Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2139(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0373/2015

Testi mressqa :

A8-0373/2015

Dibattiti :

PV 18/01/2016 - 17
CRE 18/01/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2016 - 5.5
CRE 19/01/2016 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0005

Testi adottati
PDF 311kWORD 126k
It-Tlieta, 19 ta' Jannar 2016 - Strasburgu
Ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE
P8_TA(2016)0005A8-0373/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE (2015/2139(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 21 u 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 167 tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 17 tiegħu, skont liema artikolu l-Unjoni tirrispetta l-istatus li jgawdu minnu taħt id-dritt nazzjonali l-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi kif ukoll l-organizzazzjonijet filosofiċi u mhux konfessjonali u tirrikonoxxi l-identità u l-kontribut speċifiku tagħhom u żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari magħhom,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 10, 11 u 22 u l-Preambolu tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 1 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Il-Kultura u l-Iżvilupp",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti (2000), u b'mod partikolari l-artikoli dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW, 1979),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (Konvenzjoni UNESCO),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (1948), b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha, u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 67/179 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-20 ta' Diċembru 2012 u r-riżoluzzjoni 22/20 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-22 ta' Marzu 2013,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin(1) u l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin, adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1983/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (2008)(2),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha(3),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (11855/2012), adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kunsill tal-Ewropa tas-7 ta' Mejju 2008 dwar id-Djalogu Interkulturali bit-titolu: "Living Together As Equals in Dignity" (Ngħixu Flimkien b'Dinjità Ugwali),

–  wara li kkunsidra l-aġenda Ewropea għall-kultura f'dinja li qed tiġi globalizzata (COM(2007)0242), li għandha l-għan li tippromwovi l-għarfien tad-diversità kulturali u l-valuri tal-UE, id-djalogu mas-soċjetà ċivili u l-iskambji tal-aħjar prattiki,

–  wara li kkunsidra r-riżultati u l-azzjonijiet ta' segwitu tal-Azzjoni Preparatorja għall-Kultura fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE, 2014,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali anness mal-mudell tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, adottati fil-laqgħa informali tal-ministri għall-edukazzjoni tal-UE fis-17 ta' Marzu 2015 f'Pariġi (8496/15),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet konġunti finali tat-Triju ta' Presidenzi tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ tal-2015 fil-Lussemburgu, li ħadu inkonsiderazzjoni l-konsultazzjoni tad-Djalogu Strutturat li għandha l-għan li ssaħħaħ l-awtonomija taż-żgħażagħ għall-parteċipazzjoni politika tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Ewropa u li stiednu lill-Parlament biex jippromwovi edukazzjoni bbażata fuq il-valuri u edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza attiva,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0373/2015),

A.  billi l-UE tirrappreżenta rikkezza immensa ta' diversità kulturali, soċjali, lingwistika u reliġjuża; billi, f'dan il-kuntest, il-valuri konġunti li jgħaqqdu flimkien is-soċjetajiet tagħna, bħal-libertà, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, it-tolleranza u s-solidarjetà, huma kruċjali għall-futur tal-Ewropa;

B.  billi d-djalogu interkulturali mhuwiex kunċett legali, u għaldaqstant mhuwiex regolat mid-dritt nazzjonali, tal-UE jew internazzjonali, iżda huwa msejjes fuq oqfsa internazzjonali li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u d-diversità kulturali;

C.  billi d-djalogu interkulturali ġie definit b'mod tentattiv fi studji u konklużjonijiet differenti matul is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali tal-2008, bħala proċess li jinkludi skambju jew interazzjoni, li huma miftuħa u bbażati fuq ir-rispett, bejn individwi, gruppi u organizzazzjonijiet bi sfondi kulturali jew opinjonijiet dwar id-dinja differenti; billi fost l-għanijiet tiegħu hemm: li jiġi żviluppat fehim aktar profond ta' perspettivi u prattiki differenti; li tiżdied il-parteċipazzjoni u l-libertà u l-kapaċità li jsiru l-għażliet; li titrawwem l-ugwaljanza; u li jitjiebu l-proċessi kreattivi;

D.  billi huwa importanti li jingħataw il-mezzi neċessarji, b'mod speċjali dawk finanzjarji, biex jiġi pprijoritizzat il-finanzjament ta' programmi li huma mfassla biex irawmu d-djalogu interkulturali u d-djalogu bejn iċ-ċittadini bil-għan li jissaħħaħ ir-rispett reċiproku fil-kuntest ta' diversità kulturali qawwija u jiġu indirizzati r-realtajiet kumplessi tas-soċjetajiet tagħna u l-koeżistenza ta' identitajiet kulturali u twemmin differenti, kif ukoll biex jiġi enfasizzat l-kontribut tal-kulturi differenti lis-soċjetajiet u lill-wirt Ewropej, u biex il-kunflitti jiġu ġġestiti b'mod effikaċi;

E.  billi l-kisba ta' dan l-objettiv mhijiex biss kompitu tal-awtoritajiet pubbliċi u ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, iżda hija responsabbiltà kondiviża tas-soċjetà kollha, inkluża firxa wiesgħa ta' partijiet interessati bħall-familja, il-midja, l-edukaturi, in-negozji, u l-mexxejja tal-komunitajiet u tal-fidi; billi, minbarra l-atturi politiċi, huwa importanti li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-partijiet interessati l-oħrajn kollha involuti fid-djalogu interkulturali;

F.  billi artikoli speċifiċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea huma ta' importanza partikolari għad-djalogu interkulturali billi jippromwovu l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika, il-libertà tal-espressjoni u tal-moviment, u d-drittijiet taċ-ċittadini għall-parteċipazzjoni ekonomika u politika;

G.  billi djalogu interkulturali ta' sinifikat jeħtieġ li wieħed ikollu għarfien sod tal-kultura tiegħu u ta' ħaddieħor;

H.  billi, fid-dawl tas-Sena Ewropea tal-Iżvilupp 2015, ir-rieżami tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju tan-NU u r-riżultati tas-Summit tan-NU tal-2015 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, ir-rwol tal-kultura huwa strumentali fil-kisba tal-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar fid-dinja; jappella wkoll għal integrazzjoni aktar espliċita tal-kultura fl-aġenda tan-NU dwar għall-iżvilupp sostenibbli għal wara l-2015;

I.  billi l-Ewropa u d-dinja qed jiffaċċjaw bosta sfidi marbuta mal-globalizzazzjoni, il-migrazzjoni, il-kunflitti reliġjużi u interkulturali u l-qawmien tar-radikaliżmu;

J.  billi, fil-kuntest tad-djalogu interkulturali, l-applikazzjoni kemm tad-drittijiet universali tal-bniedem (bħala drittijiet tal-individwu) u kemm tad-drittijiet kulturali (l-għarfien tal-identitajiet kulturali speċifiċi u multipli) hija essenzjali;

K.  billi l-iżvilupp tal-mobilità ta' tagħlim għall-istudenti u għall-għalliema u kwalunkwe forma oħra ta' skambju internazzjonali jista' jwassal għal dinja aħjar, fejn il-persuni jkunu jistgħu jiċċaqilqu b'mod liberu u jgawdu djalogu interkulturali miftuħ;

1.  Isostni li l-approċċ tal-Unjoni Ewropea għandu jieħu kont tal-ħidma eċċellenti li bdiet matul is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali 2008 u jkompli fuqha, isaħħaħ l-iskambju ta' prattiki tajba u jippromwovi djalogu strutturat ġdid mal-partijiet interessati kollha fi kwistjonijiet interkulturali u interkonfessjonali fid-dawl tal-avvenimenti reċenti u drammatiċi kollha: il-politiċi Ewropej u nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-knejjes, l-assoċjazzjonijiet u l-komunitajiet reliġjużi u l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali, l-organizzazzjonijiet u l-pjattaformi tas-soċjetà ċivili, il-ħaddiema fis-settur tal-isport, il-kultura u l-edukazzjoni, il-kunsilli nazzjonali u Ewropej taż-żgħażagħ, l-akkademiċi u l-midja;

2.  Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha jistabbilixxu definizzjoni aġġornata, ċara, u relatata mal-politika tad-djalogu interkulturali, biex jimplimentaw jew jarmonizzaw il-metodi, il-kriterji u l-indikaturi ta' kwalità bl-għan li jiġi vvalutat l-impatt tal-programmi u l-proġetti dwar id-djalogu interkulturali, u jirriċerkaw il-metodoloġiji tar-riċerka għall-paraguni interkulturali;

3.  Jirrakkomanda li jitħeġġeġ it-trawwim ta' approċċ interkulturali, interkonfessjonali u bbażat fuq il-valuri fil-qasam edukattiv sabiex jiġu indirizzati u promossi r-rispett reċiproku, l-integrità, il-prinċipji etiċi, id-diversità kulturali, l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali, inkluż permezz ta' programmi ta' skambju u mobilità għal kulħadd;

4.  Jirrakkomanda li tiġi indirizzata wkoll id-diversità kulturali fl-industriji awdjoviżivi u kulturali; iħeġġeġ lil dawn l-industriji jsibu modi kreattivi biex jagħmlu pressjoni favur l-ilħiq ta' ftehim fuq pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali;

5.  Jappella biex id-djalogu interkonfessjonali jitqies bħala komponent tad-djalogu interkulturali, prerekwiżit għal paċi, u għodda essenzjali għall-ġestjoni tal-kunflitt, b'enfasi fuq id-dinjità tal-individwu u fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, b'referenza partikolari għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon u d-dritt għall-ħarsien tal-minoranzi reliġjużi;

6.  Jenfasizza li djalogu interkulturali u interkonfessjonali ġenwin jinkoraġġixxi interazzjonijiet pożittivi u kooperattivi, jippromwovi l-fehim u r-rispett bejn il-kulturi, iżid id-diversità u r-rispett għad-demokrazija, il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll it-tolleranza għall-valuri universali u dawk speċifiċi għal ċerti kulturi;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni u l-edukazzjoni f'waqthom tal-komunitajiet issegregati;

8.  Jirrakkomanda li l-UE, bħala attur globali favur il-paċi, tinkludi l-kultura u l-iskambji kulturali u t-tisħiħ tal-edukazzjoni fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u fil-politika tal-iżvilupp tagħha, bħala strumenti għat-tisħiħ ta' valuri bażiċi komuni bħall-valuri tar-rispett u l-fehim reċiproku, filwaqt li toffri għodod effikaċi għal approċċ sinifikanti u sostenibbli għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, għall-istabbiliment tal-paċi u għall-prevenzjoni tal-kriżijiet;

9.  Iqis li, skont l-Artikolu 167(4) tat-TFUE, id-djalogu u d-diversità kulturali għandhom ikunu integrati b'mod trasversali fl-oqsma tal-politika kollha tal-UE li għandhom impatt fuq il-valuri u d-drittijiet fundamentali kondiviżi tal-UE, bħall-politika dwar iż-żgħażagħ, il-politika dwar l-edukazzjoni, il-mobilità, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, il-politiki esterni, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kummerċ u l-iżvilupp reġjonali;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ġenerazzjonijiet futuri jiġu mħarrġa u mħejjija biex isolvu l-problemi b'mod awdaċi u jindirizzaw b'mod effikaċi u innovattiv l-isfidi li ċ-ċittadini Ewropej se jħabbtu wiċċhom magħhom fil-futur billi jingħataw aċċess għal edukazzjoni ġenwina dwar iċ-ċittadinanza u billi jiġi żgurat li jkollhom il-motivazzjoni u l-impenn biex jiksbu l-kompetenzi u l-ħiliet bħall-intraprenditorija, it-tmexxija u l-bini ta' kapaċità;

11.  Jirrikonoxxi li d-djalogu interkulturali huwa għodda għall-parteċipazzjoni demokratika inklużiva u l-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini, b'mod partikolari f'rabta mal-ġid komuni u l-ispazji pubbliċi; isostni li, bħala tali, id-djalogu interkulturali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-titjib tad-demokrazija u l-iżvilupp ta' inklużività u sens ta' appartenenza akbar u aktar profondi;

12.  Jemmen li ż-żieda tal-investiment pubbliku f'edukazzjoni formali, mhux formali u informali li tkun inklużiva, ta' kwalità u aċċessibbli hija l-ewwel pass biex jingħataw aċċess ugwali u opportunitajiet indaqs għal kulħadd; ifakkar fil-ħtieġa li tiġi żgurata d-diversità kulturali u soċjali fil-klassijiet u f'ambjenti ta' tagħlim, inkluż fost l-edukaturi, biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u biex titrawwem l-edukazzjoni ta' tfal żvantaġġati bl-għan li tiġi promossa l-ekwità u titrawwem il-koeżjoni soċjali fost il-ġenerazzjonijiet futuri;

13.  Jenfasizza li l-edukazzjoni formali, mhux formali u informali u l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja mhux biss jipprovdu għarfien, ħiliet u kompetenzi, iżda għandhom ukoll jgħinu lill-istudenti jiżviluppaw valuri etiċi u ċiviċi u jsiru membri tas-soċjetà, attivi, responsabbli u b'moħħ miftuħ; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-edukazzjoni ċivika tibda sa minn età bikrija u jirrikonoxxi l-importanza ta' kooperazzjoni fost il-partijiet interessati kollha fil-qasam tal-edukazzjoni; jirrakkomanda li jiġi żviluppat is-sens ta' inizjattiva u involviment tat-tfal u ż-żgħażagħ sabiex jissaħħu r-rabtiet soċjali kif ukoll jiġi ġġenerat sens ta' appartenenza u jiġu żviluppati kodiċijiet ta' etika sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni;

14.  Jenfasizza r-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali u jirrikonoxxi l-benefiċċju tal-bini ta' sinerġiji u sħubijiet bejn il-livelli u l-forom kollha tat-tagħlim, inkluż bejn il-ġenerazzjonijiet; jenfasizza wkoll l-importanza tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-isports u ta' volontarjat għall-istimolu tal-iżvilupp tal-kompetenzi ċiviċi, soċjali u interkulturali, u għall-għoti ta' kontribut għall-inklużjoni soċjali ta' gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, u taċ-ċittadini b'mod aktar ġenerali, partikolarment it-tfal, permezz tat-tagħlim tal-ispirtu ta' ħidma f'tim u r-rispett għad-diversità, biex b'hekk jiġu miġġielda fenomeni soċjali bħall-vjolenza, ir-radikaliżmu, ir-razziżmu u l-ksenofobija u jinbnew mill-ġdid il-pedamenti għal djalogu kostruttiv u paċifiku fost il-komunitajiet; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-rwol kruċjali tal-programmi tal-UE fl-oqsma tal-kultura, tal-midja, tal-edukazzjoni, taż-żgħażagħ u tal-isport bħala għodod biex jiġu indirizzati l-intolleranza u l-preġudizzji u jitrawwem sens ta' appartenenza komuni u rispett għad-diversità kulturali;

15.  Jenfasizza l-importanza tal-bini ta' rabtiet b'saħħithom bejn il-kultura u l-edukazzjoni sabiex jiġu żviluppati ħiliet u kompetenzi trasferibbli, jiżdiedu l-impjiegi ta' livell għoli u sikuri f'konformità mal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u jinkiseb livell ogħla ta' inklużjoni soċjali u ta' ċittadinanza attiva; iqis li dawn huma fost l-għanijiet ewlenin fl-implimentazzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE kif minquxin fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; ifakkar fil-valuri ta' CONNECT, l-uniku programm tal-UE li jippromwovi proġetti kulturali u edukattivi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra linja ġdida ta' azzjoni pilota sabiex teżamina l-fattibbiltà preżenti ta' din l-iskema;

16.  Jappoġġa l-mobilità taż-żgħażagħ u l-għalliema kif ukoll il-forom kollha ta' kooperazzjoni bejn l-iskejjel u l-universitajiet, pereżempju l-pjattaformi edukattivi komuni, il-programmi konġunti ta' studju u l-proġetti konġunti, bħala mezz kif jitrawmu l-fehim u l-apprezzament tad-diversità kulturali u biex iż-żgħażagħ jingħataw kompetenzi u ħiliet soċjali, ċiviċi u interkulturali; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-esponiment tat-tfal għal kulturi oħra minn età bikrija ħafna tgħinhom jiksbu l-ħiliet għall-ħajja u l-kompetenzi bażiċi meħtieġa għall-iżvilupp personali tagħhom, l-impjegabbiltà futura tagħhom u ċ-ċittadinanza attiva tal-UE; jenfasizza li l-inklużjoni ta' żjarat skolastiċi edukattivi mmirati fl-Istati Membri differenti u l-mobilità transnazzjonali tat-tfal iż-żgħar huma wkoll għodda għall-istabbiliment tal-pedamenti tal-kulturi, l-arti, il-lingwi u l-valuri Ewropej; iħeġġeġ il-mobilità speċjalment għall-għalliema mil-livell tal-iskola primarja u dik sekondarja bl-għan li jaqsmu l-esperjenzi u jiżviluppaw l-għodod tagħhom stess biex jiffaċċjaw u jwieġbu l-isfidi soċjetali li qegħdin jevolvu; jenfasizza r-rwol u l-importanza tal-programm Erasmus+ li jrawwem kuxjenza Ewropea fost iż-żgħażagħ u joħloq sens ta' appartenenza komuni u kultura ta' djalogu interkulturali billi jiffaċilitalhom il-mobilità, kif ukoll iżidilhom l-impjegabbiltà tagħhom; iħeġġeġ b'mod partikolari miżuri ulterjuri biex jiġu ffaċilitati l-aċċess u l-integrazzjoni tal-gruppi żvantaġġati u persuni bi bżonnijiet speċjali fir-rigward tal-azzjonijiet ta' mobilità tal-Erasmus+;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta' taħriġ ta' kwalità, li jippromwovu d-diversità u jawtonomizzaw lill-edukaturi, liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema tal-komunitajiet, kif ukoll is-servizzi tal-konsulenza fl-iskejjel u f'ambiti mhux formali u informali, kemm għat-tfal kif ukoll għall-ġenituri tagħhom, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet edukattivi u ta' taħriġ tat-tfal minn sfondi kulturali u soċjali differeni u biex jiġu indirizzati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u razziżmu, inklużi l-bullying u s-cyberbullying; jinnota li r-riżorsi edukattivi għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid biex jitrawwem tagħlim b'perspettivi u lingwi differenti, u li l-esperjenzi u ħiliet multilingwali u interkulturali tal-għalliema għandhom jiġu vvalorizzati u promossi b'mod sistematiku f'dan il-kuntest;

18.  Jissottolinja l-importanza tal-investiment fi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja għall-għalliema, sabiex dawn jingħataw il-kompetenzi pedagoġiċi meħtieġa dwar suġġetti bħall-migrazzjoni, l-akkulturazzjoni u l-psikoloġija soċjali, kif ukoll biex ikunu jistgħu jużaw id-diversità bħala sors rikk għat-tagħlim fil-klassijiet;

19.  Jinnota r-rwol essenzjali tal-għalliema fit-tisħiħ – f'kooperazzjoni mal-familji – tar-rabtiet soċjali, fil-ħolqien ta' sens ta' appartenenza u fl-appoġġ liż-żgħażagħ biex dawn jiżviluppaw valuri etiċi u ċiviċi;

20.  Itenni l-ħtieġa li jinħolqu ambjenti ta' tagħlim ibbażati fuq id-drittijiet u li huma sensittivi għall-ġeneru sabiex l-istudenti jitgħallmu u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa u t-tfal, il-valuri fundamentali u l-parteċipazzjoni ċivika, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet taċ-ċittadini, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, isiru kunfidenti fir-rigward tal-identità tagħhom, ikunu ċerti li leħinhom jinstema' u jħossuhom apprezzati mill-komunitajiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-kuntesti edukattivi jsaħħu l-parteċipazzjoni attiva tal-istudenti fil-governanza tal-istrutturi tat-tagħlim tagħhom;

21.  Jenfasizza r-rwol tat-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-internet bħala għodod għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali; jippromwovi l-użu tal-midja soċjali sabiex jissaħħaħ l-għarfien tal-valuri u l-prinċipji fundamentali komuni tal-Unjoni Ewropea fost iċ-ċittadini, u jissottolinja l-importanza tal-litteriżmu medjatiku fil-livelli kollha tal-edukazzjoni bħala għodda għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali fost iż-żgħażagħ; iħeġġeġ ukoll lis-SEAE u lill-kapijiet kollha tar-rappreżentanzi tal-UE biex jagħmlu l-aħjar użu tal-għodod diġitali ġodda fil-ħidma tagħhom;

22.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jingħata appoġġ sostenibbli u strutturali lill-NGOs, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet ta' taħriġ sabiex dawn jiġġieldu kontra l-estremiżmu permezz tal-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u l-awtonomizzazzjoni u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, b'mod partikoli f'inizjattivi lokali fuq skala żgħira u fil-livell ta' bażi;

23.  Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li l-NGOs, in-netwerks u l-pjattaformi kulturali, kif ukoll l-istituzzjonijiet imsemmija hawn fuq, jiżvolġu u għandhom ikomplu jiżvolġu fejn l-istrutturi, il-politiki jew il-programmi ta' djalogu interkulturali formali huma inqas żviluppati; iħeġġeġ aktar djalogu bejn l-UE u l-ibliet il-kbar, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, bl-għan li jiġu analizzati b'mod aktar effikaċi (i) il-konnessjoni bejn il-mudelli urbani, fejn jgħixu ċ-ċittadini, u s-suċċess jew il-falliment tas-sistemi skolastiċi, (ii) il-benefiċċju tal-edukazzjoni formali u informali għat-tfal u l-familji kollha, u (iii) il-koordinament tal-istrutturi edukattivi biex jiġi promoss djalogu interkulturali effiċjenti;

24.  Jappella biex tingħata attenzjoni mill-ġdid għall-promozzjoni ta' soċjetà interkulturali u bbażata fuq is-solidarjetà, b'mod speċjali fost iż-żgħażagħ, permezz tal-implimentazzjoni tal-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini", permezz ta' finanzjament xieraq li jippermettilu jilħaq l-objettivi tiegħu li tinbena soċjetà aktar koerenti u inklużiva u titrawwem ċittadinanza attiva li tkun miftuħa għad-dinja, li tirrispetta d-diversità kulturali u li tkun ibbażata fuq il-valuri komuni tal-UE;

25.  Iħeġġeġ attivitajiet artistiċi u sportivi inklużivi, edukattivi u ta' taħriġ, għall-etajiet kollha, kif ukoll il-volontarjat, sabiex jissaħħu l-proċessi ta' soċjalizzazzjoni u l-parteċipazzjoni ta' minoranzi, gruppi żvantaġġati, komunitajiet marġinalizzati, migranti u rifuġjati, fil-ħajja kulturali u soċjali inkluż fit-tmexxija u t-teħid ta' deċiżjonijiet;

26.  Jirrikonoxxi l-importanza kemm tat-tagħlim formali, mhux formali u informali, kif ukoll tal-volontarjat, għall-promozzjoni tal-iżvilupp personali b'enfasi fuq il-ħiliet u l-kompetenzi konjittivi u mhux konjittivi, il-ħsieb kritiku, il-ħila li wieħed jittratta opinjonijiet differenti, il-litteriżmu medjatiku, il-ħiliet u l-kompetenzi interkulturali u antidiskriminatorji u t-tagħlim tal-lingwi, kif ukoll il-kompetenzi soċjali u ċiviċi li jinkludu t-tagħlim dwar il-wirt kulturali bħala għodda biex jiġu indirizzati l-isfidi kontemporanji permezz ta' interpretazzjoni sensittiva;

27.  Jafferma l-ħtieġa li, fit-trattament tal-kwistjoni tad-djalogu interkulturali u l-edukazzjoni, tinżamm perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi u jittieħed kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jbatu minn forom multipli ta' diskriminazzjoni, inklużi l-persuni b'diżabbiltajiet, persuni li jidentifikaw ruħhom bħala LGBTI u persuni li jkunu ġejjin minn komunitajiet marġinalizzati;

28.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jwessgħu l-analiżi tagħhom tal-forom kollha tar-radikalizzazzjoni u jniedu riflessjonijiet ġodda dwar in-natura u l-proċessi tal-estremiżmu politiku u l-vjolenza politika, billi jibdew mill-premessa li r-radikalizzazzjoni hija proċess dinamiku u relazzjonali u konsegwenza imprevista u imprevedibbli ta' serje ta' trasformazzjonijiet; jilqa' għalhekk b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tas-17 ta' Marzu 2015 dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni bħala sforz li jrawwem id-djalogu attiv bejn il-kulturi, kif ukoll bħala solidarjetà globali u rispett reċiproku, billi tingħata attenzjoni għall-importanza tal-edukazzjoni ċivika, inkluża s-sensibilizzazzjoni tar-rwol uniku tal-għodod kulturali għat-trawwim tar-rispett reċiproku fost l-istudenti;

29.  Ifakkar fil-leġittimità u r-responsabbiltà tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet Ewropej, bl-appoġġ ta' servizzi ta' intelligence u aġenziji tal-infurzar tal-liġi, biex jindirizzaw attivitajiet kriminali; jinnota madankollu li, f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-miżuri punittivi jridu dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali bħad-dritt għall-protezzjoni tad-data, il-libertà tal-espressjoni, il-preżunzjoni tal-innoċenza u r-rimedju effettiv;

30.  Jemmen li l-UE, hija u tippromwovi l-valuri fundamentali, id-djalogu interkulturali u d-diversità kulturali fil-livell internazzjonali, għandha tikkundanna bil-qawwa kwalunkwe trattament inuman u degradanti u l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem sabiex tippromwovi b'mod konkret ir-rispett sħiħ għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards vinkolanti Ewropej u internazzjonali kontra d-diskriminazzjoni fid-dritt nazzjonali;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-komunitajiet marġinalizzati, lill-migranti, lir-rifuġjati u lill-komunitajiet ospitanti kif ukoll lill-komunitajiet reliġjużi u sekulari fi proċessi ta' inklużjoni li jkunu ta' rispett u ta' awtonomizzazzjoni, filwaqt li jiżguraw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja kulturali u ċivika, b'mod uman, dinjituż u sostenibbli fis-sitwazzjonijiet kollha, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni preparatorja dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u r-rwol tagħha fit-tisħiħ tar-rwol tal-kultura bħala fattur strateġiku tal-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku, li b'hekk tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika esterna, u jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lir-rappreżentanzi tal-UE madwar id-dinja kollha biex jinkludu wkoll il-kultura bħala element integrali tal-politika esterna tal-UE, biex jaħtru uffiċjal għall-kultura f'kull rappreżentanza tal-UE f'pajjiżi terzi sħab u biex joffru lill-persunal tas-SEAE taħriġ dwar id-dimensjoni kulturali tal-politika esterna; jistieden lill-Kummissjoni tintegra d-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali fl-istrumenti kollha tar-relazzjonijiet esterni tal-UE u fl-aġenda tal-UE għall-iżvilupp; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali oħra, bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji relatati tagħha, b'mod partikolari l-UNESCO, l-UNICEF u l-UNHCR, u jesiġu rappreżentanza tal-UE effikaċi u aktar b'saħħitha fi ħdan il-korpi tagħhom; jappella, barra minn hekk, għal kooperazzjoni mal-istituti kulturali nazzjonali bl-għan li titjieb l-implimentazzjoni tal-istrumenti eżistenti, bħar-raggruppamenti kulturali bbażati fuq in-netwerks tal-Istituti Nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-Kultura (EUNIC), u t-tfassil ta' għodod ġodda biex jiġu ttrattati l-isfidi komuni f'dinja globalizzata;

34.  Iqis li l-kultura għandha ssir parti essenzjali mid-djalogu politiku mal-pajjiżi terzi, u jfakkar mill-ġdid fil-ħtieġa li l-kultura tiġi integrata b'mod sistematiku fi proġetti u programmi ta' żvilupp; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa li jitneħħew l-ostakoli għall-mobilità għall-artisti, l-edukaturi, l-akkademiċi u l-professjonisti tal-kultura, permezz tal-armonizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-viża sabiex titħeġġeġ il-kooperazzjoni kulturali mal-partijiet kollha tad-dinja;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji li jirrikonoxxu d-djalogu interkulturali bħala proċess ta' komunikazzjoni interattiva fi ħdan u bejn il-kulturi, u biex jiżguraw ir-rispett reċiproku u l-opportunitajiet indaqs, jagħtu u jimplimentaw soluzzjonijiet effikaċi ħalli jiġu indirizzati l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali u l-kawżi tal-esklużjoni kif ukoll il-forom kollha tad-diskriminazzjoni, u jiżviluppaw fehim aktar profond ta' perspettivi u prattiki differenti; ifakkar fir-rwol ewlieni li għandha l-midja, inkluża l-midja soċjali, bħala pjattaforma potenzjali għall-propoganda estremista u bħala mezz biex jiġu miġġielda n-narrattivi ksenofobiċi, jingħelbu l-isterjotipi u l-preġudizzji u tiġi promossa t-tolleranza;

36.  Ifakkar li l-wirt kulturali jirrappreżenta d-diversità tal-espressjonijiet kulturali u għalhekk għandu jiġi protett u promoss permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni armonizzata u ftehimiet internazzjonali, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNESCO;

37.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprevjenu l-estremiżmu, bħal pereżempju l-ksenofobija, ir-razziżmu u forom oħra ta' diskriminazzjoni u marġinalizzazzjoni permezz ta' miżuri ta' koeżjoni komunitarja li jistgħu jikkontestaw b'suċċess l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, billi jinvolvu firxa wiesgħa ta' atturi bħal dawk involuti fl-ippjanar urban, il-ħaddiema soċjali, l-assoċjazzjonijiet komunitarji u reliġjużi, il-knejjes, l-edukaturi, l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ għall-familji u l-professjonisti tas-saħħa, bl-objettivi li jiġġieldu kontra l-estremiżmu, jiżguraw l-inklużjoni soċjali kif ukoll l-ugwaljanza formali u sostantiva, jippromwovu d-diversità u jrawmu l-koeżjoni komunitarja;

38.  Jirrakkommanda lill-UE tikkoopera biex it-tagħlim u l-iskejjel isiru aċċessibbli għat-tfal rifuġjati billi tkompli tappoġġa programmi dwar l-aċċess għall-edukazzjoni fi kriżijiet umanitarji u tiżgura l-integrazzjoni tal-istudenti migranti fl-Ewropa;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw, ifasslu u jimplimentaw metodi interattivi li jiffokaw fuq il-metodi għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u tat-tfal fil-livelli governattivi kollha;

40.  Jissottolinja r-rwol tal-familja fil-preservazzjoni tal-identità kulturali, it-tradizzjonijiet, l-etika u s-sistemi tal-valuri tas-soċjetà, u jenfasizza li l-introduzzjoni tat-tfal għall-kultura, il-valuri u n-normi tas-soċjetà tagħhom tibda fil-familja;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw djalogu interkulturali bħala objettiv politiku tal-UE sod u impenjat, u b'hekk jiżguraw l-appoġġ tal-UE permezz ta' miżuri ta' politika, inizjattivi u fondi differenti, inkluż id-djalogu interkulturali mal-pajjiżi terzi, speċjalment ma' stati fraġli;

42.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jipprijoritizzaw inizjattivi mmirati lejn l-appoġġ għad-diversità kulturali, id-djalogu interkulturali u l-edukazzjoni, u jisfruttaw bis-sħiħ l-istrumenti finanzjarji, il-programmi u l-inizjattivi tal-UE, bħal Erasmus+, l-Ewropa għaċ-Ċittadini, il-programmi Ewropa Kreattiva u Orizzont 2020, il-politika tal-viċinat tal-UE u strumenti tar-relazzjonijiet esterni, u entitajiet bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, għall-promozzjoni u l-appoġġ tad-djalogu interkulturali u d-diversità kulturali fi ħdan l-Ewropa u mal-pajjiżi ġirien u reġjuni oħra tad-dinja;

43.  Jenfasizza l-kontribut rikk li tagħti l-produzzjoni artistika Ewropea għad-diversità kulturali kif ukoll ir-rwol li tiżvolġi biex tifrex il-valuri tal-UE u tħeġġeġ liċ-ċittadini Ewropej jiżviluppaw il-ħsieb kritiku tagħhom;

44.  Ifakkar fir-rwol li jiżvolġi l-Premju LUX biex jippremja l-films Ewropej li jiddeskrivu l-identità Ewropea jew id-diversità kulturali Ewropea;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-impatt tal-miżuri meħuda fil-kuntest ta' dan ir-rapport u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport ta' monitoraġġ u ta' rieżami;

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0279.
(2) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 44.
(3) ĠU C 320, 16.12.2008, p. 10.
(4) ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1418.

Avviż legali - Politika tal-privatezza