Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2723(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0419/2017

Dibattiti :

PV 15/06/2017 - 4.2
CRE 15/06/2017 - 4.2

Votazzjonijiet :

PV 15/06/2017 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2017)0268

Testi adottati
PDF 338k
Il-Ħamis, 15 ta' Ġunju 2017 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Il-Pakistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-piena tal-mewt
P8_TA-PROV(2017)0268B8-0419, 0421, 0422, 0423 u 0429/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-Pakistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-piena tal-mewt (2017/2723(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Impenn ta' Ħames Snin bejn l-UE u l-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Indikattiv Pluriennali (MIP) UE-Pakistan 2014-2020,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-Pakistan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-kelliem tagħha dwar il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, b'mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Pakistan hu firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin, dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar il-Piena tal-Mewt, u l-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Pakistan kellu moratorju fuq il-piena tal-mewt fis-seħħ sal-2015, iżda reġa' introduċiha wara l-massakru fl-iskola pubblika tal-armata f'Peshawar f'Diċembru 2014; billi t-tneħħija tal-moratorju inizjalment kienet biss għal attivitajiet terroristiċi, iżda sussegwentement ġiet estiża għar-reati kapitali kollha;

B.  billi l-Pakistan illum il-ġurnata għandu waħda mill-ikbar popolazzjonijiet fid-dinja ta' priġunieri kkundannati għall-mewt; billi ġew rappurtati każijiet ta' persuni ġġustizzjati waqt li l-mekkaniżmi ta' appell kienu għadhom għaddejjin;

C.  billi l-"liġi tal-blasfemija" tal-Pakistan (Taqsima 295-C tal-Kodiċi Penali) iġġorr magħha sentenza tal-mewt mandatorja; billi attwalment mijiet ta' nies qed jistennew li jiġu proċessati mill-qrati, u għadd ta' individwi qed jistennew li jiġu ġġustizzjati fuq akkużi ta' "blasfemija"; billi l-liġi hi meqjusa li fiha definizzjonijiet vagi li jagħtu lok għal abbuż kontra dissidenti politiċi jew biex tiġi msikkta kwalunkwe kritika leġittima fil-konfront tal-istituzzjonijiet u entitajiet oħra tal-istat;

D.  billi f'Marzu 2017, il-Prim Ministru ordna projbizzjoni fuq kwalunkwe materjal "blasfem" online, u l-awtoritajiet tal-Pakistan talbu l-kumpaniji tal-midja soċjali biex jgħinuhom jidentifikaw ċittadini Pakistani ssuspettati li wettqu "blasfemija"; billi fl-14 ta' April 2017, Mashal Khan, student fl-Università Abdul Wali Khan, inqatel minn ġemgħa ta' studenti oħra wara li ġie akkużat li ppubblika materjal "blasfem" online; billi fl-10 ta' Ġunju 2017, qorti ta' kontra t-terroriżmu fil-Pakistan ikkundannat lil Taimoor Raza għall-mewt talli allegatament wettaq att ta' "blasfemija" fuq Facebook; billi l-attivista Baba Jan u 12-il dimostant oħra ngħataw sentenzi ta' ħabs għal għomorhom, l-aktar sentenza ħarxa li qatt ingħatat lil persuni li ħadu sehem f'dimostrazzjonijiet;

E.  billi l-Assemblea Nazzjonali tal-Pakistan għaddiet riżoluzzjoni fit-18 ta' April 2017, li kkundannat il-qtil ta' Mashan Khan minn ġemgħa vjolenti fuq allegazzjonijiet ta' "blasfemija"; billi s-Senat iddibatta riformi biex jitrażżan l-abbuż;

F.  billi l-qrati militari ġew awtorizzati għal sentejn, filwaqt li l-ġudikatura ċivili suppost kellha tiġi msaħħa; billi ftit sar progress fl-iżvilupp tal-ġudikatura, u fit-22 ta' Marzu 2017, il-qrati militari b'mod kontroversjali reġgħu ġew introdotti wara perjodu ieħor ta' sentejn;

G.  billi ġew innotati diversi episodji fejn fil-Pakistan, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dissidenti politiċi u membri ta' minoranzi jew gruppi reliġjużi bħall-Ahmadiyya esperjenzaw intimidazzjoni, attakki, priġunerija, tortura, fastidju u saħansitra qtil; billi informazzjoni miġbura mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju u mill-NGOs żvelat li l-għajbien furzat qed isir mill-awtoritajiet tas-sigurtà u tal-infurzar tal-liġi, inkluż il-pulizija u l-aġenziji tal-intelligence; billi lanqas awtur wieħed ma ġie proċessat b'suċċess mill-qrati;

H.  billi ċ-ċittadin Indjan Kulbhushan Jadhav instab ħati minn qorti militari f'April 2017 u ġie kkundannat għall-mewt; billi l-każ bħalissa jinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali minħabba li ġie miċħud lilu d-dritt ta' aċċess konsolari; billi fl-4 ta' Mejju 2017, tifel ta' 10 snin inqatel u ħames persuni oħra ndarbu f'attakk minn ġemgħa nies fuq għassa tal-pulizija f'Balochistan, attakk li hu maħsub li kien immotivat minn allegazzjonijiet ta' "blasfemija"; billi fit-30 ta' Mejju 2017, l-allegat stupru ta' adolexxenti (li fil-midja lokali ssemmiet biss bl-isem ta' "Shumaila") minn membru tal-familja tagħha f'Rajanpur wassal biex il-vittma ġiet ikkundannata għall-mewt minn qorti tribali; billi dawn il-każijiet mhumiex avvenimenti iżolati;

I.  billi l-każ ta' Aasiya Noreen, magħrufa aħjar bħala Asia Bibi, għadu kwistjoni ta' importanza serja rigward id-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan; billi Asia Bibi, mara Nisranija Pakistana, instabet ħatja ta' atti blasfemi minn qorti Pakistana u ġiet ikkundannata għall-mewt permezz ta' tgħalliq fl-2010; billi, jekk tinqatel, Asia Bibi tkun l-ewwel mara li tkun inqatlet legalment fil-Pakistan għal atti blasfemi; billi diversi petizzjonijiet internazzjonali talbu l-ħelsien tagħha peress li kienet qed tiġi ppersegwitata minħabba r-reliġjon tagħha; billi l-Ministru tal-Minoranzi Nisrani Shahbaz Bhatti u l-politiku Musulman Salmaan Taseer inqatlu minn vigilantes talli qabżu għaliha u tkellmu kontra l-"liġijiet dwar atti blasfemi"; billi minkejja s-sospensjoni temporanja tal-piena tal-mewt ta' Asia Bibi, hija għadha l-ħabs sal-lum u l-familja tagħha għadha moħbija;

J.  billi r-repressjoni tal-NGOs qed tkompli għaddejja; billi, bl-iskuża tal-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali kontra t-terroriżmu, il-membri ta' diversi NGOs ġew intimidati u ffastidjati, waqt li l-uffiċċji ta' wħud minnhom ġew magħluqa;

K.  billi 12-il miljun mara m'għandhomx karta tal-identità nazzjonali, u għaldaqstant m'għandhomx id-dritt li jirreġistraw biex jivvotaw fl-elezzjonijiet; billi diversi missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE għamlu rakkomandazzjoni għal titjib fil-proċess elettorali għall-elezzjonijiet li ġejjin, li huma skedati għall-2018;

L.  billi l-Pakistan daħal fl-iskema GSP + fl-1 ta' Jannar 2014; billi din l-iskema jenħtieġ tipprovdi inċentiv qawwi għar-rispett tad-drittijiet ewlenin tal-bniedem u tal-ħaddiema, l-ambjent u l-prinċipji tal-governanza tajba;

M.  billi l-UE għadha impenjata għalkollox li tkompli d-djalogu u l-impenn tagħha mal-Pakistan taħt il-Pjan ta' Impenn ta' Ħames Snin u s-sostitut tiegħu;

1.  Itenni l-oppożizzjoni qawwija tal-UE għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jitlob li jkun hemm abolizzjoni universali tal-piena kapitali; jesprimi tħassib serju dwar id-deċiżjoni tal-Pakistan li jneħħi l-moratorju, waqt li l-iġġustizzjar issa qed ikompli b'rata allarmanti; jistieden lill-Pakistan jerġa' jdaħħal il-moratorju, bl-objettiv aktar fit-tul ta' abolizzjoni totali tal-piena tal-mewt;

2.  Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti tal-użu tal-piena tal-mewt fil-Pakistan wara proċessi mhux għalkollox korretti, l-eżekuzzjoni ta' persuni minorenni u persuni b'disturbi mentali, u allegazzjonijiet ta' tortura; jistieden lill-gvern jallinja d-dispożizzjonijiet dwar il-piena tal-mewt fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt u l-istandards internazzjonali, inkluż waqfien tal-iġġustizzjar għal kwalunkwe reat għajr il-qtil intenzjonat, projbizzjoni fuq l-eżekuzzjoni ta' delinkwenti minorenni u ta' persuni b'disturbi mentali, u moratorju fuq it-twettiq ta' eżekuzzjonijiet meta l-appelli jkunu għadhom pendenti;

3.  Jiddeplora r-rigress tal-Pakistan fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-binedem u l-istat tad-dritt, u b'mod partikolari ż-żieda fil-każijiet ta' qtil extraġudizzjarju u l-intimidazzjoni u l-użu tal-forza kontra l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-NGOs u persuni li jikkritikaw il-gvern; ifakkar l-obbligi tal-gvern tal-Pakistan li jiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali; jilqa' l-adozzjoni mill-Pakistan ta' Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jitlob li dan jissarraf fi progress tanġibbli; iwissi f'dan ir-rigward li l-UE tkun estremament imħassba jekk l-attivisti se jkomplu jkunu l-vittmi ta' tali prattiki, u jekk mhux se jkun innotat progress;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-libertà wiesgħa ta' operazzjoni li jgawdu l-forzi tas-sigurtà, u jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jiżgura skrutinju aqwa tal-azzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu investigazzjoni fil-pront u imparzjali tal-każijiet ta' qtil fil-kustodja u qtil mill-forzi tas-sigurtà, kif ukoll l-allegazzjonijiet ta' tortura, u biex jipproċessaw quddiem il-qrati lill-awturi ta' tortura u ta' qtil extraġudizzjarju;

5.  Jiddeplora l-użu ta' qrati militari fil-Pakistan, li jagħmlu s-seduti b'mod sigriet u għandhom ġurisdizzjoni fuq persuni ċivili; jinsisti li l-awtoritajiet tal-Pakistan jagħtu aċċess lill-osservaturi internazzjonali u lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem għall-finijiet ta' monitoraġġ tal-użu tal-qrati militari; jitlob ukoll li ssir tranżizzjoni immedjata u trasparenti lejn qrati ċivili indipendenti, skont l-istandards internazzjonali tal-proċedimenti ġudizzjarji; jenfasizza li ċittadini ta' pajjiżi terzi li jitressqu quddiem il-qrati jridu jingħataw aċċess għas-servizzi u l-protezzjoni konsulari;

6.  Jinsab imħasseb ferm dwar l-użu kontinwat tal-"liġi tal-blasfemija", u jemmen li din qed iżżid il-klima ta' intolleranza reliġjuża; jinnota s-sejbiet tal-Qorti Suprema tal-Pakistan li individwi akkużati bi "blasfemija" 'isofru tbatija bla proporzjon u li ma tistax tissewwa' fl-assenza ta' salvagwardji adegwati kontra l-applikazzjoni ħażina jew l-użu ħażin ta' dawn il-liġijiet; jistieden għaldaqstant lill-Gvern tal-Pakistan biex jirrevoka t-Taqsimiet 295-A, 295-B u 295-C tal-Kodiċi Penali, u biex jistabbilixxi salvagwardji proċedurali u istituzzjonali effettivi għall-prevenzjoni tal-użu ħażin ta' akkużi ta' "blasfemija"; jistieden ukoll lill-gvern biex jieħu pożizzjoni aktar soda ta' kundanna ta' atti ta' viġilantiżmu kontra persuni li allegatament iwettqu "blasfemija", u jħeġġu biex ma jużax ir-retorika tal-"blasfemija";

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex jieħu azzjoni urġenti ħalli jipproteġi l-ħajjiet u d-drittijiet tal-ġurnalisti u l-bloggers; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-talba magħmula mill-awtoritajiet tal-Pakistan lil Twitter u lil Facebook biex jiżvelaw informazzjoni dwar l-utenti tagħhom sabiex jidentifikaw lill-individwi suspettati bi "blasfemija"; jistieden lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan jemendaw l-Att dwar il-Prevenzjoni ta' Reati Elettroniċi tal-2016 u jneħħu d-dispożizzjonijiet b'firxa wiesgħa żżejjed għall-monitoraġġ u ż-żamma tad-data u għall-għeluq ta' siti web abbażi ta' kriterji vagi; jitlob ukoll li s-sentenzi tal-mewt kollha mogħtija għal akkużi ta' "blasfemija" jew oppożizzjoni politika jiġu mibdula, inkluża s-sentenza mogħtija lill-Taimoor Raza; jistieden f'dan il-kuntest lill-President tal-Pakistan biex jagħmel użu mis-setgħa tiegħu ta' klemenza;

8.  Jinnota l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Impenn ta' Ħames Snin UE-Pakistan, iżda jesprimi t-tama li l-Pjan ta' Impenn Strateġiku li għandu jiġi finalizzat fl-2017 ikun ambizzjuż u jgħin biex jissaħħu r-rabtiet bejn l-UE u l-Pakistan;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan isolvi, bl-aktar mod pożittiv u rapidu possibbli, il-każ li għaddej ta' Asia Bibi; jirrakkomanda li jittieħdu passi biex tiġi żgurata s-sikurezza tas-Sa Bibi u l-familja tagħha fid-dawl tat-trattament storiku ta' vittmi ta' allegazzjonijiet ta' atti blasfemi minn vigilantes u atturi mhux ġudizzjarji;

10.  Ifakkar li l-għoti ta' status GSP+ huwa kondizzjonali u li l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali hi rekwiżit essenzjali taħt din l-iskema; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan jagħmel sforzi qawwija biex jimplimenta s-27 konvenzjoni ewlenin u juri progress;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-SEAE jqajmu dawn il-kwistjonijiet mal-awtoritajiet tal-Pakistan waqt id-Djalogu regolari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Ġunju 2017Avviż legali