Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2774(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0977/2016

Testi mressqa :

B8-0977/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/09/2016 - 9.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0344

Testi adottati
PDF 285kWORD 53k
L-Erbgħa, 14 ta' Settembru 2016 - Strasburgu
Żviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
P8_TA(2016)0344B8-0977/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2016 dwar l-iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2016/2774(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattati u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja(1),

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Kummissjoni fl-1 ta' Ġunju 2016 ta' opinjoni dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Lulju 2016 rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni ta' esperti tal-Kunsill tal-Ewropa tas-6 ta' Ġunju 2016 dwar it-tliet abbozzi ta' atti fir-rigward tal-midja tas-servizz pubbliku Pollakk,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-11 ta' Marzu 2016 dwar l-emendi għall-Att tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tal-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tat-13 ta' Ġunju 2016 dwar l-Att tal-15 ta' Jannar 2016 li jemenda l-Att dwar il-Pulizija u ċerti atti oħra,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tal-15 ta' Ġunju 2016 wara ż-żjara tiegħu fil-Polonja bejn id-9 u t-12 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huma prevalenti u billi dawn ġew approvati mill-poplu Pollakk fl-okkażjoni tar-referendum li sar fl-2003;

B.  billi l-Artikolu 6(3) tat-TUE jikkonferma li d-drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE;

C.  billi l-UE topera abbażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jikkonformaw mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-KEDB u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

D.  billi l-Artikolu 9 tal-Kostituzzjoni Pollakka jiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja tirrispetta d-dritt internazzjonali li huwa vinkolanti għaliha;

E.  billi l-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-UE, u billi l-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament u l-Kunsill, hija responsabbli skont it-Trattati biex tiggarantixxi r-rispett għall-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni u biex tiżgura li d-dritt, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati;

F.  billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija minquxa fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 6 tal-KEDB u hija rekwiżit essenzjali tal-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tas-setgħat, li huwa wkoll rifless fl-Artikolu 10 tal-Kostituzzjoni Pollakka;

G.  billi s-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura huma essenzjali għas-sistema demokratika u ma jridux jiġu mminati;

H.  billi l-avvenimenti reċenti fil-Polonja, b'mod partikolari t-tilwim rigward il-kompożizzjoni u l-funzjonament tat-Tribunal Kostituzzjonali, u n-nuqqas ta' pubblikazzjoni ta' sentenzi mogħtija mit-Tribunal Kostituzzjonali, taw lok għal tħassib rigward il-garanziji tar-rispett għall-istat tad-dritt;

I.  billi fl-opinjoni tagħha dwar l-emendi għall-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, il-Kummissjoni ta' Venezja talbet lill-korpi tal-Istat Pollakk jippubblikaw, jirrispettaw bis-sħiħ u jimplimentaw is-sentenzi tat-Tribunal, filwaqt li fl-istess ħin enfasizzat li l-emendi msemmija hawn fuq idgħajfu serjament il-ħidma tat-Tribunal u jagħmluh ineffikaċi bħala gwardjan tal-Kostituzzjoni;

J.  billi l-paraliżi tat-Tribunal Kostituzzjonali wasslet sabiex il-Kummissjoni tiftaħ djalogu mal-Gvern Pollakk taħt il-Qafas tal-Istat tad-Dritt bl-għan li jiġi żgurat rispett sħiħ għall-istat tad-dritt; billi, wara djalogu intensiv mal-awtoritajiet Pollakki u fid-dawl tan-nuqqas ta' progress min-naħa tal-Gvern Pollakk biex isolvi l-kriżi kostituzzjonali, il-Kummissjoni qieset li huwa neċessarju li tifformalizza l-valutazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni attwali f'opinjoni;

K.  billi, minkejja d-diskussjonijiet ulterjuri li saru mal-awtoritajiet Pollakki, il-kwistjonijiet li jheddu l-istat tad-dritt fil-Polonja ma ġewx solvuti b'mod sodisfaċenti u l-Kummissjoni temmen li teżisti theddida sistemika għall-istat tad-dritt fil-Polonja; billi, għaldaqstant, għamlet rakkomandazzjonijiet konkreti lill-awtoritajiet Pollakki dwar kif għandhom jindirizzaw it-tħassib tagħha bħala kwistjoni ta' urġenza;

L.  billi l-Qafas tal-Istat tad-Dritt huwa intiż biex jindirizza theddidiet sistemiċi għall-istat tad-dritt fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tal-UE, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod effikaċi permezz ta' proċeduri ta' ksur u meta s-"salvagwardji tal-istat tad-dritt" li jeżistu fil-livell nazzjonali ma jibqgħux jidhru li huma kapaċi biex jindirizzaw dawn it-theddidiet b'mod effikaċi;

M.  billi l-UE ħadet l-impenn li tirrispetta l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll id-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 10 tal-KEDB, kif huwa rifless ukoll fl-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Pollakka;

N.  billi l-bidliet li diġà ġew adottati u li għadhom kif ġew issuġġeriti fil-liġi Pollakka dwar il-midja, speċjalment fir-rigward tal-governanza, l-indipendenza editorjali u l-awtonomija istituzzjonali tal-midja tas-servizz pubbliku, qajmu tħassib dwar jekk il-libertà tal-espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja humiex rispettati;

O.  billi esperti mill-Kunsill tal-Ewropa, wara li kellhom djalogu bejn l-esperti mal-awtoritajiet Pollakki dwar il-pakkett tat-tliet abbozzi ta' liġi dwar il-midja tas-servizz pubbliku, ikkonkludew li jeħtieġ li jkun hemm titjib, speċjalment fil-qasam tal-governanza, il-kontenut u l-missjoni pubblika u l-protezzjoni tal-ġurnalisti;

P.  billi d-drittijiet għal-libertà, għas-sigurtà, għar-rispett għall-ħajja privata kif ukoll għall-protezzjoni tad-data personali huma minquxa fl-Artikoli 6, 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikoli 5 u 8 tal-KEDB, kif ukoll fl-Artikoli 31 u 47 tal-Kostituzzjoni Pollakka;

Q.  billi l-Kummissjoni ta' Venezja, fl-opinjoni tagħha dwar emendi għall-Att dwar il-Pulizija u ċerti atti oħra, ikkonkludiet li s-salvagwardji proċedurali u l-kundizzjonijiet materjali stabbiliti fl-Att dwar il-Pulizija għall-implimentazzjoni tas-sorveljanza sigrieta mhumiex biżżejjed biex jiġi evitat l-użu eċċessiv ta' tali sorveljanza jew l-interferenza mhux ġustifikata fil-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-individwi; ifakkar, f'dan ir-rigward, li kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu introdotti mekkaniżmi ta' sorveljanza effikaċi, u preferibbilment kontroll ġudizzjarju, sabiex tiġi garantita s-superviżjoni ta' tali attivitajiet;

R.  billi l-liġi l-ġdida kontra t-terroriżmu tqajjem tħassib simili fir-rigward tal-konformità, b'mod partikolari, mal-Artikoli 5, 8, 10 u 11 tal-KEDB u mal-Kostituzzjoni Pollakka;

S.  billi l-Kummissjoni Ewropea tqis li, sakemm it-Tribunal Kostituzzjonali jiġi impedut milli jiżgura bis-sħiħ rieżami kostituzzjonali effikaċi, mhux se jkun hemm skrutinju effikaċi ta' jekk strumenti leġiżlattivi bħalma huma l-atti leġiżlattivi ġodda, partikolarment sensittivi, li ġew adottati reċentement mis-Sejm humiex konformi mal-Kostituzzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet fundamentali;

T.  billi l-Kummissjoni ta' Venezja hija magħmula minn esperti indipendenti fid-dritt kostituzzjonali maħtura mill-membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluża l-Polonja, u billi l-opinjoni tagħha hija l-aktar interpretazzjoni awtorevoli tal-obbligi tal-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istat tad-dritt u d-demokrazija; billi l-Gvern Pollakk attwali fittex direttament l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja;

U.  billi d-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża huma drittijiet inkorporati fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni u l-Artikolu 6 tal-KEDB, u fl-Artikoli 41, 42 u 45 tal-Kostituzzjoni Pollakka;

V.  billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, fir-rapport tiegħu wara ż-żjara tiegħu fil-Polonja, ikkonkluda li l-bidliet adottati reċentement fil-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali u l-Att dwar il-Prosekuzzjoni jistgħu jipperikolaw il-protezzjoni tad-dritt għal proċess ġust fi proċedimenti kriminali, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża, speċjalment f'każijiet fejn is-salvagwardji li ġew stabbiliti mhumiex biżżejjed biex jiġu evitati abbużi ta' poter, u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat;

W.  billi, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa hija relatata ma' diversi drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja u għad-dinjità, il-libertà minn trattament inuman u degradanti, id-dritt ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-edukazzjoni u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, kif huwa rifless ukoll fil-Kostituzzjoni Pollakka;

X.  billi sistema tas-servizz ċivili effiċjenti, imparzjali, professjonali u politikament newtrali tikkostitwixxi element fundamentali tal-governanza demokratika, iżda billi l-liġi l-ġdida dwar is-servizz ċivili tidher li timmina dan il-prinċipju kif ukoll l-Artikolu 153 tal-Kostituzzjoni Pollakka;

Y.  billi t-Tribunal Kostituzzjonali tal-Polonja ddikjara li għadd ta' dispożizzjonijiet tal-liġi adottata fit-22 ta' Lulju 2016 għadhom antikostituzzjonali;

Z.  billi l-Ministru Pollakk għall-Ambjent approva pjan biex iżid l-estrazzjoni tal-injam fil-Foresta Białowieża; billi, meta l-Kunsill Nazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura oġġezzjona għal dan il-pjan, il-Gvern issostitwixxa 32 mid-39 membru tiegħu; billi fis-16 ta' Ġunju 2016 il-Kummissjoni bdiet proċedura ta' ksur fir-rigward tal-Foresta Białowieża;

1.  Jenfasizza li huwa ta' importanza fundamentali li jiġi garantit li l-valuri komuni Ewropej elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Kostituzzjoni Pollakka jiġu rispettati bis-sħiħ u li d-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiġu garantiti;

2.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu kif esprimieha fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja, b'mod partikolari rigward il-paraliżi tat-Tribunal Kostituzzjonali, li qed tipperikola d-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fil-Polonja;

3.  Jesprimi d-dispjaċir u t-tħassib tiegħu li sa issa ma nstabet l-ebda soluzzjoni ta' kompromess u li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-11 ta' Marzu 2016 ma ġewx implimentati; jiddispjaċih ukoll għar-rifjut tal-Gvern Pollakk li jippubblika s-sentenzi kollha tat-Tribunal Kostituzzjonali, inklużi dawk tad-9 ta’ Marzu 2016 u tal-11 ta' Awwissu 2016;

4.  Jilqa' d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li ssegwi djalogu kostruttiv u produttiv mal-Gvern Pollakk bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet rapidi u konkreti għat-theddid sistemiku għall-istat tad-dritt spjegati hawn fuq; jenfasizza li tali djalogu jeħtieġ li jiżvolġi b'mod imparzjali, kooperattiv u li jkun ibbażat fuq l-evidenza, filwaqt li jirrispetta l-kompetenzi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha kif minqux fit-Trattati, u l-prinċipju tas-sussidjarjetà;

5.  Jieħu nota tal-adozzjoni tal-opinjoni tal-Kummissjoni u tar-rakkomandazzjoni sussegwenti tagħha skont il-Qafas tal-Istat tad-Dritt, wara valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Polonja; jistenna li l-Kummissjoni tagħti aċċess lill-Parlament għal din l-opinjoni, f'konformità mal-Anness II tal-Ftehim ta' Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea;

6.  Jistieden lill-Gvern Pollakk jikkoopera mal-Kummissjoni skont il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali kif stabbilit fit-Trattat, u jħeġġu juża t-tliet xhur mogħtija lilu mill-Kummissjoni biex jinvolvi lill-partijiet kollha rappreżentati fis-Sejm Pollakk ħalli jsibu kompromess li jkun kapaċi jsolvi l-kriżi kostituzzjonali li għaddejja bħalissa, b'rispett sħiħ għall-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, biex timmonitorja, bħala l-pass li jmiss, is-segwitu mogħti mill-awtoritajiet Pollakki għar-rakkomandazzjonijiet, filwaqt li tkompli toffri appoġġ sħiħ lill-Polonja biex jinstabu soluzzjonijiet adegwati għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt;

8.  Jinsab imħasseb, fin-nuqqas ta' Tribunal Kostituzzjonali li jiffunzjona bis-sħiħ, dwar l-iżviluppi leġiżlattivi reċenti u rapidi li qed isiru f'oqsma oħra mingħajr konsultazzjonijiet xierqa, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata fir-rigward tal-kompatibilità tagħha mad-dritt primarju u sekondarju tal-UE u mal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, filwaqt li jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-11 ta' Ġunju 2016 u mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa fil-15 ta' Ġunju 2016 u tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt tas-27 ta' Lulju 2016, b'mod partikolari:

   l-Att dwar il-Midja Pubblika, b'kont meħud tal-ħtieġa ta' qafas li jirregola l-midja tas-servizz pubbliku li jkun jiżgura li din tipprovdi kontenut indipendenti, imparzjali u preċiż li jirrifletti d-diversità tas-soċjetà Pollakka, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-acquis tal-UE fil-qasam tal-midja awdjoviżiva;
   l-Att li jemenda l-Att dwar il-Pulizija u ċerti atti oħra, b'kont meħud tal-interferenza sproporzjonata fid-dritt għall-privatezza u l-inkompatibilità ta' attivitajiet ta' sorveljanza tal-massa ġeneralizzata u l-ipproċessar f'daqqa ta' data personali taċ-ċittadini mal-ġurisprudenza tal-UE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
   l-Att li jemenda l-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali u l-Att dwar il-Prosekuzzjoni, b'kont meħud tal-ħtieġa ta' konformità mal-acquis tal-UE fil-qasam tad-drittijiet proċedurali kif ukoll id-dritt fundamentali għal proċess ġust;
   l-Att li jemenda l-Att dwar is-Servizz Ċivili, b'kont meħud tar-riskju serju ta' politiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni Pollakka, li jista' jimmina l-imparzjalità tas-servizz ċivili;
   l-Att dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, b'kont meħud tat-theddida serja għad-dritt għall-privatezza u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni rappreżentati bl-espansjoni tal-poteri tal-Aġenzija tas-Sigurtà Interna mingħajr salvagwardji ġudizzjarji xierqa;
   kwistjonijiet oħra li huma ta' tħassib peress li jistgħu jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-UE, tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat regolarment u mill-qrib, b'mod trasparenti, dwar il-progress li jsir u l-azzjoni meħuda;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President tar-Repubblika tal-Polonja.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0123.

Avviż legali - Politika tal-privatezza