Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2035(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0286/2015

Testi mressqa :

A8-0286/2015

Dibattiti :

PV 27/10/2015 - 16
CRE 27/10/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 11/11/2015 - 16.3
CRE 11/11/2015 - 16.3

Testi adottati :

P8_TA(2015)0395

Testi adottati
PDF 476kWORD 155k
L-Erbgħa, 11 ta' Novembru 2015 - Brussell Verżjoni finali
Ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea
P8_TA(2015)0395A8-0286/2015
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea (2015/2035(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali ("l-Att Elettorali"), anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Settembru 1976, kif emendata(1) , b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattati u b'mod partikolari l-Artikoli 9, 10, 14 u 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 22, 223(1) u 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċedura elettorali tal-Parlament Ewropew, u b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Lulju 1998 dwar abbozz ta’ proċedura elettorali li jinkorpora prinċipji komuni għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew(2) , ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014(3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar it-titjib tal-modalitajiet prattiċi ta’ organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014(4) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-2014(5) ,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/142/UE tat-12 ta' Marzu 2013 dwar it-tisħiħ tal-kondotta demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew(6) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Rapport fuq l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2014" (COM(2015)0206),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew dwar ir-Riforma tal-Liġi Elettorali tal-Unjoni Ewropea(7) ,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(8) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini(9) ,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej(10) , u b’mod partikolari l-Artikoli 13, 21 u 31 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), u b’mod partikolari l-Artikoli 11, 23 u 39 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 45 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0286/2015),

A.  billi l-Artikolu 223 TFUE jagħti lill-Parlament Ewropew id-dritt li jniedi r-riforma tal-proċedura elettorali tiegħu, bil-għan li titfassal proċedura uniformi li tapplika madwar l-Unjoni jew proċedura li hija bbażata fuq prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha, u li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għaliha;

B.  billi r-riforma tal-proċedura elettorali tal-Parlament Ewropew għandha l-għan li ttejjeb id-dimensjoni transnazzjonali u demokratika tal-elezzjonijiet Ewropej u l-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni, issaħħaħ il-kunċett taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ittejjeb il-funzjonament tal-Parlament Ewropew u l-governanza tal-Unjoni, tagħmel ix-xogħol tal-Parlament Ewropew aktar leġittimu, issaħħaħ il-prinċipji ta’ ugwaljanza elettorali u opportunitajiet indaqs, issaħħaħ l-effettività tas-sistema għall-kondotta ta’ elezzjonijiet Ewropej, u ġġib il-Membri tal-Parlament Ewropew eqreb lejn il-votanti tagħhom, b’mod partikolari tal-iżgħar fosthom;

C.  billi r-riforma tal-proċedura elettorali trid ukoll tirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u ma għandhiex tipprova tfittex li timponi uniformità bħala fini fiha nnifisha;

D.  billi l-possibbiltà li tiġi żviluppata proċedura elettorali uniformi bbażata fuq suffraġju universali dirett ilha minquxa fit-Trattati mill-1957;

E.  billi n-numru ta’ votanti li dejjem qiegħed jonqos fl-elezzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari fost l-iżgħar votanti, u n-nuqqas ta’ interess tal-votanti fi kwistjonijiet Ewropej qed jheddu l-futur tal-Ewropa, u billi hemm għalhekk il-ħtieġa għal ideat li jgħinu biex terġa’ tingħata l-ħajja d-demokrazija Ewropea;

F.  billi armonizzazzjoni ġenwina tal-proċedura għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-Istati Membri kollha tista’ tippromwovi d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni kollha li jipparteċipaw, fuq bażi ugwali, fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, filwaqt li tissaħħaħ id-dimensjoni politika tal-integrazzjoni Ewropea;

G.  billi l-kompetenzi tal-Parlament Ewropew ilhom jiżdiedu b'mod gradwali mill-ewwel elezzjonijiet diretti fl-1979, u billi l-Parlament Ewropew issa għandu status ta' koleġiżlatur daqs dak tal-Kunsill fil-parti l-kbira tal-oqsma ta' politika tal-Unjoni, u notevolment bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;

H.  billi t-Trattat ta' Lisbona biddel il-mandat tal-Membri tal-Parlament Ewropew, u għamilhom rappreżentanti diretti taċ-ċittadini tal-Unjoni(11) minflok "rappreżentanti tal-popli tal-Istati miġjuba flimkien fil-Komunità"(12) ;

I.  billi l-unika riforma tal-Att Elettorali nnifsu twettqet fl-2002 minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom(13) , li teħtieġ li l-Istati Membri jwettqu l-elezzjonijiet abbażi ta' rappreżentanza proporzjonali bl-użu ta' sistema ta' lista jew sistema ta' vot wieħed trasferibbli u li abolixxiet il-mandat doppju għall-Membri tal-Parlament Ewropew; billi, barra dan, l-Istati Membri ngħataw b'mod espress id-dritt li jistabbilixxu kostitwenzi fuq livell nazzjonali u li jintroduċu limitu nazzjonali li ma jaqbiżx il-5 % tal-voti mitfugħa;

J.  billi ftehim komprensiv dwar proċedura elettorali verament uniformi, għadu ma ntlaħaqx, minkejja li xi konverġenza tas-sistemi elettorali seħħet b’mod gradwali, inter alia bħala riżultat tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, bħad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE;

K.  billi l-kunċett ta' ċittadinanza tal-Unjoni, formalment introdott fl-ordni kostituzzjonali mit-Trattat ta' Maastricht fl-1993, jinkludi d-dritt li ċ-ċittadini tal-Unjoni jipparteċipaw f'elezzjonijiet Ewropej u muniċipali fl-Istati Membri tagħhom, u fl-Istat ta' residenza tagħhom skont l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat(14) ; billi l-Karta, li t-Trattat ta’ Lisbona ta saħħa legali vinkolanti, saħħet dan id-dritt;

L.  billi, minkejja dawn ir-riformi, l-elezzjonijiet Ewropej, fil-parti l-kbira tagħhom, għadhom irregolati minn liġijiet nazzjonali, il-kampanji elettorali għadhom nazzjonali, u l-partiti politiċi Ewropej ma jistgħux jonoraw suffiċjentement il-mandat kostituzzjonali tagħhom u "jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni" skont l-Artikolu 10(4) tat-TUE;

M.  billi l-partiti politiċi Ewropej qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex "jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew" u għaldaqstant għandu jkollhom rwol aktar b'saħħtu fil-kampanji għall-elezzjonijiet Parlamentari biex itejbu l-viżibbiltà tagħhom u juru r-rabta bejn il-vot għal partit nazzjonali partikolari u l-impatt li għandu fuq id-daqs ta' grupp politiku Ewropew fil-Parlament Ewropew;

N.  billi l-proċedura għan-nomina tal-kandidati għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tvarja b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor u minn partit għal partit, b’mod partikolari fir-rigward ta’ standards tat-trasparenza u dawk demokratiċi, filwaqt li proċeduri miftuħa, trasparenti u demokratiċi għall-għażla tal-kandidati huma essenzjali biex tinbena fiduċja fis-sistema politika;

O.   billi l-iskadenzi għall-finalizzazzjoni tal-listi elettorali qabel l-elezzjonijiet Ewropej ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri, u attwalment ivarjaw bejn 17-il jum u 83 jum, u dan iqiegħed lill-kandidati u l-votanti fl-Unjoni f'pożizzjoni mhux ugwali fir-rigward tal-ħin għad-dispożizzjoni tagħhom biex iwettqu l-kampanji elettorali jew biex jirriflettu fuq l-għażla tal-vot tagħhom;

P.  billi l-iskadenzi għall-finalizzazzjoni tar-reġistru elettorali qabel l-elezzjonijiet Ewropej ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u jistgħu jagħmlu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-votanti (li huwa mmirat lejn l-evitar ta’ votazzjoni doppja) diffiċli, jekk mhux impossibbli;

Q.  billi l-istabbiliment ta’ kostitwenza konġunta fejn fuq quddiem fil-listi tkun imniżżla l-persuna kandidata minn kull familja politika għall-pożizzjoni ta’ President tal-Kummissjoni jsaħħaħ b’mod kunsiderevoli d-demokrazija Ewropea u jkompli jilleġittimizza l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni;

R.  billi r-regoli Ewropej eżistenti jippermettu li jiġi stabbilit limitu mhux obbligatorju li jasal sa 5 % tal-voti mitfugħa għall-elezzjonijiet Ewropej, u billi 15-il Stat Membru sfruttaw din l-opportunità u introduċew limitu ta' bejn 3 % u 5 %; billi fl-Istati Membri ż-żgħar, u fl-Istati Membri li qasmu ż-żona elettorali tagħhom f'kostitwenzi, madankollu l-limitu de facto huwa ogħla minn 3 % għalkemm ma jeżisti l-ebda limitu ġuridiku; billi l-introduzzjoni ta’ limiti obbligatorji hija rikonoxxuta minn tradizzjoni kostituzzjonali bħala mezz leġittimu biex jiġi garantit li l-parlamenti jkunu jistgħu jiffunzjonaw;

S.   billi, minkejja li l-Artikolu 10(2) tal-Att Elettorali jipprojbixxi b'mod espress il-pubblikazzjoni bikrija tar-riżultati tal-elezzjonijiet, dawn ir-riżultati saru disponibbli għall-pubbliku fil-passat; billi żmien armonizzat għall-għeluq tal-votazzjoni fl-Istati Membri kollha jista' jikkontribwixxi bil-qawwa għall-karattru komuni Ewropew tal-elezzjonijiet Ewropej u jista' jnaqqas il-possibbiltà li r-riżultat tagħhom jiġi influwenzat jekk ir-riżultati tal-elezzjonijiet f'uħud mill-Istati Membri jsiru disponibbli għall-pubbliku qabel l-għeluq tal-votazzjoni fl-Istati Membri kollha;

T.  billi l-ewwel projezzjonijiet uffiċjali tar-riżultati elettorali għandhom jitħabbru b'mod simultanju fl-Istati Membri kollha fl-aħħar jum tal-perjodu elettorali fid-21:00 CET;

U.  billi l-ħolqien ta’ jum tal-votazzjoni Ewropew komuni jirrifletti aħjar il-parteċipazzjoni komuni taċ-ċittadini madwar l-Unjoni, isaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva u jgħin biex tinħoloq elezzjoni pan-Ewropea iktar koerenti,

V.  billi t-Trattat ta' Lisbona stabbilixxa ordni kostituzzjonali ġdid billi kkonċeda lill-Parlament Ewropew id-dritt li jeleġġi l-President tal-Kummissjoni Ewropea(15) minflok milli sempliċiment jagħti l-kunsens tiegħu; billi l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 ħolqu preċedent importanti f’dan ir-rigward u wrew li n-nomina ta’ kandidati ewlenin iżżid l-interess taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet Ewropej;

W.  billi n-nomina ta’ kandidati ewlenin għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea tipprovdi rabta bejn voti mitfugħa fuq livell nazzjonali u l-kuntest Ewropew u jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni biex jagħmlu għażliet infurmati bejn programmi politiċi alternattivi; billi n-nomina ta’ kandidati ewlenin minn proċeduri miftuħa u trasparenti ssaħħaħ il-leġittimità demokratika u ssaħħaħ r-responsabbiltà;

X.  billi l-proċedura għan-nomina u l-għażla ta’ kandidati ewlenin ta’ dik il-kariga huma espressjoni b’saħħitha tad-demokrazija Ewropea; billi, barra minn hekk, għandha tkun parti integrali tal-kampanji elettorali;

Y.  billi d-data ta’ skadenza għan-nomina tal-kandidati mill-partiti politiċi Ewropej għandha tiġi kkodifikata fl-Att Elettorali u billi l-kandidati ewlenin għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni għandhom ikunu kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

Z.  billi mhux l-Istati Membri kollha jikkonċedu liċ-ċittadini tagħhom il-possibbiltà li jivvutaw minn barra l-pajjiż, u fost dawk li jagħmlu dan, il-kundizzjonijiet għaċ-ċaħda tad-dritt għall-vot ivarjaw ħafna; billi l-għoti liċ-ċittadini tal-Unjoni kollha li jirrisjedu barra mill-Unjoni tad-dritt li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet jista' jikkontribwixxi għal ugwaljanza elettorali; billi, madankollu, jeħtieġ li l-Istati Membri jikkoordinaw aħjar is-sistemi amministrattivi tagħhom sabiex jipprevjenu lill-votanti milli jivvutaw darbtejn f’żewġ Stati Membri differenti;

AA.  billi mill-inqas 13-il Stat Membru ma għandhomx regoli interni xierqa li jipprekludu liċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom ċittadinanza doppja tal-Istati Membri milli jivvutaw darbtejn, bi ksur tal-Artikolu 9 tal-Att Elettorali;

AB.  billi awtorità elettorali, li taġixxi bħala netwerk ta’ awtoritajiet ta’ kuntatt uniku tal-Istati Membri, għandha tiġi stabbilita fil-livell tal-Unjoni, peress li tkun tista’ tiffaċilita l-aċċess għal informazzjoni dwar ir-regoli li jirregolaw l-elezzjonijiet Ewropej kif ukoll tissimplifika l-proċess u ssaħħaħ in-natura Ewropea ta’ dawn l-elezzjonijiet; billi, għalhekk, il-Kummissjoni hija mistiedna tesplora l-arranġamenti prattiċi meħtieġa biex tiġi stabbilita tali awtorità fil-livell tal-Unjoni;

AC.  billi l-età minima għall-eliġibbiltà biex wieħed joħroġ bħala kandidat fit-28 Stat Membru tvarja bejn it-18 u l-25 sena, u l-età minima għall-eliġibbiltà għall-vot tvarja bejn is-16 u t-18-il sena minħabba t-tradizzjonijiet kostituzzjonali u elettorali differenti fl-Istati Membri; billi l-armonizzazzjoni tal-età tal-votazzjoni, u l-età minima għall-kandidati, għandha tkun attraenti ħafna bħala mezz biex iċ-ċittadini tal-Unjoni jingħataw ugwaljanza reali fil-votazzjoni, u tista' tippermetti li tiġi evitata d-diskriminazzjoni fil-qasam l-aktar fundamentali taċ-ċittadinanza, li hu d-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċess demokratiku;

AD.  billi l-istabbiliment u l-konsolidazzjoni uffiċjali tal-partiti politiċi fil-livell tal-Unjoni qed irawmu l-iżvilupp tal-għarfien politiku Ewropew u qed jipprovdu espressjoni tax-xewqat taċ-ċittadini tal-Unjoni, u billi dan iffaċilita wkoll il-proċess tat-tqarrib gradwali ta’ sistemi elettorali;

AE.  billi l-votazzjoni postali, elettronika u fuq l-internet tista' trendi t-twettiq tal-elezzjonijiet Ewropej aktar effiċjenti u aktar attraenti għall-votanti, bil-kundizzjoni li jiġu żgurati l-ogħla standards possibbli ta' protezzjoni tad-data;

AF.  billi fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, il-membri tal-eżekuttiv jistgħu jfittxu li jiġu eletti għall-parlament nazzjonali mingħajr ma jkollhom iwaqqfu l-attività istituzzjonali tagħhom;

AG.  billi, minkejja progress kontinwu sa mill-1979 f’termini ta’ bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fit-tqassim tas-siġġijiet, għad hemm diverġenzi konsiderevoli f’dan ir-rigward bejn l-Istati Membri, b’10 minnhom b’livell aktar baxx minn 33 % koperti mis-sess inqas rappreżentat; billi l-kompożizzjoni attwali tal-Parlament Ewropew, li tinkludi biss 36.62 % nisa, ma tilħaqx il-valuri u l-għanijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi sostnuti fil-Karta;

AH.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tinkiseb, bħala wieħed mill-valuri ta’ bażi tal-Unjoni, filwaqt li huma biss ftit l-Istati Membri li integraw dan il-prinċipju fil-liġijiet elettorali nazzjonali tagħhom; billi l-kwoti tal-ġeneru fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ż-zipped lists iddimostraw li huma għodod effettivi ħafna biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u l-iżbilanċi ta' poter bejn is-sessi u biex titjieb ir-rappreżentanza demokratika f'korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi;

AI.  billi l-prinċipju ta’ proporzjonalità digressiva minquxa fit-TUE kkontribwixxa b’mod sinifikanti għas-sjieda komuni tal-proġett Ewropew bejn l-Istati Membri kollha,

1.  Jiddeċiedi li jirriforma l-proċedura elettorali tiegħu fi żmien xieraq qabel l-elezzjonijiet tal-2019, bil-għan li tissaħħaħ id-dimensjoni transnazzjonali u demokratika tal-elezzjonijiet Ewropej u tal-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, bit-tisħiħ tal-kunċett taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-ugwaljanza elettorali, il-promozzjoni tal-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva u ta’ rappreżentanza diretta taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 10 TFUE, biex jittejbu l-funzjonament tal-Parlament Ewropew u l-governanza tal-Unjoni, u b’hekk il-ħidma tal-Parlament Ewropew issir aktar leġittima u effikaċi, tittejjeb l-effikaċja tas-sistema għall-kondotta ta’ elezzjonijiet Ewropej, titrawwem sjieda komuni fost iċ-ċittadini mill-Istati Membri kollha, tissaħħaħ il-kompożizzjoni bbilanċjata tal-Parlament Ewropew, u jiġi pprovdut l-ogħla livell possibbli ta’ ugwaljanza elettorali u l-parteċipazzjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

2.  Jipproponi li l-viżibbiltà tal-partiti politiċi Ewropej tiżdied billi isimhom u l-logos tagħhom jitqiegħdu fuq il-karti tal-votazzjoni, u jirrakkomanda li l-istess għandu jidher fil-kampanji fuq ix-xandir televiżiv u fuq ir-radju, fuq il-posters u materjal ieħor li jintuża fil-kampanji elettorali Ewropej, speċjalment il-manifesti tal-partiti nazzjonali, billi dawn il-miżuri jistgħu jrendu l-elezzjonijiet Ewropej aktar trasparenti u jtejbu l-mod demokratiku li bih jitwettqu, billi ċ-ċittadini jkunu jistgħu jorbtu b'mod ċar il-vot tagħhom mal-impatt li għandu fuq l-influwenza politika tal-partiti politiċi Ewropej u l-kapaċità tagħhom biex jiffurmaw gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew;

3.  Iqis, fl-istess ħin, fid-dawl tal-impenn tal-Unjoni lejn is-sussidjarjetà, li l-partiti politiċi reġjonali li jikkompetu f’elezzjonijiet Ewropej għandhom isegwu l-istess prattika u li l-awtoritajiet reġjonali għandhom jiġu inkoraġġiti jużaw lingwi reġjonali rikonoxxuti uffiċjalment f’dak il-kuntest;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-partiti politiċi Ewropej, kif ukoll tal-kandidati ewlenin tagħhom, f’kampanji elettorali, b’mod partikolari fuq it-televiżjoni u f’midja oħra;

5.  Jiddetermina li jistabbilixxi skadenza minima komuni ta' 12-il ġimgħa qabel jum l-elezzjoni għall-istabbiliment ta' reġistri elettorali, sabiex tittejjeb l-ugwaljanza elettorali billi jipprovdi lill-kandidati u lill-votanti fl-Unjoni bl-istess perjodu li fih ikunu jistgħu jħejju u jirriflettu minn qabel dwar il-vot; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirriflettu fuq modi li jiżguraw konverġenza akbar bejn ir-regoli li jirregolaw kampanji elettorali dwar l-elezzjonijiet Ewropej;

6.  Iqis li huwa essenzjali li l-partiti politiċi fil-livelli kollha jadottaw proċeduri demokratiċi u trasparenti għall-għażla tal-kandidati; jirrakkomanda li l-partiti nazzjonali jorganizzaw votazzjoni b’mod demokratiku biex jagħżlu l-kandidati tagħhom għall-elezzjonijiet Ewropej;

7.  Jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' limitu obbligatorju, li jvarja bejn 3 % u 5 % għall-allokazzjoni ta' siġġijiet fi Stati Membri b'kostitwenza waħda u kostitwenzi li fihom tintuża s-sistema ta' listi u li jinkludu aktar minn 26 siġġu; iqis din il-miżura bħala importanti għas-salvagwardja tal-funzjonament tal-Parlament Ewropew, billi tevita aktar frammentazzjoni;

8.  Jipproponi, minkejja l-fatt li l-Istati Membri huma ħielsa jiddeterminaw il-jum/jiem tal-elezzjonijiet fi ħdan il-perjodu elettorali, li l-elezzjonijiet fl-Istati Membri kollha jispiċċaw fid-21:00 CET tal-Ħadd tal-elezzjonijiet Ewropej, billi dan jiżgura l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 10(2) tal-Att Elettorali u b'hekk titnaqqas il-possibbiltà li r-riżultat tal-elezzjonijiet jiġi influwenzat jekk ir-riżultati tal-elezzjoni f'uħud mill-Istati Membri jsiru disponibbli għall-pubbliku qabel l-għeluq tal-votazzjoni fl-Istati Membri kollha; huwa favur li l-projbizzjoni ta’ tħabbir kmieni tar-riżultati tal-elezzjonijiet għandha tibqa’ fis-seħħ fl-Istati Membri kollha;

9.  Jiddeterminali jistabbilixxi data ta’ skadenza komuni għan-nomina ta’ kandidati ewlenin mill-partiti politiċi Ewropej 12-il ġimgħa qabel l-elezzjonijiet Ewropej, sabiex ikunu jistgħu jiġu ppreżentati l-programmi elettorali tagħhom, jiġu organizzati d-dibattiti politiċi bejn il-kandidati u jsiru kampanji elettorali madwar l-Unjoni kollha; iqis li l-proċess tan-nomina tal-kandidati ewlenin jikkostitwixxi aspett importanti tal-kampanji elettorali minħabba r-rabta impliċita bejn ir-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej u l-għażla tal-President tal-Kummissjoni kif minqux fit-Trattat ta' Lisbona;

10.  Jiddeterminali jistabbilixxi data ta’ skadenza komuni ta’ tmien ġimgħat għall-finalizzazzjoni tar-reġistru elettorali u sitt ġimgħat għall-informazzjoni rigward iċ-ċittadini tal-Unjoni b’ċittadinanza doppja u ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru ieħor li għandha tiġi skambjata mal-awtorità nazzjonali unika inkarigata mill-votazzjoni elettorali;

11.  Jissuġġerixxi li l-integrità tal-elezzjonijiet għandha tissaħħaħ billi jiġi limitat l-infiq tal-kampanja għal ammont raġonevoli li jippermetti l-preżentazzjoni xierqa ta’ partiti politiċi, kandidati u l-programmi elettorali tagħhom;

12.  Jipproponi li ċ-ċittadini tal-Unjoni kollha, inklużi dawk li jirrisjedu jew jaħdmu f'pajjiż terz, jingħataw id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew; iqis li dan, finalment, jista' jagħti liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni l-istess dritt għall-vot fl-elezzjonijiet Ewropej taħt l-istess kundizzjonijiet, irrispettivament mill-post ta' residenza jew taċ-ċittadinanza tagħhom;

13.  Jitlob lill-Istati Membri, madankollu, biex jikkoordinaw aħjar is-sistemi amministrattivi tagħhom sabiex jipprevjenu lill-votanti milli jivvutaw darbtejn f’żewġ Stati Membri differenti;

14.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippermettu votazzjoni postali, elettronika u fuq l-internet sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini kollha u għalihom il-votazzjoni ssir aktar faċli, u speċjalment għall-persuni b’mobilità mnaqqsa u għal persuni li jirrisjedu jew jew jaħdmu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini jew f’pajjiż terz, dment li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi evitata kull possibbiltà ta’ frodi fl-użu ta’ votazzjoni permezz ta’ dawk il-mezzi;

15.  Bħala pass futur, jirrakkomanda lill-Istati Membri li jikkunsidraw modi biex jarmonizzaw l-età minima tal-votanti u jagħmluha ta' 16-il sena sabiex ikomplu jżidu l-ugwaljanza elettorali bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni;

16.  Jitlob li jsir rieżami tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li jiġu adottati r-regoli dwar il-Kummissarji li jfittxu li jiġu eletti fil-Parlament Ewropew, sabiex ma tiġix impedita l-effiċjenza istituzzjonali tal-Kummissjoni fi żmien l-elezzjonijiet, waqt li jiġi evitat l-użu ħażin tar-riżorsi istituzzjonali;

17.  Jiddeterminali jagħti lill-Parlament id-dritt li jistabbilixxi l-perjodu elettorali għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew wara li jikkonsulta mal-Kunsill;

18.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw oqfsa legali adegwati li jiżguraw l-ogħla standards ta’ kopertura fil-midja informattiva, ġusta u oġġettiva matul il-kampanji elettorali, b’mod partikolari minn xandara tas-servizz pubbliku; iqis li dan huwa kruċjali sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata dwar programmi politiċi li jikkompetu; jirrikonoxxi l-importanza ta’ strumenti awtoregolatorji bħalma huma l-kodiċi ta’ kondotta biex jintlaħaq dan l-għan;

19.  Jitlob li jissaħħu l-istandards maħsuba biex tiġi żgurata kompetizzjoni ħielsa u mingħajr xkiel bejn il-partiti politiċi u, b’mod partikolari, li jittejbu l-pluraliżmu tal-midja u n-newtralità fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika fir-rigward tal-proċess elettorali;

20.  Jenfasizza l-importanza ta’ preżenza akbar tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u rappreżentanza aħjar tan-nisa fl-elezzjonijiet Ewropej; għaldaqstant, jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tul il-proċess elettorali kollu; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza ta’ reġistri elettorali bbilanċjati fis-sessi;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jippromwovu rappreżentanza adegwata ta’ minoranzi etniċi, lingwistiċi u minoranzi oħra fl-elezzjonijiet Ewoprej;

22.  Iqis li jkun xieraq li tiġi stabbilita Awtorità Elettorali Ewropea li tingħata l-kompitu li tiċċentralizza informazzjoni dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, tissorvelja t-tmexxija tal-elezzjonijiet u tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri;

23.  Jiddetermina li l-kariga ta’ Membru tal-Parlament Ewropew għandha tkun inkompattibli wkoll ma’ dik ta’ membru ta’ parlament reġjonali jew assemblea b’setgħat leġislattivi;

24.  Ifakkar li, minkejja r-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, l-Istati Membri ripetutament naqsu milli jaqblu dwar jum ta’ votazzjoni komuni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħdmu ħalli jintlaħaq ftehim dwar din il-kwistjoni;

25.  Jissottometti lill-Kunsill il-proposta annessa għall-emenda tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew permezz ta' suffraġju universali dirett(16) ;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1.) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/81/Euratom, KEFA, KEE, (ĠU L 33, 9.2.1993, p. 15.) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1.).
(2) ĠU C 292, 21.9.1998, p. 66.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0462.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0323.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0082.
(6) ĠU L 79, 21.3.2013, p. 29.
(7) PE 558.775 (http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2015/558775/EPRS_IDA(2015)558775_EN.pdf)
(8) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(9) ĠU L 329, 30.12.1993, p. 34.
(10) ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.
(11) L-Artikoli 10(2) u 14(2) tat-TUE.
(12) L-Artikolu 189(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
(13) Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2002 u t-23 ta’ Settembru 2002 li temenda l-Att rigward l-elezzjoni tar-rappreżrntanti tal-Parlament Ewropew bis-suffraġju universali dirett, anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1).
(14) L-Artikolu 20(2) tat-TFUE.
(15) L-Artikolu 17(7) tat-TUE.
(16) L-emendi fil-proposta annessa huma bbażati fuq konsolidazzjoni mis-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew fuq il-bażi tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Assemblea b'suffraġju universali dirett (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 5), kif emendat bid-Deċiżjoni 93/81/Euratom, KEFA, KEE li temenda l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976 (ĠU L 33, 9.2.1993, p. 15), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal-25 ta' Ġunju 2002 u tat-23 ta' Settembru 2002 (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1). Ivarja mill-verżjoni kkonsolidata prodotta mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (CONSLEG. 1976X1008-23/09/2002 ) fuq żewġ punti: jinkorpora inċiż għall-Artikolu 7(1) ' - membru tal-Kumitat tar-Reġjuni' li jirriżulta mill-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Amsterdam (ĠU C 340, 10.11.1997) u huwa nnumerat mill-ġdid skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom.


ANNESS

Proposta għal-

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tadotta d-dispożizzjonijiet li jemendaw l-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’suffraġju universali dirett

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 223(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Parlament Ewropew,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġislattiva speċjali,

Billi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-proċedura elettorali għandhom jiġu implimentati,

ADOTTA d-dispożizzjonijiet li ġejjin u jirrakkomanda li jiġu approvati mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom.

Artikolu 1

L-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom(1) , huwa emendat kif ġej:

(1)  Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1. F'kull Stat Membru, il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu eletti bħala rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni fuq il-bażi ta' rappreżentanza proporzjonali, bl-użu tas-sistema ta' lista jew tal-vot wieħed trasferibbli.".

(2)  L-artikolu li ġej huwa mdaħħal:

"Artikolu 2a

Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'unanimità, jiddeċiedi fuq kostitwenza konġunta fejn fuq quddiem fil-listi tkun imniżżla l-persuna kandidata minn kull familja politika għall-pożizzjoni ta’ President tal-Kummissjoni.".

(3)  LArtikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 3

Għall-kostitwenzi, u għall-Istati Membri b'kostitwenza waħda, li fihom tintuża s-sistema ta' lista u li jinkludu aktar minn 26 siġġu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu livell limitu għall-allokazzjoni ta' siġġijiet li ma għandux ikun inqas minn 3 fil-mija, u ma għandux jeċċedi l-5 fil-mija tal-voti mitfugħa fil-kostitwenza, jew fl-Istat Membru b'kostitwenza waħda, ikkonċernati.".

(4)  L-artikoli li ġejjin huma mdaħħla:

"Artikolu 3a

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi skadenza għall-istabbiliment tal-listi ta’ kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dik l-iskadenza għandha tkun ta’ mill-inqas 12-il ġimgħa qabel il-bidu tal-perjodu elettorali msemmi fl-Artikolu 10(1).

Artikolu 3b

L-iskadenza għall-istabbiliment u l-finalizzazzjoni ta’ reġistru elettorali għandha tkun ta’ tmien ġimgħat qabel l-ewwel jum tal-elezzjoni.

Artikolu 3c

Il-partiti politiċi li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom josservaw proċeduri demokratiċi u trasparenti fl-għażla tal-kandidati tagħhom għal dawk l-elezzjonijiet.

Artikolu 3d

Il-lista ta’ kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għandha tiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Artikolu 3e

Il-poloz tal-vot użati f’elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom jagħtu l-viżibilità ugwali lill-ismijiet u l-logos tal-partiti nazzjonali u għal dawk tal-partiti politiċi Ewropej.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu u jiffaċilitaw l-għoti ta’ dawn l-affiljazzjonijiet fil-kampanji fuq ix-xandir televiżiv u bir-radju u fuq il-materjali tal-kampanji elettorali. Il-materjali tal-kampanja elettorali għandhom jinkludu referenza għall-manifest tal-partit politiku Ewropew, jekk ikun hemm, li miegħu huwa affiljat il-partit nazzjonali.

Ir-regoli dwar l-impustar ta’ materjali elettorali lill-votanti fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikati għall-elezzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 3f

Il-partiti politiċi Ewropej għandhom jinnominaw il-kandidati tagħhom għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni tal-inqas 12-il ġimgħa qabel il-bidu tal-perjodu elettorali msemmi fl-Artikolu 10(1).".

(5)  L-artikoli li ġejjin huma mdaħħla:

"Artikolu 4a

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-votazzjoni elettronika u bl-internet għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u, meta jagħmlu dan, għandhom jadottaw miżuri suffiċjenti biex jiżguraw l-affidabbiltà tar-riżultat, is-segretezza tal-vot u l-protezzjoni tad-data.

Artikolu 4b

L-Istati Membri jistgħu jikkonċedu liċ-ċittadini tagħhom il-possibbiltà li jivvutaw bil-posta fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.".

(6)  Fl-Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu huwa mħassar.

(7)  Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 6

1.  Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jivvutaw fuq bażi individwali u personali. Huma ma għandhom ikunu marbuta b’ebda istruzzjoni u ma għandhomx jirċievu mandat vinkolanti. Għandhom jirrappreżentaw liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

2.  Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet applikabbli għalihom bis-saħħa tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.".

(8)  L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1. L-uffiċċju ta' membru tal-Parlament Ewropew għandu jkun inkompattibli ma dak ta':

–  membru tal-gvern ta' Stat Membru,

–  membru ta’ parlament nazzjonali jew reġjonali jew assemblea b’setgħat leġislattivi,

–  membru tal-Kummissjoni,

–  Imħallef, Avukat Ġenerali jew Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

–  membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

–  membru tal-Qorti tal-Awdituri,

–  l-Ombudsman Ewropew,

–  membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,

–  membru tal-Kumitat tar-Reġjuni,

–  membru ta' kumitati jew korpi oħra mwaqqfa skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-finijiet ta' mmaniġġjar tal-fondi tal-Unjoni jew għat-twettiq ta' ħidma amministrattiva diretta permanenti,

–  membru tal-Bord tad-Diretturi, il-Kumitat ta' Ġestjoni jew il-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  uffiċjal jew impjegat attiv tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew tal-korpi speċjalizzati marbuta magħhom jew tal-Bank Ċentrali Ewropew.";

(b)  il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(c)  il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4. Il-Membri tal-Parlament Ewropew li għalihom jibdew japplikaw il-paragrafi 1 u 3 matul il-perjodu ta' ħames snin imsemmi fl-Artikolu 5 għandhom jiġu sostitwiti skont l-Artikolu 13.".

(9)  L-artikoli li ġejjin huma mdaħħla:

"Artikolu 9a

Iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, inklużi dawk li jirrisjedu jew jaħdmu f'pajjiż terz, għandu jkollhom id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

Artikolu 9b

Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtorità ta’ kuntatt responsabbli għall-iskambju ta’ dejta dwar votanti mal-kontroparti tagħha fl-Istati Membri l-oħra. Dik l-awtorità għandha tittrażmetti lil dawk il-kontropartijiet, sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel l-ewwel jum tal-elezzjoni u permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi uniformi u sikuri, id-dejta dwar iċ-ċittadini tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ iktar minn Stat Membru wieħed u ċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru li fih ikunu residenti.

L-informazzjoni trażmessa għandha tinkludi mill-inqas il-kunjom u l-isem, l-età, il-post ta’ residenza, u d-data tal-wasla fl-Istat Membru kkonċernat, taċ-ċittadin inkwistjoni.".

(10)  L-Artikoli 10 u 11 huma sostitwiti b'dan li ġej:

"Artikolu 10

1.  L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom isiru fid-data jew fid-dati u l-ħinijiet stabbiliti minn kull Stat Membru. Għall-Istati Membri kollha din id-data jew dawn id-dati għandhom ikunu fl-istess perjodu li jibda l-Ħamis filgħodu u jispiċċa l-Ħadd ta' wara. L-elezzjoni għandha tintemm fl-Istati Membri kollha sad-21:00 CET ta' dak il-jum tal-Ħadd.

2.  L-Istati Membri ma għandhomx jippubblikaw b'mod uffiċjali r-riżultati tal-għadd tagħhom qabel ma jingħalqu l-votazzjonijiet. L-ewwel projezzjonijiet uffiċjali tar-riżultati għandhom jiġu kkomunikati b'mod simultanju fl-Istati Membri kollha fi tmiem il-perjodu elettorali speċifikat fil-paragrafu 1. Qabel dan, l-ebda previżjoni bbażata fuq ir-riżultati tal-votazzjoni ma tista’ tiġi ppubblikata.

3.  L-għadd tal-voti bil-posta għandu jibda fl-Istati Membri kollha ladarba tkun ingħalqet il-votazzjoni fl-Istati Membri fejn il-votanti jivvutaw l-aħħar fil-perjodu elettorali msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

1.  Il-Parlament Ewropew, wara li jikkonsulta lill-Kunsill, għandu jiddetermina l-perjodu elettorali għall-elezzjonijiet tal-inqas sena qabel tmiem il-mandat ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 5.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 229 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jiltaqa', mingħajr il-bżonn li jiġi msejjaħ, nhar l-ewwel Tlieta wara li jkun għadda intervall ta' xahar minn tmiem il-perjodu elettorali.".

(11)  L-Artikoli 14 u 15 huma sostitwiti b'dan li ġej:

"Artikolu 14

Il-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Att għandhom jiġu proposti mill-Parlament Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, u adottati mill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 15

Dan l-Att huwa mħejji fil-lingwa Daniża, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Netherlandiża, , , , Portugiża, Spanjola, Taljana u Żvediża, filwaqt li t-test f'kull waħda minn dawn il-lingwi huwa ugwalment awtentiku.

Skont it-Trattati tal-Adeżjoni, il-verżjoni Bulgara, Ċeka, Estonjana, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Rumena, Slovakka, Slovena u Ungeriża ta' dan l-Att għandhom ikunu awtentiċi wkoll.".

(12)  L-Annessi I and II huma mħassra.

Artikolu 2

1.  L-emendi stabbiliti fl-Artikolu 1 għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni mill-Istati Membri, skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar it-tlestija tal-proċeduri nazzjonali tagħhom.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976 (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 25 t'April 2017Avviż legali