Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2252(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0301/2015

Testi mressqa :

A8-0301/2015

Dibattiti :

PV 11/04/2016 - 16
CRE 11/04/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/04/2016 - 5.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0103

Testi adottati
PDF 291kWORD 113k
It-Tlieta, 12 ta' April 2016 - Strasburgu
Ir-rapporti annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità
P8_TA(2016)0103A8-0301/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rapporti annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (2014/2252(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet(1),

–  wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi li sar qbil dwarhom fit-22 ta’ Lulju 2011 bejn is-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294(4) tat-TFUE f’każ ta’ qbil fl-ewwel qari,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Frar 2014 dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità – id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2012 dwar it-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet – Applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (2010)(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u r-regolamentazzjoni intelliġenti(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali 2012 tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (COM(2013)0566) u r-rapport annwali 2013 tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (COM(2014)0506),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti tal-4 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Konferenza tal-Ispeakers tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ April 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Biennali tal-COSAC dwar l-Iżviluppi fil-Proċeduri u l-Prattiki tal-Unjoni Ewropea Rilevanti għall-Iskrutinju Parlamentari tas-27 ta’ Settembru 2012, is-17 ta' Mejju 2013, l-4 ta’ Ottubru 2013, id-19 ta’ Ġunju 2014, l-14 ta’ Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-14 ta’ Ottubru 2014 tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi, bl-isem "Cutting Red Tape in Europe – Legacy and Outlook" (L-Eliminazzjoni tal-Burokrazija fl-Ewropa – Wirt u Perspettiva"(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0301/2015),

A.  billi fl-2012, il-Kummissjoni rċeviet opinjonijiet motivati li jindirizzaw 83 proposta leġiżlattiva; billi l-għadd totali ta’ sottomissjonijiet milqugħa fl-2012 kien ta’ 292, inklużi dawk is-sottomissjonijiet li ma kinux jikkwalifikaw bħala opinjonijiet motivati;

B.  billi fl-2013, il-Kummissjoni rċeviet opinjonijiet motivati li jindirizzaw 99 proposta leġiżlattiva; billi l-għadd totali ta’ sottomissjonijiet milqugħa fl-2013 kien ta’ 313, inklużi dawk is-sottomissjonijiet li ma kinux jikkwalifikaw bħala opinjonijiet motivati;

C.  billi fl-2012, il-parlamenti nazzjonali ħarġu 12-il opinjoni motivata dwar il-proposta Monti II(6), li jirrappreżentaw 19-il vot (fejn 18 huwa l-limitu), u b’hekk għall-ewwel darba wasslu għall-hekk imsejħa karta safra, li tirrikjedi li l-istituzzjoni li tkun ippreżentat il-proposta teżaminaha mill-ġdid u tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta’ jekk għandhiex tirtira, temenda jew iżżomm il-proposta;

D.  billi l-Kummissjoni rtirat il-proposta Monti II iżda ddikjarat li hija kkunsidrat li l-proposta kienet konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u li l-proposta ġiet irtirata minħabba li ma kienx hemm appoġġ biżżejjed għaliha fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri(7);

E.  billi fl-2013, il-parlamenti nazzjonali ħarġu 13-il opinjoni motivata dwar il-proposta għall-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(8), li jirrappreżentaw 18-il vot, biex b’hekk ingħata bidu għat-tieni proċedura ta’ karta safra;

F.  billi l-Kummissjoni kkonkludiet li l-proposta tagħha kienet konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u li l-irtirar jew emenda tal-proposta ma kinux meħtieġa; billi l-Kummissjoni ddikjarat li fil-proċess leġiżlattiv hi kienet se tqis kif dovut l-opinjonijiet motivati(9);

G.  billi għadd ta' parlamenti nazzjonali esprimew tħassib dwar l-approċċ tal-Kummissjoni, filwaqt li kkunsidraw il-ġustifikazzjonijiet u l-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni bħala insuffiċjenti; billi l-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew mexxew dibattiti dwar dan is-suġġett;

H.  billi fin-negozjati sussegwenti mal-Kunsill dwar il-Prosekutur Pubbliku Ewropew l-ambitu u l-metodoloġiji tal-ħidma ġew imnaqqsa meta mqabbla mal-proposta inizjali li fuqha kienu nħarġu l-opinjonijiet motivati;

I.  billi minħabba d-dritt ta’ inizjattiva tagħha, il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li tiżgura li l-għażliet korretti dwar jekk u kif għandha tiġi proposta azzjoni fil-livell tal-UE isiru fi stadju bikri tal-iżvilupp tal-politika;

J.  billi l-Kummissjoni qed twettaq reviżjoni tal-linji gwida li japplikaw għall-proċess ta' valutazzjoni tal-impatt, li tinkludi l-kunsiderazzjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

K.  billi l-Parlament stabbilixxa l-Unità tal-Valutazzjoni tal-Impatt tiegħu, li pproduċiet 50 stima inizjali u żewġ stimi dettaljati tal-valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni fl-2013;

L.  billi l-parlamenti nazzjonali osservaw li l-inklużjoni ta’ setgħat delegati sinifikanti u numerużi tagħmilha diffiċli biex jiġi vvalutat b'mod effettiv jekk ir-regoli finali jkunux jirrispettaw il-prinċipju ta’ sussidjarjetà;

M.  billi l-kontroll tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif ukoll valutazzjoni tal-impatt jitwettqu biss fil-bidu tal-proċess leġiżlattiv;

1.  Josserva li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-prinċipju ta' proporzjonalità huma prinċipji ta’ gwida fundamentali għall-Unjoni Ewropea;

2.  Jenfasizza li l-użu tal-kompetenzi tal-UE għandu jkun iggwidat mill-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif iddikjarat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jilqa' l-fatt li fl-2012 u l-2013 il-konformità ma' dawn iż-żewġ prinċipji ġiet eżaminata bir-reqqa mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-parlamenti nazzjonali;

3.  Jilqa' l-parteċipazzjoni aktar mill-qrib u l-involviment aktar b'saħħtu tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv Ewropew fis-snin reċenti, li rriżultaw f'żieda tas-sensibilizzazzjoni tal-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE, inklużi l-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest interistituzzjonali; jinnota, madankollu, li għad jeħtieġ issir aktar ħidma f'dan il-kuntest; jissuġġerixxi li bħala l-ewwel pass il-Kummissjoni timpenja ruħha f'dibattitu annwali mal-parlamenti nazzjonali kollha sabiex issaħħaħ id-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali;

4.  Jemmen, barra minn hekk, li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-prinċipju ta' proporzjonalità jirrappreżentaw il-punt ta’ tluq għat-tfassil tal-politika; jenfasizza għalhekk l-importanza li fil-bidu tal-proċess leġiżlattiv jiġi vvalutat jekk l-objettivi tal-politika jistgħux jintlaħqu aħjar fil-livell Ewropew milli permezz ta’ inizjattivi nazzjonali jew reġjonali;

5.  Jinnota l-importanza tal-parlamenti u tal-impatt territorjali tagħhom u l-qrubija tagħhom taċ-ċittadini, u jitlob, fejn xieraq, għal aktar involviment min-naħa tagħhom fis-sistema ta' twissija bikrija;

6.  Jinnota, madankollu, li maġġoranza tal-opinjonijiet tal-parlamenti nazzjonali jiġu mressqa minn ftit biss mill-kmamar nazzjonali; iħeġġeġ lill-kmamar nazzjonali l-oħra jinvolvu ruħhom aktar fid-dibattitu Ewropew;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet Ewropej jirrispettaw il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-prinċipju ta’ proporzjonalità mħaddna fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li huma ta' natura ġenerali u jorbtu lill-istituzzjonijiet fl-eżerċizzju tas-setgħat tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, fejn ma japplikax il-prinċipju ta’ sussidjarjetà;

8.  Iqis li l-mekkaniżmu għall-kontroll tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa ta’ importanza maġġuri għall-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u dawk nazzjonali;

9.  Jinnota li r-rapporti annwali mħejjija mill-Kummissjoni huma kemxejn superfiċjali, u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tħejji rapporti aktar dettaljati dwar il-mod kif is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma osservati fit-tfassil tal-politika tal-UE;

10.  Jinnota l-metodoloġija tal-Kummissjoni fir-rapporti Annwali tal-2012 u l-2013, li fihom tintuża statistika biex jiġu kklassifikati l-opinjonijiet motivati mressqa mill-parlamenti nazzjonali dwar pakkett ta’ proposti bħala opinjoni motivata waħda biss, aktar milli opinjoni motivata dwar kull waħda mill-proposti individwali;

11.  Jinnota li, meta meħud f’daqqa, il-proporzjon ta’ opinjonijiet motivati żdied b’mod sinifikanti bħala persentaġġ tas-sottomissjonijiet totali meta mqabbla mal-2010 u l-2011 u li fl-2012 l-opinjonijiet motivati rrappreżentaw 25 % tas-sottomissjonijiet kollha, filwaqt li fl-2013 kienu jgħoddu t-30 % tas-sottomissjonijiet mill-parlamenti nazzjonali taħt il-proċess tal-Protokoll 2; jinnota f’dan ir-rigward il-konsultazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv;

12.  Jindika li s-sena 2012 rat l-ewwel użu tal-hekk imsejħa proċedura tal-karta s-safra mill-parlamenti nazzjonali fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, b'reazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li tagħti servizz (Monti II); jinnota li minkejja li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma kienx inkiser hija fil-fatt irtirat il-proposta minħabba nuqqas ta' appoġġ politiku; jirrimarka li t-tieni hekk imsejħa karta s-safra ġiet attivata fl-2013 mal-proposta mill-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE); jinnota li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-proposta kienet konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà u ddeċidiet li żżommha.

13.  Jinnota li l-opinjonijiet motivati mogħtija mill-parlamenti nazzjonali jiġbdu l-attenzjoni lejn l-eżistenza ta' diversi interpretazzjonijiet tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif ifformulat fit-Trattati, jippermetti lill-Unjoni taġixxi f'oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha biss "jekk u sa fejn, l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni"; ifakkar li "skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati"; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jkunu fidili lejn l-ittra tat-TUE meta jkunu qed jivvalutaw il-konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità; jirrakkomanda bil-qawwa li l-parlamenti nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej jimpenjaw ruħhom fi skambji ta' fehmiet u prattiki f’dak li jirrigwarda l-iskrutinju tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

14.  Jinnota li l-opinjonijiet motivati mressqa mill-parlamenti nazzjonali jvarjaw konsiderevolment fir-rigward tat-tipi ta’ argumenti mqajma u l-forma tagħhom; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ xejriet komuni li jagħmilha aktar diffiċli li wieħed jivvaluta fuq liema bażi l-parlamenti nazzjonali jintervjenu;

15.  Ifakkar fit-tħassib imqajjem f’rapporti preċedenti tal-Parlament rigward każijiet fejn is-sussidjarjetà ma kenitx ġiet indirizzata b’mod adegwat f’valutazzjonijiet tal-impatt (VI) imħejjija mill-Kummissjoni; ifakkar ukoll li r-Rapporti Annwali tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (BVI) qajmu din il-kwistjoni; jinnota li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt qies li aktar minn 30 % tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt rieżaminati minnhom fl-2012 u l-2013 kienu jinkludu analiżi insodisfaċenti tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà; jesprimi tħassib dwar il-fatt li dan il-għadd żdied għal 50 % fl-2014, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fir-reviżjoni tagħha tal-linji gwida li japplikaw għall-valutazzjonijiet tal-impatt tindirizza din il-kwistjoni u taqleb din it-tendenza;

16.  Jinnota l-importanza tal-valutazzjonijiet tal-impatt bħala għajnuniet fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-proċess leġiżlattiv u jenfasizza l-ħtieġa, f’dan ir-rigward, li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kwistjonijiet relatati mas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

17.  Jenfasizza li valutazzjonijiet tal-impatt bir-reqqa li jivvalutaw bir-reqqa r-rispett tas-sussidjarjetà huma essenzjali biex tittejjeb il-fiduċja taċ-ċittadini, li ta’ spiss jikkunsidraw il-prinċipju ta’ sussidjarjetà bħala aspett ewlieni tal-proċess demokratiku; jenfasizza, għalhekk, li verifiki msaħħa tas-sussidjarjetà jistgħu jitqiesu bħala għodda importanti biex jitnaqqas l-hekk imsejjaħ “defiċit demokratiku”;

18.  Itenni t-talba li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tal-14 ta' Settembru 2011 għall-użu ta' valutazzjonijiet tal-impatt nazzjonali bħala komplement għal dawk imwettqa mill-Kummissjoni – li r-riforma tagħhom qiegħda tiġi diskussa – b'appoġġ tal-leġiżlazzjoni proposta; jemmen li l-unitajiet tal-valutazzjoni tal-impatt maħluqin mill-Parlament dan l-aħħar se jikkumplementaw il-ħidma tal-Kummissjoni b'mod pożittiv;

19.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar ir-rispons tal-Kummissjoni lill-parlamenti nazzjonali f’każijiet fejn kienu nħarġu karti sofor; jemmen li huwa neċessarju li l-Kummissjoni tirrispondi b’mod komprensiv għal kwalunkwe tħassib li jitqajjem mill-parlamenti nazzjonali, u fuq bażi individwali bħala parti minn djalogu flimkien ma’ kwalunkwe opinjoni ppubblikata; iqis li huwa wkoll meħtieġ li l-Kummissjoni tidher quddiem il-kumitat jew kumitati rilevanti tal-Parlament biex tispjega l-pożizzjoni tagħha fid-dettall;

20.  Jenfasizza li l-proċedura tal-karta s-safra, li hija strument biex jiġi influwenzat it-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, tista' tissaħħaħ b'mod effikaċi permezz ta' skambju ta' informazzjoni minn qabel dwar il-pożizzjonijiet tal-parlamenti nazzjonali u għalhekk iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jagħmlu skambju ta' fehmiet dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-metodi ta' valutazzjoni applikati bil-għan li tiġi vvalutata l-konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-prinċipju ta’ proporzjonalità;

21.  Jemmen li d-djalogu politiku kulma jmur qed isir aktar importanti fl-iżgurar li s-sussidjarjetà tiġi rrispettata; iqis li d-djalogu politiku għandu jittejjeb mhux biss f’każijiet ta’ karta safra jew oranġjo, iżda bħala regola ġenerali; jilqa’ f’dan ir-rigward l-impenn tal-Kummissjoni Juncker li tidher quddiem aktar parlamenti nazzjonali, u jitlob lill-Parlament jikkunsidra li jidħol għal inizjattivi simili; jemmen li r-rapporteurs jistgħu jiġu mħeġġa jinvolvu ruħhom aktar spiss mal-parlamenti nazzjonali, b’mod partikolari peress li l-mezzi ta’ vidjokonferenzar u metodi oħra ta’ involviment onlajn qed isiru aktar faċli u aktar effikaċi;

22.  Jenfasizza li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-parlamenti nazzjonali għandhom ikomplu jaħdmu biex jippromwovu “kultura ta' sussidjarjetà” madwar l-UE kollha; jirrakkomanda żewġ inizjattivi partikolari li ser jgħinu kunsiderazzjoni aħjar tas-sussidjarjetà fil-proċess leġiżlattiv fil-preżent, jiġifieri l-iffaċilitar ta' inklużjoni akbar tal-pożizzjonijiet, perspettivi jew suġġerimenti oħra magħmula mill-parlamenti nazzjonali fid-djalogu politiku, b’mod partikolari hu u għaddej xogħol ta’ tħejjija bħalma huma l-Green Papers jew il-White Papers prodotti mill-Kummissjoni, u l-kunsiderazzjoni ta’ jekk għandux jiġi estiż il-perjodu ta’ żmien għall-konsultazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-kuntest tal-verifika tas-sussidjarjetà jekk il-parlamenti nazzjonali jitolbu dan għal raġunijiet ta’ limitazzjonijiet ta’ żmien abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi ġustifikati, bħalma huma diżastri naturali u perjodi ta’ vaganzi, li għandu jsir qbil dwarha bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni; iqis li dan jista’ jintlaħaq permezz ta’ impenn politiku miftiehem mill-istituzzjonijiet u l-parlamenti nazzjonali fl-ewwel lok, mingħajr ma jinħoloq dewmien fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

23.  Jekk l-Istati Membri jaqblu li jestendu l-perjodu mogħti lill-parlamenti nazzjonali biex joħorġu opinjoni motivata skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-prinċipju ta' proporzjonalità, dan għandu jiġi inkluż f'reviżjoni li jkun imiss tat-Trattat; tali perjodu ta' estensjoni jista' mbagħad jiġi determinat ukoll f'leġiżlazzjoni sekondarja;

24.  Iqis li huwa importanti li l-proċedura tal-karta s-safra tkun tista’tiġi implimentata faċilment għall-parlamenti, filwaqt li jiġi affermat mill-ġdid il-prinċipju ta’ sussidjarjetà skont it-Trattati;

25.  Jinnota li għadd ta’ parlamenti nazzjonali fil-COSAC esprimew l-interess tagħhom fil-proponiment tal-introduzzjoni ta’ karta ħadra bħala strument għat-titjib tad-djalogu politiku, li jkun jagħti lill-parlamenti nazzjonali, wara li l-ewwel ikunu żguraw l-appoġġ mingħand il-Parlament, l-opportunità li jagħmlu proposti kostruttivi biex jiġu eżaminati mill-Kummissjoni u bir-rispett dovut għad-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni;

26.  Jinnota li l-proposti leġiżlattivi jistgħu jinbidlu b’mod drammatiku fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni mill-istituzzjonijiet; ifakkar li verifika fuq ir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà ssir biss fil-bidu u mhux fil-konklużjoni tal-proċess leġiżlattiv; ifakkar barra minn hekk li l-valutazzjonijiet tal-impatt b’mod aktar ġenerali jiġu mħejjija biss għall-istadji tal-bidu aktar milli għall-istadji finali tal-proċess leġiżlattiv; jenfasizza l-ħtieġa ta’ valutazzjoni ta’ nofs it-term wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ adozzjoni, u fl-aħħar tal-proċess leġislattiv, li tagħmilha possibbli, f’ċerti każijiet, li tinħareġ twissija lill-Istati Membri li jonqsu milli jirrispettaw il-prinċipju ta’ sussidjarjetà;

27.  Jitlob għalhekk li ssir verifika ulterjuri tas-sussidjarjetà u valutazzjoni kompluta tal-impatt fil-konklużjoni tan-negozjati leġiżlattivi u qabel ma ssir l-adozzjoni ta’ test finali, bil-għan li jkun jista' jiġi ggarantit ir-rispett tas-sussidjarjetà u jkunu jistgħu jsiru valutazzjonijiet li jkunu jinkludu l-proporzjonalità; jemmen li perjodu ta’ “preklużjoni” bħal dan ikun jgħin lil dawk li jfasslu l-politiki jivvalutaw jekk il-leġiżlazzjoni tkunx tirrispetta l-prinċipji tal-Unjoni, u jkun iżid it-trasparenza dwar ir-riżultati ta’ perjodi ta’ dawk li huma ħafna drabi negozjati intensivi mhux ħażin;

28.  Jieħu nota tal-għanijiet ta' politika tal-Kummissjoni l-ġdida relatati ma' inizjattivi u proposti għal leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri: spejjeż minimi; benefiċċji għaċ-ċittadini, in-negozji u l-ħaddiema; u l-evitar ta' piżijiet regolatorji mhux meħtieġa;

29.  Iqis li l-programmi taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għandhom jivvalutaw u jagħtu prova tar-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà f’dak li hu valur miżjud li jista' jintwera fi ħdan l-Istati Membri benefiċjarji;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni, f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, tissimplifika l-proċedura biex issir l-applikazzjoni għall-fondi tal-UE, bil-għan li tagħmel il-proċedura ta' applikazzjoni aktar effiċjenti u orjentata lejn ir-riżultati;

31.  Jissottolinja l-impenn tiegħu li jiżgura r-rispett tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-prinċipju ta' proporzjonalità permezz tal-valutazzjonijiet tar-rapporti fuq inizjattiva proprja leġiżlattivi tiegħu stess, stimi ex-ante tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni u l-valutazzjoni kostanti tal-valur miżjud potenzjali tal-UE u l-“kost tan-non-Ewropa” (Cost of Non-Europe);

32.  Jinnota d-diskussjonijiet reċenti dwar is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati (ISDS) u l-proposti tal-Kummissjoni mmirati lejn is-sostituzzjoni tal-mudell attwali; ifakkar li l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jikkwalifika l-politika kummerċjali komuni bħala qasam integrali ta' kompetenza esklużiva tal-Unjoni li għandu jkun ibbażat fuq prinċipji uniformi; jinnota, għaldaqstant, li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma japplikax għall-politika kummerċjali komuni;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jiżblokkaw il-Konvenzjoni tal-UNCITRAL dwar it-Trasparenza fl-Arbitraġġ bejn l-Investituri u l-Istati Bbażat fuq it-Trattati sabiex il-Kummissjoni tiffirma l-konvenzjoni f'isem l-Unjoni kollha; jiddeplora l-qagħda attwali fejn uħud mill-Istati Membri huma firmatarji tal-konvenzjoni u oħrajn le; iqis li dan l-eżempju jenfasizza l-ħtieġa il-ħtieġa li jkun hemm ċarezza mtejba min-naħat kollha rigward l-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-investiment dirett barrani; ifakkar li politiki differenti implimentati mill-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni tal-investiment wasslu għall-qagħda attwali fejn l-Istati Membri huma firmatarji ta' xi 1 400 trattat ta' investiment bilaterali li, kultant, jinkludu dispożizzjonijiet differenti, fattur li jaf iwassal għal trattament li jvarja tal-investituri tal-UE barra mill-Unjoni, skont l-oriġini tal-investiment inkwistjoni;

34.  Jappella li, fir-rigward tal-assistenza finanzjarja tal-UE lil pajjiżi oħra, b'mod speċifiku l-assistenza makrofinanzjarja, isiru valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u ex post aktar fil-fond dwar il-proporzjonalità tal-miżuri proposti bil-għan li l-assistenza tkun effiċjenti u verament ta’ għajnuna għall-pajjiżi sħabna li jinsabu fil-bżonn; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita kondizzjonalità għall-iżborż tal-assistenza u kontroll xieraq tal-użu tal-fondi, inklużi miżuri li jirrigwardaw il-prevenzjoni tal-frodi u l-korruzzjoni u l-ġlieda kontrihom, kif ukoll skrutinju dettaljat mill-Parlament; jappella għal integrazzjoni aktar b'saħħitha tal-istrumenti esterni tal-UE, b'mod li l-kummerċ, l-iżvilupp u l-politika estera u ta' sigurtà jiġu kkumbinati flimkien; jenfasizza li l-Istati Membri jeħtiġilhom juru aktar impenn f'dan ir-rigward;

35.  Jirrimarka li huwa tal-ogħla importanza li jkun hemm konsultazzjoni, djalogu u involviment kif imiss taċ-ċittadini, tan-negozji (jiġifieri l-SMEs) u tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE għall-politika kummerċjali;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0061.
(3) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 117.
(4) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 87;
(5) http://ec.europa.eu/smart-regulation/refit/admin_burden/docs/08-10web_ce-brocuttingredtape_en.pdf
(6) Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li tagħti servizz (COM(2012)0130).
(7) Ittra tat-12 ta’ Settembru 2012 mill-Viċi President Šefčovič lill-Parlamenti Nazzjonali.
(8) Il-proposta tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) (COM(2013)0534).
(9) Komunikazzjoni tas-27 ta' Novembru 2013 lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Parlamenti Nazzjonali dwar ir-reviżjoni tal-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, skont il-Protokoll Nru 2 (COM(2013)0851).

Avviż legali - Politika tal-privatezza