Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2094(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0053/2016

Testi mressqa :

A8-0053/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 21
CRE 27/04/2016 - 21

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.67
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0203

Testi adottati
PDF 355kWORD 178k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell
Il-ħaddiema domestiċi nisa u n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura fl-UE
P8_TA(2016)0203A8-0053/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-ħaddiema domestiċi nisa u n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura fl-UE (2015/2094(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-preambolu u l-Artikoli 3 u 6 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikoli 1, 3, 5, 27, 31, 32, 33 u 47 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB), b'mod partikolari l-Artikolu 4.1 li jipprojbixxi l-iskjavitù u s-servitù, u l-Artikolu 14 li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tat-3 ta' Mejju 1996, b'mod partikolari l-Parti I u l-Parti II, l-Artikolu 3 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2014 dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020 (COM(2014)0332),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ħaddiema nisa prekarji(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri, flessigurtà u forom ġodda ta' djalogu soċjali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Settembru 2001 dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2013 tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) bl-isem "Nisa, irġiel u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa",

–  Wara li kkunsidra r-rapporti tal-Eurofound tal-2008 bl-isem "Miżuri biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat fl-Unjoni Ewropea" u tal-2013 bl-isem "Nindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u n-Norveġja: Approċċi u miżuri mill-2008",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2006 bl-isem "Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd: il-kontribuzzjoni tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd' (COM(2006)0249),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bl-isem "L-isfruttament gravi tax-xogħol: il-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni Ewropea jew li jidħlu fiha - l-obbligi tal-Istati Membri u d-drittijiet tal-vittmi"

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2011 tal-FRA bl-isem "Migranti f'sitwazzjoni irregolari impjegati f'xogħol domestiku: L-isfidi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha",

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)(5),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Ottubru 2014 dwar l-iżvilupp tas-servizzi għall-familja biex ir-rati tal-impjieg jiżdiedu u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fix-xogħol,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u għan-nisa(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2007 bl-isem "Il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea: Il-perspettiva tas-sessi";

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2014 bl-isem "Is-settur tal-kura residenzjali: Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-impjiegi ",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar migranti nisa mingħajr dokumenti fl-Unjoni Ewropea(9),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tat-18 ta' Diċembru 1990 dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea tal-24 ta' Novembru 1977 dwar l-Istatus Ġuridiku tal-Ħaddiema Migranti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna tat-18 ta' April 1961 dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2011 bl-isem "Inizjattivi tal-kumpaniji favur ħaddiema li għandhom fir-responsabbiltà tagħhom il-kura ta' tfal jew adulti b'diżabbiltà",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa li jkunu qed joqorbu lejn l-età tal-pensjoni(10),

–  wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-10 ta' Ottubru 2014 imħejji mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u l-Kummissjoni Ewropeabl-isem "Protezzjoni soċjali adegwata għall-ħtiġijiet ta' kura fit-tul f'soċjetà li qed tixjieħ",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2015 bl-isem "Ix-xogħol u l-assistenza: Miżuri ta' rikonċiljazzjoni fi żminijiet ta' tibdil demografiku",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tas-26 ta' Mejju 2010 tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Il-professjonalizzazzjoni tax-xogħol domestiku"(11),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 189 u r-Rakkomandazzjoni Nru 201 dwar Xogħol Deċenti għall-Ħaddiema Domestiċi, adottata fis-16 ta' Ġunju 2011 fil-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol tal-ILO,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/51/UE li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Konvenzjoni Nru 189)(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar il-proposta għal Konvenzjoni tal-ILO issupplimentata b'rakkomandazzjoni dwar il-ħaddiema domestiċi(13),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti IV (1) u IV (2) tal-ILO, bl-isem "Xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi", imħejja għad-99 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol f'Ġunju 2010, u r-Rapporti IV(1) u IV(2) (ippubblikati f'żewġ volumi) bl-isem "Xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi", imħejja għall-100 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol f'Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0053/2016),

A.  billi skont il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189  "ħaddiem domestiku" huwa kwalunkwe persuna involuta f'xogħol domestiku fi ħdan relazzjoni ta' impjieg, kemm jekk f'unità domestika waħda kif ukoll f'aktar minn waħda, filwaqt li persuna li tagħmel xogħol domestiku okkażjonalment jew sporadikament biss u mhux fuq bażi okkupazzjonali mhijiex ħaddiema domestika;

B.  billi "kura" tfisser xogħol imwettaq f'istituzzjonijiet pubbliċi jew privati jew f'unità domestika privata jew unitajiet domestiċi privati biex tiġi provduta kura personali lit-tfal, l-anzjani, il-persuni morda jew diżabbli; billi x-xogħol ta' kura jista' jsir minn carers professjonali li jistgħu jkunu impjegati minn entitajiet pubbliċi jew privati jew familji jew ikunu jaħdmu għal rashom, u/jew jista' jsir ukoll minn carers mhux professjonali, li normalment ikunu membri tal-familja;

C.  billi t-terminu "ħaddiema domestiċi u ħaddiema fis-settur tal-kura" jinkludi diversi gruppi ta' ħaddiema li jinkludu, iżda mhux limitati għal, ħaddiema li jirrisjedu fl-unità domestika fejn jaħdmu, ħaddiema esterni, ħaddiema bis-siegħa f'diversi unitajiet domestiċi, ħaddiema tal-familja, ħaddiema li jipprovdu kura matul il-ġurnata jew bil-lejl, babysitters, au-pairs u l-ġardinara, li r-realtà u kundizzjonijiet tagħhom jistgħu jvarjaw b'mod sinifikanti;

D.  billi fis-settur tax-xogħol domestiku kien hemm jaħdmu aktar minn 52 miljun persuna fid-dinja fl-2010, skont iċ-ċifri tal-ILO, li magħhom jiżdiedu 7.4 miljun ħaddiem domestiku taħt l-età ta' 15-il sena, li jammonta għal bejn 5 % u 9 % tal-impjieg kollu fil-pajjiżi industrijalizzati; billi, skont l-ILO, il-maġġoranza tal-ħaddiema impjegati f'dan is-settur huma nisa li rrappreżentaw 83 % tal-ħaddiema domestiċi fid-dinja fl-2010 u dan ifisser 2.5 miljun fl-UE, li 88 % minnhom huma nisa; billi dan is-settur huwa kkaratterizzat minn femminizzazzjoni konsiderevoli; billi l-ħaddiema domestiċi u l-carers jikkontribwixxu bil-kbir għall-miri tal-ugwaljanza bejn is-sessi tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 billi jipprovdu b'mod effettiv l-infrastruttura li tippermetti lil ħafna familji fl-UE jilħqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

E.  billi l-professjonalizzazzjoni tfisser li l-ħaddiema ta' ċertu settur jingħataw drittijiet ta' impjieg u protezzjoni soċjali; billi x-xogħol domestiku u s-settur tal-kura jistgħu jkunu professjonalizzati permezz ta' kombinazzjoni ta' finanzi pubbliċi (ħelsien mit-taxxa), finanzi soċjali (konċessjonijiet tal-familja, għajnuna għal negozji, impriżi mutwi u assigurazzjoni tas-saħħa, kunsilli tax-xogħol, eċċ.) u finanzi privati (ħlas għal servizzi minn individwi privati);

F.  billi fiż-żewġ setturi, ix-xogħol mhux iddikjarat u l-isfruttament huma mifruxin b'mod wiesa';

G.  billi x-xogħol domestiku u ta' kura huma karatterizzati prinċipalment mill-karatteristiċi li ġejjin: instabbiltà tax-xogħol, mobbiltà ġeografika, sigħat ad hoc, staġjonalità, rotazzjoni, prekarjetà, xogħol temporanju u predominantement xogħol mhux iddikjarat;

H.  billi skont l-ILO 29.9 % tal-ħaddiema domestiċi huma esklużi kompletament minn leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ix-xogħol, u sal-ġurnata tal-lum ix-xogħol tal-ħaddiema domestiċi u l-carers fl-UE huwa rarament irregolat jew mhux irregolat b'mod uniformi fl-Istati Membri, bir-riżultat li l-ħaddiema domestiċi ta' sikwit ma jiġux ikkunsidrati bħala ħaddiema regolari jew tipiċi u għalhekk id-drittijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali tagħhom huma ferm limitati(14);

I.  billi l-ħaddiema domestiċi u l-carers li huma esklużi minn liġijiet tax-xogħol ma jistgħux jiġu garantiti ambjent tax-xogħol sikur u san, u jiffaċċjaw diskriminazzjoni sinifikanti fir-rigward tal-livell ta' drittijiet u protezzjoni li huma jgawdu minnhom meta imqabblin mal-istandards ġenerali tal-pajjiżl; billi, barra minn hekk, dawn ma għandhomx id-dritt li jipparteċipaw fi trejdjunjins jew fin-negozjar kollettiv b'mezzi oħra, jew ma jkunux konxji ta' kif jagħmlu dan jew jesperjenzaw diffikultajiet f'dan ir-rigward, li jagħmilhom partikolarment vulnerabbli, speċjalment minħabba kopertura limitat f'dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali (partikolarment benefiċċji tal-qgħad, ħlas għall-mard u inċidenti kif ukoll liv tal-maternità, il-leave tal-ġenituri u tipi oħrajn ta' leave tal-kura) u l-esklużjoni frekwenti tagħhom mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija;

J.  billi r-rispett u l-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali eżistenti għall-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema domestiċi u tal-ħaddiema fis-settur tal-kura għadha kwistjoni pendenti għal xi Stati Membri;

K.  billi regolamentazzjoni adegwata għal dan is-settur tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat;

L.  billi xi miżuri ta' appoġġ settorjali, bħat-tnaqqis fiskali Svediż għas-servizzi domestiċi, "il-vawċer tal-impjieg għas-servizz" Franċiż jew "il-vawċer għas-servizz" Belġjan urew li huma effettivi fit-tnaqqis tax-xogħol mhux iddikjarat, fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u fl-għoti tad-drittijiet tax-xogħol regolari lill-ħaddiema domestiċi u l-ħaddiema fis-settur tal-kura;

M.  billi huwa stmat li l-maġġoranza tal-kura fl-UE qiegħda attwalment tiġi provduta minn carers informali u mhux imħallsa, li huma stess jistgħu jitqiesu grupp vulnerabbli minħabba l-pressjonijiet dejjem akbar sabiex jipprovdu livelli ta' kura aktar sofistikati u tekniċi; billi 80 % tal-carers huma nisa u li dan jaffettwa r-rati ta' impjieg fost in-nisa, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tixjiħ b'mod san;

N.  billi s-settur tax-xogħol domestiku – li fih il-maġġoranza tal-ħaddiema huma nisa – jiffavorixxi l-isfruttament tal-ħaddiema; billi tali sfruttament jikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet fundamentali u kemm il-ħaddiema mingħajr dokumenti kif ukoll iċ-ċittadini tal-UE għandhom jiġu protetti minn dan;

O.  billi l-FRA tikkunsidra x-xogħol domestiku u l-kura bħala wieħed mis-setturi l-aktar esposti għar-riskju ta' sfruttament gravi tal-ħaddiema fl-UE; billi dan l-isfruttament jidher ta' spiss meta ma jkunx hemm kuntratt formali jew ikun hemm kuntratti li ma jikkorrispondux għall-kompiti reali mwettqa, pagi baxxi, ħlas irregolari jew saħansitra l-ebda ħlas, ħinijiet tax-xogħol twal iżżejjed, l-ebda liv, u abbuż sesswali, razzjali u/jew abbuż sessist;

P.  billi l-ħaddiema domestiċi sikwit jintalbu jaħdmu sigħat eċċessivi u 45 % minnhom mhumiex intitolati għal liv ta' kull ġimgħa jew għal liv annwali mħallas(15); billi l-ħaddiema domestiċi u carers li jirrisjedu fid-dar fejn jaħdmu għandhom b'mod partikolari responsabbiltajiet u kompiti li ma jippermettulhomx jieħdu biżżejjed ħin ta' mistrieħ konsekuttiv;

Q.  billi aktar minn terz tal-ħaddiema domestiċi nisa mhumiex intitolati għal-lif ta' maternità jew drittijiet relatati u allowances,(16) u f'xi Stati Membri ħaddiema domestiċi u ħaddiema fis-settur tal-kura m'għandhomx dritt għall-benefiċċju tal-qgħad;

R.  billi ħafna impjiegi fis-settur tal-kura tas-saħħa u s-settur tal-kura f'ċerti Stati Membri joffru remunerazzjoni baxxa, ta' spiss ma joffrux kuntratti formali jew drittijiet ta' xogħol bażiċi oħra u mhumiex attraenti minħabba r-riskju għoli ta' stress fiżiku u emozzjonali, it-theddida ta' eżawriment, u nuqqas ta' opportunitajiet ta' żvilupp fil-karriera; billi s-settur joffri ftit opportunitajiet ta' taħriġ u, barra minn hekk, il-ħaddiema f'dan is-settur huma b'mod predominanti kbar fl-età, nisa u ħaddiema migranti;

S.  billi l-ħaddiema domestiċi ħafna drabi jaħdmu f'kondizzjonijiet ħżiena ħafna jew perikolużi jew ikollhom nuqqas ta' taħriġ adegwat biex iwettqu kompiti speċifiċi li jistgħu jirriżultaw f'korrimenti fuq il-post tax-xogħol; billi l-istess dispożizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà għandhom ikunu ggarantiti fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema domestiċi u l-carers kollha jkun xi jkun it-tip ta' impjieg, jiġifieri kemm għall-ħaddiema impjegati formalment u kemm għall-ħaddiema impjegati direttament minn unitajiet domestiċi privati;

T.  billi l-post tax-xogħol fejn dawn in-nies iwettqu xogħolhom ma jeżentax lill-impjegatur milli jħares il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà u l-prevenzjoni tar-riskji, kif ukoll milli jirrispetta l-privatezza ta' dawk li jqattgħu l-lejl fil-post tax-xogħol;

U.  billi l-au pairs huma grupp ta' ħaddiema domestiċi li ta' sikwit ma jitqisux bħala ħaddiema regolari; billi bosta rapporti jindikaw li dan jista' jwassal għal abbuż billi pereżempju l-au pairs jiġu sfurzati jaħdmu sigħat eċċessivi; billi l-au pairs għandhom jirċievu protezzjoni ugwali bħall-ħaddiema domestiċi l-oħra;

V.  billi l-maġġoranza tal-ħaddiema domestiċi u l-carers huma nisa migranti, li persentaġġ kbir tagħhom huma f'sitwazzjoni irregolari, u ħafna huma minuri jew ħaddiema temporanji jew ħaddiema li d-drittijiet jew il-kwalifiki tagħhom mhumiex rikonoxxuti u spiss ma jkunux jafu bid-drittijiet tagħhom, ikollhom aċċess ristrett għas-servizzi pubbliċi jew jiffaċċjaw problemi biex ikollhom aċċess għal dawn is-servizzi, għandhom għarfien limitat tal-lingwa lokali u jsofru minn nuqqas ta' inklużjoni soċjali;

W.  billi l-ħaddiema migranti bħalma huma l-ħaddiema domestiċi jistgħu jkunu esposti għal diskriminazzjoni multipla u huma b'mod partikolari vulnerabbli għal forom ta' vjolenza u diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, peress li spiss jaħdmu f'kundizzjonijiet medjokri u irregolari; billi għandhom isiru sforzi konkreti biex jiġu evitati t-trattament ħażin tal-ħaddiema migranti, il-ħlasijiet irregolari lilhom, it-tkeċċija inġusta tagħhom u l-atti ta' vjolenza jew ta' abbuż sesswali fuq tali ħaddiema;

X.  billi l-migranti mingħajr dokumenti li jwettqu xogħol domestiku huma f'riskju partikolari li jsofru diskriminazzjoni u li jiġu sfruttati; billi minħabba l-istatus irregolari tagħhom huma joqogħdu lura milli jiddefendu ruħhom u milli jitolbu l-għajnuna għax jibżgħu li jinqabdu u jiġu deportati; billi din is-sitwazzjoni qed tiġi sfruttata minn impjegaturi bla skruplu;

Y.  billi l-ħaddiema migranti nisa bla dokumenti qed jiffaċċjaw livelli inkwetanti ta' diskriminazzjoni, qed jonqsu milli jirrapportaw sitwazzjonijiet ta' abbuż, qed jiffaċċjaw tkeċċija inġusta, inadempjenza tal-pagi u vjolenza minħabba nuqqas ta' għarfien dwar id-drittijiet tagħhom, ostakli bħal dawk lingwistiċi jew għax jibżgħu li jiġu arrestati, jew li jitilfu l-impjieg tagħhom;

Z.  billi n-nisa migranti spiss jiddeċiedu, jew jinġiebu, biex ifittxu impjieg fis-settur tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers, billi dawn il-karigi huma kkunsidrati bħala temporanji b'rekwiżiti baxxi ta' ħiliet;

AA.  billi d-domanda dejjem ikbar għall-għajnuna domestika u għall-għoti ta' kura lit-tfal, għall-persuni b'diżabbiltà u għall-anzjani wasslet għal żieda fil-femminizzazzjoni tal-migrazzjoni lejn l-Ewropa;

AB.  billi l-migranti nisa ta' spiss ikunu mġiegħla jidħlu għal impjiegi illeċiti;

AC.  billi aġenziji terzi huma f'xi każijiet konnessi ma' netwerks ta' traffikar tan-nisa u xogħol furzat jew ma' attivitajiet kriminali oħra li jinvolvu r-reklutaġġ illegali tan-nisa u l-isfruttament tagħhom b'modi differenti; billi d-data tal-Eurostat turi li 80 % tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar huma nisa, li minnhom 19 % huma vittmi ta' sfruttament tax-xogħol, inkluż għal skopijiet ta' xogħol domestiku;

AD.  billi għandha tingħata attenzjoni għat-tħaddim tat-tfal, il-fastidju u ċ-ċaħda estensiva tad-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur tax-xogħol domestiku;

AE.  billi l-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol hija pass importanti lejn l-inklużjoni soċjali u kulturali;

AF.  billi l-piż tar-responsabbiltà għax-xogħol tad-dar hu ħafna akbar għan-nisa milli hu għall-irġiel u dan mhuwiex ivvalutat f'termini ta' flus jew f'termini ta' rikonoxximent tal-valur tiegħu; billi hemm korrelazzjoni bejn ir-rata ta' impjieg tan-nisa u r-responsabbiltajiet tagħhom fil-familja; billi iktar minn 20 miljun Ewropew (fosthom, żewġ terzi nisa) jieħdu ħsieb adulti dipendenti, u dan jimpedixxihom milli jeżerċitaw attività professjonali full-time u għalhekk tiżdied id-differenza fil-pagi bejn is-sessi u twassal għal riskju akbar ta' faqar f'età avvanzata għan-nisa li qegħdin joqorbu l-età tal-irtirar;

AG.  billi, minkejja x-xejra magħrufa li kważi 20 % tal-popolazzjoni Ewropea hija ta' aktar minn 65 sena u l-istima li din ir-rata se tilħaq il-25 % sal-2050, madwar 80 % tal-ħin meħtieġ biex tieħu ħsieb persuna anzjana jew għal persuna b'diżabbiltà – jiġifieri diversi ġranet fil-ġimgħa jew kull jum – għadu kopert minn carers informali u/jew carers li huma qraba, u minkejja l-għadd dejjem akbar tal-carers fl-UE, il-kura informali hija fil-biċċa l-kbira provduta min-nisa (ġeneralment il-konjuġi, il-bniet u l-ħtint tal-età tan-nofs) bejn l-etajiet ta' 45 u 75 sena;

AH.  billi l-kriżi naqqsu l-investiment pubbliku fis-settur tal-kura, li obbliga lil ħafna nies, l-aktar nisa, inaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom jew jirritornaw id-dar biex jieħdu ħsieb persuni dipendenti, anzjani, morda jew tfal;

AI.  billi n-numru dejjem akbar ta' persuni anzjani, in-numru dejjem inqas ta' persuni tal-età tax-xogħol, u restrizzjonijiet tal-baġit pubbliku qed ikollhom impatt kbir fuq is-servizzi soċjali u billi dan se jkollu wkoll impatt fuq persuni li jkollhom jikkombinaw ix-xogħol u r-responsabbiltajiet ta' kura, ta' spiss f'ċirkostanzi diffiċli;

AJ.  billi l-kriżi soċjali u finanzjarja laqtet b'mod aħrax liċ-ċittadini u r-residenti tagħha, u aggravat il-prekarjetà tal-impjiegi, il-faqar, il-qgħad u l-esklużjoni soċjali, u wasslet għal aċċess limitat jew l-ebda aċċess għas-servizzi soċjali u pubbliċi;

AK.  billi f'bosta Stati Membri l-mudelli ta' politika attwali għall-kura fit-tul mhumiex adegwati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-soċjetajiet li qed jixjieħu tagħna, u billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri s'issa ma indirizzawx it-tibdil demografiku b'inizjattivi ta' politika tagħhom;

AL.  billi d-drawwiet, it-tradizzjonijiet u l-forom kollha tal-familja kollha evolvew b'mod konsiderevoli, u dan wassal għall-ħtieġa ta' aktar ħaddiema fis-settur domestiku u inevitabbilment wassal għal ħtiġijiet ġodda ta' kura u appoġġ fi ħdan l-unitajiet domestiċi moderni, speċjalment għan-nisa li jaħdmu barra mid-dar u għall-familji b'ġenitur wieħed;

AM.  billi ħafna persuni dipendenti jgħixu wkoll f'żoni affettwati min-nuqqas ta' servizzi pubbliċi, minn iżolament jew minn ċirkostanzi oħra li jagħmluha diffiċli li jkollhom aċċess għal carers professjonisti jew istituzzjonijiet tal-kura pubbliċi jew privati, u billi dawn id-dipendenti jistgħu jsibu għajnuna biss mingħand carers mhux professjonisti li, ta' spiss iżda mhux dejjem, ikunu membri tal-familja;

AN.  billi numru ta' Stati Membri huma neqsin minn servizz ta' kura ta' kwalità, disponibbli għal kulħadd, indipendenti mid-dħul, jiġifieri s-servizzi jeħtieġ li jkunu aċċessibbli għall-utenti kollha u l-familji tagħhom u bi prezz li jintlaħaq minnhom;

AO.  billi ż-żieda fit-tul tal-listi ta' stennija għal servizzi ta' appoġġ u ta' kura qed iżżid id-dipendenza fuq il-ħaddiema domestiċi u l-carers, u ta' spiss li dawk dipendenti fuq dawn is-servizzi jiġu kkundannati għall-faqar u l-esklużjoni soċjali;

AP.  billi l-għoti ta' protezzjoni adegwata għall-persuni b'diżabbiltà, l-anzjani, il-morda, id-dipendenti jew il-minuri huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni u x-xogħol domestiku u ta' kura huwa settur essenzjali biex jiżgura l-protezzjoni tagħhom;

AQ.  billi d-dritt għal għadd ta' servizzi ta' appoġġ fid-djar, residenzjali jew ibbażati fuq il-komunità, inkluża l-assistenza personali, huwa stabbilit fl-Artikolu 19 u l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà;

AR.  Billi l-ħaddiema domestiċi u l-carers nisa għal but ta' kulħadd għandhom rwol ekonomiku u soċjali peress li jagħtu aktar ħin lil nisa oħrajn prinċipalment, li jippermettulhom isegwu l-karrieri tagħhom u li jgawdu l-ħajja soċjali tagħhom, u jippermettu lill-impjegaturi tagħhom jirrikonċiljaw aħjar il-ħajja professjonali u dik privata, kif ukoll jagħmluha possibbli li bosta persuni jkunu disponibbli fis-suq tax-xogħol;

AS.  billi s-settur huwa importanti fuq il-livell ekonomiku u jipprovdi opportunitajiet ta' impjieg għal proporzjon għoli tal-forza tax-xogħol, partikolarment dawk li għandhom ftit ħiliet;

AT.  billi x-xogħol domestiku u ta' kura huwa settur li joħloq l-impjiegi; billi dawn l-impjiegi għandhom ikunu ta' kwalità, peress li huwa dan ix-xogħol imwettaq mill-ħaddiema f'dan is-settur li jippermetti lil ħafna nies ikunu ekonomikament u soċjalment attivi barra mid-dar;

AU.  billi prattika komuni ħafna, f'xi Stati Membri, biex jiġu impjegati ħaddiema domestiċi u l-carers hi permezz ta' ftehimiet bilaterali bejn il-ħaddiem u s-sid tal-unità domestika jew il-persuna dipendenti, aktar milli permezz ta' mezzi formali bħalma huma strutturi tal-istat jew ditti u intrapriżi;

AV.  billi l-ħaddiema domestiċi u l-carers għandhom id-dritt għal ħajja deċenti, li tqis il-ħtieġa tagħhom li jkollhom l-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u l-ħajja, speċjalment għal ħaddiema domestiċi li jirrisjedu fil-post fejn jaħdmu, u għandhom igawdu l-istess drittijiet soċjali u tax-xogħol bħal ħaddiema oħra;

AW.  billi l-Konvenzjoni ILO Nru 189 u r-Rakkomandazzjoni Nru 201 dwar Xogħol Deċenti għall-Ħaddiema Domestiċi jirrappreżentaw sett storiku ta' standards internazzjonali mmirati biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' għexieren ta' miljuni ta' ħaddiema domestiċi minn madwar id-dinja; billi ħafna mill-ħaddiema domestiċi huma nisa u l-istandards ġodda stipulati fil-Konvenzjoni ILO Nru 189 huma pass importanti sabiex l-ugwaljanza bejn is-sessi tavvanza fid-dinja tax-xogħol u jiġu żgurati d-drittijiet ugwali għan-nisa u l-protezzjoni skont il-liġi; billi, madankollu, minn 22 Stat li rratifikaw il-Konvenzjoni s'issa, huma biss sitta li huma Stati Membri (il-Belġju, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja u l-Portugall);

AX.  billi l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189 għandha l-għan li tipprovdi rikonoxximent ġuridiku għax-xogħol domestiku, testendi d-drittijiet lill-ħaddiema domestiċi kollha u tipprevjeni l-vjolazzjonijiet u l-abbużi;

AY.  billi 48 stat diġà rratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom (1990) u 18 oħra ffirmawha, iżda sal-ġurnata tal-lum l-ebda Stat Membru tal-UE għadu ma ffirmaha jew irratifikha;

AZ.  billi l-ħaddiema domestiċi u l-carers huma kontributuri importanti għas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, iżda r-rwol tagħhom huwa spiss sottorappreżentat, rappreżentat ħażin, jew assenti jew injorat fid-dibattiti dwar ir-riformi f'dan il-qasam;

BA.  billi l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema domestiċi jew tal-carers ivarjaw ħafna minn Stat Membru għall-ieħor, minn ħaddiema migranti mhux imħallsa biżżejjed, mhux iddikjarati, mhux dokumentati u mingħajr kuntratt, sa xogħol domestiku u kura li jiġu pprovduti bħala servizz soċjali pubbliku jew bħala servizz soċjali privat provdut minn negozji, aġenziji, assoċjazzjonijiet u kooperattivi, jew permezz ta' impjieg dirett minn entitajiet privati;

BB.  billi jaħdmu wkoll irġiel fis-settur tax-xogħol domestiku tal-UE, b'mod partikolari bħala carers, u għalhekk jeħtieġu l-istess protezzjoni u appoġġ sabiex jiġi evitat kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni bbażata fuq sess u jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol, kif rikonoxxut mill-Artikoli 19 u 153 TFUE rispettivament;

BC.  billi l-parti l-kbira tal-impjegaturi b'unitajiet domestiċi ta' ħaddiema domestiċi m'għandhom l-ebda għarfien dwar l-obbligi u d-drittijiet tagħhom;

BD.  billi l-ispezzjoni tax-xogħol spiss ma tkoprix ix-xogħol domestiku minħabba nuqqas ta' monitoraġġ tas-settur f'ħafna Stati Membri;

BE.  billi l-aċċess għall-mekkaniżmi tal-ġustizzja huwa ta' spiss diffiċli għall-ksur tal-liġi tax-xogħol, kif ukoll għall-vittmi ta' abbuż u ta' sfruttament; billi l-biża' ta' iżolament fuq il-post tax-xogħol u diffikultajiet biex ikollhom aċċess għal appoġġ legali jistgħu jkunu ostakli kbar għall-ħaddiema domestiċi u l-migranti li jaħdmu fis-settur tal-kura f'sitwazzjoni irregolari;

BF.  billi d-Direttiva attwali dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (id-Direttiva 89/391/KEE) tkopri l-ħaddiema domestiċi u l-carers formalment impjegati bl-eċċezzjoni ta' ħaddiema impjegati direttament minn unitajiet domestiċi privati;

1.  Jemmen li hemm il-ħtieġa ta' approċċ komuni tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-professjoni u l-valur tax-xogħol domestiku u l-kura bħala xogħol reali, peress li r-rikonoxximent ta' dan is-settur professjonali x'aktarx inaqqas ix-xogħol mhux iddikjarat u jippromwovi l-integrazzjoni soċjali, u għalhekk jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli komuni dwar xogħol domestiku u l-kura;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ b'ġabra ta' strumenti ta' politika, fuq ix-xogħol domestiku u ta' kura, li jistabbilixxu linji gwida ta' kwalità għaż-żewġ setturi; jemmen li tali inizjattivi għandhom jiffokaw fuq:

   (a) l-introduzzjoni ta' qafas ġenerali għall-professjonalizzazzjoni tax-xogħol domestiku u ta' kura, li jwassal għar-rikonoxximent u l-istandardizzazzjoni tal-professjonijiet u l-ħiliet u l-bini ta' karriera rilevanti, inklużi dawk id-drittijiet akkwistati skont l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri;
   (b) il-proposta b'mod urġenti għal Direttiva dwar il-Liv tal-Carers u qafas għar-rikonoxximent tal-istatus tal-carers mhux professjonisti, li joffrulhom remunerazzjoni u standards minimi ta' protezzjoni soċjali waqt il-ħin li jwettqu kompiti ta' kura u appoġġ f'termini ta' taħriġ u azzjonijiet speċifiċi li jgħinuhom itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tagħhom;

3.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni għall-inizjattiva "New start for working parents and caregivers" (bidu ġdid għall-ġenituri li jaħdmu u dawk li jipprovdu l-kura"

4.  Jistieden lill-Istati Membri jeħtieġu kwalifiki professjonali xierqa għal ċerti tipi ta' xogħol domestiku (kura għall-anzjani, it-tfal u l-persuni b'diżabbiltà) li jeħtieġu kompetenzi speċifiċi;

5.  Jemmen li x-xogħol domestiku u s-settur tal-kura u l-professjonalizzazzjoni tiegħu jista' joħloq impjiegi u tkabbir u għalhekk ir-rimunerazzjoni ġusta hija neċessarja; iqis li s-soluzzjonijiet jistgħu jkunu parti minn mudell ta' innovazzjoni soċjali;

6.  Jemmen li l-professjonalizzazzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu f'unitajiet domestiċi ser iżżid il-ġibda lejn is-settur u l-kwalità tas-servizz ipprovdut, u tippromwovi xogħol deċenti u rikonoxxut;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tar-rikonoxximent professjonali tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers f'dan is-settur sabiex ikunu pprovduti b'aktar prospetti għall-iżvilupp professjonali, kif ukoll taħriġ speċifiku għall-individwi li jaħdmu mal-anzjani u t-tfal, bil-ħsieb li jiġi promoss il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità li jwasslu għal postijiet tax-xogħol ta' kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, inkluż l-għoti ta' kuntratti formali, l-aċċess għal taħriġ u rikonoxximent soċjali aħjar; jirrikonoxxi l-importanza li jiġu żgurati l-validazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet, kwalifiki u esperjenza miksuba u l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-karriera; iqis li l-istabbiliment ta' korsijiet ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid huwa ta' importanza fundamentali sabiex jintlaħaq dan;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistemi għall-professjonalizzazzjoni, it-taħriġ, l-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-ħaddiema domestiċi nisa u ta' nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura, inkluż il-litteriżmu (jekk applikabbli) biex jittejbu l-prospetti tagħhom għall-iżvilupp personali, professjonali u tal-karriera;

9.  Jitlob lill-Istati Membri, sadanittant, jirregolaw kwalunkwe relazzjoni tax-xogħol bejn is-sidien tal-unitajiet domestiċi - meta jaġixxu bħala impjegaturi - u impjegata/ħaddiema li tipprovdi servizzi bi ħlas fi ħdan l-unità domestika tal-impjegatur;

10.  Jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu qafas legali adattat li jippermetti l-impjieg legali u organizzat ta' ħaddiema domestiċi u ta' carers u li jistabbilixxu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta' dawk ikkonċernati, sabiex tingħata ċertezza tad-dritt kemm għall-ħaddiema f'dan is-settur kif ukoll għall-impjegaturi potenzjali tagħhom; jitlob ukoll li jitqiesu l-partikolaritajiet tal-kuntratt tax-xogħol kif ukoll il-fatt li bosta impjegaturi huma individwi privati li ma tantx huma familjari mal-formalitajiet legali;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni deċiżiva fis-setturi tax-xogħol domestiku u l-kura, li jġibu valur miżjud għoli għall-ekonomija, billi jirrikonoxxu x-xogħol tagħhom bħala xogħol propju u billi jiżguraw drittijiet u protezzjoni soċjali ġenwini tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers permezz ta' leġiżlazzjoni tax-xogħol jew ftehimiet kollettivi ;

12.  Jappoġġa l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189 dwar xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi, issupplimentata bir-Rakkomandazzjoni Nru 201, peress li tindirizza b'mod globali l-ħtieġa li l-ħaddiema jkunu koperti mil-liġi tax-xogħol u titlob għalihom drittijiet soċjali, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament indaqs;

13.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jirratifikaw b'mod urġenti l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189, u biex jiġi żgurat li tiġi applikata b'mod rigoruż sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli ta' din il-Konvenzjoni tal-ILO u r-Rakkomandazzjoni tal-ILO Nru 201 tal-2011; ifakkar li l-gvernijiet, skont il-Kostituzzjoni tal-ILO, għandhom l-obbligu li jibagħtu l-konvenzjoni u r-rakkomandazzjoni lill-parlament nazzjonali tagħhom sabiex jippromwovu miżuri għall-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti, u li, fil-każ tal-konvenzjoni, il-proċedura ta' sottomissjoni timmira wkoll li tippromwovi r-ratifika;

14.  Jikkunsidra li r-ratifika mill-Istati Membri kollha tkun pass 'il quddiem importanti għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u sinjal politiku b'saħħtu kontra l-forom kollha ta' abbuż, fastidju u vjolenza mwettqa kontra l-ħaddiema kollha u b'mod speċjali l-ħaddiema domestiċi nisa;

15.  Jistieden lill-Istati Membri biex lill-ħaddiema domestiċi u lil carers jinkluduhom fil-liġijiet nazzjonali kollha relatati max-xogħol, il-kura tas-saħħa, il-kura soċjali, l-assigurazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra tirrevedi xi Direttivi tal-UE li jeskludu l-ħaddiema domestiċi u l-carers mid-drittijiet li jgawdu minnhom kategoriji oħra tal-ħaddiema;

16.  Jirrikonoxxi r-riluttanza ta' xi Stati Membri li jilleġiżlaw għall-isfera privata; iqis, madankollu, li nuqqas ta' azzjoni se tkun ta' riskju għoli kemm għas-soċjetà kif ukoll għall-ħaddiema kkonċernati; jenfasizza li t-tkabbir previst tad-domanda għall-ħaddiema fis-settur tal-kura b'mod partikolari fl-unitajiet domestiċi privati jagħmel leġiżlazzjoni bħal din neċessità sabiex il-ħaddiema jkunu protetti bis-sħiħ; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri flimkien mas-sħab soċjali biex jieħdu miżuri biex jipprovdu sistema adegwata u xierqa ta' spezzjoni, konsistenti mal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189, u l-penali adegwati għall-ksur tal-liġijiet u r-regolamenti tas-saħħa u sikurezza okkupazzjonali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw u jinfurzaw livell xieraq ta' saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol, pereżempju ħarsien tal-maternità, u biex jieħdu azzjoni biex jipprevjenu inċidenti relatati max-xogħol u r-riskji ta' korrimenti u mard okkupazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li dawk li diġà jaħdmu f'dan is-settur itejbu l-istandards permezz ta' taħriġ li jenfasizza l-lat prattiku u skemi ta' taħriġ mill-ġdid; huwa tal-fehma li dan it-taħriġ għandu jinkludi l-immaniġġjar tar-riskji assoċjati ma' kompiti li jinkludu l-qagħda u l-moviment u tar-riskji bijoloġiċi u kimiċi kif ukoll mal-użu ta' teknoloġija assistiva;

18.  Iqis li huwa essenzjali li jiġi miġġieled ix-xogħol prekarju u mhux iddikjarat, peress li dan il-fenomenu jaffettwa b'mod gravi lill-ħaddiema domestiċi b'mod partikolari lill-ħaddiema nisa migranti, u b'hekk jaggrava l-pożizzjoni diġà vulnerabbli tagħhom; Jenfasizza l-importanza tal-eliminazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' tali prattiki, inkluż it-tħaddim tat-tfal; f'dan ir-rigward, jappoġġja l-indirizzar tas-sitwazzjoni prekarja tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers fi ħdan il-qafas tal-Pjattaforma Ewropea kontra x-xogħol mhux iddikjarat; ifakkar li x-xogħol mhux iddikjarat ma jipprovdilhomx bi protezzjoni soċjali u jikkomprometti l-kundizzjonijiet ta' saħħa u sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol; jistenna, għalhekk, li l-pjattaforma Ewropea kontra x-xogħol mhux iddikjarat li tipprevjeni u tiskoraġġixxi x-xogħol mhux iddikjarat, peress li l-ekonomija mhux iddikjarata thedded is-sigurtà tax-xogħol, taffettwa l-kwalità tal-kura u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' ħafna carers mhux iddikjarati, tpoġġi s-sostenibbiltà tas-sistema tas-servizz soċjali f'riskju u tnaqqas l-introjtu mit-taxxa għall-kaxxa tal-istat;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu f'aktar modi u modi aħjar ta' prevenzjoni, kxif u ġlieda kontra l-ammont konsiderevoli ta' impjieg mhux iddikjarat fis-settur tax-xogħol domestiku u l-kura, speċjalment fir-rigward tal-każijiet ta' traffikar tal-bnedmin u l-abbuż tax-xogħol u dawk li jinvolvu kumpaniji li jipprovdu servizzi domestiċi u ta' kura li jużaw l-impjieg indipendenti mhux iddikjarat u fittizju, biex ikunu protetti l-ħaddiema u tkun promossa t-tranżizzjoni minn xogħol mhux iddikjarat għal xogħol iddikjarat permezz ta' protezzjoni aħjar u aktar mekkaniżmi u aktar razzjonalizzati għall-kontroll u l-ispezzjoni tax-xogħol;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw id-disponibilità ta' mezzi legali ta' migrazzjoni lejn l-UE u biex jiġu introdotti programmi ta' migrazzjoni legali u mmirata; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jistabbilixxu ftehimiet bilaterali ma' dawk l-Istati li l-istatistika turi li huma pajjiżi ta' oriġini tal-ħaddiema domestiċi u l-carers, sabiex jirregolarizzaw il-fluss mittenti u riċeventi, biex b'dan il-mod jgħinu fil-ġlieda kontra t-traffikar u x-xogħol furzat għan-netwerks, izda jiskoraġġixxu, madankollu, il-fenomenu tad-dumping soċjali; jistieden lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Immigranti Kollha u tal-Membri tal-Familja Tagħhom adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 1999;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu skemi ta' regolarizzazzjoni abbażi tal-lezzjonijiet miksuba minn esperjenzi fil-passat bħala mezz biex titnaqqas l-espożizzjoni tal-ħaddiema migranti f'sitwazzjoni irregolari għall-isfruttament u l-abbuż; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jipproteġu ħaddiema domestiċi u l-carers mhux iddikjarati meta jiddeċiedu li joħorġu miċ-ċirku vizzjuż tax-xogħol "moħbi";

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-investigazzjoni ta' każijiet ta' traffikar għall-isfruttament tal-bniedem, u b'mod aktar speċifiku għax-xogħol domestiku, biex itejbu l-mekkaniżmi ta' identifikazzjoni u protezzjoni ta' dawn il-vittmi u biex jinvolvu lill-NGOs, it-trejdjunjins, l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini kollha fil-proċess tal-iskoperta ta' traffikar u ta' forom gravi ta' sfruttament;

23.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jestendu l-istrumenti u l-mekkaniżmi stabbiliti għall-indirizzar tat-traffikar, bħall-mekkaniżmi ta' referenza jew permessi ta' residenza temporanja, u biex jiġu riveduti bil-ħsieb li jitwessa' l-ambitu ta' applikazzjoni tagħhom għal każijiet ta' sfruttament gravi li ma jinvolvux it-traffikar;

24.  Jistieden lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189, jistabbilixxu mekkaniżmi għall-ilmenti effettivi u aċċessibbli u mezzi ħalli tiġi żgurata l-konformità mal-liġijiet u regolamenti nazzjonali għall-protezzjoni tal-ħaddiema domestiċi; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri għall-ispezzjonijiet tax-xogħol, l-infurzar u l-penali b'rispett xieraq għall-karatteristiċi speċjali tax-xogħol domestiku, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali; jitlob li, sa fejn ikun kompatibbli mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali, dawn il-miżuri jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li skonthom jista' jingħata aċċess għall-unitajiet domestiċi, b'rispett xieraq għall-privatezza; jitlob lill-Istati Membri, f'konformità mar-regolamenti nazzjonali, li jikkunsidraw mekkaniżmi biex jindirizzaw b'mod effettiv l-abbużi, bħall-ispezzjonijiet interni f'każijiet fejn hemm raġunijiet għal suspett ta' abbuż;

25.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' spezzjonijiet ta' kontroll, monitoraġġ u superviżjoni tal-impjieg tal-ħaddiema domestiċi nisa u tal-ħaddiema nisa fis-settur tal-kura, amministrati minn kumpaniji jew aġenziji ta' impjieg u jappella għall-ħtieġa li jiżdied in-numru ta' spetturi tal-gvern u tal-ispezzjonijiet għall-verifika tal-konformità mal-liġi;

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iżidu l-ispezzjonijiet, u biex isibu metodi innovattivi ta' spezzjoni li jirrispettaw il-privatezza, speċjalment rigward djar privati meta l-ispetturi ma jistgħux jidħlu mingħajr awtorizzazzjoni minn qorti, u biex jinformaw u jagħtu taħriġ lill-ispetturi sabiex jeliminaw it-trattament ħażin, l-isfruttament, inkluż l-isfruttament finanzjarju, u l-atti ta' vjolenza jew abbuż sesswali kontra ħaddiema domestiċi;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jorganizzaw kampanji biex tittejjeb il-viżibbiltà u jittejjeb l-għarfien tal-benefiċċji tax-xogħol domestiku u ta' kura regolarizzat fost il-pubbliku ġenerali u l-korpi privati, bil-ħsieb li tingħata dinjità lill-professjoni u jiġi rikonoxxut ir-rwol importanti u l-kontribut tal-ħaddiema domestiċi nisa u tal-ħaddiema nisa fis-settur tal-kura għall-funzjonament tas-soċjetà; fl-istess ħin, jistieden lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza dwar l-eżistenza tal-isfruttament estrem f'unitajiet domestiċi privati billi jistabbilixxu l-għan ta' tolleranza żero fir-rigward tal-isfruttament ta' dawn il-ħaddiema;

28.  Jistieden lill-Istati Membri jniedu kampanji biex iqajmu kuxjenza dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ħaddiema domestiċi u l-ħaddiema fis-settur tal-kura u l-impjegaturi u r-riskji u l-impatt ta' sfruttament fis-settur tax-xogħol domestiku, u jippromwovu r-rikonoxximent tax-xogħol domestiku u ta' kura; jissuġġerixxi lill-Istati Membri li jiżviluppaw programmi ta' pjan direzzjonali;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw u jtejbu, f'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali, mezzi ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers kif ukoll jiżguraw l-ogħla aċċessibbiltà ta' informazzjoni għall-ħaddiema kollha; jirrakkomanda, għal dan il-għan, li jiġu stabbiliti punti ta' informazzjoni, fuq il-bażi tal-aħjar prattika fl-Istati Membri, fil-livell reġjonali u lokali, linji telefoniċi għall-għajnuna u siti web li jipprovdu assistenza, informazzjoni wkoll fil-forma ta' kampanji dwar id-drittijiet tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers f'kull Stat Membru bil-lingwa nazzjonali u lingwi oħra xierqa; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħal organizzazzjonijiet li jaħdmu f'isem in-nisa u migranti għandhom ukoll ikunu jistgħu jipprovdu din l-informazzjoni; jirrimarka li dawn l-għodod għandhom jiġu żviluppati wkoll b'mod li jippermettu l-aħjar prattika, pariri u gwida rilevanti li għandha tingħata lill-impjegaturi possibbli, inklużi familji u aġenziji u li għandhom jiġu offruti mudelli ta' kuntratti ta' impjieg sabiex jiġi żgurat li l-impjegaturi jwettqu r-responsabbilitajiet tagħhom;

30.  Jappella għal azzjoni riġida kontra kumpaniji fi kwalunkwe settur, li l-mudell kummerċjali tagħhom huwa bbażat fuq l-isfruttament ta' ħaddiema f'sitwazzjoni irregolari, sabiex in-nefqa tal-operat tinżamm baxxa kemm jista' jkun, biex jimmassimizzaw il-profitti u biex kumpaniji legali jinqatgħu mill-kompetizzjoni;

31.  Jenfasizza r-rwol importanti li t-trejdjunjins jistgħu jwettqu fl-organizzar u l-informar tal-ħaddiema dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom; jinnota li dan huwa mod kif il-ħaddiema domestiċi jiġu rappreżentati b'leħen wieħed, biex ikunu jistgħu jinnegozjaw kollettivament il-kuntratti tagħhom u jiddefendu d-drittijiet u l-interessi tagħhom;

32.  Jitlob għal rappreżentanza tajba tas-sħab soċjali fil-livelli Ewropej u nazzjonali, u b'mod partikolari t-trejdjunjins, sabiex jintensifikaw il-ftehim kollettiv settorjali skont il-prattiki nazzjonali sabiex ikunu avvanzati u inforzati b'mod effettiv kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti f'dawn is-setturi; jitlob ukoll għal rappreżentanza tajba ta' organizzazzjonijiet professjonali, organizzazzjonijiet li jaħdmu ma' u f'isem il-ħaddiema domestiċi u l-carers u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn tas-soċjetà ċivili u li jiġi żgurat li jkunu kompletament konxji mill-isfidi tal-ħarsien tad-drittijiet tax-xogħol tan-nisa impjegati bħala ħaddiema domestiċi jew carers;

33.  Jiddispjaċih li l-ħaddiema domestiċi nisa u ta' ħaddiema nisa fis-settur tal-kura għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins ta' Stati Membri differenti u jħeġġeġ biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta' dawn il-ħaddiema fit-trejdjunjins;

34.  Jenfasizza wkoll l-importanza tar-raggruppament tal-impjegaturi f'federazzjonijiet jew f'tipi oħra ta' organizzazzjonijiet fil-livell nazzjonali, għax iqis li mingħajr tali organizzazzjonijiet tal-impjegatur, l-isforzi biex ikun leġittimat ix-xogħol domestiku u ta' kura, kif ukoll biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-attrazzjoni ta' dawn l-impjiegi, se jkun għalxejn;

35.  Jinnota li l-impjegaturi b'unità domestika privata għandhom rwol primordjali li għandhom jassumu fl-osservanza tal-istandards u d-drittijiet xierqa ta' xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti għandha tkun disponibbli għall-impjegatur u għall-impjegati;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi meħtieġa biex timmonitorja u tiddokumenta aħjar lill-professjoni vulnerabbli u sottovalutata tal-ħaddiema domestiċi u l-carers u biex tipproponi azzjonijiet biex jiġi indirizzat dan il-fenomenu;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-aġenziji kompetenti Ewropej biex iwettqu studju li jqabbel sistemi differenti ta' xogħol domestiku regolarizzat u biex jiġbru data fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri; huwa tal-fehma li din id-data għandha tintuża fi skambju ta' prattiki tajbin fost l-Istati Membri, sabiex, b'mod partikolari tkun ottimizzata l-ġlieda kontra l-isfruttament tal-ħaddiema domestiċi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tniedi studju dwar il-kontribut tal-carers u tal-ħaddiema domestiċi lis-sistemi tal-protezzjoni soċjali tal-Istati Membri u l-ekonomiji;

38.  Jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aqwa prattiki fost l-Istati Membri sabiex jissaħħu l-azzjonijiet u l-impatti;

39.  Jemmen li l-adozzjoni u l-aġġustament tal-aħjar prattiki minn ċerti Stati Membri jistgħu jwasslu għal forom ta' impjieg regolari għall-ħaddiema domestiċi u l-carers;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiġbru, janalizzaw u jippubblikaw data statistika affidabbli maqsuma skont l-età, is-sess u n-nazzjonalità sabiex ikunu possibbli diskussjonijiet infurmati filwaqt li jkunu mfittxija l-aqwa soluzzjonijiet dwar kif jiġi professjonalizzat is-settur tax-xogħol domestiku u jitlob li l-EUROFOUND u l-OSHA jkollhom il-kompitu li joħolqu metodi biex jipprovdu protezzjoni, jitressqu l-ilmenti u jqajmu kuxjenza;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkludi diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni tas-setturi tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers fl-aġenda tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO);

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri meta jkunu qed jirrevedu u jipproponu atti legali rilevanti jew leġiżlazzjoni nazzjonali rispettivament biex jiżguraw li qed jitqiesu l-interessi tal-ħaddiema domestiċi u tal-carers filwaqt li jirrispettaw il-kompetenzi nazzjonali;

43.  Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni soċjali u ekonomiċi kbar tal-membri tal-familja li jaġixxu bħala carers u loluntiera (kura informali) u r-responsabbiltajiet dejjem akbar tagħhom bit-tnaqqis fil-provvista tas-servizzi jew biż-żieda fl-ispejjeż ta' dawn;

44.  Jinnota li hemm żieda fin-numru ta' persuni li qed jgħixu taħt kura istituzzjonalizzata għal perijodu twil u aktar esklużjoni soċjali tal-persuni b'diżabbiltà fl-UE, li huwa ksur dirett tal-impenji tal-UE taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà u l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabbiltà 2010-2020;

45.  Jemmen li għandu jingħata inkoraġġiment lill-iżvilupp ta' arranġamenti sussidjati għal kura fid-dar li jippermettu lill-persuni b'diżabbiltà li jgħixu indipendentament u li jagħżlu l-professjonisti kwalifikati li ser jieħdu ħsiebhom fi djarhom stess, b'mod partikolari f'każijiet ta' diżabbiltà gravi;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw aċċess usa' għal kura tat-tfal faċilment disponibbli u bi prezz raġonevoli u ta' kwalità għolja, kura tal-persuni b'diżabbiltà u l-faċilitajiet ta' kura tal-anzjani, biex b'hekk jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-raġunijiet biex dawn id-dmirijiet jitwettqu fuq bażi informali jew prekarja u jittejjeb ir-rikonoxximent tal-valur tax-xogħol magħmul minn dawk li jagħtu l-kura b'mod professjonali; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżviluppaw servizzi li jappoġġjaw carers formali jew informali tal-familja;

47.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu r-reklutaġġ fis-servizzi tal-kura soċjali u jaħdmu biex iżidu l-attraenza tas-settur bħala għażla ta' karriera vijabbli;

48.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fil-ħolqien ta' impjiegi stabbli u ta' kwalità għolja fis-settur tax-xogħol domestiku u ta' kura, inkluż permezz ta' fondi tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI);

49.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu u jippromwovu soluzzjonijiet innovattivi u investiment fis-servizzi soċjali u tas-saħħa, li għandhom potenzjal kbir għall-ħolqien tax-xogħol, huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-soċjetajiet li qed jixjieħu tagħna u t-tibdil demografiku b'mod ġenerali, kif ukoll huma neċessarji biex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjali negattivi tal-kriżi;

50.  Jitlob lill-Kummissjoni biex isir skambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattika mill-assoċjazzjonijiet u l-kooperattivi ta' ħaddiema domestiċi u ħaddiema fis-settur tal-kura li huma parti minn mudelli tal-ekonomija soċjali fl-UE;

51.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ħolqien ta' kooperattivi tal-ħaddiema fis-setturi tal-kura u servizzi fl-unitajiet domestiċi, b'attenzjoni speċjali għaż-żoni rurali, minħabba l-effetti pożittivi li dan se jkollu fuq il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli, speċjalment għal dawk il-ħaddiema li għandhom diffikultà sabiex jintegraw fis-suq tax-xogħol;

52.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħaddiema domestiċi ta' età żgħira ma jabbandunawx l-iskola sabiex jibdew jaħdmu;

53.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol, jistieden ukoll lill-Istati Membri jimplimentaw din id-Direttiva b'mod konsistenti;

54.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw inċentivi li jinkoraġixxu l-użu ta' ħaddiema domestiċi u carers ddikjarati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw sistemi sempliċi ta' dikjarazzjoni sabiex jiġi skoraġġut u indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat, kif irrakkomandat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-opinjoni tiegħu dwar l-iżvilupp tas-servizzi għall-familja biex ir-rata tal-impjiegi tiżdied u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fix-xogħol (SOC/508); jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, fuq il-linji ta' mudelli ta' suċċess li ġġeneraw impatt soċjali fuq is-settur f'termini soċjali u tax-xogħol pereżempju l-"vawċers għas-servizz" introdotti mill-Belġju jew "iċ-ċekk ta' xogħol ta' servizz universali (CESU)" fi Franza;

55.  Jemmen li jkun utli li l-leġiżlazzjoni tiġi adattata biex toħloq arranġamenti kuntrattwali flessibbli bejn il-ħaddiema domestiċi u l-carers u l-impjegaturi fl-unitajiet domestiċi, sabiex iż-żewġ partijiet ikunu jistgħu jużaw/joffru servizzi domestiċi bl-aħjar konvenjenza tagħhom, filwaqt li jiġi ggarantit il-ħarsien tal-ħaddiema;

56.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri li regolamentazzjoni ċara għal impjieg legali ta' ħaddiema domestiċi u carers għandha tkun appoġġjata minn inċentivi għal ħaddiema domestiċi kif ukoll l-impjegaturi potenzjali tagħhom biex jagħżlu l-forma legali ta' impjieg; jitlob ukoll lill-Istati Membri biex jeliminaw l-ostakoli legali li bħalissa qed jillimitaw b'mod konsiderevoli l-impjieg dirett u ddikjarat ta' impjegati mill-familji;

57.  Itenni l-appell tal-Parlament għal djalogu settorjali strutturat fis-settur tal-prestazzjoni tal-kura(17);

58.  Jistieden lill-Istati Membri li jqiegħdu l-au pairs mill-UE u dawk mhux mill-UE fuq l-istess livell billi jagħtuhom permess konġunt ta' residenza/xogħol li jispeċifika l-ħinijiet tax-xogħol, it-tip ta' kuntratt u t-termini tal-ħlas; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-ftehim tal-Kunsill tal-Ewropea dwar il-kollokament au pair; jitlob li l-Istati Membri jtejbu s-sistema ta' akkreditazzjoni u l-mekkaniżmi ta' kontroll għall-aġenziji au pair;

59.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-au pairs jingħataw rikonoxximent formali, b'konformità mal-Ftehim Ewropew dwar il-Kollokament Au Pair u għal żieda fl-ispezzjonijiet sabiex dawn ma jsirux sostitut informali u rħis għall-ħaddiema domestiċi u l-ħaddiema fis-settur tal-kura;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-ħaddiema domestiċi u l-carers fl-Ewropa jkunu vvalutati bħala bnedmin u jkunu kapaċi jkollhom bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inkluż li jkunu koperti mid-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol (2003/88/KE), sabiex l-impjegati jkollhom perjodi ta' mistrieħ essenzjali u ma jiġux sforzati jaħdmu sigħat eċċessivi;

61.  Jitlob lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja, peress li dan ikollu l-benefiċċju li jappoġġja lin-nisa biex jibqgħu f'impjieg imħallas u jnaqqas id-differenza futura bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa;

62.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-ħaddiema domestiċi u l-carers jirċievu kontribuzzjonijiet tal-pensjoni f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

63.  Jistieden lill-Istati Membri b'paga minima nazzjonali sabiex jiżguraw li l-ħaddiema domestiċi u l-carers kollha jitħallsu b'din ir-rata bħala minimu;

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-ILO.

(1) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 1.
(2) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 39.
(3) ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 138.
(4) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.
(5) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0218.
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0050.
(8) ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 21.
(9) Testi adottati, P7_TA(2014)0068.
(10) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 9.
(11) SOC/372 – CESE 336/2010 fin.
(12) ĠU L 32, 1.2.2014, p. 32.
(13) ĠU C 377E, 7.12.2012, p. 128.
(14) Il-ħaddiema domestiċi madwar id-dinja: Statistika reġjonali u globali u l-livell ta' protezzjoni legali, l-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol, Ġinevra: ILO, 2013.
(15) Ibidem.
(16) Ibidem.
(17) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 (ĠU C 75, 26.2.2016, p. 130).

Avviż legali - Politika tal-privatezza