Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2044(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0143/2015

Testi mressqa :

A8-0143/2015

Dibattiti :

PV 18/05/2015 - 17
CRE 18/05/2015 - 17

Votazzjonijiet :

PV 19/05/2015 - 5.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0196

Testi adottati
PDF 408kWORD 154k
It-Tlieta, 19 ta' Mejju 2015 - Strasburgu
Finanzjament għall-Iżvilupp
P8_TA(2015)0196A8-0143/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (2015/2044(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dokumenti dwar l-eżitu tal-Ewwel u t-Tieni Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, b'mod partikolari l-Kunsens ta' Monterrey tal-2002 u d-Dikjarazzjoni ta' Doha tal-2008,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet Nri 68/204 u 68/279 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar it-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li se ssir f'Addis Ababa (l-Etjopja) bejn it-13 u s-16 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokument "Elementi" tal-21 ta’ Jannar 2015 ippreżentat mill-Kopresidenti tal-Proċess ta' Tħejjija għat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU ta' Diċembru 2014 dwar l-Aġenda għal Wara l-2015, intitolat "It-Triq lejn id-Dinjità sal-2030: Neqirdu l-Faqar, Nittrasformaw il-Ħajjiet kollha u Nħarsu l-Pjaneta",

–  wara li kkunsidra r-rapport adottat f'Awwissu 2014 mill-Kumitat Intergovernattiv ta' Esperti dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Lulju 2014 tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-UNCTAD intitolat "Rapport dwar l-Investiment Dinji 2014 – Ninvestu fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli: Pjan ta' Azzjoni"(1),

–  wara li kkunsidra d-dokument dwar l-eżitu tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) ta' Ġunju 2012, "Il-Ġejjieni li Rridu",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU intitolata "Lejn l-istabbiliment ta' qafas ġuridiku multilaterali għar-ristrutturar tad-dejn sovran" ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2015 intitolata "Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015" (COM(2015)0044)(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva" (COM(2014)0335)(3),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2013 intitolata "Lil hinn mill-2015: lejn approċċ komprensiv u integrat għall-finanzjament tal-qerda tal-faqar u tal-iżvilupp sostenibbli" (COM(2013)0531)(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2013 bl-isem "Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli" COM(2013)0092)(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar Aġenda trasformattiva għal wara l-2015(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar Il-finanzjament tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli wara l-2015(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta' Diċembru 2014 dwar Rwol aktar b'saħħtu tas-settur privat fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-25 ta' Ġunju 2013 dwar l-Aġenda Globali ta' Wara l-2015(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar is-segwitu tal-Konferenza ta' Monterrey tal-2002 dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-26 ta' Novembru 2014 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2014 – COP 20 f'Lima, il-Perù (1-12 ta' Diċembru 2014)(11); tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp permezz ta' prattiki ta' negozju responsabbli, inkluż ir-rwol tal-industriji estrattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(12); tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(13); tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-Ġlieda kontra l-Frodi tat-Taxxa, l-Evażjoni tat-Taxxa u r-Rifuġji Fiskali(14); u tas-16 ta' April 2013 dwar it-titjib tal-iżvilupp permezz tal-kummerċ(15),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 472/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp (2015)(16),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 TFUE, li jistabbilixxi l-qerda tal-faqar bħala l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u l-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0143/2015),

A.  billi l-2015 hija sena kruċjali għall-isforzi favur l-iżvilupp globali, bl-adozzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-ftehim dwar azzjoni globali dwar il-klima, li t-tnejn li huma se jkunu validi sal-2030;

B.  billi t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li se ssir f'Addis Ababa, fl-Etjopja, mit-13 sas-16 ta' Lulju 2015, trid toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-aġenda għal wara l-2015, u billi s-suċċess ta’ dik l-aġenda se jiġi ddeterminat mil-livell ta' ambizzjoni muri waqt il-konferenza;

C.  billi 1,5 biljun persuna għadhom jgħixu fil-faqar bi privazzjoni fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-istandards tal-għajxien, partikolarment fi stati fraġli u affettwati minn kunflitti; billi dan mhux aċċettabbli, ġaladarba jeżistu biżżejjed riżorsi fid-dinja biex progressivament din is-sitwazzjoni tintemm;

D.  billi l-qerda tal-faqar u l-inugwaljanza tista' tinkiseb biss permezz tal-mobilizzazzjoni ta' riżorsi suffiċjenti u xierqa għal kulħadd, u mmirar aħjar lejn gruppi marġinalizzati, bħal tfal, nisa, anzjani jew persuni b'diżabilità; billi minkejja tnaqqis sinifikanti fl-ammont ta' faqar estrem, il-progress fir-rigward tat-tfal miexi aktar bil-mod, biex b'hekk il-ħtieġa għal investiment fir-rigward tat-tfal – kemm permezz ta' mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi u kemm permezz ta' finanzjament internazzjonali pubbliku – saret fattur fundamentali;

E.  billi ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp sostenibbli mingħajr paċi u sigurtà, kif rikonoxxut mill-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2005;

F.  billi tliet kwarti tal-ifqar nies fid-dinja – li hu stmat li jlaħħqu mad-960 miljun – bħalissa qed jgħixu f'pajjiżi b'introjtu medju, u għalhekk paradigma ġdida dwar l-iżvilupp tirrikjedi li l-programmi jiġu mmirati kemm lejn in-nies foqra u kemm lejn il-pajjiżi foqra;

G.  billi l-istima tal-UNCTAD tal-bżonnijiet finanzjarji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli emerġenti hi ta' madwar USD 3,9 triljun fis-sena, u attwalment jonqos USD 2,5 triljun fis-sena; billi azzjoni dgħajfa fl-aħħar mill-aħħar se tiġi tiswa ħafna iktar minn azzjoni deċiżiva favur żvilupp sostenibbli;

H.  billi d-daqs tal-isfida ta' finanzjament għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jirrikjedi sħubija qawwija u globali u l-użu ta' kull forma ta' finanzjament (minn sorsi domestiċi, internazzjonali, pubbliċi, privati u innovattivi) u ta' mezzi mhux finanzjarji; billi l-finanzjament privat jista' jikkomplementa, iżda mhux jissostitwixxi, il-finanzjament pubbliku;

I.  billi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi u l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) huma sisien insostitwibbli tal-finanzjament għall-iżvilupp li jeħtieġ li jissaħħu;

J.  billi l-potenzjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi huma sinifikanti, iżda fis-sitwazzjoni attwali hemm limiti għal dak li l-pajjiżi jistgħu jwettqu waħedhom; billi r-riżorsi fiskali jibqgħu baxxi bħala proporzjon tal-PGD fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għalhekk huwa essenzjali li jiġu promossi sistemi fiskali ibbilanċjati tajjeb, ġusti u effiċjenti, ibbażati fuq il-kapaċità ta' ħlas ta' kontribwenti u kumpaniji individwali; billi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni tirrikjedi wkoll distribuzzjoni ġusta u trasparenti tal-benefiċċji mir-riżorsi naturali;

K.  billi huma ftit ferm il-pajjiżi żviluppati li qed jissodisfaw l-impenn tagħhom li jipprovdu 0,7 % tad-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) bħala ODA, inkluż bejn 0,15 % u 0,20 % tal-ING lill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati; billi l-Istati Membri li ssieħbu mal-UE fl-2004 jew aktar tard impenjaw ruħhom li jagħmlu ħilithom biex jilħqu l-mira ta' 0,33 % tal-ING, iżda s'issa ħadd minnhom għadu ma laħaq din il-mira;

L.  billi ħafna pajjiżi anqas żviluppati huma vulnerabbli, jew saru vulnerabbli bħala riżultat ta' avvenimenti esterni bħal mhuma kunflitti armati, epidemiji bħall-Ebola, u diżastri naturali, u billi dawn jeħtieġu aktar appoġġ;

M.  billi t-tnaqqis tal-faqar, it-tkabbir ekonomiku u s-sigurtà jiddependu fil-biċċa l-kbira fuq il-ħila ta' stat li jwettaq il-funzjonijiet sovrani tiegħu li jiżgura l-istat tad-dritt u jipprovdi servizzi pubbliċi bażiċi bħall-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sjieda; billi dawn il-pajjiżi għandhom bżonn, b'mod partikolari, ta' aktar appoġġ biex jintroduċu sistemi tas-saħħa robusti;

N.  billi l-aġenda għall-iżvilupp qed issir aktar estensiva u għalhekk huwa importanti li jiġu rikonoxxuti u inċentivati ulterjorment l-isforzi li qed isiru oltre u lil hinn mill-ODA; billi minkejja ċirkostanzi fiskali diffiċli f'ħafna pajjiżi tal-OECD, inżammu livelli għolja ta' ODA li laħqet ċifra rekord ta' USD 134,8 biljun fl-2013; billi l-ODA tista' tkun katalist sabiex tattira l-investiment privat u r-rilevanza ta' strumenti finanzjarji innovattivi f'dan il-kuntest għandha tiġi kkonstata;

O.  billi s-settur privat u l-Investiment Dirett Barrani (IDB), meta jkunu regolati kif xieraq u jiġu kkollegati ma' titjib konkret fl-ekonomija domestika, għandhom potenzjal importanti x'jikkontribwixxu għall-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, kif rifless fil-proposta tal-UNCTAD għal Pjan ta' Azzjoni għal investiment fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

P.  billi l-fluss tal-kapital privat jaffettwa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'ħafna modi differenti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi; billi l-flussi finanzjarji lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw minn sorsi privati huma sinifikanti iżda fil-biċċa l-kbira volatili, mifruxin b'mod irregolari, u li ħafna drabi jkunu assoċjati ma' flussi 'l barra bħar-ripatrijazzjoni ta' qligħ, li mill-2010, saru ogħla minn flussi ġodda 'il ġewwa ta' IDB;

Q.  billi s-soċjetà ċivili tiżvolġi rwol kruċjali fl-iżgurar ta' proċess universali u inklużiv, kemm fil-livell nazzjonali u kemm f'dak globali, u tikkontribwixxi għall-governanza tajba u għar-responsabilità; billi l-assistenza għall-iżvilupp u l-korruzzjoni huma reċiprokament inkompatibbli;

R.  billi hu importanti li jiġi promoss l-użu tas-servizzi bankarji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

S.  billi jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha, bħala l-akbar donaturi ta' għajnuna għall-iżvilupp, imexxu l-proċess ta' finanzjament għall-iżvilupp u jgħinu biex ikun hemm rispons kredibbli għall-isfidi fil-qasam tal-finanzjament għall-iżvilupp, biex b'hekk jiżguraw il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp fi ħdan l-aġenda għal wara l-2015; billi l-pajjiżi żviluppati u emerġenti l-oħrajn għandhom isegwu l-eżempju tal-UE;

Sħubija globali

1.  Jilqa' l-ewwel abbozz preliminari tad-Dokument dwar l-Eżitu tat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, u jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġjawh;

2.  Jilqa' r-Rapport ta' Sinteżi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, u l-approċċ trasformattiv, universali, olistiku u integrat tiegħu lejn sħubija globali ambizzjuża għal għanijiet ta' żvilupp ġodda u l-qafas finanzjarju assoċjat, approċċ li hu ffokat fuq il-qerda tal-faqar, l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jinsisti li, mingħajr mezzi komprensivi u sostanzjali ta' implimentazzjoni, tali sħubija ambizzjuża mhix se tirnexxi;

3.  Iħeġġeġ lill-UE tafferma t-tmexxija politika tagħha matul il-proċess preparatorju lejn id-definizzjoni ta' qafas ta' żvilupp sostenibbli, ftehim imġedded dwar il-finanzjament għall-iżvilupp u mezzi oħra ta' implimentazzjoni, flimkien mal-impenji u l-valuri ddikjarati fit-Trattati fundaturi tagħha; jikkunsidra li l-forniment tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE m'għandux ikun ikkundizzjonat minn donaturi sħab oħrajn;

4.  Jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom iżommu l-pożizzjoni tagħhom bħala donaturi ewlenin tal-għajnuna għall-iżvilupp filwaqt li jinsistu li r-responsabilità tiġi kondiviża; jappella lill-pajjiżi b'introjtu għoli, lill-pajjiżi b'introjtu bejn livell medju u livell għoli u lill-ekonomiji emerġenti biex jieħdu impenji sinifikanti;

5.  Jilqa' l-komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni intitolata "Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015", minħabba l-komprensività tagħha, il-fatt li hi ffokata fuq il-koerenza politika u l-fatt li tikkonferma li l-UE hi impenjata biex tiżvolġi kompletament ir-rwol tagħha f'din is-sħubija globali; jiddispjaċih, madanakollu, li kien hemm ċertu nuqqas ta' impenn fir-rigward tal-kalendarju għall-miri finanzjarji fil-ġejjieni;

Finanzjament pubbliku internazzjonali

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ODA tibqa' strument kruċjali fil-finanzjament għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom mill-ġdid mingħajr dewmien favur il-mira ta' 0,7 % tal-ING għall-ODA, b'50 % tal-ODA u mill-inqas 0,2 % tal-ING riżervati għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, u, filwaqt li jqisu l-limitazzjonijiet baġitarji, jippreżentaw kalendarji baġitarji pluriennali sabiex proporzjonalment javvanzaw għal dawn il-livelli sal-2020; jilqa' l-pożizzjoni soda tal-UE li tiffoka l-isforzi fuq il-kwantità u l-kwalità tal-għajnuna għall-iżvilupp; jappella lis-sħab żviluppati l-oħrajn u lill-pajjiżi emerġenti biex iżidu proporzjonalment l-assistenza tagħhom għall-iżvilupp, u lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkonvinċu lil donaturi pubbliċi u privati madwar id-dinja jonoraw il-wegħdiet finanzjarji tagħhom u jieħdu impenji ġodda; jisħaq fuq il-fatt li d-donaturi kollha għandhom jiżguraw li l-ODA tkun tirrappreżenta trasferimenti ġenwini lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

7.  Jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li l-UE u l-pajjiżi żviluppati l-oħrajn jonoraw l-impenn tagħhom li jipprovdu finanzjament proporzjonalment akbar, ġdid u addizzjonali favur il-klima bil-għan li sal-2020 jilħqu l-għan ta' mobilizzazzjoni konġunta ta' USD 100 biljun fis-sena, minn varjetà wiesgħa ta' sorsi, pubbliċi u privati, bilaterali u multilaterali, u anke minn sorsi alternattivi; jiddeplora n-nuqqas ta' progress li sar fir-rigward tal-addizzjonalità tal-finanzjament favur il-klima mal-ODA; jappella għal sforz internazzjonali konġunt min-naħa tal-pajjiżi żviluppati u l-pajjiżi emerġenti sabiex isibu finanzjament ġdid u addizzjonali favur il-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw – għalkemm mhux b'detriment tal-baġit għall-iżvilupp – fil-ftehim dwar Azzjoni Globali dwar il-Klima li se jiġi konkluż fil-Konferenza ta' Pariġi li se ssir f'Diċembru 2015; jikkunsidra li l-UE għandha tipproponi stadji intermedji fit-triq lejn l-addizzjonalità sħiħa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw id-dħul iġġenerat permezz tas-swieq tal-karbonju għal azzjoni favur il-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella wkoll lill-ekonomiji emerġenti biex jimmobilizzaw finanzjament favur il-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

8.  Jappoġġa sorsi innovattivi għal finanzjament addizzjonali għall-iżvilupp u favur il-klima, inklużi taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, taxxi fuq il-karbonju għas-settur tat-trasport internazzjonali bl-ajru u bil-baħar, u allokazzjoni awtomatika tad-dħul mis-swieq tal-karbonju; jilqa' l-isforzi ulterjuri li qed isiru fil-livell internazzjonali u f'dak Ewropew biex jiġu identifikati sorsi addizzjonali oħra;

9.  Jenfasizza li l-ODA għandha tibqa' l-miżura standard tal-isforzi finanzjarji magħmula; jappoġġa l-introduzzjoni ta' indikatur komplementari tal-appoġġ uffiċjali totali għall-iżvilupp sostenibbli, dejjem sakemm jiġi ċċarat kompletament li dan m'għandu bl-ebda mod jissostitwixxi jew inaqqas l-importanza tal-miżura ODA;

10.  Jikkonstata li, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-ODA tiġi pprovduta fil-forma ta' għotjiet, hu importanti wkoll is-self konċessjonali li però jżid il-piżijiet tad-dejn u jirriskja li jwassal għal "bużżieqa" ta' dejn, b'mod partikolari fl-Afrika sub-Saħarjana u l-pajjiżi tal-Karibew li għandhom dħul limitat għall-manutenzjoni tad-dejn; jappella, għaldaqstant, lid-donaturi biex jagħtu għajnuna lill-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-forma ta' għotjiet; jikkunsidra li s-self konċessjonali jista' ma jkunx xieraq għal investimenti fis-setturi soċjali li ma jkollhomx l-intenzjoni li jiġġeneraw qligħ; jilqa' l-ftehim li ntlaħaq mill-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-OECD (OECD-DAC) għall-modernizzazzjoni tar-rapportar dwar is-self konċessjonali permezz tal-introduzzjoni ta' sistema ta' ekwivalenza mal-għotjiet bl-iskop li jiġu kkalkolati ċ-ċifri tal-ODA;

11.  Jindika li l-UE hija d-donatur ewlieni fid-dinja ta' għajnuna għall-iżvilupp u tirrappreżenta kważi 60 % tal-għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali fuq livell globali; jappella, madanakollu, lill-Kummissjoni biex tipprovdi data ċara u trasparenti dwar is-sehem tal-baġit komplessiv iddedikat għall-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE sabiex ikun jista' jivvaluta s-segwitu mogħti għall-Kunsens ta' Monterrey mid-donaturi Ewropej kollha; jesprimi wkoll id-dispjaċir tiegħu li l-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw tonqsu l-viżibilità u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod ta' komunikazzjoni u ta' informazzjoni xierqa u mmirati sabiex iżżid il-viżibilità tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE;

12.  Jappella lill-UE biex tqis ir-rekwiżiti finanzjarji fit-tul billi tiffavorixxi u tmexxi approċċ aktar strateġiku, ambizzjuż u universali bi qbil mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

13.  Ifakkar fil-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-finanzjament għall-iżvilupp, b'EUR 19,7 biljun għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u EUR 6,8 biljun għall-għajnuna umanitarja bejn l-2014 u l-2020, apparti r-riżerva ta' għajnuna f'emerġenza ta' EUR 2,2 biljun; jindika wkoll il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) bi EUR 30,5 biljun; jargumenta favur il-baġitizzazzjoni tal-FEŻ, li kieku ġġib magħha vantaġġi bħal żieda fit-trasparenza, fil-viżibilità, fl-effiċjenza u fl-effikaċja; jilqa' l-opportunità li joffru r-rieżami postelettorali ta' nofs it-terminu u r-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali biex jitqiesu l-bżonnijiet strutturali dejjem jiżdiedu tas-sokkors umanitarju u l-bżonnijiet fil-qasam tal-iżvilupp tal-aktar pajjiżi foqra u vulnerabbli;

14.  Jikkonstata li l-baġit 2015 jiddedika EUR 2,4 biljun f'impenji (EUR 2,1 biljun f'pagamenti) lill-kooperazzjoni għall-iżvilupp u EUR 928,8 miljun f'impenji (EUR 918,8 f'pagamenti) lill-għajnuna umanitarja; jappoġġa l-passi li ttieħdu biex jitnaqqas l-ammont arretrat ta' kontijiet mhux imħallsa, b'mod partikolari bil-għan li tinżamm il-vijabilità finanzjarja tal-aktar sħab vulnerabbli, u jisħaq fuq l-importanza tal-prinċipju ta' parità bejn l-impenji u l-pagamenti fir-rigward tal-għajnuna umanitarja, peress li l-kriżijiet qegħdin iseħħu b'rata aktar frekwenti u hemm bżonn li l-fondi jinħarġu malajr;

15.  Jappella lill-UE biex tiżgura li n-negozjati rigward l-aġenda għall-iżvilupp globali għal wara l-2015, il-finanzjament għall-iżvilupp u t-tibdil fil-klima jkollhom rabtiet kredibbli mal-Qafas il-ġdid ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskji ta' Diżastri għall-2015-2030 b'mod li tinbena r-reżiljenza u li jkun hemm stat ta' tħejjija aħjar waqt li jiġi żgurat l-objettiv globali li ħadd ma jitħalla barra;

16.  Ifakkar li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija responsabilità kondiviża tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u li hemm bżonn tkun konsistenti mal-kunċetti tal-komplementarjetà u l-koordinament; jevidenzja l-ħtieġa li s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali jiġu involuti fil-proċess ta' koordinament;

17.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jippromwovu aġenda dwar l-effikaċja tal-għajnuna li tkun tibni fuq l-impenji fis-Sħubija ta' Busan għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp, tnaqqis tal-frammentazzjoni tal-għajnuna permezz ta' mekkaniżmu ta' finanzjamenti raggruppati, u koordinament akbar bejn id-diversi mekkaniżmi għall-għoti ta' għajnuna u partijiet interessati; jisħaq fuq il-fatt li kull finanzjament għall-iżvilupp għandu jkun favorevoli għall-foqra, sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi, ambjentalment sod u reżiljenti għat-tibdil fil-klima;

18.  Ifakkar li, skont it-TFUE, it-tnaqqis u l-qerda eventwali tal-faqar huma l-objettiv primarju tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp, filwaqt li d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-koeżjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi għandhom jibqgħu fil-qalba tal-attivitajiet għall-iżvilupp;

19.  Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari għall-infiq, b'attenzjoni speċjali għall-miżuri fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-enerġija, il-provvista tal-ilma u l-infrastruttura; jissottolinja l-ħtieġa li jsiru sforzi u titjib ulterjuri fil-qasam tal-effikaċja tal-għajnuna permezz ta' grad ta' koordinament akbar bejn id-diversi mekkaniżmi u donaturi tal-għajnuna;

20.  Jissottolinja l-fatt li l-prijoritajiet tal-ODA għandhom ikunu servizzi soċjali bażiċi għal kulħadd u 'beni pubbliċi' li jkunu anqas effikaċi jekk jiġu pprovduti mis-settur privat, bħall-edukazzjoni primarja, ix-xbieki ta' sikurezza soċjali, il-kura tas-saħħa u l-infrastruttura tad-drenaġġ, tal-provvista tal-ilma u tal-enerġija, b'mod li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li l-aċċessibilità għandha tkun kriterju kruċjali fil-finanzjament pubbliku internazzjonali għall-promozzjoni ta' servizzi u infrastrutturi universali u inklużivi;

21.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli jkollhom aċċess għal opportunitajiet ta' żvilupp; ifakkar, f'dan ir-rigward, li hemm ir-riskju li, jekk l-assistenza titwassal biss permezz tal-gvernijiet, jista' jirriżulta li ma jkunx hemm biżżejjed finanzjament għall-komunitajiet marġinalizzati jew vulnerabbli;

22.  Jevidenzja l-importanza li jiġu mobilizzati fondi addizzjonali min-naħa tal-banek tal-iżvilupp sabiex inaqqsu d-distakk fil-finanzjament infrastrutturali u fl-aċċess għall-kreditu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mekkaniżmi ta' monitoraġġ u valutazzjoni tal-impatt;

23.  Jissottolinja l-bżonn assolut li l-UE timmira lejn l-ogħla livell ta' koordinament b'mod li tikseb koerenza ma' oqsma ta' politika oħrajn (l-ambjent, il-migrazzjoni, il-kummerċ internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem, l-agrikoltura, eċċ.) u tevita li jkun hemm duplikazzjoni tax-xogħol jew inkonsistenzi fl-attivitajiet; ifakkar li, permezz tat-Trattat ta' Lisbona (Artikolu 208 TFUE), il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp saret obbligu imnaqqax fit-trattati;

Mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi u kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa

24.  Jisħaq fuq il-fatt li mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi tkun aktar prevedibbli u sostenibbli minn assistenza barranija u jeħtieġ li tkun sors kruċjali ta' finanzjament; jinkoraġġixxi l-isforzi li qed isiru mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iżidu l-mobilizzazzjoni ta' dan it-tip; jenfasizza l-importanza ta' titjib fil-ġbir tat-taxxi domestiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ħtieġa għal sistemi fiskali robusti, ibbilanċjati tajjeb, ġusti u effiċjenti u li jkunu jiffavorixxu l-foqra, sensittivi għall-ħtiġijiet tal-aktar gruppi vulnerabbli u jirrispettaw l-impenji favur żvilupp sostenibbli fil-livell internazzjonali; jappella biex jitneħħew is-sussidji li jagħmlu l-ħsara fl-oqsma tal-enerġija (b'mod partikolari l-karburanti fossili), is-sajd u l-agrikoltura;

25.  Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-assistenza tagħha għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fl-oqsma tal-amministrazzjoni tat-taxxa, il-governanza finanzjarja, il-ġestjoni finanzjarja pubblika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-irkupru ta' assi misruqa u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ipprezzar qarrieqi tat-trasferimenti; jemmen li l-Unjoni għandha rwol kruċjali x'tiżvolġi f'dan il-qasam; ifakkar fl-importanza li jiġi distribwit id-dħul mit-taxxi fuq riżorsi naturali, speċjalment permezz tal-ħolqien ta' fondi ta' investimenti sovrani; jisħaq fuq il-ħtieġa għal aċċelerazzjoni u żieda proporzjonali tal-isforzi li qed isiru attwalment għat-titjib tar-rapportar baġitarju, u jappella għal żieda fl-armonizzazzjoni tal-prattiki ta' rapportar baġitarju madwar il-pajjiżi kollha;

26.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex b'mod attiv iħarrxu l-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti, li jxejnu l-assistenza għall-iżvilupp u jikkontribwixxu għad-djun tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jikkooperaw mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jikkontrobattu l-prattiki aggressivi ta' evitar tat-taxxa minn ċerti kumpaniji transnazzjonali, u biex ifittxu li jsibu modi kif jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jifilħu għall-pressjonijiet li jidħlu f'kompetizzjoni fiskali, peress li din iddgħajjef il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi għall-iżvilupp;

27.  Jappoġġa t-twaqqif ta' korp intergovernattiv għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-taxxa taħt l-awspiċi tan-NU; jinkoraġġixxi l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni; jappella biex jinħolqu reġistri pubbliċi rigward sjieda benefiċjarja u sistema mandatorja ta' rapportar pajjiż b'pajjiż fir-rigward tal-kumpaniji transnazzjonali fis-setturi kollha u biex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tad-drittijiet ta' tassazzjoni meta jkunu qed jiġu nnegozjati t-trattati dwar it-taxxa u dwar l-investiment mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

28.  Jikkunsidra li r-regoli internazzjonali dwar it-taxxa korporattiva għandhom jinkludu l-prinċipju li t-taxxi għandhom jitħallsu fejn il-valur jiġi estratt jew maħluq;

29.  Jisħaq fuq l-importanza deċiżiva ta' governanza tajba, protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, qafas istituzzjonali u strumenti regolatorji; jappoġġja b'mod speċjali l-investiment fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet, is-servizzi soċjali bażiċi bħall-edukazzjoni u s-saħħa (l-iżgurar ta' kopertura tas-saħħa universali), inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, in-nutrizzjoni, is-servizzi pubbliċi u l-protezzjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza, anke fost it-tfal u f'termini tad-differenzi bejn is-sessi; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal infrastrutturi aċċessibbli u investimenti pubbliċi selettivi, kif ukoll għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, anke mill-industriji estrattivi;

30.  Jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li l-finanzjament għall-iżvilupp isaħħaħ ir-riżorsi disponibbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, id-drittijiet tan-nisa u l-għoti ta' setgħa lin-nisa; jenfasizza r-rwol speċifiku tan-nisa fis-soċjetà, u jisħaq fuq il-fatt li dan għandu jinkludi l-implimentazzjoni ta' bbaġittjar li jqis id-differenzi bejn is-sessi, investimenti mmirati f'setturi kruċjali bħas-saħħa u l-edukazzjoni u t-teħid ta' passi biex jiġi żgurat li kull finanzjament għall-iżvilupp iqis kompletament is-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet;

31.  Jappella għal aktar finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li jirrikonoxxi li dan il-finanzjament għandu jingħata kemm fil-livell domestiku kif ukoll f'dak internazzjonali; iħeġġeġ il-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp li jistgħu jġibu progress fl-indirizzar ta' sfidi kumplessi u lejn ġestjoni tajba tal-beni pubbliċi globali, bħat-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa; jikkonstata r-rwol importanti tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju f'dan il-kuntest; jappella għal rieżami tar-reġimi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali introdotti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles b'mod li jiġi identifikat kwalunkwe impatt negattiv fuq is-saħħa pubblika, l-ambjent jew it-trasferiment tat-teknoloġija;

Is-settur privat u s-soċjetà ċivili

32.  Jissottolinja l-importanza kbira li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet favorevoli għall-intrapriżi privati u l-intraprenditorija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, peress li huma jiżvolġu rwol fundamentali bħala mutur għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir inklużiv; jappella b'mod partikolari biex jissaħħu ulterjorment is-sistemi ta' self u garanzija b'mikrofinanzjament; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati ulterjorment il-banek u l-unjonijiet ta' kreditu lokali u reġjonali sabiex jitnaqqsu b'mod sinifikanti r-rati ta' mgħax eċċessivi għas-self fuq is-suq biex b'hekk jingħata appoġġ aħjar għall-iżvilupp tal-komunitajiet fil-livell lokali(17); jappella biex s-settur privat jiġi allinjat mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli permezz ta' sħubijiet xierqa, strumenti finanzjarji, inċentivi, qafas dwar ir-responsabilità u Responsabilità Soċjali effikaċi tal-Kumpaniji; ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm konformità mal-istandards internazzjonali miftiehma bħal mhuma l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

33.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għall-promozzjoni tal-forniment lil intrapriżi tal-istrumenti għal informazzjoni, it-taħriġ u l-pjattaformi ta' konsulenza essenzjali għall-iżvilupp tagħhom;

34.  Jisħaq għalhekk fuq il-fatt li, sabiex tingħata spinta fit-tul lill-ekonomija, huwa essenzjali li ż-żgħażagħ u n-nisa jingħataw aċċess għall-kreditu għall-appoġġ ta' negozji ġodda;

35.  Jisħaq fuq ir-rwol ta' koeżjoni soċjali li żvolġiet l-intraprenditorija kollettiva tal-assoċjazzjonijiet tal-produtturi fil-prevenzjoni ta' kunflitti etniċi u reliġjużi;

36.  Jinsisti li l-appoġġ għas-settur privat u l-kooperazzjoni miegħu min-naħa tal-UE jistgħu u għandhom jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanza, kif ukoll jirrispettaw u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, l-istandards ambjentali, l-impenji favur il-klima u d-djalogu soċjali; jappella biex jiġi stabbilit qafas legalment vinkolanti għall-kumpaniji, inklużi l-korporazzjonijiet transnazzjonali b'mekkaniżmu għall-ilmenti;

37.  Jappella biex l-UE twaqqaf, flimkien mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, qafas regolatorju, bi qbil mal-Qafas komprensiv tal-UNCTAD għall-Politika dwar l-Investiment għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jqanqal investiment aktar responsabbli, trasparenti u ġustifikabbli, biex b'hekk jingħata kontribut għall-iżvilupp ta' settur privat b'kuxjenza soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

38.  Jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-għoti ta' aċċess akbar għall-finanzjament lill-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jissottolinja l-importanza ta' sistemi ta' self b'mikrofinanzjament, speċjalment għan-nisa; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ulterjuri tal-banek u l-unjonijiet ta' kreditu lokali u reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-twaqqif ta' politiki u oqfsa ġuridiċi li jkunu jwasslu għall-iżvilupp ta' servizzi bankarji; jindika l-ħtieġa – f'diversi livelli, anke fost il-foqra, in-nisa u gruppi vulnerabbli oħra – għal informazzjoni u taħriġ dwar kwistjonijiet finanzjarji, l-użu ta' prodotti bankarji u l-assigurazzjoni, u t-teknoloġiji ġodda rilevanti;

39.  Ifakkar li l-għajnuna pubblika waħedha mhijiex biżżejjed biex tkopri l-ħtiġijiet ta' investiment kollha fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinsisti, għalhekk, fuq ir-rwol ta' lieva li għandhom it-taħlit ta' finanzjamenti u s-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat bħala mezz biex jissaħħaħ l-impatt tal-assistenza għall-iżvilupp, jiġi attirat il-finanzjament privat u jiġu appoġġati n-negozji lokali; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li jeħtieġ li l-finanzjament imħallat ma jissostitwixxix ir-responsabilità tal-istat li jrendi riżultati konkreti fir-rigward tal-bżonnijiet soċjali u li għandu jiġi allinjat mal-objettivi tal-iżvilupp nazzjonali u mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp; jinkoraġġixxi s-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat b'mod partikolari fil-qasam tar-riċerka relatat mal-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi bħall-programm Ebola+;

40.  Jappella biex jiġu adottati standards u kriterji internazzjonali kif ukoll analiżi tar-riskju ta' dejn għat-taħlit ta' proġetti u sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat li jattiraw il-finanzjament privat u jappoġġaw lin-negozji lokali, filwaqt li jirrispettaw l-istandards miftiehma fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-ILO, id-WHO u dak internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-prospettiva tax-xewqa tagħha li testendi b'mod konsiderevoli l-użu tat-taħlit fil-futur, timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-użu tat-taħlit u biex tivvaluta l-mekkaniżmu għat-taħlit tas-self u l-għotjiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp u l-addizzjonalità finanzjarja, it-trasparenza u r-responsabilità; jappella lill-BEI u l-istituzzjonijiet l-oħra ta' finanzjament għall-iżvilupp biex jagħtu prijorità lill-investiment fil-kumpaniji u l-fondi li jiżvelaw pubblikament s-sjidiet benefiċjarji u japplikaw is-sistema ta' rapportar pajjiż b'pajjiż;

41.  Jappoġġa ż-żieda tal-aċċess għas-suq għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment il-pajjiżi l-inqas żviluppati, billi dan jista' jsaħħaħ lis-settur privat u joħloq inċentivi għar-riforma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet dwar il-kummerċ u l-investiment, speċjalment mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-istati fraġli, jiġu allinjati mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u l-integrazzjoni reġjonali; jenfasizza li l-ftehimiet ta' dan it-tip għandhom jiġu soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jappoġġa s-suġġeriment tal-Kummissjoni li taġġorna l-istrateġija tagħha rigward Għajnuna għall-Kummerċ fid-dawl tar-riżultati tan-negozjati għal wara l-2015 u li tagħti trattament speċjali u differenzjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-istati fraġli fil-ftehimiet dwar il-kummerċ filwaqt li tirrispetta l-ispazju politiku tagħhom biex jieħdu deċiżjonijiet sovrani konformi mal-kuntest nazzjonali tagħhom u l-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet tagħhom;

42.  Jappella biex tittieħed azzjoni biex tingħata spinta għall-użu u t-trasparenza tas-sistemi nazzjonali għall-akkwist pubbliku fl-attivitajiet ġestiti mis-settur pubbliku u biex jissaħħu l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

43.  Jevidenzja l-kontribut pożittiv li jagħtu l-migranti għall-iżvilupp tal-pajjiżi minn fejn ikunu oriġinaw, u jappella biex ikun hemm kooperazzjoni aktar effikaċi u innovattiva fil-politika dwar il-migrazzjoni bejn il-pajjiżi ta' oriġini u ta' destinazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-flussi finanzjarji sinifikanti u dejjem jikbru li jirrappreżentaw ir-rimessi mid-diaspora u jappoġġa l-ħolqien ta' fondi tad-diaspora; jappella biex isiru sforzi ulterjuri sabiex l-ispejjeż tat-trasferimenti jitbaxxew b'mod li jiżdied l-impatt fuq l-iżvilupp lokali fil-pajjiżi ta' oriġini;

44.  Jappella biex l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, inklużi l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi b'bażi fil-komunitajiet, jieħdu sehem akbar fid-diskussjonijiet dwar il-prijoritajiet għall-iżvilupp, b'mod partikolari fil-konferenza ta' Addis Ababa, u għal implimentazzjoni aktar inklużiva u responsabbli tal-aġenda għal wara l- 2015; jissottolinja r-rwol tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet fuq il-post u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi għar-responsabilità, il-monitoraġġ u r-rieżami; jirrikonoxxi li r-rwol tal-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jirrikjedi l-allokazzjoni tal-mezzi meħtieġa; jappella biex ikun hemm aktar konsultazzjoni maż-żgħażagħ fid-diskussjonijiet dwar l-aġenda għal wara l-2015, speċifikament permezz ta' teknoloġiji innovattivi għall-komunikazzjoni; jissottolinja r-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE bħala faċilitaturi ta' djalogi ta' dan it-tip;

Governanza globali

45.  Ifakkar fir-rwol ċentrali tan-NU, b'mod komplementari ma' dak tal-istituzzjonijiet u l-fora eżistenti l-oħra, bħal mhi l-OECD, fil-governanza u l-iżvilupp ekonomiċi fil-livell globali; jappella biex il-pajjiżi kollha jkunu rappreżentati ugwalment u b'bilanċ bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet multilaterali u l-korpi l-oħra li jistabbilixxu normi u standards, inkluż fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali; ifakkar li l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali kollha għandhom jirrispettaw l-standards bażiċi ta' trasparenza - kif stabbilit fil-Karta dwar it-Trasparenza għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali - u jdaħħlu fis-seħħ politiki dwar żvelar lill-pubbliku;

46.  Jinsisti li jeħtieġ li s-soluzzjonijiet għal dejn sostenibbli, inklużi standards biex is-self jingħata u jittieħed b'mod responsabbli, jiġu ffaċilitati permezz ta' qafas ġuridiku multilaterali għall-proċessi ta' ristrutturar tad-dejn sovran, bil-ħsieb li jittaffa l-piż tad-dejn u jiġi evitat id-dejn insostenibbli; jitlob lill-UE tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv fin-negozjati tan-NU dwar dan il-qafas; iħeġġeġ lill-UE tinsisti fuq l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-UNCTAD rigward tranżazzjonijiet ta' dejn sovran responsabbli kemm għal min jissellef, kif ukoll għal min isellef;

47.  Jilqa' l-isforzi internazzjonali li qed isiru biex jittaffew l-obbligi ta' dejn internazzjonali tal-pajjiżi milqutin mill-Ebola b'mod li jiġu megħjuna jaffaċċjaw il-kriżijiet ekonomiċi ikkawżati mill-epidemija;

48.  Jappella biex il-programmi u l-istrumenti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali għal assistenza finanzjarja għall-iżvilupp jiġu eżaminati mill-ġdid b'mod li jiġu allinjati mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli l-ġodda; iħeġġeġ b'mod speċifiku lill-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji biex jistabbilixxu standards tal-ogħla livell għal finanzjament responsabbli u biex iqarrbu aktar ir-riżorsi tagħhom lejn il-bżonnijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, anke permezz ta' faċilitajiet ta' self li jkunu jiffavorixxu l-foqra u li jkunu reċiprokament effikaċi; jappella b'mod speċifiku għal żieda fl-ammonti disponibbli għall-Bank Ewropew tal-Investiment, lil hinn mill-mandat attwali tiegħu, sabiex ikompli jiżdied il-finanzjament tiegħu għall-pajjiżi b'introjtu baxx;

Monitoraġġ, responsabilità u rieżami

49.  Jappella biex jintlaħaq ftehim fil-konferenza ta' Addis Ababa rigward qafas robust, trasparenti u aċċessibbli ta' monitoraġġ u responsabilità biex l-investiment u l-progress fir-rigward tal-impenji u l-objettivi speċifiċi jkunu jistgħu jiġu ttraċċati u jingħataw segwitu b'mod effikaċi; jappella għal inizjattiva internazzjonali għat-titjib tal-kwalità tal-istatistika, id-data u l-informazzjoni, inkluża data diżaggregata skont l-introjtu, is-sess, l-età, ir-razza, l-etniċità u l-istatus migratorju, id-diżabilità, il-lok ġeografiku u karatteristiċi oħra rilevanti fil-kuntesti nazzjonali; jitlob lill-partijiet kollha jiżguraw l-implimentazzjoni trasparenti u effiċjenti tal-għajnuna u l-finanzjament, b'mod partikolari billi jiffirmaw u jimplimentaw b'mod effikaċi d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u billi jimpenjaw ruħhom biex sistematikament jippubblikaw data preċiża, f'waqtha u paragunabbli dwar id-dħul u l-infiq, kif ukoll dokumenti baġitarji; jitlob, b'mod speċifiku, lill-Kummissjoni timmonitora u tikkontrolla ulterjorment il-finanzjament tagħha għall-programmi u l-proġetti ta' għajnuna u tieħu l-miżuri xierqa fil-każ ta' evidenza ta' korruzzjoni u ġestjoni ħażina; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bl-istess mod, taġġorna l-assistenza tagħha b'mod li ssaħħaħ lill-aġenziji ġudizjarji u l-aġenziji kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

50.  jappella għal inizjattiva internazzjonali għat-titjib tal-kwalità tal-istatistika, id-data u l-informazzjoni, b'mod li l-infiq, l-investiment u l-progress fir-rigward tal-impenji u l-objettivi speċifiċi jkunu jistgħu jiġu ttraċċati; jilqa' l-isforzi globali li qed isiru biex jiġi żgurat li d-data użata fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tkun diżaggregata biżżejjed skont l-introjtu, is-sess, l-età u indikaturi oħrajna, sabiex l-impatt tal-politiki jkun jista' jiġi mmonitorat b'mod effikaċi;

51.  Itenni li, bħala element komplementari għall-PDG, hemm bżonn ta' sett ġdid ta' indikaturi oħra sabiex ikunu jistgħu jitqiesu l-isfidi soċjali u ambjentali ġodda, u li dan is-sett għandu jinkludi b'mod partikolari l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem, il-koeffiċjent Gini, miżura ta' ugwaljanza bejn is-sessi, il-marka tal-karbonju u l-impronta ekoloġika;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kofaċilitaturi għall-proċess ta' tħejjija għat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp.

(1) http://unctad.org/en/publicationslibrary/wir2014_en.pdf
(2) http://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:afc5ef38-ad24-11e4-b5b2-01aa75ed71a1.0023.01/DOC_1&format=PDF
(3) http://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:441ba0c0-eb02-11e3-8cd4-01aa75ed71a1.0016.01/DOC_1&format=PDF
(4) http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/1/2013/MT/1-2013-531-MT-F1-1.Pdf
(5) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52013DC0092&rid=2
(6) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-16827-2014-INIT/mt/pdf
(7) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-17553-2013-INIT/mt/pdf
(8) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11559-2013-INIT/mt/pdf
(9) Testi adottati, P8_TA(2014)0059.
(10) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 1.
(11) Testi adottati, P8_TA(2014)0063.
(12) Testi adottati, P7_TA(2014)0163.
(13) Testi adottati, P7_TA(2013)0394.
(14) Testi adottati, P7_TA(2013)0205.
(15) Testi adottati, P7_TA(2013)0119.
(16) ĠU L 136, 9.5.2014, p. 1.
(17) Rapport dwar l-Appoġġ għall-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju fil-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw permezz ta' Intermedjarji Finanzjarji, Dalberg, Novembru 2011, www.eib.org.

Avviż legali - Politika tal-privatezza