Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2832(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0090/2014

Dibattiti :

OJ 18/09/2014 - 33

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P8_TA(2014)0022

Testi adottati
PDF 312kWORD 82k
Il-Ħamis, 18 ta' Settembru 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan
P8_TA(2014)0022B8-0090, 0091, 0093, 0095, 0096 u 0099/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan (2014/2832(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Ażerbajġan, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' April 2012 li jinkludu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Azerbajġan(1) u tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-każ ta' Ilgar Mammadov(2) ,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-15 ta' Mejju 2012 mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu "Inwettqu politika ġdida Ewropea tal-Viċinat" (JOIN(2012)0014),

–  wara li kkunsidra r-rapport 2013 tal-Kummissjoni dwar il-progress magħmul mill-Azerbajġan fl-ambitu tal-PEVtas-27 ta' Marzu 2014 (SWD(2014)0070),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni UE-Azerbajġan dwar il-PEV,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Awwissu 2014 tal-kelliema tal-Viċi President/tar-Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) u tal-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, Stefan Fule, dwar l-arrest ta' Leyla Yunus,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Awwissu 2014 tal-kelliem tal-VP/RGħ dwar l-arrest ta' Rasul Jafarov,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tal-14 ta' Awwissu 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili fl-Azerbajġan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula fit-8 ta' Settembru 2014 f'Baku mill-Kummissarju Fule dwar ir-rwol kruċjali li żvolġiet is-soċjetà ċivili fis-Sħubija tal-Lvant u l-aħbar ta' programm ġdid ta' appoġġ mill-UE għas-soċjetà ċivili fl-Azerbajġan, li jipprevedi l-għotja ta' EUR 3 miljun fl-2014-2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Awwissu 2014 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Thorbjørn Jagland, dwar l-arrest ta' Leyla Yunus, id-direttur tal-Istitut għall-Paċi u d-Demokrazija fl-Azerbajġan,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Baku adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE waqt is-sessjoni annwali tagħha bejn it-28 ta' Ġunju u t-2 ta' Lulju 2014, li tesprimi tħassib dwar l-użu ħażin ta' proċeduri amministrattivi u leġiżlazzjoni biex jinżammu, jintefgħu l-ħabs, jiġu intimidati jew b'xi mod imsikkta d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-kritiċi f'diversi Stati parteċipanti tal-OSKE,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-KE u l-Azerbajġan, li daħal fis-seħħ fl-1999, kif ukoll in-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn iż-żewġ partijiet għal ftehim ġdid li għandu jieħu post dak eżistenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-klima ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan ilha sejra lura għal dawn l-aħħar ftit snin, u fl-aħħar xhur eskalat bil-kbir b'repressjoni, pressjoni u intimidazzjoni mill-gvern fil-konfront tal-NGOs, attivisti tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi mill-aħħar ta' Lulju 'l hawn il-gvern poġġa fil-mira xi wħud mill-aktar difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u tefagħhom il-ħabs apparentement fuq akkużi motivati politikament, b'referenza partikolari għall-każijiet ta' Leyla Yunus, id-direttur ċelebri tal-Istitut għall-Paċi u d-Demokrazija, u żewġha, l-istoriku Arif Yunus, u Rasul Jafarov, il-president tal-Klabb tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Azerbajġan;

C.  billi l-president tas-Soċjetà tal-Edukazzjoni Ġuridika tal-Azerbajġan, Intigam Aliyev, avukat tad-drittijiet tal-bniedem li ddefenda aktar minn 200 kawża quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-oqsma tal-ksur tal-libertà tal-kelma, id-dritt għal proċess ġust u d-dritt elettorali fl-Azerbajġan, ġie arrestat fit-8 ta' Awwissu 2014 u soġġett għal arrest ta' tliet xhur fuq akkużi kriminali, inċident li jikkonferma t-tendenza ġenerali li d-difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż jiġu msikkta u proċessati;

D.  billi ġie rapportat li Leyla Yunus ġiet soġġetta għal atti ta' vjolenza fil-ħabs, imwettqa minn priġuniera fl-istess ċella, u li ma ttieħdu l-ebda miżuri biex tiġi kkastigata din il-priġuniera jew biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-Sa Yunus; billi għalkemm fil-ħabs saħħet is-Sa Yunus marret lura, ma ngħatatilhiex kura medika xierqa;

E.  billi fis-26 ta' Mejju 2014 Anara Mammadli, president tal-Election Monitoring and Democracy Studies Centre (EMDS), u Bashir Suleymanli, direttur tal-istess ċentru, ingħataw sentenzi ta' ħabs ta' 5 snin u 6 xhur, u ta' 3 snin u 6 xhur, rispettivament, fuq akkużi li jvarjaw minn evażjoni tat-taxxa għal intraprenditorija illegali;

F.  billi fl-istess waqt, 8 attivisti tal-moviment taż-żgħażagħ mhux governattiv NIDA ġew ikkundannati fuq akkużi ta' vandaliżmu, pussess tad-droga u pussess ta' splussiv, kif ukoll il-ħsieb li jikkawżaw diżordni pubbliku u, barra minn hekk, l-attivisti tal-midja soċjali Omar Mammadov, Abdul Abilov u Elsever Murselli ġew ikkundannati għal bejn 5 snin u 5 snin u nofs ħabs fuq akkużi ta' pussess ta' droga, u ħadd minnhom ma kellu aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom filwaqt li lkoll ilmentaw minn trattament ħażin fil-kustodja tal-puliżija;

G.  billi ħafna ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti oħrajn qed jiffaċċjaw akkużi fil-qorti miġjuba kontrihom fl-Azerbajġan, inkluż Hasan Huseynli, kap tal-Intelligent Citizen Enlightenment Centre Public Union, li ngħata sentenza ta' 6 snin ħabs fl-14 ta' Lulju 2014, u Rauf Mirkadirov, ġurnalist investigattiv ma' "Zerkalo", il-ġurnal ewlieni bil-lingwa Russa, li jinsab miżmum fuq arrest preventiv fuq akkużi ta' tradiment; billi fit-8 ta' Awwisu 2014 il-pulizija għamlet rejd fl-uffiċċji tal-Institute for Reporters' Freedom and Safety (IRFS), NGO ewlenija tad-drittijiet tal-midja fil-pajjiż, immexxija minn Emin Huseynov, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem magħruf u rikonoxxut internazzjonalment; billi figura oħra arrestata reċentement hija dik tal-ġurnalist prominenti tal-oppożizzjoni Seymur Haziyev, akkużat b'vandaliżmu kriminali u miżmum f'arrest preventiv għal xahrejn;

H.  billi dawn il-każijiet isegwu għexieren oħrajn li qed jaffettwaw attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet, ġurnalisti, bloggers u attivisti tal-midja soċjali, li fl-aħħar sentejn sfaw mitfugħin il-ħabs mill-awtoritajiet fuq akkużi foloz simili, bħal vandaliżmu, pussess tad-droga, evażjoni tat-taxxa, u saħansitra tradiment; billi l-mewġa reċenti ta' arresti kellha effett kollaterali serju, hekk kif ġiegħlet għadd ta' attivisti magħrufin jaħarbu mill-pajjiż jew jistaħbew;

I.  billi l-ġurnal indipendenti Azerbajġani "Azadliq" ġie mġiegħel jissospendi l-pubblikazzjoni minħabba allegati problemi finanzjarji, wara li preċedentement kellu jiffaċċja pressjoni uffiċjali, apparentement b'rabta mar-rapportar tiegħu dwar il-korruzzjoni;

J.  billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tat diversi sentenzi f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan, l-aktar waħda reċenti fit-22 ta' Mejju 2014 fil-każ ta' Ilgar Mammadov, president tal-moviment ċiviku Republican Alternative (REAL); billi minkejja s-sentenza tal-Qorti li l-arrest kien motivat politikament, l-awtoritajiet irrifjutaw li jeħilsuh;

K.  billi ilu mill-2006 li hemm projbizzjoni effettiva fuq protesti paċifiċi fiċ-ċentru ta' Baku, u reċentement ġew introdotti multi ġodda ħorox u perjodi itwal ta' detenzjoni amministrattiva għal dawk li jorganizzaw jew jipparteċipaw f'laqgħat pubbliċi mhux awtorizzati;

L.  billi l-awtoritajiet Azerbajġani injoraw l-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta' Venezja) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-liġijiet relatati mal-libertà ta' assoċjazzjoni, il-partiti politiċi u l-protezzjoni mid-diffamazzjoni; billi, barra minn hekk, ftit taw każ il-konklużjonijiet tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjarat tiegħu fil-pajjiż;

M.  billi fi Frar 2014 il-President Aliyev iffirma emendi ulterjuri għal-Liġi tal-NGOs, li issa tagħti lill-awtoritajiet poteri addizzjonali għas-sospensjoni temporanja jew il-projbizzjoni permanenti ta' NGOs nazzjonali jew barranin fl-Azerbajġan, u tintroduċi reati ġodda li jġorru kundanna ta' multi, li issa żdiedu għal AZN 2 500 – 3 000 (madwar EUR 2 600 – 3 100) għall-NGOs u AZN 1 000 – 2 000 (madwar EUR 1 000 – 2 000) għad-diretturi ta' NGOs nazzjonali u barranin;

N.  billi l-kont tal-bank tal-union pubblika Oil Workers’ Rights Protection Organisation, ibbażata f'Baku, u dak tal-mexxejja tagħha, Gahramanova Mirvari Uzeyir, ġew iffriżati wara deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali Baku City Nasimi fit-8 ta' Lulju 2014;

O.  billi l-Azerbajġan huwa membru tal-Kunsill tal-Ewropa u firmatarju tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

P.  billi fl-14 ta' Mejju 2014 l-Azerbajġan assuma l-presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa;

1.  Jenfasizza li r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt jinsab fil-qofol tal-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan is-SL, u tal-impenji magħmula mill-Azerbajġan fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE;

2.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-arrest u ż-żamma ta' Leyla Yunus, Arif Yunus, Rasul Jafarov, Intigam Aliyev u Hasan Huseyni, u jesiġi l-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tagħhom kif ukoll l-irtirar tal-akkużi kollha miġjuba kontrihom; jitlob investigazzjoni immedjata u fil-fond rigward l-attakk fuq Ilqar Nasibov, u jappella biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet fl-Azerbajġan biex jiggarantixxu l-integrità fiżika u psikoloġika ta' Leyla Yunus, Arif Yunusov u d-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan, u jiżguraw li jingħataw kura medika xierqa, bħal mediċini u kura fi sptar;

4.  Itenni l-appell tiegħu lill-gvern Azerbajġani biex jieħu passi konkreti biex, bi prijorità urġenti, itejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, inkluż billi jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet il-priġunieri politiċi kollha u billi jieqfu l-arresti motivati politikament;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Azerbajġani jieqfu jagħtu fastidju u jintimidaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-politiċi tal-oppożizzjoni u lill-ġurnalisti indipendenti, u jżommu lura milli jxekklu jew jindaħlu fil-ħidma imprezzabbli tagħhom għall-iżvilupp tad-demokrazija fl-Azerbajġan; jistedinhom ukoll jiżguraw li l-persuni kollha arrestati, inklużi l-ġurnalisti u l-attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, igawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom għal proċess ġust, b'mod partikolari l-aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom, l-aċċess għall-familji tagħhom, u r-regoli l-oħrajn ta' proċess ġust;

6.  Jiddeplora l-azzjonijiet meħuda mill-Gvern Azerbajġani biex jinqatgħu l-kuntatti bejn is-soċjetà ċivili, l-attivisti żgħażagħ u l-intellettwali mill-Armenja u l-Azerbajġan, peress li dawn il-kuntatti huma ta' importanza kbira biex tissewwa l-mibegħda storika bejn iż-żewġ pajjiżi; f'dan ir-rigward, ifakkar fil-ħidma importanti li saret f'dan il-qasam minn Leyla Yunus u żewġha Arif;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Azerbajġan jistieden u jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissarju u l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa u mal-proċeduri speċjali tan-NU, fir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika u l-libertà ta' espressjoni u l-arrest arbitrarju, bil-għan li jemenda l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż u jadatta l-prattiki tiegħu skont il-konklużjonijiet tal-esperti;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Azerbajġani biex iwettqu, mingħajr aktar dewmien, ir-riformi fid-drittijiet tal-bniedem li ilhom biex isiru, inkluż il-ħafna impenji li ħa l-Azerbajġan meta ssieħeb fil-Kunsill tal-Ewropa u li għadhom pendenti, u jirrispettaw is-sentenzi kontra l-Azerbajġan li ngħataw mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Azerbajġani jneħħu l-projbizzjoni fuq il-laqgħat pubbliċi fiċ-ċentru ta' Baku u jieqfu jimmultaw dimostranti paċifiċi jew iżommuhom f'arrest amministrattiv;

10.  Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li l-appoġġ tal-UE lir-Repubblika tal-Azerbajġan u l-kooperazzjoni magħha, inklużi n-negozjati li għaddejjin dwar Sħubija Strateġika għall-Modernizzazzjoni, għandhom ikunu marbutin ma' klawżoli relatati mal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fir-rigward tal-libertà tal-midja, inklużi garanziji ta' libertà fuq l-internet u ta' aċċess mingħajr ċensura għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' għaqda;

11.  Jenfasizza li l-kunsens tiegħu għall-iffirmar ta' ftehim ta' sħubija mal-Azerbajġan se jingħata bil-kundizzjoni li jiġu riflessi b'mod sodisfaċenti r-rekwiżiti msemmija hawn fuq, li jinħelsu d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li tiġi rtirata l-leġiżlazzjoni li ċċekken l-operat tas-soċjetà ċivili indipendenti, u li tieqaf ir-repressjoni u l-intimidazzjoni fil-konfront tal-NGOs, tal-midja indipendenti, tal-forzi tal-oppożizzjoni, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti tad-drittijiet tal-minoranzi u tal-attivisti żgħażagħ u tan-netwerks soċjali;

12.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE japplikaw strettament il-prinċipju ta' "aktar għal aktar", billi jiffukaw b'mod speċjali fuq is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (bi qbil mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem), l-arresti arbitrarji u motivati politikament, l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-riformi demokratiċi u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jappella b'mod partikolari biex tiġi eżaminata mill-ġdid il-programmazzjoni tal-ENI, biex b'hekk tinġieb fi tmiemha l-assistenza kollha li mhijiex orjentata strettament lejn id-drittijiet tal-bniedem u/jew is-soċjetà ċivili;

13.  Jiddeplora l-fatt li d-djalogu tad-drittijiet tal-bniedem UE-Azerbajġan ma għamel ebda progress sostanzjali fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jistieden lis-SEAE jtejjeb dan id-djalogu bil-ħsieb li jagħmlu effikaċi u orjentat lejn ir-riżultati, u jirrapporta regolarment lill-Parlament;

14.  Jistieden lill-Gvern tal-Azerbajġan jissimplifika l-proċedura attwali kumplikata u twila għar-reġistrazzjoni tal-NGOs, jintroduċi emendi leġiżlattivi sostanzjali sabiex jitħassru l-miżuri reċenti li jillimitaw il-libertà tal-NGOs li jaċċettaw donazzjonijiet mingħajr ma jkunu reġistrati uffiċjalment, u jirrispeta r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2007)14 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar l-istatus ġuridiku tal-NGOs fl-Ewropa;

15.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jħeġġu lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) biex jistieden lill-awtoritajiet Azerbajġani jwaqqfu r-repressjoni, u jagħmilha ċara li jistennihom, bħala l-organizzaturi tal-Logħob Olimpiku Ewropew li se jsir is-sena d-dieħla, josservaw ir-rekwiżit tal-Karta Olimpika li jirrispettaw il-libertajiet tal-istampa;

16.  Jistieden lis-SEAE japplika bis-sħiħ il-linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u jorganizza laqgħat regolari fl-uffiċċji tad-Delegazzjoni tal-UE f'Baku ma' organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż billi jikkoordina dawn il-laqgħat ma' rappreżentanti mill-Istati Membri tal-UE, u juża dawk il-laqgħat biex jesprimi appoġġ pubbliku għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lis-SEAE jissorvelja mill-qrib il-proċessi u l-proċeduri ġudizzjarji kollha kontra d-d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jirrapporta lill-Parlament dwar il-kwistjoni;

17.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012(3) u jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-possibilità ta' sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jekk dan jibqa' għaddej;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President, il-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Azerbajġan, lis-SEAE, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 36.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0285.
(3) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 91.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Frar 2017Avviż legali