Indiċi 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2800(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0838/2016

Testi mressqa :

B8-0838/2016

Dibattiti :

PV 28/06/2016 - 4
CRE 28/06/2016 - 4

Votazzjonijiet :

PV 28/06/2016 - 5.1
CRE 28/06/2016 - 5.1

Testi adottati :

P8_TA(2016)0294

Testi adottati
PDF 252kWORD 67k
It-Tlieta, 28 ta' Ġunju 2016 - Brussell Verżjoni finali
Ir-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit
P8_TA(2016)0294B8-0838/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar id-deċiżjoni ta' ħruġ mill-UE bħala konsegwenza tar-referendum fir-Renju Unit (2016/2800(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jieħu nota tax-xewqa taċ-ċittadini tar-Renju Unit li joħorġu mill-UE; jirrimarka li r-rieda espressa mill-poplu trid tiġi rrispettata kompletament u bis-sħiħ, l-ewwel nett bl-attivazzjoni tal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) mill-aktar fis possibbli;

2.  Jenfasizza li dan huwa mument kruċjali għall-UE: jeħtieġ li l-interessi u l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-Unjoni jinġiebu lura fiċ-ċentru tad-dibattitu; jeħtieġ li l-proġett Ewropew jerġa' jiġi varat issa;

3.  Jenfasizza li r-rieda ta’ maġġoranza taċ-ċittadini tar-Renju Unit għandha tiġi rrispettata permezz ta' implimentazzjoni rapida u koerenti tal-proċedura ta' ħruġ;

4.  Jirrimarka li n-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jridu jibdew malli tiġi kkomunikata notifika formali;

5.  Iwissi li, għall-prevenzjoni ta' inċertezza li tagħmel ħsara lil kulħadd u għall-protezzjoni tal-integrità tal-Unjoni, in-notifika stipulata fl-Artikolu 50 tat-TUE trid issir mill-aktar fis possibbli; jistenna li l-Prim Ministru tar-Renju Unit jinnotifika l-eżitu tar-referendum lill-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2016; din in-notifika tagħti bidu għall-proċedura ta' ħruġ;

6.  Ifakkar li l-ftehim milħuq mill-kapijiet ta' stat u ta' gvern fi Frar 2016 kien jistipula li kellu jidħol fis-seħħ biss fil-każ li r-Renju Unit jiddeċiedi li jibqa' fl-UE; għaldaqstant huwa null u invalidu;

7.  Ifakkar li kwalunkwe relazzjoni ġdida bejn ir-Renju Unit u l-UE ma tistax tiġi miftiehma qabel ma jkun ġie konkluż il-ftehim dwar il-ħruġ;

8.  Ifakkar li l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew hija meħtieġa skont it-Trattati, u li l-Parlament irid ikun involut bis-sħiħ f'kull stadju tal-proċeduri varji li jikkonċernaw il-ftehim dwar il-ħruġ u kwalunkwe relazzjoni futura;

9.  Jistieden lill-Kunsill jaħtar il-Kummissjoni bħala negozjatur dwar l-Artikolu 50 tat-TUE;

10.  Jenfasizza li l-isfidi attwali jirrikjedu riflessjoni dwar il-ġejjieni tal-UE: hemm il-ħtieġa ta' riforma tal-Unjoni u li din tittejjeb u ssir aktar demokratika; jieħu nota li, filwaqt li xi Stati Membri jistgħu jagħżlu li jintegraw aktar bil-mod jew sa grad anqas, il-qalba tal-UE trid tiġi msaħħa, u li jeħtieġ li jiġu evitati soluzzjonijiet à la carte; iqis li l-ħtieġa li nippromwovu l-valuri komuni tagħna, nipprovdu stabbiltà, ġustizzja soċjali, sostenibbiltà, tkabbir u impjiegi, negħlbu l-inċertezza ekonomika u soċjali persistenti, nipproteġu liċ-ċittadini u nindirizzaw l-isfida tal-migrazzjoni tirrikjedi li niżviluppaw u niddemokratizzaw, b'mod partikolari, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif ukoll li nsaħħu l-politika estera u ta' sigurtà komuni; għalhekk iqis li r-riformi jridu jirriżultaw f'Unjoni li tipproduċi dak li ċ-ċittadini jistennew minnha;

11.  Jitlob pjan direzzjonali għal Unjoni mtejba abbażi ta' sfruttament sħiħ tat-Trattat ta' Lisbona, li għandu jiġu kkompletat b'reviżjoni tat-Trattati;

12.  Sejjer jadotta bidliet fl-organizzazzjoni interna tiegħu biex jirrifletti r-rieda ta’ maġġoranza taċ-ċittadini tar-Renju Unit li joħorġu mill-Unjoni Ewropea;

13.  Jieħu nota tar-riżenja tal-Kummissarju tar-Renju Unit u tar-riallokazzjoni tal-portafoll tiegħu;

14.  Jitlob li l-Kunsill jibdel l-ordni tal-Presidenzi tiegħu sabiex ma jħallix li l-proċess ta' ħruġ jipperikola l-amministrazzjoni tal-ħidma ta' kuljum tal-Unjoni;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Gvernijiet tar-Renju Unit.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Ġunju 2017Avviż legali