinju u l-eżami demokratiċi u pubbliċi tal-attivitajiet tagħhom, kif ukoll dwar it-trasparenza, partikolarment fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, li kollha huma ġebliet tax-xewka f’soċjetà demokratika;

BY.  billi l-parti l-kbira tal-mekkaniżmi u korpi ta’ sorveljanza nazzjonali eżistenti ġew stabbiliti jew ġew mibdula għall-aħjar fis-snin ’90 u mhux neċessarjament ġew adattati għall-iżviluppi politiċi u teknoloġiċi rapidi tul dan l-aħħar deċennju li wasslu għal kooperazzjoni internazzjonali akbar fl-intelligence, ukoll permezz tal-iskambju fuq skala kbira ta’ data personali, u spiss ċajpru l-linja bejn l-attivitajiet ta’ intelligence u l-attivitajiet ta' infurzar tal-liġi;

BZ.  billi s-sorveljanza demokratika tal-attivitajiet tal-intelligence għadha titmexxa biss fil-livell nazzjonali, minkejja ż-żieda fl-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi; billi hemm diskrepanza dejjem tikber bejn il-livell ta’ kooperazzjoni internazzjonali u l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza limitati għal-livell nazzjonali, li tirriżulta fi skrutinju demokratiku insuffiċjenti u ineffettiv;

CA.  billi l-korpi ta’ sorveljanza nazzjonali spiss ma jkollhomx aċċess sħiħ għal intelligence minn aġenzija tal-intelligence barranija, ħaġa li tista’ twassal għal lakuni fejn jistgħu jsiru skambji ta’ informazzjoni internazzjonali mingħajr rieżami adegwat; billi din il-problema hija aggravata aktar mill-hekk imsejħa “regola tat-tielet parti” jew il-prinċipju ta’ “il-kontroll ta’ min joriġina”, li ġiet imfassla biex tippermetti lil dawk joriġinaw l-informazzjoni jibqgħu jżommu kontroll fuq it-tkomplija tat-tixrid tal-informazzjoni sensittiva tagħhom, iżda sfortunatament hija spiss interpretata li tapplika wkoll għas-sorveljanza tas-servizzi ta’ min jirċievi;

CB.  billi inizjattivi ta’ riforma tat-trasparenza pubblika u privata huma essenzjali sabiex tiġi żgurata l-fiduċja pubblika fl-attivitajiet tal-aġenziji tal-intelligence; billi s-sistemi legali ma għandhomx jipprevjenu lil kumpaniji milli jiżvelaw informazzjoni pubblika dwar kif jimmaniġjaw kull tip ta’ talba tal-gvern u ordnijiet tal-gvern ta’ aċċess għal data tal-utent, inkluża l-possibilità ta’ żvelar ta’ informazzjoni aggregata dwar in-numru ta’ talbiet u ordnijiet approvati u rrifjutati;

Sejbiet ewlenin

1.  Iqis li r-rivelazzjonijiet reċenti fl-istampa minn żvelaturi u ġurnalisti, flimkien mal-evidenza esperta mogħtija matul din l-inkjesta, l-ammissjonijiet mill-awtoritajiet, u t-tweġiba insuffiċjenti għal dawn l-allegazzjonijiet, irriżultaw f’evidenza konvinċenti dwar l-eżistenza ta’ sistemi wiesgħa, kumplessi u teknoloġikament avvanzati ħafna mfassla mis-servizzi ta’ intelligence tal-Istati Uniti u ta’ xi Stati Membri biex jiġbru, jaħżnu u janalizzaw id-data tal-komunikazzjoni, inkluża data dwar il-kontenut, data dwar il-lok u metadata taċ-ċittadini kollha madwar id-dinja fuq skala mingħajr preċedent u b’mod indiskriminat u mhux ibbażata fuq xi suspett;

2.  Jiġbed l-attenzjoni b’mod speċifiku għall-programmi tal-intelligence tal-NSA tal-Istati Uniti li jippermettu s-sorveljanza tal-massa ta’ ċittadini tal-UE permezz ta’ aċċess dirett għas-servers ċentrali ta’ kumpaniji ewlenin tal-internet tal-Istati Uniti (il-programm PRISM), l-analiżi tal-kontenut u l-metadata (il-programm Xkeyscore), il-ksur tal-ikkriptar online (BULLRUN), l-aċċess għal netwerks informatiċi u tat-telefown u l-aċċess għal data dwar il-post, kif ukoll għal sistemi tal-aġenzija tal-intelligence GCHQ tar-Renju Unit bħal ma hi l-attività ta’ sorveljanza upstream (il-programm Tempora), il-programm ta’ deċifrar (Edgehill), l-“attakki tar-raġel fin-nofs” immirati fuq sistemi tal-informazzjoni (il-programmi Quantumtheory u Foxacid) u l-ġbir u ż-żamma ta' 200 miljun messaġġ testwali kull ġurnata (il-programm Dishfire);

3.  Jinnota l-allegazzjonijiet ta’ ‘hacking’ jew ittappjar fis-sistemi tal-Belgacom mill-aġenzija tal-intelligence GCHQ tar-Renju Unit; jinnota d-dikjarazzjonijiet mill-Belgacom li din ma setgħet la tikkonferma u l-anqas tiċħad li l-istituzzjonijiet tal-UE kienu fil-mira jew li ġew milquta, u li l-malwer użat kien estremament kumpless u l-iżvilupp u l-użu tiegħu kienu jeħtieġu l-użu ta’ riżorsi finanzjarji u ta’ persunal estensivi li ma kinux ikunu disponibbli għal entitajiet privati ​​jew għall-hackers;

4.  Jenfasizza li l-fiduċja ġiet mgħeżża b’mod profond: il-fiduċja bejn iż-żewġ sħab transatlantiċi, il-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-gvernijiet tagħhom, il-fiduċja fil-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, il-fiduċja fir-rispett tal-istat tad-dritt, u l-fiduċja fis-sigurtà tas-servizzi tal-IT u l-komunikazzjonijiet; jemmen li sabiex terġa’ tinbena l-fiduċja f’dawn id-dimensjonijiet kollha, hemm ħtieġa ta’ pjan ta’ reazzjoni immedjat u komprensiv li jinkludi serje ta’ azzjonijiet li huma suġġetti għall-iskrutinju pubbliku;

5.  Jinnota li bosta gvernijiet isostnu li dawn il-programmi ta’ sorveljanza tal-massa huma meħtieġa għall-ġlieda kontra t-terroriżmu; jikkundanna bil-qawwa t-terroriżmu, iżda jemmen bil-qawwa li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tista’ qatt tkun ta’ ġustifikazzjoni għal programmi ta’ sorveljanza tal-massa mingħajr miri, sigrieti, jew anke illegali; hu tal-fehma li tali programmi huma inkompatibbli mal-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità f’soċjetà demokratika;

6.  Ifakkar fit-twemmin sod tal-UE fil-ħtieġa li jinstab il-bilanċ ġust bejn il-miżuri tas-sigurtà u l-ħarsien tal-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiġi żgurat l-akbar rispett akbar għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

7.  Iqis li l-ġbir tad-data ta’ tali kobor iħalli dubji konsiderevoli dwar jekk dawn l-azzjonijiet mhumiex iggwidati biss mill-ġlieda kontra t-terroriżmu, peress li jinvolvu l-ġbir tad-data kollha possibbli taċ-ċittadini kollha; jiġbed l-attenzjoni, għalhekk, lejn il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ finijiet oħra inkluż l-ispjunaġġ politiku u ekonomiku, li jeħtieġ li wieħed jeħles minnhom b’mod komprensiv;

8.  Iqajjem dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ attivitajiet ta’ spjunaġġ ekonomiku massiv ta’ wħud mill-Istati Membru mas-suq intern tal-UE u l-liġi tal-kompetizzjoni kif stabbilit fit-Titoli I u VII tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jafferma mill-ġdid il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif imnaqqax fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-prinċipju li l-Istati Membri għandhom “joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’periklu l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni”;

9.  Jinnota li t-trattati internazzjonali u l-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Istati Uniti, kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza nazzjonali, naqsu milli jipprovdu għall-kontrolli u l-bilanċi meħtieġa jew għar-responsabbiltà demokratika;

10.  Jikkundanna l-ġbir ġenerali enormi u sistemika tad-data personali ta’ persuni innoċenti, li spiss tinkludi informazzjoni personali intima; jenfasizza li s-sistemi ta’ sorveljanza indiskriminata tal-massa mis-servizzi ta’ intelligence jikkostitwixxu interferenza serja fid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jenfasizza li l-privatezza mhijiex dritt ta’ lussu, iżda hija l-ġebla tal-pedament ta’ soċjetà libera u demokratika; jirrimarka, barra minn hekk, li s-sorveljanza tal-massa għandha effetti potenzjalment severi fuq il-libertà tal-istampa, il-ħsieb u l-espressjoni u fuq il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni, kif ukoll li tinvolvi potenzjal sinifikanti ta’ użu abbużiv tal-informazzjoni miġbura kontra avversarji politiċi; jenfasizza li dawn l-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-massa jinvolvu wkoll azzjonijiet illegali mis-servizzi ta’ intelligence u jqajmu dubji dwar l-estraterritorjalità tal-liġijiet nazzjonali;

11.   Iqis li huwa kruċjali li l-privileġġ tal-kunfidenzjalità professjonali tal-avukati, il-ġurnalisti, it-tobba u professjonijiet regolati oħra jiġi salvagwardjat kontra l-attivitajiet tas-sorveljanza tal-massa; jenfasizza, b’mod partikolari, li kwalunkwe inċertezza dwar il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet ta’ bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom jista’ jkollha impatt negattiv fuq id-dritt li għandhom iċ-ċittadini tal-UE ta’ aċċess għall-parir legali u ta’ aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust;

12.  Jara l-programmi ta’ sorveljanza bħala pass ieħor lejn l-istabbiliment ta’ stat kompletament preventiv, li jbiddlu l-paradigma stabbilita tal-liġi kriminali f’soċjetajiet demokratiċi li biha kwalunkwe interferenza mad-drittijiet fundamentali tal-persuni suspettati għandha tiġi awtorizata minn imħallef jew prosekutur fuq il-bażi ta’ suspett raġonevoli u għandha tiġi rregolata mil-liġi, jippromwovu minflok taħlita ta’ infurzar tal-liġi u attivitajiet ta’ intelligence b’salvagwardji legali mhux ċari u mdgħajfa, spiss mhux konformi mal-kontrolli u l-kontrobilanċi demokratiċi u d-drittijiet fundamentali, b’mod speċjali l-preżunzjoni ta’ innoċenza; ifakkar f’dan ir-rigward id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża(40) dwar il-projbizzjoni tal-użu ta’ dragnets preventivi (‘präventive Rasterfahndung’) sakemm ma jkunx hemm provi ta’ periklu konkret għal drittijiet protetti legali importanti oħra, fejn sitwazzjoni ta’ theddida ġenerali jew tensjonijiet internazzjonali mhumiex biżżejjed biex jiġġustifikaw miżuri bħal dawn;

13.  Jinsab konvint li l-liġijiet u l-qrati sigrieti jiksru l-istat tad-dritt; jirrimarka li kull sentenza ta’ qorti jew tribunal u kull deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva ta’ stat mhux tal-UE li tawtorizza, b’mod dirett jew indirett, it-trasferiment ta’ data personali, bl-ebda mod ma tista’ tiġi rikonoxxuta jew infurzata kemm-il darba ma jkunx hemm trattat ta’ assistenza legali reċiproka jew ftehim internazzjonali fis-seħħ bejn il-pajjiż terz li qed jagħmel it-talba u l-Unjoni jew Stat Membru u awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità superviżorja kompetenti; Ifakkar li kwalunkwe sentenza ta’ qorti jew tribunal sigriet u kwalunkwe deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva ta’ stat mhux tal-UE li b’mod sigriet jawtorizzaw, b’mod dirett jew indirett, attivitajiet ta’ sorveljanza ma għandhiex tiġi rikonoxxuta jew infurzata;

14.  Jirrimarka li t-tħassib imsemmi hawn fuq huwa aggravat mill-iżviluppi teknoloġiċi u soċjetali rapidi, peress li l-internet u l-apparati mobbli jinsabu kullimkien fil-ħajja moderna ta’ kuljum (‘informatika ma’ kullimkien’) u l-mudell tan-negozju tal-biċċa l-kbira tal-kumpaniji tal-internet huwa bbażat fuq l-ipproċessar ta’ data personali; iqis li l-iskala ta’ din il-problema hija waħda mingħajr preċedent; jinnota li dan jista’ joġloq sitwazzjoni fejn l-infrastruttura għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data bil-massa jistgħu jintużaw ħażin f’każijiet ta’ bidla ta’ reġim politiku;

15.  Jinnota li m’hemm l-ebda garanzija, la għall-istituzzjonijiet pubbliċi tal-UE u l-anqas għaċ-ċittadini, li s-sigurtà tal-IT jew il-privatezza tagħhom jistgħu jiġu protetti kontra attakki minn intrużjonijiet li jkunu mgħammra tajjeb (‘l-ebda sigurtà 100% tal-IT’); jinnota li sabiex tinkiseb sigurtà massima tal-IT, hemm bżonn li l-Ewropej ikunu lesti li jiddedikaw riżorsi suffiċjenti, kemm umani kif ukoll finanzjarji, biex jippreservaw l-indipendenza u l-awtonomija tal-Ewropa fil-qasam tal-IT;

16.  Jiċħad bil-qawwa l-idea li l-kwistjonijiet kollha relatati mal-programmi ta’ sorveljanza tal-massa huma purament kwistjoni ta’ sigurtà nazzjonali u għalhekk il-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri; itenni li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt tal-UE u l-KEDB filwaqt li jaġixxu sabiex jiżguraw is-sigurtà nazzjonali tagħhom; ifakkar fid-deċiżjoni reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li ‘għalkemm huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, is-sempliċi fatt li deċiżjoni tikkonċerna s-sigurtà ta’ Stat ma jfissirx li ma tistax tirriżulta fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni’(41) ; iffakkar barra minn hekk li hemm involuta l-protezzjoni tal-privatezza taċ-ċittadini kollha tal-UE, kif hekk ukoll involuti s-sigurtà u l-affidabbiltà tan-netwerks tal-komunikazzjoni kollha tal-UE; jemmen, għalhekk, li d-diskussjoni u l-azzjoni fil-livell tal-UE mhux biss huma leġittimi, iżda huma wkoll kwistjoni ta’ awtonomija tal-UE;

17.  Ifaħħar l-istituzzjonijiet u lill-esperti li kkontribwew għal din l-Inkjesta; jiddeplora l-fatt li diversi awtoritajiet tal-Istati Membri naqsu li jikkooperaw mal-inkjesta li l-Parlament Ewropew kien qed iwettaq f’isem iċ-ċittadini; jilqa’ l-ftuħ ta’ diversi Membri tal-Kungress u tal-parlamenti nazzjonali;

18.  Huwa konxju li f’dan il-perjodu limitat kien possibbli li titwettaq biss investigazzjoni preliminari tal-kwistjonijiet kollha involuti minn Lulju 2013; jirrikonoxxi kemm l-iskala tar-rivelazzjonijiet involuti kif ukoll in-natura kontinwa tagħhom; jadotta, għalhekk, approċċ ta’ ppjanar bil-quddiem li jikkonsisti f’sensiela ta’ proposti speċifiċi u mekkaniżmu għal azzjoni ta’ segwitu fil-leġiżlatura li jmiss, li jiżguraw li s-sejbiet jibqgħu ta’ prijorità fuq l-aġenda politika tal-UE;

19.  Għandu l-ħsieb li jitlob impenji politiċi qawwija mingħand il-Kummissjoni l-ġdida li se tinħatar wara l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju 2014, impenji li se timplimenta l-proposti u r-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-Inkjesta;

Rakkomandazzjonijiet

20.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u lill-Istati Membri tal-UE, fejn dan għadu mhux il-każ, jipprojbixxu l-attivitajiet ta' sorveljanza tal-massa ġenerali;

21.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE, u b’mod partikolari lil dawk li qed jipparteċipaw f’l-hekk imsejħa programmi “9-eyes” u “14-eyes”(42) , jivvalutaw b’mod komprensiv, u jirrevedu fejn meħtieġ, il-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali tagħhom li jirregolaw l-attivitajiet tas-servizzi ta’ intelligence ħalli jiżguraw li huma suġġetti għas-sorveljanza parlamentari u ġudizzjarja u l-iskrutinju pubbliku, li huma jirrispettaw il-prinċipji tal-legalità, neċessità, proporzjonalità, proċess ġust, in-notifika tal-utent u t-trasparenza, inkluż b'referenza għall-kompilazzjoni tan-NU ta' prattiki tajba u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' VenTrattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea’a, u li huma skont l-istandards tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u jirrispettaw l-obbligi tal-Istati Membri tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, il-privatezza, u l-preżunzjoni tal-innoċenza;

22.  Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE u b’mod partikolari, fir-rigward tar-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 u s-Seduti ta’ Smigħ tal-Inkjesta, lir-Renju Unit, lil Franza, lill-Ġermanja, lill-Iżvezja, lill-Pajjiżi l-Baxxi u lill-Polonja jiżguraw li l-oqfsa leġiżlattivi u mekkaniżmi ta’ sorveljanza attwali u futuri tagħhom li jirregolaw l-attivitajiet tal-aġenziji ta’ intelligence huma konformi mal-istandards tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data; jistieden lil dawn l-Istati Membri jiċċaraw l-allegazzjonijiet ta' attivitajiet ta’ sorveljanza tal-massa, inkluża s-sorveljanza tal-massa tat-telekomunikazzjonijiet transkonfinali, sorveljanza mingħajr miri speċifiċi fuq komunikazzjonijiet bil-kejbil, ftehimiet potenzjali bejn servizzi ta’ intelligence u kumpaniji tat-telekomunikazzjonijiet fir-rigward ta’ aċċess u skambju ta’ data personali u aċċess għal kejbils transatlantiċi, persunal u tagħmir ta’ intelligence tal-Istati Uniti fuq territorju tal-UE mingħajr sorveljanza fuq l-operazzjonijiet ta' sorveljanza, u l-kompatibilità tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-parlamenti nazzjonali ta’ dawk il-pajjiżi jintensifikaw il-kooperazzjoni tal-korpi ta’ sorveljanza ta’ intelligence tagħhom fil-livell Ewropew;

23.  Jistieden lir-Renju Unit, b’mod partikolari, minħabba r-rapporti tal-midja estensivi li jirreferu għas-sorveljanza tal-massa mis-servizz ta’ intelligence GCHQ, jirrevedi l-qafas legali attwali tiegħu, li huwa magħmul minn ‘interazzjoni kumplessa’ bejn tliet taqsimiet separati ta’ leġiżlazzjoni – l-Att tad-1998 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, l-Att tal-1994 dwar is-Servizzi ta’ Intelligence u l-Att tal-2000 dwar ir-Regolamentazzjoni tas-Setgħat Investigattivi – għandu jiġi rivedut;

24.  Jinnota r-rieżami tal-Att tal-2002 tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-Intelligence u s-Sigurtà (rapport tal-Kummissjoni Dessens tat-2 ta’ Diċembru 2013); jappoġġja dawk ir-rakkomandazzjonijiet tal-kummissjoni ta’ rieżami li għandhom il-għan li jsaħħu t-trasparenza, il-kontroll u s-sorveljanza tas-servizzi ta’ intelligence tal-Pajjiżi l-Baxxi; jistieden lill-Pajjiżi l-Baxxi joqogħdu lura milli jestendu s-setgħat tas-servizzi ta’ intelligence b’tali mod li jippermettu t-twettieq ta’ sorveljanza mingħajr miri speċifiċi u fuq skala kbira fuq komunikazzjonijiet bil-kejbil ta’ ċittadini innoċenti, speċjalment minħabba l-fatt li wieħed mill-ikbar Internet Exchange Points fid-dinja jinsab f’Amsterdam (AMS-IX); jitlob attenzjoni fid-definizzjoni tal-mandat u tal-kapaċitajiet tal-Joint Sigint Cyber Unit ġdid, kif ukoll attenzjoni rigward il-presenza u l-operazzjoni tal-persunal ta’ intelligence tal-Istati Uniti fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi;

25.  Jistieden lill-Istati Membri, inkluż meta jkunu rrappreżentati mill-aġenziji ta’ intelligence tagħhom, iżommu lura milli jaċċettaw data minn stati terzi li tkun inġabret b’mod illegali u milli jippermettu attivitajiet ta’ sorveljanza fit-territorju tagħhom minn gvernijiet jew aġenziji ta’ stati terzi li huma illegali taħt il-liġi nazzjonali jew ma jissodisfawx is-salvagwardji legali mnaqqxa fl-istrumenti internazzjonali jew tal-UE, inkluża l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem skont it-TUE, il-KEDB u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

26.  Jitlob il-waqfien tal-interċetazzjoni tal-massa u l-ipproċessar tal-immaġni mill-webcam minn kwalunkwe servizz sigriet; jitlob lill-Istati Membri biex jinvestigaw bis-sħiħ dwar jekk, kif u sa liema punt is-servizzi sigrieti tagħhom kienu nvoluti fil-ġbir u fl-ipproċessar ta' immaġni mill-webcam, u biex iħassru kwalunkwe immaġni maħżuna li nġabret permezz ta' tali programmi ta' sorveljanza tal-massa;

27.  Jistieden lill-Istati Membri biex b’mod immedjat jissodisfaw l-obbligu pożittiv tagħhom skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom minn sorveljanza li tmur kontra r-rekwiżiti tagħha, inkluż meta l-għan tagħha huwa li ssalvagwardja s-sigurtà nazzjonali, meta titwettaq minn stati terzi jew mis-servizzi ta’ intelligence tagħhom stess, u jistedinhom jiżguraw li l-istat tad-dritt ma jiddgħajjifx minħabba l-applikazzjoni estraterritorjali tal-liġi ta’ pajjiż terz;

28.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa jvara l-proċedura tal-Artikolu 52 li titlob li “mal-wasla ta’ talba mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, kwalunkwe Parti Kontraenti Għolja għandha tforni spjegazzjoni tal-mod kif il-liġi interna tagħha tiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni”;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni xierqa b’mod immedjat, inkluża azzjoni fil-qorti, kontra l-ksur tas-sovranità tagħhom, u b’hekk kontra l-ksur tad-dritt internazzjonali tal-pubbliku ġenerali, imwettaq permezz tal-programmi ta’ sorveljanza tal-massa; barra minn hekk jistieden l-Istati Membri tal-UE jagħmlu użu mill-miżuri internazzjonali kollha disponibbli biex jiddefendu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, l-aktar billi jiskattaw il-proċedura ta’ lment interstatali taħt l-Artikolu 41 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

30.  Jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi effikaċi li permezz tagħhom dawk responsabbli għall-programmi ta' sorveljanza (tal-massa) li jmorru kontra l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini jinżammu responsabbli għal dan l-abbuż ta' poter;

31.  Jistieden lill-Istati Uniti tirrevedi l-leġiżlazzjoni tagħha mingħajr dewmien sabiex iġġibha konformi mal-liġi internazzjonali, li tirrikonoxxi l-privatezza u d-drittijiet l-oħra taċ-ċittadini tal-UE, li tipprovdi għal rimedju ġudizzjarju għaċ-ċittadini tal-UE, tqiegħed id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fuq livell indaqs mad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Istati Uniti, u li tiffirma l-Protokoll Fakultattiv li jippermetti lmenti minn individwi skont l-ICCPR;

32.  Jilqa’, f’dan ir-rigward, il-kummenti u d-Direttiva ta’ Politika Presidenzjali maħruġin mill-President tal-Istati Uniti Obama fis-17 ta’ Jannar 2014, bħala pass lejn il-limitazzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ sorveljanza u proċessar ta’ data għal skopijiet ta’ sigurtà nazzjonali u lejn trattament ugwali tal-informazzjoni personali tal-individwi kollha, irrispettivament min-nazzjonalità jew ir-residenza tagħhom, mill-komunità tal-intelligence tal-Istati Uniti; Jistenna, madankollu, fil-kuntest tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, iktar passi speċifiċi li, fuq kollox, se jsaħħu l-fiduċja fit-trasferimenti transatlantiċi tad-data u jipprevedu garanziji vinkolanti għal drittijiet ta’ privatezza li jistgħu jkunu infurzati għaċ-ċittadini tal-UE, kif enfasizzat fid-dettall f’dan ir-rapport;

33.  Jenfasizza t-tħassib sejru tiegħu fir-rigward tax-xogħol fi ħdan il-Kumitat tal-Konvenzjoni għaċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tal-konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta’ Novembru 2001 (il-Konvenzjoni ta’ Budapest) dwar l-aċċess transkonfinali għal data informatika maħżuna b’kunsens jew fejn disponibbli pubblikament, u jopponi kwalunkwe konklużjoni ta’ protokoll jew gwida addizzjonali maħsuba biex jestendi l-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni lil hinn mir-reġim attwali stabbilit minn din il-Konvenzjoni, li diġà hija eċċezzjoni maġġuri għall-prinċipju ta’ territorjalità għaliex dan jista’ jwassal għal aċċess mill-bogħod mingħajr ebda xkiel mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f’servers u kompjuters li jinsabu f’ġurisdizzjonijiet oħra mingħajr rikors għal ftehimiet MLA u strumenti oħra ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja implimentati sabiex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tal-individwu, inkluża l-protezzjoni tad-data u l-proċess ġust, u b’mod partikolari l-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel Lulju 2014, twettaq valutazzjoni tal-applikabbiltà tar-Regolament (KE) Nru 2271/96 għal każijiet ta’ konflitt ta’ liġijiet dwar it-trasferimenti ta’ data personali;

35.  Jistieden lill-Aġenzija tad-Drittijiet tal-Bniedem tidħol għal riċerka fil-fond dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tas-sorveljanza, u b’mod partikolari fuq is-sitwazzjoni ġuridika attawli taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tar-rimedji ġudizzjarji li hemm għad-dispożizzjoni tagħhom fir-rigward ta' dawk il-prattiki;

Trasferimenti internazzjonali tad-data

Il-qafas ġuridiku tal-Istati Uniti tal-protezzjoni tad-data u s-Safe Harbour tal-Istati Uniti

36.  Jinnota li l-kumpaniji identifikati mir-rivelazzjonijiet tal-midja bħala dawk involuti fis-sorveljanza tal-massa fuq skala kbira ta’ suġġetti tad-data tal-UE mill-NSA tal-Istati Uniti huma kumpaniji li awtoċertifikaw il-konformità tagħhom mas-Safe Harbour, u li s-Safe Harbour huwa l-istrument legali użat għat-trasferiment ta’ data personali tal-UE lejn l-Istati Uniti (eżempji huma Google, Microsoft, Yahoo!, Facebook, Apple, LinkedIn); jesprimi t-tħassib tiegħu li dawn l-organizzazzjonijiet ma kkriptawx l-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet li għaddew bejn iċ-ċentri tad-data tagħhom, u b’hekk taw lok biex is-servizzi ta’ intelligence jinterċettaw l-informazzjoni;; jilqa’ d-dikjarazzjonijiet sussegwenti minn xi kumpaniji mill-Istati Uniti li se jaċċeleraw pjanijiet biex jimplimentaw kriptaġġ tal-flussi tad-data bejn iċ-ċentri ta’ data globali tagħhom;

37.  Iqis li l-aċċess fuq skala kbira mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti għal data personali tal-UE pproċessata mis-Safe Harbour ma jissodisfax il-kriterji għal deroga taħt ‘sigurtà nazzjonali’;

38.  Huwa tal-fehma li, la darba taħt iċ-ċirkostanzi attwali l-prinċipji tas-Safe Harbour ma jipprovdux protezzjoni adegwata għaċ-ċittadini tal-UE, dawn it-trasferimenti għandhom isiru taħt strumenti oħra, bħal pereżempju taħt klawżoli kuntrattwali jew BCRs, kemm-il darba dawn l-istrumenti jispjegaw salvagwardji u protezzjonijiet speċifiċi u ma jiġux evitati b’qerq minn oqfsa ġuridiċi oħra;

39.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni falliet milli tirrimedja n-nuqqasijiet magħrufa tal-implimentazzjoni attwali ta’ Safe Harbour;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta miżuri li jipprovdu għas-sospensjoni immedjata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE, li ddikjarat l-adegwatezza tal-prinċipji tal-privatezza Safe Harbour, u tal-Mistoqsijiet Frekwenti relatati maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istai Uniti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, għalhekk, iressqu proposta għal qafas ġdid għat-trasferiment ta’ data personali mill-UE lejn l-Istati Uniti li jkun jissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data u jipprovdi għal-livell ta’ protezzjoni adegwat rekwiżit;

41.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, biex jagħmlu użu mis-setgħat eżistenti tagħhom u b’mod immedjat jissospendu flussi ta’ data lil kull organizzazzjoni li tkun awtoċertifikat il-konformità tagħha mal-Prinċipji Safe Harbour tal-Istati Unit, u li jitolbu li flussi ta’ data bħal dawn jitwettqu biss taħt strumenti oħra u sakemm dawn ikun fihom is-salvagwardji u l-garanziji meħtieġa fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-individwi;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, sa Diċembru 2014, valutazzjoni komprensiva tal-qafas tal-privatezza tal-Istati Uniti li tkopri attivitajiet kummerċjali, tal-infurzar tal-liġi u tal-intelligence, u rakkomandazzjonijiet konkreti bbażati fuq l-assenza ta’ liġi għall-protezzjoni tad-data ġenerali fl-Istati Uniti; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha mal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti bil-għan li tistabbilixxi qafas ġuridiku li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom meta tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti u tiżgura l-ekwivalenza tal-oqfsa tal-privatezza tal-UE u tal-Istati Uniti;

Trasferimenti lejn pajjiżi terzi oħra bid-deċiżjoni ta’ adegwatezza

43.  Ifakkar li d-Direttiva 95/46/KE tistipula li trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiż terz jistgħu jsiru biss jekk, mingħajr preġudizzju għall-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva, il-pajjiż terz ikkonċernat jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni, l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni jkun li tiġi żgurata l-kontinwità tal-protezzjoni mogħtija mil-liġi tal-protezzjoni tad-data tal-UE meta d-data personali tiġi trasferita barra mill-UE;

44.  Ifakkar li d-Direttiva 95/46/KE tipprovdi wkoll li l-adegwatezza tal-livell ta’ protezzjoni mogħtija minn pajjiż terz għandha tiġi vvalutata fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha relatati ma’ operazzjoni ta’ trasferiment tad-data jew ma’ ġabra ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment tad-data; ifakkar bl-istess mod li d-Direttiva msemmija tagħti wkoll lill-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni biex tiddikjara li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-Direttiva 95/46/KE; ifakkar li d-Direttiva 95/46/KE wkoll tawtorizza lill-Kummissjoni tiddikjara li pajjiż terz ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni;

45.  Ifakkar li fil-każ tal-aħħar, l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex iwaqqfu kwalunkwe trasferiment ta’ data tal-istess tip lejn il-pajjiż terz ikkonċernat, u li l-Kummissjoni għandha tidħol f’negozjati bl-għan li titranġa s-sitwazzjoni;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw mingħajr dewmien jekk il-livell adegwat ta’ protezzjoni tal-Att tan-New Zealand dwar il-Privatezza u tal-Att tal-Kanada dwar il-Protezzjoni tat-Tagħrif Personali u d-Dokumenti Elettroniċi, kif iddikjarat mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2013/65/UE u 2002/2/KE, kienx effettwat mill-involviment tal-aġenziji tal-intelligence nazzjonali ta' dawk il-pajjiżi fis-sorveljanza tal-massa taċ-ċittadini tal-UE, u, jekk ikun meħtieġ, jieħdu miżuri xierqa biex jissospendu jew jirrevokaw id-deċiżjonijiet ta’ adegwatezza; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni għal pajjiżi oħra li rċevew klassifikazzjoni ta’ adegwatezza; jistenna li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar is-sejbiet tagħha fuq il-pajjiżi msemmija hawn fuq sa mhux aktar tard minn Diċembru 2014;

Trasferimenti bbażati fuq klawżoli kuntrattwali u strumenti oħra

47.  Ifakkar li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data nazzjonali indikaw li la l-klawżoli kuntrattwali standard u lanqas il-BCRs ma ġew ifformulati b’sitwazzjonijiet ta’ aċċess għal data personali għal finijiet ta’ sorveljanza tal-massa, u li aċċess bħal dan ma jkunx konformi mal-klawżoli ta’ deroga tal-klawżoli kuntrattwali jew il-BCRs li jirreferu għal derogi eċċezzjonali fl-interess leġittimu ta’ soċjetà demokratika u fejn meħtieġa u proporzjonati;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jipprojbixxu jew jissospendu l-flussi ta’ data lejn pajjiżi terzi abbażi tal-klawżoli kuntrattwali standard, il-klawżoli kuntrattwali jew il-BCRs awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fejn huwa probabbli li l-liġi li għaliha huma suġġetti r-riċevituri tad-data timponi rekwiżiti fuqhom li jmorru lil hinn mir-restrizzjonijiet li huma strettament meħtieġa, adegwati u proporzjonati f’soċjetà demokratika ux’aktarx ikollhom effett avvers fuq il-garanziji pprovduti mil-liġi tal-protezzjoni tad-data applikabbli u l-klawżoli kuntrattwali standard, jew minħabba li t-trasferiment kontinwu jkun joħloq riskju imminenti ta’ dannu għas-suġġetti tad-data;

49.  Jistieden lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 joħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar is-salvagwardji u l-protezzjonijiet li l-istrumenti kuntrattwali għat-trasferimenti internazzjonali ta’ data personali tal-UE għandhom ikollhom sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-privatezza, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, b’kunsiderazzjoni partikolari għal-liġijiet dwar l-intelligence u s-sigurtà nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u l-involviment tal-kumpaniji li jirċievu d-data f’pajjiż terz f’attivitajiet ta’ sorveljanza tal-massa mill-aġenziji tal-intelligence ta’ pajjiż terz;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mingħajr dewmien il-klawżoli kuntrattwali standard li hija stabbiliet sabiex tivvaluta jekk dawn jipprovdux il-protezzjoni meħtieġa fir-rigward tal-aċċess għal data personali trasferita taħt il-klawżoli għal finijiet ta’ intelligence u, jekk ikun xieraq, sabiex tagħmel rieżami tagħhom;

Trasferimenti bbażati fuq il-Ftehim ta’ Assistenza Legali Reċiproka

51.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel tmiem l-2014, twettaq valutazzjoni profonda tal-Ftehim ta’ Assistenza Legali Reċiproka eżistenti, skont l-Artikolu 17 tiegħu, sabiex tivverifika l-implimentazzjoni prattika tiegħu u, b’mod partikolari, jekk l-Istati Uniti għamlitx użu effettiv ta’ dan biex tikseb informazzjoni jew evidenza fl-UE u jekk il-ftehim inkisirx sabiex tinkiseb informazzjoni diretta fl-UE, u biex tivvaluta l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi; analiżi bħal din m’għandhiex tirreferi biss għal dikjarazzjonijiet uffiċjali tal-Istati Uniti bħala bażi suffiċjenti għall-analiżi, iżda għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjonijiet speċifiċi tal-UE; dan ir-rieżami profond għandu jindirizza wkoll il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-arkitettura kostituzzjonali tal-Unjoni għal dan l-istrument bil-għan li tinġieb konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’kunsiderazzjoni partikolari tal-Protokoll 36 u l-Artikolu 10 tiegħu u d-Dikjarazzjoni 50 dwar dan il-protokoll; jistiden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jivvalutaw ukoll il-ftehimiet bilaterali ta' bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti bil-għan li jiżguraw li huma konsistenti mal-ftehimiet li l-UE ssegwi jew tiddeċiedi li ssegwi mal-Istati Uniti;

L-assistenza reċiproka tal-UE f’materji kriminali

52.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinfurmaw lill-Parlament dwar l-użu li fil-fatt qed isir mill-Istati Membri tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari t-Titolu III tagħha dwar l-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta, skont id-Dikjarazzjoni 50, dwar il-Protokoll 36, kif mitlub, qabel l-aħħar tal-2014 sabiex tiġi adattata għall-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona;

Trasferimenti bbażati fuq il-ftehimiet TFTP u PNR

53.  Huwa tal-fehma li l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea u mit-Teżor tal-Istati Uniti ma tiċċarax jekk l-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti għandhom aċċess għall-messaġġi finanzjarji tas-SWIFT fl-UE bl-interċettazzjoni ta’ netwerks tas-SWIFT jew banek li joperaw sistemi jew netwerks tal-komunikazzjoni, individwalment jew f’kooperazzjoni mal-aġenziji tal-intelligence nazzjonali tal-UE u mingħajr il-ħtieġa ta’ rikors għal kanali bilaterali eżistenti għall-assistenza legali reċiproka u l-kooperazzjoni ġudizzjarja;

54.  Itenni r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2013 u jitlob lill-Kummissjoni għas-sospensjoni tal-Ftehim TFTP;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tirreaġixxi għat-tħassib li tlieta mis-sistemi maġġuri ta’ prenotazzjoni kompjuterizzata użati mil-linji tal-ajru mad-dinja għandhom il-bażi fl-Istati Uniti u li d-data tal-PNR tinħażen f’sistemi cloud li joperaw mit-territorju tal-Istati Uniti taħt il-liġi tal-Istati Uniti, li hija nieqsa mill-adegwatezza tal-protezzjoni tad-data;

Ftehim qafas dwar il-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja (‘Ftehim Ġeneriku’)

56.  Iqis li soluzzjoni sodisfaċenti taħt il-‘Ftehim Ġeneriku’ hija prekundizzjoni tar-restawr sħiħ tal-fiduċja bejn is-sħab transatlantiċi;

57.  Jitlob li b'effett immedjat jerġgħu jinbdew in-negozjati mal-Istati Uniti dwar il-"Ftehim Ġeneriku", li għandu jqiegħed id-drittijiet għaċ-ċittadini tal-UE fuq l-istess livell mad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Istati Uniti; jenfasizza li, barra minn hekk, dan il-ftehim għandu jipprovdi rimedji amministrattivi u ġudizzjarji effettivi u li jistgħu jiġu infurzati għaċ-ċittadini tal-UE fl-Istati Uniti mingħajr l-ebda diskriminazzjoni;

58.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ma jagħtux bidu għal xi ftehim jew arranġament settorjali ġdid għat-trasferiment ta’ data personali għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi mal-Istati Uniti kemm-il darba l-’Ftehim Ġeneriku’ jkun għadu ma daħalx fis-seħħ;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta fid-dettall dwar il-punti varji tal-mandat ta’ negozjar u l-aħħar stat tal-ħidma sa April 2014;

Riforma tal-protezzjoni tad-data

60.  Jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Istati Membri biex iħaffu l-ħidma tagħhom fuq il-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data kollu sabiex ikun jista' jiġi adottat fl-2014, ħalli b’hekk iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jgawdu livell għoli ta' protezzjoni tad-data fil-futur qrib ħafna; Jenfasizza li l-involviment qawwi u l-appoġġ sħiħ min-naħa tal-Kunsill huma kundizzjoni meħtieġa biex jintwerew il-kredibilità u l-asserzjoni lejn il-pajjiżi terzi;

61.  Jenfasizza li kemm ir-Regolament għall-Protezzjoni tad-Data kif ukoll id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data huma meħtieġa biex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-individwi, u li t-tnejn li huma għandhom għalhekk jiġu ttrattati bħala pakkett biex jiġu adottati fl-istess ħin, sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet kollha tal-ipproċessar tad-data fl-UE jagħtu livell għoli ta’ protezzjoni fiċ-ċirkostanzi kollha; jenfasizza li se jadotta aktar miżuri ta’ kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi ladarba l-Kunsill jidħol f’negozjati mal-Parlament u l-Kummissjoni fuq il-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data;

62.  Ifakkar li l-kunċetti ta’ ‘privatezza fid-disinn’ u ‘privatezza awtomatika’ huma tisħiħ tal-protezzjoni tad-data u għandu jkollhom l-istatus ta' linji gwida għall-prodotti, is-servizzi u s-sistemi kollha offruti fuq l-internet;

63.  Iqis standards ogħla ta' trasparenza u sikurezza għall-internet u t-telekomunikazzjoni bħala prinċipju meħtieġ bil-għan li jkun hemm reġim aħjar ta' protezzjoni tad-data; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar termini u kundizzjonijiet ġenerali standardizzati għas-servizzi online u tat-telekomunikazzjonijiet, u tagħti mandat lil korp superviżorju biex jimmonitorja l-osservanza mat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali;

Cloud computing

64.  Jinnota li l-fiduċja fil-cloud computing u l-fornituri tal-cloud tal-Istati Uniti ġiet affettwata b’mod negattiv mill-prattiki msemmija hawn fuq; jenfasizza, għalhekk, l-iżvilupp ta’ clouds u soluzzjonijiet tal-IT Ewropej bħala element essenzjali għat-tkabbir u l-impjiegi u għall-fiduċja fis-servizzi u l-fornituri tal-cloud computing, kif ukoll biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali;

65.  Jistieden lill-korpi pubbliċi kollha fl-Unjoni ma jużawx is-servizzi tal-cloud fejn jista' jkun li jkunu japplikaw liġijiet mhux tal-UE;

66.  Itenni t-tħassib serju tiegħu rigward l-iżvelar dirett obbligatorju tad-data u l-informazzjoni personali tal-UE pproċessati skont ftehimiet tal-cloud ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi minn fornituri tal-cloud suġġetti għal liġijiet ta’ pajjiżi terzi jew li jużaw servers tal-ħżin li jinsabu f’pajjiżi terzi, kif ukoll rigward l-aċċess dirett mill-bogħod għad-data u l-informazzjoni personali pproċessati minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u servizzi ta’ intelligence ta’ pajjiżi terzi;

67.  Jiddeplora l-fatt li dan l-aċċess spiss jinkiseb permezz ta’ infurzar dirett tar-regoli tal-liġi tagħhom stess minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, mingħajr rikors għal strumenti internazzjonali stabbiliti għal kooperazzjoni legali bħalma huma l-ftehimiet ta’ assistenza legali reċiproka (MLA) jew ta’ forom oħrajn ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-ħidma biex jistabbilixxu Sħubija Ewropea tal-Cloud waqt li jinkludu b’mod sħiħ is-soċjetà ċivili u l-komunità teknika, bħall-Internet Engineering Task Force (IETF) u jinkorporaw aspetti tal-protezzjoni tad-data;

69.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, hi u tinnegozja l-ftehimiet internazzjonali li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali, li tieħu nota b'mod partikolari tar-riskji u l-isfidi li l-cloud computing iressaq għall-jeddijiet fundamentali, b'mod partikolari - imma mhux esklussivament - għall-jedd għall-ħajja privat u għall-protezzjoni tad-data personali, kif imnaqqax fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundametnali tal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tieħu nota tar-regoli domestiċi tal-imsieħba fl-innegozjar li jirregolaw l-aċċess tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-intelligence għad-data personali proċessata permezz ta’ servizzi ta’ “cloud computing”, b’mod partikolari billi titlob li l-aċċess għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-intelligence jingħata biss bl-osservanza sħiħa ta’ proċess xieraq tal-liġi u li għandu jkun hemm bażi ġuridika li ma tkunx ambigwa, kif ukoll ir-rekwiżit biex ikunu speċifikati l-kundizzjonijiet eżatti tal-aċċess, l-iskop tal-ksib ta’ tali aċċess, il-miżuri ta’ sigurtà stabbiliti meta tiġi konsenjata d-data u d-drittijiet tal-individwi, kif ukoll ir-regoli għas-superviżjoni u għal mekkaniżmu ta’ rimedju effettiv;

70.  Ifakkar li l-kumpaniji kollha li jagħtu servizzi fl-UE jridu, mingħajr eċċezzjoni, jikkonformaw mal-liġi tal-UE u li huma responsabbli għal kwalunkwe ksur, u jissottolinja l-importanza li jiġu stabbiliti sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi li jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri tas-servizzi ta' “cloud computing” li ma josservawx l-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jivvalutaw sa liema punt ġew miksura r-regoli tal-UE dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data permezz tal-kooperazzjoni bejn l-entitajiet legali tal-UE u s-servizzi sigrieti jew permezz tal-aċċettazzjoni ta’ mandati ġudizzjarji ta’ awtoritajiet ta' pajjiżi terzi li jitolbu d-data personali ta' ċittadini tal-UE kuntrarju għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

72.  Jistieden lin-negozji li qed jipprovdu servizzi ġodda bl-użu ta’ “Big Data” u applikazzjonijiet ġodda bħall-“Internet tal-Oġġetti” jdaħħlu miżuri għall-protezzjoni tad-data li diġà jinsabu fl-istadju ta’ żvilupp, sabiex iżommu livell għoli ta’ fiduċja fost iċ-ċittadini;

Ftehim dwar Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP)

73.  Jagħraf il-fatt li l-UE u l-Istati Uniti qed isegwu negozjati għal Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment, li hija ta' importanza strateġika maġġuri biex jinħoloq aktar tkabbir ekonomiku;

74.  Jenfasizza bis-saħħa, minħabba l-importanza tal-ekonomija diġitali fir-relazzjoni u fil-kawża tal-bini mill-ġdid tal-fiduċja bejn l-UE u l-Istati Uniti, li l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-ftehim tat-TTIP finali tista' tiġi pperikolata kemm-il darba l-attivitajiet ta' sorveljanza tal-massa ġenerali u l-interċezzjoni tal-komunikazzjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanzi diplomatiċi ma jiġux abbandonati għalkollox u tinstab soluzzjoni adegwata għad-drittijiet tal-privatezza tad-data taċ-ċittadini tal-UE, inkluż rimedju amministrattiv u ġudizzjarju; jenfasizza li l-Parlament jista' jagħti l-approvazzjoni biss għall-ftehim TTIP finali kemm-il darba l-ftehim jirrispetta bis-sħiħ, inter alia, id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta tal-UE, u kemm-il darba l-protezzjoni tal-privatezza tal-individwi b’rabta mal-ipproċessar u t-tixrid ta’ data personali trid tkompli jibqgħu regolata mill-Artikolu XIV tal-GATS; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data ma tistax titqies bħala “diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikata” fl-applikazzjoni tal-Artikolu XIV tal-GATS;

Sorveljanza demokratika tas-servizzi ta’ intelligence

75.  Jenfasizza li, minkejja l-fatt li s-sorveljanza ta’ attivitajiet tas-servizzi ta’ intelligence għandha tkun ibbażata kemm fuq leġittimità demokratika (qafas ġuridiku b’saħħtu, awtorizzazzjoni ex ante u verifika ex post) kif ukoll fuq kapaċità u kompetenza tekniċi adegwati, il-maġġoranza tal-korpi ta’ sorveljanza attwali tal-UE u tal-Istati Uniti huma serjament nieqsa fit-tnejn, b’mod partikolari fil-kapaċitajiet tekniċi;

76.  Jistieden, kif għamel fil-każ ta’ Echelon, lill-parlamenti nazzjonali kollha li għadhom m’għamlux dan biex jinstallaw sorveljanza sinifikanti tal-attivitajiet ta' intelligence mill-membri parlamentari jew minn korpi esperti bis-setgħat legali li jinvestigaw; jistieden lill-parlamenti nazzjonali jiżguraw li dawn il-kumitati/korpi ta’ sorveljanza għandhom biżżejjed riżorsi, kompetenza teknika u mezzi legali, inkluż id-dritt li jwettqu żjarat fuq il-post, biex ikunu jistgħu jeżerċitaw kontroll effikaċi fuq is-servizzi ta’ intelligence;

77.  Jitlob li jiġi stabbilit Grupp ta' Membri u esperti biex jeżaminaw, b'mod trasparenti u b'kollaborazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, rakkomandazzjonijiet għal sorveljanza demokratika mtejba, inkluża s-sorveljanza parlamentari, tas-servizzi ta' intelligence u l-kollaborazzjoni akbar fis-sorveljanza fl-UE, b'mod partikolari fir-rigward tad-dimensjoni transkonfinali tagħha; iqis li l-grupp għandu jeżamina, b’mod partikolari, il-possibilità ta' standards jew linji gwida Ewropej minimi għas-sorveljanza (ex ante u ex post) tas-servizzi ta' intelligence abbażi tal-aħjar prattiki eżistenti u r-rakkomandazzjonijiet minn korpi internazzjonali (in-NU, il-Kunsill tal-Ewropa), inkluża l-kwistjoni tal-korpi ta' sorveljanza li jitqiesu bħala parti terza skont ir-"regola tal-parti terza", jew il-prinċipju tal-"kontroll ta' min joriġina", dwar is-sorveljanza u l-obbligu ta' għoti ta' rendikont tal-intelligence minn pajjiżi barranin, kriterji dwar trasparenza mtejba, mibnija fuq il-prinċipju ġenerali ta’ aċċess għall-informazzjoni u l-hekk imsejħa "Prinċipji Tshwane"(43) , kif ukoll prinċipji rigward il-limiti fuq id-durata u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe sorveljanza li tiżgura li jkunu proporzjonati u limitati għall-għan tagħha;

78.  Jistieden lil dan il-Grupp iħejji rapport għal konferenza li għandha ssir mill-Parlament mal-korpi ta’ sorveljanza nazzjonali, kemm jekk parlamentari jew jekk indipendenti, sal-bidu tal-2015, u jistiednu wkoll jgħin fit-tħejjija ta’ dik il-konferenza;

79.  Jistieden lill-Istati Membri jisiltu l-aħjar prattiki sabiex itejbu l-aċċess mill-korpi ta’ sorveljanza tagħhom għall-informazzjoni dwar attivitajiet tal-intelligence (inkluża informazzjoni kklassifikata u informazzjoni minn servizzi oħra) u jistabbilixxu s-setgħa li jitwettqu żjarat fuq il-post, sett robust ta’ setgħat ta’ interrogazzjoni, riżorsi xierqa u kompetenza teknika, indipendenza stretta vis-à-vis il-gvernijiet rispettivi tagħhom, u obbligu ta’ rappurtar lill-parlamenti rispettivi tagħhom;

80.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw il-kooperazzjoni fost il-korpi ta’ sorveljanza, b’mod partikolari fi ħdan in-Netwerk Ewropew tar-Reviżuri tal-Intelligence Nazzjonali (ENNIR);

81.  Iħeġġeġ lir-RGħ/VP biex b'mod regolari tagħti kont tal-attivitajiet taċ-Ċentru tal-UE għall-Analiżi tal-Intelliġence(INTCEN), li jifforma parti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-korpi responsabbli tal-Parlament, inkluża l-osservanza sħiħa tiegħu tad-drittijiet fundamentali u r-regoli applikabbli tal-UE dwar il-privatezza tad-data, li jippermetti sorveljanza aħjar mill-Parlament tad-dimensjoni esterna tal-politiki tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lir-RGħ/VP iressqu proposta għal bażi ġuridika dwar l-attivitajiet tal-INTCEN, f'każ li jiġu previsti kwalunkwe operazzjoni jew kompetenza futura fil-qasam tal-intelligence jew xi faċilità tiegħu proprja għall-ġbir tad-data li jista' jkollhom impatt fuq l-istrateġija ta’ sigurtà interna tal-UE;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, sa Settembru 2014, proposta għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà tal-UE għad-detenturi tal-karigi kollha tal-UE, peress li s-sistema attwali, li sserraħ fuq l-awtorizzazzjoni tas-sigurtà mwettqa mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza, tipprevedi rekwiżiti u tulijiet tal-proċeduri differenti fi ħdan sistemi nazzjonali, li twassal għal trattament differenti tal-Membri tal-Parlament u l-persunal tagħhom abbażi taċ-ċittadinanza tagħhom;

83.  Ifakkar fid-dispożizzjonijiet tal-ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trażmissjoni lil u t-trattament mill-Parlament ta’ informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill dwar kwistjonijiet apparti dawk fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, li għandhom jintużaw biex itejbu s-sorveljanza fil-livell tal-UE;

Aġenziji tal-UE

84.  Jistieden lill-Korp Superviżorju Konġunt tal-Europol, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data, iwettqu spezzjoni konġunta qabel l-aħħar tal-2014 sabiex jaċċertaw jekk l-informazzjoni u d-data personali kondiviża mal-Europol inkisbux b'mod leġittimu mill-awtoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari jekk l-informazzjoni jew id-data kinux fil-bidu nett miġjuba mis-servizzi ta’ intelligence fl-UE jew f’pajjiż terz, u jekk hemmx stabbiliti miżuri xierqa biex jipprevjenu l-użu u aktar tixrid ta’ tali informazzjoni jew data; jikkunsidra li l-Europol m’għandha tipproċessa l-ebda informazzjoni jew data li nkisbu bi ksur tad-drittijiet fundamentali li tkun protetta skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

85.  Jistieden lill-Europol jagħmel użu sħiħ tal-mandat tiegħu biex jitlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jagħtu bidu għal investigazzjonijit kriminali fir-rigward ta' attakki ċibernetiċi maġġuri u ksur tas-sigurta' tal-IT bil-possibilità ta' impatt transkonfinali; jemmen li l-mandat tal-Europol għandu jiġi msaħħaħ bil-għan li jkun jista' jagħti bidu għall-investigazzjoni proprja tiegħu wara suspett ta' attakk malizzjuż fuq in-netwerk u s-sistemi ta' informazzjoni ta' tnejn jew aktar minn fost l-Istati Membri jew korpi tal-Unjoni(44) ; jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid l-attivitajiet taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol (EC3) u, jekk ikun meħtieġ, tressaq proposta għal qafas komprensiv għat-tisħiħ tal-kompetenzi tiegħu;

Libertà ta’ espressjoni

86.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu minħabba t-theddid li qed jiżdiedu għall-libertà tal-istampa u l-effett dissważiv fuq il-ġurnalisti minħabba l-intimidazzjoni mill-awtoritajiet tal-istat, b’mod partikolari rigward il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ġurnalistiċi; itenni s-sejħiet espressi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar ‘il-Karta tal-UE: regoli komuni għal-libertà tal-midja fl-UE kollha’;

87.  Jieħu nota tad-detenzjoni ta' David Miranda u l-ħtif tal-materjal li kien fil-pussess tiegħu mill-awtoritajiet tar-Renju Unit skont l-Iskeda 7 tal-Att tal-2000 dwar it-Terroriżmu (kif ukoll it-talba li saret lill-gazzetta The Guardian biex teqred jew tgħaddilhom il-materjal) u jesprimi t-tħassib tiegħu li dan jikkostitwixxi dik li tista' tkun interferenza serja fid-dritt tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja kif rikonoxxuti mill-Artikolu 10 tal-KEDB u l-Artikolu 11 tal-Karta tal-UE u li l-leġiżlazzjoni maħsuba biex jiġi miġġieled it-terroriżmu tista' tintuża ħażin f'tali każi;

88.  Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni serja tal-iżvelaturi u ta' dawk li jappoġġjawhom, inklużi l-ġurnalisti li jsegwu r-rivelazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni twettaq eżami dwar jekk proposta leġiżlattiva futura li tistabbilixxi programm Ewropew ta' protezzjoni tal-iżvelaturi li jkun effettiv u komprensiv, kif diġà mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013, għandhiex tinkludi wkoll oqsma oħra tal-kompetenza tal-Unjoni, b'attenzjoni partikolari għall-kumplessità tal-iżvelar fil-qasam tal-intelligence; jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw bir-reqqa l-possibilità li lill-iżvelaturi tingħatalhom protezzjoni internazzjonali minn prosekuzzjoni;

89.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom, partikolarment fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali, tipprovdi alternattiva sikura għas-silenzju talli wieħed jiżvela jew jirrapporta għemil ħażin, inklużi l-korruzzjoni, offiżi kriminali, ksur tal-obbligu ġuridiku, in-nuqqas ta' ġustizzja min-naħa tal-qrati u l-abbuż tal-awtorità, li tkun ukoll tirrispetta d-dispożizzjonijiet ta' strumenti internazzjonali (tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa) differenti kontra l-korruzzjoni, il-prinċipji stabbiliti fir-Riżoluzzjoni 1729 (2010) PACE, il-prinċipji Tshwane, eċċ.;

Sigurtà tal-IT fl-UE

90.  Jinnota li inċidenti reċenti juru biċ-ċar l-vulnerabbiltà akuta tal-UE, u b’mod partikolari tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, il-kumpaniji ewlenin Ewropej, l-infrastrutturi u netwerks tal-IT Ewropej, fir-rigward tal-attakki sofistikati permezz ta’ softwer u malwer kumplessi; jinnota li dawn l-attakki jirrikjedu tant riżorsi finanzjarji u umani fuq skala b'tali mod li aktarx li joriġinaw minn entitajiet statali li jaġixxu f’isem gvernijiet barranin; f’dan il-kuntest, iqis il-hacking jew l-ittappjar tal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Belgacom bħala eżempju inkwetanti ta’ attakk fuq il-kapaċità tal-IT tal-UE; jenfasizza jekk tingħata spinta lill-kapaċità u s-sigurtà tal-IT tal-UE titnaqqas ukoll il-vulnerabilità tal-UE għall-attakki ċibernetiċi serji li joriġinaw minn organizzazzjonijiet kriminali jew gruppi terroristiċi kbar;

91.  Huwa tal-fehma li r-rivelazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-massa li taw bidu għal din il-kriżi jistgħu jintużaw bħala opportunità għall-Ewropa biex tieħu l-inizjattiva u tibni, bħala miżura ta' prijorità strateġika, kapaċità awtonoma u b'saħħitha ta’ riżorsi ewlenin tal-IT; jenfasizza li bil-għan li terġa' tintrebaħ il-fiduċja, tali kapaċità Ewropea tal-IT għandha tkun ibbażata, kemm jista' jkun, fuq standards miftuħa u softwer minn sors miftuħ u jekk ikun possibbli ħardwer ta' dan it-tip ukoll, li jagħmel il-katina kollha tal-provvista mid-disinn tal-processor sas-saff tal-applikazzjoni trasparenti u li tista' tiġi rieżaminata; jinnota li sabiex tinkiseb lura l-kompetittività fis-settur strateġiku tas-servizzi tal-IT, hemm bżonn ta’ "trattat diġitali ġdid", bi sforzi konġunti u fuq skala kbira mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, l-industrija u s-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-akkwist pubbliku bħala lieva sabiex jappoġġjaw din il-kapaċità tar-riżorsi fl-UE billi jagħmlu l-istandards ta’ sigurtà u ta’ privatezza tal-UE rekwiżit ewlieni fl-akkwist pubbliku tal-prodotti u s-servizzi tal-IT; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, twettaq rieżami tal-prattiki attwali tal-akkwist pubbliku fir-rigward tal-ipproċessar tad-data bil-għan li tikkunsidra tillimitax il-proċeduri tas-sejħa għall-offerti għal kumpaniji ċċertifikati, u possibilment għal kumpaniji tal-UE, fejn ikunu involuti s-sigurtà u interessi vitali oħra;

92.  Jikkundanna bil-kbir il-fatt li s-servizzi ta’ intelligence ippruvaw ibaxxu l-istandards tas-sigurtà tal-IT u jinstallaw backdoors (aċċess mhux awtorizzat) f'firxa wiesgħa ta’ sistemi tal-IT; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta abbozz leġiżlattiv biex jiġi pprojbit l-użu ta’ backdoors (aċċess mhux awtorizzat) minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi; jirrakkomanda, konsegwentement, l-użu ta’ softwer minn sors miftuħ fl-ambjenti kollha fejn is-sigurtà tal-IT hija ta’ tħassib;

93.  Jistieden lill-Istati Membri kollha, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jagħtu l-appoġġjaw l-aktar sħiħ tagħhom, inkluż permezz ta' finanzjament fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, lill-iżvilupp ta’ kapaċità Ewropea innovattiva u teknoloġika fil-għodod, kumpaniji u fornituri tal-IT (ħardwer, softwer, servizzi u netwerk), inkluż għal skopijiet ta’ ċibersigurtà u tal-kapaċitajiet tal-ikkriptar u ta’ dawk kriptografiċi; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri responsabbli kollha biex jinvestu fit-teknoloġiji lokali u indipendenti, u biex jiżviluppaw u jżidu bil-qawwi l-kapaċitajiet ta' detezzjoni;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-korpi tal-istandardizzazzjoni u lill-ENISA jiżviluppa, sa Settembru 2014, standards u linji gwida ta’ sigurtà u ta’ privatezza minimi għas-sistemi, netwerks u servizzi tal-IT, inklużi s-servizzi ta’ cloud computing, sabiex jipproteġu aħjar id-data personali taċ-ċittadini tal-UE u l-integrità tas-sistemi tal-IT kollha; jemmen li tali standards jistgħu jsiru l-punt ta' riferiment għal standards globali ġodda u għandhom jiġu stabbiliti fi proċess miftuħ u demokratiku, u mhux jiġu mmexxija minn pajjiż, entità jew kumpanija multinazzjonali individwali; huwa tal-fehma li, filwaqt li jeħtieġ li jitqiesu l-interessi tal-infurzar tal-liġi u l-intelligence leġittimi sabiex tiġi appoġġjata l-ġlieda kontra t-terroriżmu, dawn m’għandhomx iwasslu għal dgħufija ġenerali tal-affidabbiltà tas-sistemi kollha tal-IT; jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjonijiet reċenti mill-Internet Engineering Taskforce (IETF) li jinkludu l-gvernijiet fil-mudell ta’ theddida għas-sigurtà tal-internet;

95.  Jirrimarka li l-UE u r-regolaturi tat-telekomunikazzjonijiet nazzjonali, u f'ċerti każi anke l-kumpanijiet tat-telekomunikazzjonijiet, b’mod ċar ittraskuraw is-sigurtà tal-IT tal-utenti u l-klijenti tagħhom ; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-poteri eżistenti tagħha taħt id-Direttiva Qafas dwar il-Privatezza Elettronika u t-Telekomunikazzjoni biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni billi tadotta miżuri li jiżguraw li t-tagħmir terminali huwa kompatibbli mad-dritt tal-utenti li jikkontrollaw u jipproteġu d-data personali tagħhom, u li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u servizzi tat-telekomunikazzjoni, anke permezz tal-ikkriptar minn tarf sa tarf tal-ogħla livell tekniku għall-komunikazzjonijiet;

96.  Jappoġġja l-istrateġija ċibernetika tal-UE, iżda jqis li din ma tkoprix it-theddid possibbli kollu u għandha tiġi estiża sabiex tkopri l-imġiba malizzjuża ta’ stat; jissottolinja l-bżonn ta' aktar sigurtà robusta tal-IT u aktar reżiljenza tas-sistemi tal-IT;

97.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, sa mhux iżjed tard minn Jannar 2015, tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni biex tiġi żviluppata indipendenza akbar tal-UE fis-settur tal-IT, inkluż approċċ aktar koerenti għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet teknoloġiċi tal-IT Ewropej (inklużi s-sistemi tal-IT, it-tagħmir, is-servizzi, il-cloud computing, l-ikkriptar u l-anonimizzazzjoni) u għall-protezzjoni ta’ infrastruttura tal-IT kritika (inkluż f'dawk li huma sjieda u vulnerabilità);

98.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-Programm ta' Ħidma li jmiss tal-Programm Orizzont 2020, tiddirieġi aktar riżorsi lejn it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp, l-innovazzjni u t-taħriġ Ewropej fil-qasam tal-IT, b'mod partikolari teknoloġiji u infrastrutturi li jtejbu l-privatezza, krittoloġija, computing sikur, l-aħjar soluzzjonijiet ta' sigurtà possibbli, u anke tippromwovi s-suq intern tas-softwer, ħardwer, u mezzi kkriptati ta' komunikazzjoni u infrastrutturi ta' komunikazzjoni Ewropej, inkluż billi tiġi żviluppata strateġija industrijali tal-UE komprensiva għall-industrija tal-IT; iqis li l-impriżi żgħar u medji jaqdu rwol partikolari fir-riċerka; jenfasizza li ma għandu jingħata l-ebda finanzjament tal-UE lil proġetti li jkollhom l-għan uniku li jiżviluppaw għodod biex jiġi ggwadanjat aċċess illegali għal ġo sistemi tal-IT;

99.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel pjan iddettaljat tar-responsabbiltajiet attwali u twettaq rieżami, sa mhux aktar tard minn Diċembru 2014, il-ħtieġa ta' mandat usa’, koordinazzjoni aħjar u/jew riżorsi u kapaċitajiet tekniċi addizzjonali għall-ENISA, iċ-Ċentru taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol u ċentri oħra ta’ kompetenzi speċjalizzati tal-Unjoni, is-CERT-UE u l-KEPD, sabiex ikunu jistgħu jaqdu rwol ewlieni fit-tqegħid fis-sikur tas-sistemi ta' komunikazzjoni Ewropej, ikunu aktar effettivi fil-prevenzjoni u fl-investigazzjoni ta’ ksur maġġuri tas-sigurtà tal-IT fl-UE u fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet tekniċi (jew fil-għajnuna lill-Istati Membri u lill-korpi tal-UE biex iwettqu) investigazzjonijiet tekniċi) fuq il-post dwar ksur maġġuri tas-sigurtà tal-IT; b'mod partikolari, jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li ssaħħaħ ir-rwol tal-ENISA fid-definizzjoni tas-sistemi interni fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE u tistabbilixxi fi ħdan l-istruttura tal-ENISA Skwadra ta' Rispons f'Emerġenza Relatata mal-Kompjuters (CERT) għall-UE u l-Istati Membri tagħha;

100.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa ta' Akkademja tal-IT tal-UE li tiġbor flimkien l-aħjar esperti indipendenti Ewropej u internazzjonali fl-oqsma relatati kollha, bil-kompitu li tipprovdi lill-Istituzzjonijiet u lill-korpi kollha rilevanti tal-UE l-parir xjentifiku dwar teknoloġiji tal-IT, inklużi strateġiji relatati mas-sigurtà;

101.  Jistieden lis-servizzi kompetenti tas-Segretarjat tal-Parlament Ewropew, taħt ir-responsabbiltà tal-President tal-Parlament Ewropew, iwettqu, sa mhux aktar tard minn Ġunju 2015 b’rapport interim sa Diċembru 2014, rieżami u valutazzjoni bir-reqqa tal-affidabbiltà tas-sigurtà tal-IT tal-Parlament, li jkunu ffukati fuq: il-mezzi baġitarji, riżorsi ta' persunal, kapaċitajiet tekniċi, organizzazzjoni interna u l-elementi rilevanti kollha, sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ sigurtà għas-sistemi tal-IT tal-Parlament; jemmen li valutazzjoni bħal din għandha tal-anqas tagħti informazzjoni, analiżi u rakkomandazzjonijiet dwar:

   il-ħtieġa ta' verifiki tas-sigurtà u testijiet tal-penetrazzjoni regolari, rigorużi u indipendenti, fejn l-għażla ta’ esperti tas-sigurtà esterni tassigura t-trasparenza u garanziji tal-kredenzjali tagħhom fil-konfront ta’ pajjiżi terzi jew kwalunkwe tip ta’ interess personali;
   l-inklużjoni fil-proċeduri tal-offerti għal sistemi tal-IT ġodda ta' rekwiżiti tas-sigurtà/privatezza tal-IT speċifiċi tal-aħjar prattiki, inkluża l-possibbiltà ta’ rekwiżit għal softwer minn sors miftuħ bħala kundizzjoni ta’ xiri jew rekwiżit li kumpaniji ta’ fiduċja Ewropej għandhom jieħdu sehem fl-offerta fejn huma kkonċernati oqsma sensittivi jew relatati mas-sigurtà;
   il-lista ta’ kumpaniji taħt kuntratt mal-Parlament fl-oqsma tal-IT u tat-telekomunikazzjonijiet, b’kunsiderazzjoni għal kwalunkwe informazzjni li ħarġet fid-dieher dwar il-kooperazzjoni tagħhom ma' aġenziji tal-intelligence (bħalma huma għar-rivelazzjonijiet dwar il-kuntratti tal-NSA ma’ kumpanija bħalma hi l-RSA, li l-prodotti tagħha qed jintużaw mill-Parlament biex suppost jipproteġi l-aċċess mill-bogħod għad-data tagħhom mill-Membri u l-persunal tiegħu, inkluża l-fattibilità li jiġu provduti l-istess servizzi mill-kumpaniji oħra, preferibilment Ewropej;
   l-affidabilità u r-reżiljenza tas-softwer, u speċjalment is-softwer kummerċjali li jinxtara mill-ħwienet, użat mill-istituzzjonijiet tal-UE u s-sistemi tal-IT tagħhom fir-rigward tal-penetrazzjonijiet u l-intrużjonijiet minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet tal-intelligence tal-UE jew ta' pajjiż terż, filwaqt li jitqiesu l-istandards internazzjonali rilevanti, il-prinċipji tal-aħjar prattiki tal-immaniġġjar tar-riskji tas-sigurtà, u l-aderenza mal-istandards tas-Sigurtà tal-Informazzjoni tan-Netwerks tal-UE dwar il-ksur tas-sigurtà tan-netwerks;
   l-użu ta’ aktar sistemi minn sors miftuħ;
   passi u miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi indirizzata ż-żieda fl-użu ta’ għodod mobbli (pereżempju smartphones, tablets, kemm jekk professjonali kif ukoll jekk personali) u l-effetti tagħha fuq is-sigurtà tal-IT tas-sistema;
   is-sigurtà tal-komunikazzjonijiet bejn il-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament u tas-sistemi tal-IT użati fil-Parlament;
   l-użu u l-post tas-servers u ċ-ċentri tal-IT għas-sistemi tal-IT tal-Parlament u l-implikazzjonijiet għas-sigurtà u l-integrità tas-sistemi;
   l-implimentazzjoni fir-realtà tar-regoli eżistenti dwar il-ksur tas-sigurtà u n-notifika minnufih tal-awtoritajiet kompetenti mill-fornituri ta’ netwerks tat-telekomunikazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku;
   l-użu tal-cloud computing u s-servizzi ta' ħżin mill-Parlament, inkluża n-natura tad-data maħżuna fil-cloud, kif il-kontenut u l-aċċess għalih huwa protett u fejn jinsabu s-servers tal-cloud, filwaqt li jiġi ċċarat il-qafas ġuridiku applikabbli tal-protezzjoni tad-data u l-intelligence, kif ukoll il-valutazzjoni tal-possibilitajiet tal-utilizzazzjoni unikament ta' cloud servers li huma bbażati fuq it-territorju tal-UE;
   pjan li jippermetti l-użu ta’ aktar teknoloġiji kriptografiċi, b’mod partikolari l-ikkriptar awtentikat minn tarf sa tarf għas-servizzi tal-IT u tal-komunikazzjonijiet kollha bħalma huma l-cloud computing, il-posta elettronika, il-bgħit instantanju ta’ messaġġi u t-telefonija;
   l-użu tal-firem elettroniċi fil-posta elettronika;
   pjan għall-użu standard tal-ikkriptar awtomatiku, bħalma hu l-GNU Privacy Guard, għall-posta elettronika li fl-istess ħin ikun jippermettu l-użu ta’ firem diġitali;
   il-possibbiltà li jitwaqqaf servizz sigur tal-bgħit instantanju ta’ messaġġi fi ħdan il-Parlament li jippermetti komunikazzjoni sigura, fejn is-server jara biss kontenut ikkriptat;

102.  Jistieden lill-Istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE kollha jwettqu eżerċizzju simili b’kooperazzjoni mal-ENISA, il-Europol u s-CERTs, sa mhux iżjed tard minn Ġunju 2015 b’rapport interim sa Diċembru 2014, b’mod partikolari l-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (inklużi d-delegazzjonijiet tal-UE), il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Bank Ċentrali Ewropew; jistieden lill-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet simili;

103.  Jenfasizza li safejn hija kkonċernata l-azzjoni esterna tal-UE, għandhom jitwettqu valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet baġitarji relatati u jittieħdu l-ewwel miżuri mingħajr dewmien fil-każ tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u li hemm bżonn li jiġu allokati fondi xierqa fl-abbozz tal-baġit 2015;

104.  Huwa tal-fehma li s-sistemi tal-IT fuq skala kbira użati fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, bħalma huma hi s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, il-Eurodac u sistemi futuri possibbli bħalma hi l-UE-ESTA, għandhom jiġu żviluppati u mħaddma b’tali mod li jiżguraw li d-data ma tkunx kompromessa bħala riżultat tat-talbiet minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi; jitlob l-eu-LISA tirrapporta lura lill-Parlament dwar l-affidabbiltà tas-sistemi fis-seħħ sal-aħħar tal-2014;

105.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-SEAE jieħdu azzjoni fil-livell internazzjonali, man-NU b’mod partikolari, u f’kooperazzjoni mas-sħab interessati biex jimplimentaw strateġija tal-UE għall-governanza demokratika tal-internet sabiex tiġi evitata l-influwenza żejda fuq l-attivitajiet tal-ICANN u l-IANA minn kwalunkwe entità, kumpanija jew pajjiż individwali billi tiġi żgurata rappreżentanza xierqa tal-partijiet interessati kollha f’dawn il-korpi, filwaqt li tiġi evitata l-faċilitazzjoni tal-kontroll mill-istat jew iċ-ċensura jew il-balkanizazzjoni u l-frammentazzjoni tal-internet;

106.  Jitlob li l-UE tkun fuq ta' quddiem nett fit-tiswir mill-ġdid tal-arkitettura u l-governanza tal-internet bil-għan li jiġu ndirizzati r-riskji relatati mal-flussi u l-ħżin tad-data, filwaqt li tagħmel ħilitha għall-minimizzazzjoni tad-data u t-trasparenza u inqas ħżin tal-massa ċentralizzat ta' data mhix ipproċessata, kif ukoll li t-traffiku tal-Internet jingħata rotta oħra jew krittazzjoni sħiħa "end-to-end" tat-traffiku kollu tal-Internet ħalli jiġu evitati r-riskji attwali assoċjati mal-mogħdija bla bżonn ta' traffiku minn ġot-territorju ta' pajjiżi li ma jissodisfawx l-istandards bażiċi dwar id-drittijiet fundamentali, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza;

107.  Jitlob għall-promozzjoni ta’:

   magni tat-tiftix tal-UE u netwerks soċjali tal-UE bħala pass siewi fid-direzzjoni tal-indipendenza tal-IT għall-UE;
   ornitur ta' servizz tal-IT Ewropej;
   ikkriptar tal-komunikazzjoni in ġenerali inklużi l-komunikazzjoni bil-posta elettronika u bl-SMS;
   elementi ewlenin tal-IT Ewropej, bħalma huma soluzzjonijiet għal sistemi operattivi klijent-server, bl-użu ta’ standards minn sors miftuħ, li jiżviluppaw l-elementi Ewropej għal akkoppjament tal-grilja, pereżempju routers;

108.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta legali għal sistema ta' rotot tal-UE, inkluż l-ipproċessar ta' reġistri ta' dettalji tat-telefonata (CDRs) fil-livell tal-UE li għandha sservi ta' sottostruttura tal-internet attwali u li ma għandhiex tmur lil hinn mill-fruntieri tal-UE; jinnota li d-data kollha dwar ir-rotot u s-CDRs għandha tiġi pproċessata skont oqfsa legali tal-UE;

109.  Jistieden lill-Istati Membri, b’kooperazzjoni mal-ENISA, iċ-Ċentru taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol, is-CERTs u l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data u l-unitajiet taċ-ċiberkriminalità, jiżviluppaw kultura ta’ sigurtà u jvaraw kampanja ta’ edukazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu għażla aktar infurmata dwar liema data personali jpoġġu fuq l-Internet u kif jistgħu jipproteġuha aħjar, inkluż permezz tal-ikkriptar u l-cloud computing sikur, billi jagħmlu użu sħiħ mill-pjattaforma ta’ informazzjoni ta’ interess pubbliku li tipprovdi għaliha d-Direttiva Servizz Universali;

110.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, sa Diċembru 2014, tressaq proposti leġiżlativi tinkoraġġixxi lill-manifatturi tas-softwer u tal-ħardwer jintroduċu aktar karatteristiċi ta' sigurtà u privatezza fid-disinn u awtomatiċi fil-prodotti tagħhom, inkluż billi tintroduċi diżinċentivi għall-ġbir żejjed u sproporzjonat ta' dejta personali tal-massa uresponsabbiltà legali min-naħa tal-manifatturi għall-vulnerabbiltajiet magħrufa mingħajr softwer maħsub biex jirranġahom, prodotti difettużi jew mhux siguri jew l-installazzjoni ta’ backdoors sigrieti li jippermettu l-aċċess mhux awtorizzat għad-data u l-ipproċessar tagħha; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li twaqqaf skema ta’ ċertifikazzjoni jew validazzjoni għall-ħardwer tal-IT inkluż proċeduri ta’ ttestjar fuq livell tal-UE biex tiġi żgurata l-integrità u s-sigurtà tal-prodotti;

Bini mill-ġdid tal-fiduċja

111.  Jemmen li, lil hinn mill-ħtieġa ta' tibdil leġiżlattiv, l-inkjesta wriet il-ħtieġa li l-Istati Uniti terġa’ tibni l-fiduċja mas-sħab tagħha tal-UE, peress li huma l-attivitajiet tal-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti huma li huma primarjament involuti;

112.  Jinnota li l-kriżi tal-fiduċja li ġiet iġġenerata testendi:

   għall-ispirtu ta’ kooperazzjoni fi ħdan l-UE, peress li xi attivitajiet tal-intelligence nazzjonali jistgħu jipperikolaw l-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni;
   għaċ-ċittadini, li jirrealizzaw li mhux biss pajjiżi terzi jew kumpaniji multinazzjonali iżda wkoll il-gvern tagħhom stess jista’ jkun qed jispjuna fuqhom;
   għar-rispett għad-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif ukoll il-kredibbiltà tas-salvagwardji u s-superviżjoni demokratiċi, ġudizzjarji u parlamentari f’soċjetà diġitali;

Bejn l-UE u l-Istati Uniti

113.  Ifakkar fis-sħubija storika u strateġika importanti ta' bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati Uniti, ibbażata fuq twemmin komuni fid-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

114.  Jemmen li s-sorveljanza tal-massa taċ-ċittadini u l-ispjunaġġ fuq il-mexxejja politiċi mill-Istati Uniti kkawżaw ħsara serja lir-relazzjonijiet ta' bejn l-UE u l-Istati Uniti u ħallew impatt negattiv fuq il-fiduċja fl-organizzazzjonijiet tal-Istati Uniti li jaġixxu fl-UE; dan huwa aggravat aktar minħabba n-nuqqas ta’ rimedji ġudizzjarji u amministrattivi għar-riparazzjoni taħt il-liġi tal-Istati Uniti għaċ-ċittadini tal-UE, b’mod partikolari f’każijiet ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza għal finijiet ta’ intelligence;

115.  Jirrikonoxxi, fid-dawl tal-isfidi globali li qed jiffaċċjaw lill-UE u lill-Istati Uniti, li s-sħubija transatlantika jeħtieġ li tissaħħaħ aktar, u li huwa vitali li l-kooperazzjoni transatlantika fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tibqa’ għaddejja fuq bażi ġdida ta’ fiduċja bbażata fuq ir-rispett komuni veru għall-istat tad-dritt u ċ-ċaħda tal-prattiċi kollha indiskriminatorji tas-sorveljanza tal-massa; jinsisti, għaldaqstant, li jridu jittieħdu miżuri ċari mill-Istati Uniti biex din terġa’ tistabbilixxi l-fiduċja u tenfasizza mill-ġdid il-valuri bażiċi komuni li huma l-bażi tas-sħubija;

116.  Jinsab lest li jidħol fi djalogu mal-kontrapartijiet tal-Istati Uniti ħalli, fid-dibattitu pubbliku u kungressjonali Amerikan li għadu għaddej fuq ir-riforma tas-sorveljanza u r-rieżami tas-surperviżjoni tal-intelliġenza, id-dritt għall-privatezza u drittijiet oħra taċ-ċittadini, tal-UE, tar-residenti tal-UE jew persuni oħra protetti mid-dritt tal-UE u drittijiet ta' informazzjoni ekwivalenti u l-protezzjoni tal-privatezza fil-qrati tal-Istati Uniti, inkluża r-riparazzjoni ġuridika, jiġu ggarantiti permezz ta', pereżempju, reviżjoni tal-Att dwar il-Privatezza u l-Att dwar il-Privatezza tat-Telekomunikazzjonijiet Elettroniċi u billi jiġi rratifikat l-Ewwel Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), ħalli d-diskriminazzjoni attwali ma tiġix ipperpetwatal

117.  Jinsisti li jiġu implimentati r-riformi meħtieġa u jingħataw garanziji effettivi lill-Ewropej biex jiġi żgurat li l-użu tas-sorveljanza u l-ipproċessar tad-data għal skopijiet ta’ intelligence barranija jkun proporzjonat, limitat minn kundizzjonijiet speċifikati b'mod ċar, u relatat ma’ suspett raġonevoli u kawża probabbli ta’ attività terroristika; jenfasizza li din il-fini għandha tkun suġġetta għas-sorveljanza ġudizzjarja trasparenti;

118.  Iqis li sinjali politiċi ċari huma meħtieġa minn sħabna l-Amerikani biex juru li l-Istati Uniti tiddistingwi bejn alleati u avversarji;

119.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE u lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti jindirizzaw, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin fuq Ftehim Ġeneriku bejn l-UE u l-Istati Uniti, dwar it-trasferiment tad-data għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, id-drittijiet ta’ informazzjoni u ta’ rimedju ġudizzjarju taċ-ċittadini tal-UE, u jikkonkludu dawn in-negozjati, skont l-impenn li sar fil-Laqgħa Ministerjali tal-Ġustizzja u l-Intern bejn l-UE u l-Istati Uniti fit-18 ta’ Novembru 2013, qabel is-sajf tal-2014,;

120.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Uniti taderixxi mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (Konvenzjoni 108), peress li aderixxiet mal-Konvenzjoni tal-2001 dwar iċ-Ċiberkriminalità, u b’hekk issaħħaħ il-bażi ġuridika komuni bejn l-alleati transatlantiċi;

121.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jesploraw il-possibbiltajiet li jiġu stabbiliti mal-Istati Uniti kodiċi ta’ kondotta li jiggarantixxu li ma jitwettaq l-ebda spjunaġġ tal-Istati Uniti kontra istituzzjonijiet u faċilitajiet tal-UE;

Fi ħdan l-Unjoni Ewropea

122.  Jemmen ukoll li l-involviment u l-attivitajiet tal-Istati Membri tal-UE wasslu għal telf ta’ fiduċja, inkluż fost l-Istati Membri u bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet tal-Istati Membri tagħhom; huwa tal-fehma li huwa biss permezz taċ-ċarezza sħiħa fir-rigward tal-finijiet u l-mezzi ta’ sorveljanza, id-dibattitu pubbliku u, finalment, ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni, inkluż it-tmiem tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-massa u tissaħħaħ is-sistema ta’ sorveljanza ġudizzjarja u parlamentari, li tista’ terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja mitlufa; itenni d-diffikultajiet fl-iżvilupp ta' politiki tas-sigurtà tal-UE komprensivi b'tali attivitajiet ta' sorveljanza tal-massa li huma operattivi, u jenfasizza li l-prinċipju tal-UE ta' kooperazzjoni leali jirrikjedi li l-Istati Membri jżommu lura milli jwettqu attivitajiet ta' intelligence fit-territorju ta' Stati Membri oħra;

123.  Jinnota li xi Stati Membri tal-UE qed isegwu komunikazzjoni bilaterali mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti dwar allegazzjonijiet ta’ spjunaġġ, u li xi wħud minnhom ikkonkludew (ir-Renju Unit) jew jipprevedu li jikkonkludu (il-Ġermanja, Franza) hekk imsejħa arranġamenti ‘ta' kontra l-ispjunaġġ’; jenfasizza li dawn l-Istati Membri jeħtieġ li josservaw bis-sħiħ l-interessi u l-qafas leġiżlattiv tal-UE kollha kemm hi; jidhirlu li tali arranġamenti bilaterali huma kontroproduttivi u irrelevanti, minħabba l-ħtieġa ta' approċċ Ewropew għal din il-problema; jitlob lill-Kunsill jinforma lill-Parlament dwar żviluppi mill-Istati Membri dwar arranġament reċiproku kontra l-ispjunaġġ fl-UE kollha;

124.  Iqis li tali arranġamenti m’għandhomx jiksru t-Trattati tal-Unjoni, b’mod speċjali l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (skont l-Artikolu 4(3) tat-TUE), jew jimminaw il-politiki tal-UE b’mod ġenerali u, b’mod aktar speċifiku, is-suq intern, il-kompetizzjoni ġusta, u l-iżvilupp ekonomiku, industrijali u soċjali; jiddeċiedi li jirrieżamina kwalunkwe tali arranġamenti għall-kompatibilità tagħhom mad-dritt Ewropew u jirriserva d-dritt li jattiva l-proċeduri tat-Trattati fil-każ li jiġi ppruvat li tali arranġamenti jikkontradixxu l-koeżjoni tal-Unjoni jew il-prinċipji fundamentali li fuqhom hija bbażata;

125.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz biex jiżguraw kooperazzjoni aħjar bil-ħsieb li jipprovdu salvagwardji kontra l-ispjunaġġ, b'kooperazzjoni mal-korpi u l-aġenziji tal-UE rilevanti, għall-protezzjoni taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE, il-kumpaniji Ewropej, l-industrija tal-UE, u infrastruttura u netwerks tal-IT, kif ukoll riċerka Ewropea; iqis l-involviment attiv tal-partijiet interessati tal-UE bħala prekundizzjoni biex iseħħ skambju effettiv tal-ambjent; jirrimarka li t-theddid għas-sigurtà saru aktar internazzjonali, mifruxa u kumplessi, u b'hekk jirrikjedu kooperazzjoni Ewropea msaħħa; jemmen li dan l-iżvilupp għandu jiġi rifless aħjar fit-Trattati, u għalhekk jitlob li ssir reviżjoni tat-Trattati bil-għan li jiġi msaħħaħ il-kunċett tal-kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-Unjoni fir-rigward tal-objettiv li jiġi realizzat spazju ta' sigurtà u li jiġi pprevenut l-ispjunaġġ reċiproku bejn l-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni;

126.  Jikkonsidra li strutturi ta’ komunikazzjoni reżistenti għall-ittappjar (il-posta elettronika u t-telekomunikazzjonijiet, inkluż linji fissi u telefowns ċellulari) u kmamar għal-laqgħat reżistenti għall-ittappjar fl-istituzzjonijiet rilevanti kollha tal-UE u d-delegazzjonijiet tal-UE huma bżonn assolut; għaldaqstant jitlob għall-istabbiliment ta’ sistema kkriptata ta’ posta elettronika interna tal-UE;

127.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħtu l-approvazzjoni tagħhom mingħajr aktar dewmien għall-proposta adottata mill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Mejju 2012 għal regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (95/167/KE, Euratom, KEFA) ippreżentata abbażi tal-Artikolu 226 tat-TFUE; jitlob li ssir reviżjoni tat-Trattat bil-għan li tali setgħat ta' inkjesta jiġu estiżi biex ikopru, mingħajr restrizzjonijiet jew eċċezzjonijiet, l-oqsma kollha tal-kompetenza jew attività tal-Unjoni u biex tiġi inkluża l-possibilità ta' interrogazzjoni taħt ġurament;

Internazzjonalment

128.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, sa mhux iżjed tard minn Jannar 2015, strateġija tal-UE għall-governanza demokratika tal-internet;

129.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu s-sejħa tal-35 Konferenza Internazzjonali tal-Kummissarji tal-Protezzjoni tad-Data u l-Privatezza ‘biex issir talba għall-adozzjoni ta’ protokoll addizzjonali mal-Artikolu17 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li għandu jkun ibbażat fuq l-istandards li ġew żviluppati u approvati mill-Konferenza Internazzjonali u d-dispożizzjonijiet fil-Kumment Ġenerali Nru 16 tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Patt sabiex jinħolqu standards applikabbli fil-livell globali għall-protezzjoni tad-data u l-protezzjoni tal-privatezza skont l-istat tad-dritt’; jistieden lill-Istati Membri jinkludu f’dan l-eżerċizzju talba għal aġenzija tan-NU biex tkun responsabbli, b’mod partikolari, għall-monitoraġġ tat-tfaċċar ta’ għodod ta’ sorveljanza u r-regolamentazzjoni u l-investigazzjoni tal-użu tagħhom; jistieden lir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jieħdu pożizzjoni proattiva;

130.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija koerenti u b'saħħitha fi ħdan in-NU, li tappoġġja b'mod partikolari r-riżoluzzjoni dwar "id-dritt għall-privatezza fl-era diġitali" li nbdiet mill-Brażil u l-Ġermanja, kif adottata mit-Tielet Kumitat tal-Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU (il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem) fis-27 ta' Novembru 2013, kif ukoll jieħdu azzjoni ulterjuri għad-difiża tad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta f'livell internazzjonali filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe faċilitazzjoni ta' kontroll jew ċensura mill-istat jew il-frammentazzjoni tal-internet, inkluża inizjattiva għal trattat internazzjonali li jkun jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sorveljanza tal-massa u aġenzija għas-superviżjoni tagħha;

Pjan ta’ Prijorità: ‘Habeas Corpus Diġitali Ewropew - il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali f’era diġitali’

131.  Jiddeċiedi li jressaq liċ-ċittadini, lill-Istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE r-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq bħala Pjan ta’ Prijorità għal-leġiżlatura li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji msemmija f’din ir-riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 265 tat-TFUE, jaġixxu skont ir-rakkomandazzjonijiet u t-talbiet u l-istediniet kif jinsabu f’din ir-riżoluzzjoni;

132.  Jiddeċiedi li jvara "Habeas Corpus Diġitali Ewropew - il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali f’era diġitali" bit-8 azzjonijiet li ġejjin, li tal-implimentazzjoni tagħhom se jwettaq superviżjoni:

   Azzjoni 1: L-adozzjoni tal-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-2014;
   Azzjoni 2: Il-konklużjoni tal-Ftehim Ġeneriku bejn l-UE u l-Istati Uniti li jiggarantixxi d-dritt fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data u li jiżgura mekkaniżmi ta’ rimedju xierqa għaċ-ċittadini tal-UE, inkluż fil-każ ta’ trasferimenti ta’ data mill-UE lejn l-Istati Uniti għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi;
   Azzjoni 3: Is-sospensjoni tas-Safe Harbour sakemm jitwettaq rieżami sħiħa u l-lakuni attwali jiġu rimedjati, sabiex jiġi żgurat li t-trasferimenti ta’ data personali għal skopijiet kummerċjali mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti jistgħu jseħħu biss b'osservanza tal-ogħla standards tal-UE;
   Azzjoni 4: Is-sospensjoni tal-ftehim TFTP sa meta: (i) in-negozjati tal-Ftehim Ġeneriku jkunu ġew konklużi; (ii) tkun ġiet konkluża investigazzjoni bir-reqqa abbażi ta’ analiżi mill-UE u t-tħassib kollu mqajjem mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2013 jkun ġie indirizzat kif għandu jkun;
   Azzjoni 5: Il-valutazzjoni ta' kwalunkwe ftehim, mekkaniżmu jew skambju ma’ pajjiżi terzi li jinvolvi d-data personali biex jiġi żgurat li d-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali ma jinkisirx minħabba attivitajiet ta’ sorveljanza, u jittieħdu l-azzjonijiet ta’ segwitu meħtieġa;
   Azzjoni 6: Il-protezzjoni tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, (inkluż mit-theddid lil-libertà tal-istampa), id-dritt li l-pubbliku jirċievi informazzjoni imparzjali u l-kunfidenzjalità professjonali (inklużi r-relazzjonijiet ta’ bejn avukat u klijent), kif ukoll l-iżgurar ta' protezzjoni msaħħa għall-iżvelaturi;
   Azzjoni 7: L-iżvilupp ta’ strateġija Ewropea għal indipendenza akbar tal-IT (“qbil ġdid diġitali”) inkluża l-allokazzjoni ta’ riżorsi adegwati fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE) bil-għan li tingħata spinta lill-industrija tal-IT u l-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu jisfruttaw il-vantaġġ kompettittiv tal-privatezza tal-UE;
   Azzjoni 8: L-iżvilupp tal-UE bħala attur ta’ referenza għal governanza demokratika u newtrali tal-internet;

133.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jippromwovu l-"Habeas Korpus Diġitali Ewropew" li jipproteġi d-drittijiet fundamentali f'era diġitali; jintrabat li jaġixxi bħala d-difensur tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, bl-iskeda li ġejja biex jimmonitorja l-implimentazzjoni:

   April 2014-Marzu 2015: grupp ta’ monitoraġġ ibbażat fuq it-tim tal-Inkjesta LIBE responsabbli għall-monitoraġġ ta’ kwalunkwe rivelazzjoni ġdida li jkollha x’taqsmu mal-mandat tal-Inkjesta u għall-iskrutinju tal-implimentazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni;
   Lulju 2014 ’il quddiem: mekkaniżmu ta’ sorveljanza permanenti għat-trasferimenti tad-data u għal rimedji ġudizzjarji fi ħdan il-kumitat kompetenti;
   Rebbiegħa 2014: sejħa formali lill-Kunsill Ewropew biex jinkludu l-“Habeas Corpus Diġitali Ewropew - il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali f’era diġitali” - fil-linji gwida li għandhom jiġu adottati taħt l-Artikolu 68 tat-TFUE;
   Ħarifa 2014: impenn li l-“Habeas Corpus Diġitali Ewropew - il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali f’era diġitali” u r-rakkomandazzjonijiet relatati se jservu ta’ kriterji ewlenin għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni li jmiss;
   2014: konferenza li tiġbor flimkien esperti Ewropej ta’ livell għoli fl-oqsma varji li jwasslu għas-sigurtà tal-IT (inklużi l-matematika, il-kriptografija u t-teknoloġiji li jtejbu l-privatezza) biex tgħin biex titrawwem strateġija tal-IT tal-UE għat-term leġiżlattiv li jmiss;
   2014-2015: grupp tal-Fiduċja/Data/Drittijiet taċ-Ċittadini li għandu jissejjaħ għal laqgħat fuq bażi regolari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress Amerikan, kif ukoll mal-parlamenti ta’ pajjiżi terzi impenjati oħra, inkluż il-Brażil;
   2014-2015: konferenza mal-korpi ta’ sorveljanza tal-intelligence tal-parlamenti nazzjonali Ewropej;

o
o   o

134.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data, lill-KEPD, lill-eu-LISA, lill-ENISA, lill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika, lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil, u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

135.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex jindirizza lill-Parlament f'sessjoni plenarja dwar il-materja sena wara l-adozzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni; iqis li huwa essenzjali li jiġi vvalutat kemm ikunu ġew segwiti r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament u li jiġi analizzat kwalunkwe każ fejn tali rakkomandazzjonijiet ma jkunux ġew segwiti;

(1) http://www.un.org/en/documents/udhr/
(2) http://daccess-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/G10/134/10/PDF/G1013410.pdf?OpenElement
(3) http://www.ohchr.org/Documents/HRBodies/HRCouncil/RegularSession/Session23/A.HRC.23.40_EN.pdf
(4) http://www.venice.coe.int/webforms/documents/CDL-AD(2007)016.aspx
(5) La Fédération Internationale des Ligues des Droits de l’Homme u La Ligue française pour la défense des droits de l’Homme et du Citoyen v. X; Tribunal de Grande Instance ta’ Pariġi.
(6) Kawżi minn Privacy International u Liberty fit-Tribunal tas-Setgħat Investigattivi.
(7) Applikazzjoni konġunta Skont l-Artikolu 34 minn Big Brother Watch, Open Rights Group, English PEN Dr Constanze Kurz (applikanti) - v - ir-Renju Unit (konvenut).
(8) ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1.
(9) ĠU C 121, 24.4.2001, p. 152.
(10) http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/wpdocs/2000/wp32en.pdf
(11) ĠU L 204, 4.8.2007, p. 18.
(12) ĠU L 215, 11.8.2012, p. 5.
(13) SEC(2013)0630, 27.11.2013.
(14) Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón, tat-12 ta’ Diċembru 2013, Kawża C-293/12.
(15) ĠU L 195, 27.7.2010, p. 3.
(16) ĠU L 181, 19.7.2003, p. 34
(17) ĠU L 309, 29.11.1996, p.1.
(18) Dokument tal-Kunsill 16987/2013.
(19) ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 221.
(20) ĠU C 16 E, 22.1.2004, p. 88.
(21) Testi adottati, P7_TA(2013)0203.
(22) Testi adottati, P7_TA(2013)0322.
(23) Testi adottati, P7_TA(2013)0444.
(24) Testi adottati, P7_TA(2013)0449.
(25) Testi adottati, P7_TA(2013)0535.
(26) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 156.
(27) Klayman et al. v Obama et al., Azzjoni Ċivili Nru 13-0851, 16 ta’ Diċembru 2013.
(28) ACLU v. NSA Nru 06-CV-10204, 17 ta’ Awwissu 2006.
(29) http://consortiumnews.com/2014/01/07/nsa-insiders-reveal-what-went-wrong.
(30) Sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982 fil-Kawża C-155/79, AM & S Europe Limited v Kummissjoni Ewropea
(31) b’mod partikolari l-Kawżi Konġunti C-6/90 u C-9/90, Francovich u oħrajn v. l-Italja, sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991.
(32) ĠU L 28, 30.1.2013, p. 12.
(33) ĠU L 2, 4.1.2002, p. 13.
(34) L-ittra tiddikjara li “Il-gvern tal-Istati Uniti jfittex u jottjeni informazzjoni finanzjarja... [li] tinġabar permezz ta’ kanali regolatorji, ta’ nfurzar tal-liġi, diplomatiċi u ta’ intelligence, kif ukoll permezz ta’ skambji ma’ sħab barranin” u li “il-gvern tal-Istati Uniti qed juża t-TFTP sabiex jikseb data tas-SWIFT li ma nistgħux niksbu minn għejun oħra”;
(35) http://www.privacycommission.be/fr/news/les-instances-europ%C3%A9ennes-charg%C3%A9es-de-contr%C3%B4ler-le-respect-de-la-vie-priv%C3%A9e-examinent-la
(36) ĠU L 181, 19.7.2003, p. 25.
(37) COM(2012)0011, 25.1.2012.
(38) COM(2012)0010, 25.1.2012.
(39) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/mt/genaff/139197.pdf
(40) Nru 1 BvR 518/02 tal-4 ta’ April 2006.
(41) Sentenza fil-Kawża C-300/11, ZZ v Secretary of State for the Home Department, 4 ta’ Ġunju 2013
(42) Il-“programm 9-eyes” jikkonsisti fl-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Kanada, l-Awstralja, in-New Zealand, id-Danimarka, Franza, in-Norveġja u l-Pajjiżi l-Baxxi; il-“programm 14-eyes” jinkludi dawn il-pajjiżi kif ukoll il-Ġermanja, il-Belġju, l-Italja, Spanja u l-Isvezja.
(43) Il-Prinċipji Globali dwar is-Sigurtà Nazzjonali u d-Dritt għall-Informazzjoni, Ġunju 2013.
(44) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi u t-Taħriġ (Europol) Testi adottati, P7_TA(2014)0121).

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Settembru 2017Avviż legali