Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2127(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0050/2016

Testi mressqa :

A8-0050/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 16
CRE 27/04/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.64
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0200

Testi adottati
PDF 495kWORD 165k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell
Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) - Rapport Annwali 2014
P8_TA(2016)0200A8-0050/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) - Rapport Annwali 2014 (2015/2127(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività tal-2014 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju tal-2014 u r-Rapport Statistiku tal-2014 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2014 dwar is-Sostenibbiltà, ir-Rapport tal-2014 dwar valutazzjoni fuq 3 pilastri għall-operazzjonijiet tal-BEI fi ħdan l-UE u r-Rapport tal-2014 dwar ir-Riżultati barra l-UE tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali tal-Kumitat ta' Awditjar tal-BEI għas-sena 2014,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2014 dwar Attivitajiet Kontra l-Frodi tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI għall-2014-2016 (is-17 ta' Diċembru 2013), il-Pjan Operazzjonali Korporattiv tal-FEI għall-2014-2016 (Diċembru 2013) u l-Pjan Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI għall-2015-2017 (il-21 ta' April 2015),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Politika għat-Trasparenza tal-BEI fl-2014,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività tal-2014 tal-Uffiċċju tal-Uffiċjal Ewlieni għall-Konformità tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 tat-TFUE dwar l-Istatut tal-BEI,

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2012(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2013(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea(3) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2014 dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea (COM(2014)0168),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-Mandat Estern tal-BEI 2007-2013 u d-Deċiżjoni 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 670/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2012, li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija (b'rabta mal-fażi pilota għall-Inizjattiva dwar bonds li jiffinanzjaw proġetti Ewropa 2020),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014 li jirreferu espliċitament għall-involviment tal-BEI f'fond ġdid immirat lejn investimenti biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija u jiġu modernizzati sistemi tal-enerġija fl-Istati Membri bi dħul iktar baxx,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ''Pjan ta' Investiment għall-Ewropa'' (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2015 intitolata "Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi: Ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs) fl-appoġġ tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (COM(2015)0361),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0050/2016),

A.  billi l-kompitu ewlieni tal-BEI bħala l-bank tal-UE huwa li jappoġġa finanzjarjament proġetti fl-interess tal-Unjoni li jikkontribwixxu għal żvilupp bilanċjat tas-suq intern u għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, u b'hekk jissaħħu l-integrazzjoni Ewropea, filwaqt li jikkontribwixxu għal rata ogħla tal-impjieg u għall-kompetittività tal-Unjoni;

B.  billi l-attivitajiet kollha ffinanzjati mill-BEI għandhom ikunu konsistenti mat-Trattati tal-UE u l-objettivi ġenerali tal-UE u l-oqsma ta' prijorità, kif definiti mill-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Faċilità għat-Tkabbir u l-Impjiegi;

C.  billi, bil-għan li jwettaq il-kompitu tiegħu, il-BEI għandu jagħti self u garanziji li jiffaċilitaw il-finanzjament ta' proġetti fis-setturi kollha tal-ekonomija, filwaqt li jopera fuq bażi ta' mingħajr qligħ;

D.  billi b'riżultat tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali tal-2008 tfaċċa distakk serju fl-investiment u livelli estremi ta' qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, flimkien mal-prospettiva ta' staġnar fit-tul tal-ekonomija Ewropea;

E.  billi fil-preżent kemm l-Istati Membri individwali u kemm l-UE inġenerali qed iħabbtu wiċċhom ma' sfida kbira mingħajr preċedent fl-istorja kollha tal-UE, li jimmaniġġjaw flussi tal-massa ta' migranti minn reġjuni differenti fid-dinja;

F.  billi fiċ-ċirkustanzi preżenti r-rwol ċentrali tal-BEI issa huwa kkaratterizzat minn grad ta' urġenza ġdid fuq bażi kwalitattiva għall-implimentazzjoni effettiva tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u għall-operazzjoni effiċjenti tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), bħala l-mezz prinċipali biex tingħata spinta lit-tkabbir, jinħolqu impjiegi deċenti u jingħelbu l-qasmiet soċjali u territorjali fi ħdan l-Unjoni;

G.  billi l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) għandu rwol kruċjali fir-rispons tal-Grupp tal-BEI għal dak li jirrigwarda l-indirizzar tal-konsegwenzi aktar fit-tul tal-kriżi, u jikkontribwixxi wkoll għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea permezz tal-appoġġ lill-SMEs;

H.  billi l-BEI m'għandux ikun biss istituzzjoni finanzjarja iżda wkoll bank ta' għarfien u prattiki tajba, li jagħti parir lill-Istati Membri u l-partijiet interessati ekonomiċi u jikkontribwixxi biex jiġi mmassimizzat il-valur miżjud tal-fondi tal-UE;

I.  billi l-finanzjament tal-operazzjonijiet mill-BEI barra mill-UE huwa mfassal b'mod li jappoġġa l-objettivi tal-politika esterna tal-UE, skont il-valuri tal-Unjoni u abbażi tar-rispett għal standards soċjali u ambjentali sostenibbli;

J.  billi l-iskala u l-kumplessità tal-kompiti li qed iħabbat wiċċu magħhom il-BEI fil-preżent, jappellaw għal impenn imġedded biex jiġi evitat strettament il-finanzjament ta' proġetti li jiksru l-istandards bażiċi ta' ġestjoni finanzjarja tajba, u b'hekk issir ħsara lill-kredibbiltà tal-BEI bħala istituzzjoni finanzjarja pubblika bi klassifikazzjoni AAA u reputazzjoni inkontestabbli;

Il-programm ta' investiment tal-BEI li jsostni l-għanijiet ta' politika tal-UE

Nagħtu prijorità lill-investimenti biex jitħaffef l-irkupru u tissaħħaħ il-produttività

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rapporti Annwali għall-2014 tal-BEI u l-kisbiet li kellu ppreżentati fih, u jħeġġeġ lill-BEI sabiex ikompli fl-isforzi tiegħu biex jiżdied il-livell baxx ta' investiment fl-UE;

2.  Jilqa' b'mod partikolari l-fatt li fl-2014 il-BEI ffinanzja 285 000 intrapriża żgħira u ta' daqs medju, b'hekk issalvagwardja 3.6 miljun impjieg, u ffirma kuntratti għal total ta' 413-il proġett fi ħdan l-UE b'valur ta' EUR 69 biljun u 92 proġett ġdid barra mill-UE għal total ta' EUR 7.98 biljun; jilqa' l-fatt li fl-istess sena l-FEI impenja EUR 3.3 biljun permezz tal-attivitajiet ta' ekwità u ta' garanzija tiegħu għall-benefiċċju ta' negozji iżgħar, u b'hekk irreġistra l-implimentazzjoni b'suċċess ta' wieħed mill-aktar pjanijiet ta' negozju ambizzjużi tal-BEI, b'total ta' EUR 80.3 biljun f'finanzjament tal-Grupp tal-BEI; jilqa' l-fatt li l-volum ta' firem miksuba mill-BEI fl-2014 kien fl-ogħla livell tiegħu mill-2009 'l hawn, iżda jenfasizza li l-livelli ta' firem għandhom potenzjal ogħla; jappoġġa ż-żieda fil-kapital tal-BEI b'EUR 10 biljuni li ntlaħaq qbil dwarha fl-2012 mill-Istati Membri kollha;

3.  Josserva madankollu li fl-2014 59.4 % tal-proġetti kollha ffirmati mill-BEI ġew allokati lill-aqwa ħames ekonomiji tal-UE, filwaqt li s-sehem tat-23 Stat Membru l-oħrajn kien biss ta' 30.3 %; jinkoraġġixxi lill-BEI jimplimenta politika ta' self aktar bilanċjata għall-Istati Membri, meta titqies l-intensità tal-isfidi kemm dawk attwali kif ukoll dawk fuq terminu twil li qed tiffaċċja l-Unjoni;

4.  Jistieden lill-BEI jipprovdi aktar appoġġ tekniku fl-istadju ta' qabel l-approvazzjoni lil dawk l-Istati Membri li għandhom rata ta' suċċess aktar baxxa għall-approvazzjoni tal-proġetti, u jinkoraġġixxi lill-BEI jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prassi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-iżvilupp b'suċċess tal-proġetti;

5.  Jistieden lill-BEI jiffoka fuq l-investimenti fl-ekonomija reali sabiex jistimula l-impjiegi u t-tkabbir fl-UE;

6.  Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rati għoljin ferm ta' qgħad f'ħafna Stati Membri, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u jħeġġeġ lill-BEI jikkunsidra din is-sitwazzjoni meta jimplimenta l-politiki tiegħu;

7.  Jinnota li l-operazzjonijiet, filwaqt li jittieħed kont tad-disponibbiltà tal-fondi, għandhom jiġu mmirati lejn il-ġenerazzjoni ta' investimenti li jsaħħu l-irkupru ekonomiku u l-impjiegi produttivi, u akkumpanjati minn appoġġ konsistenti lill-Istati Membri bil-għan li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' assorbiment fejn meħtieġ, kif ukoll minn impenn kontinwu biex jiġi evitat ir-riskju ta' frammentazzjoni territorjali;

8.  Jinnota li kapaċità insuffiċjenti ta' ġenerazzjoni ta' proġetti fis-setturi pubbliċi u privati u livelli baxxi ta' kapaċità ta' self f'xi Stati Membri, flimkien mal-kundizzjonijiet tas-suq attwali jippreżentaw sfidi sinifikanti għall-programm ta' self tal-BEI; iħeġġeġ lill-BEI għaldaqstant biex iżid sostanzjalment l-assistenza teknika u l-konsulenza finanzjarja tiegħu fl-oqsma ewlenin kollha ta' attività, u dan fuq bażi faċilment aċċessibbli u fir-rigward tal-Istati Membri kollha sabiex jintlaħaq livell ħafna ogħla ta' kapaċità li tiġġenera t-tkabbir;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-użu tal-Qafas ta' Valutazzjoni fuq Tliet Pilastri (3PA) u l-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati (ReM) mill-BEI għall-valutazzjoni ex ante tar-riżultati mistennija mill-proġetti ta' investiment, kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE;

10.  Jistieden lill-BEI biex fl-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-proġetti jagħti prijorità deċiżiva lill-effett fit-tul tal-investimenti, fir-rigward mhux biss tal-indikaturi finanzjarji iżda wkoll, u fuq kollox, lill-kontribut tagħhom lejn l-iżvilupp sostenibbli u kwalità ta' ħajja aħjar permezz ta' titjib ulterjuri fil-qasam tal-impjiegi, l-istandards soċjali u l-ambjent;

11.  Jenfasizza li l-approvazzjoni tal-finanzjament tal-proġett għandha tkun ibbażata fuq analiżi finanzjarja u tar-riskju xierqa, il-vijabbiltà finanzjarja u l-ġestjoni baġitarja tajba; iqis li l-proġetti approvati għall-finanzjament tal-BEI għandhom joffru valur miżjud ċar għall-ekonomija Ewropea;

12.  Jiddispjaċih li fir-Rapport 3PA ma hemm l-ebda informazzjoni ppreżentata, kemm jekk ibbażata fuq 3PA jew għodod rilevanti oħra, dwar ir-riżultati reali miksuba minn operazzjonijiet imwettqa ġewwa l-UE fl-2014 (f'kuntrast mar-riżultati miksuba barra l-UE), minkejja l-fatt li t-3PA huwa mfassal bil-għan speċifiku li jsaħħaħ il-kapaċità tal-BEI li jimmonitorja l-implimentazzjoni billi jsegwi l-impatti tul iċ-ċiklu kollu tal-proġett; jistenna li b'riżultat tal-armonizzazzjoni li għaddejja bejn it-3PA u r-ReM se jiġi stabbilit qafas armonizzat ġdid fil-bidu tal-2016 li jkun aktar adattat għall-valutazzjoni ex post u r-rappurtar ta' riżultati tal-proġetti kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE u kompletament konformi mat-tabella ta' valutazzjoni għall-operazzjonijiet tal-FEIS, u li se jintuża għall-eżerċizzju ta' rappurtar tal-2015 tal-BEI; jappella biex il-valutazzjonijiet tal-proġetti individwali jiġu ppubblikati fuq bażi sistematika;

13.  Jieħu nota tal-Pjan Operazzjonali tal-BEI għall-2015-2017; jilqa' l-fatt li dan jirrikonoxxi li l-veloċitajiet ta' rkupru jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u li stabbilixxa l-koeżjoni ekonomika u soċjali bħala objettiv tal-politika trasversali;

14.  Jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-BEI rristruttura l-klassifikazzjoni tal-Għanijiet ta' Politika Pubblika (PPGs) prinċipali tiegħu għall-Grupp tal-BEI għall-2015-2017 (l-innovazzjoni u l-kapital uman, l-SMEs u l-finanzjament għal kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, l-infrastruttura effiċjenti u l-ambjent) b'mod li huwa differenti mill-formulazzjoni tal-PPGs tiegħu għall-2014-2016 (żieda fil-potenzjal tat-tkabbir u l-impjiegi, is-sostenibbiltà ambjentali, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-konverġenza, u l-azzjoni klimatika); jinnota li l-PPGs ġew allinjati għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi li qed jevolvu, u jistieden f'dan ir-rigward lill-BEI jiżgura li jissaħħu ulterjorment iż-żewġ għanijiet trasversali għall-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE u għall-azzjoni klimatika, flimkien mal-persentaġġ previst ta' firem li jikkontribwixxu għalihom;

15.  Iqis madankollu li l-preżentazzjoni tal-attivitajiet tal-BEI fir-Rapport tal-Attività tal-2014 mhijiex kompletament konsistenti mal-PPGs għall-2014; jiddispjaċih barra minn hekk dwar in-nuqqas ta' informazzjoni b'rabta mar-riżultati miksuba mid-diversi strumenti finanzjarji tal-BEI u l-inizjattivi li kienu fis-seħħ fl-2014; jirrakkomanda li, biex jikkomunika l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu, il-BEI m'għandux jiffoka primarjament fuq il-volum tal-investimenti magħmula iżda pjuttost fuq l-effett tagħhom;

16.  Jistenna li l-BEI jikkontribwixxi għar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020 billi jippreżenta informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu u l-kontribut tagħhom għall-kisba tal-miri tal-istrateġija;

17.  Jistieden lill-BEI jikkunsidra jfassal fl-2015 rapport aktar komprensiv u analitiku dwar l-attivitajiet annwali tiegħu li joffri sommarju adegwat tal-informazzjoni mir-rapporti tematiċi tiegħu u li jikkorrispondi iżjed bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tal-Istatut tal-BEI;

18.  Jilqa' l-informazzjoni ġdida pprovduta mid-dokument ta' ħidma dwar l-istrumenti finanzjarji li jakkumpanja l-abbozz tal-baġit; jiddispjaċih madankollu li ma ngħatatx stampa ġenerali tal-impenji u l-pagamenti annwali lill-BEI u jistenna aktar informazzjoni;

19.  Jenfasizza li l-investiment, ir-riformi strutturali u l-politiki baġitarji tajba jridu jagħmlu parti minn strateġija globali;

Nippromwovu l-impjiegi taż-żgħażagħ, l-innovazzjoni u l-SMEs

20.  Jilqa' l-implimentazzjoni fl-2014 tal-inizjattiva tal-BEI ''Ħiliet u Impjiegi – Investiment fiż-Żgħażagħ'', u jħeġġeġ lill-BEI jkompli jinvesti fl-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-impjiegi għaż-żgħażagħ; jistieden lill-BEI jirrapporta b'mod komprensiv dwar ir-riżultati miksuba permezz tal-inizjattiva tiegħu ''Investiment fiż-Żgħażagħ'', inkluż permezz tal-użu ta' indikatur bħal pereżempju l-impjiegi sostenibbli li jirriżultaw minn operazzjonijiet speċifiċi;

21.  Jilqa' t-tnedija fl-2014 ta' firxa ġdida ta' prodotti fil-qafas ta' InnovFin – Finanzi tal-UE għall-Innovaturi, miftuħa għal innovaturi ta' kull daqs, kif ukoll it-tnedija tas-servizz ta' konsulenza ta' InnovFin għal proġetti kbar ta' R&Ż; jieħu nota wkoll tat-tnedija fl-2014 tal-Mandat il-ġdid ta' Titjib tar-Riskju tal-Grupp tal-BEI;

22.  Jinnota li fl-2014 il-Bank iffirma total ta' 225 operazzjoni fi ħdan l-UE għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-ħiliet (62 operazzjoni ta' innovazzjoni u R&Ż għal EUR 9.6 biljun u 25 operazzjoni tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet għal EUR 4.4 biljun) u għal SMEs u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja (138 operazzjoni għal EUR 22.2 biljun);

23.  Jieħu nota taż-żieda fil-kapital tal-FEI ta' EUR 1.5 biljun fl-2014, u l-investiment rekord tiegħu biex jipprovdi finanzjament ta' riskju lill-SMEs fl-ammont ta' EUR 3.3 biljun, li wassal għal ingranaġġ ta' EUR 14-il biljun f'kapital; jitlob li fir-Rapport Annwali tal-BEI tiġi inkluża ħarsa ġenerali komprensiva u trasparenti tal-operazzjonijiet tal-FEI;

24.  Jieħu nota tal-fatt li l-Grupp tal-BEI jgħaddi l-finanzjament għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja permezz ta' firxa ta' intermedjarji finanzjarji, bil-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-finanzjament u l-aċċess għalih; jistieden għaldaqstant lill-BEI jaħdem aktar mill-qrib mal-intermedjarji finanzjarji tiegħu fl-Istati Membri u jħeġġiġhom ixerrdu informazzjoni rilevanti lill-benefiċjarji potenzjali sabiex jiġi stabbilit ambjent favorevoli għall-imprendituri li jippermetti aċċess aktar faċli għall-SMEs għall-finanzjament;

25.  Jinnota li SMEs f'bosta partijiet tal-Ewropa jiffaċċjaw diffikultajiet kbar ħafna biex ikollhom aċċess għall-finanzjament neċessarju; jilqa' f'dan il-kuntest il-fatt li l-BEI qed jagħmel enfasi akbar fuq l-appoġġ għall-SMEs; jenfasizza l-importanza tal-BEI biex jiffaċilita sħubijiet u jsaħħaħ l-istrumenti ta' appoġġ għall-finanzjament tal-attività ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji u ta' negozji ġodda innovattivi; jistieden lill-BEI barra minn hekk jikkoopera aktar mill-qrib mal-istituzzjonijiet pubbliċi reġjonali biex itejjeb kemm jista' jkun il-possibbiltajiet ta' finanzjament għall-SMEs;

26.  Jilqa' l-programmi għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ tal-BEI, b'mod partikolari l-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kummerċ għall-SMEs li toffri garanziji lill-banek barranin li jipprovdu finanzjament tal-kummerċ lill-SMEs u b'hekk tikkontribwixxi għat-tkebbis mill-ġdid tal-flussi kummerċjali u ttaffi l-limitazzjonijiet kollaterali tal-flus kontanti, u proġetti kummerċjali ġodda ta' finanzjament immirati lejn pajjiżi milquta bil-kbir mill-kriżi ekonomika jew soluzzjonijiet finanzjarji mfasslin apposta, bħall-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress iddedikati għall-inklużjoni finanzjarja;

27.  Jistieden lill-BEI jiżviluppa politika ta' komunikazzjoni effikaċi li tindirizza benefiċjarji privati potenzjali, u dan bħala parti integrali mill-funzjoni konsultattiva tiegħu; jinkoraġġih isaħħaħ u jespandi n-netwerk tal-uffiċċji tiegħu fi ħdan l-UE;

28.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni fir-Rapport tal-Attività tal-2014 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' Lulju 2014 bejn il-Kummissjoni u l-FEI taħt il-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME);

Insaħħu s-sostenibbiltà ambjentali u l-azzjoni klimatika

29.  Jinnota li minn 84 proġett ambjentali ffirmat fl-2014 fl-UE, li jammontaw għal total ta' EUR 12.6 biljun, il-proġetti tat-trasport sostenibbli kienu jikkostitwixxu EUR 5.1 biljun, il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u ta' effiċjenza fl-enerġija EUR 3.7 biljun, u l-proġetti għall-protezzjoni tal-ambjent EUR 3.8 biljun; jinnota wkoll li l-operazzjonijiet iffirmati għall-objettiv trasversali tal-''azzjoni klimatika'' ammontaw għal EUR 16.8 biljun, jew 24 % tal-finanzjament totali tal-BEI fl-UE;

30.  Jieħu nota tal-fatt li l-appoġġ tal-BEI għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fl-2014 kien ikkonċentrat l-aktar fil-ħames l-akbar ekonomiji tal-UE, hekk kif minn EUR 4,5 biljun għall-proġetti ta' enerġija rinnovabbli fl-UE-28 intefqu biss EUR 42 miljun fit-13-il Stat Membru ġodda; jgħid ukoll li wieħed josserva konċentrazzjoni simili fis-settur tal-effiċjenza enerġetika, fejn minn EUR 2 biljuni kienu allokati biss EUR 148 miljun lit-13-il Stat Membru ġodda; iħeġġeġ sabiex jiżdied b'mod progressiv is-sehem ta' investimenti futuri fl-iżvilupp ta' kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli u fis-settur tal-effiċjenza tal-enerġija fl-Istati Membri l-ġodda sa ma jintlaħqu 30 % tal-investimenti totali f'dawn l-oqsma sal-2020; jitlob li jsir sforz akbar biex tingħata aktar assistenza teknika lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom li jħejju proġetti vijabbli li jippermettu aktar investimenti fis-settur tal-enerġija;

31.  Jilqa' t-tnedija fl-2014 ta' strumenti ġodda u innovattivi biex jappoġġaw azzjoni favur il-klima, bħall-Istrument ta' Finanzjament Privat għall-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Faċilità ta' Finanzjament Kapitali Naturali, u jistenna li l-BEI jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħhom fir-rapporti ta' attività futuri tiegħu;

32.  Jinkoraġġixxi l-impenn tal-BEI biex jappoġġa inizjattivi li jgħinu lill-UE tibqa' minn ta' quddiem nett u twettaq l-ambizzjonijiet tagħha li ilhom stabbiliti dwar is-suq tal-karbonju fil-kuntest tal-Qafas ta' Politika għall-Klima u l-Enerġija għall-2030, l-Istrateġija għal Emissjonijiet Baxxi tal-Karbonju għall-2050, u t-taħdidiet dwar il-klima tan-NU biex jiġi definit ftehim globali ġdid; jitlob rieżami tas-sehem ta' investimenti tal-BEI fl-azzjoni dwar il-klima, peress li s-sehem ta' 25 % diġà ntlaħaq;

33.  Jieħu nota tal-momentum lejn l-iżvilupp ta' suq tal-bonds ekoloġiċi u r-rwol ewlieni tal-BEI bil-bonds ekoloġiċi u l-bonds għall-għarfien klimatiku tiegħu stess, xhieda tal-interess tal-investitur fi prodotti finanzjarji ddedikati għal tkabbir sostenibbli, b'livell baxx ta' karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima; jistieden lill-BEI jeżamina mill-ġdid l-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tiegħu fl-2016 fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE għal Emissjonijiet Baxxi tal-Karbonju għall-2050;

34.  Jilqa' l-pubblikazzjoni f'Settembru 2015 tal-Istrateġija Klimatika tal-BEI – Mobilizzazzjoni tal-finanzjament għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx tal-karbonju u reżiljenti għall-klima, u r-Rapport ta' Sinteżi dwar Valutazzjoni tal-Operazzjonijiet ta' Finanzjament tal-BEI għal Azzjoni dwar il-Klima (mitigazzjoni) fl-UE bejn l-2010 u l-2014; jappella sabiex jiġi applikat approċċ SMART (speċifiku, li jista' jitkejjel u jinkiseb, realistiku u marbut mal-ħin) fil-pjanijiet ta' azzjoni speċifiċi wara l-Istrateġija Klimatika tal-BEI sal-2017;

Nippromwovu koeżjoni u konverġenza ekonomiċi u soċjali

35.  Jinnota li EUR 19,9 biljun, jew 29 % tal-finanzjament totali tal-BEI fl-UE fl-2014, kienu għal operazzjonijiet li jappoġġaw il-koeżjoni; jiddispjaċih madankollu li ma hemm l-ebda informazzjoni dwar l-għadd ta' proġetti appoġġati mill-Grupp tal-BEI skont is-setturi relevanti jew l-istrumenti finanzjarji jew l-inizjattivi applikati relatati ma' dan l-objettiv ta' politika trasversali;

36.  Jissottolinja r-rwol deċiżiv tal-politika ta' koeżjoni biex jitnaqqsu l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni Ewropej u titrawwem l-integrazzjoni Ewropea, u jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ewlenija ta' approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni; iħeġġeġ lill-BEI biex fir-rapporti annwali futuri tiegħu jinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-kontribut u r-riżultati miksuba lejn l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni permezz tal-attivitajiet tal-BEI;

37.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol imkabbar li l-Grupp tal-BEI se jkollu fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; jemmen li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba lejn titjib fis-sinerġiji bejn il-BEI u l-Fondi SIE; jappella għal titjib fl-attività tiegħu f'konformità mal-Protokoll (Nru 28) dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali; iqis li jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-korpi lokali u reġjonali biex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji jintużaw b'mod effettiv biex tingħata spinta lill-politiki ta' żvilupp territorjali u ta' koeżjoni; jilqa' s-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-BEI biex tiġi stabbilita pjattaforma konsultattiva fi-compass; jemmen bis-sħiħ li jeħtieġ li jiġu semplifikati r-regoli dwar l-appoġġ mogħti mill-Fondi SIE lill-istrumenti finanzjarji taħt il-BEI;

38.  Jilqa' b'mod partikolari l-attività ta' finanzjament tal-BEI b'appoġġ għall-proġetti infrastrutturali u tat-trasport fir-reġjuni tal-Ewropa; jenfasizza li appoġġ finanzjarju ta' dan it-tip iżid b'mod sinifikanti l-potenzjal għall-iżvilupp tal-kummerċ, billi jrawwem it-tkabbir u l-kompetittività, speċjalment f'dawk iż-żoni bi żvantaġġi naturali ġeografiċi;

39.  Jinnota li fl-2014 il-BEI ffirma, ġewwa l-UE, 104 proġetti għall-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika għal total ta' EUR 20.2 biljun, li minnhom il-proġetti strateġiċi tat-trasport (inklużi TEN-T) ammontaw għal EUR 8.2 biljun, il-proġetti għal enerġija kompetittiva u sikura EUR 7.5 biljun, u l-proġetti ta' tiġdid urban (inkluża s-saħħa) EUR 4.5 biljun;

40.  Jenfasizza li l-investiment fi proġetti infrastrutturali sostenibbli huwa kruċjali biex titjieb il-kompetittività u jerġa' jkun hemm it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa; jitlob għalhekk li l-finanzjament tal-BEI jiġi utilizzat favur iż-żoni l-aktar affettwati minn qgħad għoli, u għal aktar proġetti infrastrutturali soċjali; jenfasizza li l-finanzjament tal-BEI għandu jiffoka primarjament fuq dawk il-pajjiżi li qegħdin jaqgħu lura f'termini ta' kwalità u żvilupp tal-infrastruttura, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu, madankollu, il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba u l-vijabbiltà tal-proġetti;

41.  Jinnota bi tħassib it-tendenza li tiġi ffinanzjata infrastruttura bħalma huma l-awtostradi, li jħeġġu l-konsum tal-karburanti fossili u għalhekk imorru kontra l-objettivi fit-tul tal-Unjoni li nersqu lejn ekonomija ħielsa mill-karbonju; jistieden lill-BEI jinkludi valutazzjoni ex-ante obbligatorja tal-valur miżjud ambjentali, ekonomiku u soċjali fil-proċess għall-għażla ta' proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati ġewwa u barra l-UE u biex il-valutazzjonijiet ex-ante u ex-post kollha jitwettqu bl-involviment attiv tal-partijiet interessati, l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jitlob barra minn hekk li r-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet u l-indikaturi użati jsiru pubbliċi u li jkunu għalkollox aċċessibbli;

42.  Jenfasizza li l-finanzjament ta' proġetti kbar spiss jiffaċilita l-infiltrazzjoni minn kumpaniji marbuta mal-kriminalità organizzata; jikkritika l-fatt li l-BEI ffinanzja l-biċċa tal-awtostrada magħrufa bħala Passante di Mestre, li fuqha hemm investigazzjonijiet għaddejjin fuq frodi tat-taxxa; jinnota bi tħassib li l-BEI ma weġibx għal dawn it-talbiet f'dan ir-rigward li jinsabu fir-rapport dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi; jistieden lill-BEI, għal darb'oħra, jissospendi kull forma ta' finanzjament għall-proġett;

43.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp reġjonali u jistieden lill-BEI jtejjeb id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet, il-banek u l-aġenziji reġjonali u lokali; iqis li, f'dan il-qafas, il-kooperazzjoni transkonfinali għandha tiġi appoġġata wkoll;

44.  Jistieden lill-BEI iżid l-appoġġ tiegħu lill-proġetti koperti mill-istrateġiji makroreġjonali tal-UE; jenfasizza l-importanza li jitkompla jingħata appoġġ lis-setturi ekonomiċi innovattivi u sostenibbli, kif ukoll dawk tradizzjonali fl-UE; jissottolinja l-ħtieġa li l-Ewropa tiġi interkonnessa permezz ta' trasport intermodali kif ukoll investimenti bbażati fuq il-post; jitlob barra minn hekk għall-istabbiliment ta' pjattaformi finanzjarji u ta' investiment sabiex jippermettu l-ġbir ta' fondi minn sorsi varji u l-mobilizzazzjoni tal-investimenti meħtieġa għal tali proġetti makroreġjonali;

Il-ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)

45.  Jilqa' l-Fond Ewropew il-ġdid għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); jenfasizza l-ħtieġa li l-FEIS jiffunzjona b'mod effikaċi, kompletament trasparenti u ġust f'konformità mal-kriterji tal-mandat u r-regolament tiegħu, u jirrakkomanda kooperazzjoni mill-viċin u ħarsa ġenerali tal-operazzjonijiet tal-FEIS min-naħa tal-Parlament u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jenfasizza li r-riżorsi tiegħu għandhom juru addizzjonalità reali meta mqabbla mal-operazzjonijiet normali ffinanzjati mill-BEI; ifakkar li l-FEIS għandu wkoll jagħti kontribut għall-koeżjoni, u jistieden lill-BEI jiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà mal-investimenti mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment u fondi oħra pubbliċi; jistieden lill-BEI jimplimenta u jkompli jiżviluppa l-FEIS f'kooperazzjoni mill-qrib mal-koleġiżlaturi, inkluż permezz ta' konklużjoni f'waqtha u obbligatorja tal-ftehim pendenti li hemm bejn il-Parlament u l-BEI;

46.  Jistenna li l-għanijiet għall-FEIS se jkunu konsistenti mal-PPGs tal-BEI u li l-livelli tal-investimenti tal-BEI għall-2016 se jiġu adattati biex jirriflettu wkoll l-operazzjonijiet tal-FEIS;

47.  Jenfasizza li l-FEIS għandu jibbenefika lill-Istati Membri kollha mingħajr allokazzjoni settorjali u reġjonali minn qabel, u għandu jkun konsistenti wkoll ma' inizjattivi ta' investiment reġjonali jew lokali li għaddejjin; jenfasizza li l-finanzjament tal-FEIS għandu jibbenefika wkoll proġetti fuq skala żgħira;

48.  Jirrikonoxxi l-isfidi involuti biex tinħoloq sensiela ta' proġetti strateġiċi tal-FEIS u biex issir operattiva malajr; jilqa' l-istabbiliment min-naħa tal-BEI ta' ċentru ta' konsulenza għall-investiment Ewropew, li għandu l-għan jipprovdi assistenza teknika u għarfien espert għal promoturi potenzjali; jistenna li l-mekkaniżmu ta' assistenza teknika jaħdem b'mod effettiv fil-livell lokali u reġjonali;

49.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jaħtru banek promozzjonali nazzjonali u jrawmu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-BEI u l-banek promozzjonali nazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-pjattaformi tal-investiment, sabiex jiġbru u jaqsmu għarfien espert u kompetenzi u jkun hemm allinjament aħjar bejn l-azzjonijiet tal-BEI u l-prijoritajiet ta' politika tal-Istati Membri; ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm trasparenza sħiħa u li tingħata prijorità lill-orjentament lejn ir-riżultati fir-rigward tal-involviment tal-banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali fil-proġetti tal-FEIS;

50.  Jistieden lill-BEI jiżgura li l-FEIS ma jintużax indirettament bħala mezz biex jiżdied il-kapital tal-BEI; jistieden għalhekk lill-BEI jirrevedi regolarment l-involviment tiegħu fil-FEIS u juri li l-kundizzjonijiet dwar l-addizzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 2015/1017 ġew issodisfati u li, b'mod partikolari ma jkunux qed jiġu eliminati sorsi ta' finanzjament privat;

51.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li ħafna mill-proġetti magħżula matul il-fażi ta' warehousing kien ikollhom aċċess għall-finanzjament b'kundizzjonijiet normali u li dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta' addizzjonalità; ifakkar li l-garanzija tal-FEIS kienet maħsuba sabiex tippermetti lill-BEI jieħu aktar riskji filwaqt li jibqa' jżomm il-klassifikazzjoni AAA tiegħu; jenfasizza li huwa se joqgħod attent ħafna fil-monitoraġġ tal-konformità ma' dan il-kriterju;

52.  Jistenna li l-Grupp tal-BEI joqgħod partikolarment attent fir-rigward tal-konformità mal-Artikolu 140(6) tar-Regolament Finanzjarju, li jipprevedi li l-istrumenti finanzjarji ''ma jiġġenerawx vantaġġi indebiti, b'mod partikolari fil-forma ta' dividendi jew profitti indebiti għal terzi'', minħabba l-biża' li l-FEIS jista' b'xi mod jikkontribwixxi għas-soċjalizzazzjoni tar-riskji u l-privatizzazzjoni tal-profitti fid-dawl ta' esperjenzi ta' finanzjament f'każijiet bħall-proġett Castor fi Spanja jew il-proġett Passante di Mestre fl-Italja;

Inqisu l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti (PBI)

53.  Iqis li l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti (PBI) għandha tiġi vvalutata serjament fir-rigward tal-impatt finanzjarju, soċjali u ambjentali tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twaqqaf proċess ta' konsultazzjoni inklużiv u miftuħ, bil-parteċipazzjoni attiva tar-rappreżentanti mill-Parlament Ewropew, dwar il-futur tal-bonds tal-proġetti għall-perjodu 2016-2020 qabel ma' titnieda kompletament il-fażi pilota tal-PBI attwali;

Naġġornaw id-dimensjoni esterna tal-interventi tal-BEI

54.  Jilqa' l-mandat imġedded tal-BEI għal self estern għall-2014-2020, li jipprovdi garanzija tal-UE li tkopri l-operazzjonijiet esterni tal-BEI sa massimu ta' EUR 30 biljun, kif ukoll l-għanijiet ewlenin tiegħu, jiġifieri l-iżvilupp tas-settur privat lokali, l-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika, u l-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima;

55.  Jistieden lill-BEI jagħti attenzjoni lill-pajjiżi terzi u lir-reġjuni barra l-UE li jsofru minn kunflitti u faqar estrem, bl-għan ewlieni jkun li tnaqqas id-diskrepanza fl-iżvilupp bejn l-UE u dawn ir-reġjuni, kif ukoll biex jikkontribwixxu għal programmi ta' appoġġ għall-SMEs f'pajjiżi msieħba kummerċjali, inkluż permezz ta' finanzjament suffiċjenti għall-Faċilità ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) għall-SMEs, b'enfasi speċjali fuq in-Nofsinhar tal-Mediterran u l-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew tal-Lvant; jistieden lill-BEI jaħdem flimkien mal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB) biex jiffinanzja investimenti fit-tul fis-servizz tal-iżvilupp ekonomiku; jilqa' l-fatt li l-għotjiet tal-UE qed jitħalltu dejjem aktar mas-self tal-BEI biex jinkisbu riżultati aħjar fil-proġetti fil-pajjiżi sħab tal-UE;

56.  Iħeġġeġ lill-BEI jkompli jippromwovi b'mod attiv it-tkabbir sostenibbli kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm f'dawk li qed jiżviluppaw sabiex jappoġġa l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja; jenfasizza li l-BEI, bħala d-driegħ finanzjarju tal-Unjoni, għandu jiżvolġi l-parti tiegħu fit-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jitlob li l-aġenda għall-iżvilupp ta' wara l-2015 għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rieżami tal-mandat ta' nofs it-terminu ta' self estern tal-BEI fl-2016;

57.  Ifakkar li l-Bank Ewropew tal-Investiment huwa l-akbar finanzjatur barrani fit-Turkija u li wara l-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni fl-2004, il-BEI żied l-operazzjonijiet ta' self tiegħu lil dak il-pajjiż, u f'dawn l-aħħar għaxar snin saru disponibbli madwar EUR 23 biljun; jiddispjaċih li minkejja l-kriżi ekonomika persistenti fl-UE, it-Turkija attwalment tinsab fl-ewwel post fost il-pajjiżi riċevituri tal-BEI barra l-UE, b'madwar 3.5 % tas-self totali tal-BEI (2015); jappella għal kundizzjonalità akbar għall-finanzjament marbut mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni;

58.  Iħeġġeġ lill-Bank jiżviluppa u jadotta l-approċċ komprensiv meħtieġ b'rispons għall-isfidi serji kkawżati mill-fluss ta' migranti lejn l-Ewropa, inklużi operazzjonijiet imsaħħa fil-pajjiżi ta' oriġini ta' tali flussi kif ukoll f'pajjiżi li jmissu direttament mal-pajjiżi ta' oriġini;

59.  Jistieden f'dan il-kuntest lill-BEI jiffoka l-attivitajiet tiegħu fuq l-għoti ta' appoġġ lill-bżonnijiet ta' investiment f'infrastruttura urbana, infrastruttura marbuta mas-saħħa, l-edukazzjoni u dik soċjali, biex b'hekk jiġu stimulati attivitajiet ekonomiċi li joħolqu opportunitajiet ġodda ta' xogħol u tiġi promossa l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi;

60.  Jindika li l-BEI huwa attur importanti biex jippromwovi l-prijoritajiet u l-objettivi tal-politika barranija tal-UE; jirrakkomanda koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa bejn il-BEI u s-servizzi u l-istrumenti tal-politika esterna tal-UE; jitlob li jitkomplew u jitjiebu l-valutazzjonijiet ex-ante u ex-post tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-proġetti li jkunu appoġġati mill-BEI fir-rigward tal-għanijiet tas-SEAE u l-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 21 TUE u l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob, fir-rigward ta' investimenti barra mill-UE, għal rapport dettaljat dwar kwalunkwe telf possibbli u dwar kif u f'liema każijiet intuża l-istrument ta' garanzija; jilqa' l-fatt li l-BEI kellu sensiela ta' seminars dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem;

61.  Jistieden lill-BEI jipprovdi lill-Parlament u lill-pubbliku b'informazzjoni dettaljata dwar il-finanzjament tal-BEI u l-prestazzjoni tal-Ombudsman tan-Negozju fl-Ukraina;

62.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-soluzzjoni misjuba flimkien mal-Bank Dinji li tippermetti lill-BEI jikkontribwixxi biex jiffaċilita x-xiri tal-gass tal-Ukraina;

63.  Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-mandat estern tal-BEI qabel ir-rieżami ta' nofs it-terminu, filwaqt li jittieħed kont tal-attivazzjoni potenzjali ta' EUR 3 biljun addizzjonali; jikkonferma l-impenn tiegħu li jeżamina mill-qrib l-ewwel ''rapporti dwar it-tlestija tal-proġetti'' li għandhom jiġu ppubblikati taħt il-mandat ta' self estern għall-perjodu 2014-2020; jitlob li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tipproduċi rapport speċjali dwar il-prestazzjoni u l-allinjament mal-politiki tal-UE tal-attivitajiet ta' self estern tal-BEI;

Insaħħu l-governanza, it-trasparenza u l-qafas ta' kontroll tal-BEI

64.  Jilqa' l-fatt li l-BEI huwa kkaratterizzat minn assi b'saħħithom, bir-rata ta' self li ma jrendix lura l-valur kollu (impaired loans) qrib iż-0 % (0,2 %) tal-portafoll totali tas-self, u ġestjoni prudenti tal-likwidità; iqis li hu essenzjali li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni AAA tiegħu tal-kreditu biex jippreserva l-aċċess tiegħu għas-swieq kapitali internazzjonali taħt l-aħjar kundizzjonijiet ta' finanzjament;

65.  Jissuġġerixxi li l-BEI jsaħħaħ il-kapaċitajiet analitiċi settorjali tiegħu u jippubblika data statistika aggregata, kif ukoll informazzjoni dwar proġetti sekondarji, biex b'hekk jiffaċilita approċċ immirat għal ċerti setturi jew tipi ta' SMEs; jenfasizza l-ħtieġa li fir-rapporti annwali tal-BEI tiġi inkluża analiżi iktar komprensiva u dettaljata tal-ħtiġijiet ta' investiment skont is-settur fl-UE, u dan sabiex ikun jista' jiġi identifikat kwalunkwe qasam li fih l-investiment huwa anqas minn dak li huwa meħtieġ għat-twettiq tal-prijoritajiet tal-UE; jemmen li l-BEI għandu jevalwa l-kapaċità tal-istrumenti ta' investiment tiegħu li jirrimedjaw tali nuqqasijiet;

66.  Jissottolinja l-importanza li l-BEI ta lill-politika tiegħu ta' tolleranza żero għall-frodi, il-korruzzjoni u l-kollużjoni u lill-impenn tiegħu lejn integrità u regoli etiċi qawwija; jilqa' f'dan il-kuntest l-approvazzjoni min-naħa tal-Bord tal-BEI ta' politika aġġornata kontra l-frodi r-Rapport Annwali 2014 tal-Grupp tal-BEI dwar l-Attivitajiet Kontra l-Frodi; jistenna li l-BEI jwaqqaf aktar l-iżborżamenti tas-self għall-proġetti li attwalment jinsabu taħt investigazzjonijiet nazzjonali jew Ewropej ta' korruzzjoni;

67.  Jilqa' l-adozzjoni ta' qafas rivedut tal-Grupp tal-BEI Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Ġlieda Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML-CFT) f'Lulju 2014; iħeġġeġ lill-BEI jkompli d-djalogu mas-soċjetà ċivili dwar it-titjib fil-politika tiegħu dwar il-ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi (NCJ); jistieden lill-BEI jistabbilixxi politika ġdida dwar tassazzjoni responsabbli, filwaqt li jibda bir-rieżami tal-politika NCJ tiegħu fl-2016; jistieden lill-BEI biex jagħmel kemm il-finanzjament dirett kif ukoll il-finanzjament permezz ta' intermedjarji dipendenti fuq l-iżvelar ta' data rilevanti għat-taxxa skont il-pajjiż fuq il-linji tad-dispożizzjoni tas-CRD IV għall-istituzzjonijiet ta' kreditu, kif ukoll fuq informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja;

68.  Jistieden lill-BEI, fil-kuntest ta' valutazzjonijiet ex-ante ta' impriżi li huma s-suġġett ta' investigazzjonijiet ġudizzjarji, biex jaġġorna l-politiki tiegħu kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

69.  Jieħu nota tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-politika għat-trasparenza tal-BEI fl-2014; jinsisti dwar il-ħtieġa li jinkisbu l-ogħla livelli ta' trasparenza u responsabbiltà istituzzjonali billi jkun żgurat żvelar pubbliku proattiv ta' informazzjoni baġitarja komprensiva u soda u aċċess għal data finanzjarja relatata ma' proġetti ffinanzjati mill-BEI;

70.  Jitlob li jkun hemm trasparenza u esponiment massimi fir-rigward tas-sistema ta' kuntratti u sottokuntratti, u li l-Parlament Ewropew jingħata aċċess għal informazzjoni u dokumentazzjoni finanzjarja f'kull każ;

71.  Iħeġġeġ lill-BEI jsegwi strettament ir-rekwiżiti relatati mar-reġistru pubbliku ta' dokumenti ambjentali taħt ir-Regolament Aarhus (Regolament (KE) Nru 1367/2006), u biex ikompli bir-rappurtar regolari tiegħu dwar l-attivitajiet ta' self tiegħu barra l-UE skont l-istandards tal-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna (IATI);

72.  Itenni li l-BEI għandu jsaħħaħ l-attivitajiet ta' diliġenza dovuta tiegħu sabiex itejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarji aħħarija u jevita b'aktar effikaċja tranżazzjonijiet ma' intermedjarji finanzjarji li għandhom rekord negattiv f'termini ta' trasparenza, frodi, korruzzjoni, kriminalità organizzata, ħasil tal-flus u impatti ambjentali u soċjali negattivi jew li huma rreġistrati f'ċentri finanzjarji offshore jew f'rifuġji fiskali li jirrikorru għal ippjanar aggressiv tat-taxxa; jistieden lill-BEI ma jużax l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti biex jiġu ffinanzjati attivitajiet infiltrati mill-kriminalità organizzata; jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li tiġi stabbilita lista pubblika stretta ta' kriterji għall-għażla ta' intermedjarji finanzjarji mill-BEI, flimkien mal-Kummissjoni;

73.  Jistieden lill-BEI jiżviluppa regoli aktar stretti fuq il-kunflitti ta' interess u kriterji ċari, stretti u trasparenti għas-sħubiji pubbliċi-privati li jirċievu finanzjament, sabiex jiġi żgurat li mhux biss il-parti tal-investiment tal-proġetti tiġi kondiviża b'mod ġust bejn iż-żewġ sħab pubbliċi u privati iżda anke r-riskji involuti fl-investimenti, biex b'hekk jiġi salvagwardjat l-interess pubbliku; jistieden lill-BEI jsaħħaħ il-bażi ta' għarfien għall-parteċipazzjoni tal-gvernijiet, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet fi strutturi ta' sħubija pubblika-privata, inkluż billi jipprovdilhom linji gwida;

74.  Jistieden lill-BEI jiżgura li l-kumpaniji li jipparteċipaw fi proġetti kofinanzjati mill-BEI jkunu obbligati jżommu mal-prinċipju ta' pagi ugwali u trasparenza tal-pagi u l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn is-sessi kif stipulat fid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol; jirrimarka, barra minn hekk, li meta jiddeċiedi dwar liema proġetti se jiffinanzja, il-BEI għandu jqis il-miżuri ta' responsabbiltà soċjali korporattiva meħuda minn kumpaniji kandidati;

75.  Jemmen li jistgħu jkunu utli aġġornamenti regolari dwar l-ispejjeż u l-miżati ta' ġestjoni mġarrba mill-BEI u dwar l-impatt ta' proġetti ffinanzjati għal dak li jirrigwarda l-impjiegi u l-valur ekonomiku miżjud;

76.  Jirrakkomanda l-pubblikazzjoni fuq il-websajt tal-BEI ta' dokumenti mhux kunfidenzjali bħall-Pjanijiet Operazzjonali Korporattivi għas-snin preċedenti, il-ftehimiet interistituzzjonali u l-memoranda, u ftehimiet rilevanti oħra, kif ukoll l-iżvelar tal-minuti tal-laqgħat ta' korpi ta' tmexxija tal-BEI fuq bażi regolari, li tibda f'Jannar 2016; iqis li aċċess pubbliku aħjar għad-dokumenti huwa element ewlieni tat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-integrità tal-istituzzjonijiet;

77.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proċess ta' rieżami tal-politika dwar il-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti tal-BEI, li tnieda f'Settembru 2015, u l-konsultazzjoni pubblika li nfetħet għall-partijiet interessati rilevanti; jistenna li r-reviżjoni li għaddejja tal-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti se ttejjeb l-indipendenza u l-effikaċja tiegħu u tikkontribwixxi wkoll għal aktar effikaċja u effiċjenza tal-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti; jistieden lill-Kumitat ta' Tmexxija tal-BEI jadotta r-rakkomandazzjonijiet ta' dak l-uffiċċju u jaġixxi fuq l-opinjonijiet tal-Ombudsman Ewropew; jitlob fluss kostanti ta' informazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti tal-BEI u l-Bord tad-Diretturi tal-BEI; jemmen li hemm bżonn li jiġi aġġornat il-Memorandum ta' Qbil bejn il-BEI u l-Ombudsman Ewropew sabiex l-Ombudsman jeżerċita skrutinju estern tal-BEI b'mod aktar attiv u jtejjeb il-proċeduri ta' monitoraġġ u responsabbiltà ulterjuri tal-BEI;

78.  Jilqa' r-rapporti annwali għas-sena finanzjarja 2014 tal-Kumitat ta' Awditjar tal-BEI, u jħeġġeġ lill-korpi responsabbli tal-BEI jiżguraw konformità sħiħa mal-aħjar prattiki bankarji prudenzjali fl-oqsma fejn ma nkisbitx konformità sħiħa fl-2014; jieħu nota tal-intenzjoni tal-maniġment tal-BEI li jorganizza mill-ġdid il-funzjonijiet ta' kontroll tal-Bank; jappoġġa t-talba tal-Kumitat tal-Awditjar għal pjan ta' implimentazzjoni rispettiv kif ukoll l-intenzjoni tiegħu li jimmonitorja bir-reqqa żviluppi ulterjuri; japprova l-fatt li l-Kumitat tal-Awditjar wissa lill-maniġment u s-servizzi tal-BEI li dan għandu jżomm il-kapaċità tiegħu filwaqt li ma jdgħajjifx il-Qafas ta' Kontroll Intern attwali;

79.  Iqis li r-rapporti annwali tal-BEI għandhom jagħtu attenzjoni akbar lir-riżultati tal-proġetti li tlestew; jistieden f'dan il-kuntest lill-BEI biex flimkien mas-sħab tal-proġett, jipproduċi sett ta' riżultati minn kull proġett komplut li jevalwa l-effettività tal-finanzjament tal-BEI;

80.  Jieħu nota tad-data ta' skadenza tas-27 ta' Ottubru 2015 tal-Ftehim Tripartitiku msemmi fl-Artikolu 287(3) tat-TFUE u li jirregola l-kooperazzjoni bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-metodi għall-kontrolli eżerċitati mill-Qorti dwar l-attività tal-BEI fl-immaniġġjar tal-fondi tal-Unjoni u tal-Istati Membri; jistieden lit-tliet istituzzjonijiet jikkooperaw fil-proċess ta' tiġdid u aġġornament ta' dan il-ftehim, u jiżguraw li l-ftehim imġedded ikopri kull strument jew inizjattiva ġdida tal-BEI li tinvolvi fondi pubbliċi mill-UE jew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; jitlob f'dan il-kuntest li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tingħata setgħat imsaħħa sabiex tevalwa u tirrapporta b'aktar reqqa fuq il-prattiki ta' self tal-BEI, l-istrumenti u l-inizjattivi meta jkunu direttament relatati mal-użu l-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-UE;

Lejn responsabbiltà parlamentari komprensiva

81.  Iqis li l-kumplessità li qed tevolvi u l-volum li qed jiżdied tal-attivitajiet tal-BEI, kif ukoll l-inċertezzi li għad hemm fis-swieq finanzjarji, jenfasizzaw iżjed il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet biex tiġi stabbilita superviżjoni bankarja prudenzjali effikaċi tal-BEI; jiddispjaċih għalhekk li l-proposti tal-Parlament, imressqa qabel, għall-introduzzjoni ta' superviżjoni prudenzjali regolatorja esterna ma ttiħdux inkunsiderazzjoni, la mill-Kummissjoni u lanqas mill-BEI;

82.  Jinkoraġġixxi l-isforzi li qed isiru mill-partijiet involuti biex ifasslu ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-BEI, li jipprevedi kooperazzjoni msaħħa bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; jitlob ukoll djalogu strutturat regolari bejn il-President tal-BEI u l-Parlament Ewropew biex jiżgura li tiżdied is-sorveljanza parlamentari tal-attivitajiet tal-BEI; jistieden barra minn hekk lill-BEI biex, bħala parti minn dan il-ftehim interistituzzjonali, jaqbel li jiffirma ftehim mal-Parlament sabiex jippermetti lill-Membri tal-Parlament Ewropew jistaqsu mistoqsijiet diretti lill-President tiegħu, bi ftehim dwar iż-żmien sakemm għandha tingħata tweġiba, kif diġà jiġri mal-President tal-BĊE;

o
o   o

83.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0201.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0183.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0161.
(4) ĠU L 169, 01.07.2015, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza